Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CJ0911
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 15 July 2021.#Fédération bancaire française (FBF) v Autorité de contrôle prudentiel et de résolution (ACPR).#Request for a preliminary ruling from the Conseil d'État.#Reference for a preliminary ruling – Articles 263 and 267 TFEU – EU act which is not legally binding – Judicial review – Guidelines issued by the European Banking Authority (EBA) – Product oversight and governance arrangements for retail banking products – Validity – Power of the EBA.#Case C-911/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Lulju 2021.
Fédération bancaire française (FBF) vs Autorité de contrôle prudentiel et de résolution (ACPR).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 263 u 267 TFUE – Att tal-Unjoni mhux vinkolanti legalment – Stħarriġ ġudizzjarju – Linji gwida maħruġa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) – Arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut – Validità – Kompetenza tal-EBA.
Kawża C-911/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Lulju 2021.
Fédération bancaire française (FBF) vs Autorité de contrôle prudentiel et de résolution (ACPR).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 263 u 267 TFUE – Att tal-Unjoni mhux vinkolanti legalment – Stħarriġ ġudizzjarju – Linji gwida maħruġa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) – Arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut – Validità – Kompetenza tal-EBA.
Kawża C-911/19.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:599
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
15 ta’ Lulju 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 263 u 267 TFUE – Att tal-Unjoni mhux vinkolanti legalment – Stħarriġ ġudizzjarju – Linji gwida maħruġa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) – Arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut – Validità – Kompetenza tal-EBA”
Fil-Kawża C‑911/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura
Fédération bancaire française (FBF)
vs
Autorité de contrôle prudentiel u de résolution (ACPR),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, M. Ilešič, L. Bay Larsen (Relatur), A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, T. von Danwitz, C. Toader, L. S. Rossi, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: M. Krausenböck, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2020,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Fédération bancaire française (FBF), minn F. Boucard, avocat, |
– |
għall-Autorité de contrôle prudentiel u de résolution (ACPR), minn F. Rocheteau, avocat, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u A. Daly, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), minn J. Overett Somnier, C. Carroll u I. Metin, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennelly, QC, u minn R. Mehta, barrister, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou, V. Di Bucci u W. Mölls, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ April 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 263 u 267 TFUE kif ukoll dwar il-validitá, fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12), kif emendat bid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2012, L 337, p. 35, rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1093/2010”), tal-Linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tat-22 ta’ Marzu 2016 dwar l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut (EBA/GL/2015/18) (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida kontenzjużi”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Fédération bancaire française (FBF) u l-Awtorità għas-Sorveljanza u r-Riżoluzzjoni Prudenzjali (ACPR), dwar l-adozzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ opinjoni li permezz tagħha hija ddikjarat li tikkonforma ruħha mal-Linji gwida kontenzjużi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2007/64/KE
3 |
L-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5), kien jistipula: “L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu awtorizzazzjoni biss jekk, b’kont meħud tal-ħtieġa li tiġi żgurata ġestjoni soda u prudenti ta’ istituzzjoni tal-ħlas, l-istituzzjoni tal-ħlas għandha arranġamenti ta’ governanza robusti għan-negozju tagħha ta’ servizzi ta’ ħlas, li jinkludi struttura organizzattiva ċara b’linji definiti sew, trasparenti u konsistenti ta’ responsabbiltà, proċeduri effettivi għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tar-riskji li għalihom hija esposta jew tista’ tkun esposta, u mekkaniżmi interni ta’ kontroll adegwati, inkluż proċeduri amministrattivi u ta’ kontabbilità sodi; dawn l-arranġamenti, proċeduri u mekkaniżmi għandhom ikunu komprensivi u proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità ta’ servizzi ta’ ħlas ipprovduti mill-istituzzjoni tal-ħlas.” |
Id-Direttiva 2009/110/KE
4 |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU 2009, L 267, p. 7), tippreċiża: “Mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva, l-Artikoli 5 u10 sa 15, l-Artikolu 17(7) u l-Artikoli 18 sa 25 tad-Direttiva [2007/64] japplikaw għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi mutatis mutandis.” |
Ir-Regolament Nru 1093/2010
5 |
L-Artikolu 1(2), (3) u (5) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprovdi: “2. L-[EBA] għandha taġixxi fi ħdan is-setgħat mogħtija minn dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni [tad-Direttiva 2009/110], […] [tad-Direttiva] 2013/36/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95)] […], inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u ta’ kwalunkwe att legalment vinkolanti ieħor tal-Unjoni li jikkonferixxi kompiti fuq l-[EBA]. […] 3. L-[EBA] għandha taġixxi wkoll fil-qasam tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-konglomerati finanzjarji, il-kumpaniji tal-investiment, l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi fir-rigward ta’ kwistjonijiet li mhumiex koperti direttament fl-atti msemmija fil-paragrafu 2, inklużi kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva, verifika u rappurtar finanzjarju, bil-kondizzjoni li dawn l-azzjonijiet mill-[EBA] jkunu meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dawk l-atti. […] 5. L-għan tal-[EBA] għandu jkun li tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività fuq żmien qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, iċ-ċittadini u n-negozji tagħha. L-[EBA] għandha tikkontribwixxi sabiex: […]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 8(1), (1a) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “1. L-[EBA] għandu jkollha l-kompiti li ġejjin:
[…]
[…] 1a. Fit-twettiq tal-kompiti tagħha b’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-[EBA] għandha:
[…] 2. Biex taqdi l-kompiti mniżżlin fil-paragrafu 1, l-[EBA] għandu jkollha s-setgħat stipulati f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari s-setgħa li: […]
[…]” |
7 |
L-Artikolu 15(4) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet. […]” |
8 |
L-Artikolu 16(1) u (3) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprovdi: “1. L-[EBA], sabiex tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effikaċi fi ħdan is-SESF [is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja], u biex tiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni, għandha toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji. […] 3. L-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw ma’ dawk il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet. Fi żmien xahrejn mill-ħruġ ta’ linja gwida jew rakkomandazzjoni, kull awtorità kompetenti għandha tikkonferma jekk tikkonformax jew jekk hijiex biħsiebha tikkonforma ma’ dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni. F’każ li awtorità kompetenti ma tikkonformax jew ma tkunx biħsiebha tikkonforma, għandha tinforma lill-[EBA] u tagħti r-raġunijiet tagħha. […] Jekk ikun meħtieġ minn din il-linja gwida jew rakkomandazzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jirrappurtaw, b’mod ċar u dettaljat, jekk jikkonformawx jew le ma’ din il-linja gwida jew rakkomandazzjoni.” |
Id-Direttiva 2013/36
9 |
L-Artikolu 74(1) sa (3) tad-Direttiva 2013/36 jipprovdi: “1. L-istituzzjonijiet għandu jkollhom arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludu struttura organizzattiva ċara b’linji ta’ responsabbiltà ddefiniti tajjeb, trasparenti u konsistenti, proċessi effikaċi għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tar-riskji li huma jew li jistgħu jkunu esposti għalihom, mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, inkluż proċeduri amministrattivi u kontabbilistiċi tajba, u politiki u prattiki ta’ rimunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ ġestjoni tar-riskji soda u effikaċi u jippromwovuha. 2. L-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu komprensivi u proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fil-mudell tan-negozju u l-attivitajiet tal-istituzzjoni. Għandu jittieħed kont tal-kriterji tekniċi stabiliti fl-Artikoli 76 sa 95. 3. L-ABE għandha toħroġ linji gwida dwar l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1, f’konformità mal-paragrafu 2.” |
Id-Direttiva 2014/17/UE
10 |
L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11) jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jesiġu li meta jiġu manifatturati prodotti ta’ kreditu jew meta jingħataw, jiġu intermedjati jew jiġu provduti servizzi konsultattivi dwar il-kreditu u, fejn ikun il-każ, servizzi anċillari lill-konsumaturi jew meta jiġi implimentat kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur, l-intermedjarju tal-kreditu jew ir-rappreżentant maħtur jaġixxu onestament, b’ġustizzja, bi trasparenza u professjonalment, filwaqt li jqisu d-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi. B’rabta mal-għoti, l-intermedjar jew l-għoti ta’ servizzi konsultattivi dwar il-kreditu u fejn opportun, ta’ servizzi anċillari, l-attivitajiet għandhom ikunu bbażati fuq informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi tal-konsumatur u kwalunkwe ħtieġa speċifika li jsemmi konsumatur u fuq suppożizzjonijiet raġonevoli dwar ir-riskji għas-sitwazzjoni tal-konsumatur minħabba t-terminu tal-kuntratt ta’ kreditu. […]” |
11 |
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(2)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-ABE għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji tekniċi biex tistipula l-ammont monetarju minimu tal-assigurazzjoni għall-indennizz professjonali jew tal-garanzija paragunabbli msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt biex jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Settembru 2014. L-ABE għandha tirrevedi, u jekk meħtieġ, tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji tekniċi biex temenda l-ammont monetarju minimu tal-assigurazzjoni għall-indennizz professjonali jew tal-garanzija paragunabbli msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt biex jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni għall-ewwel darba sal-21 ta’ Marzu 2018 u kull sentejn minn dakinhar ‘il quddiem.” |
12 |
Skont l-Artikolu 34(2) u (4) tal-imsemmija direttiva: “2. […] Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju ma jaqbilx ma’ tali azzjoni meħuda mill-Istat Membru ospitanti, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-ABE u titlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. F’dak il-każ, l-ABE tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha b’dak l-Artikolu. […] 4. […] Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tonqos milli tieħu kwalunkwe azzjoni fi żmien xahar minn meta tikseb dawk ir-riżultati jew fejn, minkejja l-azzjoni meħuda awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, intermedjarju tal-kreditu jibqa’ jaġixxi b’mod li huwa manifestament ta’ preġudizzju għall-interessi [tal-konsumaturi] tal-Istat Membru ospitanti jew għall-funzjonament bl-ordni tas-swieq, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti: […]
|
13 |
L-Artikolu 37 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu s-sitwazzjoni lill-ABE meta talba għal kooperazzjoni, partikolarment għal skambju ta’ informazzjoni, tkun ġiet irrifjutata jew ma tkunx ittieħdet azzjoni dwarha fi żmien raġonevoli, u jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-ABE skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. […]” |
Id-Direttiva 2015/2366
14 |
L-Artikolu 114 tad-Direttiva 2015/2366 jistipula: “Id-Direttiva 2007/64/KE hija mħassra b’effett mit-13 ta’ Jannar 2018. Kwalunkwe referenza għad-Direttiva mħassra għandha tinftiehem bħala referenza għal din id-Direttiva u għandha tinqara skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II għal din id-Direttiva.” |
Il-Linji gwida tal-EBA dwar il-governanza interna
15 |
Il-linja gwida 23 tal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar il-Governanza Interna (EBA BS 2011 116 finali, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-EBA dwar il-governanza interna”), tippreċiża li l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandu jkollhom politika ta’ validazzjoni ta’ prodotti ġodda u tiddefinixxi l-karatteristiċi li din il-politika għandu jkollha. |
Il-Linji gwida kontenzjużi
16 |
Il-punt 2 tal-Linji gwida kontenzjużi jaqra: “Il-linji gwida jipprovdu l-fehma tal-EBA dwar prattiki superviżorji xierqa fis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja jew dwar kif il-liġi tal-Unjoni għandha tiġi applikata f’qasam partikolari. L-awtoritajiet kompetenti […] li għalihom japplikaw il-linji gwida għandhom jikkonformaw billi jinkorporawhom fil-prattiki superviżorji tagħhom kif xieraq (eż. billi jemendaw il-qafas legali tagħhom jew il-proċessi superviżorji tagħhom), inkluż fejn il-linji gwida huma diretti primarjament lejn l-istituzzjonijiet”. |
17 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “B’konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-awtoritajiet kompetenti jridu jinnotifikaw lill-EBA dwar jekk jikkonformawx jew jekk hux beħsiebhom jikkonformaw ma’ dawn il-linji gwida, jew inkella bir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità […]” |
18 |
Skont il-punt 5 tal-imsemmija linji gwida: “Dawn il-Linji Gwida jindirizzaw it-twaqqif ta’ arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għall-manifatturi u d-distributuri bħala parti integrali mir-rekwiżiti organizzazzjonali ġenerali marbuta mas-sistemi ta’ kontroll intern tal-impriżi. Huma jirreferu għall-proċessi, il-funzjonijiet u l-istrateġiji interni mmirati biex jiddisinjaw il-prodotti, biex jintroduċuhom fis-suq u biex jirreveduhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Huma jistabbilixxu l-proċeduri rilevanti sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-interessi, l-objettivi u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira. Madankollu, dawn il-Linji Gwida ma jindirizzawx l-adegwatezza tal-prodotti għal konsumaturi individwali.” |
19 |
Il-punt 6 tal-istess linji gwida huwa fformulat kif ġej: “Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-manifatturi u għad-distributuri ta’ prodotti offruti u mibjugħa lill-konsumaturi u jispeċifikaw l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti fir-rigward ta’:
|
20 |
Il-punti 11 sa 14 tal-Linji gwida kontenzjużi jindikaw l-awtoritajiet kompetenti li jikkostitwixxu d-destinatarji tagħhom. |
21 |
Il-punt 15 ta’ dawn il-linji gwida jiddefinixxi, b’mod partikolari, il-kunċetti ta’ “manifattur” u ta’ “prodott” billi jirreferi għad-Direttivi 2009/110, 2007/64, 2013/36 u 2014/17. |
22 |
Il-Linja gwida 1 tal-imsemmija Linji gwida tistipula: “1.1 Il-manifattur għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jirrieżamina l-arranġamenti effettivi ta’ governanza u sorveljanza tal-prodotti. L-arranġamenti għandhom jimmiraw, meta l-prodotti jkunu qegħdin jiġu ddisinjati u jiddaħħlu fis-suq, (i) li jiżguraw li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi, l-objettivi u l-karatteristiċi tal-konsumaturi, (ii) li jiġi evitat id-detriment potenzjali għall-konsumaturi u (iii) li jitnaqqsu l-kunflitti ta’ interess. 1.2 L-arranġament għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għandu jiġi rieżaminat u aġġornat mill-manifattur fuq bażi regolari. 1.3 Meta jniedi prodott ġdid, il-manifattur għandu jiżgura li l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti jiġu kkunsidrati fil-politika ġdida dwar l-approvazzjoni tal-prodotti (NPAP) skont il-Linja Gwida 23 tal-Linji Gwida tal-EBA dwar il-Governanza Interna […] f’każijiet fejn [japplikaw dawn tal-aħħar]. […]” |
23 |
Il-Linja gwida 2 tal-Linji gwida kontenzjużi tispeċifika: “2.1 Il-manifattur għandu jiżgura li l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti jkunu parti integrali mill-qafas tiegħu ta’ governanza, ġestjoni tar-riskji u kontroll intern kif imsemmi [fil-Linji Gwida tal-EBA dwar il-Governanza Interna], fejn applikabbli. Għal dak il-għan, il-korp maniġerjali tal-manifattur għandu japprova t-twaqqif tal-arranġamenti u r-rieżamijiet sussegwenti. 2.2 Il-maniġment superjuri, bl-appoġġ mir-rappreżentanti tal-funzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskji u tal-konformità tal-manifattur, għandu jkun responsabbli mill-konformità interna kontinwa mal-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti. Huma għandhom jivverifikaw perjodikament li l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti jkunu għadhom adegwati u jkomplu jissodisfaw l-objettivi stabbiliti fil-Linja Gwida 1.1 ta’ hawn fuq, filwaqt li jipproponu lill-korp maniġerjali sabiex jemenda l-arranġamenti jekk dan ma jkunx għadu l-każ. 2.3 Ir-responsabbiltajiet għas-sorveljanza ta’ dan il-proċess mill-funzjoni tal-Kontroll tar-Riskji u mill-funzjoni tal-Konformità għandhom jiġu integrati fil-linja normali tad-dmirijiet tagħhom kif deskritt fil-Linji Gwida 25, 26 u 28 [tal-Linji Gwida tal-EBA dwar il-Governanza Interna], fejn applikabbli. 2.4 Il-maniġment superjuri għandu jiżgura li l-membri tal-persunal involuti fid-disinn ta’ prodott ikunu familjari mal-arranġament tal-manifattur għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti u jsegwuhom; ikunu kompetenti u mħarrġin kif xieraq; u jifhmu u jkunu familjari mal-karatteristiċi u r-riskji tal-prodott.” |
24 |
Il-Linji gwida 3 sa 8 tal-Linji gwida kontenzjużi jistabbilixxu prinċipji dwar, rispettivament, is-suq fil-mira, l-ittestjar tal-prodotti, il-monitoraġġ tagħhom, l-azzjonijiet ta’ rimedju, il-mezzi ta’ distribuzzjoni u l-informazzjoni intiża għad-distributuri. |
25 |
Il-Linji gwida 9 sa 12 tal-Linji gwida kontenzjużi jirrigwardaw l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti mid-distributuri. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
26 |
Fit-8 ta’ Settembru 2017, l-ACPR ippubblikat, fuq is-sit internet tagħha, avviż li permezz tiegħu, minn naħa, iddikjarat li kienet konformi mal-linji gwida kontenzjużi u, min-naħa l-oħra, speċifikat li dawn il-linji gwida kienu applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għall-istituzzjonijiet ta’ pagament u għall-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi suġġetti għas-superviżjoni tagħha. |
27 |
Fit‑8 ta’ Novembru 2017, il-FBF ippreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (il‑Kunsill tal-Istat, Franza) intiż għall-ksib tal-annullament ta’ dan l-avviż. |
28 |
Insostenn tar-rikors tagħha, il-FBF sostniet li l-imsemmi avviż kien ibbażat fuq il-Linji gwida kontenzjużi u li l-EBA ma setgħetx, mingħajr ma tmur lil hinn mill-kompetenza tagħha, toħroġ dawn il-linji gwida. |
29 |
Wara li kkonstatat li l-avviż tal-ACPR inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha titqies bħala li tikkawża preġudizzju lill-FBF, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-FBF ma tistax tikkontesta, permezz ta’ eċċezzjoni, il-validità tal-linji gwida kontenzjużi fil-każ li hija tkun ġiet iddikjarata ammissibbli sabiex tippreżenta rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, kontra dawn il-linji gwida. Hija tistaqsi, konsegwentement, jekk tali rimedju kienx miftuħ, f’dan il-każ, għall-FBF. |
30 |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li dan ma kienx il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-validità, skont l-Artikolu 267 TFUE, tal-Linji gwida kontenzjużi u dwar l-ammissibbiltà ta’ kontestazzjoni, bħala eċċezzjoni, tal-validità ta’ dawn il-linji gwida minn federazzjoni professjonali li la hija kkonċernata direttament u lanqas individwalment mill-imsemmija linji gwida. |
31 |
Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-FBF setgħet effettivament tikkontesta, quddiem qorti nazzjonali, il-validità tal-Linji gwida kontenzjużi, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda dwar jekk l-EBA eċċedietx il-kompetenzi tagħha billi ħarġet dawn il-linji gwida. |
32 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li l-ebda wieħed mill-atti tal-Unjoni msemmija fil-punt 6 tal-imsemmija linji gwida ma jinkludi dispożizzjoni dwar il-governanza tal-prodotti bankarji bl-imnut, ħlief fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi relatati mal-proprjetajiet immobbli għal użu residenzjali. Barra minn hekk, l-ebda wieħed minn dawn l-atti ma jipprevedi xi dispożizzjoni li tawtorizza lill-EBA toħroġ linji gwida dwar il-governanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut. |
33 |
Madankollu, ma huwiex eskluż li l-kompetenza tal-EBA sabiex toħroġ il-Linji gwida kontenzjużi tista’ tkun ibbażata fuq l-għanijiet assenjati lil din l-awtorità mill-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1093/2010 jew fuq il-missjoni ta’ sorveljanza tal-attivitajiet finanzjarji fdata lill-imsemmija awtorità skont l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda
35 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 263 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li atti bħal-Linji gwida kontenzjużi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont dan l-artikolu. |
36 |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikors għal annullament, previst fl-Artikolu 263 TFUE, huwa miftuħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 31, u tas-26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Għall-kuntrarju, kull att tal-Unjoni li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti ma jaqax taħt l-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 55, kif ukoll tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 27). |
38 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix effetti legali vinkolanti, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u l-effetti tiegħu għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, filwaqt li jittieħed kont, fejn xieraq, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li jkun adottah (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2017, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 48, u tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32). |
39 |
F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kontenut tal-linji gwida kontenzjużi jirriżulta, l-ewwel nett, mill-kliem tal-punt 2 ta’ dawn il-linji gwida, li jinsab taħt it-titolu “Status ta’ dawn il-linji gwida”, li dawn sempliċement jagħtu “l-fehma tal-EBA dwar prattiki superviżorji xierqa fis-[SESF] jew dwar kif il-liġi tal-Unjoni għandha tiġi applikata f’qasam partikolari”. |
40 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-linji gwida huma, b’mod ġenerali, ifformulati f’termini mhux imperattivi. |
41 |
Fit-tielet lok, filwaqt li l-punti 11 sa 14 tal-Linji gwida kontenzjużi jispeċifikaw li d-destinatarji tagħhom huma biss l-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dawn il-punti, il-punt 3 ta’ dawn il-linji gwida jistabbilixxi, billi jirreferi għall-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 1093/2010, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw lill-EBA jekk huma josservawx jew għandhomx l-intenzjoni li josservaw dawn il-linji gwida jew, fin-nuqqas ta’ dan, jindikaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija linji gwida. |
42 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li jaqgħu fih il-Linji gwida kontenzjużi kif ukoll tas-setgħat tal-organu li huwa l-awtur tagħhom, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li, skont ir-Regolament Nru 1093/2010, il-linji gwida maħruġa mill-EBA huma suġġetti għall-istess sistema legali tar-“rakkomandazzjonijiet” maħruġa mill-EBA, li, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE ma jorbtux lid-destinatarji tagħhom, u għalhekk, bħala prinċipju, ma għandhomx saħħa vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 30). |
43 |
Sussegwentement, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 16(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jagħmlu kull sforz sabiex josservaw il-linji gwida maħruġa mill-EBA, din id-dispożizzjoni madankollu tippreċiża li dawn l-awtoritajiet għandhom jindikaw jekk dawn josservawx jew għandhomx l-intenzjoni li josservaw dawn il-linji gwida u li, jekk dan ma jkunx il-każ, huma għandhom jinformaw lill-EBA bl-għażla tagħhom billi jimmotivaw id-deċiżjoni tagħhom. |
44 |
Għaldaqstant, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-imsemmija awtoritajiet ma humiex obbligati jikkonformaw mal-imsemmija linji gwida, iżda li, kif ġie enfasizzat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza f’dak li jirrigwarda speċifikament il-Linji gwida kontenzjużi, dawn l-istess awtoritajiet għandhom il-possibbiltà li ma jsegwuhomx, f’liema każ huma għandhom jimmotivaw il-pożizzjoni tagħhom. |
45 |
Konsegwentement, il-linji gwida maħruġa mill-EBA ma jistgħux jitqiesu li jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Koninklijke KPN et, C‑28/15, EU:C:2016:692, punti 34 u 35). |
46 |
Bl-istess mod, il-linji gwida maħruġa mill-EBA ma jistgħux jitqiesu li jipproduċu, bħala tali, effetti vinkolanti fir-rigward tal-istabbilimenti finanzjarji, sa fejn ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprovdi li dawn għandhom biss jirrappurtaw, b’mod ċar u dettaljat, jekk jikkonformawx jew le ma’ dawn il-linji gwida. |
47 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-linji gwida maħruġa mill-EBA huma differenti, f’dan ir-rigward, mill-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni mfassla minn din l-awtorità li, skont l-Artikolu 15(4) ta’ dan ir-regolament, huma adottati permezz ta’ regolament jew ta’ deċiżjoni. |
48 |
Għaldaqstant, jidher li, billi awtorizza lill-EBA toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lil din l-awtorità setgħa ta’ inċitazzjoni u ta’ persważjoni distinta mis-setgħa li tadotta atti li għandhom saħħa vinkolanti (ara, b’analoġija, sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 26). |
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Linji gwida kontenzjużi huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza. |
50 |
Fid-dawl ta’ dak suespost, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha għalhekk tkun illi l-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li atti bħal-linji gwida kontenzjużi ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont dak l-artikolu. |
Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda
51 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti tal-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti ta’ din id-domanda. |
Fuq it-tieni domanda
Fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda
52 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tevalwa l-validità ta’ atti bħal-linji gwida kontenzjużi. |
53 |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-Artikolu 19(3)(b) TFUE u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jipprevedu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni mingħajr ebda eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 8, u tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 44). |
54 |
Għaldaqstant, minkejja li l-Artikolu 263 TFUE jeskludi l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-atti li ma għandhomx effetti legali vinkolanti, din tista’, skont l-Artikolu 267 TFUE, tevalwa l-validità ta’ tali atti meta hija tiddeċiedi b’mod preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 44). |
55 |
Il-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 39 sa 49 ta’ din is-sentenza, il-Linji gwida kontenzjużi huma nieqsa minn effetti legali vinkolanti ma huwiex għalhekk ta’ natura li jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tagħhom fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
56 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà setgħet tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar il-validità ta’ rakkomandazzjoni tal-EBA li ma għandhiex effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 83). |
57 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont dan l-artikolu, sabiex tevalwa l-validità ta’ atti bħalma huma l-linji gwida kontenzjużi. |
Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda
58 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix li l-ammissibbiltà, quddiem qorti nazzjonali, ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità kontra att tal-Unjoni tkun suġġetta għall-kundizzjoni li dan l-att ikun jikkonċerna direttament u individwalment lill-parti fil-kawża li tinvoka din l-eċċezzjoni. |
59 |
Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jsemmi, fost l-atti tal-Unjoni li kontrihom persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-atti li jikkonċernaw direttament u individwalment lil din il-persuna, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tiddetermina f’liema kundizzjonijiet il-validità ta’ att tal-Unjoni tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali. |
60 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, it-Trattat FUE stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qorti tal-Unjoni (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Għandu jingħad ukoll li huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jidentifika, fl-osservanza tar-rekwiżit imsemmi fil-punt ta’ qabel dan kif ukoll mill-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, il-qrati kompetenti, u li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi maħsuba sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Għalkemm, għal dan il-għan, il-partijiet f’kawża għandhom jiġu ggarantiti, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, id-dritt li jikkontestaw quddiem qorti l-legalità ta’ kwalunkwe deċiżjoni jew ta’ kwalunkwe att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata), mill-Artikolu 267 TFUE bl-ebda mod ma jirriżulta li dan jipprekludi li regoli nazzjonali jkunu jippermettu lill-partijiet f’kawża jinvokaw l-invalidità ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, permezz ta’ eċċezzjoni, quddiem qorti nazzjonali barra minn kawża dwar l-applikazzjoni ta’ tali att fir-rigward tagħhom. |
64 |
Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li talba għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità għandha titqies li hija ammissibbli meta tkun tressqet fil-kuntest ta’ tilwima reali li fiha tqum kwistjoni dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni b’mod inċidentali, anki jekk dan l-att ma kien is-suġġett ta’ ebda miżura ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-persuna fil-kawża kkonċernata fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 33 u 34; tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 29, kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑643/16, EU:C:2018:67, punt 30). |
65 |
Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix li l-ammissibbiltà, quddiem qorti nazzjonali, ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità kontra att tal-Unjoni tkun suġġetta għall-kundizzjoni li dan l-att ikun jikkonċerna direttament u individwalment lill-parti fil-kawża li tinvoka din l-eċċezzjoni. |
Fuq it-tielet domanda
66 |
Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-validità tal-Linji gwida kontenzjużi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1093/2010 li jiddefinixxu l-kompetenzi tal-EBA. |
67 |
Peress li mir-Regolament Nru 1093/2010 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni rregola s-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida b’mod preċiż, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu jkun jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju rigoruż fid-dawl ta’ dawn il-kriterji oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 41 u 53). |
68 |
Il-fatt li l-Linji gwida kontenzjużi ma jipproduċux effetti legali vinkolanti, kif jirriżulta mill-punti 39 sa 49 ta’ din is-sentenza, ma huwiex tali li jaffettwa l-portata ta’ dan l-istħarriġ. |
69 |
Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 43 u 48 ta’ din is-sentenza, il-ħruġ, mill-ABE, tal-linji gwida kontenzjużi huwa intiż li jeżerċita fuq l-awtoritajiet kompetenti u fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji, setgħa ta’ inċentiv u ta’ persważjoni, peress li dawn għandhom jimplimentaw kollox sabiex josservaw dawn il-linji gwida u dawn l-awtoritajiet għandhom jindikaw jekk dawn josservawx dawn il-linji gwida jew għandhomx l-intenzjoni li josservawhom u, jekk dan ma huwiex il-każ, jimmotivaw il-pożizzjoni tagħhom. |
70 |
B’mod partikolari, tali linji gwida jistgħu jwasslu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottaw, bħall-ACPR fil-kawża prinċipali, atti tad-dritt nazzjonali li jinċentivaw lill-istituzzjonijiet finanzjarji jemendaw b’mod sinjifikattiv il-prattiki tagħhom jew jieħdu inkunsiderazzjoni, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-osservanza tal-linji gwida tal-EBA waqt l-eżami tas-sitwazzjoni individwali ta’ dawn l-istituzzjonijiet. |
71 |
Il-qrati nazzjonali wkoll għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-linji gwida tal-EBA sabiex isolvu t-tilwim imressaq quddiemhom b’mod partikolari meta dawn il-linji gwida jkollhom, bħal-Linji gwida kontenzjużi, l-għan li jikkompletaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma ta’ natura vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 18, u tal-25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 80). |
72 |
Barra minn hekk, jekk jiġi aċċettat li l-EBA tista’ liberament toħroġ linji gwida, indipendentement mill-qafas speċifiku stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, dan ikun ta’ natura li jippreġudika t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni. |
73 |
Ċertament, il-ħruġ mill-ABE ta’ linji gwida huwa bla ħsara għall-possibbiltà li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni li, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilu mid-dritt primarju, jadotta att li għandu effetti legali vinkolanti li jistabbilixxi standards differenti mill-istandards irrakkomandati mill-EBA, li għalhekk jimplika l-esklużjoni tal-linji gwida kkonċernati. |
74 |
Madankollu, dan il-fatt ma jistax jikkontesta r-rekwiżit, imfakkar fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li l-EBA hija obbligata taġixxi konformement mal-kuntest preċiż stabbilit, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, minn dan il-leġiżlatur fir-Regolament Nru 1093/2010. |
75 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-EBA għandha kompetenza sabiex toħroġ linji gwida biss sa fejn espliċitament previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex tirrispondi għat-tielet domanda, għandha tivverifika jekk il-Linji gwida kontenzjużi jaqgħux taħt il-kompetenzi tal-EBA, kif iddefiniti minn dan il-leġiżlatur. |
76 |
Għal dan il-għan, għandu jiġi kkonstatat, f’dak li jirrigwarda l-portata tal-kompetenzi mogħtija lill-EBA mill-imsemmi leġiżlatur, li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprovdi li l-EBA għandha taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha minn dan ir-regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ sensiela ta’ atti elenkati f’din id-dispożizzjoni, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawn l-atti, kif ukoll għal kwalunkwe att legalment vinkolanti ieħor li jikkonferixxi kompiti lill-EBA. |
77 |
L-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprevedi li l-EBA għandha taġixxi, barra minn hekk, fil-qasam tal-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, tal-konglomerati finanzjarji, tad-ditti tal-investiment, tal-istituzzjonijiet ta’ pagament u tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, għall-kwistjonijiet li ma humiex koperti direttament mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet marbuta mal-governanza korporattiva, verifika u rappurtar finanzjarju, bil-kundizzjoni li dawn l-azzjonijiet tal-EBA jkunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dawk l-atti. |
78 |
Fir-rigward b’mod iktar preċiż tas-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida, l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprevedi li l-EBA hija inkarigata li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ standards u ta’ prattiki komuni ta’ kwalità għolja fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tas-sorveljanza, b’mod partikolari billi tiżviluppa linji gwida u rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament. |
79 |
L-Artikolu 8(2)(c) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprovdi, min-naħa tiegħu, li, għall-eżekuzzjoni “tal-kompiti” elenkati fl-Artikolu 8(1) tiegħu, l-EBA għandha l-kompetenza sabiex toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament filwaqt li l-Artikolu 8(1a) tal-imsemmi regolament jispeċifika li, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha skont l-imsemmi regolament, l-EBA għandha tuża s-setgħat kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha. |
80 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fost il-kompiti mogħtija lill-EBA jinsabu, fost oħrajn, konformement mal-Artikolu 8(1)(b) u (h) tar-Regolament Nru 1093/2010, dak li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni armonizzata tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tipparteċipa fl-istabbiliment ta’ prattika komuni fil-qasam tas-sorveljanza, filwaqt li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effettiva tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll dak li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-depożituri u tal-investituri. |
81 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1093/2010, li jagħmel riferiment għall-Artikolu 8(2)(c) tiegħu, u li l-linji gwida jsemmu bħala li jikkostitwixxi l-bażi legali tagħhom, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li, sabiex jiġu stabbiliti prattiki ta’ superviżjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi fi ħdan is-SESF u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni, l-EBA għandha toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji. |
82 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1093/2010, l-EBA għandha l-għan li tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività fuq żmien qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, għaċ-ċittadini tagħha u għan-negozji tagħha. L-Artikolu 1(5)(e) u (f) ta’ dan ir-regolament jippreċiża wkoll li l-EBA għandha tikkontribwixxi, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li t-teħid ta’ riskji ta’ kreditu jew riskji oħra jiġi rregolat u ssorveljat b’mod xieraq, u għandha tikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-klijent. |
83 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-validità ta’ linji gwida maħruġa mill-EBA hija suġġetta għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1093/2010 li jirregolaw speċifikament is-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida, iżda wkoll għall-inklużjoni ta’ dawn il-linji gwida fil-kamp ta’ azzjoni tal-EBA li l-Artikolu 1(2) u (3) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi b’riferiment għall-applikazzjoni ta’ ċerti atti tal-Unjoni, kif jikkonferma barra minn hekk il-fatt li l-Artikolu 8(1)(a) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-linji gwida adottati mill-EBA għandhom ikunu bbażati fuq l-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament. |
84 |
Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 77 u 80 sa 82 ta’ din is-sentenza, l-EBA tista’, sabiex tiżgura applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni, toħroġ linji gwida dwar l-obbligi ta’ superviżjoni prudenzjali fuq l-istituzzjonijiet ikkonċernati, b’mod partikolari sabiex jiġu protetti l-interessi tad-depożituri u tal-investituri permezz ta’ qafas adegwat għat-teħid ta’ riskji finanzjarji, peress li xejn fir-Regolament Nru 1093/2010 ma jippermetti li jitqies li minn din is-setgħa huma esklużi miżuri relatati mad-disinjar u mat-tqegħid fis-suq tal-prodotti, sa fejn dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ azzjoni tal-EBA, kif ippreċiżat fil-punt 83 ta’ din is-sentenza. |
85 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-kontenut tal-linji gwida kontenzjużi, mill-punt 5 ta’ dawn il-linji gwida, intitolat “Suġġett”, jirriżulta li dawn jirrigwardaw it-twaqqif ta’ arranġamenti għall-governanza u għas-sorveljanza tal-prodotti, bħala parti integrali mir-rekwiżiti organizzattivi marbuta mas-sistemi ta’ kontroll intern tal-impriżi, kif ukoll il-proċeduri, il-funzjonijiet u l-istrateġiji interni intiżi sabiex jiddisinjaw il-prodotti, li jqegħiduhom fis-suq u li jsegwuhom matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom. Dan il-punt 5 jippreċiża wkoll li dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jistabbilixxu proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat li l-interessi, l-għanijiet u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira jiġu ssodisfatti. |
86 |
Għal dan il-għan, l-ewwel nett, il-Linja Gwida 1 tal-Linji gwida kontenzjużi tipprevedi li l-arranġamenti għall-governanza u għas-sorveljanza tal-prodotti implementati għandu jkollhom bħala għan, meta prodotti jkunu ddisinjati u mqiegħda fis-suq, b’mod partikolari li l-interessi, l-għanijiet kif ukoll il-karatteristiċi tal-konsumaturi jittieħdu inkunsiderazzjoni u li jiġi evitat kull dannu potenzjali għall-konsumaturi. |
87 |
Din il-gwida tirrakkomanda wkoll ir-rieżami u l-aġġornament regolari tal-arranġamenti għall-governanza u għas-sorveljanza tal-prodotti kif ukoll l-integrazzjoni tagħhom fil-politika ta’ approvazzjoni tal-prodotti l-ġodda tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, li hija s-suġġett tal-Linja Gwida 23 tal-Linji gwida tal-EBA dwar il-governanza interna, bħala rekwiżit relatat ma’ din il-governanza bl-għan li tiġi żgurata l-ġestjoni tar-riskji. |
88 |
Sussegwentement, il-Linja Gwida 2 tal-Linji gwida kontenzjużi tinkoraġġixxi, b’mod iktar wiesa’, lil dawn l-istituzzjonijiet sabiex jintegraw l-arranġamenti ta’ governanza u ta’ sorveljanza tal-prodotti fil-kuntest ta’ governanza, ta’ ġestjoni tar-riskji u ta’ kontroll intern tagħhom. Hija tippreċiża wkoll ir-rwol li għandhom jingħataw lill-korpi differenti tal-imsemmija istituzzjonijiet għal dan il-għan, billi tirreferi, għal darba oħra, għal diversi aspetti tal-Linji gwida tal-EBA dwar il-governanza interna. B’mod partikolari, il-Linja Gwida 2.4 tippreċiża li l-maniġment superjuri għandu jiżgura li l-membri tal-persunal involuti fil-ħolqien ta’ prodott ikunu familjari mal-arranġament tal-manifattur għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti u jsegwuhom, ikunu kompetenti u mħarrġin kif xieraq, u jifhmu u jkunu familjari mal-karatteristiċi u r-riskji tal-prodott. |
89 |
Fl-aħħar nett, f’dan il-kuntest, minn naħa, il-Linji Gwida 3 sa 8 tal-Linji gwida kontenzjużi jikkonkretizzaw l-arranġamenti ta’ governanza u ta’ superviżjoni li għandhom, skont dawn il-linji gwida, jiġu integrati fil-mekkaniżmu ta’ governanza interna tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. |
90 |
B’mod iktar preċiż, dawn il-Linji Gwida 3 sa 8 jinċitaw it-teħid ta’ diversi miżuri sabiex jiġi żgurat li d-disinjar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodott ikunu xierqa fir-rigward tas-suq fil-mira rilevanti, li dan il-prodott jiġi ttestjat, isir monitoraġġ tiegħu, tittieħed azzjoni ta’ rimedju fil-konfront tiegħu u jiġi ddistribwit permezz ta’ mezzi adegwati u li jkun akkumpanjat minn informazzjoni intiża għad-distributuri. Huwa għalhekk li l-Linja Gwida 3.3 tippreċiża li l-manifattur għandu jiddisinja u jqiegħed fis-suq biss prodotti b’karatteristiċi, ħlasijiet u riskji li jissodisfaw l-interessi, l-għanijiet u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira speċifiku identifikat għall-prodott, u għall-benefiċċju tas-suq fil-mira. |
91 |
L-imsemmija Linji Gwida 3 sa 8 jippreċiżaw għalhekk aspetti differenti tal-proċeduri li għandhom jiġu implimentati, fi ħdan l-istituzzjonijiet ikkonċernati, sabiex jiġi żgurat kontroll suffiċjenti tad-disinn u tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti u b’hekk jiġu kkontrollati r-riskji li jirriżultaw minnhom. |
92 |
Min-naħa l-oħra, il-linji gwida 9 sa 12 tal-Linji gwida kontenzjużi jiddefinixxu, għad-distributuri, standards komparabbli għal dawk imsemmija fil-Linji Gwida 3 sa 8 tal-Linji gwida kontenzjużi f’dak li jirrigwarda l-manifatturi. |
93 |
Fuq din il-bażi, għandu jiġi evalwat, fl-ewwel lok, jekk il-Linji gwida kontenzjużi jaqgħux taħt il-kamp ta’ azzjoni tal-EBA, kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament Nru 1093/2010. |
94 |
F’dan ir-rigward, mill-punti 76, 77 u 83 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-validità ta’ linji gwida maħruġa mill-EBA, li, bħal-Linji gwida kontenzjużi, jikkonċernaw kwistjonijiet marbuta mal-governanza korporattiva, hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn ikunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010 jew li jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effikaċi ta’ tali att. |
95 |
Mill-punt 6 tal-Linji gwida kontenzjużi jirriżulta li dawn jippreċiżaw l-arranġamenti għall-governanza u għas-sorveljanza tal-prodotti fir-rigward tal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2013/36, tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2007/64, tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/110 u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/17. |
96 |
Issa, dawn id-direttivi kollha għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu atti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010. |
97 |
Qabel kollox, id-Direttivi 2013/36 u 2009/110 jissemmew espliċitament f’din id-dispożizzjoni. |
98 |
Sussegwentement, għalkemm id-Direttiva 2007/64 ma kinitx, min-naħa l-oħra, imsemmija fil-verżjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010 applikabbli fid-data tal-ħruġ tal-Linji gwida kontenzjużi, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li f’din il-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienet imsemmija d-Direttiva 2015/2366, li ssostitwixxiet lid-Direttiva 2007/64, u, min-naħa l-oħra, li din l-aħħar direttiva kienet imsemmija fil-verżjoni tal-imsemmija dispożizzjoni applikabbli qabel it-12 ta’ Jannar 2016. |
99 |
Għalhekk jidher li, wara żball materjali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssostitwixxa riferiment għad-Direttiva 2007/64 b’riferiment għad-Direttiva 2015/2366, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ewwel waħda minn dawn id-direttivi tħassret biss, skont l-Artikolu 114 tagħha, bit-tieni waħda minnhom b’effett mit-13 ta’ Jannar 2018. |
100 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi interpretat li r-riferiment għad-Direttiva 2015/2366 li kien jinsab fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010 fid-data tal-ħruġ tal-Linji gwida kontenzjużi għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi, f’din id-data, għad-Direttiva 2007/64. |
101 |
Fl-aħħar nett, għalkemm id-Direttiva 2014/17 lanqas ma hija msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010, l-Artikolu 29(2)(a), l-Artikolu 34(2) u (4) kif ukoll l-Artikolu 37 tagħha jipprevedu li l-EBA għandha tieħu diversi miżuri sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din id-direttiva, b’tali mod li din id-direttiva, sa fejn tagħti kompiti lill-EBA, għandha titqies li hija att imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010. |
102 |
Konsegwentement, hija għal darb’oħra l-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex tirrispondi għat-tielet domanda, għandha tivverifika jekk il-Linji gwida inkwistjoni jaqgħux tabilħaqq fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi msemmija fil-punt 6 ta’ dawn il-linji gwida jew jekk humiex neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effikaċi ta’ dawn id-direttivi. |
103 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-Direttiva 2013/36, l-Artikolu 74(1) tagħha jipprovdi li l-istituzzjonijiet li hija tirrigwarda għandu jkollhom arranġamenti ta’ governanza korporattiva robusti, li jinkludu, b’mod partikolari, struttura organizzattiva ċara b’linji ta’ tqassim tar-responsabbiltà ddefiniti tajjeb, trasparenti u konsistenti, proċessi effikaċi għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tar-riskji li huma jew li jistgħu jkunu esposti għalihom, mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, inkluż proċeduri amministrattivi u kontabbilistiċi tajba, kif ukoll politiki u prattiki ta’ rimunerazzjoni li jippermettu ġestjoni tar-riskji soda u effettiva u li jippromwovuha. |
104 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif sostnew l-EBA u l-ACPR, it-tqegħid fis-suq, minn istituzzjonijiet finanzjarji, ta’ prodotti bankarji ddisinjati u mqiegħda fis-suq mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-swieq fil-mira kif ukoll dawk tal-konsumaturi kkonċernati jista’ joħloq riskji kunsiderevoli għal dawn l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari billi jesponihom għal spejjeż kunsiderevoli marbuta mal-iskattar tar-responsabbiltà tagħhom u mal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fir-rigward tagħhom. |
105 |
Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija riflessa fir-rapport finali tal-EBA, tal-15 ta’ Lulju 2015, fuq il-Linji gwida kontenzjużi, li barra minn hekk jenfasizza li l-aġir tal-istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż f’dak li jirrigwarda l-bejgħ bl-imnut, jikkonċerna l-awtoritajiet regolatorji mhux biss f’perspettiva ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, iżda wkoll f’perspettiva prudenzjali u b’rabta mal-għan li tiġi promossa l-fiduċja fis-swieq, l-istabbiltà finanzjarja u l-integrità tas-sistema finanzjarja fil-livell nazzjonali u dak Ewropew. |
106 |
Peress li l-Linji gwida kontenzjużi huma intiżi, kif jirriżulta mill-punti 86 sa 92 ta’ din is-sentenza, sabiex jiddefinixxu b’liema mod l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom jinkludu modalitajiet ta’ governanza u ta’ sorveljanza tal-prodotti, intiżi sabiex jiżguraw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tas-swieq imsemmija kif ukoll ta’ dawk tal-konsumaturi kkonċernati, fl-istrutturi tagħhom u fil-proċeduri interni tagħhom, dawn il-linji gwida għandhom jitqiesu bħala li jistabbilixxu prinċipji intiżi sabiex jiggarantixxu proċessi effikaċi għall-identifikazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ monitoraġġ tar-riskji kif ukoll mekkaniżmi adegwati ta’ kontroll intern, fis-sens tal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2013/36, bil-għan li jiggarantixxu l-eżistenza ta’ arranġamenti robusti ta’ governanza korporattiva meħtieġa f’din id-dispożizzjoni. |
107 |
Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 74(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi espliċitament li l-EBA għandha tikkonforma ruħha mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, waqt il-ħruġ ta’ linji gwida dwar l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 74(1) tal-imsemmi artikolu, għandu jiġi enfasizzat li l-integrazzjoni f’dawn il-proċessi u dawn il-mekkaniżmi ta’ elementi intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fis-swieq fil-mira għandha titqies bħala li tagħmel parti mill-adattament, meħtieġ fl-Artikolu 74(2) ta’ din id-direttiva, tal-imsemmija proċessi u tal-imsemmija mekkaniżmi għall-kumplessità tar-riskji inerenti għall-mudell tan-negozju u għall-attivitajiet tal-istituzzjoni. |
108 |
Dawn il-konstatazzjonijiet la huma kkontestati mill-fatt li l-Linji gwida kontenzjużi huma marbuta speċifikament mal-governanza u mas-sorveljanza tal-prodotti, u lanqas mill-post partikolari li dawn il-linji gwida jagħtu lill-interessi, lill-għanijiet u lill-karatteristiċi tal-konsumaturi, anki jekk dawn l-elementi ma humiex imsemmija direttament fl-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36. |
109 |
Minn naħa, kif ġie enfasizzat fil-punt 5 tal-Linji gwida kontenzjużi, dawn ma jikkonċernawx in-natura xierqa tal-prodotti għall-konsumaturi meħuda individwalment. |
110 |
Għall-kuntrarju, mill-punti 86 sa 92 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn il-linji gwida jirreferu għall-interessi, għall-għanijiet u għall-karatteristiċi tal-konsumaturi biss sabiex jiġi żgurat it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-interessi, ta’ dawn l-għanijiet u ta’ dawn il-karatteristiċi fil-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskji u l-mekkaniżmi ta’ governanza interna tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. |
111 |
Min-naħa l-oħra, għandu ċertament jiġi rrilevat li l-kriterji tekniċi ddefiniti fl-Artikoli 76 sa 95 tad-Direttiva 2013/36, li għalihom jirreferi l-Artikolu 74(2) tagħha, la jirreferu speċifikament għall-governanza u għas-sorveljanza tal-prodotti u lanqas għall-interessi, għall-għanijiet u għall-karatteristiċi tal-konsumaturi. |
112 |
Madankollu, il-fatt li, skont dan l-Artikolu 74(2), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji tekniċi ma jistax jimplika li l-arranġament robust ta’ governanza msemmi fl-Artikolu 74(1) ta’ din id-direttiva għandu jkun esklużivament iddefinit fuq il-bażi tal-imsemmija kriterji tekniċi. |
113 |
Minn dan isegwi li l-Linji gwida kontenzjużi jistgħu jitqiesu li huma neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effikaċi tal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2013/36. |
114 |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2007/64 jimponi, f’dak li jikkonċerna l-istituzzjonijiet li għandhom l-intenzjoni jipprovdu servizzi ta’ ħlas, obbligi fformulati bl-istess kliem bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2013/36. |
115 |
Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 103 sa 110 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Linji gwida kontenzjużi, li, fost prodotti oħra, ikopru s-servizzi ta’ ħlas, jistgħu jitqiesu bħala neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effikaċi tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2007/64. |
116 |
Fit-tielet lok, l-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/110, peress li din id-dispożizzjoni sempliċement tipprevedi l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi ta’ ċerti artikoli tad-Direttiva 2007/64, fosthom l-Artikolu 10 tagħha. |
117 |
Fir-raba’ lok, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/17 jipprovdi, b’mod partikolari, li, fil-kuntest tat-tfassil, tal-għoti, tal-intermedjazzjoni jew tal-provvista ta’ servizzi konsultattivi dwar formuli ta’ kreditu lill-konsumaturi relatati mal-beni immobbli għal użu residenzjali, il-kredituri, l-intermedjarji ta’ kreditu jew ir-rappreżentanti maħtura għandhom jaġixxu b’mod onest, ġust, trasparenti u professjonali, filwaqt li jqisu d-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi. |
118 |
Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li, f’dak li jikkonċerna l-għoti, l-intermedjazzjoni jew il-provvista ta’ servizzi konsultattivi relatati ma’ tali krediti, l-attivitajiet għandhom ikunu bbażati fuq l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-konsumatur u fuq kwalunkwe ħtieġa speċifika li jsemmi l-konsumatur, u kif ukoll fuq suppożizzjonijiet raġonevoli dwar ir-riskji għas-sitwazzjoni tal-konsumatur matul il-kuntratt ta’ kreditu. |
119 |
Issa, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Linja Gwida 1 tal-Linji gwida inkwistjoni tippreċiża li l-arranġamenti ta’ governanza u ta’ sorveljanza tal-prodotti deskritti għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li, meta prodotti jiġu ddisinjati u mqiegħda fis-suq, l-interessi, l-għanijiet kif ukoll il-karatteristiċi tal-konsumaturi jittieħdu inkunsiderazzjoni u li jiġi evitat kull dannu potenzjali għall-konsumaturi. |
120 |
Sussegwentement, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi, tal-għanijiet u tal-karatteristiċi tas-suq jew tas-swieq fil-mira, li huwa s-suġġett tal-Linji gwida 3 u 11 tal-Linji gwida kontenzjużi, jippreżupponi li tiġi ddeterminata u sussegwentement inkluża fil-proċess deċiżjonali s-sitwazzjoni tal-konsumaturi preżenti f’dawn is-swieq. |
121 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri konkreti msemmija fil-Linji Gwida 4, 5, 7, 9 u 12 huma ddefiniti b’riferiment espliċitu għat-teħid inkunsiderazzjoni, fi stadji differenti tad-disinjar u tat-tqegħid fis-suq, tal-prodotti inkwistjoni, tal-interessi, tal-għanijiet u tal-karatteristiċi tal-konsumaturi. |
122 |
Għalhekk, il-Linji gwida kontenzjużi jistgħu jitqiesu bħala neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effikaċi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/17. |
123 |
Għaldaqstant, il-linji gwida kontenzjużi għandhom jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ azzjoni tal-EBA, kif iddefinit, b’mod ġenerali, fl-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament Nru 1093/2010. |
124 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Linji gwida kontenzjużi jaqgħux taħt il-qafas speċifiku stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-eżerċizzju tas-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida. |
125 |
F’dan ir-rigward, jidher, fl-ewwel lok, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi esposti fil-punti 119 sa 121 ta’ din is-sentenza, li l-Linji gwida kontenzjużi għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll għal dik tad-depożituri u tal-investituri, imsemmija fl-Artikolu 1(5)(f) u fl-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament Nru 1093/2010. |
126 |
Fit-tieni lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 104 u 110 ta’ din is-sentenza, il-Linji gwida kontenzjużi għandhom ukoll jintrabtu mal-funzjonijiet mogħtija lill-EBA, konformement mal-Artikolu 1(5)(e), f’dak li jirrigwarda r-regolamentazzjoni tat-teħid ta’ riskju mill-istituzzjonijiet finanzjarji. |
127 |
Fit-tielet lok, il-Linji gwida kontenzjużi għandhom jitqiesu li jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ prattiki ta’ sorveljanza konsistenti, effiċjenti u effettivi fi ħdan is-SESF, li għalih jirreferu l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1093/2010. |
128 |
Fil-fatt, dawn il-linji gwida jimplimentaw direttament il-prinċipji ddefiniti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza dwar il-Governanza u s-Sorveljanza ta’ Prodotti mill-Manifatturi (JC-2013–77), adottata mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, mill-EBA kif ukoll mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol. |
129 |
B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li din il-pożizzjoni komuni, li hija intiża sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll li tiżgura l-istabbiltà, l-effikaċja u l-integrità tas-swieq finanzjarji, tipprevedi espliċitament li l-EBA għandha tuża l-prinċipji li l-imsemmija pożizzjoni komuni tiddefinixxi sabiex tiżviluppa rekwiżiti iktar iddettaljati dwar il-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti bankarji. |
130 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Linji gwida kontenzjużi jaqgħu taħt il-qafas speċifiku stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-eżerċizzju tas-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) u (2), kif ukoll mill-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1093/2010, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(5) tiegħu. |
131 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jitqies li l-Linji gwida kontenzjużi jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-EBA, kif iddefiniti minn dan il-leġiżlatur. |
132 |
Għaldaqstant, jidher li l-eżami tat-tielet domanda ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Linji gwida kontenzjużi. |
Fuq l-ispejjeż
133 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.