Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014TO0561(01)

    Digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 2016.
    European Citizens' Initiative One of Us et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Intervent – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Assoċjazzjoni rappreżentattiva li għandha bħala l-għan tagħha d-difiża tal-interessi tal-membri tagħha – Pubblikazzjoni tat-talba għal intervent fuq in-netwerk tal-internet – Abbuż proċedurali.
    Kawża T-561/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2016:173

    DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-EWWEL AWLA TAL-QORTI ĠENERALI

    16 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

    “Intervent — Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima — Assoċjazzjoni rappreżentattiva li għandha bħala l-għan tagħha d-difiża tal-interessi tal-membri tagħha — Pubblikazzjoni tat-talba għal intervent fuq in-netwerk tal-internet — Abbuż proċedurali”

    Fil-Kawża T‑561/14,

    Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “One of Us”, u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness, irrappreżentati minn C. de La Hougue, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J. Laitenberger u H. Krämer, sussegwentement minn M. Krämer, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn E. Waldherr u U. Rösslein, bħala aġenti,

    u minn

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Michoel u E. Rebasti, bħala aġenti,

    li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tal-Avviż tal-Kummissjoni COM (2014) 355 finali, tat-28 ta’ Mejju 2014, dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “One of Us”,

    IL-PRESIDENT TAL-EWWEL AWLA TAL-QORTI ĠENERALI

    jagħti l-preżenti

    Digriet

    Il-fatti u l-proċedura

    1

    Fil-25 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “One of Us” u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness, ippreżentaw rikors intiż għall-annullament, prinċipalment, tal-Avviż tal-Kummissjoni COM (2014) 355 finali, tat-28 ta’ Mejju 2014, dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “One of Us” (iktar ’il quddiem l-“avviż ikkontestat”) u, sussidjarjament, tal-Artikolu 10(1)(ċ) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, p. 1).

    2

    Skont l-Artikolu 24(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, is-sinteżi tar-rikors promotur ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Novembru 2014 (ĠU C 409, p. 45).

    3

    Permezz tal-atti ppreżentati quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fis-6 u fid-9 ta’ Frar 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, indikati, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, bħala partijiet konvenuti fir-rikors promotur, invokaw eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

    4

    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jiem, il-Parlament u l-Kunsill talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni f’każ li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn dan jikkonċernahom.

    5

    It-talbiet imsemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq ġew innotifikati lir-rikorrenti, lill-Kummissjoni, lill-Parlament, fir-rigward tat-talba tal-Kunsill, u lill-Kunsill, fir-rigward tat-talba tal-Parlament, skont l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

    6

    Permezz ta’ att ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2015, l-International Planned Parenthood Federation (iktar ’il quddiem l-“IPPF”) talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill.

    7

    Permezz ta’ att ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ April 2015, Marie Stopes International (iktar ’il quddiem “MSI”) talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill.

    8

    It-talbiet suesposti fil-punti 6 u 7 iktar ġew innotifikati lir-rikorrenti, lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

    9

    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Mejju u fit-2 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ressqu oġġezzjonijiet kontra t-talbiet għal intervent, ta’ MSI u tal-IPPF, rispettivament.

    10

    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Mejju u fit-12 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni indikat li ma għandhiex osservazzjonijiet x’tagħmel fir-rigward tat-talbiet għal intervent, ta’ MSI u tal-IPPF, rispettivament.

    11

    Il-Parlament u l-Kunsill ma ppreżentawx osservazzjonijiet dwar it-talbiet għal intervent suesposti fil-punti 6 u 7.

    12

    Permezz ta’ att ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ġunju 2015, MSI u l-IPPF informaw lill-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti kienu ppubblikaw fuq sit tal-internet it-talba għal intervent ta’ MSI fejn akkumpanjaw din il-pubblikazzjoni b’kummenti negattivi fir-rigward ta’ din l-organizzazzjoni. Iż-żewġ intervenjenti potenzjali stiednu lill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, li tuża l-mezzi li hija għandha, inkluża l-kundanna għall-ispejjeż, sabiex tevita abbużi futuri tal-proċedura ta’ natura simili mir-rikorrenti.

    13

    Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata abbażi tal-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ġew mistiedna jressqu osservazzjonijiet fuq l-allegazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq taż-żewġ intervenjenti potenzjali, kif fil-fatt għamlu permezz ta’ att ippreżentat fil-31 ta’ Awwissu 2015, fit-terminu stabbilit mill-Qorti Ġenerali.

    14

    Fil-kuntest ta’ miżura ġdida ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, adottata abbażi tal-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, u peress li t-talbiet għal intervent ta’ MSI u l-IPPF ġew ippubblikati fuq is-sit tal-internet imsemmi fil-punt 12 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ġew mistiedna jispeċifikaw jekk huma kinux ipprovdew lil dan is-sit bit-talbiet għal intervent imsemmija u, jekk dan ma kienx il-każ, li jispjegaw kif, fl-opinjoni tagħhom, dawn id-dokumenti ġew għad-dispożizzjoni tal-imsemmi sit tal-internet. Ir-rikorrenti wieġbu permezz ta’ att ippreżentat fis-17 ta’ Novembru 2015 fit-terminu stabbilit mill-Qorti Ġenerali.

    15

    Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Novembru 2015, l-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn dan kien dirett kontra l-Artikolu 10(1)(ċ) tar-Regolament Nru 211/2011, fatt li wassal sabiex il-Parlament u l-Kunsill ma setgħux iktar jitqiesu li huma konvenuti fil-kawża.

    16

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2015, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal intervent tal-Parlament u tal-Kunsill, billi speċifika li d-drittijiet tagħhom kienu dawk previsti fl-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

    17

    Fil-kuntest ta’ miżura ġdida tal-organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni, minn naħa, u MSI u l-IPPF, min-naħa l-oħra, ressqu osservazzjonijiet, fl-4 ta’ Diċembru u fil-11 ta’ Diċembru 2015 rispettivament, fuq ir-risposta tar-rikorrenti inkluża fl-att tas-17 ta’ Novembru 2015 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

    Id-dritt

    18

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut, kull persuna li tiġġustifika interess fis-soluzzjoni kawża minbarra kawża bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew bejn Stati Membri, minn naħa, u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, għandha dritt tintervjeni f’dik il-kawża.

    19

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ interess fis-soluzzjoni tal-kawża fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi ddefinit fir-rigward tal-istess suġġett tal-kawża u għandu jinftiehem bħala li huwa interess dirett u attwali fid-deċiżjoni dwar it-talbiet stess, u mhux bħala interess fir-rigward tal-motivi jew argumenti mqajma. Fil-fatt, “[soluzzjoni]” tal-kawża għandha tfisser id-deċiżjoni finali mitluba, kif tiġi stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza. Jeħtieġ, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat li l-parti intervenjenti hija milquta direttament mill-att ikkontestat u li l-interess tagħha fil-soluzzjoni tal-kawża huwa wieħed ċert (ara d-digriet tal-25 ta’ Frar 2003, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra, EU:T:2003:38, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Fuq it-talba għal intervent tal-IPPF

    20

    Mill-proċess jirriżulta li l-IPPF tikkostitwixxi federazzjoni stabbilita, skont id-dritt tar-Renju Unit, mill-International Planned Parenthood Federation Act tal-1977 (liġi dwar il-Federazzjoni internazzjonali għall-ippjanar tal-familja). Kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tal-International Planned Parenthood Federation Act, l-għanijiet tagħha huma, fl-ewwel lok, il-promozzjoni tal-edukazzjoni tal-popli tad-dinja fl-oqsma tal-ippjanar tal-familja u tal-prokreazzjoni responsabbli, fit-tieni lok, il-preżervazzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa, kemm mentali kif ukoll fiżika, tal-ġenituri, tat-tfal u taż-żgħażagħ permezz tal-promozzjoni u s-sostenn ta’ servizzi ta’ ippjanar effettiv tal-familja, fit-tielet lok, l-edukazzjoni tal-persuni fuq il-problemi demografiċi tal-komunità proprja tagħhom u tad-dinja kollha u, fir-raba’ lok, l-istimulazzjoni tar-riċerka adegwata fl-aspetti kollha tal-fertilità umana kif ukoll ir-regolamentazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ din ir-riċerka.

    21

    L-IPPF indikat, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li hija tinkludi fiha 152 organizzazzjoni nazzjonali bħala membri, imsejħa “assoċjazzjonijiet membri”, li kull waħda minnhom teżerċita l-attivitajiet tagħha f’pajjiżi ddeterminati, f’reġjuni sħaħ kif ukoll fuq livell internazzjonali. Mat-talba għal intervent ġiet annessa lista ta’ dawn il-membri.

    22

    Barra minn hekk, l-IPPF ikkonfermat, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li, permezz ta’ 65000 punt ta’ servizz, l-assoċjazzjonijiet tagħha kienu jipprovdu servizzi fil‑qasam tas-saħħa sesswali u tal-ġenetika, li l-ippjanar tal-familja, l-abort, is-saħħa maternali u infantili kif ukoll it-trattament, il-prevenzjoni u l-kura għall-mard trażmissibbli sesswalment. L-IPPF speċifikat li hija kienet tiddefendi s-saħħa u d-drittijiet għal kulħadd fl-oqsma sesswali u tal-ġenetika. B’sintonija mal-membri tagħha, hija tinkoraġġixxi lill-gvernijiet u lil persuni ewlenin oħra f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet, fil-livell nazzjonali, reġjonali u dinji, sabiex jippromwovu s-saħħa u drittijiet sesswali u tal-ġenetika, sabiex jadottaw linji politiċi u leġiżlazzjoni konformi ma’ dak it-tħassib u sabiex jiffinanzjaw programmi u l-provvista ta’ dan it-tip ta’ servizzi.

    23

    L-IPPF issostni li t-talba tagħha għal intervent għandha tiġi ammessa, sa fejn hija assoċjazzjoni rappreżentattiva li l-għan tagħha huwa l-protezzjoni tal-membri tagħha f’kawża, bħal din odjerna, li tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju ta’ natura li jaffettwaw lil dawn tal-aħħar.

    24

    Skont ġurisprudenza stabbilita, huwa ammess l-intervent ta’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li għandhom l-għan li jipproteġu l-membri tagħhom f’kawżi li jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju ta’ natura li jaffettwaw lil dawn tal-aħħar [digrieti tas-17 ta’ Ġunju 1997, National Power u PowerGen vs Il-Kummissjoni, C‑151/97 P(I) u C‑157/97 P(I), Ġabra, EU:C:1997:307, punt 66; tat-28 ta’ Settembru 1998, Pharos vs il-Kummissjoni, C‑151/98 P, Ġabra, EU:C:1998:440, punt 6, u tas-26 ta’ Lulju 2004, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04 R, Ġabra, EU:T:2004:246, punt 37]. B’mod iktar partikolari, assoċjazzjoni tista’ tiġi ammessa tintervjeni f’kawża jekk hija tirrappreżenta numru kbir ta’ impriżi attivi fis-settur ikkonċernat, jekk l-għan tagħha jinkludi l-protezzjoni tal-interessi tal-membri tagħha, jekk il-kawża tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju ta’ natura li jaffettwaw il-funzjonament tas-settur ikkonċernat u għalhekk, jekk l-interessi tal-membri tagħha jistgħu jiġu affettwati b’mod sostanzjali mis-sentenza eventwali (digrieti tat-8 ta’ Diċembru 1993, Kruidvat vs Il-Kummissjoni, T‑87/92, Ġabra, EU:T:1993:113, punt 14; tat-28 ta’ Mejju 2004, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs il-Kummissjoni, T‑253/03, Ġabra, EU:T:2004:164, punt 18; u tat-18 ta’ Ottubru 2012, ClientEarth u International Chemical Secretariat vs ECHA, T‑245/11, EU:T:2012:557, punt 12).

    25

    Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ intervent fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet hija intiża li tippermetti li jiġi evalwat aħjar il-kuntest tal-kawżi filwaqt li jiġu evitati numru ta’ interventi individwali li jistgħu jaffettwaw l-effettività u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (digrieti National Power u PowerGen, punt 24 iktar ’il fuq, EU:C:1997:307, punt 66, u ClientEarth u International Chemical Secretariat vs ECHA, punt 24 iktar ’il fuq, EU:T:2012:557, punt 13).

    26

    F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi eżaminat, qabel xejn, jekk il-kawża tistax tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju li jaffettwaw is-settur ikkonċernat, b’tali mod li l‑interessi tal-membri tal-IPPF ikunu jistgħu jiġu affettwati b’mod sostanzjali mis-sentenza eventwali.

    27

    F’dan ir-rigward, l-IPPF issostni li wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-inizjattiva taċ-ċittadini inkwistjoni jikkonsisti fit-twaqqif tal-finanzjament mill-Unjoni għall-abort u għall-organizzazzjonijiet li jinkoraġġixxuh jew li jippromwovuh kemm fl-Unjoni kif ukoll esternament. Dan jaffettwa l-attivitajiet tal-IPPF, li ma humiex limitati għall-provvista, permezz tal-assoċjazzjonijiet membri tagħha, ta’ servizzi ta’ abort, iżda jimmilita wkoll favur is-saħħa sesswali u tal-ġenetika kif ukoll favur id-drittijiet ta’ kull mara li tagħżel is-servizzi tal-abort li huma siguri u li jkollha aċċess għalihom. Għaldaqstant, l-inizjattiva taċ-ċittadini inkwistjoni tqajjem kwistjoni ta’ prinċipju serja li tista’ taffettwa lill-IPPF u lill-membri tagħha.

    28

    L-IPPF tispeċifika li hija għandha interess fis-soluzzjoni tal-kawża għat-tliet raġunijiet li ġejjin.

    29

    Fl-ewwel lok, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkonferma l-legalità tal-avviż ikkontestat, tali konferma jkollha effett dirett fuq l-interessi finanzjarji tal-IPPF sa fejn dan l-avviż jiggarantixxi legalment li l-attivitajiet tagħha ma jiġux issuġġettati għal projbizzjoni sħiħa għall-finanzjament min-naħa tal-Unjoni Ewropea. Għall-kuntrarju, jekk ir-rikors jintlaqa’ u jekk il-Kummissjoni tintalab li tirrevedi l-pożizzjoni tagħha espressa fl-avviż ikkontestat, l-IPPF taffaċċja r-riskju li titlef sorsi kbar ta’ finanzjament. Anki jekk l-annullament tal-avviż ikkontestat ma jkollux l-effett immedjat li jitnaqqas il-finanzjament tal-IPPF u tal-membri tagħha, tali annullament ikollu neċessarjament jinċidi direttament fuq l-interessi tagħhom minħabba l-ftuħ mill-ġdid tad-diskussjoni fuq il-finanzjament potenzjali futur mill-Unjoni. Barra minn hekk, jekk ir-rikors jintlaqa’, l-IPPF u l-membri tagħha jkunu obbligati li jiddefendu mill-ġdid il-missjoni tagħhom u li jiġġustifikaw ix-xogħol tagħhom, filwaqt li jsostnu spejjeż kunsiderevoli.

    30

    Fit-tieni lok, l-IPPF issostni li r-rikors promotur u l-annessi tiegħu jinkludu informazzjoni żbaljata li huma marbuta mal-attivitajiet tagħha. Jekk din l-informazzjoni tiġi riprodotta fis-sentenza għal din il-kawża, tista’ tiġi affettwata r-reputazzjoni tagħha, fatt li jista’ jinċidi b’mod negattiv fuq il-kapaċità tagħha li tikseb il-fondi. Għaldaqstant, l-IPPF għandha interess li tintervjeni bil-għan li tikkoreġi dik l-informazzjoni u li tiddefendi r-reputazzjoni tagħha.

    31

    Fit-tielet lok, l-IPPF issostni li l-kawża odjerna tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipji essenzjali marbuta mal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà tal-ġenetika. L-intervent tal-IPPF għan-nom tal-membri tagħha jiffaċilita l-evalwazzjoni tal-kawża fid-dawl tal-kuntest ġenerali tagħha. Bħala organizzazzjoni li għandha pożizzjoni li ma tikkoinċidix ma’ dik tar-rikorrenti fir-rigward tad-dritt tal-libertà tal-ġenetika, inkluż dak tal-għażla tas-servizzi siguri ta’ abort u tal-aċċess għalihom, l-IPPF għandha interess diretti li tikkonfuta l-argumenti tar-rikorrenti.

    32

    Ir-rikorrenti opponew għat-talba ta’ intervent tal-IPPF filwaqt li sostnew, b’mod partikolari, li l-interess fis-soluzzjoni tal-kawża, sa fejn dan jeżisti, kien wisq indirett u wisq inċert.

    33

    F’dan ir-rigward, qabel xejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-inizjattiva taċ-ċittadini inkwistjoni għandha l-għan, essenzjalment, li l-Unjoni ttemm il-finanzjament tal-attivitajiet “li jimplikaw id-distruzzjoni ta’ embrijuni umani, b’mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka, tal-għajnuna għall-iżvilupp u tas-saħħa pubblika”. F’dan ir-rigward, l-organizzaturi ta’ din l-inizjattiva hemżu mat-talba għal reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar, tliet proposti ta’ emendi leġiżlattivi. Isegwi, b’mod mhux ikkontestat, li l-għan tal-inizjattiva taċ-ċittadini inkwistjoni hija f’kunflitt mal-attivitajiet tal-IPPF u tal-membri tagħha, sa fejn dawn tal-aħħar jipprovdu servizzi ta’ abort u jippromwovu l-ippjanar tal-familja u d-drittijiet sesswali u tal-ġenetika.

    34

    Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li r-rikors f’dan il-każ għandu bħala l-għan tiegħu l-annullament tal-avviż ikkontestat adottat abbażi tal-Artikolu 10(1)(ċ) tar-Regolament Nru 211/2011, li fil-kuntest tiegħu l-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx neċessarju li titressaq proposta lil-leġiżlatur tal-Unjoni dwar l-emendi leġiżlattivi proposti mill-inizjattiva taċ-ċittadini inkwistjoni.

    35

    Fil-fatt, l-Artikolu 10(1)(ċ) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi li l-Kummissjoni, meta tirċievi inizjattiva taċ-ċittadini li tosserva l-proċeduri u l-kundizzjonijiet rilevanti kollha previsti mir-regolament suespost:

    “[…] [għandha] fi żmien tliet xhur, tistabbilixxi f’komunikazzjoni l-konklużjonijiet finali legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, u r-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tieħux dik l-azzjoni.”

    36

    Il-kontenut tal-Artikolu 10(1)(ċ) tar-Regolament Nru 211/2011 għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 1 tal-imsemmi regolament, li tispeċifika li:

    “[… Il-] proċedura [tal-inizjattiva taċ-ċittadini] tagħti liċ-ċittadini l-possibbiltà li l-Kummissjoni tiġi avviċinata direttament b’talba li fiha jistednuha tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati b’mod simili għad-dritt mogħti lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 225 [TFUE] u lill-Kunsill skont l-Artikolu 241 TFUE.”

    37

    Isegwi li jintlaqax jew le r-rikors mill-Qorti Ġenerali jista’ jinċidi fuq l-interessi tal-IPPF u l-membri tagħha marbuta mal-finanzjament tal-attivitajiet tagħhom mill-Unjoni iżda biss b’mod indirett u inċert, peress li, permezz tal-avviż ikkontestat, il-Kummissjoni sempliċement tirrifjuta li tressaq quddiem il-leġiżlatur tal-Unjoni proposta ta’ att legali li jinvolvi emendi leġiżlattivi proposti mill-inizjattivi taċ-ċittadini inkwistjoni.

    38

    B’hekk, anki jekk jiġi preżunt li r-rikors jintlaqa’, din iċ-ċirkustanza ma tista’ twassal biss, fl-ipoteżi l-inqas favorevoli għall-IPPF u l-membri tagħha, għat-tressiq mill-Kummissjoni lil-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ proposta ta’ att legali marbut mal-emendi suesposti. Issa, din il-proposta ta’ att legali tikkostitwixxi biss stadju f’serje ta’ atti u avvenimenti futuri li l-eżitu tagħhom ikun l-adozzjoni ta’ att legali tal-Unjoni li jipprojbixxi l-finanzjament tal-attivitajiet “li jimplikaw id-distruzzjoni ta’ embrijuni umani” (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tat-Izsák u 18 ta’ Mejju 2015, Dabis vs Il-Kummissjoni, T‑529/13, EU:T:2015:325, punt 29).

    39

    Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li sostniet l-IPPF, il-konferma eventwali mill-Qorti Ġenerali tal-legalità tal-avviż ikkontestat bl-ebda mod ma tiggarantixxi legalment lill-IPPF u lill-membri tagħha li l-attivitajiet tagħhom ma jiġux suġġetti għal projbizzjoni ta’ finanzjament min-naħa tal-Unjoni, peress li inizjattiva leġiżlattiva f’dan is-sens tista’ tirriżulta kemm mill-Parlament skont l-Artikolu 225 TFUE kif ukoll mill-Kunsill skont l-Artikolu 241 TFUE.

    40

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-IPPF tirrikonoxxi, hija stess, li l-annullament eventwali, mill-Qorti Ġenerali, tal-avviż ikkontestat ma għandux effett immedjat fuq il-finanzjament tagħha u dak tal-membri tagħha (ara l-punt 29 iktar ’il fuq). Iċ-ċirkustanza invokata, li dan l-annullament għandu konsegwenza diretta fuq l-interessi tal-IPPF u tal-membri tagħha minħabba l-ftuħ mill-ġdid tad-diskussjoni fuq il-finanzjament potenzjali futur tagħhom mill-Unjoni u minħabba li dawn ikollhom jiddefendu mill-ġdid il-missjoni tagħhom u x-xogħol tagħhom fil-kuntest ta’ din id-diskussjoni, ma tistax tintlaqa’, peress li ma turix interess attwali u ċert tal-IPPF u tal-membri tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 iktar ’il fuq.

    41

    Barra minn hekk jeħtieġ li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-IPPF li l-intervent tagħha huwa ġġustifikat mill-interess tagħha li tikkoreġi informazzjoni, li tinsab fil-proċess, li tinċidi fuq ir-reputazzjoni tagħha (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), sa fejn l-imsemmi interess ma jikkonċernax is-suġġett u s-soluzzjoni tal-kawża fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, l-invokazzjoni tal-imsemmi interess ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-interess tal-IPPF fl-intervent.

    42

    Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-kawża odjerna essenzjalment tqajjem, minn naħa, kwistjonijiet marbuta man-natura kontestabbli tal-avviż ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-motivi għall-annullament invokati, kwistjonijiet li jikkonċernaw in-natura u l-kontenut tal-obbligi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-Artikolu 10(1)(ċ) tar-Regolament Nru 211/2001. Isegwi li ċ-“ċentru ta’ gravità” tal-kawża odjerna ma jikkonċernax kwistjonijiet marbuta mal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà tal-ġenetika u li, għaldaqstant, l-intervent tal-IPPF bħala assoċjazzjoni li tipprovdi, permezz tal-membri tagħha, servizzi fil-qasam tas-saħħa sesswali u tal-ġenetika u li tippromwovi d-dritt għal-libertà tal-ġenetika ma jikkontribwixxix għall-aħjar evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-kuntest tal-kawża, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq.

    43

    Fid-dawl tal-elementi preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-IPPF tikkostitwixxix assoċjazzjoni rappreżentattiva u jekk l-għan tagħha jinkludix il-protezzjoni tal-interessati tal-membri tagħha, dawn l-interessi ma jistgħux jiġu affettwati b’mod sinjifikanti mis-sentenza eventwali fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, it-talba għal intervent tal-IPPF għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-talba għal intervent ta ’ MSI

    44

    Skont id-dikjarazzjonijiet tagħha, MSI hija fondazzjoni kkostitwita skont id-dritt tal-Ingilterra u Wales, li tipprovdi servizzi fil-qasam tas-saħħa sesswali u tal-ġenetika, inkluża gamma sħiħa ta’ metodi ta’ kontraċezzjoni u aċċess għal servizzi siguri marbuta mal-abort u mal-perijodu ta’ wara l-abort, permezz tal-uffiċċji tagħha u s-sħab tagħha mxerrda f’37 pajjiż. Kif jirriżulta mill-istatuti tagħha, hija partikolarment awtorizzata mhux biss li tipprovdi s-servizzi suesposti, iżda wkoll sabiex tnaqqas il-mortalità maternali, twaqqaf il-faqar u t-tbatija naxxenti mill-konċepiment mhux ippjanat u sabiex twettaq jew tippromwovi r-riċerka fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa suesposti.

    45

    Insostenn tat-talba tagħha għal intervent, MSI invokat eżattament l-istess elementi bħal dawk invokati mill-IPPF sabiex tiġġustifika l-interess tagħha fis-soluzzjoni tal-kawża (ara l-punti 27 sa 31 iktar ’il fuq). B’mod iktar speċifiku, hija sostniet, fl-ewwel lok, li l-konferma mill-Qorti Ġenerali tal-legalità tal-avviż ikkontestat tinċidi direttament fuq l-interessi finanzjarji tagħha, fit-tieni lok, li hija għandha interess tintervjeni sabiex tikkoreġi l-informazzjoni żbaljata, li tinsab fil-proċess, dwar l-attivitajiet tagħha u sabiex tiddefendi r-reputazzjoni tagħha u, fit-tielet lok, li l-intervent tagħha jiffaċilita l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kawża fid-dawl tal-kuntest ġenerali tagħha. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 33 sa 42 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li dawn l-elementi ma jurux l-eżistenza ta’ interess dirett, ċert u attwali fis-soluzzjoni tal-kawża fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 iktar ’il fuq. It-talba għal intervent ta’ MSI għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

    Fuq l-ispejjeż

    46

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 144(6) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, parti, anki rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata parzjalment, jew totalment għall-ispejjeż, jekk din tkun tidher iġġustifikata minħabba l-komportament tagħha.

    47

    F’dan il-każ, l-IPPF u MSI, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom mressqa fil-11 ta’ Diċembru 2015 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), talbu li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom marbuta mat-talbiet għal intervent jew, tal-inqas, għall-ispejjeż tagħhom sostnuti minħabba l-iżvelar fuq in-netwerk tal-internet tal-imsemmija talbiet. L-IPPF u MSI mmotivaw it-talbiet tagħhom marbuta mal-allokazzjoni tal-ispejjeż billi sostnew li r-rikorrenti kienu responsabbli mill-iżvelar suespost, u b’hekk abbużaw mill-proċedura.

    48

    Ir-rikorrenti, filwaqt li jikkontestaw li huma aġixxew b’mod illegali, ma ressqux talbiet marbuta mal-ispejjeż. Il-Kummissjoni lanqas ma ressqet tali talbiet.

    49

    Għandu jitfakkar li, skont regoli li jirregolaw it-trattament tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali, il-partijiet igawdu minn protezzjoni kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T-174/95, Ġabra, EU:T:1998:127, punt 135). B’hekk, skont l-Artikolu 5(8) tal-istruzzjonijiet tar-reġistratur tal-Qorti Ġenerali, li kienu applikabbli fid-data tal-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet, imsemmi fil-punt 12 iktar ’il fuq, it-talbiet ta’ intervent tal-IPPF u ta’ MSI, l-ebda terza persuna, privata jew pubblika, ma tista’ taċċedi għall-proċess tal-kawża jew għall-atti tal-proċedura mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-president tal-Qorti Ġenerali jew, meta l-kawża tkun għadha pendenti, tal-President tal-Kulleġġ Ġudikanti adit bil-kawża, wara li jkunu nstemgħu l-partijiet, peress li huwa speċifikat li din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss fuq talba bil-miktub li għandha tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni ddettaljata tal-interess leġittimu sabiex jiġi kkonsultat il-proċess.

    50

    Din id-dispożizzjoni tirrifletti prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li skont dan il-partijiet għandhom id-dritt li jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna, b’mod partikolari min-naħa tal-pubbliku (sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, punt 118 iktar ’il fuq, EU:T:1998:127, punt 136). Din id-dispożizzjoni tirrifletti aspett essenzjali tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li skontu l-partijiet għandhom id-dritt li jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna, partikolarment min-naħa tal-pubbliku (sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, punt 49 iktar ’il fuq, EU:T:1998:127, punt 136). Isegwi li parti li tingħata l-aċċess għall-atti proċedurali ta’ partijiet oħra tista’ tuża dan id-dritt unikament għall-finijiet tad-difiża tal-kawża tagħha stess, bl-esklużjoni ta’ kull għan ieħor, bħal dak li tqanqal kritika mill-pubbliku dwar l-argumenti mqajma mill-partijiet l-oħra fil-kawża (sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, punt 49 iktar ’il fuq, EU:T:1998:127, punt 137). Dan jikkontribwixxi wkoll sabiex jiġi żgurat, matul il-proċedura ġudizzjarja kollha, li d-dibattiti bejn il-partijiet kif ukoll id-deliberazzjoni tal-qorti kkonċernata fuq kawża pendenti jitwettqu fis-serenità kollha u sabiex jiġi evitat li jiġu eżerċitati, anki jekk biss mill-perspettiva tal-pubbliku, pressjonijiet esterni fuq l-attività ġudizzjarja u li ma jiġix ikkawżat preġudizzju għas-serenità tal-proċeduri (ara d-digriet tal-25 ta’ Frar 2015, BPC Lux 2 et vs Il-Kummissjoni, T‑812/14 R, EU:T:2015:119, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li azzjoni kuntrarja għall-aspett suespost tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jikkostitwixxi abbuż tal-proċedura li jista’ jittieħed kont tiegħu waqt it-tqassim tal-ispejjeż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, punt 49 iktar ’il fuq, EU:T:1998:127, punti 139140).

    52

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-protezzjoni mogħtija lill-partijiet fil-proċedura ġudizzjarja skont l-aspett suespost tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja għandha tkun estiża għal persuna li titlob li tintervjeni quddiem il-Qorti Ġenerali. Din il-persuna tipparteċipa, effettivament, fl-attività ġudizzjarja u, abbażi ta’ dan, għandha tibbenefika mill-istess livell ta’ protezzjoni bħall-partijiet fil-proċedura fir-rigward tal-possibbiltà li tiddefendi l-interessi tagħha indipendentement minn kull influwenza esterna, partikolarment min-naħa tal-pubbliku.

    53

    F’dan il-każ, huwa stabbilit li t-talbiet għal intervent tal-IPPF u ta’ MSI ġew ippubblikati, fil-forma ta’ links elettroniċi lejn il-kontenut tagħhom, fi ħdan artikoli li dehru fuq is-sit tal-internet li l-ħolqien tagħhom jikkostitwixxi, skont l-awturi u l-edituri tagħhom, “mezz ta’ promozzjoni ta’ kumpannija stabbilita fuq komprensjoni koerenti tad-dinjità umana — dinjità li hija ta’ benefiċċju għall-esseri umani kollha, sa mill-mument tal-konċepiment sal-mewt naturali tagħhom”. Jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li dawk l-artikoli kienu jagħmlu riferiment dirett għall-proċedura f’dan il-każ quddiem il-Qorti Ġenerali u kienu jippreżentaw iż-żewġ persuni li talbu li jintervjenu b’mod negattiv, maħsuba sabiex joħolqu, fost il-pubbliku, sentimenti negattivi fir-rigward tagħhom.

    54

    B’risposta għad-domanda tal-Qorti Ġenerali ppreżentata fil-punt 14 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kkonfermaw li, kif jidhrilhom li huwa leġittimu u adegwat, huma kienu kkomunikaw kull informazzjoni marbuta mar-rikors, inkluż id-dokumenti rilevanti, esklużivament lil dawk li jirrappreżentawhom, jiġifieri l-organizzazzjonijiet li jifformaw parti mill-inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini “One of Us”. Skont ir-rikorrenti, din il-komunikazzjoni setgħet twassal, b’mod indirett, għall-pubblikazzjoni ta’ ċerti dokumenti fuq in-netwerk tal-internet, anki jekk din ma kinitx l-intenzjoni tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jispeċifikaw li ma kellhomx responsabbiltà editorjali għall-kontenut tas-sit tal-internet inkwistjoni u li huma kienu bagħtu ittra lid-diriġenti tagħha fejn talbu li l-links elettroniċi lejn it-talbiet għal intervent tal-IPPF u ta’ MSI jiġu rtirati mis-sit.

    55

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pprovdewx provi li jippermettu li jiġu identifikati l-“organizzazzjonjiet” li għalihom jagħmlu riferiment u li din l-informazzjoni ma tirriżultax mill-proċess tal-kawża. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li ebda waħda minn dawn l-“organizzazzjonijiet” ma hija identifikata, bħala parti rikorrenti, fir-rikors promotur. Dan ir-rikors jidentifika, bħala rikorrenti, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “One of Us” kif ukoll is-sitt persuni fiżiċi li, fil-kwalità tagħhom ta’ organizzaturi fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 211/2011, huma l-membri tal-kumitat taċ-ċittadini ta’ din l-inizjattiva.

    56

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li l-komunikazzjoni lil dawn l-“organizzazzjonijiet” tat-talbiet għal intervent tal-IPPF u ta’ MSI seta’ jkollha, indirettament, bħala konsegwenza l-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti fuq in-netwerk tal-internet.

    57

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mis-sit tal-internet ippreżentat fil-punt 53 iktar ’il fuq, l-awturi u l-edituri tiegħu jikkonfermaw l-appoġġ tagħhom, mingħajr l-eżistenza ta’ ebda affiljazzjoni, fir-rigward ta’ ċertu numru ta’ organizzazzjonijiet u entitajiet, fosthom l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “One of Us”, u jirrakkomandaw in-navigazzjoni fuq is-sit tal-internet tal-imsemmija l-inizjattiva taċ-ċittadini.

    58

    L-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet imsemmi iktar ’il fuq tat-talbiet għal intervent tal-IPPF u ta’ MSI ma kinitx intenzjonata ma hijiex rilevanti għall-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-artikoli li dehru fuq is-sit tal-internet li jinkludu links lejn dawn it-talbiet għal intervent jagħmlu riferiment espliċitu u estensiv għall-proċedura ġudizzjarja f’dan il-każ, kienu jargumentaw b’mod agressiv favur il-pożizzjoni tar-rikorrenti invokati quddiem il-Qorti Ġenerali u kienu jinkludu wkoll links elettroniċi lejn l-atti ta’ dawn tal-aħħar u, anki, lejn testi ta’ dawn l-atti. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li hija veraċi, din l-allegazzjoni tar-rikorrenti ma tnaqqas xejn, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha fil-punt 17 iktar ’il fuq, mill-fatt li, billi kkommunikat lill-“organizzazzjonijiet” suesposti, it-talbiet għal intervent tal-IPPF u ta’ MSI, ir-rikorrenti, ħolqu oġġettivament ir-riskju tal-pubblikazzjoni kkontestata fuq is-sit tal-internet.

    59

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandhom jitqiesu li ma humiex estranji għal dak li wassal għall-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet ippreżentat fil-punt 53 iktar ’il fuq tat-talbiet għal intervent suesposti u għal-leżjoni riżultanti tad-drittijiet taż-żewġ persuni li talbu li jintervjenu li jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq. Isegwi wkoll li r-rikorrenti għamlu użu mhux f’loku tal-atti tal-proċedura fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq.

    60

    Barra minn hekk jeħtieġ li tiġi miċħuda bħala mhux rilevanti l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tinsab fl-osservazzjonijiet tagħhom tas-17 ta’ Novembru 2015 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq) li skontha t-talbiet għal intervent tal-IPPF u ta’ MSI ma kinux jinkludu informazzjoni kunfidenzjali. Fil-fatt, il-projbizzjoni, minn naħa, tal-użu tad-dritt tagħha ta’ aċċess għall-atti tal-proċedura ta’ partijiet oħra għal finijiet differenti minn dawk marbuta mad-difiża tal-kawża proprja tagħha għandha l-għan li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u mhux li tipproteġi l-kontenut allegatament kunfidenzjali tal-imsemmija atti.

    61

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti wettqu abbuż mill-proċedura fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, li jista’ jittieħed kont tiegħu waqt it-tqassim tal-ispejjeż abbażi tal-Artikolu 135(2) tar-regoli tal-proċedura.

    62

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, tkun qiegħda ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi jiġi deċiż li r-rikorrenti, billi ma ppreżentawx talbiet marbuta mal-ispejjeż, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll, minħabba l-abbuż mill-proċedura li wettqu, it-tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mill-IPPF u minn MSI.

    63

    L-IPPF u MSI għandhom ibatu kwart mill-ispejjeż tagħhom.

    64

    Il-Kummissjoni, billi ma ressqitx talbiet marbuta mal-ispejjeż, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-PRESIDENT TAL-EWWEL AWLA TAL-QORTI ĠENERALI

    tordna:

     

    1)

    It-talbiet għal intervent imressqa mill-International Planned Parenthood Federation u Marie Stopes International huma miċħuda.

     

    2)

    L-International Planned Parenthood Federation u Marie Stopes International għandhom ibatu kwart tal-ispejjeż tagħhom.

     

    3)

    L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “One of Us” u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mat-talbiet għal intervent tal-International Planned Parenthood Federation u ta’ Marie Stopes International kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż ta’ dawn iż-żewġ entitajiet.

     

    4)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbuta mat-talbiet għal intervent li ġew miċħuda.

    Magħmul fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Marzu 2016.

     

    Reġistratur

    E. Coulon

    Il-President

    H. Kanninen

    Anness

    Patrick Grégor Puppinck, residenti fi Strasbourg (Franza),

    Filippo Vari, residenti f’Ruma (l-Italja),

    Josephine Quintavalle, residenti f’Londra (ir-Renju Unit),

    Edith Frivaldszky, residenti f’Tata (l-Ungerija),

    Jacub Baltroszewicz, residenti fi Kraków (il-Polonja),

    Alicia Latorre Canizares, residenti f’Cuenca (Spanja),

    Manfred Liebner, residenti f’Zeitlofs (il-Ġermanja).


    ( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq