Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008TJ0540

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Lulju 2014  .
    Esso Société anonyme française et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni ‑ Akkordji ‑ Suq tax-xema’ tal-paraffin ‑ Suq tax-xema’ ratba ‑ Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE ‑ Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq ‑ Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 ‑ Tul tal-ksur ‑ Ugwaljanza fit-trattament ‑ Proporzjonalità ‑ Ġurisdizzjoni sħiħa.
    Kawża T‑540/08.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2014:630

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

    11 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

    “Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tax-xema’ tal-paraffin — Suq tax-xema’ ratba — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Tul tal-ksur — Ugwaljanza fit-trattament — Proporzjonalità — Ġurisdizzjoni sħiħa”

    Fil-Kawża T‑540/08,

    Esso Société anonyme française, stabbilita f’Courbevoie (Franza),

    Esso Deutschland GmbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

    ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA, stabbilita f’Anvers (il-Belġju),

    Exxon Mobil Corp., stabbilita f’West Trenton, New Jersey (l-Istati Uniti),

    irrappreżentati minn R. Subiotto, QC, R. Snelders, L.‑P. Rudolf u M. Piergiovanni, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, bħala aġent, assistit minn M. Gray, barrister,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Xema’ tax-xemgħa), kif ukoll talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

    komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

    Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

    Il-proċedura amministrattiva u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

    1

    Permezz tad-Deċiżjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Xema’ tax-xemgħa) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kkonstatat li r-rikorrenti, Esso Deutschland GmbH, Esso Société anonyme française (iktar ’il quddiem “Esso France”), ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA (iktar ’il quddiem “EMPC”) kif ukoll Exxon Mobil Corp. (iktar ’il quddiem “EMC”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “ExxonMobil” jew il-“grupp ExxonMobil”), kienu, flimkien ma’ impriżi oħra, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), billi pparteċipaw f’akkordju relatat mas-suq tax-xema’ tal-paraffin fiż-ŻEE u mas-suq Ġermaniż tax-xema’ ratba.

    2

    Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma, minbarra r-rikorrenti, il-kumpanniji sussegwenti: ENI SpA, H&R ChemPharm GmbH, H&R Wax Company Vertrieb GmbH u Hansen & Rosenthal KG, Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG, MOL Nyrt., Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA, Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Repsol”), Sasol Wax GmbH, Sasol Wax. International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Sasol”), Shell Deutschland Oil GmbH, Shell Deutschland Schmierstoff GmbH, Deutsche Shell GmbH, Shell International Petroleum Company Ltd, The Shell Petroleum Company Ltd, Shell Petroleum NV u The Shell Transport and Trading Company Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Shell”), RWE Dea AG u RWE AG (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “RWE”), kif ukoll Total SA u Total France SA (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Total”) (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

    3

    Ix-xema’ tal-paraffin hija prodotta fir-raffinerija abbażi ta’ żejt mhux maħdum. Hija tintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti bħal xemgħat, prodotti kimiċi, tajers u prodotti tal-karozzi, kif ukoll għall-industriji tal-gomma, tal-ippakkettjar, tal-adeżivi u taċ-ċuwingamm (premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

    4

    Ix-xema’ ratba hija l-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tax-xema’ tal-paraffin. Hija prodotta f’raffineriji bħala prodott sekondarju fil-produzzjoni taż-żjut ta’ bażi miż-żejt mhux maħdum. Hija tinbiegħ ukoll lil klijenti finali, pereżempju lil produtturi ta’ particle boards (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

    5

    Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha wara li Shell Deutschland Schmierstoff informatha, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2005, dwar l-eżistenza ta’ akkordju filwaqt li ressqet quddiemha talba għal immunità abbażi tal-Avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”) (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

    6

    Fit-28 u fid-29 ta’ April 2005, il-Kummissjoni pproċediet, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), b’verifiki fil-binjiet ta’ “H&R/Tudapetrol”, ta’ ENI, ta’ MOL kif ukoll f’dawk tal-kumpanniji tal-gruppi Sasol, ExxonMobil, Repsol u Total (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

    7

    Fid-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq, fosthom ir-rikorrenti (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrenti wieġbu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    8

    Fl-10 u fil-11 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni organizzat seduta li fiha pparteċipaw ir-rikorrenti (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

    9

    Fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-provi li hija kellha, il-Kummissjoni qieset li d-destinatarji, li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-produtturi tax-xema’ tal-paraffin u tax-xema’ ratba fi ħdan iż-ŻEE, kienu pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li kien ikopri t-territorju taż-ŻEE. Dan il-ksur kien jikkonsisti fi ftehim jew fi prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-livell kummerċjali li jaffettwaw ix-xema’ tal-paraffin. F’dak li jirrigwarda lil RWE (sussegwentement Shell), ExxonMobil, MOL, Repsol, Sasol u Total, il-ksur li jaffettwa lix-xema’ tal-paraffin kien jirrigwarda wkoll it-tqassim ta’ klijenti jew ta’ swieq. Barra minn hekk, il-ksur imwettaq minn RWE, ExxonMobil, Sasol u Total kien jirrigwarda wkoll ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż (premessi 2, 95, 328 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

    10

    Il-prattiki li jikkostitwixxu ksur seħħew matul laqgħat antikompetittivi msejħa “laqgħat tekniċi” jew saħansitra laqgħat “Blauer Salon” mill-parteċipanti u matul il-“laqgħat tax-xema’ ratba” ddedikati speċifikament għall-kwistjonijiet dwar ix-xema’ ratba.

    11

    Il-multi imposti f’dan il-każ ġew ikkalkolati abbażi tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”), fis-seħħ fil-mument tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq.

    12

    Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet segwenti:

    “Artikolu 1

    L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma fis-settur tax-xema’ tal-paraffin fis-suq komuni u, mill-1 ta’ Jannar 1994, fiż-ŻEE:

    […]

    Esso Deutschland GmbH: mit-22 ta’ Frar 2001 sal-20 ta’ Novembru 2003;

    Esso Société anonyme française: mit-3 ta’ Settembru 1992 sal-20 ta’ Novembru 2003;

    ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA: mit-30 ta’ Novembru 1999 sal-20 ta’ Novembru 2003;

    Exxon Mobi1 [Corp.]: mit-30 ta’ Novembru 1999 sal-20 ta’ Novembru 2003;

    […]

    Fir-rigward tal-impriżi segwenti, il-ksur jikkonċerna wkoll, għall-perijodi indikati, ix-xema’ ratba mibjugħa lil klijenti finali fis-suq Ġermaniż:

    […]

    Esso Deutschland GmbH: mit-22 ta’ Frar 2001 sat-18 ta’ Diċembru 2002;

    Esso Société anonyme française: mit-8 ta’ Marzu 1999 sat-18 ta’ Diċembru 2002;

    ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA: mill-20 ta’ Novembru 1999 sat-18 ta’ Diċembru 2002;

    Exxon Mobi1 [Corp.]: mill-20 ta’ Novembru 1999 sat-18 ta’ Diċembru 2002;

    […]

    Artikolu 2

    Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

    ENI SpA: EUR 29 120 000;

    Esso Société anonyme française: EUR 83 588 400,

    li minnha flimkien u in solidum ma’

    ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA u ExxonMobi1 [Corp.] għal EUR 34 670 400, li minnu flimkien u in solidum ma’ Esso Deutschland GmbH għal EUR 27 081 600;

    Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG: EUR 12 000 000;

    Hansen & Rosenthal KG flimkien u in solidum ma’ H&R Wax Company Vertrieb GmbH: EUR 24 000 000,

    li minnha flimkien u in solidum ma’

    H&R ChemPharm GmbH għal EUR 22 000 000;

    MOL Nyrt: EUR 23 700 000;

    Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA flimkien u in solidum ma’ Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA: EUR 19 800 000;

    Sasol Wax GmbH: EUR 318 200 000,

    li minnha flimkien u in solidum ma’

    Sasol Wax International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol Limited għal EUR 250 700 000;

    Shell Deutschland Oil GmbH, Shell Deutschland Schmierstoff GmbH, Deutsche Shell GmbH, Shell International Petroleum Company Limited, the Shell Petroleum Company Limited, Shell Petroleum NV u the Shell Transport and Trading Company Limited: EUR 0;

    RWE-Dea AG flimkien u in solidum ma’ RWE AG: EUR 37 440 000;

    Total France SA flimkien u in solidum ma’ Total SA: EUR 128 163 000.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    L-amalgamazzjoni Exxon-Mobil u l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur fid-deċiżjoni kkontestata

    13

    Fit-30 ta’ Novembru 1999, Exxon Corp. xtrat lil Mobil Corp. u sussegwentement ingħatat l-isem ġdid EMC (iktar ’il quddiem l-“amalgamazzjoni Exxon-Mobil”). Fis-6 ta’ Mejju 2003, Mobil Oil Française (iktar ’il quddiem “Mobil France”) ġiet assorbita minn Esso France.

    14

    Il-Kummissjoni ddeskriviet l-imputazzjoni, lid-diversi kumpanniji tal-grupp ExxonMobil, tar-responsabbiltà għall-attivitajiet antikompetittivi b’mod partikolari fil-premessi 348 sa 352 tad-deċiżjoni kkontestata:

    “6.2.2 Il-grupp ExxonMobil

    (348)

    Fil-Kapitolu 4 ġie stabbilit li matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha, ExxonMobil ipparteċipat fil-kollużjoni permezz tal-ħaddiema ta’ Mobil [France] (u [s-suċċessura legali tagħha]) u ta’ Esso Deutschland.

    (349)

    Mobil [France] ipparteċipat fl-akkordju permezz ta’ diversi ħaddiema tagħha, mill-bidu tal-ksur [mit-3 ta’ Settembru 1992] sad-data li fiha hija ma baqgħetx teżisti, jiġifieri s-6 ta’ Mejju 2003. Esso Deutschland ipparteċipat, permezz tal-ħaddiema tagħha stess, minn tal-inqas, mit-22 ta’ Frar 2011. L-ewwel nett, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tqis lil dawn il-kumpanniji bħala responsabbli għall-parteċipazzjoni diretta tagħhom fl-akkordju.

    […]

    (351)

    Mobil [France] ġiet assorbita minn [Esso France fis-6 ta’ Mejju 2003 …]

    (352)

    Għaldaqstant, [Esso France] għandha titqies bħala responsabbli għall-attivitajiet [antikompetittivi ta’ Mobil France mwettqa qabel is-6 ta’ Mejju 2003].”

    15

    EMPC inżammet responsabbli mill-amalgamazzjoni Exxon-Mobil, jiġifieri t-30 ta’ Novembru 1999, abbażi tal-fatt li hija kienet il-kumpannija parent ta’ Esso Deutschland u ta’ Esso France. EMC inżammet responsabbli mill-istess data abbażi tal-fatt li hija kienet il-kumpannija parent ta’ EMPC (premessi 535 u 354 tad-deċiżjoni kkontestata).

    Il-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

    16

    F’din il-kawża, meta kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni perċentwali tal-valur tal-bejgħ magħmul mill-grupp ExxonMobil fiż-ŻEE u sussegwentement immultiplikat l-ammont hekk miksub b’koeffiċjent li jirrifletti t-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda mir-rikorrenti.

    17

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ddeterminat il-valur tal-bejgħ annwali tax-xema’ tal-paraffin u tax-xema’ ratba. Għax-xema’ tal-paraffin, il-Kummissjoni ħadet id-dħul tas-snin 2000 sa 2002 tal-grupp ExxonMobil bħala bażi għall-kalkolu ta’ medja annwali. Għax-xema’ ratba, il-Kummissjoni ħadet id-dħul tas-snin 2000 sa 2001 tal-grupp ExxonMobil bħala bażi għall-kalkolu ta’ medja annwali. Dan ammonta għal EUR 19 790 382 għax-xema’ tal-paraffin u għal EUR 1 259 217 għax-xema’ ratba. Il-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni applikati għal dawn l-ammonti abbażi tal-gravità kienu ta’ 18 % għax-xema’ tal-paraffin u ta’ 15 % għax-xema’ ratba.

    18

    Il-Kummissjoni sussegwentement iddeterminat it-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur tar-rikorrenti għal dak li jikkonċerna x-xema’ tal-paraffin u x-xema r-ratba. F’dan ir-rigward, fir-rigward tax-xema’ tal-paraffin, il-Kummissjoni qieset li Esso France kienet ipparteċipat matul perijodu li jikkorrispondi għal koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 11.5. Għal Esso Deutschland, dan il-koeffiċjent kien ta’ 3. Għal EMPC u għal EMC, dan kien stabbilit għal 4.

    19

    It-tieni nett, skont il-punt 25 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni żiedet ma’ dawn l-ammonti l-ammont addizzjonali msejjaħ “ħlas supplementari” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jikkorrispondi għal 18 % u għal 15 % tal-valur tal-bejgħ rispettivament għax-xema’ tal-paraffin u għax-xema’ ratba.

    20

    It-tielet nett, ma ġie rrilevat ebda fatt attenwanti jew aggravanti li jista’ jkollu effett fuq l-ammont tal-multa. Għaldaqstant, l-ammonti tal-multi ma ġewx mibdula f’dan ir-rigward.

    21

    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni qieset li kien hemm lok li jiġi applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għall-għanijiet ta’ disswazzjoni, minħabba d-daqs kbir tal-grupp ExxonMobil. Għaldaqstant, ġie applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 2.

    22

    Il-ħames nett, il-Kummissjoni applikat tnaqqis ta’ 7 % mill-ammont tal-multa minħabba l-informazzjoni pprovudta mir-rikorrenti u l-kooperazzjoni li huma sussegwentement urew fil-kuntest tal-Avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell. Għaldaqstant l-ammonti tal-multi ġew finalment stabbiliti kif ġej: għal Esso France, multa ta’ ammont ta’ EUR 83 588 400, li minnha EUR 27 081 600 in solidum ma’ Esso Deutschland u EUR 34 670 400 in solidum ma’ EMPC u EMC.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    23

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-12 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

    24

    Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, hija stiednet lill-partijiet jirrispondu bil-miktub għal ċerti domandi u jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet laqgħu din it-talba fit-terminu mogħti.

    25

    Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tneħħi mill-proċess ċerti siltiet li jinsabu fir-risposta tar-rikorrenti għad-domandi bil-miktub. Ir-rikorrenti opponew għal din it-talba. Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Mejju 2011, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) żiedet din it-talba mal-mertu.

    26

    Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2012.

    27

    Fid-dawl tar-rabtiet fattwali mal-Kawżi T‑541/08, Sasol et vs Il‑Kummissjoni, T‑543/08, RWE u RWE Dea vs Il‑Kummissjoni, T‑544/08, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il‑Kummissjoni, T‑548/08, Total vs Il‑Kummissjoni, T‑550/08, Tudapetrol vs Il‑Kummissjoni, T‑551/08, H&R ChemPharm vs Il‑Kummissjoni, T‑558/08, ENI vs Il‑Kummissjoni, T‑562/08, Repsol YPF Lubricantes y especialidades et vs Il‑Kummissjoni, u T‑566/08, Total Raffinage Marketing vs Il‑Kummissjoni, u fid-dawl tal-prossimità tal-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tagħti s-sentenza f’din il-kawża biss wara s-seduti f’dawn il-kawżi magħquda, li l-aħħar waħda fosthom inżammet fit-3 ta’ Lulju 2013.

    28

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

    tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    29

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    30

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Esso France, sa fejn dan il-kalkolu ma jirriflettix il-fatt li, qabel l-amalgamazzjoni, Exxon ma pparteċipatx fil-ksur. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-iffissar allegatament żbaljat tad-data tat-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-partijiet tal-ksur relatati max-xema’ tal-paraffin.

    31

    Il-Qorti Ġenerali tqis utli li tibda l-eżami tagħha ta’ dan ir-rikors permezz tat-tieni motiv.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq fl-iffissar tad-data tat-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur.

    Osservazzjonijiet preliminari

    32

    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni żbaljatament stabbilixxiet li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-ewwel żewġ partijiet tal-ksur, dwar ix-xema’ tal-paraffin, kienet intemmet fl-20 ta’ Novembru 2003. Huma jenfasizzaw li ma attendewx għal-laqgħat tekniċi li nżammu wara dik tas-27 u tat-28 ta’ Frar 2003.

    33

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset dan li ġej fid-deċiżjoni kkontestata:

    “(600)

    ExxonMobil tiddikjara li l-aħħar laqgħa li għaliha assista wieħed mir-rappreżentanti tagħha kienet il-laqgħa teknika tas-27 u tat-28 ta’ Frar f’München. B’reazzjoni għall-istedina għal-laqgħa [...] tal-15 ta’ Jannar 2004 mibgħuta minn [M.], ta’ Sasol, [Hu.] ta’ Exxon Mobil iwieġeb, fost affarijiet oħra: ’Il-punti indikati fuq l-aġenda jidhru li huma ta’ interess għall-impriża tagħna. Madankollu, aħna nqisu li dan il-grupp ta’ kompetituri qed jiltaqa’ mingħajr l-appoġġ ta’ assoċjazzjoni professjonali u għaldaqstant la għandu struttura u lanqas statut ta’ assoċjazzjoni. Ma nħossuniex komdi b’din is-sitwazzjoni u nixtiequ nissuġġerixxu li dawn il-laqgħat jinżammu taħt it-tmexxija tal-[European Wax Federation] jew fi ħdan il-kumitat tekniku, jew bħala sottokumitat separat. Fl-assenza tal-appoġġ ta’ assoċjazzjoni professjonali rregolata Exxon Mobil ma hijiex ser tattendi għal din il-laqgħa.’ Dan il-messaġġ tal-20 ta’ Novembru 2003 intbagħat lil [M.] ta’ Sasol, b’kopja indirizzata lis-superjuri ta’ [Hu.] fi ħdan ExxonMobil. Il-Kummissjoni ma għandha ebda prova li ExxonMobil kompliet tipparteċipa fil-ksur wara li ntbagħat dan il-messaġġ. Il-Kummissjon tqis ukoll li permezz ta’ dan il-messaġġ indirizzat lil Sasol (l-organizzatriċi tal-parti l-kbira tal-laqgħat tekniċi), ExxonMobil pubblikament iddistakkat ruħha mill-akkordju.

    (601)

    L-affermazzjoni li l-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fil-ksur intemmet wara l-laqgħa teknika tas-27 u tat-28 ta’ Frar 2003 ma tistax madankollu tiġi aċċettata. Ma huwiex biżżejjed li wieħed jastjeni milli jattendi għal-laqgħat sabiex tintemm il-parteċipazzjoni. L-iddistakkar pubbliku meħtieġ mill-ġurisprudenza seħħ biss permezz tal-messaġġ ta’ [Hu.], fl-20 ta’ Novembru 2003. Il-fatt li l-astenzjoni tiegħu milli jattendi għal-laqgħat ma ġietx interpretata mill-parteċipanti l-oħra, u b’mod partikolari minn Sasol, bħala tali ddistakkar pubbliku huwa muri mill-fatt li ExxonMobil kompliet tirċievi stediniet għal-laqgħat tekniċi, li finalment wassal sabiex jintbagħat il-messaġġ minn Hu., fl-20 ta’ Novembru 2003.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    34

    Ir-rikorrenti jikkontestaw din l-evalwazzjoni. Huma jallegaw li huma la pparteċipaw għal, u lanqas ġew informati bir-riżultati, tal-laqgħat tekniċi li nżammu wara l-laqgħa tas-27 u tat-28 ta’ Frar 2003, li matulha T., ir-rappreżentant tagħhom fil-laqgħat tekniċi, kien uffiċjalment informa lill-parteċipanti l-oħra dwar it-tluq imminenti tiegħu minn ExxonMobil, mingħajr ma ħabbar is-suċċessur tiegħu. Bl-istess mod, ma teżisti ebda prova li turi li r-rikorrenti kienu jafu, wara l-kollokament, u sussegwentement wara l-irtirar, ta’ T., dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-ksur. Il-provi eżistenti għall-kuntrarju juru li T. intenzjonalment ħeba l-kontenut antikompetittiv tal-laqgħat tekniċi mis-superjuri tiegħu u mill-kollegi tiegħu.

    35

    Għaldaqstant, huma jsostnu li l-Kummissjoni kien imissha qieset it-28 ta’ Frar 2003 bħala d-data tat-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju li hija d-data tal-aħħar laqgħa li għaliha kien attenda T., jew, f’kull każ, il-31 ta’ Marzu 2003 li hija d-data tal-kollokament tiegħu ma’ Sasol, jew ukoll it-30 ta’ Ġunju 2003, id-data tal-irtirar tiegħu.

    Fuq in-neċessità għal ExxonMobil li tiddistakka ruħha mill-attivitajiet tal-akkordju sabiex jiġi stabbilit it-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur

    36

    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni b’mod żbaljat qieset li, f’dan il-każ, il-ġurisprudenza kienet teħtieġ distakkar fir-rigward tal-attivitajiet tal-akkordju sabiex jiġi stabbilit il-waqfien tal-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fil-ksur.

    37

    Dan l-argument huwa madankollu kkontradixxut mill-ġurisprudenza.

    38

    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li seta’ jiġi konkluż li impriża waqfet b’mod definittiv milli tipparteċipa fl-akkordju biss jekk hija tkun iddistakkat ruħha pubblikament mill-kontenut tal-akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T-329/01, Ġabra p. II-3255, punt 246, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T-446/05, Ġabra p. II-1255, punt 241).

    39

    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-interpretazzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju f’dak li jikkonċerna l-allegat iddistakkar ta’ ExxonMobil

    40

    Għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza, l-interpretazzjoni li l-parteċipanti l-oħra f’akkordju jagħtu lill-intenzjoni tal-impriża kkonċernata hija determinanti sabiex jiġi evalwat jekk din tal-aħħar kellhiex l-intenzjoni tiddistakka ruħha mill-ftehim illegali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C-510/06 P, Ġabra p. I-1843, punt 120).

    41

    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jsostnu li, waqt il-laqgħa tas-27 u tat-28 ta’ Frar 2003, T. ħabbar it-tluq tiegħu, mingħajr ma introduċa lil suċċessur bil-għan tal-attendenza għal-laqgħat futuri. Huma jirreferu wkoll għad-dikjarazzjoni ta’ Shell li tgħid li wara t-tluq ta’ T., S. ta’ Sasol ma bagħatx iktar lil ExxonMobil ittri dwar iż-żieda fil-prezz.

    42

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu invokati f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju dominanti fid-dritt tal-Unjoni Ewropea huwa dak ta’ produzzjoni libera tal-provi (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T-50/00, Ġabra p. II-2395, punt 72).

    43

    Fir-rigward tal-valur probatorju tal-provi differenti, l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 72).

    44

    Skont ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà u, b’hekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi li ġie redatt fihom, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punti 1053 u 1838).

    45

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li peress li l-projbizzjoni tal-parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehimiet antikompetittivi u s-sanzjonijiet li l-persuni li jiksru din il-projbizzjoni jistgħu jinkorru huma magħrufa ħafna, huwa komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn il-ftehimiet iseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet u li d-dokumentazzjoni relattiva titnaqqas kemm jista’ jkun. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tiġi meħtieġa tipproduċi dokumenti li jagħtu prova b’mod espliċitu ta’ kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. Anki jekk il-Kummissjoni kellha tiskopri dawn id-dokumenti, dawn normalment ikunu frammentarji u sparsi, b’mod li ħafna drabi jkun neċessarju li wieħed jikkostruwixxi mill-ġdid ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punti 55 sa 57; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punti 64 u 65).

    46

    Din il-ġurisprudenza hija wkoll applikabbli, b’analoġija, għall-perċezzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju f’dak li jikkonċerna l-allegat iddistakkar pubbliku u l-parteċipazzjoni kontinwa ta’ impriża f’dan l-akkordju matul perijodu li matulu din tal-aħħar ma hijiex preżenti fil-laqgħat antikompetittivi. Fil-fatt, il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju ma humiex suppost jagħtu l-perċezzjoni tagħhom f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni kontinwa ta’ membru tal-akkordju li r-rappreżentant tiegħu ma jassistix għal ċerti laqgħat antikompetittivi jew jipproduċu provi kontemporanji oħra f’dan ir-rigward, preċiżament għaliex huma qed jipprovaw jastjenu milli jagħmlu kull riferiment espress għall-arranġamenti antikompetittivi sabiex kemm jista’ jkun inaqqsu l-provi kontrihom. Għaldaqstant, il-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra għadha tiġi dedotta, skont il-każ, minn numru ta’ indizji u ta’ provi indiretti, li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali jista’ jkollhom.

    47

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis, abbażi tal-elementi li jinsabu fil-proċess, li skont il-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra ExxonMobil ma ddistakkatx ruħha pubblikament mill-akkordju qabel l-ittra tagħha tal-20 ta’ Novembru 2003.

    48

    L-ewwel nett, hekk kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, Sasol kompliet tibgħat l-istediniet għal-laqgħat tekniċi sal-20 ta’ Novembru 2003, data tal-ittra ta’ Hu. li tindika li “[f]l-assenza tal-appoġġ ta’ assoċjazzjoni professjonali rregolata ExxonMobil ma [kinitx] ser tattendi għal din il-laqgħa”[traduzzjoni mhux uffiċjali], u li tqieset mill-Kummissjoni bħala d-data tat-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju. Kieku Sasol kienet qieset li ExxonMobil ma kinitx tifforma iżjed parti mill-akkordju wara t-tluq ta’ T., minħabba l-fatt li huwa ma kienx indika suċċessur, hija ma kinitx tibgħat iktar stediniet lil ExxonMobil wara l-31 ta’ Marzu 2003.

    49

    Barra minn hekk, skont it-tweġiba ta’ Sasol tat-18 ta’ Diċembru 2006 għal talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni, is-suċċessur ta’ T., Hu., qatt ma attenda għal-laqgħat tekniċi, iżda kellu kuntatti bilaterali mill-inqas ma’ Sasol.

    50

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jibbażaw ruħhom fuq id-dikjarazzjoni ta’ Shell tas-16 ta’ Ġunju 2006 li tgħid li wara t-tluq ta’ T., S. ta’ Shell ma bagħatx iktar ittri dwar iż-żieda fil-prezz lil ExxonMobil. Hekk kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, dan il-fatt jista’ wkoll jiġi spjegat mill-fatt li S. ma kellux persuna ta’ fiduċja fi ħdan ExxonMobil wara t-tluq ta’ T. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni invokata mir-rikorrenti ma tikkostitwixxix il-prova ta’ bidla ta’ perċezzjoni minn naħa ta’ Shell fir-rigward tal-parteċipazzjoni kontinwa ta’ ExxonMobil fl-akkordju. F’kull każ, din id-dikjarazzjoni bl-ebda mod ma taffettwa l-konklużjoni li Sasol, organizzatriċi tal-laqgħat tekniċi, kompliet tipperċepixxi lil ExxonMobil bħala membru tal-akkordju, hekk kif jirriżulta mill-provi indikati fil-punti 48 u 49 iktar ’il fuq.

    51

    Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-ksur kumpless, uniku u kontinwu inkwistjoni kien jikkonsisti fi ftehimiet jew fi prattiki miftiehma relatati mal-iffissar tal-prezzijiet u mal-iskambju u mal-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq livell kummerċjali, kif ukoll mat-tqassim tal-klijenti jew tas-swieq. Il-fatt li ExxonMobil ma rċevietx iktar l-ittri relatati maż-żieda fil-prezz mingħand Shell jikkonċerna biss aspett wieħed tal-ksur, jiġifieri parti mill-mekkaniżmu għall-kontroll taż-żidiet fil-prezz li l-parteċipanti qablu fuqhom diversi drabi waqt il-laqgħat tekniċi. Il-fatt li Shell ma kkomunikatx iktar lil ExxonMobil il-prezzijiet il-ġodda tagħha b’mod regolari ma jurix li, skont il-perċezzjoni tal-parteċipanti fl-akkordju, ExxonMobil ma kinitx tqis lilha nnifisha marbuta bl-impenji preċedenti li hija kienet ħadet fil-kuntest tal-ksur kumpless, uniku u kontinwu.

    52

    It-tielet nett, mid-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ Hu. jirriżulta li huwa wieġeb għall-istedina għal laqgħa teknika riċevuta minn M. ta’ Sasol fis-26 ta’ Ġunju 2003 billi indika li huwa ma setax jattendi għal-laqgħa sussegwenti minħabba “kunflitt ta’ aġenda”. Bl-istess mod, fir-rigward tal-istedina għal-laqgħa tal-24 ta’ Settembru 2003, riċevuta minn M. fis-17 ta’ Lulju 2003, huwa wieġeb li lejn l-aħħar ta’ Settembru huwa kien ser ikun qed jivvjaġġa u li “[l-laqgħa teknika ma kellhiex tiġi posposta minħabba [fih]”.

    53

    Dawn ir-reazzjonijiet ta’ Hu. jikkontestaw ukoll l-argument tar-rikorrenti li ExxonMobil ġiet ipperċepita bħala li ddistakkat ruħha mill-akkordju wara t-tluq ta’ T. fil-31 ta’ Marzu 2003. L-ewwel nett, kieku l-parteċipanti l-oħra kienu pperċepixxew lil ExxonMobil bħala li ma kinitx iktar membru tal-akkordju, ir-rappreżentant tagħha ma kienx ikun id-destinatarju ta’ messaġġi intiżi sabiex tiġi stabbilita d-data tal-laqgħa teknika sussegwenti. It-tieni nett, ma huwiex raġonevoli li jitqies li, jekk il-parteċipanti tal-akkordju kienu fehmu li ExxonMobil kienet iddistakkat ruħha minnu, Hu. kien invoka “kunflittt ta’ aġenda” fi skambju ta’ messaġġi intiż sabiex tinstab data konvenjenti għall-parteċipanti kollha, peress li tali attitudni tagħti l-impressjoni lill-membri l-oħra li huwa kien dispost għall-parteċipazzjoni kontinwa.

    54

    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi kkonfermata l-analiżi tal-Kummissjoni li, fin-nuqqas ta’ distakk pubbliku, ExxonMobil kienet ġiet ipperċepita mill-parteċipanti l-oħra bħala membru tal-akkordju sal-20 ta’ Novembru 2003.

    Fuq l-assenza ta’ għarfien mill-impjegati ta’ ExxonMobil fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-ksur wara t-tluq ta’ T.

    55

    Ir-rikorrenti jsostnu li ExxonMobil bl-ebda mod ma setgħet tiġi meħtieġa tiddistakka ruħha b’mod pubbliku peress li ma hemm ebda prova li ExxonMobil kienet taf, wara t-tluq ta’ T., dwar il-parteċipazzjoni preċedenti tagħha fil-ksur, u peress li l-provi eżistenti juru, għall-kuntrarju, li T. kien deliberatament ħeba l-kontenut antikompetittiv tal-laqgħat tekniċi mis-superjuri tiegħu u mill-kollegi tiegħu.

    – Fuq il-kwistjonijiet proċedurali

    56

    Hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni pproduċiet, f’anness mal-kontroreplika tagħha, provi dokumentati sabiex tikkonfuta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li T. kien l-uniku impjegat ta’ ExxonMobil li kien jaf dwar il-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-ksur.

    57

    Fir-risposta tagħhom tal-21 ta’ Diċembru 2010 għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet iddettaljati dwar il-provi annessi mal-kontroreplika, anki jekk dawn id-domandi ma kinux jikkonċernaw dan is-suġġett.

    58

    L-ewwel nett, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tneħħi mill-proċess ċerti siltiet li jinsabu fir-risposta tar-rikorrenti għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li fl-ittra tagħhom tal-11 ta’ Marzu 2012 ir-rikorrenti esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għat-tneħħija parzjali tad-dokument inkwistjoni mill-proċess.

    59

    Għandu jiġi rrilevat li, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, fir-risposta tagħhom għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma llimitawx ruħhom jirrispondu għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali u jispjegaw il-kuntest ta’ dawn ir-risposti, iżda rrispondew ukoll għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha u għall-provi annessi magħha.

    60

    Ċertament, fir-Regoli tal-Proċedura ma hija prevista ebda risposta bil-miktub għall-kontroreplika. Madankollu, peress li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex l-opportunità tiddetermina, qabel is-seduta, l-ammissibbiltà ta’ kull punt ta’ din ir-risposta, ir-rikorrenti setgħu ġew imġiegħla jaħsbu li r-risposta tagħhom kienet ser tkun inkluża fil-proċess kollha kemm hi u, għaldaqstant, li ma jirrepetux ċertu siltiet waqt is-seduta, anki jekk huma kellhom l-opportunità jagħmlu dan.

    61

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-provi annessi mal-kontroreplika huma utli mil-lat tas-soluzzjoni tat-tilwima. Għaldaqstant, sa fejn il-Qorti Ġenerali setgħet, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tistieden lir-rikorrenti jieħdu pożizzjoni dwar dawn il-provi, hija tista’, minħabba l-ekonomija tal-ġudizzju, tiddeċiedi li żżomm fil-proċess l-osservazzjonijiet inkwistjoni.

    62

    Għaldaqstant, fid-dawl kemm tal-kriterju ta’ smigħ xieraq kif ukoll tal-ekonomija tal-ġudizzju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiċħad it-talba tal-Kummissjoni għall-irtirar tad-dokument u li tinkludi fil-proċess ir-risposti tar-rikorrenti għad-domandi tal-Qorti Ġenerali fit-totalità tagħhom.

    63

    It-tieni nett, f’din ir-risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kien imissha motivat l-produzzjoni tardiva tal-provi annessi mal-kontroreplika. Fin-nuqqas ta’ tali motivazzjoni, dawn il-provi huma inammissibbli.

    64

    Skont l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għalkemm fir-replika u fil-kontroreplika l-partijiet jistgħu jipproduċu provi insostenn tal-argumenti tagħhom, huma għandhom jimmotivaw id-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi.

    65

    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi enfasizzat li, fir-replika, ir-rikorrenti żviluppaw u sostnew b’mod kunsiderevoli l-argument tagħhom li ExxonMobil ma kinitx taf dwar l-akkordju wara d-data tat-tluq ta’ T. u li ebda wieħed mill-impjegati tagħha ma kien jaf dwar l-akkordju wara din id-data. Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni rreferiet għal dawn l-argumenti mressqa fir-replika meta pproduċiet il-provi li jinsabu fl-anness tal-kontroreplika, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni pproduċiet dawn il-provi għall-ewwel darba fil-kontroreplika tagħha huma bla dubju ta’ xejn ċari ħafna. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li, waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-provi annessi mal-kontroreplika kienu ġew prodotti b’risposta għall-argumenti tar-rikorrenti mressqa fir-replika u fl-Anness C 1 tagħha.

    66

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni mmotivat kif meħtieġ il-produzzjoni tardiva tal-provi, b’mod li dawn għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

    – Fuq il-mertu

    67

    Ir-rikorrenti jirreferu għad-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ Hu., l-impjegat ta’ ExxonMobil li dak iż-żmien T. kien jagħti rendikont lilu. Huwa ddikjara li T. kien informah dwar l-eżistenza ta’ laqgħat tekniċi organizzati minn Sasol lejn l-aħħar tax-xahar ta’ Marzu 2003, meta huwa kien qiegħed jipprepara għat-tluq tiegħu. T. ma kienx semma li kienu ġew diskussi wkoll kwisjtonijiet relatati mas-suq. Hu. iddikjara li huwa ma kien ħatar ebda sostitut għal T., iżda li għall-ewwel huwa kellu l-intenzjoni jassisti huwa stess għal waħda minn dawn il-laqgħat, għaliex huwa ma kienx qiegħed jifhem sewwa x’kienu d-diskussjonijiet tekniċi li kienu qegħdin jinżammu waqt dawn il-laqgħat u xtaq jivverifika jekk “kienx vallapena” li ExxonMobil tkompli tattendihom. Hu. insista fuq il-fatt li dak iż-żmien huwa ma kellu ebda raġuni jissuspetta li dawn il-laqgħat kienu jinvolvu kontenut antikompetittiv jew li T. kien attenda regolarment għal laqgħat antikompetittivi li huwa stess, f’isem ExxonMobil, kien imissu ddistakka ruħu minnhom.

    68

    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-allegazzjoni fattwali tar-rikorrenti hija direttament ikkontradixxuta mill-provi li jinsabu fil-proċess, anki jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni f’anness mal-kontroreplika, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti fir-risposti tagħhom għad-domandi bil-miktub. Fil-fatt mill-proċess jirriżulta li Hu. (ġestjonarju tal-prodotti speċjali għal ċerti Stati Membri tal-Unjoni fi ħdan Mobil bejn l-1996 u l-2000 u ġestjonarju tal-bejgħ tax-xema’ u tal-emulsjonijiet tax-xema’ tal-grupp ExxonMobil f’diversi kontinenti mill-2000), li lilu T. kien jagħti rendikont matul il-perijodu kkontestat, kien jaf dwar il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fil-ksur.

    69

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont messaġġ ta’ J. ta’ Mobil tat-28 ta’ Ġunju 1999, indirizzat lil ċertu numru ta’ destinatarji, fosthom Hu. u P. ta’ ExxonMobil, dwar laqgħa teknika prevista għad-9 ta’ Lulju 1999 fi Vjenna (l-Awstrija), “[Sü. ta’ Sasol] [kien] qiegħed jipprova jsib ftehim bejn il-manufatturi sabiex jiġi offrut li jiġu ssikkati l-limiti tal-produzzjoni, sabiex jinħolqu barrieri għad-dħul fis-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[l]-interess ta’ Mobil [kien], fl-opinjoni tiegħu, li bħala prinċipju ssostni l-approċċ ta’ S[ü.]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata).

    70

    Bl-istess mod, permezz ta’ messaġġ elettroniku intern tat-12 ta’ Settembru 1997, Hu. informa lid-destinatarji dwar l-intenzjoni tiegħu li japplika ż-żieda fil-prezz innotifikata minn Sü. ta’ Sasol. Wieħed mid-destinatarji, Sü. ta’ ExxonMobil, wieġeb kif ġej:

    “[G]razzi, informazzjoni tajba. Nixtieq/nixtiequ ninkoraġġixxu lill-oħrajn jagħmlu dan ukoll.”

    71

    Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-10 ta’ Ottubru 2000, mibgħut minn Hu. lil P. u lil S. ta’ ExxonMobil, ġie indikat li “s-suq kien qiegħed jipprepara għal żieda fil-prezz ta’ DEM 15 (livell minimu ta’ DEM 140) minn Jannar 2001”. Fir-risposti tagħhom għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti jagħtu spjegazzjoni oħra, li ssostni li Hu. kien akkwista l-informazzjoni dwar iż-żieda fil-prezz prevista, mhux mingħand il-kompetituri, iżda minn sorsi oħrajn, b’mod partikolari mingħand klijenti. Madankollu, tali spjegazzjoni għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, ma huwiex plawżibbli li l-klijenti ta’ ExxonMobil, li għandhom interess li jinżamm prezz baxx, ikkomunikawlha l-ammont preċiż taż-żieda fil-prezz (u livell minimu tal-prezz), assoċjati ma’ data preċiża.

    72

    Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-13 ta’ Novembru 2000, Hu. informa lil K. ta’ ExxonMobil li “l-messaġġ ġenerali fis-suq Ewropew [kien] żieda ta’ 15 %”.

    73

    Il-messaġġ elettroniku tad-19 ta’ Novembru 2000, mibgħut minn Hu. lil P. ta’ ExxonMobil bis-suġġett “Żieda fil-prezz tax-xema’”, juri li dak tal-ewwel kien jaf dwar l-iskambju ta’ listi tal-prezzijiet bejn il-kompetituri. Skont dan il-messaġġ elettroniku, “[C. ta’ ExxonMobil] kien għadu qiegħed jirċievi ħafna informazzjoni (ittri relatati max-xema’) (EWF, [Sü.], Total)”. Dan il-messaġġ elettroniku kien jifforma parti minn numru ta’ messaġġi, fosthom messaġġ elettroniku preċedenti ta’ C. ta’ ExxonMobil, li permezz tiegħu Hu. kien ġie informat li “Total u [Sü. ta’ Sasol kienu] bagħtu ittra uffiċjali lill-klijenti (li diġà kienet ġiet riċevuta mill-klijenti [ta’ ExxonMobil] sabiex jinformawhom dwar iż-żieda fil-prezz li jmiss mill-1 ta’ Jannar 2001”, u li Hu. kien wieġeb għalih permezz ta’ messaġġ elettroniku skont kif ġej: “Grazzi [C.] naf dwar dan”.

    74

    Dawn id-dokumenti juru b’mod ċar li Hu. kien jaf dwar il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju, peress li dawn juru li huwa rċieva informazzjoni kummerċjali mill-parteċipanti l-oħra u li ExxonMobil aġġustat l-aġir kummerċjali tagħha fid-dawl ta’ din l-informazzjoni.

    75

    Il-Qorti Ġenerali tqis li d-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ Hu., tas-6 ta’ Awwissu 2007, ma tistax tikkontesta l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 74 iktar ’il fuq. Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni rrilevat, dan id-dokument ġie redatt wara li r-rikorrenti kienu rċevew id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom quddiem il-Kummissjoni. Issa, id-dokumenti misjuba waqt l-investigazzjonijiet għandhom valur probatorju ikbar mid-dikjarazzjonijiet, magħmula in tempore suspecto mir-rappreżentanti jew mir-rappreżentanti preċedenti tal-impriżi akkużati, li huma intiżi sabiex inaqqsu r-responsabbiltà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T-59/02, Ġabra p. II-3627, punt 277, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 379).

    76

    Barra minn hekk, hekk kif juru l-messaġġi tal-10 ta’ Ottubru u tad-19 ta’ Novembru 2000 (ara l-punti 71 u 73 iktar ’il fuq), Hu. bagħat biżżejjed informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-kompetituri u dwar l-aġir kummerċjali tagħhom lil P. (ġestjonarju tal-ispeċjalitajiet għat-territorju Ewropew, Afrikan u tal-Lvant Nofsani) sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jifhem il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fil-prattiki antikompetittivi. Issa, P. kompla jiġi impjegat minn ExxonMobil sal-2005.

    77

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi dokumentati msemmija fil-punti 69 sa 73 iktar ’il fuq, peress li dawn ġew prodotti mill-Kummissjoni f’anness mal-kontroreplika tagħha, b’mod li dawn jikkostitwixxu provi tardivi.

    78

    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

    79

    Fil-fatt, l-ewwel nett, fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għad-dokument imsemmi fil-punt 69 iktar ’il fuq. It-tieni nett, id-dokumenti kollha msemmija fil-punti 69 sa 73 iktar ’il fuq instabu fil-binjiet ta’ ExxonMobil u, fuq kollox, kienu jifformaw parti mill-fajl li r-rikorrenti kellhom aċċess għalih waqt il-proċedura amministrattiva, b’mod li dawn tal-aħħar kienu jafu dwar il-kontenut tiegħu. Għaldaqstant, din ma hijiex informazzjoni ġdida mressqa mill-Kummissjoni għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. It-tielet nett, hemm lok li jiġi enfasizzat li, filwaqt li, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-ilmenti, ir-rikorrenti kkonċentraw ruħhom fuq id-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ Hu., quddiem il-Qorti Ġenerali, u b’mod partikolari fir-replika, huma żviluppaw u sostnew b’mod kunsiderevoli l-argument tagħhom li ExxonMobil ma kinitx taf dwar l-akkordju wara d-data tat-tluq ta’ T. u li ebda wieħed mill-impjegati tagħhom ma kien jaf dwar l-akkordju wara din id-data. Issa, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni jeħtieġ li din tkun tista’ tikkonfuta l-allegazzjonijiet fattwali ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali billi tibbaża ruħha fuq informazzjoni li tinstab fil-fajl amministrattiv, li r-rikorrenti kellhom aċċess għalih waqt il-proċedura quddiem il-Kummissjoni.

    80

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li ExxonMobil ma kinitx taf dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju wara t-tluq ta’ T.

    81

    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-attendenza ta’ T. għal-laqgħat tekniċi ma kellhiex effetti li setgħu jippersistu wara l-aħħar laqgħa teknika li huwa kien attenda għaliha, jiġifieri dik tas-27 u tat-28 ta’ Frar 2003.

    82

    L-ewwel nett, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 74 sa 80 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti mressqa f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn huma bbażati fuq l-allegazzjoni li T. kien l-uniku impjegat ta’ ExxonMobil li kien jaf dwar il-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fl-akkordju.

    83

    It-tieni nett, skont il-ġurisprudenza, l-aġir tal-kompetitur leali huwa kkaratterizzat mill-mod indipendenti li bih huwa jiddetermina l-politika li huwa jkollu l-intenzjoni jadotta fis-suq komuni. Issa, anki jekk l-impriża inkwistjoni ma pparteċipatx fl-attivitajiet tal-akkordju wara ċerta data, huwa ammissibbli li jiġi preżunt li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni diġà skambjata mal-kompetituri tagħha, sabiex tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 121; Hüls vs Il‑Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 162, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il‑Kummissjoni, T-62/02, Ġabra p. II-5057, punt 39).

    84

    Issa, is-sempliċi fatt li ExxonMobil ma attendietx għal-laqgħat tekniċi bejn it-28 ta’ Frar u l-20 ta’ Novembru 2003 bl-ebda mod ma impedixxiha milli tuża l-informazzjoni fuq il-prezzijiet applikati mill-kompetituri tagħha li hija kienet irċeviet waqt in-numru ta’ laqgħat tekniċi preċedenti, li hija kienet attendiet, u milli tieħu vantaġġ mill-ftehimiet dwar it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti milħuqa waqt il-laqgħat tekniċi preċedenti.

    85

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet korretta meta fid-deċiżjoni kkontestata hija kkonkludiet li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fl-akkordju sal-20 ta’ Novembru 2003.

    86

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li t-tieni motiv tar-rikorrenti jiġi miċħud.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li jirriżulta minn assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, waqt il-kalkolu tal-ammont tal-multa, tal-fatt li Exxon ma pparteċipatx fil-ksur qabel l-amalgamazzjoni

    87

    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Esso France minħabba li dan ma jirriflettix il-fatt li, qabel l-amalgamazzjoni Exxon-Mobil f’Novembru 1999, Exxon ma kinitx ipparteċipat fil-ksur.

    Osservazzjonijiet preliminari

    88

    Skont il-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni normalment tuża, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-valur tal-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

    89

    F’dan il-każ, l-aħħar sena kompleta tal-ksur kienet is-sena 2004 għall-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju sal-aħħar tat-tmiem tiegħu, u s-sena 2002 fir-rigward ta’ ExxonMobil. Madankollu, il-Kummissjoni ma qisitx bħala sena ta’ referenza l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni fl-akkordju, iżda l-medja tal-aħħar tliet snin kompleti, minħabba t-tkabbir tal-Unjoni li seħħ fl-2004 (premessa 634 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kkalkolat il-medja tal-valur tal-bejgħ tal-aħħar tliet snin tal-parteċipazzjoni fir-rigward tal-parteċipanti kollha fl-akkordju.

    90

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti, imressqa fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Exxon ma kinitx implikata fil-ksur qabel l-amalgamazzjoni Exxon-Mobil, filwaqt li affermat dan li ġej:

    “ExxonMobil titlob lill-Kummissjoni taqsam il-perijodu ta’ parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil f’perijodu preċedenti għall-amalgamazzjoni u f’perijodu sussegwenti għall-amlagamazzjoni u li tieħu inkunsiderazzjoni biss il-bejgħ magħmul minn Mobil matul il-perijodu qabel l-amalgamazzjoni sabiex jiġi rifless il-fatt li Exxon ma kinitx ipparteċipat fil-ksur. ExxonMobil tallega li minflok is-sena 2002, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li bejn is-sena 1992 u s-sena 2000, Exxon ma kinitx ipparteċipat fil-ksur. Il-Kummissjoni ma hijiex tal-istess fehma. Il-linji gwida tal-2006 [...] jipprovdu li, normalment, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni fil-ksur bħala s-sena ta’ referenza, jiġifieri s-sena 2002 f’dak li jikkonċerna lil ExxonMobil. ExxonMobil ma tressaq ebda argument li jispjega għaliex dan ma għandux ikun il-każ. Fid-dawl tal-fatt li Exxon u Mobil amalgamaw fl-1999, il-Kummissjoni ma ssib ebda raġuni għaliex ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ magħmul minn ExxonMobil fl-2002. Kif muri fil-punt 6.2.2, [ara l-premessi 348 sa 352 tad-deċiżjoni kkontestata] ir-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni ta’ Mobil taqa’ taħt ExxonMobil u din tal-aħħar hija l-kumpannija li fuqha għandha tiġi imposta l-multa u, għaldaqstant,huwa l-valur tal-bejgħ ta’ ExxonMobil li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.”

    91

    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-medja tal-valur tal-bejgħ tal-grupp ExxonMobil matul is-snin 2000 sa 2001 sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa. L-ammont tal-multa tar-rikorrenti kollha, inkluż dik ta’ Esso France, ġie kkalkolat abbażi ta’ dan il-valur tal-bejgħ.

    Fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

    92

    Ir-rikorrenti jsostnu li, meta kkalkolat l-ammont tal-multa imposta fuq Esso France, il-Kummissjoni wettqet żball billi ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ sussegwenti għall-amalgamazzjoni tal-grupp ExxonMobil (il-medja tas-snin 2000 sa 2002) u billi mmultiplikat dan il-valur ukoll bin-numru ta’ snin (mill-1992 sal-1999) li matulhom Mobil waħedha (permezz ta’ Mobil France, sussegwentement assorbita minn Esso France) kienet ipparteċipat fl-akkordju, meta Exxon ma’ kinitx membru tiegħu.

    93

    Skont ir-rikorrenti, billi għamlet dan, il-Kummissjoni imponiet l-istess ammont ta’ multa fuq Esso France, daqs li kieku Exxon kienet verament ipparteċipat fil-ksur matul il-perijodu ta’ ftit iktar minn seba’ snin li kien ippreċeda l-amalgamazzjoni (mill-1992 sal-1999). Dan l-approċċ huwa inkompatibbli mal-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, kif ukoll l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-linji gwida tal-2006.

    94

    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-punt 6 tal-linji gwida tal-2006, il-fatt li l-valur tal-bejgħ “relatat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mal-ksur jiġi kkombinat mat-tul ta’ dan tal-aħħar huwa meqjus bħala li jipprovdi valur ta’ sostituzzjoni adatt sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur.

    95

    Skont il-ġurisprudenza, anki jekk il-Kummissjoni tista’, bħala regola ġenerali, tibbaża ruħha fuq l-aħħar sena tal-parteċipazzjoni fil-ksur bħala perijodu ta’ referenza għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ, ma għandhiex dejjem issir tali għażla. Fil-fatt, għandu jintgħażel metodu ta’ kalkolu li jippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ kull impriża kkonċernata kif ukoll il-portata tal-ksur imwettaq minn kull waħda minnhom, skont ir-realtà ekonomika kif kienet tirriżulta fiż-żmien tat-twettiq tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Industrier vs Il‑Kummissjoni, T-40/06, Ġabra p. II-4893, punt 92).

    96

    Barra minn hekk, sa fejn hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi implikati fl-istess ksur sabiex jiġu stabbiliti l-proporzjonijiet bejn il-multi li għandhom jiġu imposti, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun limitat b’mod li ċ-ċifri miksuba jkunu l-iktar paragunabbli possibbli. Minn dan jirriżulta li impriża partikolari tista’ teħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fir-rigward tagħha, fuq perijodu differenti minn dak li ġeneralment jiġi kkunsidrat biss jekk hija turi li d-dħul mill-bejgħ li hija għamlet matul dan l-aħħar perijodu ma jikkostitwixxix, għal raġunijiet relatati magħha stess, indikazzjoni tad-daqs veru u tas-saħħa ekonomika tagħha u lanqas tal-portata tal-ksur li hija wettqet (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il‑Kummissjoni, T-319/94, Ġabra p. II-1331, punt 42).

    97

    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-medja tad-dħul mill-bejgħ ta’ ExxonMobil magħmul fis-suq suġġett għall-kartell matul il-perijodu ta’ bejn l-2000 u l-2002 jirrifletti korrettament il-portata tal-ksur imwettaq minnha u l-piż relattiv tagħha fl-akkordju, f’dak li jikkonċerna l-perijodu sussegwenti għall-amalgamazzjoni, jiġifieri bejn Novembru 1999 u Novembru 2003 (erba’ snin). Madankollu, huma jikkritikaw il-fatt li l-ammont bażiku kkalkolat abbażi ta’ dan id-dħul mill-bejgħ ġie mmultiplikat bi 11.5 fir-rigward ta’ Esso France u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni użat id-dħul mill-bejgħ ta’ ExxonMobil sussegwenti għall-amalgamazzjoni għall-perijodu ta’ bejn Settembru 1992 sa Novembru 1999 (seba’ snin u nofs), meta Mobil waħedha kienet ipparteċipat fl-akkordju. Skont ir-rikorrenti, il-valur tal-bejgħ sussegwenti għall-amalgamazzjoni tal-grupp ExxonMobil ma jirriflettix il-piż relattiv ta’ Mobil fil-ksur relatat mal-perijodu ta’ bejn Settembru 1992 u Novembru 1999.

    98

    Il-Kummissjoni ssostni li dħul mill-bejgħ medju ta’ ExxonMobil bejn l-2000 u l-2002 jirrifletti korrettament il-piż relattiv ta’ ExxonMobil fl-akkordju matul parti kbira tat-tul tiegħu, jiġifieri l-perijodu sussegwenti għall-amalgamazzjoni, b’mod li dawn iċ-ċifri kienu rappreżentattivi. Barra minn hekk, hija tirreferi għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li hija għandha fl-għażla tal-perijodu ta’ referenza u għall-ġurisprudenza f’dan il-qasam.

    99

    L-ewwel nett, skont il-ġurisprudenza, il-kriterji tal-gravità u tat-tul tal-ksur imsemmija fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, jagħtu lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, fatt li jippermettilha tadotta sanzjonijiet billi tieħu inkunsiderazzjoni l-grad tal-illegalità tal-aġir inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni T-279/02, Ġabra p. II-897, punt 76, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, T-69/04, Ġabra p. II-2567, punt 37).

    100

    Barra minn hekk, meta tiffissa l-ammont tal-multi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, il-Kummissjoni hija meħtieġa tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità (sentenzi Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punti 77 u 79, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punt 41).

    101

    It-tieni nett, skont il-ġurisprudenza, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tal-Qorti Ġenerali, tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni, T-304/02, Ġabra p. II-1887, punt 96).

    102

    Issa, f’dan il-każ, ExxonMobil kienet f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-impriżi l-oħra li kienu qegħdin jipparteċipaw fil-ksur, sa fejn kważi nofs il-produzzjoni tagħha tax-xema’ tal-paraffin — il-produzzjoni ta’ Exxon — ma kinitx ġiet affettwata mill-akkordju qabel l-amalgamazzjoni Exxon-Mobil, li seħħet fl-1999. Madankollu, il-Kummissjoni ttrattat bl-istess mod lill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u lilha, sa fejn hija ħadet inkunsiderazzjoni l-medja tal-valur tal-bejgħ ta’ ExxonMobil magħmul matul l-aħħar tliet snin tal-parteċipazzjoni tagħha.

    103

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    104

    It-tielet nett, hemm lok li jiġu eżaminati flimkien l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u fuq dak tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    105

    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, hemm lok li, minbarra l-gravità tal-ksur, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tiegħu.

    106

    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C-180/96, Ġabra p. I-2265, punt 96; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 223).

    107

    Fil-kuntest tal-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni sabiex tissanzjona l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju timplika li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet li jridu jintlaħqu, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża abbażi ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità u t-tul tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punti 223 u 224, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont tal-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li hija għandha, f’dan ir-rigward, tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T-43/02, Ġabra p. II-3435, punti 226 sa 228, u Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 171).

    108

    Hemm lok li jitfakkar li, skont il-punt 6 tal-linji gwida tal-2006, “il-fatt li l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur jiġi kkumbinat mat-tul ta’ dan tal-aħħar huwa meqjus bħala li jipprovdi valur ta’ sostituzzjoni adatt sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Tali dispożizzjoni tinkludi l-ġustifikazzjoni tal-metodu ġenerali applikat mill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ dawn il-linji gwida, li jikkonsisti fil-multiplikazzjoni ta’ parti determinata tal-valur tal-bejgħ magħmul matul il-perijodu ta’ referenza (18 % f’dan il-każ għax-xema’ tal-paraffin) bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur.

    109

    Il-fatt li, skont dan il-metodu, l-ammont bażiku huwa aritmetikament proporzjonali mat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur (ħlief il-parti ż-żgħira kkostitwita mill-“ħlas supplimentari” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) jindika li, fl-istruttura tal-linji gwida tal-2006, il-fatt li l-valur tal-bejgħ jiġi kkombinat mat-tul għandu jikkostitwixxi valur ta’ sostituzzjoni fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni kollu, u mhux biss fir-rigward tal-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni jew ta’ “parti sinjifikattiva” minnha. Tali konstatazzjoni hija barra minn hekk neċessarja abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 95 iktar ’il fuq li tgħid li huwa meħtieġ li jintgħażel metodu ta’ kalkolu li jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ kull impriża kkonċernata kif ukoll il-portata tal-ksur imwettaq minn kull waħda minnhom, skont ir-realtà ekonomika kif kienet tirriżulta fiż-żmien tat-twettiq tal-ksur.

    110

    Issa, l-ammont bażiku kkalkolat abbażi tal-valur tal-bejgħ matul il-perijodu ta’ referenza, immultiplikat bil-koeffiċjent skont it-tul, jagħti valur ta’ sostituzzjoni adatt, li jirrifletti r-realtà ekonomika matul it-tul kollu tal-ksur, biss jekk il-komponent tiegħu li jikkostitwixxi l-punt tat-tluq — il-valur tal-bejgħ — minn tal-inqas jirrappreżenta b’mod approssimattiv it-tul kollu tal-ksur.

    111

    Ċertament, il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha meta hija tkun qiegħda tikkalkola l-ammont tal-multa jippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni, f’ċirkustanzi normali, l-aħħar sena ta’ parteċipazzjoni fil-ksur bħala perijodu ta’ referenza. Fil-fatt, tali soluzzjoni ġenerali hija ġġustifikata, peress li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jippermetti lill-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-varjazzjoni kollha fil-valur tal-bejgħ matul is-snin tal-ksur u peress li żieda fil-valur tal-bejgħ tista’ tkun ir-riżultat tal-akkordju nnifsu.

    112

    Madankollu, fil-każ fejn amalgamazzjoni seħħet matul l-akkordju u fejn, qabel l-amalgamazzjoni, parti waħda biss kienet ipparteċipat fl-istess akkordju, il-valur tal-bejgħ tal-entità li tirriżulta mill-amalgamazzjoni matul l-aħħar sena kompleta, immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni mhux biss tal-entità li tirriżulta mill-amalgamazzjoni, iżda wkoll tal-parti li, qabel l-amalgamazzjoni, kienet tipparteċipa waħedha fl-akkordju, ma jistax jikkostitwixxi “valur ta’ sostituzzjoni adatt sabiex jiġu riflessi l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur” għat-tul kollu tal-parteċipazzjoni. Fil-fatt, billi mmultiplikat il-valur tal-bejgħ tal-entità li tirriżulta mill-amalgamazzjoni wkoll bin-numru ta’ snin li matulhom waħda mill-partijiet fl-amalgamazzjoni biss ipparteċipat fil-ksur, il-Kummissjoni żiedet artifiċjalment l-ammont bażiku tal-multa b’mod li ma jirriflettix ir-realtà ekonomika eżistenti matul is-snin preċedenti għall-amalgamazzjoni.

    113

    Issa, dan kien dak li ġara f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni kkalkolat l-ammont bażiku użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa ta’ Esso France, billi mmultiplikat il-valur tal-bejgħ tal-grupp ExxonMobil miksub matul il-perijodu ta’ bejn l-2000 u l-2002 b’numru ta’ snin li jinkludu dawk li matulhom Mobil biss kienet ipparteċipat fl-akkordju (mill-1999 sal-1999). L-ammont bażiku hekk miksub huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-gravità tal-ksur, għaliex dan ma jirriflettix b’mod adatt l-importanza ekonomika tal-ksur imwettaq minn Mobil France qabel l-amalgamazzjoni, u lanqas il-piż relattiv tagħha fl-akkordju.

    114

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    115

    L-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni ma jistgħux jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 103 u 114 iktar ’il fuq.

    116

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-amalgamazzjoni Exxon-Mobil meta kkalkolat l-ammont tal-multa, peress li ġew applikati fir-rigward ta’ Esso Deutschland, EMC u EMPC koeffiċjenti li jirriflettu t-tul iqsar.

    117

    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-valur tal-bejgħ ta’ ExxonMobil meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa ta’ Esso France jinkludi l-valur tal-bejgħ relatat mal-attività xema’ finalizzata bl-ilma, li ntwirtet mingħand Exxon, li ma kinitx implikata fl-akkordju qabel l-amalgamazzjoni Exxon-Mobil.

    118

    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    119

    It-tieni nett, hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-ġurisprudenza f’dan il-qasam.

    120

    L-ewwel nett, matul is-seduta, il-Kummissjoni rreferiet għas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il‑Kummissjoni (T-122/07 sa T-124/07, Ġabra p. II-793, punti 124 u 127), li fiha l-Qorti Ġenerali kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni li jieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tal-impriża li nħolqot wara l-amalgamazzjoni ta’ Reyrolle Ltd, ta’ Schneider Electric High Voltage SA u ta’ Nuova Magrini Galileo SpA, miksub matul l-aħħar sena kompleta tal-ksur, għall-kalkolu tal-ammont tat-tluq fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji kollha, anki jekk l-amalgamazzjoni tagħhom seħħet biss sentejn wara li huma bdew jipparteċipaw fil-ksur.

    121

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, hekk kif ġustament osservaw ir-rikorrenti, Reyrolle, Schneider Electric High Voltage u Nuova Magrini Galileo kienu pparteċipaw separatament fl-akkordju qabel l-amalgamazzjoni (sentenza Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il‑Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punt 19), kuntrarjament għal Exxon f’dan il-każ. Il-Qorti Ġenerali tqis li dan il-fatt jikkostitwixxi differenza fattwali importanti ħafna, b’mod li din is-sentenza ma tistax tiġi invokata b’mod utli mill-Kummissjoni f’din il-kawża.

    122

    It-tieni nett, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009 Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (T‑175/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 139 sa 146), li tikkonċerna wkoll akkordju li matulu r-rikorrenti kienu xtraw kumpannija li ma kinitx ipparteċipat fl-akkordju qabel il-konċentrazzjoni.

    123

    Hemm lok li jitfakkar il-kontenut tas-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, li ngħatat fil-kawża msejħa tal-“aċidu monokloroaċetiku” (iktar ’il quddiem l-“AMKA”), li fiha l-Kummissjoni applikat il-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65 (5) [FA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”).

    124

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 143 tas-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ magħmul minn kull waħda mill-impriżi matul is-sena ta’ referenza, jiġifieri l-aħħar sena kompleta tal-perijodu ta’ ksur kkonstatat, kien jippermetti li jiġu evalwati d-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ kull impriża kif ukoll il-portata tal-ksur imwettaq minn kull waħda minnhom, fejn dawn l-elementi huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur imwettaq minn kull impriża.

    125

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-analiżi tal-Kummissjoni, li kklassifikat lil Akzo Nobel fl-ewwel kategorija ta’ dawk li wettqu l-ksur, li fir-rigward tagħha l-ammont bażiku tal-multa kien ġie ffissat għal EUR 30 miljun, quddiem Hoechst, ikklassifikata fit-tieni kategorija, li fir-rigward tagħha l-ammont bażiku tal-multa kien ġie ffissat għal EUR 21 miljun u li kienet l-ikbar produttriċi ta’ AMKA għall-parti l-kbira tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju (mill-1984 sal-1994). Fil-fatt, Akzo kienet ipparteċipat fl-akkordju mill-1984 sal-1999, iżda kien biss, fl-1994, wara l-amalgamazzjoni tagħha ma’ Nobel Industrier, li kienet ipparteċipat fl-akkordju mill-1993, li Akzo Nobel saret l-ikbar produttriċi ta’ AMKA, quddiem Hoechst.

    126

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu ġenerali adottat mill-Kummissjoni abbażi tal-linji gwida tal-2006 huwa sostanzjalment differenti minn dak applikat abbażi tal-linji gwida tal-1998.

    127

    Fil-fatt, ma kien hemm ebda dispożizzjoni fil-linji gwida tal-1998 li kienet timponi lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tal-impriżi kkonċernati fis-suq suġġett għall-kartell. L-ammont tat-tluq tal-multa kellu jiġi ffissat fid-dawl tal-gravità tal-ksur, tal-“kapaċità effettiva ekonomika [tal-awturi ta’ ksur] biex joħolqu theddid sinifikanti għall-operaturi l-oħra”, tal-“piż speċifiku, u għalhekk, [ta]l-impatt reali tal-kondotta offensiva ta’ kull impriża li hi f’kompetizzjoni [fuq il-kompetizzjoni]”, b’mod li “jiggarantixxi effett suffiċjentament diswassiv” għall-impriża kkonċernata.

    128

    Għaldaqstant, il-linji gwida tal-1998 kienu jħallu lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni ħafna usa’ fid-determinazzjoni tal-ammont tat-tluq, determinazzjoni li hija ħafna drabi għamlet billi kklassifikat lill-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju f’diversi kategoriji abbażi b’mod partikolari tal-partijiet rispettivi tagħhom mis-suq. Għall-kuntrarju, fil-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha metodu li jimplika li l-ammont bażiku jkun aritmetikament proporzjonali mal-valur tal-bejgħ, peress li dan l-ammont huwa ekwivalenti għal “perċentwali tal-valur tal-bejgħ, iddeterminata abbażi tal-grad ta’ gravità tal-ksur, immultiplikata bin-numru ta’ snin ta’ ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li miegħu tiżdied somma msejħa “ħlas supplementari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ, sabiex l-impriżi jiġu dissważi milli jipparteċipaw fl-akkordji l-iktar serji.

    129

    Għaldaqstant, is-soluzzjoni adottata fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-linji gwida tal-1998, ma tistax tiġi applikata għal dan il-każ, fid-dawl tad-differenza fil-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, adottata abbażi tal-linji gwida tal-2006.

    130

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi milqugħ u li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ Esso France f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-valur tal-bejgħ għax-xema’ tal-paraffin, mingħajr ma jiġu eżaminati l-ilmenti u l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti. Il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ser jiġu eżaminati fil-punti 134 et seq iktar ’il quddiem.

    131

    Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud

    Fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

    132

    Għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni huwa kkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa, li hija rrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod konformi mal-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, sabiex tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew tal-pagamenti ta’ penalità imposti. Għaldaqstant l-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika, skont ir-rekwiżiti tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm legali kif ukoll fattwali u li hija għandha s-setgħa tevalwa l-provi, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u temenda l-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C-3/06 P, Ġabra p. I-1331, punti 60 sa 62, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il‑Kummissjoni, T-368/00, Ġabra p. II-4491, punt 181).

    133

    Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tevalwa, fid-data li fiha hija tadotta d-deċiżjoni tagħha, jekk ġietx imposta fuq ir-rikorrenti multa li l-ammont tagħha jirrifletti korrettament il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, b’mod li dawn il-multi jkunu ta’ natura proporzjonata fir-rigward tal-kriterji previsti fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, T-156/94, Ġabra p. II-645, punti 584 sa 586, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 93). Madankollu għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja.

    134

    Sabiex jiġu rrimedjati l-illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni, indikati fil-punti 103 u 114 iktar ’il fuq, ikun adatt li wieħed jibbaża ruħu fuq valuri tal-bejgħ separati għal dak li jikkonċerna perijodi preċedenti u sussegwenti għall-amalgamazzjoni Exxon-Mobil.

    135

    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Esso France fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn it-3 ta’ Settembru 1992 u d-29 ta’ Novembru 1999, fin-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli għas-sena 1999, ikun adatt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ ta’ Esso France miksub fl-2000 u li dan jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent ta’ 7.5 sabiex jiġi rifless it-tul ta’ din il-parti tal-ksur.

    136

    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Esso France fil-ksur wara l-amalgamazzjoni Exxon-Mobil, bejn it-30 ta’ Novembru 1999 u l-20 ta’ Novembru 2003, ikun adatt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tal-grupp ExxonMobil, kif iffissat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-medja tal-valur tal-bejgħ miksub matul is-snin 2000 sal-2002. Sussegwentement, hemm lok li dan l-ammont jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent ta’ 4, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ din il-parti tal-ksur.

    137

    L-elementi l-oħra tal-kalkolu tal-ammont tal-multa jibqgħu l-istess. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, skont il-punt 30 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 2 għall-għanijiet ta’ dissważjoni, minħabba d-daqs kbir tal-grupp ExxonMobil, li hija ffissat billi ħadet inkunsiderazzjoni biss ir-relazzjoni bejn il-valur tal-bejgħ u d-dħul mill-bejgħ totali ta’ ExxonMobil, filwaqt li żgurat il-proporzjonalità mal-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni applikati fir-rigward tal-impriżi l-oħra li kienu qegħdin jipparteċipaw fl-akkordju, u mingħajr ma ffissat ammont minimu ta’ multa għall-għanijiet ta’ dissważjoni (ara l-premessi 712 u 713 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ argumenti u ta’ elementi fis-sens kuntrarju, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun adatt li hija tipproċedi bl-istess mod u li tapplika, minħabba d-daqs tal-grupp ExxonMobil, koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 2 għall-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Esso France, kif ikkalkolat skont il-metodu deskritt fil-punti 135 u 136 iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li l-ammont tal-multa imposta fuq Esso France fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi ffissat għal EUR 62 712 895.

    138

    F’kull każ, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-ammont tal-multa hekk iffissat huwa adatt, fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur imwettaq minn EssoFrance.

    Fuq l-ispejjeż

    139

    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l‑ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq waħda jew iktar mit-talbiet rispettivi tagħhom.

    140

    F’dan il-każ, l-ewwel motiv tar-rikorrenti relatat mal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni meta kkalkolat l-ammont tal-multa imposta fuq Esso France, fir-rigward tal-perijodu ta’ parteċipazzjoni preċedenti għall-amalgamazzjoni Exxon-Mobil, ġie milqugħ mill-Qorti Ġenerali. L-argumenti relatati ma’ dan il-motiv kienu jikkostitwixxu l-ikbar parti tar-rikors, li t-tul tiegħu kien ħafna iqsar minn numru ta’ paġni massimi tal-atti, kif stabbilit fil-punt 15 tal-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali. Għall-kuntrarju, l-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tieni motiv, insostenn tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa fir-rigward tal-perijodu tal-parteċipazzjoni fl-akkordju sussegwentement għall-amalgamazzjoni Exxon-Mobil, ġew kompletament miċħuda. Issa, l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Esso Deutschland, fuq EMPC u fuq EMC huwa relatat biss ma’ dan it-tieni perijodu. Għaldaqstant, huwa ġust fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Esso France u li Esso Deutschland, EMPC u EMC għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-ammont tal-multa imposta fuq Esso Société anonyme française fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Xema’ tax-xemgħa), huwa ffissat għal EUR 62 712 895.

     

    2)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     

    3)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti minn Esso Société anonyme française.

     

    4)

    Esso Deutschland GmbH, ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA u Exxon Mobil Corp. għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Czúcz

    Labucka

    Gratsias

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2014.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq