Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62021CC0750

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati l-25 ta’ Mejju 2023.
Pilatus Bank plc vs Il-Bank Ċentrali Ewropew.
Appell – Politika ekonomika u monetarja – Sorveljanza prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Artikolu 6(5)(b) – Sorveljanza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu direttament mill-BĊE – Kundizzjonijiet – Rikors għal annullament – Inammissibbiltà – Rappreżentanza ta’ parti – Mandat mogħti lill-avukat – Rappreżentant b’mandat irregolari.
Kawża C-750/21 P.
Pilatus Bank plc vs Il-Bank Ċentrali Ewropew.
Appell – Politika ekonomika u monetarja – Sorveljanza prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Irtirar ta’ awtorizzazzjoni – Rikors għal annullament – Inammissibbiltà – Rappreżentanza ta’ parti – Mandat mogħti lill-avukat – Rappreżentant awtorizzat b’mod irregolari.
Kawża C-256/22 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2023:431

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑25 ta’ Mejju 2023 ( 1 )

Kawżi C‑750/21 P u C‑256/22 P

Pilatus Bank plc

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Politika ekonomika u monetarja – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Regolament (EU) Nru 1024/2013 – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-BĊE – Deċiżjoni dwar l-irtirar tal-liċenzja għall-aċċess għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Akkuża tal-azzjonist maġġoritarju f’pajjiż terz – Kriterju tar-reputazzjoni – Perċezzjoni tar-reputazzjoni mis-suq – Regolament Nru 2271/96 – Eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża permezz ta’ konsulenza legali– Imputazzjoni ta’ atti preparatorji minn awtoritajiet nazzjonali lill-BĊE – Protezzjoni legali effettiva – Artikoli 41 u 47 tal-Karta”

Werrej

 

I. Introduzzjoni

 

II. Il-kuntest ġuridiku

 

A. Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013

 

B. Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013

 

C. Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014

 

D. Id-Direttiva 2013/36/UE

 

E. Il-Linji Gwida Konġunti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għall-banek, għall-assigurazzjoni u għat-titoli (EBA, EIOPA u ESMA) dwar il-valutazzjoni prudenzjali ta’ akkwisti u żidiet ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti fis-settur finanzjarju

 

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

A. Il-fatti

 

B. Id-digriet appellat (Kawża C‑750/21 P)

 

C. Is-sentenza appellata (Kawża C‑256/22 P)

 

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

 

V. Evalwazzjoni

 

A. Eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kumplessa għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni

 

1. Osservazzjonijiet preliminari

 

2. Imputazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kumplessa

 

a) Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

b) Imputazzjoni lill-BĊE ta’ atti nazzjonali preparatorji

 

c) Żball ta’ liġi fis-sentenza appellata u difiża legali effettiva mill-konsulent legali tal-Bank

 

3. Konklużjoni intermedjarja

 

a) Kawża C‑256/22 P

 

b) Kawża C‑750/21 P

 

B. Portata tas-setgħat superviżorji tal-BĊE

 

1. L-ewwel aggravju fil-Kawża C‑256/22 P: Ksur tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013

 

2. It-tieni aggravju fil-Kawża C‑256/22 P: Evalwazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1024/2013

 

a) L-argumenti tal-appellanti

 

b) Ċaħda mill-Qorti Ġenerali

 

c) Kunċett ta’ reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36

 

d) Rekwiżiti proċedurali u probatorji għall-prova tan-nuqqas ta’ reputazzjoni u tar-riskju li jirriżulta

 

e) L-importanza tar-Regolament Nru 2271/96 dwar l-Imblokkar

 

3. It-tielet aggravju fil-Kawża C‑256/22 P: żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari n-natura sproporzjonata tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni

 

4. L-ewwel aggravju fil-Kawża C‑750/21 P: ilmenti oħra

 

5. Konklużjoni intermedjarja u spejjeż

 

a) Kawża C‑750/21 P

 

b) Kawża C‑256/22 P

 

VI. Konklużjoni

 

A. Kawża C‑750/21 P

 

B. Kawża C‑256/22 P

I. Introduzzjoni

1.

Dawn iż-żewġ kawżi, għalkemm mhux marbuta formalment, jikkonċernaw l-istess partijiet u l-istess proċedura amministrattiva. Din wasslet sabiex il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jirtira fir-rigward tal-appellanti Pilatus Bank plc l-aċċess għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu (iktar ’il quddiem l-“awtorizzazzjoni”).

2.

Barra minn hekk, dawn il-kawżi jqajmu l-istess kwistjonijiet ta’ prinċipju. Minn naħa, għandu jiġi ċċarat jekk il-BĊE huwiex responsabbli, skont is-setgħat superjuri ta’ superviżjoni u ta’ deċiżjoni tiegħu, għas-salvagwardja tad-drittijiet tad-difiża tal-istituzzjoni ta’ kreditu, sa fejn ġew attribwiti lilha nuqqasijiet proċedurali serji fil-parti nazzjonali (f’diversi stadji) tal-proċedura amministrattiva. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat f’dan il-kuntest jekk istituzzjoni ta’ kreditu li titqiegħed taħt superviżjoni jew ġestjoni speċjali mill-awtorità nazzjonali kompetenti tistax teżerċita bis-sħiħ dawn id-drittijiet ta’ difiża u d-dritt tagħha ta’ azzjoni fir-rigward tal-irtirar (imminenti) ta’ din l-awtorizzazzjoni permezz tal-konsulent legali maħtur mill-Bord tad-Diretturi tagħha.

3.

Barra minn hekk, iż-żewġ kawżi jirrigwardaw, b’mod ġenerali, il-portata tas-setgħat superviżorji tal-BĊE skont ir-regoli tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku ( 2 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk u sa liema punt l-atti preparatorji adottati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma imputabbli lill-BĊE, jekk dan għandux jistħarreġ il-legalità tagħhom u jekk dawn jistgħux jiġu invokati quddiem il-qrati tal-Unjoni flimkien mad-deċiżjoni tal-BĊE li tagħlaq il-proċedura.

4.

Fil-Kawża C‑256/22 P, tqum il-kwistjoni ta’ prinċipju supplimentari dwar f’liema kundizzjonijiet huwa possibbli l-irtirar tal-liċenzja għall-aċċess għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu minħabba l-assenza jew it-telf tar-“reputazzjoni” tal-azzjonist maġġoritarju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Din hija l-ewwel darba li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddeċiedi dwar dan il-kriterju ta’ evalwazzjoni indeterminat.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013

5.

Ir-Regolament Nru 1024/2013 jistabbilixxi fil-premessi 16, 20 u 21 tiegħu:

“(16)

Is-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu il-kbar huma essenzjali biex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Madankollu, esperjenza reċenti turi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar jistgħu wkoll ikunu ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk, il-BĊE għandu jkun jista’ jeżerċita kompiti superviżorji fir-rigward tal- istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati u l-fergħat kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti.

[…]

(20)

Awtorizzazzjoni preliminari għall-operat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu hija teknika prudenzjali essenzjali biex jiġi żgurat li dawk l-attivitajiet jitwettqu biss minn operaturi b’bażi ekonomika soda, b’organizzazzjoni kapaċi tittratta r-riskji speċifiċi inerenti għat-teħid ta’ depożiti u l-provvediment ta’ krediti, u b’diretturi xierqa. Il-BĊE għandu għalhekk ikollu l-kompitu li jawtorizza lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom jiġu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti u għandu jkun responsabbli għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet, soġġett għal arranġamenti speċifiċi li jirriflettu r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali.

(21)

Minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-każijiet għall-irtirar ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu attwalment jipprovdu għal kundizzjonijiet ulterjuri għall-awtorizzazzjoni u għal każijiet ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni. Il-BĊE għandu għalhekk iwettaq il-kompitu tiegħu fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni f’każ ta’ nonkonformità mad-dritt nazzjonali fuq proposta mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti, li tivvaluta l-konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti bid-dritt nazzjonali.”

6.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1024/2013, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jikkonferixxi lill-BĊE kompiti speċifiċi fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, bil-għan li jikkontribwixxu għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u kull Stat Membru, b’rigward sħiħ u bid-dover ta’ attenzjoni għall-unità u l-integrità tas-suq intern abbażi ta’ trattament ugwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu bil-għan li jkun impedut arbitraġġ regolatorju.

L-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlamanet Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment [ ( 3 )] huma esklużi mill-kompiti superviżorji kkonferiti lill-BĊE f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. L-ambitu tal-kompiti superviżorji tal-BĊE huwa limitat għas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament ma għandu jikkonferixxi xi kompiti ta’ superviżjoni oħra fuq il-BĊE, bħal kompiti relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ kontropartijiet ċentrali.

Fit-twettieq tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-objettiv li jiġu żgurati s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-BĊE għandu jqis bis-sħiħ it-tipi differenti, mudelli ta’ negozju u daqsijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

L-ebda azzjoni, proposta jew politika tal-BĊE ma għandha tiddiskrimina, direttament jew indirettament, kontra kwalunkwe Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri bħala post għall-forniment ta’ servizzi bankarji jew finanzjarji fi kwalunkwe munita.

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet u s-setgħat relatati tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu kompiti ta’ superviżjoni li ma humiex ikkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament huwa wkoll mingħajr preġudizzju għar-responsabbilitajiet u s-setgħat relatati tal-awtoritajiet kompetenti jew nominati tal-Istati Membri parteċipanti biex japplikaw strumenti makroprudenzjali li mhumiex previsti fl-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.”

7.

Il-paragrafi 2, 3 u 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprovdu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“2.   ‘awtorità nazzjonali kompetenti’ tfisser awtorità nazzjonali kompetenti maħtura minn Stat Membru parteċipanti skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment [ ( 4 )] u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

3.   ‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

[…]

9.   ‘Mekkaniżmu superviżorju uniku’ (MSU) tfisser is-sistema ta’ superviżjoni finanzjarja komposta mill-BĊE u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti kif deskritt fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.”

8.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013 jiddefinixxi l-kompiti kkonferiti lill-BĊE, inter alia, kif ġej:

“1.   Fil-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti:

a)

jawtorizza lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jirtira l-awtorizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu soġġett għal-Artikolu 14;

[…]

3.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġislazjzoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn Regolamenti u fejn attwalment dawk ir-Regolamenti jagħtu opzjonijiet lill-Istati Membri, il-BĊE għandu japplika wkoll il-leġislazzjoni nazzjonali waqt li jeżerċita dawk l-opzjonijiet”.

9.

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprovdi inter alia:

“1.   Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan MSU li huwa magħmul mill-BĊE u minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-BĊE għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU.

[…]

4.   Fir-rigward tal-kompiti definiti fl-Artikolu 4, ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu, il-BĊE għandu jkollu r-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom ir-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas tal-proċeduri, u soġġett għall-proċeduri, imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumpaniji holding finanzjarji jew il-kumpaniji holding finanzjarji mħalltin li ġejjin jew fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti:

dawk li huma inqas sinifikanti fuq bażi konsolidata, fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti, jew individwalment fil-każ speċifiku tal-fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti. Is-sinifikanza għandha tkun ivvalutata abbażi tal-kriterji li ġejjin:

i)

id-daqs;

ii)

l-importanza għall-ekonomija tal-Unjoni jew kwalunkwe Stat Membru parteċipanti;

iii)

is-sinifikanza tal-attivitajiet transkonfinali.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu hawn fuq, istituzzjoni ta’ kreditu jew kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta ma għandhiex titqies bħala inqas sinifikanti, dment li ma jkunx ġustifikat b’ċirkostanzi partikolari li għandhom jiġu speċifikati fil-metodoloġija, jekk kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun sodisfatta:

i)

il-valur totali tal-assi tagħha jaqbeż EUR 30 biljun;

ii)

il-proporzjon tal-assi totali tagħha fuq il-PDG tal-Istat Membru parteċipanti tal-istabbiliment jaqbeż 20 %, sakemm il-valur totali tal-assi tagħha ma jkunx taħt il-5 biljun euro;

iii)

wara notifika mill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħha li hija tqis tali istituzzjoni bħala li għandha rilevanza sinifikanti rigward l-ekonomija domestika, il-BĊE jieħu deċiżjoni li tikkonferma tali sinifikanza wara valutazzjoni komprensiva mill-BĊE, inkluż valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ, ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu.

Il-BĊE jista’ wkoll, fuq inizjattiva proprja, jikkunsidra li istituzzjoni tkun ta’ rilevanza sinifikanti fejn tkun stabbilixxiet sussidjarji bankarji f’aktar minn Stat Membru parteċipanti wieħed u l-attivi jew il-passivi transkonfinali tagħha jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-attivi jew il-passivi totali tagħha soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-metodoloġija.

Dawk li għalihom assistenza finanzjarja pubblika ġiet rikjesta jew riċevuta direttament mill-EFSF jew il-MES ma għandhomx jitqiesu bħala inqas sinifikanti.

Minkejja s-subparagrafi preċedenti, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament fir-rigward tat-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti f’kull wieħed mill-Istati Membri parteċipanti, sakemm mhux iġġustifikat minħabba ċirkostanzi partikolari.

5.   Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu 4, u fi ħdan il-qafas definit fil-paragrafu 7:

a)

il-BĊE għandu joħroġ regolamenti, linji gwida jew struzzjonijiet ġenerali lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, skont liema l-kompiti definiti fl-Artikolu 4 ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu jitwettqu u deċiżjonijiet superviżorji jiġu adottati minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali;

Tali struzzjonijiet jistgħu jirreferu għas-setgħat speċifiċi fl-Artikolu 16(2) għal gruppi jew kategoriji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-fini li tkun żgurata l-konsistenza tal-eżiti superviżorji fi ħdan il-MSU;

b)

meta meħtieġ biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, il-BĊE jista’ f’kull ħin, fuq l-inizjattiva proprja wara li jikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew fuq talba minn awtorità nazzjonali kompetenti, jiddeċiedi li jeżerċita direttament hu stess is-setgħat rilevanti kollha għal istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 4, inkluż f’każ fejn l-assistenza finanzjarja tkun intalbet jew riċevuta indirettament mill-EFSF jew il-MES;

[…]”

10.

Skont l-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 1024/2013:

“1.   Għall-fini esklussiv tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu bl-Artikoli 4(1), 4(2) u 5(2), il-BĊE għandu jitqies, kif adatt, bħala l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nominata fl-Istati Membri parteċipanti kif stabbiliti mill-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

Għall-istess fini esklussiv, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat u l-obbligi kollha li jinsabu f’dan ir-Regolament. Huwa għandu jkollu wkoll is-setgħat u l-obbligi kollha li l-awtoritajiet kompetenti u nominata għandu jkollhom skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor b’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat elenkati fit-Taqsimiet 1 u 2 ta’ dan il-Kapitolu.

Sal-limitu neċessarju għat-twettiq tal-kompiti konferiti fuqu b’dan ir-Regolament, il-BĊE jista’, permezz ta’ struzzjonijiet, jesiġi li dawk l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom, taħt u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali, fejn dan ir-Regolament ma jikkonferix tali setgħat fuq il-BĊE. Dawk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinformaw b’mod sħiħ lill-BĊE dwar l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat.

2.   Il-BĊE għandu jeżerċita s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu skont l-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3). Fl-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji u investigatorji rispettivi tagħhom, il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkooperaw mill-qrib.”

11.

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1024/2013, intitolat “Awtorizzazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Kwalunkwe applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jingħata bidu għall-operat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tkun ser tiġi stabbilita fi Stat Membru parteċipanti għandha tiġi sottomessa lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun ser tiġi stabbilita skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali rilevanti.

2.   Jekk l-applikant jikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fil-liġi nazzjonali rilevanti ta’ dak l-Istat Membru, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu, fil-perijodu previst fil-liġi nazzjonali rilevanti, abbozz ta’ deċiżjoni biex tipproponi lill-BĊE biex jagħti l-awtorizzazzjoni. L-abbozz ta’ deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-BĊE u lill-applikant għal awtorizzazzjoni. Fil-każijiet l-oħra, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tirrifjuta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

3.   L-abbozz ta’ deċiżjoni għandu jiġi kkunsidrat li jiġi adottat mill-BĊE sakemm il-BĊE ma joġġezzjonax f’perijodu massimu ta’ għaxart ijiem ta’ ħidma, li jista’ jiġi estiż darba għall-istess perijodu f’każijiet debitament ġustifikati. Il-BĊE għandu joġġezzjona għall-abbozz ta’ deċiżjoni biss meta ma jintlaħqux il-kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni. Huwa għandu jiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut bil-miktub.

4.   Id-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafi 2 u 3 għandha tiġi nnotifikata mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-applikant għal awtorizzazzjoni.

5.   Soġġett għall-paragrafu 6, il-BĊE jista’ jirtira l-awtorizzazzjoni fil-każijiet stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni fuq l-inizjattiva proprja, wara konsultazzjonijiet mal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni ta’ kreditu, jew fuq proposta minn tali awtorità nazzjonali kompetenti. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom b’mod partikolari jiżguraw li qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet rigward l-irtirar, il-BĊE jagħti biżżejjed żmien lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet neċessarji ta’ rimedju, inklużi miżuri ta’ riżoluzzjoni possibbli, u jieħdu kont tagħhom.

Meta l-awtorità nazzjonali kompetenti li tkun ipproponiet l-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 tqis li l-awtorizzazzjoni trid tiġi rtirata skont il-liġi nazzjonali rilevanti, din għandha tissottometti proposta lill-BĊE għal dak il-għan. F’dak il-każ, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar propost filwaqt li jikkunsidra bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni għall-irtirar imressqa mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

6.   Sakemm l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, f’każijiet fejn huma jqisu li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni jippreġudika l-implimentazzjoni adegwata ta’ azzjonijiet neċessarji għar-riżoluzzjoni jew biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, huma għandhom jinnotifikaw debitament l-oġġezzjoni tagħhom lill-BĊE bi spejgazzjoni fid-dettall tal-preġudizzju li l-irtirar jista’ jikkawża. F’dawk il-każijiet, il-BĊE għandu jastjeni milli jipproċedi għall-irtirar għal perijodu miftiehem b’mod reċiproku mal-awtoritajiet nazzjonali. Il-BĊE jista’ jestendi dak il-perijodu jekk huwa tal-opinjoni li jkun sar progess suffiċjenti. Jekk, madankollu, il-BĊE jiddetermina f’deċiżjoni raġunata li azzjonijiet adatti neċessarji biex tinżamm l-istabbilta finanzjarja ma ġewx implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali, l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għandu japplika immedjatament.”

B.   Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013

12.

Il-premessa 5 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 ( 5 ) hija fformulata kif ġej:

“Flimkien, dan ir-Regolament u d-Direttiva 2013/36/UE għandhom jiffurmaw il-qafas ġuridiku li jirregola l-aċċess għall-attività, il-qafas superviżorju u r-regoli prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment (imsejħa flimkien bħala ‘istituzzjonijiet’). Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jinqara flimkien ma’ dik id- Direttiva.”

13.

L-Artikolu 4(1)(1) u (42) ta’ dan ir-Regolament jipprovdu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser impriża li n-negozju tagħha jkun li tieħu depożiti jew fondi oħra ripagabbli mingħand il-pubbliku u li tagħti krediti f’isimha stess;

[…]

(42)

‘awtorizzazzjoni” tfisser strument maħruġ fi kwalunkwe forma mill-awtoritajiet li permezz tiegħu jingħata d-dritt li jitwettaq in-negozju;

[…]”

C.   Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014

14.

Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) ( 6 ), jipprovdi fl-Artikolu 27(1) tiegħu taħt it-titolu “Rappreżentanza ta’ parti” is-segwenti:

“Parti tista’ tkun irrappreżentata mir-rappreżentanti legali jew statutorji tagħha jew minn kwalunkwe rappreżentant ieħor li jkollhom is-setgħa permezz ta’ mandat bil-miktub biex jieħdu kwalunkwe u kull azzjoni relatati mal-proċedura superviżorja tal-BĊE.”

D.   Id-Direttiva 2013/36/UE

15.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE ( 7 ), jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

a)

l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment (kollettivament imsejħa ‘istituzzjonijiet’);

b)

is-setgħat superviżorji u l-għodod għas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti;

c)

is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti b’mod li jkun konsistenti mar-regoli stabbiliti fir-Regolament(UE) Nru 575/2013;

d)

ir-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tar-regolamentazzjoni prudenzjali u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet.”

16.

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2013/36, intitolat “Awtorizzazzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jiksbu awtorizzazzjoni qabel ma jibdew bl-attivitajiet tagħhom. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 10 sa 14, huma għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti għal din l-awtorizzazzjoni u jinnotifikaw lill-ABE.”

17.

L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Projbizzjoni kontra persuni jew impriżi li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu milli jwettqu n-negozju ta’ ġbir ta’ depożiti jew fondi rimborżabbli oħrajn mill-pubbliku”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu li persuni jew impriżi li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu jwettqu n-negozju ta’ ġbir ta’ depożiti jew fondi rimborżabbli oħrajn mill-pubbliku.”

18.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2013/36, intitolat “Azzjonisti u membri”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni biex tinbeda l-attività ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jekk, meta, b’kont meħud tal-ħtieġa li tiġi żgurata ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu, huma ma jkunux sodisfatti dwar l-idonjetà tal-azzjonisti jew tal-membri, b’mod partikolari fejn ma jiġux sodisfattti l-kriterji stipulati fl-Artikolu 23(1). L-Artikolu 23 (2) u (3) u l-Artikolu 24 għandhom japplikaw.”

19.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36, intitolat “Irtirar tal-awtorizzazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija biss fejn tali istituzzjoni ta’ kreditu:

a)

ma tagħmilx użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, tirrinunzja espressament l-awtorizzazzjoni jew ma tkunx baqgħet twettaq in-negozju għal aktar minn sitt xhur, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx għamel dispożizzjoni dwar l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni f’tali każijiet;

b)

tkun kisbet l-awtorizzazzjoni permezz ta’ stqarrijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz ieħor irregolari;

c)

ma tkunx għadha tissodisfa l-kondizzjonijiet li bihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

d)

ma tkunx baqgħet tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali stipulati fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa jew Sitta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew impost skont l-Artikolu 104 (1)(a) jew l-Artikolu 105 ta’ din id-Direttiva jew ma tkunx tista’ tibqa’ fdata biex twettaq l-obbligi tagħha lejn il-kredituri tagħha, u b’mod partikolari, ma baqgħetx tipprovdi sigurtà għall-assi fdati f’idejha mid-depożituri tagħha;

e)

taqa’ taħt xi wieħed mill-każijiet l-oħra fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni; jew

f)

twettaq xi ksur imsemmi fl-Artikolu 67(1).”

20.

L-Artikolu 23(1) u (2) tad-Direttiva 2013/36 jipprovdi:

“1.   Fil-valutazzjoni tan-notifika prevista fl-Artikolu 22(1) u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sabiex jiżguraw il-ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu li fiha jkun qiegħed jiġi propost l-akkwist, u filwaqt li titqies l-influwenza eventwali eżerċitata mill-akkwirent propost fuq dik l-istituzzjoni ta’ kreditu, jivvalutaw l-ideoneità tal-akkwirent propost u s-sodizza finanzjarja tal-akkwist propost skont il-kriterji li ġejjin:

a)

ir-reputazzjoni tal-akkwirent propost;

b)

ir-reputazzjoni, għarfien, ħiliet u l-esperjenza, kif imniżżel fl-Artikolu 91(1), ta’ kwalunkwe membru tal-korp ta’ ġestjoni u kwalunkwe membru tal-amministrazzjoni għolja li ser imexxi n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu bħala riżultat tal-akkwist propost;

c)

is-sodizza finanzjarja tal-akkwirent propost, b’mod partikolari fir-rigward tat-tip ta’ negozju li jsir u li jkun previst fl-istituzzjoni ta’ kreditu li fiha jkun qiegħed jiġi propost l-akkwist;

d)

jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu tkunx tista’ tikkonforma u tkompli tikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali bbażati fuq din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013, u fejn applikabbli, liġi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari, id-Direttivi 2002/87/KE u 2009/110/KE, inkluż, jekk il-grupp li tkun ser issir parti minnu jkollux struttura li tippermetti l-eżerċizzju ta’ superviżjoni effikaċi, l-iskambju effikaċi ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u d-determinazzjoni tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti;

e)

jekk ikunx hemm motivazzjonijiet raġonevoli għal suspett li, b’rabta mal-akkwist propost, ikun qiegħed jitwettaq jew ġie mwettaq ħasil ta’ flus jew finanzjament ta’ terroristi fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu [ ( 8 )], jew li l-akkwist propost seta’ jżid ir-riskju ta’ dan.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jopponu l-akkwist propost biss jekk ikun hemm motivazzjonijiet raġonevoli għal dan abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 jew jekk l-informazzjoni pprovduta mill-akkwirent propost ma tkunx kompluta.”

E.   Il-Linji Gwida Konġunti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għall-banek, għall-assigurazzjoni u għat-titoli (EBA, EIOPA u ESMA) dwar il-valutazzjoni prudenzjali ta’ akkwisti u żidiet ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti fis-settur finanzjarju

21.

Il-Linji Gwida Konġunti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għall-banek, għall-assigurazzjoni u għat-titoli (EBA, EIOPA u ESMA) dwar il-valutazzjoni prudenzjali ta’ akkwisti u żidiet ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti fis-settur finanzjarju (iktar ’il quddiem: il-“Linji Gwida Konġunti”) jipprovdu taħt it-titolu “10. Reputazzjoni tal-akkwirent propost - l-ewwel kriterju ta’ valutazzjoni”, inter alia, is-segwenti:

“10.1 Il-valutazzjoni tar-reputazzjoni tal-akkwirent propost għandha tkopri żewġ elementi:

(a)

l-integrità tiegħu; u

(b)

il-kompetenzi professjonali tiegħu.

[…]

10.9 Akkwirent propost għandu jitqies ta’ reputazzjoni tajba jekk ma jkun hemm l-ebda prova affidabbli li tissuġġerixxi mod ieħor u s-superviżur fil-mira m’għandu l-ebda raġuni raġonevoli biex jiddubita r-reputazzjoni tajba tiegħu jew tagħha. Għandha tiġi meqjusa l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli għall-valutazzjoni, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe limitazzjoni imposta mil-liġi nazzjonali u irrispettivament mill-pajjiż li fihom seħħew kwalunkwe avvenimenti rilevanti.

[…]

10.13 Għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-fatturi li ġejjin, li jistgħu jqajmu tħassib dwar l-integrità ta’ akkwirent propost::

(a)

kwalunkwe kundanna jew prosekuzzjoni ta’ reat kriminali, b’mod partikolari:

i.

kwalunkwe reat fil-liġijiet li jirregolaw attivitajiet bankarji, finanzjarji, titoli u assigurazzjonijiet, jew li jikkonċernaw swieq tat-titoli jew strumenti ta’ titoli jew pagament;

ii.

kwalunkwe reat ta’ diżonestà, frodi jew kriminalità finanzjarja, inkluż il-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-manipulazzjoni tas-suq, abbuż minn informazzjoni privileġġata, użura u korruzzjoni;

iii.

kwalunkwe reat ta’ taxxa;

iv.

kwalunkwe reat ieħor fil-leġiżlazzjoni dwar il-kumpaniji, il-falliment, linsolvenza jew il-protezzjoni tal-konsumatur;

(b)

kwalunkwe sejba rilevanti minn kontrolli fuq il-post u barra l-post, minn investigazzjonijiet jew azzjonijiet ta’ infurzar, sal-punt li huma relatati mal-akkwirent propost direttament jew indirettament, permezz tas-sjieda jew kontroll tiegħu, u limpożizzjoni ta’ kwalunkwe sanzjoni amministrattiva minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ dispożizzjonijiet li jirregolaw attivitajiet bankarji, finanzjarji, titoli jew assigurazzjonijiet jew dawk li jikkonċernaw swieq tat-titoli, strumenti tat-titoli jew tal-pagament, jew kwalunkwe leġiżlazzjoni u regolament tas-servizzi finanzjarji jew kwistjonijiet oħra kkontemplati fis-sub-paragrafu (a) hawn fuq;

(c)

kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar rilevanti minn kwalunkwe korp regolatorju jew professjonali ieħor minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti; u

(d)

kwalunkwe informazzjoni oħra minn sorsi kredibbli u affidabbli li hija rilevanti f’dan il-kuntest. Meta jikkunsidraw jekk l-informazzjoni minn sorsi oħra hijiex kredibbli u affidabbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw kemm is-sors huwa pubbliku u affidabbli, sa liema punt l-informazzjoni tiġi pprovduta minn bosta sorsi indipendenti u ta’ reputazzjoni tajba u hija konsistenti fuq perjodu ta’ żmien u jekk hemmx raġuni raġonevoli biex jissuspettaw li din hija falza.

[…]

10.16 Is-superviżuri fil-mira għandhom jivvalutaw ir-rilevanza ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn skont il-każ u jirrikonoxxu li l-karatteristiċi ta’ kull sitwazzjoni jistgħu jkunu xi ftit jew wisq severi u li xi sitwazzjonijiet jistgħu jkunu sinifikanti meta kkunsidrati f’daqqa, minkejja l-fatt li b’mod individwali kull waħda minnhom tista’ ma tkunx sinifikanti.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.   Il-fatti

22.

Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza u l-appellanti fiż-żewġ kawżi ineżami hija Pilatus Bank plc, istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva stabbilita f’Malta, u suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta mill-Malta Financial Services Authority (l-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji, iktar ’il quddiem il-“MFSA”). It-tieni rikorrenti fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑27/19, Pilatus Holding Ltd., ma hijiex parti fil-proċedura tal-appell.

23.

Skont stqarrija għall-istampa tal-United States Department of Justice (il-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Istati Uniti tal-Amerika), ippubblikata fid‑19 ta’ Marzu 2018, Ali Sadr, azzjonist tal-appellanti, li għandu 100 % tal-kapital tagħha u tad-drittijiet ta’ vot (iktar ’il quddiem l-“azzjonist maġġoritarju”), ġie arrestat fl-Istati Uniti, fuq il-bażi ta’ sitt kapijiet ta’ akkuża. Dawn kienu marbuta mal-allegat involviment tiegħu fi skema li permezz tagħha madwar 115‑il miljun dollaru Amerikan (USD) f’pagamenti għall-finanzjament ta’ proġett fil-Venezwela ġew allegatament miżapproprjati għall-benefiċċju ta’ persuni u ta’ kumpanniji Iranjani.

24.

Skont l-att ta’ akkuża tal-United States Attorney for the Southern District of New York (il-Prosekutur tal-Istati Uniti għad-Distrett tan-Naħa ta’ Isfel ta’ New York), ċerti fondi li ġew użati sabiex tiġi stabbilita u ffinanzjata l-appellanti fl‑2013 kellhom sors illegali marbut mal-proġett fil-Venezwela.

25.

Wara l-akkuża tal-azzjonist maġġoritarju fl-Istati Uniti, l-appellanti rċeviet, b’mod partikolari, talbiet għall-irtirar ta’ depożiti għal ammont totali ta’ EUR 51.4 miljun, jiġifieri madwar 40 % tad-depożiti li jidhru fil-bilanċ tagħha.

26.

Fil‑21 ta’ Marzu 2018, il-MFSA adottat direttiva dwar l-irtirar jew is-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot li permezz tagħha hija ordnat, b’mod partikolari, li, l-ewwel, l-azzjonist maġġoritarju jitneħħa mill-kariga tiegħu ta’ direttur tal-appellanti b’effett immedjat u mill-funzjonijiet deċiżjonali l-oħra kollha tiegħu fi ħdanha, u t-tieni, li huwa jissospendi l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu tal-vot u t-tielet li jastjeni minn kull rappreżentanza legali jew ġudizzjarja tal-appellanti.

27.

Fl-istess jum, il-MFSA adottat id-direttiva dwar il-moratorju, li permezz tagħha ordnat lill-appellanti ma tawtorizza ebda tranżazzjoni bankarja, b’mod partikolari l-irtirar u d-depożiti mill-azzjonisti u mill-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-appellanti.

28.

Fit‑22 ta’ Marzu 2018, il-MFSA adottat id-direttiva dwar il-ħatra ta’ persuna kompetenti, sabiex tafda lil din il-persuna, essenzjalment, bl-eżerċizzju tal-parti l-kbira tas-setgħat normalment fdati lill-korpi ta’ tmexxija tal-appellanti fir-rigward tal-attivitajiet speċifiċi u tal-assi ta’ din tal-aħħar.

29.

Fid‑29 ta’ Ġunju 2018, il-BĊE rċieva proposta mill-MFSA li jirtira l-awtorizzazzjoni tal-appellanti skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

30.

Fit‑2 ta’ Awwissu 2018, il-MFSA ssottomettiet lill-BĊE proposta riveduta għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni.

31.

Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Awwissu 2018, il-BĊE stieden lill-appellanti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara d-data ta’ riċezzjoni tal-imsemmija ittra.

32.

Fis‑6 ta’ Settembru 2018, l-appellanti, irrappreżentata mill-konsulent legali tagħha, talbet estensjoni tat-terminu għas-smigħ ta’ 14‑il jum kif ukoll l-aċċess għall-fajl ta’ din il-proċedura.

33.

Sussegwentement, permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑10 ta’ Settembru 2018, il-BĊE talab lill-appellanti tibgħatlu kull korrispondenza fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha permezz tal-persuna kompetenti jew bil-kunsens tagħha. Fl‑20 ta’ Novembru 2018, l-appellanti ppreżentat rikors għal annullament kontra dan il-messaġġ elettroniku quddiem il-Qorti Ġenerali, li ċaħditu bħala inammissibbli permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Lulju 2019 ( 9 ). L-appell mid-digriet ta’ inammissibbiltà tal-Qorti Ġenerali ġie miċħud ukoll bħala manifestament infondat b’digriet mill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Frar 2021, iżda billi ġiet issostitwita l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali ( 10 ).

34.

Fuq talba tal-appellanti, it-terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet ġie estiż inizjalment sas‑17 ta’ Settembru 2018 u sussegwentement sal‑21 ta’ Settembru 2018.

35.

Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Settembru 2018, il-BĊE ta aċċess għall-fajl tal-proċedura amministrattiva lill-appellanti.

36.

Fil‑21 ta’ Settembru 2018, l-appellanti bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni, fejn esprimiet l-oppożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi tagħha u tal-azzjonisti tagħha għal tali abbozz.

37.

Fit‑2 ta’ Novembru 2018, il-BĊE adotta, skont l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, id-deċiżjoni li permezz tagħha huwa rtira l-awtorizzazzjoni tal-appellanti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża”) ( 11 )).

38.

Wara r-rifjut tal-persuna kompetenti li tħallas, mill-fondi tal-appellanti, l-onorarji tal-konsulent legali tagħha, din tal-aħħar ikkuntattjat, permezz ta’ posta elettronika tat‑13 ta’ Novembru u tal‑20 ta’ Diċembru 2018, lill-BĊE fejn talbitu jeżerċita s-setgħat superviżorji tiegħu skont ir-Regolament Nru 1024/2013 u jordna lill-persuna kompetenti tapprova l-ħlas tal-onorarji.

39.

Permezz ta’ posta elettronika tal‑21 ta’ Diċembru 2019 (iktar ’il quddiem il-“posta elettronika kontenzjuża” ( 12 )), il-BĊE essenzjalment wieġeb li s-setgħat superviżorji tiegħu skont ir-Regolament Nru 1024/2013 kienu limitati għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament). Il-motivazzjoni mogħtija mill-BĊE kienet li huwa ma kienx għadu kompetenti sabiex jieħu miżuri fir-rigward tal-appellanti, peress li l-awtorizzazzjoni tagħha kienet ġiet irtirata b’effett mill‑5 ta’ Novembru 2018.

B.   Id-digriet appellat (Kawża C‑750/21 P)

40.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Marzu 2019, l-appellanti ppreżentat rikors għal annullament kontra l-posta elettroniku kontenzjuża.

41.

Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Settembru 2021, Pilatus Bank vs BĊE (T‑139/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:623, iktar ’il quddiem: id-“digriet appellat”), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors b’mod konformi mal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, abbażi tal-motivazzjoni li huwa manifestament infondat fid-dritt.

42.

Il-Qorti Ġenerali l-ewwel eżaminat l-ewwel motiv, li skontu l-BĊE wettaq żball ta’ liġi meta ddikjara nuqqas manifest ta’ kompetenza li jeżerċita s-setgħat superviżorji diretti tiegħu fir-rigward tal-appellanti u li jagħti istruzzjonijiet lill-persuna kompetenti sabiex tawtorizza l-ħlas tal-onorarji lill-konsulent legali maħtur mill-Bord tad-Diretturi tagħha. Hija kkonkludiet li l-BĊE manifestament ma huwiex kompetenti f’dan ir-rigward u ċaħdet dan il-motiv bħala manifestament infondat fid-dritt B’riferiment għad-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2021, PNB Banka vs BĊE (T‑50/20, EU:T:2021:141), il-Qorti Ġenerali essenzjalment ċaħdet ukoll il-motivi l-oħra bħala manifestament infondati fid-dritt.

C.   Is-sentenza appellata (Kawża C‑256/22 P)

43.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Jannar 2019, l-appellanti, flimkien ma’ Pilatus Holding, ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża.

44.

Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Frar 2022, Pilatus Bank u Pilatus Holding vs BĊE (T‑27/19, EU:T:2022:46, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors sa fejn ġie ppreżentat minn Pilatus Holding, bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ inċidenza diretta tal-azzjonisti, u bħala infondat fir-rigward tal-kumplament.

45.

L-ewwel motiv jikkonċerna l-kompetenza fil-proċedura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, kif irregolata mill-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem: Karta) ( 13 ). Hija kkunsidrat, b’mod partikolari, li eċċess eventwali tal-kompetenza tal-MFSA permezz tad-direttivi tal‑21 u tat‑22 ta’ Marzu 2018 li jippreċedu l-proposta tagħha għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni tal-appellanti ma setax iwassal li jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża. Fil-fatt, dan l-eventwali eċċess b’differenza mid-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża la jikkostitwixxi att promotur, la att preparatorju u lanqas “proposta mhux vinkolanti” fis-sens tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018 Berlusconi u Fininvest ( 14 ), iktar ’il quddiem is-“sentenza Berlusconi”).

46.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll it-tieni motiv ( 15 ). Dan kien ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata fid-dritt tar-raġuni għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Din kienet tikkonsisti fid-dannu għar-reputazzjoni tal-azzjonist maġġoritarju u tal-appellanti u fir-riskju li kien jirriżulta minnu għall-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata kif ukoll għas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

47.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll it-tielet u r-raba’ motiv. Skont tali motivi, il-BĊE ma eżerċitax is-setgħa diskrezzjonali tiegħu jew għamel dan b’mod inadegwat u la eżamina u lanqas evalwa l-fatti rilevanti b’mod imparzjali u oġġettiv ( 16 ).

48.

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-ħames sal-ħdax‑il motiv (ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nemo auditur, kif ukoll tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament; ksur tal-Artikolu 19 u tal-premessa 75 tar-Regolament Nru 1024/2013 u użu ħażin ta’ poter; ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, u tal-obbligu ta’ motivazzjoni) ( 17 ).

49.

Insostenn taċ-ċaħda tal-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddikjarat dan li ġej: ( 18 ) l-appellanti rċeviet l-ittra tal-BĊE tal‑31 ta’ Awwissu 2018, li fiha huwa stedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, kif ukoll l-ittra tagħha tat‑‑13 ta’ Settembru 2018, li permezz tagħha l-BĊE taha aċċess għall-fajl tal-proċedura amministrattiva. Hija sempliċement irrispondiet li hija kienet tikkonferma l-oppożizzjoni tagħha għall-abbozz ta’ deċiżjoni. B’dan il-mod, l-appellanti kellha terminu totali ta’ tliet ġimgħat sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-proposta għal deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, l-appellanti ngħatat l-opportunità li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar il-provi mressqa kontriha.

50.

Fir-rigward tal-allegata impossibbiltà għall-appellanti li tirremunera l-konsulent legali tagħha u li jkollha aċċess għar-riżorsi u għall-informazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, inter alia, li dawn iċ-ċirkustanzi jirriżultaw esklużivament mill-ħatra tal-persuna kompetenti, ikkunsidrata bħala r-rappreżentant esklużiv tal-appellanti matul il-proċedura amministrattiva. Skont id-dritt Malti, hija biss il-MFSA li hija kompetenti f’dan ir-rigward. Bl-istess mod, id-deċiżjoni li tiġi maħtura persuna kompetenti la hija att promotur, la att preparatorju u lanqas “proposta mhux vinkolanti” (ara l-punt 45 iktar ’il fuq) meta mqabbla mad-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża u għaldaqstant ma tistax tivvizzja din id-deċiżjoni b’illegalità. Peress li din hija deċiżjoni prevista mid-dritt Malti u taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-MFSA, li tista’ tiġi mistħarrġa biss quddiem il-qrati Maltin, il-konsegwenzi tagħha ma jistgħux jiġu imputati lill-BĊE. Il-BĊE lanqas ma jista’ jiġi kkritikat li ma pprekludiex lill-MFSA, skont is-setgħa ġenerali ta’ istruzzjoni tiegħu fil-kuntest tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, milli tadotta d-deċiżjoni ta’ ħatra ta’ persuna kompetenti. Fil-fatt, il-BĊE ma għandu l-ebda obbligu ieħor lil hinn mill-obbligu li jirċievi l-osservazzjonijiet tad-destinatarji tad-deċiżjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, huma r-rikorrenti li għandhom jikkontestaw, fil-livell nazzjonali, il-legalità tal-ħatra tal-persuna kompetenti u, jekk ikun il-każ, tad-deċiżjonijiet ta’ din il-persuna li jiċħdu t-talbiet tagħhom għal aċċess għal fondi sabiex jirremuneraw lill-konsulenti legali tagħhom jew għal aċċess għal riżorsi jew għal informazzjoni. Jekk ikun hemm bżonn, huma għandhom iressqu talba għal deċiżjoni preliminari sabiex jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jipprekludix tali deċiżjonijiet jew il-ħatra ta’ persuna kompetenti ( 19 ).

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

51.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Diċembru 2021, l-appellanti ppreżentat l-appell fil-Kawża C‑750/21 P.

52.

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat,

tannulla l-posta elettronika kontenzjuża;

sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament, u

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż kollha.

53.

Il-BĊE jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat;

sussidjarjament, tiċħad l-appell fl-intier tiegħu bħala infondat, u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kollha.

54.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2022, l-appellanti ppreżentat l-appell fil-Kawża C‑256/22 P.

55.

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża;

sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament, u

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż kollha.

56.

Il-BĊE jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat;

sussidjarjament, tiċħad l-appell fl-intier tiegħu bħala infondat, u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kollha.

57.

Fit‑13 ta’ Diċembru 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet, li huma għamlu fit-termini stabbiliti.

V. Evalwazzjoni

58.

L-ewwel, ser nindirizza flimkien l-ilmenti fformulati fil-Kawżi C‑750/21 P u C‑256/22 P fir-rigward tal-effettività tar-rappreżentanza legali u tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti (Sezzjoni A.). Sussegwentement, ser nindirizza l-ilmenti invokati dwar il-portata tas-setgħat superviżorji tal-BĊE u l-ilmenti l-oħra (Sezzjoni B.).

A.   Eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kumplessa għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni

1. Osservazzjonijiet preliminari

59.

Iż-żewġ appelli jirrigwardaw żewġ kwistjonijiet ta’ liġi li, bħala prinċipju, huma marbuta mill-qrib.

60.

Minn naħa, għandu jiġi eżaminat jekk l-appellanti setgħetx tiddefendi ruħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kumplessa li wasslet għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha u jekk il-qrati nazzjonali jew il-qrati tal-Unjoni għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u għandhomx jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’dan ir-rigward. Fil-fatt, mis-sentenza Berlusconi, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li r-responsabbiltà għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet taqa’ biss taħt il-kompetenza tal-MFSA u tal-qrati Maltin, aspett li l-appellanti ssostni huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

61.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat taħt liema kundizzjonijiet tali difiża legali għandha tiġi żgurata u, b’mod partikolari, jekk din għandhiex tkun tista’ ssir esklużivament permezz tal-konsulent legali indikat mill-appellanti. Fil-fatt, skont id-dritt Malti, l-appellanti kienet irrappreżentata barra minn hekk, matul il-proċedura amministrattiva kollha, mill-persuna kompetenti li kienet ħatret il-MFSA. Inizjalment, il-BĊE kien saħansitra rrikonoxxa li kienet biss din il-persuna li kienet ir-rappreżentant tal-appellanti u l-interlokutur fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 468/2014. Kien biss sussegwentement li l-BĊE kkomunika wkoll mal-konsulent legali tal-appellanti, li kkomunikalu l-abbozz tad-deċiżjoni kontenzjuża tiegħu u tah l-aċċess għall-fajl. Il-problemi marbuta ma’ din ir-“rappreżentanza doppja” jirriżultaw mill-fatt li l-persuna kompetenti ma awtorizzatx lill-konsulent legali jaċċedi l-bini tal-appellanti kif ukoll għall-informazzjoni u għall-provi li kienu jinsabu fih u rrifjutat li tirrilaxxa l-fondi għall-ħlas tal-onorarji tal- konsulent legali.

62.

Dawn il-problemi kienu wkoll is-suġġett, tal-inqas indirettament, tal-proċeduri definittivament magħluqa fil-Kawżi T‑687/18 ( 20 ) u C‑701/19 P ( 21 ) (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Fihom, l-appellanti kienet ikkontestat il-posta elettronika tal-BĊE tal‑10 ta’ Settembru 2018 li kien talabha tibgħat kull korrispondenza fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha permezz tal-persuna kompetenti jew bil-kunsens tagħha. Madankollu, kemm ir-rikors kif ukoll l-appell tal-appellanti ġew miċħuda. F’kawżi oħra f’sitwazzjonijiet fattwali simili, il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tqajmet ukoll, filwaqt li baqgħet miftuħa fuq il-mertu ( 22 ), b’tali mod li hija meħtieġa l-kjarifika tagħha bħala kwistjoni ta’ prinċipju.

63.

Fil-Kawża C‑750/21 P, l-appellanti tilmenta, inter alia, li, għalxejn hija talbet lill-MFSA, u sussegwentement lill-BĊE, jordnaw lill-persuna kompetenti tħallas il-fatturi ta’ onorarji tal-konsulent legali tagħha permezz ta’ fondi tal-bank. Barra minn hekk, permezz tas-sitt ilment tal-ewwel aggravju, hija tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, inizjalment, il-BĊE ma kienx aċċetta r-rappreżentanza legali tagħha minn dan l-avukat. Għall-kuntrarju, il-BĊE insista fuq ir-rappreżentanza tiegħu esklużivament permezz tal-persuna kompetenti u sussegwentement ma rrikonoxxiex il-fatt li, fin-nuqqas ta’ aċċess għall-post tan-negozju tal-bank, il-konsulent legali tagħha ma setax jiżgura difiża legali effettiva. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, inter alia, li l-Qorti Ġenerali pprekludiet l-aċċess dirett tagħha għall-qrati tal-Unjoni. B’dan il-mod, hija kisritilha d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ġie rrikonoxxut fis-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE vs Trasta Komercbanka et ( 23 )(iktar ’il quddiem is-“sentenza Trasta Komercbanka”).

64.

Fil-Kawża C‑256/22 P, l-appellanti essenzjalment tikkritika, fil-kuntest tal-ewwel u r-raba’ aggravju, lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni la r-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza Trasta Komercbanka u lanqas il-fatt li hija kienet imċaħħda minn rappreżentanza u minn difiża legali effikaċi kemm matul il-proċedura amministrattiva ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha kif ukoll wara l-konklużjoni tagħha. B’mod partikolari, il-konsulent legali tagħha ma kellux aċċess għad-dokumenti, għall-informazzjoni u għall-provi importanti għal dan l-għan, b’mod partikolari fis-sistema informatika tagħha u fil-bini tal-bank. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża ġiet debitament innotifikata mhux lill-appellanti, iżda biss lill-persuna kompetenti ( 24 ).

65.

F’dan l-isfond, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi, b’mod partikolari fil-punti 242 sa 252 tas-sentenza appellata

66.

Minn naħa, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx tiddeċiedi li eventwali ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti matul il-proċedura amministrattiva kumplessa li wasslu għall-adozzjoni mill-BĊE tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienx imputabbli lill-BĊE u li ma kienx hemm ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li l-atti inkwistjoni ma kinux jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-BĊE, iżda taħt dawk tal-MFSA u tal-qrati Maltin (ara l-punti 69 sa 76 iktar ’il quddiem).

67.

Min-naħa l-oħra, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni, marbuta mill-qrib, dwar jekk il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx il-fatt li difiża legali effettiva tal-appellanti matul il-proċedura amministrattiva u quddiem il-Qorti Ġenerali għandha sseħħ esklużivament permezz tal-konsulent legali maħtur minnha. Dan huwa l-każ meta l-eżerċizzju parallel tas-setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna kompetenti kien ta’ natura li jmur kontra d-difiża minħabba kunflitti ta’ interess (ara l-punti 77 sa 85 iktar ’il quddiem).

2. Imputazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kumplessa

68.

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali b’mod partikolari fil-punti 242 sa 252 tas-sentenza appellata, jidhirli li huwa inkompatibbli mat-tqassim tal-kompetenza ġurisdizzjonali għall-istħarriġ tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-BĊE fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, kif stabbilit mill-ġurisprudenza. Huwa jirriżulta, skont is-sentenza Berlusconi ( 25 ), mill-Artikolu 263 TFUE, li jgħid li huma biss il-qrati tal-Unjoni li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jagħmel parti minnhom il-BĊE (ara l-punt a). Dan it-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji jippreżumi li l-eventwali ksur tad-drittijiet tad-difiża mwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali jiġi imputat lill-BĊE u jista’ jkun suġġett għal stħarriġ quddiem il-qrati tal-Unjoni biss permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża tagħhom (ara l-punt b). Fl-aħħar, ser neżamina l-legalità ta’ kull waħda mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata fil-Kawża C‑256/22 P u fid-digriet appellat fil-Kawża C‑750/21 P (ara l-punt c).

a) Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja

69.

L-għoti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra l-atti ta’ implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-BĊE jista’ jingħata biss mill-qrati tal-Unjoni ( 26 ). Il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Unjoni tinkludi wkoll l-istħarriġ (inċidentali) tal-legalità ta’ ċerti atti preparatorji jew proposti tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati li jista’ jkollhom effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni finali tal-BĊE ( 27 ). Minn dan isegwi neċessarjament li l-eventwali ksur tad-drittijiet tad-difiża minn dawn l-awtoritajiet jew mill-BĊE f’tali proċeduri amministrattivi jaqa’ wkoll taħt il-kompetenza esklużiva ta’ stħarriġ tal-qrati tal-Unjoni. Dan japplika a fortiori fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati wkoll jirrispettaw id-drittijiet proċedurali fundamentali tal-Karta meta jimplimentaw ir-Regolament Nru 1024/2013 ( 28 ).

70.

Għaldaqstant, il-legalità tal-proċedura amministrattiva kumplessa bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-BĊE teħtieġ stħarriġ ġudizzjarju uniku mill-qrati tal-Unjoni, u dan biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE li ttemm il-proċedura. Hija biss din id-deċiżjoni li tipproduċi effetti legali vinkolanti li jistgħu jbiddlu s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent ( 29 ).

b) Imputazzjoni lill-BĊE ta’ atti nazzjonali preparatorji

71.

Sa fejn il-BĊE jagħlaq il-proċedura amministrattiva permezz ta’ att li jikkawża preġudizzju lill-istituzzjoni ta’ kreditu li tista’ tiġi kkontestata biss quddiem il-qrati tal-Unjoni, huwa jassumi responsabbiltà partikolari għall-iżvolġiment tajjeb tagħha. Minn naħa, huwa stess għandu josserva l-garanziji proċedurali. Min-naħa l-oħra, huwa għandu jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali li jadottaw atti preparatorji għall-att finali josservaw ukoll dawn il-garanziji.

72.

L-eventwali illegalità tal-atti (preparatorji) tal-awtoritajiet nazzjonali, pereżempju ksur tad-drittijiet tad-difiża, “tikkontamina” id-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża u hija imputabbli lilu ( 30 ). Din il-kontaminazzjoni hija konformi mal-prinċipju li l-atti ta’ implimentazzjoni jew preparatorji li ma jistgħux jiġu kkontestati b’mod indipendenti għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tal-legalità tagħhom tal-inqas flimkien mad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura amministrattiva, u jistgħu jwasslu għan-nullità tagħhom ( 31 ). Fil-proċedura amministrattiva kumplessa ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, dan il-prinċipju jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-BĊE huwa unikament responsabbli għall-għoti tad-dritt għal smigħ fir-rigward tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura.

73.

Il-Qorti Ġenerali osservat dan il-prinċipju fil-passat ( 32 ), iżda ddevjat minn dan il-prinċipju fis-sentenza appellata.

c) Żball ta’ liġi fis-sentenza appellata u difiża legali effettiva mill-konsulent legali tal-Bank

74.

Abbażi tal-premessi esposti fil-punti 69 sa 73, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 242 sa 252 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat b’diversi żbalji ta’ liġi.

75.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punti 242 sa 244 u 249 tas-sentenza appellata, li ċerti ċirkustanzi jew ċerti atti, bħal dawk ibbażati fuq id-direttiva ta’ ħatra ta’ persuna kompetenti adottata skont id-dritt Malti, ma kinux jikkostitwixxu, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża, atti preparatorji, fis-sens tas-sentenza Berlusconi ( 33 ), li jistgħu jivvizzjaw din id-deċiżjoni b’illegalità. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 69 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq u fis-sentenza Trasta Komercbanka ( 34 ), tali ċirkustanzi jew atti jistgħu jaffettwaw id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 35 ). Kif esponejt fil-punti 102 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn l-atti la huma legalment vinkolanti għall-BĊE u lanqas jistgħu, skont il-prinċipji sussegwentement irrikonoxxuti fis-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il‑Kummissjoni ( 36 ), jiġu kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu imputati lill-BĊE. Huwa biss b’dan il-mod li jiġi żgurat ir-rispett neċessarju tad-drittijiet proċedurali fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u tal-protezzjoni ġudizzjarja uniformi u effettiva meħtieġa quddiem il-qrati tal-Unjoni.

76.

It-tieni, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-punti 245 sa 248 tas-sentenza appellata, il-BĊE kellu jiżgura li l-appellanti tkun tista’ effettivament teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ (ara l-punti 69 sa 73 iktar ’il fuq). L-Artikolu 31 u l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 468/2014 jistabbilixxu dan id-dritt kif ukoll dak ta’ aċċess għall-fajl matul il-proċedura quddiem il-BĊE. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(1) kif ukoll mit-tieni u mit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE kien ukoll f’pożizzjoni li jinfluwenza lill-MFSA bis-saħħa tas-setgħat ġenerali tiegħu ta’ superviżjoni u ta’ għoti ta’ istruzzjonijiet fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali. Huwa seta’ għalhekk jinkoraġġixxi lil din l-awtorità tippermetti lill-appellanti, għall-finijiet tad-difiża legali effettiva tagħha, ikollha l-fondi tagħha u aċċess għad-dokumenti u għall-informazzjoni rilevanti. Madankollu, dan ma jfissirx li l-BĊE kien ukoll suġġett għal obbligu, infurzabbli b’mod awtonomu, li jagħmel dan. Ser nerġa’ nindirizza dan il-punt f’iktar dettall fil-punti 88 sa 93 iktar ’il quddiem.

77.

It-tielet, anki l-oneru tal-appellanti, ikkonstatat fil-punt 250 tas-sentenza appellata, li tikkontesta l-illegalità ta’ atti proċedurali nazzjonali quddiem il-qrati tal-Istati Membri u li tiċċara l-kompatibbiltà tagħhom mal-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita mid-dritt tal-Unjoni permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa wkoll ivvizzjat bi żball ta’ liġi. Fil-fatt, dan imur kontra t-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji espost fil-punti 69 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

78.

Fl-aħħar, meta evalwat l-għaxar motiv fil-punti 242 et seq. tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli toġġezzjona għall-opinjoni legali tal-BĊE dwar ir-“rappreżentanza doppja” tal-appellanti. Skont il-BĊE, id-dritt Malti u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 468/2014 allegatament jippermettu lill-bank ikun irrappreżentat kemm mill-persuna kompetenti kif ukoll mill-konsulent legali maħtur mill-korpi tiegħu matul il-proċedura għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni; ir-rappreżentanza legali tal-ewwel persuna hija saħansitra prijorità. Dan kien wassal sabiex il-konsulent legali seta’ jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti sa ċertu punt jew b’mod tardiv biss (ara punt 61 iktar ’il fuq).

79.

Madankollu, tali sitwazzjoni tinvolvi kunflitti ta’ interessi li jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet tal-bank ikkonċernat għal difiża legali effettiva u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 37 ). Dan peress li l-persuna kompetenti tirrappreżenta inqas l-interessi ta’ dan il-bank milli l-interess pubbliku fl-amministrazzjoni tiegħu sal-irtirar possibbli tal-awtorizzazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, hija marbuta mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti li ordnaw il-ħatra tagħha u ppreparaw il-proċedura għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Il-limitazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, allegata fir-raba’ aggravju fil-Kawża C‑256/22 P, tirriżulta minn tali kunflitt ta’ interessi. Fil-fatt, skont id-dritt Malti u abbażi tar-rifjut tal-persuna kompetenti, il-konsulent legali tagħha ma setax ikollu aċċess għall-bini u l-mezzi ta’ data tal-bank, bl-informazzjoni u l-provi rilevanti, kif ukoll għar-riżorsi finanzjarji neċessarji għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

80.

Għaldaqstant, id-dritt Malti u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 468/2014, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 41, 47 u 48 tal-Karta ( 38 ), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-konsulent legali maħtur mill-bank għandu jkun jista’ jiddefendi effettivament id-drittijiet u l-interessi tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni u quddiem il-qrati tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan huwa konformi mal-opinjoni issa unanima tal-partijiet, li huma kkomunikaw bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż b’riferiment għas-sitwazzjoni legali u għall-ġurisprudenza Maltija.

81.

Konsegwentement, il-BĊE għandu jirrikonoxxi l-konsulent legali tal-bank ikkonċernat bħala rappreżentant legali adegwat, fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 468/2014. Dan jgħodd b’mod partikolari fil-fażi deċiżiva tal-proċedura li huwa jimplimenta. Fil-kawża ineżami, għalkemm huwa għamel dan ftit qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża tiegħu ( 39 ), huwa ma għamilx dan inizjalment.

82.

Din il-konklużjoni hija konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Appell Maltija tal‑5 ta’ Novembru 2018 ( 40 ). Skont din is-sentenza, huma rriżervati biss għall-persuna kompetenti l-ġestjoni tan-negozju tal-bank u s-setgħa ta’ rappreżentanza legali jew ġudizzjarja relatata magħha, pereżempju t-tmexxija ta’ tilwim kuntrattwali. B’kuntrast ma’ dan, il-persuna kompetenti ma għandhiex dritt li tirrappreżenta legalment lill-bank fil-proċedura li tista’ twassal għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tiegħu mill-BĊE jew li tippreżenta rikors kontra ċerti miżuri provviżorji tal-MFSA.

83.

Din l-interpretazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta u mar-rekwiżit ta’ protezzjoni effettiva tad-drittijiet tad-difiża. Hija tirriżerva d-difiża legali f’dan ir-rigward għall-konsulent legali biss maħtur mill-bank innifsu. Dan jinkludi l-preżentata ta’ rikors kontra l-irtirar tal-awtorizzazzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni.

84.

Fil-fatt, hija biss tali setgħa ta’ rappreżentanza komplementari ddefinita b’mod ċar tal-persuna kompetenti, minn naħa, u tal-konsulent legali maħtur mill-bank ikkonċernat, min-naħa l-oħra, li hija ta’ natura li tevita kunflitti ta’ interessi u, għaldaqstant, ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ dan il-bank u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta. Fil-każ kuntrarju, ikun hemm ukoll tħassib dwar atti kontradittorji ta’ proċedura u ta’ kontenzjuż f’isem il-bank.

85.

Minn dan isegwi li l-konsulent legali maħtur mill-korpi kompetenti tal-bank, skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 468/2014, huwa unikament awtorizzat li jirrappreżenta l-interessi u d-drittijiet tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni quddiem il-BĊE. Għaldaqstant, huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jeżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tiegħu.

3. Konklużjoni intermedjarja

a) Kawża C‑256/22 P

86.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑256/22 P għandu jintlaqa’. Is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni u ċaħdet it-tieni parti tal-għaxar motiv. Din il-parti kienet tirrigwarda l-ksur tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, tad-dritt għal smigħ. Ir-raġuni għal dan kienet li, matul il-proċedura amministrattiva, l-appellanti ma kellhiex aċċess għal dokumenti u għal informazzjoni fis-sistema informatika tagħha kif ukoll għall-fondi tagħha sabiex tħallas l-onorarji tal-konsulent legali.

87.

Madankollu, sa fejn, anki fil-kuntest tal-ewwel aggravju, l-appellanti tinvoka ksur tad-drittijiet proċedurali fundamentali tagħha minħabba li d-deċiżjoni kontenzjuża ma ġietx debitament innotifikata lilha mill-BĊE, inqis li dan l-ilment ma huwiex fondat. Dan ser nispjegah f’iktar dettall fil-punti 100 u 101.

b) Kawża C‑750/21 P

88.

Madankollu, fil-Kawża C‑750/21 P, ma nqisx li s-sitt ilment tal-ewwel aggravju (preġudizzju tal-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti mill-konsulent legali tiegħu) u t-tieni aggravju (ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva) huma fondati (ara punt 63 iktar ’il fuq).

89.

Fil-fatt, f’tali kawża, l-appellanti ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi provi li l-BĊE kien kiser id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti billi rrikonoxxa, inizjalment, il-persuna kompetenti bħala l-konsulent legali tagħha u billi, sussegwentement ( 41 ) naqas milli jordnalha tħallas l-onorarji tal-konsulent legali tagħha.

90.

Minn naħa, issa huwa paċifiku bejn il-partijiet (ara l-punti 78 u 80 iktar ’il fuq) li l-BĊE rrikonoxxa l-konsulent legali tal-appellanti bħala rappreżentant għad-difiża tad-drittijiet tagħha fil-kuntest tal-proċedura tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 239 sa 241 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑256/22 P u li lanqas l-appellanti ma tikkontesta iktar, il-BĊE ta lill-appellanti aċċess għall-fajls tal-proċedura u kellha biżżejjed opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha.

91.

Min-naħa l-oħra, ma tista’ tiġi dedotta ebda bażi legali li tawtorizza jew tobbliga lill-BĊE jinkariga lill-persuna kompetenti, wara l-għeluq tal-proċedura tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni, tħallas il-fatturi tal-onorarji tal-konsulent legali tal-appellanti. Il-BĊE ma huwiex suġġett, fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1024/2013, għal obbligu ġenerali ta’ superviżjoni jew ta’ sorveljanza relatat mar-rispett tad-drittijiet proċedurali fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, bħal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-Artikolu 17(1) TUE għall-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja ( 42 ) Bl-istess mod, dan ir-regolament ma jinkludi ebda obbligu legali tal-BĊE li jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali istruzzjonijiet ta’ dan it-tip, li huma infurzabbli b’mod awtonomu mill-bank ikkonċernat ( 43 ).

92.

Din il-konklużjoni ma tikkontradixxix il-fatt li restrizzjoni imposta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-drittijiet tad-difiża tal-bank ikkonċernat fil-kuntest tal-proċedura tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni tista’ tkun imputabbli lill-BĊE u trendi d-deċiżjoni finali tiegħu kkontaminata u illegali (ara l-punti 69 sa 73 iktar ’il fuq). Fil-fatt, l-atti proċedurali preparatorji, inklużi dawk intiżi sabiex jiggarantixxu eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu kkontestati b’mod awtonomu quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 44 ). Għall-kuntrarju, l-illegalità tagħhom tista’ tiġi oġġezzjonata biss flimkien mad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura amministrattiva ( 45 ). Barra minn hekk, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża tiegħu, ir-rifjut kontenzjuż ta’ intervent mill-BĊE ma għandux jibqa’ jitqies bħala att preparatorju.

93.

Minn dan isegwi li s-sitt ilment tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑750/21 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

B.   Portata tas-setgħat superviżorji tal-BĊE

94.

Id-diversi aggravji u l-ilmenti taż-żewġ appelli dwar il-portata tas-setgħat superviżorji tal-BĊE ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem. L-ewwel, ser neżamina l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑256/22 P, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013 mill-BĊE (punt 1). Sussegwentement ser nindirizza t-tieni aggravju, li jgħid li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ reputazzjoni skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 (punt 2). Wara eżami qasir tat-tielet aggravju (punt 3), ser nindirizza l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑750/21 P, dwar il-portata tal-kompetenza tal-BĊE fil-kuntest tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (punt 4).

1. L-ewwel aggravju fil-Kawża C‑256/22 P: Ksur tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013

95.

Permezz tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑256/22 P, l-appellanti tikkontesta ċ-ċaħda tal-ewwel motiv. Hija tinvoka ksur, mill-Qorti Ġenerali, tat-tqassim tal-kompetenzi fil-qasam tal-irtirar ta’ awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41 tal-Karta. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, hija kienet sostniet, minn naħa, li l-BĊE ma kienx ipprekluda, bi ksur tal-obbligu tiegħu ta’ superviżjoni globali li jirriżulta mill-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013, li, fl-assenza ta’ kwalunkwe proċedura ordinarja, il-MFSA kienet, de facto, diġà rtirat l-awtorizzazzjoni tal-appellanti permezz tad-direttivi tal‑21 u tat‑22 ta’ Marzu 2018. Dawn għandhom bħala effett, l-ewwel, l-irtirar jew is-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot, it-tieni, il-moratorju fuq l-approvazzjoni tat-tranżazzjonijiet bankarji u, it-tielet, il-ħatra tal-persuna kompetenti. Min-naħa l-oħra, il-BĊE sempliċement, fid-deċiżjoni kontenzjuża tiegħu, ikkonferma dan il-fatt.

96.

Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti ssostni, korrispondentement, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi n-natura legali u l-effetti legali tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku billi rrifjutat li tattribwixxi lill-BĊE r-responsabbiltà superjuri għall-funzjonament tiegħu, inkluż l-atti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-istess japplika fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi. F’dan ir-rigward, l-appellanti tqajjem diversi lmenti individwali, ibbażati, inter alia, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(5) u tal-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013, kif ukoll fuq evalwazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ att preparatorju u tal-portata tas-sentenza Berlusconi.

97.

Barra minn hekk, f’dan il-kuntest ukoll, l-appellanti tilmenta li hija ġiet imċaħħda minn difiża legali effettiva fil-proċedura amministrattiva peress li l-BĊE inizjalment irrikonoxxa biss lill-persuna kompetenti bħala l-konsulent legali tagħha. B’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża ma ġietx debitament innotifikata lilha. Il-BĊE inizjalment innotifika din id-deċiżjoni lill-persuna kompetenti biss, peress li qies li din tal-aħħar biss kienet awtorizzata tirrappreżenta lill-appellanti. Din tal-aħħar irċeviet id-deċiżjoni biss wara l-kunsens espress tal-persuna kompetenti. Għaldaqstant, l-irregolarità formali hija biżżejjed sabiex trendi din id-deċiżjoni illegali jekk ma tkunx nulla mill-bidu.

98.

Fil-punti 41 sa 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41 tal-Karta, u ċaħdet l-ewwel motiv ( 46 ).

99.

L-ewwel ser neżamina l-allegat ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

100.

Kuntrarjament għall-impressjoni li hija kienet tat, l-appellanti ma kinitx sostniet, fil-kuntest tal-ewwel motiv quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija kienet ġiet imċaħħda minn difiża legali effettiva permezz tal-konsulent legali tagħha. Dan kien is-suġġett biss tal-għaxar motiv. B’kuntrast ma’ dan, fl-ewwel motiv, l-appellanti kienet invokat biss ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta b’mod ġenerali ħafna. Kif indika ġustament il-BĊE, hija lanqas ma kienet ilmentat li l-BĊE ma kkomunikalhiex debitament id-deċiżjoni kontenzjuża ( 47 ).

101.

Dawn l-ilmenti, ippreżentati għall-ewwel darba fl-appell, għalhekk ibidlu s-suġġett tal-kawża a posteriori u huma inammissibbli ( 48 ); fi kwalunkwe każ, dawn ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-legalità tal-evalwazzjoni tal-ewwel motiv fis-sentenza appellata. Sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 41 tal-Karta bħala inkompatibbli u inammissibbli mal-Artikolu 21(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea moqri flimkien mal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fl-assenza ta’ argumenti konkreti, din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġi kkritikata, peress li r-rikors effettivament sempliċement semma dan id-dritt.

102.

Madankollu, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li illegalità eventwali tad-direttivi tal-MFSA tal‑21 u tat‑22 ta’ Marzu 2018, li permezz tagħhom din kienet, de facto, diġà rtirat l-awtorizzazzjoni tal-appellanti u, għaldaqstant, marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha, ma kinitx ta’ natura li tivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża.

103.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 42 et seq. tas-sentenza appellata, li d-direttivi kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu atti preparatorji b’rabta mal-proposta tal-MFSA li tirtira l-awtorizzazzjoni permezz tal-BĊE. Din il-proposta kienet fiha nnifisha att preparatorju għad-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża. Fi kliem ieħor, kemm dawn id-direttivi kif ukoll il-proposta tal-MFSA kienu jikkostitwixxu, fi kwalunkwe każ, atti preparatorji fil-proċedura amministrattiva kumplessa, li l-għan aħħari tagħhom kien l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-appellanti. Sa fejn dawn ma jorbtux legalment lill-korp tal-Unjoni, tali atti jagħmlu parti integrali minn proċedura ddefinita mid-dritt tal-Unjoni li l-eventwali vizzji tagħha huma imputabbli lil din l-istituzzjoni u jistgħu jiġu kkontestati biss quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 49 ) (ara l-punti 69 sa 73 iktar ’il fuq).

104.

B’mod partikolari, is-suppożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata, li tali direttiva mill-MFSA tikkostitwixxi “proposta mhux vinkolanti” fis-sens tas-sentenza Berlusconi, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u diffiċli li tinftiehem. Permezz ta’ din ir-risposta negattiva doppja, il-Qorti Ġenerali setgħet biss fissret li tali direttivi (preparatorji) tal-MFSA huma legalment vinkolanti għall-BĊE. Minn dan hija ddeduċiet li l-kundizzjoni ta’ assenza ta’ natura legalment vinkolanti rrikonoxxuta fis-sentenza Berlusconi ma kinitx applikabbli fil-kawża ineżami għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Unjoni sabiex jistħarrġu tali direttivi (ara l-punt 70 iktar ’il fuq) ( 50 ).

105.

Madankollu, id-direttivi kontenzjużi tal-MFSA ma humiex legalment vinkolanti għall-BĊE u saħansitra għandhom ikunu suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità tiegħu fl-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji superjuri u ta’ deċiżjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, tali direttivi jaqgħu wkoll taħt il-ġurisdizzjoni tal-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni (ara l-punti 69 u 70 iktar ’il fuq).

106.

Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ġeneralment mogħtija lill-BĊE skont is-subparagrafu 1 tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013 tal-BĊE, fir-rigward tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni li jkun ordna ex officio (“jista’ jirtira”) jitkellem kontra n-natura legalment vinkolanti tagħhom. Tali setgħa diskrezzjonali hija kompletament indipendenti minn kwalunkwe miżura jew proposta mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Bl-istess mod, lanqas mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(5) ta’ dan ir-regolament ma jirriżulta li l-BĊE jkun marbut bil-proposta jew bl-opinjoni tal-awtorità nazzjonali, kif jistgħu jiġu wkoll riflessi fid-direttivi preċedenti tiegħu. Il-BĊE għandu jwettaq biss il-proċedura tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni u jivverifika, filwaqt li jqis bis-sħiħ ir-raġunijiet mogħtija minn din l-awtorità, jekk l-irtirar huwiex legali, b’mod partikolari jekk huwiex proporzjonat. Dan jikkorrispondi għall-approċċ segwit mill-BĊE fid-deċiżjoni kontenzjuża ( 51 ). Dan ir-rekwiżit ta’ eżami u ta’ teħid inkunsiderazzjoni jimplika li, fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jew ta’ assenza ta’ bażi legali, il-BĊE mhux biss jista’, iżda saħansitra għandu, jiċħad il-proposta tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Huwa wkoll il-BĊE li għandu jissorvelja u jiżgura li l-awtorità nazzjonali kompetenti la tieħu u lanqas ma tkun adottat, minn qabel, miżuri li jippreġudikaw il-kompetenza esklużiva tagħha stess fil-qasam tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni jew tad-deċiżjoni diskrezzjonali tagħha f’dan ir-rigward, li tantiċipa l-effetti legali tagħhom jew taffettwahom b’mod ieħor.

107.

Dan huwa konformi mas-setgħa ġenerali ta’ eżami u ta’ deċiżjoni tal-BĊE ( 52 ) u mas-setgħa tiegħu li jikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni motivata, li l-awtoritajiet nazzjonali ma ħadux il-miżuri xierqa sabiex iżommu l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji ( 53 ).

108.

Skont is-setgħa superviżorja ġenerali tiegħu ( 54 ), il-BĊE huwa obbligat li jissorvelja lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-konformità mar-regoli tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku previsti fir-Regolament Qafas tal-MSU, inkluż id-dritt nazzjonali korrispondenti. Meta jagħmel dan, il-BĊE għandu jissottometti l-proposti għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni li ġew sottomessi lilu mill-awtoritajiet nazzjonali u l-miżuri preparatorji għalihom għal stħarriġ ġuridiku komplet, inter alia, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-garanziji proċedurali fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara l-punti 69 sa 77 iktar ’il fuq ( 55 )).

109.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-BĊE “jikkunsidra [ikkunsidrax] bis-sħiħ” il-ġustifikazzjoni mressqa mill-MFSA, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013. B’mod partikolari, hija ma eżaminatx jekk il-BĊE kienx ikkonforma ruħu mal-kompetenza ta’ investigazzjoni tiegħu u mal-obbligu tiegħu ta’ kontroll fuq l-illegalitajiet allegati mill-appellanti minħabba l-allegata eżekuzzjoni de facto tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni saħansitra qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża. Għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tal-BĊE tirreferi fil-qosor għad-direttivi kontenzjużi tal‑21 u tat‑22 ta’ Marzu 2018 li ppreċedew il-proposta tal-MFSA, il-BĊE la jindirizza u lanqas jiċħad l-ilmenti eventwali tal-appellanti f’dan ir-rigward ( 56 ).

110.

Il-Qorti Ġenerali għandha taqbel biss sa fejn dawn is-setgħat u l-obbligi tal-BĊE ma jirriżultawx mill-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, li jipprovdi li l-BĊE jista’ jieħu f’idejh is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattiv sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin ( 57 ). Madankollu, dawn jirriżultaw mill-obbligu superviżorju ġenerali tiegħu skont l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6(1) u s-subparagrafu 3 tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll is-setgħa speċjali tiegħu li jirtira awtorizzazzjoni skont is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 14(5) ta’ dan ir-regolament (ara l-punti 106 sa 108 iktar ’il fuq).

111.

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’.

2. It-tieni aggravju fil-Kawża C‑256/22 P: Evalwazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36

a) L-argumenti tal-appellanti

112.

Permezz tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑256/22 P, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni u fiċ-ċaħda tat-tieni motiv. Dan kien ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata fid-dritt tal-eżistenza ta’ raġuni għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni, b’mod partikolari ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ reputazzjoni ( 58 ).

113.

Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti ssostni, essenzjalment u mutatis mutandis, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-kunċett ta’ reputazzjoni ma kellux neċessarjament jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u li akkuża fi Stat terz, fil-kawża ineżami l-Istati Uniti, kienet suffiċjenti għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni minħabba aġir allegatament kuntrarju għad-dritt kriminali. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li dan l-aġir jikkonċerna l-ksur ta’ regoli dwar sanzjonijiet li ma humiex punibbli skont id-dritt tal-Unjoni u li l-proċeduri tagħhom fl-Unjoni huma bblokkati. Dan jirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat‑22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti ta’ l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 2271/96 dwar l-Imblokkar”) ( 59 ), kif interpretat fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran ( 60 ).

114.

F’dan il-kuntest, l-appellanti tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ reputazzjoni “li jeħtieġ iktar preċiżjon i”. Hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha, issostitwixxiet il-motivazzjoni (spekulattiva) tagħha għal dik tal-BĊE u żnaturat il-provi. Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kisret il-garanziji proċedurali tal-appellanti previsti fil-Karta kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Fl-aħħar nett, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx il-fatt li r-reputazzjoni tal-azzjonist bħala tali ma hijiex rilevanti, li ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikollha effett negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu, li hija suġġetta biss għal kontroll ristrett u li hija tista’, l-iktar l-iktar, twassal għas-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot fir-rigward tal-ġestjoni tagħha.

115.

Madankollu, l-appellanti ma tikkontestax il-fatt li l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2013/36 jawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għall-aċċess għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jekk dawn ma jkunux konvinti li, inter alia, l-azzjonisti jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tiġi żgurata ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Dan japplika b’mod partikolari meta l-kriterji ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, inkluż il-kriterju ta’ reputazzjoni, ma jkunux issodisfatti. Peress li l-Artikolu 18(c) tad-Direttiva 2013/36 jagħti s-setgħa, kuntrarjament, lil dawn l-awtoritajiet biex jirtiraw l-awtorizzazzjoni jekk dawn ir-rekwiżiti ma jibqgħux jiġu ssodisfatti, il-BĊE bla dubju kellu s-setgħa, skont is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, li jirtira l-awtorizzazzjoni tal-appellanti fuq proposta korrispondenti mill-MFSA jekk l-azzjonist maġġoritarju tagħha ma kienx (għadu) kapaċi juri r-reputazzjoni meħtieġa fis-sens tal-Artikolu 23(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva lill-MFSA jew lill-BĊE. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat dan fil-punti 67 sa 72 tas-sentenza appellata mingħajr ma wettqet ebda żball ta’ liġi.

116.

Għaldaqstant, l-argumenti tal-appellanti li skonthom ir-reputazzjoni tal-azzjonist maġġoritarju ma hijiex rilevanti għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni huma ineffettivi u għandhom jiġu miċħuda.

b) Ċaħda mill-Qorti Ġenerali

117.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali mmotivat iċ-ċaħda tat-tieni motiv, ifformulat b’mod pjuttost konċiż fir-rikors, essenzjalment kif ġej:

118.

L-ewwel, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 jista’ jiġi ġġustifikat mill-fatt li l-azzjonisti jew is-soċji li ma (għadhomx) jitqiesu xierqa, pereżempju minħabba nuqqas ta’ reputazzjoni tajba.

119.

It-tieni, il-kunċett ta’ reputazzjoni (tajba) huwa kunċett ġuridiku indeterminat li jirreferi għall-kwalità ta’ persuna li taġixxi konformement mal-istandards u mar-regoli applikabbli u għar-reputazzjoni li hija tgawdi fost il-pubbliku fir-rigward ta’ din il-kwalità u tal-aġir tagħha, b’tali mod li l-perċezzjoni ta’ terzi hija wkoll rilevanti. Sa fejn it-twettiq tal-għanijiet imfittxija jiddependi ħafna mill-fiduċja tal-pubbliku u tal-atturi fis-suq bankarju fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu, telf ta’ din il-fiduċja jista’ jwassal għal telf ta’ finanzjament għal dawn tal-aħħar u b’hekk joħloq riskju mhux biss għall-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, iżda wkoll għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u ta’ kull Stat Membru ( 61 ).

120.

It-tielet, id-dubji invokati fid-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża dwar ir-reputazzjoni u l-kapaċità tal-azzjonist maġġoritarju minħabba l-akkuża tiegħu huma ta’ natura li jqajmu wkoll dubji dwar il-ġestjoni soda u prudenti tal-appellanti. Il-perċezzjoni negattiva tar-reputazzjoni mill-pubbliku kif ukoll mill-klijenti u mis-sħab kummerċjali tiegħu, sa fejn din tintwera abbażi ta’ indizji konkreti, tista’ tiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, sa fejn din tkun ta’ natura li toħloq l-imsemmija riskji ( 62 ).

121.

Ir-raba’, skont il-Qorti Ġenerali, huwa stabbilit, u ma huwiex ikkontestat, li din l-akkuża kellha, b’mod partikolari, effett negattiv fuq il-proporzjon ta’ riskju stabbilit minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għas-settur bankarju Malti fl-intier tiegħu. Hija kienet wasslet ukoll għall-irtirar ta’ depożiti, għat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet bankarji korrispondenti kif ukoll għax-xoljiment tal-kuntratti tas-selliefa prinċipali tal-appellanti u kienet, konsegwentement, iddeterjorat ħafna s-sitwazzjoni tagħha. Il-BĊE bbaża ruħu fuq sensiela ta’ fatturi u ta’ effetti negattivi li kellhom ikunu s-segwitu tal-att ta’ akkuża inkwistjoni u li juru, fuq bażi oġġettiva, il-perċezzjoni negattiva mill-klijenti tar-reputazzjoni tal-azzjonist maġġoritarju tagħha u n-nuqqas ta’ fiduċja tagħhom fl-appellanti Dan ħoloq riskju għall-appellanti kif ukoll għas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru ( 63 ).

122.

Il-ħames, fid-dawl tal-effetti negattivi konkreti għall-appellanti u għas-settur bankarju Malti li kienu diġà bdew jidhru, huwa irrilevanti li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-att ta’ akkuża inkwistjoni kien jikkonċerna ksur tar-regoli dwar is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, filwaqt li l-aġir inkriminat jista’ ma jkunx illegali mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni jew tal-fatt li dan huwa “ksur esklużivament tekniku”. Il-BĊE kellu jieħu inkunsiderazzjoni mhux il-fondatezza tal-imsemmi proċeduri li jinsabu fl-att ta’ akkuża inkwistjoni, iżda l-konsegwenzi biss tal-imsemmija proċeduri fuq ir-reputazzjoni tal-azzjonist maġġoritarju, fuq is-sitwazzjoni tal-appellanti u fuq is-suq bankarju fl-intier tiegħu ( 64 ).

123.

Ser nindirizza, l-ewwel, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/36 kif ukoll il-kunċett ġuridiku indeterminat ta’ reputazzjoni, li huwa s-suġġett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel darba (ara l-punt c). Sussegwentement, ser neżamina jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-kundizzjonijiet ta’ dan il-kunċett ġuridiku, skont il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża, kinux issodisfatti (ara l-punt d). Fl-aħħar, ser nindirizza l-oġġezzjoni prinċipali tal-appellanti li r-Regolament Nru 2271/96 dwar l-Imblokkar la jawtorizza lill-BĊE u lanqas lill-Qorti Ġenerali jirreferu għall-akkuża tal-azzjonist maġġoritarju tagħha fl-Istati Uniti sabiex tiġġustifika l-assenza ta’ reputazzjoni u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha (ara l-punt e).

c) Kunċett ta’ reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36

124.

Kif ġie rrilevat fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-kunċett ta’ reputazzjoni fl-Artikolu 23(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/36 huwa kunċett ġuridiku indeterminat li din id-direttiva ma tiddefinixxix b’mod iktar preċiż.

125.

Skont il-prinċipju msemmi fil-punt 74 tas-sentenza appellata, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-finalità mfittxija mill-att li tagħmel parti minnu ( 65 ).

126.

Minn ħarsa lejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti jirriżulta li ( 66 ), skont is-sens letterali tiegħu, il-kunċett ta’ reputazzjoni jindika, fil-verżjoni Franċiża u Taljana biss, l-onestà ( 67 ) kif ukoll, fil-verżjoni Portugiża, il-kapaċità ( 68 ) tal-persuna kkonċernata, karatteristika fattwali li tista’ timmanifesta ruħha wkoll fl-aġir tagħha (konformi jew kuntrarja għall-istandard). Madankollu, fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha, dan il-kunċett ikopri, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, ir-reputazzjoni jew il-fama ( 69 ) ta’ din il-persuna, jiġifieri l-perċezzjoni tal-kwalitajiet tagħha jew l-imġiba tagħha mill-pubbliku jew minn terzi.

127.

Fid-dawl tal-għanijiet u l-kuntest regolatorju tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-funzjonament tas-swieq finanzjarji u bankarji affettwati, il-kwalitajiet (oġġettivi) attwali tal-persuna kkonċernata huma inqas importanti. L-enfasi hija pjuttost fuq il-perċezzjoni (suġġettiva) tal-pubbliku, b’mod partikolari l-operaturi ekonomiċi, ta’ dawn il-kwalitajiet u l-imġiba ta’ din il-persuna. Il-fiduċja ġenerali fl-idoneità, l-għarfien, il-ħiliet, l-esperjenza, l-integrità, l-affidabbiltà u s-s-sodizza finanzjarja ( 70 ) tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-affidabbiltà kreditizja tagħhom hija suġġetta għall-kontroll kontinwu mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-persuni li jiddeterminaw l-attivitajiet tagħhom hija kundizzjoni essenzjali għall-funzjonament tajjeb, għall-protezzjoni u għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u tal-kapital. Fil-fatt, dawn is-swieq huma, bħas-swieq tal-azzjonijiet u tal-bonds, b’mod viżibbilment ċar, volatili ħafna. Huma jirreaġixxu anki għad-dikjarazzjonijiet jew għax-xnigħat pubbliċi.

128.

Il-kunċett ta’ reputazzjoni jirreferi għalhekk għar-reputazzjoni (tajba) tal-istituzzjoni ta’ kreditu kif ukoll tal-azzjonisti u tas-soċji tagħha f’għajnejn terzi, bħall-operaturi ekonomiċi l-oħra, b’mod partikolari l-kredituri u l-klijenti. Jekk tintilef il-fiduċja tagħhom f’din l-istituzzjoni ta’ kreditu jew fil-persuni li jaġixxu f’isimha jew jekk din il-fiduċja tkun kunsiderevolment ta’ preġudizzju, dan immedjatament iwassal għar-reazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi. Dawn għandhom impatt negattiv fuq l-operazzjonijiet finanzjarji ma’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu, jikkawżaw telf finanzjarju u jista’ jkollhom impatt fuq il-funzjonament u l-istabbiltà tas-suq finanzjarju kollu kemm hu ( 71 ).

129.

Kif ġie ġustament ikkonstatat diversi drabi fil-punti 67 et seq. tas-sentenza appellata, ir-regoli tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2013/36, huma intiżi li jipproteġu s-swieq finanzjarji preċiżament kontra tali riskji billi jiżguraw “ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu, huma ma jkunux sodisfatti dwar l-idonjetà tal-azzjonisti jew tal-membri [li l-azzjonisti jew is-soċji jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom isiru fl-interess li tiġi żgurata ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu]” u li jissodisfaw il-kriterji ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva.

130.

Il-kunċett ta’ reputazzjoni għalhekk ma jimplikax li l-perċezzjoni tal-operaturi ekonomiċi tikkoinċidi mal-kwalitajiet reali tal-persuna kkonċernata, u wisq inqas li jiġi stabbilit ċertu aġir ta’ din il-persuna. Kuntrarjament għall-opinjoni tal-appellanti, il-BĊE jew il-Qorti Ġenerali ma kinux b’mod partikolari obbligati jipprovaw li l-persuna kkonċernata kienet ħatja ta’ reati u li hija setgħet tkun is-suġġett ta’ proċeduri fl-Unjoni (ara f’dan ir-rigward il-punti 135 et seq. u 142 et seq. iktar ’il quddiem). Bl-istess mod, skont l-Artikolu 23(1)(e) tad-Direttiva 2013/36, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit suspett raġonevoli tal-eżistenza, tat-tentattiv jew tar-riskju ikbar ta’ twettiq ta’ reat kriminali li jinvolvi l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ( 72 ).

131.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat ( 73 ) li l-akkuża tal-azzjonist maġġoritarju titfa’ dubju fuq ir-reputazzjoni tiegħu mal-pubbliku, anki fl-assenza ta’ kundanna definittiva.

132.

Madankollu, kif ġie espost f’iktar dettall fil-punti 135 et seq., huma l-BĊE u l-Qorti Ġenerali li għandhom jiżguraw li l-ilmenti ma humiex purament invenzjoni jew abbużivi.

133.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet validament tiddeċiedi fil-punti 71 sa 119 tas-sentenza appellata, li r-raġunament segwit f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE kien legali ( 74 ). Minn dan hija ddeduċiet, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li r-riskju għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u fl-Istati Membri, li jirriżulta mill-preġudizzju tar-reputazzjoni tal-azzjonist maġġoritarju, kien suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-appellanti.

134.

Għad irid jiġi eżaminat liema huma r-rekwiżiti proċedurali u l-livell ta’ prova meħtieġ sabiex tintwera l-assenza ta’ reputazzjoni u r-riskju li jirriżulta u jekk dawn ġewx issodisfatti fil-kawża ineżami. Kif ser nirrileva iktar ’il quddiem, mhux biss dan huwa l-każ, iżda l-BĊE wera wkoll — u l-Qorti Ġenerali kkonfermat dan mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi — li r-riskju inkwistjoni effettivament immaterjalizza.

d) Rekwiżiti proċedurali u probatorji għall-prova tan-nuqqas ta’ reputazzjoni u tar-riskju li jirriżulta

135.

Skont l-obbligu ġenerali ta’ diliġenza u ta’ investigazzjoni, li fuqu huwa bbażat ukoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta ( 75 ), fl-applikazzjoni ta’ kunċetti legali indeterminati li jagħtuh setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata, il-BĊE għandu jeżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni ( 76 ).

136.

Fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tassumi, mingħajr ebda żball ta’ liġi li, sabiex jiġi evalwat jekk il-kunċett indeterminat ta’ reputazzjoni msemmi fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 huwiex issodisfatt, l-awtoritajiet kompetenti u l-BĊE għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha, il-motivi li fuqhom huwa bbażat dan il-kunċett u l-għanijiet imfittxija minnu. Dan huwa wkoll konformi mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida Komuni, li l-iktar l-iktar jistgħu indirettament jorbtu lill-BĊE ( 77 ). Fil-punti 10.9, 10.13 u 10.16, huma jeżiġu li din l-evalwazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha aċċessibbli minn sorsi kredibbli u affidabbli u li jitwettaq eżami każ b’każ ( 78 ). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament teżiġi, fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, li l-BĊE jieħu inkunsiderazzjoni kull element ippreżentat ta’ natura li turi li eventwali akkużi kriminali ma għandhomx effett fuq ir-reputazzjoni jew fuq il-ġestjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, peress li dawn huma potenzjalment abbużivi jew manifestament infondati.

137.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punti 81 sa 85 tas-sentenza appellata, il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE bbaża ruħu fuq stqarrija għall-istampa tal-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Istati Uniti ppubblikata fid‑19 ta’ Marzu 2018. Sussegwentement, l-azzjonist maġġoritarju kien ġie arrestat minħabba l-allegata parteċipazzjoni tiegħu f’sistema li permezz tagħha madwar USD 115‑il miljun, intiżi għall-finanzjament ta’ kumpless ta’ residenzi fil-Venezwela, ġew allegatament immiżapproprjati għall-benefiċċju ta’ persuni u impriżi Iranjani. L-att ta’ akkuża tal-prosekutur tal-Istati Uniti għad-Distrett tan-Naħa ta’ Isfel ta’ New York wassal għal attenzjoni medjatika qawwija tal-midja internazzjonali kif ukoll għal artikli tal-istampa negattivi fuq l-appellanti, fatt li qajjem dubji serji fir-rigward tal-integrità tal-azzjonist maġġoritarju tagħha u ppreġudika serjament ir-reputazzjoni tagħha ( 79 ). Xejn ma jindika li dawn l-ilmenti kienu abbużivi jew manifestament infondati.

138.

Il-Qorti Ġenerali evalwat ukoll, fil-punti 91 sa 94 u 100 sa 115 tas-sentenza appellata, il-fatti u l-provi prodotti mill-BĊE u mhux ikkontestati mill-appellanti, li juru li dawn il-proċeduri kriminali kellhom impatt fuq ir-reputazzjoni tal-appellanti nnifisha u wassal għal sentiment ta’ suq detrimentali. Dan huwa attestat, l-ewwel, min-numru sinjifikattiv ta’ talbiet għall-irtirar tad-depożiti li saru wara l-bidu tal-proċeduri, li jirrappreżentaw iktar minn 40 % tal-ammont totali tad-depożiti li jidhru fil-karta tal-bilanċ tal-imsemmija appellanti, it-tieni, mit-tmiem tar-relazzjonijiet bankarji korrispondenti, it-tielet, mid-degradazzjoni tal-proporzjon ta’ riskju, stabbilit minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, tas-settur bankarju Malti kollu kemm hu, kif jirriżulta mir-riferimenti għal dawn il-proċeduri, fost oħrajn, fir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ din l-aġenzija, ir-raba’, mill-ittra tas-sellief prinċipali tal-appellanti li talab it-tmiem antiċipat tas-self tiegħu, li kien jirrappreżenta 90 % tal-kuntratti ta’ self tal-imsemmija appellanti, u li, għaldaqstant, kien is-sors prinċipali tad-dħul ta’ din tal-aħħar, kif ukoll il-ħames, mill-fatt li, fost l‑10 % tal-kuntratti ta’ self li kien għad fadal, li jirrappreżentaw ħames selliefa, tliet selliefa ma baqgħux jonoraw il-pagamenti tal-kapital u tal-interessi, filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu talbu t-tmiem antiċipat tas-self tagħhom ( 80 ).

139.

Minn dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi li l-akkuża kienet ippreġudikat ir-reputazzjoni tal-azzjonist maġġoritarju u tal-appellanti u kellha ċertu numru ta’ effetti negattivi mhux biss għaliha nnifisha, b’mod partikolari fil-forma ta’ diffikultajiet ta’ kapitalizzazzjoni u ta’ likwidità, iżda wkoll għas-settur bankarju Malti u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kollha kemm hi. Ir-riskju msemmi fil-punti 128 sa 134 iktar ’il fuq kien għalhekk effettivament immaterjalizza.

140.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-BĊE bbaża ruħu fuq sensiela ta’ fatturi u ta’ effetti negattivi. Dawn kellhom ikunu s-segwitu tal-att ta’ akkuża u li juru, fuq bażi oġġettiva, il-perċezzjoni negattiva mill-klijenti tar-reputazzjoni tal-azzjonist maġġoritarju u tal-appellanti u n-nuqqas ta’ fiduċja tagħhom. Dan ħoloq riskju għall-appellanti u għas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

141.

L-ilmenti tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi jew applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ reputazzjoni, li marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha, issostitwixxiet lilha nnifisha indebitament għall-BĊE, żnaturat il-provi jew naqset milli timmotiva b’mod adegwat is-sentenza tagħha, għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala infondati.

e) L-importanza tar-Regolament Nru 2271/96 dwar l-Imblokkar

142.

L-appellanti tqis, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi li kien hemm preġudizzju għar-reputazzjoni u għad-determinazzjoni tar-riskju li jirriżulta minn dan. L-akkuża tal-azzjonist maġġoritarju tagħha hija bbażata fuq reati li ma humiex punibbli fl-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 2271/96 dwar l-Imblokkar, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu ( 81 ), jipproteġi wkoll lill-persuna kkonċernata minn proċeduri kriminali fi ħdan l-Unjoni.

143.

Fil-punti 116 sa 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma oġġezzjonatx għall-fatt li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-importanza tar-Regolament Nru 2271/96 dwar l-Imblokkar, fid-dawl tal-effetti negattivi konkreti li diġà jidhru fuq l-appellanti u fis-settur bankarju Malti. Il-fatt li l-att ta’ akkuża kien jirrigwarda ksur ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw sanzjonijiet Amerikani kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran minkejja li l-aġir inkriminat seta’ ma kienx illegali mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni jew seta’ kien “ksur esklużivament tekniku” li fir-rigward tiegħu setgħu jeżistu dubji, ma kienx, skont il-Qorti Ġenerali, rilevanti. Fil-fatt, anki jekk jitqies li dan l-aġir seta’ ma kienx illegali fid-dawl tad-dritt tal-Istati Uniti jew tad-dritt tal-Unjoni, il-BĊE ma kellux jieħu inkunsiderazzjoni l-fondatezza tal-akkużi li jinsabu fl-att ta’ akkuża, iżda biss bħala element prinċipali tal-konsegwenzi ta’ dawn l-akkużi fuq ir-reputazzjoni tal-azzjonist maġġoritarju, fuq is-sitwazzjoni tal-appellanti u fis-suq bankarju kollu kemm hu.

144.

Ma nista’ nara ebda żball ta’ liġi f’din ir-risposta tal-Qorti Ġenerali għall-ilment tal-appellanti fl-ewwel istanza.

145.

Il-fatt li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-allegazzjonijiet ta’ aġir li jmur kontra d-dritt kriminali setgħu, skont ir-Regolament Nru 2271/96 dwar l-Imblokkar, ma jkunux punibbli fl-Unjoni jew, fi kwalunkwe każ, ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ proċeduri ( 82 ), ma huwiex ta’ natura li jitfa’ dubju fuq il-konklużjoni misluta fil-punti 135 sa 141 iktar ’il fuq. Fil-fatt, skont tali regolament, ir-riskju li jirriżulta mill-preġudizzju għar-reputazzjoni tal-appellanti effettivament immaterjalizza. Dan huwa totalment indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk l-aġir li bih huwa akkużat l-azzjonist maġġoritarju tagħha kienx effettivament punibbli fl-Unjoni jew le. Kif indikat il-Qorti Ġenerali mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi u kif issostni wkoll il-Kummissjoni, il-BĊE kien obbligat biss jevalwa jekk dawn l-allegazzjonijiet kinux ta’ natura li jwasslu għal konsegwenzi negattivi għall-appellanti u għas-swieq finanzjarji, u mhux jekk dawn kinux effettivament seħħew jew setgħux ikunu s-suġġett ta’ proċeduri fl-Unjoni.

146.

Dan jintwera wkoll mill-ipoteżi opposta: Il-MFSA u l-BĊE ma setgħux jinjoraw ir-riskju involut, li kien diġà mmaterjalizza, u jżommu l-awtorizzazzjoni tal-appellanti għat-tkomplija tal-attività tagħha bħala istituzzjoni ta’ kreditu għas-sempliċi raġuni li l-aġir li bih huwa akkużat l-azzjonist maġġoritarju tagħha ma kienx potenzjalment punibbli fl-Unjoni jew ma setax ikun is-suġġett ta’ proċeduri fi ħdanha. Dan kien jimplika li dawn l-awtoritajiet, kuntrarjament għall-obbligu prudenzjali tagħhom ta’ intervent preventiv, kien ikollhom jippermettu tfixkil sinjifikattiv tas-swieq finanzjarji jew aggravazzjoni tagħhom.

147.

Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, la l-kamp ta’ applikazzjoni u lanqas l-għan ta’ protezzjoni tar-Regolament Nru 2271/96 dwar l-Imblokkar ma huma applikabbli. Dan ir-regolament huwa intiż li jipproteġi lill-operaturi ekonomiċi kontra proċeduri kriminali biss mibdija minn qrati jew awtoritajiet fi Stati terzi jew kontra dritt għal kumpens fil-każ ta’ ksur ta’ ċerti regoli dwar sanzjonijiet barranin applikabbli b’mod ekstraterritorjali fil-kummerċ internazzjonali jew fil-moviment tal-kapital ( 83 ), iżda mhux kontra t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prattiki kkonċernati u tal-effetti tagħhom fl-evalwazzjoni tal-idoneità, l-integrità, l-affidabbiltà u r-reputazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

148.

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

149.

Għaldaqstant, it-tieni aggravju fil-Kawża C‑256/22 P ma huwiex fondat fl-intier tiegħu.

3. It-tielet aggravju fil-Kawża C‑256/22 P: żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari n-natura sproporzjonata tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni

150.

Permezz tat‑tielet aggravju fil-Kawża C‑256/22 P, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni, b’mod partikolari, tal-proporzjonalità tal-azzjoni tal-BĊE, li jirrepetu jew jimmodifikaw parzjalment l-ilmenti fformulati fil-kuntest taż-żewġ aggravji l-oħra. Il-fatt li l-BĊE ma aċċettax l-ewwel proposta għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-MFSA juri li d-direttivi ta’ għeluq preċedenti tiegħu tal-bank ma kinux iġġustifikati. Dan l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni kien sproporzjonat, peress li l-bank kien diġà waqqaf l-attivitajiet tiegħu u dan seħħ qabel l-għeluq tal-proċedura kriminali mmexxija fl-Istati Uniti. Barra minn hekk, fit-tieni proposta tagħha, il-MFSA abbandunat l-ilmenti (fittizji) ta’ diffikultajiet finanzjarji mingħajr ma wettqet evalwazzjoni ġdida tal-proporzjonalità.

151.

Minn din l-espożizzjoni la nista’ naċċerta biċ-ċarezza u bil-preċiżjoni meħtieġa l-kontenut ta’ dawn l-ilmenti u lanqas il-motivazzjoni tas-sentenza appellata allegatament ivvizzjata bi żball ta’ liġi. Għalhekk, inqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli ( 84 ) u, fi kwalunkwe każ, ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika l-iżball ta’ liġi ta’ din is-sentenza.

152.

It-tielet aggravju fil-Kawża C‑256/22 P għandu għalhekk jiġi miċħud.

4. L-ewwel aggravju fil-Kawża C‑750/21 P: ilmenti oħra

153.

Mill-bqija tal-ilmenti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑750/21 P, l-appellanti tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 33 sa 51 tad-digriet appellat fir-risposta għall-ewwel motiv. B’dan il-mod, hija sostniet li l-BĊE kien wettaq żball ta’ liġi meta qies li huwa ma kienx kompetenti sabiex jagħti istruzzjonijiet lill-MFSA jew sabiex jassumi s-superviżjoni prudenzjali diretta minħabba l-irtirar tal-awtorizzazzjoni u minħabba l-assenza ta’ kwalità tal-appellanti bħala istituzzjoni ta’ kreditu li kienet tirriżulta minn dan.

154.

Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1024/2013 u 575/2013 kif ukoll tad-Direttiva 2013/36. Fil-fatt, hija wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-kwalità ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu” tippreżupponi li din ikollha (b’mod obbligatorju) awtorizzazzjoni sabiex topera bħala tali.

155.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali l-ewwel kkonstatat, fid-digriet appellat, li l-kompetenza tal-BĊE testendi biss għall-“istituzzjonijiet ta’ kreditu” u għall-attivitajiet tagħhom, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1024/2013, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 ( 85 ). It-tieni, hija ddeċidiet li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, moqri flimkien mal-punt 42 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, l-aċċess għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu teħtieġ awtorizzazzjoni analoga u li, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/36, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu tali attività lill-persuni jew lill-operaturi li ma humiex istituzzjonijiet ta’ kreditu ( 86 ). It-tielet, minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li d-detentur preċedenti ta’ awtorizzazzjoni li ġiet irtirata skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013 ma jibqax jeżerċita tali attività u ma jistax jibqa’ jitqies bħala “istituzzjoni ta’ kreditu”, b’tali mod li r-regoli previsti fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament ma għadhomx applikabbli sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-BĊE fir-rigward ta’ tali istituzzjonijiet ( 87 ). Għaldaqstant, fit‑13 ta’ Novembru u fl‑20 ta’ Diċembru 2018, il-BĊE evidentement ma kienx kompetenti fir-rigward tal-appellanti minħabba l-irtirar tal-awtorizzazzjoni li kien diġà seħħ fit‑2 ta’ Novembru 2018. Dan huwa dak li ġustament ikkomunika fil-posta elettronika kontenzjuża ( 88 ).

156.

Inqis li dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa formalistiku u vvizzjat bi żbalji ta’ liġi.

157.

Fil-fatt, mill-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta b’mod ċar li l-BĊE huwa kompetenti kemm biex “jawtorizza lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu” kif ukoll biex “jirtira l-awtorizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu”. Madankollu, il-kompetenza għall-awtorizzazzjoni timplika neċessarjament li l-BĊE għandu jipproċessa applikazzjoni minn persuna fiżika jew ġuridika li għadha ma hijiex istituzzjoni ta’ kreditu iżda li għandhom l-intenzjoni li jkunu tali istituzzjoni biss wara l-awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kompetenza ratione temporis tal-BĊE sabiex jirtira l-awtorizzazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li tali rtirar, jekk jirriżulta li huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi, għandu jkun jista’, bħala actus contrarius, jew jerġa’ jiġi sussegwentement irrevokat fuq l-inizjattiva proprja mill-BĊE, jew, wara rikors għal annullament ippreżentat mill-bank ikkonċernat skont l-Artikolu 263 TFUE, eventwalment eliminat retroattivament mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni permezz ta’ sentenza ta’ annullament, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE. Sussegwentement, tissokta l-kompetenza tal-BĊE (ukoll retroattivament) u dan għandu jieħu l-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 266(1) TFUE.

158.

Id-dispożizzjonijiet invokati mill-Qorti Ġenerali ma jistgħux jiġġustifikaw evalwazzjoni differenti, peress li huma limitati għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu” u l-attività tagħha. Barra minn hekk, jidher arbitrarju li l-kompetenza tal-BĊE titqies li tkun intemmet ladarba tkun inħarġet deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni, mingħajr għall-inqas ma wieħed jistenna l-finalità jew in-natura definittiva ta’ din id-deċiżjoni wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 263(6) TFUE. Dan it-terminu kien, fi kwalunkwe każ, għadu ma skadiex fit‑13 ta’ Novembru u fl‑20 ta’ Diċembru 2018, rispettivament, meta l-BĊE wieġeb għat-talba tal-appellanti permezz ta’ posta elettronika.

159.

Minn dan isegwi li fl‑20 ta’ Diċembru 2018, il-BĊE kien għad kellu l-kompetenza fir-rigward tal-appellanti fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1024/2013. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-BĊE ma kellux manifestament kompetenza u li, għal din ir-raġuni, l-ewwel motiv kellu jiġi miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt.

160.

Minn dan isegwi li fl-aħħar mill-aħħar l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’ mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat kull wieħed mill-ilmenti mqajma mill-appellanti.

161.

Xorta jibqa’ l-fatt li d-dispożittiv tad-digriet appellat, li jgħid li r-rikors huwa miċħud, ma jistax jiġi oġġezzjonat. Fil-fatt, il-posta elettronika inkwistjoni ma tikkostitwixxix att awtonomu li jista’ jiġi kkontestat u lanqas ma jidher ( 89 ) li l-BĊE għandu, skont ir-Regolament Nru 1024/2013, kompetenza jew obbligu speċifiċi li jagħti l-istruzzjonijiet mitluba mll-appellanti qabel jew wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni (ara l-punti 88 sa 93 iktar ’il fuq).

162.

Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’analoġija mal-approċċ segwit fid-digriet tal‑4 ta’ Frar 2021, Pilatus Bank vs BĊE ( 90 ), tissostitwixxi l-motivazzjoni tad-digriet appellat f’dan ir-rigward u tiċħad l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑750/21 P.

5. Konklużjoni intermedjarja u spejjeż

a) Kawża C‑750/21 P

163.

Fil-Kawża C‑750/21 P, l-appell għandu jiġi miċħud.

164.

Konsegwentement, hemm lok, skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tingħata deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

165.

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-BĊE għamel talba f’dan is-sens, hemm lok li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-appell.

b) Kawża C‑256/22 P

166.

Fil-Kawża C‑256/22 P, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’.

167.

L-istess jgħodd għar-raba’ aggravju, sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni u fiċ-ċaħda tat-tieni parti tal-għaxar motiv, dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, ibbażat fuq il-fatt li l-appellanti ma kellhiex aċċess, matul il-proċedura amministrattiva, għad-dokumenti u għall-informazzjoni fis-sistema informatika tagħha kif ukoll għall-fondi tagħha għall-ħlas tal-onorarji tal-konsulent legali.

168.

L-appell huwa fondat f’dan ir-rigward u s-sentenza appellata, li tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu, hija annullata.

169.

Madankollu, peress li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, hemm lok, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati fuq dan il-punt.

170.

Fir-rigward tar-raba’ aggravju, dan jirriżulta mill-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk id-direttivi kontenzjużi tal-MFSA kinux effettivament ta’ natura li jwasslu għall-irtirar de facto tal-awtorizzazzjoni tagħha allegat mill-appellanti u, korrelattivament, għall-prelazzjoni jew għall-ksur tad-deċiżjoni diskrezzjonali finali tal-BĊE fid-deċiżjoni kontenzjuża tiegħu. Hija lanqas ma eżaminat jekk il-BĊE kienx, min-naħa tiegħu, eżamina jew kellux jeżamina l-argumenti mressqa f’dan ir-rigward mill-appellanti matul il-proċedura amministrattiva, jekk jitqies li dawn kienu ġew effettivament ippreżentati.

171.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk l-assenza ta’ aċċess jew l-aċċess limitat tal-appellanti jew tal-konsulent legali tagħha għad-dokumenti u għall-informazzjoni li jinsabu fis-sistema informatika tagħha kif ukoll għall-fondi tagħha għall-finijiet tal-ħlas tal-onorarji tal-konsulent legali kinux effettivament ta’ natura li jippreġudikaw id-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li ma setgħetx tiddefendi ruħha b’mod iktar effikaċi, u li, għaldaqstant, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti ( 91 ).

VI. Konklużjoni

A.   Kawża C‑750/21 P

172.

Fil-Kawża C‑750/21 P, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.

L-appell huwa miċħud.

2.

Pilatus Bank plc hija kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell.

B.   Kawża C‑256/22 P

173.

Fil-Kawża C‑256/22 P, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Frar 2022, Pilatus Bank u Pilatus Holding vs BĊE (T‑27/19, EU:T:2022:46) hija annullata.

2.

Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3.

L-ispejjeż huma rriżervati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Il-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

( 3 ) ĠU 2013, L 176, p. 1.

( 4 ) ĠU 2013, L 176, p. 1.

( 5 ) ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2, fil-ĠU 2023, L 92, p. 29.

( 6 ) ĠU 2014 L 141, p. 1

( 7 ) ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, fil-ĠU 2020, L 203, p. 95.

( 8 ) ĠU 2005, L 309, p. 15

( 9 ) Digriet tal‑10 ta’ Lulju 2019, Pilatus Bank vs BĊE (T‑687/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:542).

( 10 ) Digriet tal‑4 ta’ Frar 2021, Pilatus Bank vs BĊE (C‑701/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:99).

( 11 ) Din id-deċiżjoni hija s-suġġett tal-appell C‑256/22 P.

( 12 ) Din il-posta elettronika hija s-suġġett tal-appell C‑750/21 P.

( 13 ) Punti 41 sa 56 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Kawża C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 44.

( 15 ) Punti 67 sa 134 tas-sentenza appellata.

( 16 ) Punti 135 sa 148 tas-sentenza appellata.

( 17 ) Punti 149 sa 269 tas-sentenza appellata.

( 18 ) Punti 239 sa 241 tas-sentenza appellata.

( 19 ) Punti 242 sa 252 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Digriet tal‑10 ta’ Lulju 2019, Pilatus Bank vs BĊE (T‑687/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:542).

( 21 ) Digriet tal‑4 ta’ Frar 2021, Pilatus Bank vs BĊE (C‑701/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:99).

( 22 ) Ara l-fatti simili li wasslu għas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, PNB Banka vs BĊE (C‑326/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:693), u għad-digriet definittiv tat‑8 ta’ Novembru 2021, Satabank vs BĊE (T-494/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:797).

( 23 ) Kawżi C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 54 et seq.

( 24 ) Ara wkoll is-sitwazzjonijiet simili li wasslu għas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, PNB Banka vs BĊE (C‑326/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:693), u għad-digriet definittiv tat‑8 ta’ Novembru 2021, Satabank vs BĊE (T‑494/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:797).

( 25 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punti 42 et seq.).

( 26 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 42 et seq.). Espożizzjoni ddettaljata tal-problema bażika tinsab fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:502, punti 57 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punti 42 sa 44, 4950).

( 28 ) Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 35); tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punti 66 et seq.); tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 33); tad‑9 ta’ Novembru 2017, Ispas (C‑298/16, EU:C:2017:843, punti 26 et seq.), u tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et (C‑358/16, EU:C:2018:715, punti 59 et seq.). Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punti 8384) li l-awtoritajiet nazzjonali, li għalihom ma japplikax l-Artikolu 41 tal-Karta, għandhom jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

( 29 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punti 47 et seq., b’mod partikolari l-punt 49).

( 30 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:502, punt 112), l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona eżiġa b’mod analogu, li l-qrati tal-Unjoni jeżaminaw, sabiex jiġi ssalvagwardjat id-dritt għal rimedju ġuridiku effettiv, jekk l-atti preparatorji tal-awtorità nazzjonali li l-kontenut tagħhom ikun ġie adottat sussegwentement mill-BĊE, kinux milquta minn difetti ta’ nullità li jkunu kkontaminaw b’mod irrimedjabbli l-proċedura sħiħa.

( 31 ) Ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 12); ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni (C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 50).

( 32 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 1994, Lisrestal et vs Il‑Kummissjoni (T‑450/93, EU:T:1994:290, punti 49 sa 51), u tad‑19 ta’ Ġunju 1997, Air Inter vs Il‑Kummissjoni (T‑260/94, EU:T:1997:89; punt 65). Ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Il‑Kummissjoni vs Lisrestal et (C‑32/95 P, EU:C:1996:402, punti 28 et seq.). Partikolarment ċara dwar proċedura kumplessa għall-implimentazzjoni tal-kodiċi doganali hija s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 1995, France-Aviation vs Il‑Kummissjoni (T‑346/94, EU:T:1995:187, punt 30): “[…] li d-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ fi proċedura bħal [din] għandha tiġi ġenwinament ggarantita, qabel kollox, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-persuna kkonċernata u l-amministrazzjoni nazzjonali. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi biss għal kuntatti bejn il-persuna kkonċernata u l-amministrazzjoni, minn naħa, u bejn l-amministrazzjoni u l-Kummissjoni min-naħa l-oħra. Anki jekk din il-leġiżlazzjoni ma tipprovdix għal kuntatti diretti bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-persuna kkonċernata, hija ma timplikax neċessarjament li l-Kummissjoni tista’ tikkuntenta ruħha, fil-każijiet kollha fejn hija mitluba tiddeċiedi fuq talbiet għal rimbors, bl-elementi li l-amministrazzjoni nazzjonali tkun ikkomunikatilha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 905(2) tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkomunika informazzjoni addizzjonali. Minkejja li din il-liġi ma tipprovdix għal kuntatti diretti bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-persuna kkonċernata, dan ma jimplikax neċessarjament li l-Kummissjoni tista’ tqis lilha nnifisha sodisfatta fil-każijiet kollha li hija teżamina applikazzjoni għal ħlas lura bl-informazzjoni mibgħuta lilha mill-amministrazzjoni nazzjonali”. Ara f’dan ir-rigward H.P. Nehl, Principles of Administrative Procedure in EC Law, Hart Publishing, Oxford, 1999, p. 88 sa 91; C. Eckes/J. Mendes, The Right to be Heard in Composite Administrative Procedure: Lost in Between Protection? European Law Review 36 (2011), p. 651 et seq.

( 33 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 44).

( 34 ) Sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punti 70 et seq.).

( 35 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda BĊE vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:323, punti 48, 5299).

( 36 ) Kawża C 97/91, EU:C:1992:491, punti 9 sa 13.

( 37 ) Fuq kunflitti ta’ interessi komparabbli fil-każ ta’ aġir ta’ stralċjarju li jkun irrevoka l-mandat ta’ konsulent legali u ta’ amministratur ġudizzjarju, ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punti 54 et seq.), u tal‑15 ta’ Settembru 2022, PNB Banka vs BĊE (C‑326/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:693, punti 39 sa 4356 sa 58).

( 38 ) Ara r-riferimenti għall-ġurisprudenza ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 iktar ’il fuq.

( 39 ) Għalhekk, inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punti 239 sa 241 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑256/22 P, li l-appellanti kienet ingħatat opportunità suffiċjenti li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha u li jkollha aċċess għall-fajl tal-kawża. Dan ma huwiex ikkontestat mill-appellanti fil-Kawża C‑256/22 P.

( 40 ) Ara wkoll il-punt 3 tad-digriet appellat.

( 41 ) Jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża fil-Kawża C‑256/22 P.

( 42 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising vs Il‑Kummissjoni u BĊE (C‑8/98 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 57 sa 59), u tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill vs K. Chrysostomides & Co. et (C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 96).

( 43 ) Sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, PNB Banka vs BĊE (C‑326/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:693, punti 56 sa 58) fir-rigward tal-inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra ittra mill-BĊE li tirrifjuta li toħroġ tali istruzzjonijiet.

( 44 ) Irrifjutat ukoll id-digriet tal‑4 ta’ Frar 2021, Pilatus Bank vs BĊE (C‑701/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:99, punti 33 sa 38).

( 45 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 12); tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 50 sa 53), u s-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank vs BĊE (C‑551/19 P u C 552/19 P, EU:C:2021:369, punt 39).

( 46 ) Ara l-punt 45 iktar ’il fuq.

( 47 ) Riferiment għan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża lill-persuna kompetenti fil‑5 ta’ Novembru 2018 jinsab biss fil-punt 12 tal-“[i]ntroduzzjoni” tar-rikors.

( 48 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 35, 5178).

( 49 ) Miżuri simili meħuda mill-Banca d’Italia bi tħejjija għal deċiżjoni tal-BĊE kienu s-suġġett tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023 punti 36 u 37). Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2022, Fininvest u Berlusconi vs BĊE (T‑913/16, EU:T:2022:279, punti 28 et seq.); f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli l-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-atti preparatorji tal-Banca d’Italia, b’mod partikolari d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u l-abbozz ta’ deċiżjoni ppreżentat lill-BĊE, setgħu kellhom difetti li jivvizzjaw il-legalità tad-deċiżjoni tal-BĊE. Fl-appelli tagħhom fil-kawżi pendenti C‑512/22 P u C‑513/22 P, l-appellanti jilmentaw li ċ-ċaħda ta’ dan il-motiv hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, b’mod partikolari, bħala inkompatibbli mal-prinċipji rrikonoxxuti fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023).

( 50 ) Ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punti 4546). Dan huwa sostnut ukoll mid-dikjarazzjonijiet fil-punt 250 tas-sentenza appellata b’risposta għall-għaxar motiv, dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, fejn il-Qorti Ġenerali tirreferi lill-appellanti għal rimedji nazzjonali u għall-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari.

( 51 ) Fid-deċiżjoni kontenzjuża tiegħu, il-BĊE jeżamina, taħt it-Taqsima 3.3, l-osservanza tal-kundizzjonijiet legali tar-regoli rilevanti tar-Regolament Nru 1024/2013 u tad-Direttiva 2013/36, kif ukoll tad-dritt Malti korrispondenti (3.3.1), implimentat fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, tal-proporzjonalità tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni, inkluż l-adegwatezza, in-neċessità u l-proporzjonalità tiegħu (3.3.2), kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (3.3.3).

( 52 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013.

( 53 ) Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 1024/2013.

( 54 ) Ara l-Artikoli 4(3), 6(1) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1024/2013.

( 55 ) Il-premessa 21 tar-Regolament Nru 1024/2013 tirrifletti dan billi tindika li “l-BĊE għandu […] iwettaq il-kompitu tiegħu fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni f’każ ta’ nonkonformità mad-dritt nazzjonali fuq proposta mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti, li tivvaluta l-konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti bid-dritt nazzjonali”.

( 56 ) It-Taqsima 3.1 tad-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża hija limitata għal deskrizzjoni tal-proċedura mid‑29 ta’ Ġunju 2018 u ssemmi biss id-direttivi kontenzjużi f’p. 6 fit-Taqsima 3.3.1. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-appellanti sostniet l-ilmenti tagħha f’dan ir-rigward għall-ewwel darba fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jistgħux jiġu vverifikati fil-proċedura tal-appell.

( 57 ) Punti 49 sa 52 tas-sentenza appellata.

( 58 ) Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36.

( 59 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 10, Vol. 1, p. 75.

( 60 ) Kawża C‑124/20, EU:C:2021:1035.

( 61 ) Punti 67 sa 69 u 73 sa 80 tas-sentenza appellata.

( 62 ) Punti 96 sa 102 tas-sentenza appellata.

( 63 ) Punti 104 sa 106, 111 u 112 tas-sentenza appellata.

( 64 ) Punti 116 sa 119 tas-sentenza appellata.

( 65 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2022, Autorité des marchés financiers (C‑302/20, EU:C:2022:190, punt 63), u tat‑12 ta’ Jannar 2023, Österreichische Post (Informazzjoni dwar ir-riċevituri tad-data personali) (C‑154/21, EU:C:2023:3, punt 29).

( 66 ) Dawn huma ugwalment vinkolanti, u għaldaqstant l-ebda minnhom ma tista’ tieħu preċedenza; ara sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punti 40 sa 42).

( 67 ) FR: “honorabilité” u IT: “onorabilità”.

( 68 ) PT: “idoneidade”.

( 69 ) BG: “репутацията”; CZ: “pověst”; DA: “omdømme”; DE: “Leumund”; FI: “maine”; EL: “τη φήμη”; EN: “reputation”; ES: “reputación”; ET: “maine”; HR: “ugled”; HU: “jó hírneve”; LT: “reputaciją”; LV: “reputācija”; MT: “ir-reputazzjoni”; NL: “reputatie”; PL: “reputacja”; RO: “reputația”; SK: “povesť”; SL: “ugled” u SV: “anseende”.

( 70 ) Ara wkoll l-Artikolu 23(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2013/36.

( 71 ) Barra minn hekk, dan ma japplikax biss f’każ ta’ telf ta’ fiduċja, jiġifieri f’sens negattiv, bħal fil-każ prominenti tal-kriżi tad-dejn sovran Grieg (ara d-deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2020., EMB Consulting et vs BĊE, C‑571/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:208, u s-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE,T‑79/13, EU:T:2015:756), iżda wkoll f’sens pożittiv, kif juri l-każ tal-kriżijiet finanzjarji ta’ France Télécom u Orange; dawn setgħu jiffinanzjaw lilhom innifishom mill-ġdid biss fis-suq tal-kapital bil-kapaċità tagħhom stess wara dikjarazzjonijiet pubbliċi għall-bini tal-fiduċja mill-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Ekonomiċi (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, u tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912).

( 72 ) ĠU 2005, L 309, p. 15.

( 73 ) Punt 90 tas-sentenza appellata.

( 74 ) Ara p. 4 et seq., b’mod partikolari p. 8 tad-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża.

( 75 ) Ara l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 41 – Dritt għal amministrazzjoni tajba, ĠU 2007 C 303, p. 17.

( 76 ) F’dan is-sens is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 30 b’riferimenti ulterjuri għall-ġurisprudenza).

( 77 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 4041). Tali effett obbligatorju għandu japplika bħala l-ewwel pass biss għall-EBA, l-EIOPA u l-ESMA f’konformità mal-istatus stabbilit fl-introduzzjoni tal-Linji Gwida Konġunti. Madankollu, huwa japplika wkoll, b’analoġija, għall-BĊE sa fejn, bħala awtorità superviżorja, huwa kkonforma ma’ dawn il-linji gwida.

( 78 ) Ara wkoll il-punti 75 sa 86 tas-sentenza appellata.

( 79 ) Ara p. 5 sa 6 tad-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża.

( 80 ) P. 8 (b’mod partikolari n-noti ta’ qiegħ il-paġna 21 u 22) tad-deċiżjoni tal-BĊE kontenzjuża.

( 81 ) Din id-dispożizzjoni tipprovdi: “Ebda sentenza mogħtija minn qorti jew […] u ebda deċiżjoni mogħtija minn awtorità amministrativa li tinsab barra mill-Komunità u li tagħti effett, direttament jew indirettament, lil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew lil azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, ma tiġi rikonoxxuta jew tkun imponibbli bi kwalunkwe mod.”

( 82 ) Fir-rigward tal-konsegwenzi ċivili u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 dwar l-Imblokkar ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran (C‑124/20, EU:C:2021:1035, punti 35 et seq.).

( 83 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran (C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 35 sa 37).

( 84 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il‑Kummissjoni (C‑67/09 P, EU:C:2010:607, punti 4849), u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 115).

( 85 ) Punti 35 sa 39 tad-digriet appellat.

( 86 ) Punt 40 tad-digriet appellat.

( 87 ) Punt 41 tad-digriet appellat.

( 88 ) Punti 42 sa 44 tad-digriet appellat.

( 89 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, PNB Banka vs BĊE (C‑326/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:693, punti 56 sa 58).

( 90 ) C‑701/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:99, punt 38.

( 91 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill (C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 81), u tas‑16 ta’ Jannar 2019, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni (C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 56).

Fuq