EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CJ0347

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-27 ta’ Jannar 2022.
SIA ‟Zinātnes parks” vs Finanšu ministrija.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administratīvā rajona tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi strutturali – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Regolament (UE) Nru 1303/2013 – Programm ta’ Kofinanzjament – Għajnuna mill-Istat – Regolament (UE) Nru 651/2014 – Kamp ta’ applikazzjoni – Limiti – Kunċetti ta’ ‘kapital azzjonarju sottoskritt’ u ta’ ‘impriża f’diffikultà’ – Esklużjoni ta’ impriżi f’diffikultà mill-għajnuna tal-FEŻR – Modalitajiet ta’ dħul fis-seħħ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju sottoskritt – Data tal-produzzjoni tal-provi ta’ din iż-żieda – Prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza.
Kawża C-347/20.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:59

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

27 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi strutturali – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Regolament (UE) Nru 1303/2013 – Programm ta’ Kofinanzjament – Għajnuna mill-Istat – Regolament (UE) Nru 651/2014 – Kamp ta’ applikazzjoni – Limiti – Kunċetti ta’ ‘kapital azzjonarju sottoskritt’ u ta’ ‘impriża f’diffikultà’ – Esklużjoni ta’ impriżi f’diffikultà mill-għajnuna tal-FEŻR – Modalitajiet ta’ dħul fis-seħħ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju sottoskritt – Data tal-produzzjoni tal-provi ta’ din iż-żieda – Prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza”

Fil-Kawża C‑347/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

SIA “Zinātnes parks”

vs

Finanšu ministrija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, President tar-Raba’ Awla, I. Jarukaitis, M. Ilešič u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SIA “Zinātnes parks”, minn I. Duka, advokāte

għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn K. Pommere u V. Soņeca, sussegwentement minn K. Pommere u J. Davidoviča, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn M. Browne, J. Quaney u M. Lane kif ukoll A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar u J. Hradil kif ukoll minn L. Ozola, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 125(3)(a)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320 u rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140 u fil-ĠU 2019, L 66, p. 6), kif ukoll il-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SIA “Zinātnes parks” u Finanšu ministrija (il-Ministeru għall-Finanzi, il-Latvja) dwar deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar, tal‑4 ta’ Novembru 2019, li tiċħad l-applikazzjoni għal proġett tagħha fil-kuntest ta’ programm ta’ kofinanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda”).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament (UE) Nru 1301/2013

3

Il-premessa 1 tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira l-iżvilupp ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 289 u rettifika fil-ĠU 2016, L 330, p. 25) jistabbilixxi:

“L-Artikolu 176 [TFUE] jipprevedi li l-[FEŻR] huwa maħsub sabiex jgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi reġjonali ewlenin li hemm fl-Unjoni. […]”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-ambitu tal-appoġġ mill-FEŻR”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Il-FEŻR m’għandux jgħin:

[…]

(d)

impriżi f’diffikultà kif definiti taħt ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat;

[…]”

Ir‑Regolament (UE) Nru 1303/2013

5

Ir-Regolament Nru 1303/2013 jistabbilixxi r-regoli komuni u d-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-FEŻR, għall-Fond Soċjali Ewropew, għall-Fond ta’ Koeżjoni, għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, ġeneralment imsejħa fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Fondi ESI”).

6

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament, bħala prinċipju, il-parti tal-baġit tal-Unjoni allokata għall-Fondi ESI għandha tiġi implimentata fi ħdan il-qafas ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

7

L-Artikolu 26(1) u (2) tal-istess regolament huwa hekk ifformulat:

“1.   Il-Fondi ESI għandhom jiġu implimentati permezz tal-programmi skont il-Ftehim ta’ Sħubija. Kull programm għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

2.   Il-programmi għandhom jitfasslu mill-Istati Membri jew minn kwalunkwe awtorità maħtura minnhom, b’kooperazzjoni mas-sħab imsemmija fl-Artikolu 5. L-Istati Membri għandhom ifasslu l-programmi bbażati fuq proċeduri li jkunu trasparenti għall-pubbliku, skont il-qafas istituzzjonali u legali tagħhom.”

8

L-Artikolu 123 tal-istess regolament jimponi fuq kull Stat l-obbligu li jinnomina, għal kull programm operazzjonali, awtorità ta’ ġestjoni. awtorità ta’ ċertifikazzjoni u l-awtorità ta’ awditjar.

9

L-Artikolu 125 tar-Regolament Nru 1303/2013 jiddefinixxi l-funzjonijiet tal-awtorità ta’ ġestjoni. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, din l-awtorità hija responsabbli għall-ġestjoni tal-programm operazzjonali skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba.

10

Fir-rigward tal-għażla tal-operazzjonijiet, l-Artikolu 125(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-imsemmija awtorità:

“(a)

tfassal u, ladarba approvati, tapplika proċeduri u kriterji xierqa ta’ selezzjoni li:

(i)

tiżgura l-kontribuzzjoni tal-operazzjonijiet għall-kisba ta’ objettivi u riżultati speċifiċi tal-prijorità rilevanti;

(ii)

huma non-diskriminatorji u trasparenti;

(iii)

iqisu l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8;

[…]

(d)

tissodisfa lilha nnifisha li l-benefiċjarju għandu l-kapaċità amministrattiva, finanzjarja u operattiva sabiex jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (c) qabel l-approvazzjoni tal-operazzjoni;

[…]”

Ir‑Regolament Nru 651/2014

11

Il-premessa 14 tar-Regolament Nru 651/2014 tiddikjara:

“Għajnuna mogħtija lil intrapriżi f’diffikultà għandha tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, billi din l-għajnuna għandha tiġi vvalutata skont il-Linji Gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ intrapriżi f’diffikultà tal-1 ta’ Ottubru 2004 [(ĠU 2004, C 244, p. 2)] kif estiżi mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà tal-1 ta’ Ottubru 2004 [(ĠU 2012, C 296, p. 3)] jew il-Linji Gwida suċċessivi, biex dawn ma jkunx hemm min idur magħhom, bl-eċċezzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara li ċerti diżastri naturali jikkawżaw. Biex ikun hemm ċertezza legali, ikun xieraq li jkunu stabbiliti kriterji ċari li ma jeħtiġux valutazzjoni tal-partikularitajiet kollha tas-sitwazzjoni ta’ impriża biex ikun determinat jekk impriża hix ikkunsidrata li tinsab f’diffikultà għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.”

12

L-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

(c)

għajnuna lil impriżi f’diffikultà, bl-eċċezzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali.”

13

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

18.

‘intrapriża f’diffikultà’ tfisser intrapriża li sseħħ fir-rigward tagħha mill-inqas waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

(a)

Fil-każ ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata […], fejn aktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt tagħha jkun sparixxa bħala riżultat ta’ telf akkumulat. Dan hu l-każ meta t-tnaqqis ta’ telf akkumulat minn riżervi (u l-elementi kollha l-oħra ġeneralment ikkunsidrati bħala parti mill-fondi proprji tal-kumpanija) iwassal għal ammont kumulattiv li jaqbeż nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, ‘kumpanija b’responsabbiltà limitata’ tirreferi, b’mod partikolari, għat-tipi ta’ kumpaniji msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ intrapriżi, li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU 2013, L 182, p. 19)] u ‘kapital azzjonarju’ jinkludi, fejn rilevanti, kull primjum ta’ ishma.

[…]

(c)

Meta l-intrapriża tkun suġġetta għal proċedimenti ta’ insolvenza kollettivi jew tissodisfa l-kriterji skont il-liġi domestika tagħha biex titqiegħed fi proċedimenti ta’ insolvenza kollettivi fuq talba tal-kredituri tagħha.

[…]”

Id‑Direttiva (UE) 2017/1132

14

Skont il-premessi 7 u 8 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017, L 169, p. 46):

“(7)

Il-koordinazzjoni ta’ disposizzjonijiet nazzjonali dwar l-iżvelar, il-validità ta’ obbligazzjonijiet li jkunu daħlu għalihom il-kumpaniji limitati b’ishma jew li diversament ikollhom responsabbiltà limitata u n-nullità tagħhom hija ta’ importanza speċjali, partikolarment għall-iskop ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ terzi.

(8)

Jenħtieġ li d-dokumenti bażiċi ta’ kumpanija jiġu żvelati sabiex partijiet terzi jkunu jistgħu jaċċertaw il-kontenut tagħhom u informazzjoni oħra dwar il-kumpanija, speċjalment, id-dettalji tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu l-kumpanija.”

15

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni obbligatorja li trid tingħata fl-istatuti jew fl-atti ta’ inkorporazzjoni jew dokumenti separati”, jipprevedi:

“L-informazzjoni li ġejja għandha tidher għallinqas fl-istatuti jew fl-atti ta’ inkorporazzjoni jew f’dokument separat ippubblikat skont il-proċedura stabbilita fil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skont l-Artikolu 16:

[…]

(b)

il-valur nominali tal-ishma sottoskritti u, għallinqas darba fis-sena, l-għadd tagħhom;

[…]

(g)

l-ammont tal-kapital sottoskritt imħallas fiż-żmien li l-kumpanija tkun ġiet inkorporata jew awtorizzata biex tibda n-negozju”.

16

L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Dokumenti u dettalji li jridu jiġu żvelati mill-kumpaniji”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm l-obbligu ta’ żvelar minn kumpaniji tal-inqas tad-dokumenti u d-dettalji li ġejjin:

(a)

id-dokument ta’ kostituzzjoni, u l-istatuti jekk huma jinsabu f’dokument separat;

(b)

kull emenda għad-dokumenti msemmija fil-punt (a), inkluża kull estensjoni ta’ kemm ilha mwaqqfa l-kumpanija;

[…]

(e)

għallinqas darba fis-sena, l-ammont tal-kapital sottoskritt, fejn d-dokument ta’ kostituzzjoni jew l-istatuti jsemmu kapital awtorizzat, sakemm kwalunke żieda fil-kapital sottoskritt ma tkunx teħtieġ emenda tal-istatuti;

[…]”

17

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2017/1132, intitolat “Żvelar fir-reġistru” jipprevedi, fil-paragrafi 3 u 5 sa 7 tiegħu:

“3.   Id-dokumenti u d-dettalji kollha rikjesti li jiġu żvelati skont l-Artikolu 14 għandhom jinżammu fil-fajl, jew jiddaħħlu fir-reġistru; is-suġġett tan-notamenti fir-reġistru għandhom f’kull każ jidhru fil-fajl.

[…]

5.   L-iżvelar ta’ dokumenti u tad-dettalji imsemmija fil-paragrafu 3 għandu jsir permezz ta’ pubblikazzjoni fil-gazzetta nazzjonali magħżula għal dak l-iskop minn Stat Membru, tat-test kollu jew ta’ parti minnu, jew permezz ta’ riferenza għad-dokument li jkun ġie depożitat fil-fajl jew annotat fir-reġistru. Il-gazzetta nazzjonali magħżula għal dak l-iskop tista’ tinżamm f’forma elettronika.

[…]

6.   Id-dokumenti u d-dettalji jistgħu jintużaw kontra terzi mill-kumpanija biss wara li jkunu ġew żvelati skont il-paragrafu 5, sakemm il-kumpanija ma tagħtix prova li l-dawk it-terzi kienu jafu biha.

Madankollu, rigward tranżazzjonijiet li jsiru qabel is-16-il jum wara li jiġu żvelati, id-dokumenti u d-dettalji għandhom ma jintużawx kontra terzi li jkunu taw prova li kien impossibbli għalihom li jkunu jafu bihom.

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw kull diskrepanza bejn dak li jkun żvelat skont il-paragrafu 5 u dak li jidher fir-reġistru jew fil-fajl.

Madankollu, f’każi ta’ diskrepanza, it-test żvelat skont il-paragrafu 5 ma jistax jintuża kontra terzi; madankollu dawk it-terzi jistgħu jużaw dak it-test, sakemm il-kumpanija ma ġġibx provi li kellhom informazzjoni tat-test depositat fil-fajl jew imdaħħal fir-reġistru.

Barra minn hekk, partijiet terzi jistgħu dejjem jużaw kull dokument u partikolarità li dwaru l-formalitajiet ta’ żvelar jkunu għadhom ma ġewx kompluti, ħlief meta l-effett tagħhom jintilef minħabba l-fatt li ma jkunx sar żvelar.”

18

Skont l-Anness II ta’ din id-direttiva, il-forom ta’ kumpannija kkonċernati għal-Latvja jinkludu, b’mod partikolari, is-sabiedrība ar ierobežotu atbildību, (kumpannija b’responsabbiltà limitata) li hija l-forma legali li għandha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

Id‑dritt Latvjan

Il‑Liġi dwar il‑Ġestjoni tal‑Fondi

19

L-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni fil-Latvja hija rregolata mill-Eiropas Savienības struktūrfondu un Kohēzijas fonda 2014.-2020. gada plānošanas perioda vadības likums (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Perijodu ta’ Programmazzjoni 2014–2020) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi”). L-Artikolu 21 ta’ din il-liġi, intitolat “Għażla tal-applikazzjonijiet għall-proġett” jipprevedi:

“1.   L-għażla tal-applikazzjonijiet għall-proġett hija:

1)

pubblika meta l-offerenti jkunu f’kompetizzjoni f’kundizzjonijiet ugwali għall-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-proġett u għall-għoti tal-finanzjament minn fond tal-Unjoni Ewropea; […]

[…]

2.   L-awtorità ta’ kollegament għandha tagħżel l-applikazzjonijiet għall-proġett skont il-metodi ta’ għażla u r-regolament dwar l-għażla tal-applikazzjonijiet għall-proġett. Ir-regolament dwar l-għażla tal-applikazzjonijiet għall-proġett huwa redatt u, bi qbil mal-awtorità responsabbli u l-awtorità ta’ ġestjoni, approvat mill-awtorità ta’ koordinament.

[…]

5.   L-offerenti għandhom jippreparaw u jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament dwar l-għażla tal-applikazzjonijiet għall-proġett.

[…]”

20

L-Artikolu 25 tal-Liġi dwar il-Ġestjoni ta’ Fondi, intitolat “Approvazzjoni, approvazzjoni kundizzjonali jew ċaħda ta’ applikazzjonijiet fil-kuntest ta’ sejħiet pubbliċi għal applikazzjonijiet għall-proġett”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“3.   Deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għall-proġett għandha tiġi adottata jekk mill-inqas waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin tkun preżenti:

[…]

2)

L-applikazzjoni li ma tissodisfax il-kriterji ta’ evalwazzjoni u r-rettifika magħmula skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jkollha effett fuq l-applikazzjoni fil-mertu.

[…]

4.   Deċiżjoni ta’ approvazzjoni kundizzjonali tal-applikazzjoni għall-proġett tiġi adottata jekk l-offerent għandu jieħu miżuri speċifiċi imposti mill-awtorità ta’ koordinament sabiex l-applikazzjoni tkun tissodisfa b’mod sħiħ il-kriterji ta’ evalwazzjoni u sabiex il-proġett ikun jista’ jitwettaq b’mod xieraq. Id-determinazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet u l-kontroll tagħhom għandhom isiru skont ir-regolament dwar l-għażla tal-applikazzjonijiet għall-proġett. Jekk ma tkunx issodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-deċiżjoni, jew ma tkunx issodisfatta fiż-żmien stipulat f’dik id-deċiżjoni, l-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata miċħuda.”

21

L-Artikolu 30 ta’ din l-istess liġi, intitolat “Previżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-proġett, jipprovdi:

“Bejn il-preżentazzjoni tagħhom u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni sempliċi, ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni kundizzjonali jew ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda, l-applikazzjonijiet għall-proġett ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ preċiżazzjonijiet addizzjonali.”

Id‑Digriet ta’ Eżekuzzjoni

22

Il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija rregolata mill-Ministru kabineta noteikumi Nr. 612 “Darbības programmas ‘Izaugsme un nodarbinātība’ 3.1.1. specifiskā atbalsta mērķa ‘Sekmēt MVK izveidi un attīstību, īpaši apstrādes rūpniecībā un RIS3 prioritārajās nozarēs’ 3.1.1.5. pasākuma “Atbalsts ieguldījumiem ražošanas telpu un infrastruktūras izveidei vai rekonstrukcijai’ otrās projektu iesniegumu atlases kārtas īstenošanas noteikumi” (id-Digriet Nru 612 tal-Kunsill tal-Ministri li Jirrigwarda Dispożizzjonijiet ta’ Eżekuzzjoni tat-Tieni Fażi ta’ Għażla ta’ Proġetti fil-Kuntest tal-Programm Operazzjonali “Tkabbir u impjieg” għan speċifiku 3.1.1 “Promozzjoni tal-ħolqien u l-iżvilupp tas-SMEs, b’mod partikolari fl-industrija tal-manifattura u s-setturi prijoritarji tal-istrateġiji reġjonali ta’ innovazzjoni għal speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3)”, miżura 3.1.1.5 “Għajnuna għall-investiment favur il-ħolqien jew ir-rikostruzzjoni tal-postijiet u infrasturi ta’ produzzjoni”), tal‑25 ta’ Settembru 2018 (Latvijas Vestnesis, 2018, Nru 101, iktar ’il quddiem id-“Digriet ta’ Eżekuzzjoni”). L-Artikolu 7 ta’ dan id-digriet ta’ eżekuzzjoni huwa fformulat kif ġej:

“L-eżekuzzjoni tat-tieni fażi tal-għażla ta’ proġetti fil-kuntest tal-miżura għandha ssir permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet.”

23

Skont l-Artikolu 15 tal-imsemmi digriet ta’ eżekuzzjoni:

“Il-proġett mhux ser ikun eliġibbli għall-finanzjament meta:

[…]

15.3. L-offerent huwa impriża f’diffikultà skont il-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014;

[…]”

Il-Leġiżlazzjoni dwar l-Għażla tal-Applikazzjonijiet għall-Proġett

24

L-aspetti prattiċi tal-għażla tal-applikazzjonijiet huma rregolati mir-regolament dwar l-għażla tal-applikazzjonijiet għall-proġett, redatt miċ-Centrālā Finanšu un līgumu aģentūra (l-Aġenzija Ċentrali tal-Finanzjamenti u tal-Ftehimiet) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija Nazzjonali Kompetenti”), kif ukoll mill-annessi tiegħu.

25

Il-paragrafu 6 tat-Taqsima II tal-Anness 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Metodoloġija dwar l-applikazzjoni tal-kriterji għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet”, jipprevedi:

“Evalwazzjoni ‘pożittiva sempliċi’ għandha tingħata meta l-offerent ma jkunx operatur ekonomiku f’diffikultà. Il-klassifikazzjoni ta’ impriża f’diffikultà fil-mument tad-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna għandha tkun oġġettivament ibbażata fuq data verifikabbli u affidabbli dwar l-offerent u l-impriżi relatati miegħu:

a)

l-informazzjoni għandha tiġi vverifikata fir-rigward tal-aħħar rapport annwali definittiv għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

b)

jekk jiġi ppreżentat rapport ta’ attività intermedju approvat minn awditur ċertifikat, id-data ta’ dan ir-rapport għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex impriża f’diffikultà;

c)

jekk l-offerent jirreferi għal informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku [(jiġifieri) verifikabbli] u jirreferi għal żieda fil-kapital statutorju wara l-aħħar rapport annwali definittiv, din l-informazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni flimkien ma’ rapport ta’ attività intermedju approvat minn awditur ċertifikat.

[…]

L-evalwazzjoni hija ‘pożittiva kundizzjonali’ meta l-informazzjoni pprovduta ma tkunx kompleta jew ma tkunx iddettaljata biżżejjed. Għalhekk, l-offerent huwa mistieden jagħti preċiżazzjonijiet fuq l-informazzjoni diġà pprovduta. Dawn id-dettalji jistgħu jirrigwardaw biss aspetti tekniċi, aritmetiċi u editorjali. […]”

Il-Kodiċi tal-Kummerċ

26

L-Artikolu 12 tal-komerclikums (il-Kodiċi tal-Kummerċ), intitolat “Reklamar fir-reġistru”, jistabbilixxi:

“1.   L-iskrizzjonijiet fir-reġistru tal-kummerċ jipproduċu l-effetti tagħhom fir-rigward ta’ terzi b’effett mill-pubblikazzjoni tagħhom. […]

2.   Fejn id-dettalji li għandhom jitniżżlu fir-reġistru tal-kummerċ ma jkunux imdaħħla jew imdaħħla fih iżda ma jkunux ġew ippubblikati, dawn id-dettalji ma jistgħux jiġu invokati kontra terzi mill-persuna li favuriha dawn kellhom jiġu rreġistrati, ħlief fil-każ fejn dawn it-terzi persuni jkunu diġà jafu b’dawn id-dettalji.

[…]”

27

L-Artikolu 196 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, intitolat “Ftehimiet dwar it-tibdil tal-kapital statutorju”, jipprovdi:

“1.   Il-kapital statutorju jista’ jiżdied jew jitnaqqas biss permezz ta’ ftehim tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ din iż-żieda jew ta’ dan it-tnaqqis.

[…]

3.   Fil-każ ta’ ftehim dwar it-tibdil tal-kapital statutorju, it-tibdil korrispondenti jiddaħħal fl-istatuti fl-istess ħin.”

28

L-Artikolu 202(3) ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Applikazzjonijiet fir-Reġistru Kummerċjali dwar iż-żieda tal-kapital statutorju”, huwa fformulat kif ġej:

“Iż-żieda fil-kapital statutorju hija kkunsidrata li sseħħet fid-data tar-reġistrazzjoni tal-ammont ġdid ta’ dan il-kapital fir-reġistru tal-kummerċ.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

29

Fil-kuntest ta’ sejħa pubblika bl-għan tal-għażla ta’ proġetti għall-għoti ta’ finanzjament fil-kuntest tal-programm ta’ kofinanzjament mill-FEŻR “Żvilupp u impjieg”, Zinātnes parks, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Latvjan, ippreżentat applikazzjoni għall-proġett lill-aġenzija nazzjonali kompetenti fit‑30 ta’ April 2019, data ta’ skadenza għall-preżentata tal-applikazzjonijiet għall-proġett. Din ir-rikorrenti hemżet mal-proposta tagħha ftehim tal-laqgħa tal-membri tagħha tad‑29 ta’ April 2019, dwar it-tibdil tal-istatuti tagħha u ż-żieda tal-kapital statutorju tagħha permezz tal-ħlas, minn soċju partikolari, f’terminu stabbilit, ta’ ishma ġodda, bil-premium ta’ ħruġ.

30

Matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni, l-imsemmija rikorrenti informat lill-aġenzija nazzjonali kompetenti li ż-żieda tal-kapital statutorju kienet ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ fl‑24 ta’ Lulju 2019 u, sussegwentement, hija pproduċiet, b’mod addizzjonali, rapport ta’ attività intermedju approvat minn awditur iċċertifikat.

31

Permezz tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tiegħu, il-Ministeru għall-Finanzi ċaħad il-proposta ta’ Zinātnes parks għar-raġuni li din il-kumpannija kellha titqies, fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha, bħala “impriża f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014.

32

Adita b’rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), il-qorti tar-rinviju, tirrileva li huwa paċifiku bejn il-partijiet li, jekk id-data li tinsab fl-aħħar rapport finanzjarju ta’ Zinātnes parks, korrispondenti għas-sena 2018, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, din il-kumpannija jkollha l-kwalità ta’ “impriża f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 18(a) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Lanqas ma hemm kontestazzjoni fuq il-fatt li, wara ż-żieda fil-kapital azzjonarju u r-reġistrazzjoni tat-tibdiliet rispettivi fir-reġistru tal-kummerċ, l-imsemmija kumpannija ma baqgħetx tissodisfa l-kriterju li jinsab fil-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 sabiex tiġi kklassifikata bħala “impriża f’diffikultà”. Min-naħa l-oħra, jeżistu diverġenzi bejn il-partijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar sa fejn l-inklużjoni taż-żieda fil-kapital azzjonarju msemmija iktar ’il fuq fir-reġistru tal-kummerċ u l-offerta ta’ prova fformulata minn Zinātnes parks matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-aġenzija nazzjonali kompetenti.

33

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji, qabelxejn, dwar jekk, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, il-Ministeru għall-Finanzi interpretax, ġustament, il-kunċett ta’ “kapital azzjonarju sottoskritt”, li jinsab fil-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, fid-dawl tal-kunċett ta’ “kapital statutorju” li jinsab fil-leġiżlazzjoni nazzjonali Latvjana, fis-sens li jirreferi biss għall-kapital azzjonarju li kien is-suġġett ta’ miżura ta’ reklamar, konformement mal-proċeduri speċifikati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

34

Fl-ordinament ġuridiku Latvjan, skont l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi tal-Kummerċ, il-kapital statutorju jitqies fil-fatt miżjud fil-jum tar-reġistrazzjoni tal-kapital azzjonarju l-ġdid fir-reġistru tal-kummerċ u huwa biss minn din id-data li tali żieda tista’ tiġi invokata kontra terzi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minn naħa, il-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 ma jinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri intiż sabiex jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kapital azzjonarju”. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2017/1132, b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 16 tagħha, ma tissuġġettax il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ żieda fil-kapital azzjonarju għal kundizzjoni preliminari u lanqas ma tħalli b’mod espliċitu lill-Istati Membri s-setgħa li jirregolaw il-kwistjoni.

35

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk ir-rekwiżiti previsti fil-kuntest tal-proċedura ta’ għażla fil-qasam tad-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati u, b’mod partikolari tad-data li fiha dawn għandhom jiġu ppreżentati, humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kandidat u jekk, jekk ikun il-każ, eventwali insuffiċjenzi ta’applikazzjoni f’termini ta’ prova tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-offerent jistgħux jiġu kkoreġuti matul il-proċedura ta’ għażla. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tirrileva b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 125(3)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1303/2013, il-proċeduri u l-kriterji tal-għażla għandhom ikunu trasparenti u mhux diskriminatorji.

36

Din il-qorti tqis li, prima facie, dawn il-prinċipji huma l-oriġini tal-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 30 tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Fondi u żviluppat fir-regolament dwar l-għażla tal-applikazzjonijiet, li jipprovdi li l-applikazzjonijiet għall-proġett ma jistgħux jiġu speċifikati jew ikkompletati wara l-preżentazzjoni tagħhom. Konsegwentement, l-aġenzija nazzjonali kompetenti għandha tosserva l-kriterji li hija stess stabbilixxiet, b’tali mod li hija kienet obbligata teskludi mill-għażla ta’ proġetti l-offerenti li ma kinux annettew dokument jew ma kkomunikawx informazzjoni li l-produzzjoni tagħha kienet imposta mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw din l-għażla. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi, li kien jeżisti wkoll obbligu li jiġu osservati prinċipji simili fl-għażla tal-offerti, tali kunsiderazzjoni ma tirriżultax espressament mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-administratīvā rajona tiesa, (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-kunċett ta’ ‘kapital azzjonarju sottoskritt’ previst fl-Artikolu 2(18)(a) tar-[Regolament Nru 651/2014], flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni dwar l-attività tal-kumpanniji, għandu jiġi interpretat fis-sens li bħala bażi għad-determinazzjoni tal-kapital azzjonarju sottoskritt għandha tittieħed biss inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li tkun saret pubblika skont il-forom previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru, u meqjus il-fatt li, għaldaqstant, tali informazzjoni għandha titqies li hija valida biss minn dak il-mument?

2)

Fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ ‘impriża f’diffikultà’ previst fl-Artikolu 2(18) tar-[Regolament Nru 651/2014], għandha tingħata importanza lir-rekwiżiti, stabbiliti fil-kuntest tal-proċess ta’ għażla ta’ proġetti għal fondi Ewropej, dwar liema dokumenti għandhom jiġu prodotti sabiex tiġi pprovata s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża inkwistjoni?

3)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun waħda affermattiva, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-għażla ta’ proġetti li tistabbilixxi li l-applikazzjonijiet għal proġetti ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kjarifiki wara li jiġu ppreżentati hija kompatibbli mal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni previsti fl-Artikolu 125(3)(a)(ii) tar-[Regolament Nru 1303/2013]?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

38

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija hijiex “f’diffikultà” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-espressjoni “kapital azzjonarju sottoskritt” għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi biss għall-kontribuzzjonijiet magħmula pubbliċi skont il-modalitajiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn din il-kumpannija hija kkostitwita.

39

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1301/2013 jeskludi minn kull għajnuna mill-FEŻR, l-impriżi f’diffikultà, kif iddefiniti mir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

40

Meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà” kien iddefinit mir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li jinsabu fil-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014. Minflok ma użat definizzjoni unika tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà”, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi diversi kriterji alternattivi, li fosthom hemm, fil-paragrafu (a), dak li jikkonsisti, għal kumpannija b’responsabbiltà limitata, li tiġi kkonfrontata b’telf akkumulat ta’ iktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt.

41

Issa, fir-rigward tal-kunċett ta’ “kapital azzjonarju sottoskritt” użat fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, din id-dispożizzjoni sempliċement tispeċifika li dan il-kunċett jinkludi, jekk ikun il-każ, il-primjums ta’ ħruġ. Min-naħa l-oħra, la l-imsemmija dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra li tinsab f’dan ir-regolament ma jagħtu definizzjoni u lanqas ma jippreċiżaw f’liema data żieda ta’ dan il-kapital għandha titqies li tidħol fis-seħħ.

42

Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fl-intier tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali tagħhom, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, BAKATI PLUS, C‑656/19, EU:C:2020:1045, punti 3839 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, l-espressjoni “kapital azzjonarju” tirreferi, fis-sens abitwali tagħha, għall-valur tal-kontribuzzjonijiet li l-membri jew l-azzjonisti ta’ kumpannija qiegħdu jew impenjaw ruħhom li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha, inkambju għall-ħruġ, għall-profitt tagħhom, ta’ ishma jew ta’ azzjonijiet. Fir-rigward tal-kelma “sottoskritt”, dan huwa ġeneralment użat sabiex tiġi indikata s-somma li l-membri jew l-azzjonisti attwali jew futuri impenjaw ruħhom b’mod irrevokabbli li jipprovdu lill-kumpannija, irrispettivament minn jekk il-kontribuzzjonijiet korrispondenti kinux diġà ġew illiberati jew le. Huwa biss meta din il-kelma tkun min-naħa tagħha segwita mill-aġġettiv “meħlus” li, b’eċċezzjoni, l-espressjoni “kapital azzjonarju sottoskritt” tintuża sabiex isir riferiment biss għall-kapital azzjonarju li effettivament tħallas mill-imsemmija membri jew azzjonisti.

44

Minn dan isegwi li, sa fejn il-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 juża t-termini “kapital azzjonarju sottoskritt” mingħajr speċifikazzjoni oħra, dawn għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-kontribuzzjonijiet kollha li l-membri jew l-azzjonisti attwali jew futuri jkunu diġà wettqu jew impenjaw ruħhom irrevokabbilment li jwettqu.

45

Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 651/2014, moqri fil-kuntest tiegħu.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kriterji alternattivi ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà”, stabbiliti fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, huma intiżi li jippreċiżaw il-portata tal-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-regolament li jipprovdi li l-imsemmi regolament ma japplikax għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi f’diffikultà, bl-eċċezzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna intiżi sabiex jirrimedjaw għad-danni kkawżati minn ċerti diżastri naturali.

47

Skont il-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, l-għan segwit min-naħa tiegħu fl-imsemmi Artikolu 1(4) u, konsegwentement, mill-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà”, huwa li jiġi żgurat li l-għajnuna mogħtija lill-impriżi kkonċernati tiġi evalwata fid-dawl tal-linji gwida li jikkonċernaw speċifikament l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà, u dan sabiex jiġi evitat li dawn tal-aħħar ma jiġux evitati.

48

F’dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà minbarra l-istabbilimenti finanzjarji (ĠU 2014, C 249, p. 1), li għalihom tirreferi espressament il-premessa 14 tar-Regolament Nru 651/2014, tippreċiża, fil-punti 20 u 23 tagħha, li “impriża hija kkunsidrata f’diffikultà meta jkun prattikament ċert li fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat hija ser tkun kostretta tirrinunzja għall-attività tagħha fi żmien qasir jew medju. […] Minħabba li l-eżistenza nnifisha tal-impriża tkun ipperikolata, impriża f’diffikultà ma tistax tkun ikkunsidrata bħala mezz adattat għat-twettiq ta’ objettivi oħrajn ta’ politika pubblika, sakemm il-vijabbiltà tagħha tiġi żgurata”.

49

Fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu f’din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, l-għan imsemmi fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 651/2014 u l-kriterju relatat stabbilit fil-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 għandhom jiġu interpretati bħala li huma intiżi sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tal-kumpannija kkonċernata li żżomm l-attività tagħha fi żmien qasir jew medju.

50

L-eżami ta’ dan il-kriterju jippreżupponi, għaldaqstant, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet kollha li l-membri jew l-azzjonisti impenjaw ruħhom b’mod irrevokabbli li jwettqu. Fil-fatt, anki meta dawn ma jkunux għadhom irrilaxxati, dawn il-kontribuzzjonijiet jirrappreżentaw, l-istess bħall-kontribuzzjonijiet irrilaxxati, informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-kapaċità tal-kumpannija kkonċernata li żżomm l-attività tagħha f’tali terminu.

51

Konsegwentement, il-kunċett ta’ “kapital azzjonarju sottoskritt”, fis-sens tal-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi kunċett awtonomu li jirreferi għall-kontribuzzjonijiet kollha li l-membri jew l-azzjonisti attwali jew futuri tal-kumpannija wettqu jew impenjaw ruħhom irrevokabbilment sabiex iwettqu.

52

F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Zinātnes parks, qabel il-preżentazzjoni tal-proġett tagħha lill-aġenzija nazzjonali kompetenti sabiex tiffinanzja fil-kuntest ta’ programm ta’ kofinanzjament mill-FEŻR, tat il-kunsens tagħha għaż-żieda tal-kapital statutorju tagħha permezz tal-ħlas, minn membru partikolari, f’terminu speċifiku, ta’ ishma ġodda bi primjum għall-ħruġ. Fid-dawl tal-interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-kunċett ta’ “kapital azzjonarju sottoskritt” intiża fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dawn il-fatti, stabbiliti fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ dan il-proġett, jurux l-eżistenza ta’ impenn irrevokabbli min-naħa ta’ dan il-membru li jwettaq l-imsemmija żieda tal-kapital billi jibbaża ruħu fuq il-kriterji previsti għal dan il-għan mid-dritt nazzjonali li abbażi tiegħu l-kumpannija kkonċernata ġiet ikkostitwita.

53

F’dan ir-rigward, fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt tal-Unjoni jopera, ċertament, fil-Kapitoli III u IV tat-Titolu I tad-Direttiva 2017/1132 koordinazzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ reklamar fil-qasam taż-żieda fil-kapital fir-rigward tal-kumpanniji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-kapitoli. Madankollu, jidher mill-premessi 7 u 8 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 1 tagħha, li din il-koordinazzjoni hija intiża sabiex tippermetti, b’mod partikolari lil terzi, isiru jafu l-atti essenzjali tal-kumpannija kkonċernata. Min-naħa l-oħra, la mill-premessi tal-imsemmija direttiva u lanqas minn xi waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha ma jirriżulta li dawn ir-regoli ta’ reklamar jikkostitwixxu kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati sabiex l-impenn li ssir kontribuzzjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala irrevokabbli.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija hijiex “f’diffikultà”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-espressjoni “kapital azzjonarju sottoskritt” tirreferi għall-kontribuzzjonijiet kollha li l-membri jew l-azzjonisti attwali jew futuri ta’ kumpannija jkunu wettqu jew impenjaw ruħhom irrevokabbilment sabiex iwettqu.

Dwar it‑tieni domanda

55

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1301/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk offerent għandux jitqies li ma huwiex “f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, l-awtorità ta’ ġestjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss offerti ta’ provi konformi mar-rekwiżiti stabbiliti waqt l-istabbiliment tal-proċedura ta’ għażla tal-proġetti.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1301/2013 jillimita ruħu li jippreċiża li l-FEŻR ma jsostnix l-impriżi f’diffikultà kif iddefiniti mir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tinkludix indikazzjoni dwar in-natura tal-provi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit li impriża ma hijiex f’diffikultà.

57

Madankollu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 125(3) tar-Regolament Nru 1303/2013, li jiddefinixxi r-rwol tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi operattivi, jirriżulta li dawn tal-aħħar huma obbligati li jistabbilixxu u, wara approvazzjoni, li japplikaw proċeduri u kriterji ta’ għażla xierqa u li jiżguraw, b’mod partikolari, li l-benefiċjarji tal-għajnuna għandhom il-kapaċità finanzjarja li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-għajnuna u għalhekk, f’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ għajnuna tal-FEŻR, li l-imsemmija benefiċjarji ma humiex “f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014.

58

Sabiex jissodisfaw dan l-obbligu, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni għandhom neċessarjament jibbażaw ruħhom fuq informazzjoni affidabbli biżżejjed sabiex jeskludu kull dubju raġonevoli dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanniji kkonċernati.

59

Fir-rigward tad-determinazzjoni tan-natura preċiża tal-provi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tinkludi ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward, din taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, peress li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, f’dan ir-rigward, marġni ta’ manuvra waqt l-istabbiliment tal-proċedura ta’ għażla tal-proġetti.

60

Madankollu, skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, dawn ir-rekwiżiti ta’ provi la għandhom ikunu ogħla minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern, sakemm tali rekwiżiti, jekk jiġu applikati, jippermettu li jiġi ppreżervat l-effett utli tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1301/2013, u lanqas ma għandhom jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari dak, għal kull detentur ta’ proġett, li jkun jista’ utilment jissuġġettah sabiex jibbenefika minn għajnuna mill-FEŻR (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, Eturas et, C‑74/14, EU:C:2016:42, punt 32, kif ukoll tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 47).

61

Sa fejn il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-għoti, fil-kuntest tal-programmi tal-FEŻR, ta’ finanzjament mill-baġit tal-Unjoni u li, f’dan ir-rigward, hija tikkostitwixxi miżura ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha wkoll tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità li għandhom importanza fundamentali meta tkun involuta proċedura li ddaħħal fil-kompetizzjoni l-operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Farkas, C‑564/15, EU:C:2017:302, punti 5059).

62

L-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza timplika b’mod partikolari li l-istess rekwiżiti ta’ prova japplikaw għall-offerenti kollha għall-istess programm u li dawn ir-rekwiżiti jsiru pubbliċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo, C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 37, kif ukoll tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C‑131/16, EU:C:2017:358, punt 26). Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jimponi li dawn ir-rekwiżiti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-verifika tal-kundizzjonijiet materjali stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 34).

63

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, f’dan il-każ, dawn il-kundizzjonijiet kollha humiex issodisfatti. Madankollu, sabiex tiggwidaha f’din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 62, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, A (Qsim tal-fruntieri b’dgħajsa tad-divertiment), C‑35/20, EU:C:2021:813, punt 85).

64

F’dan ir-rigward, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċitata mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ “impriża f’diffikultà” għandha, skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’din il-leġiżlazzjoni għall-finijiet tal-proċedura ta’ għażla, titwettaq biss fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fl-aħħar rapport annwali definittiv imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew, jekk rapport ta’ attività intermedju approvat minn awditur iċċertifikat jiġi ppreżentat mill-offerent, fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab f’dan tal-aħħar. Jekk l-offerent jirreferi għal informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku u jirreferi għal żieda fil-kapital statutorju wara l-aħħar rapport annwali definittiv, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni, ippreżentata b’rapport ta’ attività intermedju approvat minn awditur iċċertifikat.

65

Qabel kollox, peress li kumpannija tista’, bħala prinċipju, tħejji rapport ta’ attività intermedju minn awditur iċċertifikat f’kull mument mingħajr ma dan jirrappreżenta, għaliha, spiża tant sproporzjonata li tali rekwiżit jirrendi impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli li jintwera, minn kumpannija li kienet “f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, meta l-aħħar rapport annwali definittiv tagħha jkun ġie stabbilit, li dan ma għadux, tali regoli ma jistgħux, bħala prinċipju, jitqiesu li jmorru kontra għall-prinċipju ta’ effettività.

66

Sussegwentement, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, mill-proċess ma jirriżultax li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fatt li r-rekwiżiti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew debitament ippubblikati jew li dawn huma applikabbli mingħajr distinzjoni.

67

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tar-rekwiżiti relatati mal-preparazzjoni tar-rapporti annwali, li jikkontribwixxu għall-affidabbiltà tal-informazzjoni inkluża fihom, kif ukoll tal-garanziji li joffri l-approvazzjoni minn awditur iċċertifikat tar-rapporti ta’ attività intermedji, il-fatt li awtorità ta’ ġestjoni tiġi obbligata tibbaża ruħha esklużivament fuq dawn it-tipi ta’ dokumenti ma jidhirx li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-verifika tal-kundizzjoni stabbilita fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżiġi minn awtorità ta’ ġestjoni li tevalwa s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża fir-rigward biss tal-informazzjoni li tinsab fl-aħħar rapport annwali definittiv tal-kumpannija offerenti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, kif ukoll, jekk ikun il-każ, f’rapport ta’ attività intermedju approvat minn awditur iċċertifikat, sakemm dan ir-rapport ta’ attività intermedju jkun ġie ppreżentat lil din l-awtorità, ħlief jekk jirriżulta li dawn ir-rekwiżiti ma josservawx il-prinċipju ta’ ekwivalenza, liema obbligu huwa ta’ dan tal-aħħar biex jiddetermina.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1301/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk offerent għandux jitqies li ma huwiex “f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, l-awtorità ta’ ġestjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss il-provi konformi mar-rekwiżiti stabbiliti waqt l-istabbiliment tal-proċedura ta’ għażla tal-proġetti, sakemm dawn ir-rekwiżiti jkunu konformi mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità.

Fuq it‑tielet domanda

70

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 125(3) tar-Regolament Nru 1303/2013, kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza li tirreferi għalihom din id-dispożizzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-applikazzjonijiet għall-proġetti ma jistgħux jiġu speċifikati wara l-preżentazzjoni tagħhom.

71

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax jekk, meta tirreferi fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha għall-preżentazzjoni tal-proġetti, din tirrigwardax id-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-applikazzjonijiet għall-proġett prevista mid-dritt nazzjonali jew id-data li fiha l-applikazzjoni għall-proġett ta’ offerent ikkonċernat ġiet ippreżentata. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, Zinātnes parks ippreżentat il-fajl tagħha fid-data tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonjiet għall-proġett prevista mid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, ma jidhirx li huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jobbligax lill-Istati Membri jippermettu lill-offerenti jagħmlu preċiżazzjonijiet, wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-proġett tagħhom, iżda qabel id-data ta’ skadenza għall-preżentata. Min-naħa l-oħra, din id-domanda tqum fir-rigward ta’ preċiżazzjonijiet li jistgħu jsiru wara din id-data ta’ skadenza.

72

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 125(3)(d) tar-Regolament Nru 1303/2013 isemmi biss li l-awtorità ta’ ġestjoni kompetenti għandha tiżgura ruħha li kull benefiċjarju ta’ għajnuna FEŻR għandu l-kapaċità amministrattiva, finanzjarja u operazzjonali li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-għajnuna għal kull operazzjoni, qabel l-approvazzjoni ta’ kull waħda minnhom, mingħajr ma jispeċifika f’liema mument din il-kapaċità għandha tiġi evalwata u lanqas f’liema mument l-offerenti għandhom jipprovdu lil din l-awtorità l-informazzjoni neċessarja għall-verifika tal-imsemmija kapaċità.

73

Peress li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix liema għandha tkun id-data ta’ skadenza sabiex l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jiġu pprovduti l-provi neċessarji, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu fil-limiti stabbiliti mill-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, kif ukoll mill-obbligu, impost fuq kull awtorità ta’ ġestjoni, li tiżgura bir-reqqa l-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, li fosthom hemm il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, imfakkra fl-Artikolu 125(3) tar-Regolament Nru 1303/2013, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

74

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li, meta Stat Membru jkun iffissa data ta’ skadenza għall-offerenti sabiex jikkompletaw il-fajl tagħhom, dawn il-prinċipji jimponu fuq l-awtoritajiet ta’ ġestjoni l-obbligu li jeskludu mill-proċedura ta’ għażla kull proposta li ma tkunx akkumpanjata, f’dik id-data, mill-informazzjoni neċessarja (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’ Adda, C‑42/13, EU:C:2014:2345, punt 42, u tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo, C‑27/15, EU:C:2016:404, punti 42 sa 44).

75

Fil-kawża prinċipali, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li kkunsidra li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1301/2013 għandha tiġi evalwata fid-data ta’ approvazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-proġett, għażel li jipprojbixxi lil dawn l-istess offerenti milli jikkompletaw il-fajl tagħhom li għadda mid-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-imsemmija applikazzjonijiet.

76

Fid-dawl tal-ħtieġa għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ ġestjoni li jkollhom iż-żmien neċessarju għall-investigazzjoni tal-fajls li jitressqu quddiemhom (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 1998, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑263/95, EU:C:1998:47, punt 31, u tal‑25 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑392/08, EU:C:2010:164, punt 21), dan l-Istat Membru ma jistax madankollu jiġi kkritikat li stabbilixxa għall-offerenti data ta’ skadenza sabiex jikkomunika l-elementi kollha ta’ informazzjoni neċessarja lill-awtorità ta’ ġestjoni kompetenti li tkun qabel id-data tal-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-proġett.

77

Sussegwentement, kif enfasizzat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk l-offerenti jkunu jistgħu jikkompletaw il-fajl tagħhom wara d-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-applikazzjonijiet għall-proġetti, l-awtorità ta’ ġestjoni kompetenti tista’ ssib ruħha li jkollha tirrevedi mill-ġdid l-istess fajls, b’mod partikolari bir-riskju li d-data tal-approvazzjoni tal-imsemmija applikazzjonijiet jkollha tiġi posposta, u b’hekk tikkomprometti l-għanijiet tal-programmi ta’ finanzjament, jew li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza ma jibqgħux jiġu osservati. Tali possibbiltà tista’ wkoll toħloq spejjeż addizzjonali għall-awtorità ta’ ġestjoni kompetenti, li Stat Membru jista’ leġittimament ma jkunx irid isostni, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

78

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li Stat Membru jista’ jiddeċiedi li l-offerenti ma humiex awtorizzati jikkompletaw il-fajl tagħhom wara d-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-applikazzjonjiet għall-proġett, minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-imsemmija kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1301/2013 għandha tiġi evalwata f’data ulterjuri.

79

Skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, huwa importanti li jiġu identifikati, fid-dritt nazzjonali, il-proċeduri li huma paragunabbli, fid-dawl tal-għan tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom, ma’ dik prevista sabiex wieħed jibbenefika minn għajnuna FEŻR u li jiġi żgurat li dawn il-proċeduri ma humiex, billi jippermettu lill-offerenti jikkompletaw il-fajl tagħhom wara d-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-applikazzjonijiet għall-proġett, iktar favorevoli minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst vs Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell), C‑175/17, EU:C:2018:776, punti 42 sa 44).

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 125(3) tar-Regolament Nru 1303/2013 kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza li tirreferi għalihom din id-dispożizzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-applikazzjonijiet għall-proġett ma jistgħux jiġu speċifikati wara d-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-imsemmija applikazzjonijiet. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, din l-impossibbiltà, għall-offerenti, li jikkompletaw il-fajl tagħhom wara d-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-applikazzjonijiet għall-proġett għandha tikkonċerna l-proċeduri kollha li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu kkunsidrati bħala paragunabbli fir-rigward tas-suġġett tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom għal dik prevista sabiex jibbenefikaw minn għajnuna mill-FEŻR.

Dwar l‑ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE], għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija hijiex “f’diffikultà” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-espressjoni “kapital azzjonarju sottoskritt” għandha tinftiehem li tirreferi għall-kontribuzzjonijiet kollha li l-membri jew l-azzjonisti attwali jew futuri ta’ kumpannija jkunu wettqu jew impenjaw ruħhom irrevokabbilment sabiex iwettqu.

 

2)

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira “l-iżvilupp ekonomiku u l-impjiegi”, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk offerent għandux jitqies li ma huwiex “f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, l-awtorità ta’ ġestjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss il-provi konformi mar-rekwiżiti li ġew stabbiliti waqt l-istabbiliment tal-proċedura ta’ għażla tal-proġetti, sakemm dawn ir-rekwiżiti jkunu konformi mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħal, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità.

 

3)

L-Artikolu 125(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza li tirreferi għalihom din id-dispożizzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-applikazzjonijiet għall-proġett ma jistgħux jiġu speċifikati wara d-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-imsemmija applikazzjonijiet. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, din l-impossibbiltà, għall-offerenti, li jikkompletaw il-fajl tagħhom wara d-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-applikazzjonijiet għall-proġett għandha tikkonċerna l-proċeduri kollha li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu kkunsidrati bħala paragunabbli fir-rigward tas-suġġett tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom għal dik prevista sabiex jibbenefikaw minn għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Fuq