Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0301

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-20 ta’ Jannar 2021.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Printeos SA.
    Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Multi – Annullament – Rimbors tal-ammont prinċipali tal-multa – Artikolu 266 TFUE – Interessi moratorji – Distinzjoni bejn interessi moratorji u interessi kumpensatorji – Kalkolu tal-interessi – It-tieni sentenza tal-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012.
    Kawża C-301/19 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:39

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    20 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

    “Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Multi – Annullament – Rimbors tal-ammont prinċipali tal-multa – Artikolu 266 TFUE – Interessi moratorji – Distinzjoni bejn interessi moratorji u interessi kumpensatorji – Kalkolu tal-interessi – It-tieni sentenza tal-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012”

    Fil-Kawża C‑301/19 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-11 ta’ April 2019,

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Dintilhac, P. Rossi u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Printeos SA, stabbilita fi Alcalá de Henares (Spanja), irrappreżentata minn H. Brokelmann u P. Martínez-Lage Sobredo, abogados,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il‑Kummissjoni (T‑201/17, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2019:81), li permezz tagħha din tal-aħħar, billi laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Printeos SA, ikkundannat lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, sabiex tikkumpensa d-dannu mġarrab minn din il-kumpannija minħabba l-assenza ta’ ħlas lilha ta’ somma ta’ EUR 184 592.95 li kienet dovuta lilha bħala interessi moratorji, sostnuti matul il-perijodu bejn id‑9 ta’ Marzu 2015 sal-1 ta’ Frar 2017, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722), u ordnat li interessi moratorji jiżdiedu ma’ dan il-kumpens, minn meta tingħata s-sentenza appellata u sal-ħlas komplet, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE”), miżjuda bi 3.5 punti perċentwali.

    2

    Printeos ippreżentat appell inċidentali li permezz tiegħu titlob l-annullament parzjali tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, dwar id-dies a quo tal-imsemmija żieda.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir‑Regolament (KE) Nru 1/2003

    3

    L-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “Reviżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja” jiddisponi:

    “Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

    Ir-Regolament Finanzjarju

    4

    Taħt it-titolu “Stabbiliment tal-ammonti riċevibbli”, l-Artikolu 78 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), kien jipprovdi:

    “1.   L-istabbiliment ta’ ammont riċevibbli huwa l-att li bih l- uffiċjal awtorizzanti responsabbli:

    a)

    jivverifika li d-dejn jeżisti;

    b)

    jiddetermina jew jivverifika r-realtà u l-ammont tad-dejn;

    c)

    jjivverifika l-kundizzjonijiet li fihom ikun dovut id-dejn.

    2.   Ir-riżorsi proprji mqiegħda għad-dispożizzjoni tal- Kummissjoni u kull ammont riċevibbli li huwa identifikat bħala li jkun ċert, ta’ ammont fiss u dovut għandu jkun stabbilit b’ordni ta’ rkupru lill-uffiċjal tal-kontabilità segwit b’nota ta’ debitu mibgħuta lid-debitur, it-tnejn imħejjija mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli.

    3.   L-ammonti li jitħallsu bi żball għandhom jiġu rkuprati.

    4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar l-istabbiliment tal-ammonti riċevibbli, inklużi l-proċedura u provi dokumentarji, u l-interessi għal inadempjenza fil-ħlas.”

    5

    L-Artikolu 83 tar-Regolament Finanzjarju, intitolat “Multi, penali u mgħax dovut impost mill-Kummissjoni”, kien jipprevedi:

    “1.   Ammonti riċevuti bħala multi, penali u sanzjonijiet, u kull imgħax jew dħul dovut jew dħul ieħor iġġenerat minnhom ma għandhomx ikunu rreġistrati bħala dħul tal-baġit sakemm id- deċiżjonijiet li jimponuhom jistgħu jkunu mħassra mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    2.   L-ammonti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati bħala dħul tal-baġit mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mis-sena ta’ wara l-eżawriment tar-rimedji kollha legali.

    L-ammonti li għandhom ikunu rritornati lill-entità li ħallsithom, b’segwitu għal sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal- Unjoni Ewropa, ma għandhomx jiġu rreġistrati bħala dħul tal- baġit.

    […]

    4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati […] rigward ir-regoli dettaljati dwar l- ammonti rċevuti permezz ta’ multi, penali u mgħax dovut.”

    6

    L-Artikolu 92 tar-Regolament Finanzjarju, intitolat “Limiti taż-żmien”, kien jipprevedi:

    “1.   Il-ħlasijiet għandhom isiru f’ perjodu ta’:

    a)

    90 ġurnata ta’ kalendarju għall-ftehimiet ta’ delega, il- kuntratti, il-ftehimiet ta’ għotja u d-deċiżjonijiet li jinvolvu servizzi tekniċi jew azzjonijiet li huma partikolarment kumplessi biex jiġu evalwati u li għalihom il-ħlas jiddependi fuq l-approvazzjoni ta’ rapport jew ta’ ċertifikat;

    b)

    60 ġurnata ta’ kalendarju għall-ftehimiet ta’ delega l-oħra kollha, il-kuntratti, il-ftehimiet ta’ għotja u d-deċiżjonijiet li għalihom il-ħlas jiddependi fuq l-approvazzjoni ta’ rapport jew ta’ ċertifikat;

    c)

    30 ġurnata ta’ kalendarju għall-ftehimiet ta’ delega l-oħra kollha, il-kuntratti, il-ftehimiet ta’ għotja u d-deċiżjonijiet.

    […]

    5.   Barra fil-każ tal-Istati Membri, f’għeluq il-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 1, il-kreditur għandu jkun intitolat għall- interessi.

    6.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-limiti taż-żmien għall-ħlasijiet u dwar l-ispeċifikazzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom il-kredituri mħallsa tard huma intitolati li jirċievu imgħax għall-ħlas tard li għandu jkun iddebitat għal-linja li minnha s-somma ewlenija kienet ġiet imħallsa.”

    Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 1268/2012

    7

    Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012 tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU 2012, L 362, p. 1), ġie adottat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(4) tar-Regolament Finanzjarju.

    8

    L-Artikolu 80(3) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 kien jipprovdi:

    “In-nota ta’ debitu tinforma lid-debitur li:

    […]

    b)

    jekk il-ħlas tad-dejn isir qabel id-data tal-għeluq stabbilita, ma jkun dovut ebda mgħax awtomatiku;

    […]”

    9

    Skont l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Imgħax awtomatiku”:

    “1.   Bla ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regolamenti speċifiċi għas-settur, kwalunkwe ammont riċevibbli li ma jitħallasx lura fid-data tal- għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) jeħel imgħax skont il- paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Ir-rata tal-imgħax għall-ammonti riċevibbli li ma jitħallsux lura fid-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) tkun ir-[rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE], fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih tkun id-data tal-għeluq, u miżjuda hekk:

    a)

    bi tmien punti perċentwali meta l-avveniment li jobbliga jkun kuntratt ta’ provvista u servizz pubbliku msemmi fit-Titolu V;

    b)

    bi tliet punti perċentwali u nofs fil-każijiet l-oħrajn kollha.

    3.   L-imgħax jiġi kkalkolat mill-jum kalendarju wara d-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) u speċifikata fin- nota ta’ debitu sal-jum kalendarju meta d-dejn jitħallas kollu.

    L-ordni ta’ rkupru li tikkorrispondi għall-ammont tal-imgħax awtomatiku tinħareġ meta dan l-imgħax fil-fatt jitħallas

    4.   Fil-każ tal-multi, meta d-debitur jipprovdi garanzija finanzjarja li tiġi aċċettata mill-uffiċjal tal-kontabilità minflok ħlas, ir- rata tal-imgħax applikabbli mid-data tal-għeluq imsemmija fl- Artikolu 80(3)(b) tkun ir-rata msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fis-seħħ mill-ewwel jum tax-xahar li fih tkun ġiet adottata d-deċiżjoni li timponi multa u miżjuda biss b’punt perċentwali u nofs.”

    10

    L-Artikolu 90 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-irkupru ta’ multi jew pieni oħra”, kien jipprovdi:

    “1.   Meta tittieħed azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal- Unjoni Ewropea kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa jew pieni oħra skont it-[Trattat FUE] jew it-Trattat tal-Euratom u sa dak iż-żmien li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha, id-debitur iħallas provviżorjament l-ammonti kkonċernati fil- kont bankarju nnominat mill-uffiċjal tal-kontabilità jew inkella jipprovdi garanzija finanzjarja li tkun aċċettabbli għall-uffiċjal tal-kontabilità. Il-garanzija tkun indipendenti mill-obbligu ta’ ħlas tal-multa jew tal-pieni jew ta’ pieni oħra u għandha tkun infurzabbli mal-ewwel sejħa. Hija tkopri t-talba fir-rigward tas- somma kapitali ewlenija u l-imgħax dovut kif speċifikat fl-Artikolu 83(4).

    2.   Il-Kummissjoni tiżgura l-ammonti mħallsa provviżorjament billi tara li dawn jiġu investiti f’assi finanzjarji sabiex b’hekk jiġu żgurati s-sigurtà u l-likwidità tal-flejjes, filwaqt li timmira wkoll li tipproduċi redditu pożittiv.

    […]

    4.   Wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha u l-multi jew il-pieni jkunu tħassru jew tnaqqsu, tittieħed kwalunkwe waħda mill-miżuri li ġejjin:

    a)

    l-ammonti indebitament miġbura flimkien mal-imgħax iġġenerat jitħallsu lura lill-parti terza kkonċernata. F’każijiet fejn ir-redditu globali ġġenerat għall-perjodu rilevanti kien wieħed negattiv, il-valur nominali tal-ammonti indebitament miġbura jitħallas lura;

    b)

    meta tkun ġiet ipprovduta garanzija finanzjarja, din tal- aħħar tiġi rilaxxata kif xieraq.”

    11

    L-Artikolu 111(4) tar-Regolament Nru 1268/2012 jipprovdi:

    “Kif jagħlaq iż-żmien stabbilit fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-kreditur ikun intitolat għall-imgħax skont il- kundizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    ir-rati tal-imgħax ikunu dawk imsemmija fl-Artikolu 83(2) ta’ dan ir-Regolament;

    b)

    l-imgħax ikun pagabbli għall-perjodu li jgħaddi mill-jum kalendarju wara l-għeluq tal-limitu taż-żmien għall-ħlas stabbilit fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament Finanzjarju sal-jum tal-ħlas.

    […]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    12

    Il-fatti li wasslu għall-kawża, esposti fil-punti 1 sa 27 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

    13

    Fl-Artikolu 1(5)(a) tad-Deċiżjoni (2014) 9295 final tal‑10 ta’ Diċembru 2014 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.39780 – Envelops) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2014”) tagħha, il-Kummissjoni kkonstatat li Printeos kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), billi pparteċipat, matul il-perijodu bejn it-8 ta’ Ottubru 2003 u t-22 ta’ April 2008, għal akkordju konkluż u implimentat fis-suq Ewropew tal-envelops standard disponibbli f’katalogu u tal-envelops speċjali stampati, inkluż fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Isvezja, fir-Renju Unit u fin-Norveġja.

    14

    Fl-Artikolu 2(1)(e) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq Printeos, flimkien u in solidum ma’ wħud mis-sussidjarji tagħha, multa għal ammont ta’ EUR 4729000, minħabba l-ksur ikkonstatat.

    15

    Skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija deċiżjoni, il-multa imposta kellha titħallas f’terminu ta’ tliet xhur dekorribbli min-notifika tal-istess deċiżjoni.

    16

    L-Artikolu 2(3) tal-Deċiżjoni tal-2014 jipprovdi:

    “Wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, huma awtomatikament eżiġibbli interessi bir-rata [ta’ rifinanzjament tal-BĊE applikabbli] fl-ewwel jum tax-xahar li matul tiegħu ġiet adottata din id-Deċiżjoni, b’żieda ta’ 3.5 punti perċentwali

    Meta impriża msemmija fl-Artikolu 1 tippreżenta rikors, din l-impriża għandha tkopri l-ammont tal-multa sad-data tal-iskadenza billi tipprovdi garanzija finanzjarja aċċettabbli jew billi tagħmel ħlas provviżorju tal-multa skont l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega [Nru 1268/2012]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    17

    Id-Deċiżjoni tal-2014 ġiet innotifikata lil Printeos fil‑11 ta’ Diċembru 2014. B’messaġġ elettroniku tas-16 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni fakkritha li l-multa imposta minn din id-deċiżjoni kellha tiġi koperta f’terminu ta’ tliet xhur dekorribbli min-notifika tal-imsemmija deċiżjoni u li, fil-każ fejn Printeos tiddeċiedi li tippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, hija kellha tipprovdi kemm garanzija bankarja suffiċjenti kif ukoll tħallas provviżorjament din il-multa.

    18

    Ma’ dan il-messaġġ elettroniku, il-Kummissjoni hemżet nota intitolata “Information Note on Provisionally Paid or Guaranteed Fines” (Nota ta’ Informazzjoni dwar il-Multi li jkunu s-Suġġett ta’ Ħlas Provviżorju jew ta’ Garanzija) tal‑20 ta’ Lulju 2002, li fiha indikat, b’mod partikolari, dan li ġej:

    “[…] l-awditur għandu jiġbor provviżorjament l-ammont tal-multi li huma s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mill-kumpannija kkonċernata jew jitlobha tipprovdi garanzija. Wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha, l-ammonti miġbura provviżorjament u l-interessi li dawn ikunu ġġeneraw għandhom jiddaħħlu fil-baġit jew għandhom jitħallsu lura totalment jew parzjalment lill-impriża kkonċernata.

    […]

    Fil-każ ta’ multi imposti mill-Kummissjoni b’effett mill-2010, din tal-aħħar ser tinvesti l-ammonti mħallsa provviżorjament f’fond magħmul minn portafoll ta’ assi li l-esponiment għar-riskju tagħhom huwa limitat għal dak relatat ma’ krediti sovrani ta’ kwalità għolja ta’ perijodu residwali massimu ta’ [sentejn], u li ser ikun ġestit mis-servizzi tal-Kummissjoni.

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-multa, totalment jew parzjalment, il-Kummissjoni ser tirrimborsa kif xieraq l-ammont tal-multa, kollu jew parzjalment, flimkien ma’ redditu ggarantit.

    Ir-redditu ggarantit huwa bbażat fuq il-prestazzjoni tal-indiċi referenzjarju speċifiku, ikkalkolat għall-perijodu tal-investiment. […]”

    19

    Printeos, minn naħa, ippreżentat, fl‑20 ta’ Frar 2015, rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-2014, sa fejn din kienet tikkonċernaha, u min-naħa l-oħra, ħallset provviżorjament, fid‑9 ta’ Marzu 2015, il-multa li kienet ġiet imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni.

    20

    L-ammont tal-multa mħallas minn Printeos tħallas f’fond ta’ assi finanzjarji (iktar ’il quddiem il-“fond BUFI”), maħluq skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 4264 final tal‑15 ta’ Ġunju 2009 dwar it-tnaqqis tar-riskji ta’ ġestjoni ta’ multi msarrfa provviżorjament, ġestit mid-Direttorat Ġenerali (DG) “Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji”. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 74 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 4, p. 74), issostitwit bl-Artikolu 83 tar-Regolament Finanzjarju.

    21

    Permezz tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2(1)(e) tad-Deċiżjoni tal-2014. Peress li ma ġie ppreżentat ebda appell kontra din is-sentenza fit-terminu previst, din saret definittiva.

    22

    Skambju ta’ messaġġi elettroniċi bejn il-Kummissjoni u Printeos seħħ fis‑26 ta’ Jannar 2017. Il-Kummissjoni informat lil Printeos li, wara l-annullament, mill-Qorti Ġenerali, tad-Deċiżjoni tal-2014 sa fejn din imponitilha fuqha multa, hija kienet ser tirrimborsaha l-multa mħallsa provviżorjament. Printeos talbet li r-rimbors jinkludi l-interessi fuq l-ammont ta’ din il-multa, ikkalkolati mid-data tal-ħlas provviżorju tagħha, fid‑9 ta’ Marzu 2015, bir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, jiġifieri bl-istess rata ta’ interessi bħal dik prevista fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-2014, fil-każ ta’ ħlas tardiv tal-multa. Permezz ta’ żewġ messaġġi elettroniċi tal-istess jum, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba, filwaqt li fakkret li, kif ġie indikat fin-nota ta’ informazzjoni annessa mal-messaġġ elettroniku tagħha tas‑16 ta’ Frar 2015, il-multi li ġew imsarfa provviżorjament huma investiti f’fond u, fil-każ ta’ annullament, jiġu rrimborsati, flimkien ma’ redditu ggarantit abbażi tal-prestazzjoni tal-indiċi referenzjarju. Issa, din il-prestazzjoni kienet negattiva għall-perijodu li matulu l-ammont tal-multa mħallsa minn Printeos kien investit fil-fond BUFI, b’tali mod li huwa biss l-ammont prinċipali ta’ din il-multa li għandu jiġi rrimborsat lilha.

    23

    Fis‑27 ta’ Jannar 2017, Printeos, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 266 TFUE kif ukoll fuq is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il-Kummissjoni (T‑171/99, EU:T:2001:249), tenniet it-talba tagħha għall-ħlas tal-interessi.

    24

    Fl‑1 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni rrimborsat lil Printeos il-multa mħallsa minn din tal-aħħar fid‑9 ta’ Marzu 2015. Min-naħa l-oħra, permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Frar 2017, hija ċaħdet l-argumenti mressqa minnha insostenn tat-talba tagħha għall-ħlas tal-interessi, filwaqt li enfasizzat li l-għażla li jsir ħlas provviżorju tal-multa pjuttost milli tiġi kkostitwita garanzija finanzjarja kienet taqa’ taħt deċiżjoni ta’ Printeos stess u li, barra minn hekk, din tal-aħħar kellha għarfien sħiħ tal-fatt li l-ammont tal-multa mħallsa provviżorjament jiġi investit f’fond, li l-funzjonament tiegħu u l-kunċett ta’ redditu ggarantit kienu ġew spjegati fid-dettall fin-nota ta’ informazzjoni mehmuża mal-messaġġ elettroniku tas‑16 ta’ Frar 2015.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    25

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Marzu 2017, Printeos ippreżentat rikors intiż, prinċipalment, għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallasha, minn naħa, kumpens għal ammont ta’ EUR 184 592.95 li jikkorrispondi għall-interessi kumpensatorji kkalkolati fuq l-ammont ta’ EUR 4729000 bir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, miżjuda bi 2 punti perċentwali, għall-perijodu mid‑9 ta’ Marzu 2015 sal‑1 ta’ Frar 2017, jew, fin-nuqqas ta’ dan, bir-rata ta’ interessi li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa u, min-naħa l-oħra, interessi kumpensatorji fuq l-ammont ta’ EUR 184 592.95 għall-perijodu mill-1 ta’ Frar 2017 sad-data li fiha l-Kummissjoni effettivament ser tħallas dan l-ammont, bir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, jew, fin-nuqqas ta’ dan, bir-rata ta’ interessi li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa u, sussidjarjament, għall-annullament taż-żewġ messaġġi elettroniċi tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ Jannar 2017.

    26

    L-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet tar-rikors ta’ Printeos kienu bbażati, prinċipalment, fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u, sussidjarjament, fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266, fuq l-Artikolu 268 u fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 41(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    27

    Waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, bħala tweġiba għal mistoqsijiet orali ta’ din tal-aħħar, Printeos, minn naħa, indikat li ma xtaqitx iżżomm iktar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE bħala bażi legali prinċipali, fis-sens ta’ rimedju ġudizzjarju awtonomu, tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors tagħha u, min-naħa l-oħra, ikkonfermat li t-termini “interessi kumpensatorji” msemmija fih kellhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal “interessi moratorji” fis-sens tal-punt 30 tas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK (C‑336/13 P, EU:C:2015:83). Barra minn hekk, Printeos, permezz tal-istess okkażjoni, talbet li tiġi estiża ż-żieda tar-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, kif prevista fl-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors tagħha, bi 3.5 punti perċentwali.

    28

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Printeos u kkundannat lill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, sabiex tikkumpensa d-dannu mġarrab minn din il-kumpannija minħabba l-assenza ta’ ħlas lilha tas-somma ta’ EUR 184 592.95 li kienet dovuta lilha bħala interessi moratorji, li ġew inkorsi matul il-perijodu bejn id‑9 ta’ Marzu 2015 u l-1 ta’ Frar 2017, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722). Barra minn hekk, hija indikat li l-kumpens dovut lil Printeos kellu jiżdied bl-interessi moratorji, mill-għoti tas-sentenza appellata u sal-ħlas komplet, ikkalkolati bir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

    29

    Il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 55 sa 68 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE.

    30

    F’dan il-kuntest, filwaqt li rreferiet, b’mod partikolari, għas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punti 29 u 30), il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li, fl-ipoteżi tal-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa jew ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet id-dritt tal-parti kkonċernata li tikseb ir-restawrazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet tinsab fiha qabel din id-deċiżjoni, li jimplika b’mod partikolari r-rimbors tal-ammont prinċipali mħallas indebitament minħabba d-deċiżjoni annullata kif ukoll il-ħlas ta’ interessi moratorji, billi dan il-ħlas jikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, sa fejn huwa intiż li jikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa ċ-ċaħda ta’ tgawdija ta’ ammont riċevibbli u jħeġġeġ lid-debitur li jeżegwixxi, fl-iqsar termini possibbli, is-sentenza ta’ annullament.

    31

    Fil-punti 60 sa 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-assenza ta’ ħlas ta’ interessi moratorji mill-Kummissjoni lil Printeos u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 kinux jikkostitwixxu eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722), b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE. Wara dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat li din id-dispożizzjoni kienet tipprekludiha milli tonora l-obbligu assolut u inkundizzjonat tagħha li tħallas interessi moratorji skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE. Hija żiedet li l-“imgħax iġġenerat”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 90(4)(a) ma setax jiġi kklassifikat bħala “interessi moratorji” jew bħala kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, iżda kien jindika esklużivament redditu pożittiv reali tal-investiment tal-ammont inkwistjoni.

    32

    Il-Qorti Ġenerali għalhekk qieset, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kienet obbligata, bħala miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722), mhux biss li tirrimborsa lil Printeos l-ammont prinċipali tal-multa inkwistjoni, iżda wkoll li tħallas lil din tal-aħħar interessi moratorji.

    33

    Fil-punt 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-possibbiltà ta’ arrikkiment indebitu ta’ Printeos minħabba redditu negattiv tal-ammont prinċipali tal-multa inkwistjoni matul il-perijodu li fih dan kien ġie ddepożitat fil-fond BUFI, minħabba li dan l-argument kien f’kontradizzjoni diretta mal-loġika ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa permezz tal-għoti ta’ interessi moratorji enfasizzata mill-ġurisprudenza.

    34

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

    35

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħra għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li l-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tagħti interessi moratorji skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE kien jippreżenta rabta kawżali suffiċjentement diretta mad-dannu mġarrab mir-rikorrenti, li kien ekwivalenti għat-telf tal-imsemmija interessi moratorji.

    36

    Fir-rigward tal-ammont tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat, il-Qorti Ġenerali ffissat, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, l-ammont prinċipali li jista’ jiġi kkumpensat għal EUR 184 592.95, fejn din is-somma tikkorrispondi għall-interessi moratorji, bir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, inkorsi matul il-perijodu mid‑9 ta’ Marzu 2015 sal-1 ta’ Frar 2017. Il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, li dan l-ammont kien issemma minn Printeos fl-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors tagħha, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni.

    37

    Fir-rigward tat-talba ta’ Printeos, imressqa waqt is-seduta, li ż-żieda tar-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE tiġi estiża għal 3.5 punti perċentwali, il-Qorti Ġenerali ċaħditha, billi qieset, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li din kienet tardiva u kuntrarja għall-prinċipju ta’ immutabbiltà tat-talbiet tal-partijiet u li l-prinċipju ne ultra petita kien jipprekludiha milli tmur lil hinn mit-talba ta’ Printeos, kif kienet tirriżulta mill-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors tagħha.

    38

    Fir-rigward tat-talba għall-għoti ta’ interessi moratorji skont it-tieni kap tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali assenjat lil Printeos, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, interessi moratorji mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sal-ħlas komplet mill-Kummissjoni u bir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali. Min-naħa l-oħra, kien hemm lok li din it-talba tiġi miċħuda sa fejn kienet intiża għall-għoti ta’ interessi moratorji mill‑1 ta’ Frar 2017.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem l-Qorti tal-Ġustizzja

    39

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu u tiċħad bħala infondati t-talba għal kumpens għad-danni ta’ Printeos u l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 90(4)a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, imqajma minnha, kif ukoll bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, infondata, it-talba għall-annullament taż-żewġ messaġġi elettroniċi tas‑26 ta’ Jannar 2017, u

    tikkundanna lil Printeos għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    40

    Printeos titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell;

    fin-nuqqas, tiddeċiedi fuq il-mertu, tilqa’ t-talba għal kumpens għad-danni tagħha, billi tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 184 592.95 flimkien mal-interessi moratorji mid-data tal-preżentata tar-rikors fil-Kawża T‑201/17, jiġifieri l‑31 ta’ Marzu 2017, sal-ħlas effettiv ta’ dawn l-interessi;

    sussidjarjament, fil-każ ta’ ċaħda tat-talba għal kumpens għad-danni tagħha, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kif tinsab fiż-żewġ messaġġi elettroniċi tas-26 ta’ Jannar 2017, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    41

    Permezz tal-appell inċidentali tagħha, Printeos titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla parzjalment il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, dwar iż-żieda tal-kumpens ta’ EUR 184 592.95 bħala interessi moratorji mid-data tal-għoti tal-imsemmija sentenza u, filwaqt li tiddeċiedi fuq il-mertu, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ interessi moratorji fuq dan il-kumpens, ikkalkolati bir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, mid-data tal-preżentata tar-rikors, jiġifieri l‑31 ta’ Marzu 2017, sal-ħlas effettiv ta’ dawn l-interessi, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    42

    Il-Kummissjoni titlob li l-appell inċidentali jiġi miċħud bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, infondat u li Printeos tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati miegħu.

    Fuq l-appell

    43

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka ħames aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ne ultra petita, it-tieni wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 266 TFUE, it-tielet wieħed, fuq l-ommissjoni mill-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni l-qafas leġiżlattiv ġdid fil-qasam tal-kompetizzjoni, ir-raba’ wieħed, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali.

    44

    Għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, l-ewwel aggravju, sussegwentement, b’mod konġunt it-tieni u t-tielet aggravju, imbagħad il-ħames aggravju u, fl-aħħar lok, ir-raba’ aggravju.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ne ultra petita

    L-argumenti tal-partijiet

    45

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha meta awtorizzat lil Printeos tbiddel is-suġġett tat-tilwima. Hija tfakkar li, matul il-proċedura kollha quddiem il-Qorti Ġenerali u sal-fażi tal-mistoqsijiet waqt is-seduta, Printeos talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallasha somma kklassifikata minnha bħala “interessi kumpensatorji”. Kien biss bi tweġiba għal mistoqsija f’dan is-sens mill-Qorti Ġenerali li Printeos ikklassifikat mill-ġdid din is-somma bħala li tirrappreżenta “interessi moratorji”.

    46

    Il-Kummissjoni tqis, għalhekk, li, billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li teżamina l-kapijiet tat-talbiet ta’ parti kif ifformulati fl-atti tagħha, mingħajr ma tbiddel la s-suġġett u lanqas is-sustanza tagħhom u ddeċidiet ultra petita.

    47

    Printeos tammetti li hija wettqet klassifikazzjoni mill-ġdid tal-interessi mitluba fir-rikors tagħha bl-istedina espressa tal-Qorti Ġenerali, iżda tenfasizza li din kienet biss sempliċi bidla fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-interessi li hija talbet, mingħajr influwenza fuq il-petitum tar-rikors tagħha, intiż għall-ħlas ta’ EUR 184 592.95, jiġifieri s-somma eżatta msemmija fid-dispożittiv tas-sentenza appellata.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    48

    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Printeos talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta’ EUR 184 592.95 bħala interessi, ikklassifikati minnha bħala “kumpensatorji”, li hija tallega li kellha dritt għalihom għall-perijodu mid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa li ġiet imposta fuqha permezz tad-Deċiżjoni tal-2014 sad-data tar-rimbors tal-ammont ta’ din il-multa mill-Kummissjoni.

    49

    Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 32 tas-sentenza appellata, bħala tweġiba għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, Printeos ikkonfermat li t-termini “interessi kumpensatorji”, użati fir-rikors tagħha, kellhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal “interessi moratorji”, fis-sens tas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punt 30).

    50

    Skont il-Kummissjoni, li tibbaża ruħha f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Ori Martin vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C‑463/17 P, EU:C:2018:411, punt 18), billi aċċettat il-klassifikazzjoni mill-ġdid, minn Printeos, tal-interessi li hija talbet, il-Qorti Ġenerali approvat bidla pprojbita tas-suġġett tat-tilwima, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni u, konsegwentement, iddeċidiet ultra petita.

    51

    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali osservat tajjeb l-obbligu, li jirreferi għalih il-punt 18 tas-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Ori Martin vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C‑463/17 P, EU:C:2018:411), li teżamina d-diversi kapijiet tat-talbiet u motivi mressqa mir-rikorrenti, kif ifformulati fl-atti tagħha, mingħajr ma tibdel la s-suġġett u lanqas is-sustanza tagħhom.

    52

    Fil-fatt, sabiex tassenja lil Printeos interessi li hija kklassifikat bħala “moratorji”, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq il-fatti allegati minn Printeos fir-rikors tagħha, jiġifieri l-ħlas provviżorju tal-multa inkwistjoni, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2014 permezz tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722), u l-obbligu tal-Kummissjoni li tirrimborsa, fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, il-multa mħallsa provviżorjament.

    53

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali assenjat lil Printeos, bħala interessi, l-ammont eżatt mitlub minnha fir-rikors tagħha. Hekk kif jirriżulta mill-punt 74 tas-sentenza appellata, hija ċaħdet, bħala tardiva u li tmur kontra l-prinċipju tal-immutabbiltà tat-talbiet tal-partijiet, talba ta’ Printeos intiża għaż-żieda tar-rata tal-interessi li għandha tintuża għall-kalkolu tal-interessi mitluba, meta mqabbla mar-rata mitluba fir-rikors tagħha.

    54

    Ċertament, il-Qorti Ġenerali tat lill-interessi mitluba minn Printeos klassifikazzjoni differenti minn dik użata minnha. Madankollu, billi għamlet hekk, hija sempliċement applikat il-klassifikazzjoni legali li kien jidhrilha xierqa għall-fatti allegati minn Printeos, b’mod konformi mal-prinċipju iura novit curia.

    55

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji huwa intiż li jikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa ċ-ċaħda ta’ tgawdija ta’ ammont riċevibbli u jħeġġeġ lid-debitur li jeżegwixxi, fl-iqsar termini possibbli, l-obbligu tiegħu li jħallas dan l-ammont riċevibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International, C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punt 30). Tali obbligu jista’ jiġi previst biss meta l-ammont riċevibbli prinċipali jkun ċert fir-rigward tal-ammont tiegħu jew tal-inqas determinabbli abbażi ta’ elementi oġġettivi stabbiliti.

    56

    Fir-rigward tal-interessi kumpensatorji, din il-kategorija ta’ interessi hija intiża li tikkumpensa l-mogħdija taż-żmien sal-evalwazzjoni ġudizzjarja tal-ammont tad-dannu, indipendentement minn kull dewmien imputabbli lid-debitur. Għaldaqstant, hija taqa’ taħt il-kontenzjuż tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 266 u tal-Artikolu 340 TFUE (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International, C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punt 37).

    57

    Sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatti allegati minn Printeos fir-rikors tagħha, jekk jitqiesu stabbiliti, kienu jiġġustifikaw il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas lil din il-kumpannija tal-ammont mitlub minn din tal-aħħar bħala interessi moratorji, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, huwa mingħajr ma tikser il-prinċipju ne ultra petita li hija setgħet tikklassifika mill-ġdid it-talba intiża għall-ħlas ta’ dan l-ammont bħala intiża għall-ħlas ta’ interessi moratorji, fatt li, barra minn hekk, Printeos innifisha kkonfermat fi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali

    58

    Fil-fatt, għalkemm għandha tagħti deċiżjoni biss fuq it-talba tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-kuntest tat-tilwima, il-qorti ma tistax tkun marbuta biss mill-argumenti mqajma minnhom insostenn tat-talbiet tagħhom, għax altrimenti jkollha, jekk ikun il-każ, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API et u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma għalhekk differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Ori Martin vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C‑463/17 P, EU:C:2018:411), invokata mill-Kummissjoni. Hekk kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, f’dik il-kawża l-Qorti Ġenerali kienet eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-konvenuta kinitx wettqet irregolarità differenti minn dik allegata mir-rikorrenti fir-rikors tagħha.

    60

    Min-naħa l-oħra, hekk kif diġà ġie rrilevat, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha esklużivament fuq il-fatti allegati minn Printeos sabiex tassenjalha l-ammont eżatt li hija talbet permezz tar-rikors tagħha. B’dan il-mod, hija la tat il-kunsens tagħha għal bidla pprojbita tas-suġġett tat-tilwima fil-mori tal-kawża u lanqas kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni.

    61

    Għalhekk, l-ewwel aggravju ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni u t-tielet aggravju bbażati, rispettivament, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 266 TFUE u fuq l-ommissjoni mill-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv ġdid fil-qasam tal-kompetizzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    62

    Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE kien jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu, assolut u inkundizzjonat, li tħallas interessi moratorji, mid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa inkwistjoni. Din l-interpretazzjoni tirriżulta minn qari żbaljat tal-ġurisprudenza kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Qorti Ġenerali stess.

    63

    Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tesponi li mill-Artikolu 266 TFUE jirriżulta li l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat hija obbligata li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament. Issa, l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 jikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu, fil-każijiet ta’ multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Peress li hija adottat deċiżjoni ġdida wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2014 u billi applikat l-Artikolu 90 ta’ dan ir-Regolament ta’ Delega, fir-rigward tar-rimbors tal-multa inkwistjoni, il-Kummissjoni tqis li hija kkonformat ruħha b’mod sħiħ mal-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 266 TFUE. Fil-fehma tagħha, fir-rigward ta’ dan l-Artikolu 90, li l-adozzjoni tiegħu hija sussegwenti għall-fatti inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2015:83), it-tagħlim ta’ din is-sentenza għandu jiġi kkwalifikat.

    64

    Il-Kummissjoni tqis li hija kellha tħallas interessi moratorji lil Printeos biss fil-każ ta’ dewmien fir-rimbors tal-multa mħallsa minnha, wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2014. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kisret, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, l-essenza u l-iskop tal-interessi moratorji, li huma intiżi li jinċentivaw lid-debitur jissodisfa l-obbligu ta’ ħlas mingħajr dewmien tiegħu. Il-Qorti Ġenerali fixklet l-interessi moratorji u l-interessi kumpensatorji, kif jixhed dwar dan il-punt 56 tas-sentenza appellata, u wettqet, fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, qari żbaljat tal-punt 30 tas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2015:83). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li hija kienet obbligata tħallas interessi kumpensatorji biss fil-każ ta’ inflazzjoni monetarja bejn id-data tal-ħlas ta’ din il-multa u dik tar-rimbors tagħha. Issa, f’dan il-każ, ma kienx hemm inflazzjoni simili.

    65

    Printeos tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u tiddikjara li żżomm l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, li hija kienet qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    66

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta s-somom ikunu nġabru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, minn dan id-dritt jirriżulta obbligu li jitħallsu lura bl-interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 26).

    67

    Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta somom ikunu nġabru b’applikazzjoni ta’ att tal-Unjoni ddikjarat invalidu jew annullat mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Wortmann, C‑365/15, EU:C:2017:19, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-annullament, mill-qorti tal-Unjoni, ta’ att li kien implika l-ħlas ta’ somma lill-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħlas ta’ interessi moratorji jikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, sa fejn hija intiża li tikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa ċ-ċaħda ta’ tgawdija ta’ ammont riċevibbli u tħeġġeġ lid-debitur li jeżegwixxi, fl-iqsar termini possibbli, is-sentenza ta’ annullament (sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International, C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punt 30).

    69

    Għaldaqstant, billi esponiet, essenzjalment, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk esposti fil-punti 66 sa 68 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi.

    70

    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt sekondarju, din għandha tiġi interpretata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, b’mod partikolari l-Artikolu 266 TFUE.

    71

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali korrettament qieset, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li dan l-Artikolu 90 ma kienx jipprekludi lill-Kummissjoni milli tonora l-obbligu tagħha li tħallas interessi moratorji.

    72

    Fil-fatt, l-Artikolu 90(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 jipprevedi li l-Kummissjoni tinvesti l-ammonti mħallsa provviżorjament f’assi finanzjarji, u b’hekk jiġu żgurati s-sigurtà u l-likwidità tal-flejjes, filwaqt li timmira wkoll li tipproduċi redditu pożittiv. Barra minn hekk, skont il-punt (a) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, jekk il-multa jew is-sanzjoni inkwistjoni tkun ġiet annullata jew imnaqqsa, wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji kollha, l-ammonti indebitament miġbura għandhom jiġu rrimborsati flimkien mal-imgħax iġġenerat.

    73

    Għalhekk, mill-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 ma jirriżultax li, meta l-Kummissjoni tkun obbligata tirrimborsa l-ammont ta’ multa mħallsa provviżorjament, hija tkun, fi kwalunkwe każ, eżentata mill-obbligu li żżid ma’ dan l-ammont l-interessi moratorji.

    74

    Ċertament, għalkemm l-“imgħax iġġenerat” li l-Kummissjoni hija obbligata, b’mod konformi mal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, li tħallas lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħar-rimbors tal-kapital imħallas indebitament minnha huwa ugwali jew iktar mill-interessi moratorji dovuti għal dan il-kapital, il-Kummissjoni ma għandhiex tħallas lill-persuna kkonċernata, minbarra l-imgħax iġġenerat, interessi moratorji.

    75

    Madankollu, dan ma huwiex il-każ fl-ipoteżi fejn l-imgħax iġġenerat ikun ta’ ammont inqas minn dak tal-interessi moratorji dovuti, jew saħansitra meta ma jkunx hemm imgħax iġġenerat, peress li r-redditu fuq il-kapital investit kien negattiv.

    76

    F’din l-ipoteżi, sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE, il-Kummissjoni hija obbligata tħallas lill-persuna kkonċernata d-differenza bejn l-ammont tal-“imgħax iġġenerat”, fis-sens tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, u dak tal-interessi moratorji dovuti għall-perijodu mid-data tal-ħlas tas-somma inkwistjoni sad-data tar-rimbors tagħha.

    77

    F’dan il-każ, peress li huwa paċifiku li l-investiment, mill-Kummissjoni, tal-ammont tal-multa mħallsa minn Printeos b’eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-2014 ma pproduċiex interessi, il-Qorti Ġenerali korrettament iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet obbligata żżid l-interessi mar-rimbors ta’ dan l-ammont lil Printeos, wara l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 jostakolaha.

    78

    Il-Qorti Ġenerali kienet ukoll korretta meta kklassifikat dawn l-interessi bħala “moratorji”. Fil-fatt, dawn kienu interessi li kellhom jakkumpanjaw il-ħlas ta’ ammont riċevibbli prinċipali ċert fir-rigward tal-ammont tiegħu, jiġifieri l-ammont tal-multa imposta fuq Printeos permezz tad-Deċiżjoni tal-2014, li din kienet ħallset provviżorjament u li kellu jiġi rrimborsat lilha wara l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, l-interessi dovuti f’tali ipoteżi huma interessi moratorji.

    79

    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma fixklitx, fis-sentenza appellata, l-interessi moratorji u l-interessi kumpensatorji. Sa fejn l-ammont riċevibbli prinċipali li kellu jiġi rrimborsat lil Printeos kien ċert u ma kellux ikun suġġett għal evalwazzjoni ġudizzjarja, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 ta’ din is-sentenza jirriżulta li f’dan il-każ, ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ ħlas ta’ interessi kumpensatorji.

    80

    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma humiex ikkontestati mis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672), invokata mill-Kummissjoni fl-atti tagħha.

    81

    Mill-punt 56 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-interessi moratorji li għandhom jitħallsu lil impriża li ħallset multa imposta mill-Kummissjoni, wara l-annullament ta’ din il-multa, din l-istituzzjoni għandha tapplika r-rata ffissata għal dan il-għan mir-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Issa, dan ma huwiex riferiment għall-Artikolu 90 ta’ dan ir-regolament, li ma jsemmi ebda rata ta’ interessi, iżda għall-Artikolu 83 tal-imsemmi regolament, li jiffissa r-rata tal-interessi għall-ammonti riċevibbli mhux irrimborsati fid-data ta’ skadenza.

    82

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 54 tas-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672), fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni li tirrigwarda r-rimbors, lill-impriża kkonċernata, tal-parti tal-multa annullata mill-qorti tal-Unjoni, flimkien mal-interessi moratorji li l-ammont tagħhom ma kienx ġie kkontestat minn din l-impriża.

    83

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba biss tiddetermina jekk din l-assenza ta’ kontestazzjoni kinitx tipprekludi lill-imsemmija impriża milli tippreżenta rikors għad-danni, sabiex tikseb il-kumpens għad-dannu bbażat fuq ċaħda tat-tgawdija tas-somma mħallsa indebitament mhux koperta mill-ammont li jikkorrispondi għall-interessi moratorji li għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni, kwistjoni li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet fin-negattiv (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 64).

    84

    L-argument tal-Kummissjoni li l-obbligu tagħha li tirrimborsa l-multa mħallsa provviżorjament inħoloq biss fid-data tal-għoti tas-sentenza li tannulla din il-multa, b’tali mod li interessi moratorji, ikkalkolati mid-data tal-ħlas provviżorju tal-imsemmija multa, ma jistgħux jikkostitwixxu inċentiv li “[t]eżeġwixxi, malajr kemm jista’ jkun, is-sentenza ta’ annullament”, fis-sens tal-punt 30 tas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2015:83), lanqas ma jista’ jintlaqa’.

    85

    Minn naħa, dan l-inċentiv huwa biss wieħed miż-żewġ għanijiet tal-ħlas ta’ interessi moratorji previsti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza. Issa, l-assenjazzjoni ta’ interessi moratorji mid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa inkwistjoni għandha l-għan l-ieħor previst mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-impriża li tkun ħallset din il-multa għaċ-ċaħda tat-tgawdija tal-fondi tagħha matul il-perijodu mid-data tal-ħlas provviżorju tal-imsemmija multa sad-data tar-rimbors tagħha.

    86

    Min-naħa l-oħra, l-obbligu, fil-każ ta’ annullament ta’ deċiżjoni li kienet implikat il-ħlas, b’mod provviżorju, ta’ somma bħal multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, li tiġi rrimborsata s-somma mħallsa flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati mid-data tal-ħlas ta’ din is-somma jikkostitwixxi inċentiv għall-istituzzjoni kkonċernata sabiex turi attenzjoni partikolari waqt l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet, li jistgħu jimplikaw, għal individwu, l-obbligu li jħallas immedjatament somom kunsiderevoli.

    87

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni u t-tielet aggravju ma humiex fondati u li għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali

    L-argumenti tal-partijiet

    88

    Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret il-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali meta kkunsidrat li hija kienet obbligata tħallas lil Printeos interessi fuq l-ammont tal-multa li għandha tiġi rrimborsata, ikkalkolati fuq bażi differenti minn dik prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-2014. Hija tenfasizza li din id-dispożizzjoni ma ġietx ikkontestata minn Printeos u hija, għalhekk, definittiva. Barra minn hekk, hija ttenni l-argument tagħha espost fil-kuntest tat-tielet u tar-raba’ aggravju, li hija ma hijiex obbligata tħallas interessi lil Printeos, sa fejn, sa mill-annullament tad-Deċiżjoni tal-2014, hija rrimborsat fil-pront il-multa mħallsa minnha u sa fejn ma kienx hemm inflazzjoni monetarja matul il-perijodu mid-data tal-ħlas ta’ din il-multa sad-data tar-rimbors tagħha.

    89

    Printeos tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u tqis li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    90

    Hemm lok li jiġi miċħud mill-bidu, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-eżami tat-tieni u tat-tielet aggravju, l-argument tal-Kummissjoni bbażat, minn naħa, fuq il-fatt li hija rrimborsat fil-pront il-multa mħallsa minn Printeos wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2014 u, min-naħa l-oħra, l-allegata assenza ta’ inflazzjoni monetarja bejn id-data tal-ħlas ta’ din il-multa u d-data tar-rimbors tagħha. Fil-fatt, din hija biss repetizzjoni tal-argumenti diġà eżaminati u miċħuda fil-kuntest tal-analiżi ta’ dawn iż-żewġ aggravji.

    91

    L-argument tal-Kummissjoni li, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-2014 la ġie kkontestat minn Printeos u lanqas ġie annullat mill-Qorti Ġenerali, hija obbligata tħallas lil din il-kumpannija interessi biss taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, imsemmi f’dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3), lanqas ma jista’ jintlaqa’.

    92

    Għandu jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-2014 jirrigwarda biss il-kundizzjonijiet li skont dawn, fil-każ ta’ preżentata ta’ rikors minn impriża msemmija minn din id-deċiżjoni, din l-impriża għandha tkopri l-ammont tal-multa fid-data ta’ skadenza, jew billi tipprovdi garanzija finanzjarja aċċettabbli, jew billi tħallas provviżorjament l-ammont tal-multa b’mod konformi mal-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax il-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni, fil-każ ta’ annullament tal-imsemmija deċiżjoni, tirrimborsa l-ammont tal-multa mħallsa provviżorjament mill-imsemmija impriża, flimkien mal-interessi.

    93

    Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-2014 sempliċement itenni dak li diġà jirriżulta mill-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 71 ta’ din is-sentenza, dan l-aħħar artikolu ma jistax jeżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tħallas interessi moratorji lil impriża fis-sitwazzjoni ta’ Printeos.

    94

    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 68 ta’ din is-sentenza, l-obbligu tal-Kummissjoni, fil-każ ta’ annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, li tirrimborsa l-ammont tal-multa mħallsa provviżorjament flimkien mal-interessi moratorji għall-perijodu mid-data tal-ħlas provviżorju ta’ din il-multa sad-data tar-rimbors tagħha jirriżulta direttament mill-Artikolu 266 TFUE.

    95

    Isegwi li l-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza sabiex tistabbilixxi, permezz ta’ deċiżjoni individwali, il-kundizzjonijiet li fihom hija ser tħallas interessi moratorji fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni li imponiet multa li kienet tħallset provviżorjament.

    96

    Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    97

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li r-rifjut li jitħallsu interessi fuq l-ammont tal-multa imposta fuq Printeos, għall-perijodu mid-data tal-ħlas ta’ din il-multa provviżorjament sad-data tar-rimbors tagħha, kien jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 266 TFUE, li kkawża lil Printeos dannu ċert u kwantifikabbli li hija kienet obbligata tikkumpensa.

    98

    Il-Kummissjoni ttenni, f’dan il-kuntest, l-argument tagħha mressaq fil-kuntest tal-aggravji l-oħra, li jgħid li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 266 TFUE u ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-2014, mhux ikkontestat minn Printeos, u, min-naħa l-oħra, ma kienx hemm inflazzjoni monetarja bejn id-data tal-ħlas tal-multa inkwistjoni u d-data tar-rimbors tagħha.

    99

    Hija żżid li, fi kwalunkwe każ, Printeos ma wrietx li hija sofriet dannu minħabba l-ħlas provviżorju tal-multa li ġiet imposta fuqha permezz tad-Deċiżjoni tal-2014. B’mod partikolari, Printeos la sostniet, matul il-proċedura amministrattiva, inkapaċità li tħallas din il-multa, u lanqas ma stabbilixxiet li kien għal din ir-raġuni li hija kellha tirrikorri għal finanzjament estern. Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li kuntrarjament għal dak li huwa indikat fil-punt 73 tas-sentenza appellata, hija fl-ebda mument ma aċċettat l-ammont li jista’ jiġi kkumpensat mitlub minn Printeos u lanqas, wisq inqas, it-titolu li bih dan l-ammont intalab minn din tal-aħħar.

    100

    Printeos tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u tqis li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    101

    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, sa fejn, fil-kuntest tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni ttenni argumenti li hija diġà ressqet fil-kuntest tal-aggravji l-oħra, diġà eżaminati, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk li jiġġustifikaw iċ-ċaħda ta’ dawn l-aggravji.

    102

    Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati biss l-argumenti tal-Kummissjoni li n-nuqqas tagħha li tħallas interessi moratorji lil Printeos ma jikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 266 TFUE u ma kkawża ebda dannu lil din tal-aħħar.

    103

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta istituzzjoni tal-Unjoni tiddisponi biss minn marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux ineżistenti, il-ksur sempliċi tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dan id-dritt, li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 44, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 47).

    104

    Issa, mill-punti 67 u 68 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2014, il-Kummissjoni kienet obbligata tirrimborsa lil Printeos l-ammont tal-multa mħallsa provviżorjament, flimkien mal-interessi moratorji, u ma kellha ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-opportunità li tħallas tali interessi.

    105

    Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tħallas tali interessi lil Printeos, huwa evidenti li din tal-aħħar sofriet dannu ugwali għall-ammont tal-interessi mhux miġbura. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkundannat lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ dan l-ammont.

    106

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud, l-istess bħall-appell fl-intier tiegħu.

    Fuq l-appell inċidentali

    L-argumenti tal-partijiet

    107

    Printeos tfakkar li, billi kkunsidrat it-tieni kap tat-talbiet tagħha, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li tassenjalha interessi moratorji, ikkalkolati bir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, fuq l-ammont ta’ EUR 184 592.95, biss mill-għoti ta’ din is-sentenza u sal-ħlas komplet mill-Kummissjoni u mhux, kif hija talbet, mill-1 ta’ Frar 2017, data tar-rimbors tal-multa inkwistjoni.

    108

    Issa, skont Printeos, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fis-sentenza appellata dwar l-interessi moratorji applikabbli għall-ammont tal-multa li kellu jiġi rrimborsat, il-Qorti Ġenerali kellha tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ interessi moratorji fuq il-kumpens ta’ EUR 184 592.95 mid-data tar-rimbors tal-multa mħallsa indebitament jew, l-iktar tard, mid-data tal-preżentata tar-rikors, jiġifieri l‑31 ta’ Marzu 2017.

    109

    Għaldaqstant, Printeos titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tassenjalha interessi moratorji, bir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, fuq l-ammont ta’ EUR 184 592.95 mid-data tal-preżentata tar-rikors fil-Kawża T‑201/17, jiġifieri l‑31 ta’ Marzu 2017.

    110

    Il-Kummissjoni twieġeb, prinċipalment, li l-appell inċidentali huwa inammissibbli, peress li jimplika bidla tat-talbiet imressqa minn Printeos quddiem il-Qorti Ġenerali.

    111

    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-appell inċidentali ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud, peress li, għall-motivi esposti fl-appell tagħha, Printeos ma għandhiex dritt għal interessi. Hija żżid li Printeos tiżbalja meta tallega li s-somma ta’ EUR 184 592.95 kienet likwida, peress li l-uniku ammont li kien likwidu u ddeterminat qabel il-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kien dak tal-multa mħallsa provviżorjament minn Printeos. Għaldaqstant, l-interessi li dan l-ammont seta’ jipproduċi kienu ġew iffissati biss fis-sentenza appellata, barra minn hekk b’mod żbaljat.

    112

    Skont il-Kummissjoni, l-interessi mitluba minn Printeos abbażi tat-tieni kap tat-talbiet tagħha mressaq quddiem il-Qorti Ġenerali huma interessi fuq l-interessi. Issa, mis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punti 54 u 76) jirriżulta li l-kapitalizzazzjoni tal-interessi ma hijiex iġġustifikata.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    113

    L-ewwel nett hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell inċidentali mqajma mill-Kummissjoni.

    114

    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mis-sentenza appellata, permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Printeos talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallasha interessi fuq l-ammont ta’ EUR 184 592.95 għall-perijodu mill‑1 ta’ Frar 2017 sad-data tal-ħlas effettiv ta’ dan l-ammont.

    115

    Dan il-perijodu jinkludi l-perijodu mill‑31 ta’ Marzu 2017, data tal-preżentata tar-rikors ta’ Printeos quddiem il-Qorti Ġenerali, sad-data tal-ħlas effettiv tal-ammont prinċipali mitlub minn dan ir-rikors.

    116

    Minn dan isegwi li, billi talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, wara annullament parzjali tas-sentenza appellata, li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ interessi fuq l-ammont ta’ EUR 184 592.95 għall-perijodu msemmi fil-punt preċedenti, Printeos ma bidlitx is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali. Hija sempliċement irtirat parti mit-tieni kap tat-talbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-parti li kienet tikkonċerna l-ħlas ta’ interessi għall-perijodu mill‑1 ta’ Frar sal‑31 ta’ Marzu 2017.

    117

    L-appell inċidentali huwa, għaldaqstant, ammissibbli u għandu jiġi eżaminat fir-rigward tal-mertu. Madankollu, sa fejn Printeos tikkontesta ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tat-talba tagħha għall-ħlas tal-interessi fuq l-ammont prinċipali mitlub permezz tar-rikors tagħha unikament għall-perijodu mill‑31 ta’ Marzu 2017, data tal-preżentata tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li jsir riferiment biss għal dan il-perijodu.

    118

    Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li għandhom jiġu assenjati lil Printeos interessi moratorji bir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sad-data tal-ħlas komplet mill-Kummissjoni, filwaqt li ċċitat is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L‑Unjoni Ewropea (T‑577/14, EU:T:2017:1, punti 178 u 179).

    119

    Fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li kien hemm lok li t-tieni kap tat-talbiet ta’ Printeos jiġi miċħud, sa fejn kien jirrigwarda l-għoti ta’ interessi moratorji mill‑1 ta’ Frar 2017.

    120

    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, minbarra r-riferiment għall-punti 178 u 179 tas-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L‑Unjoni Ewropea (T‑577/14, EU:T:2017:1), il-Qorti Ġenerali ma pprovdiet ebda motivazzjoni għaċ-ċaħda tat-talba ta’ Printeos imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 171 sa 173 tagħha, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea (T‑577/14, EU:T:2017:1), tikkonċerna każ differenti minn dak ta’ din il-kawża, sa fejn, f’din is-sentenza, ingħataw interessi kumpensatorji mid-data tal-preżentata tar-rikors, b’tali mod li l-għoti ta’ interessi moratorji għall-istess perijodu ma kienx iġġustifikat.

    121

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, fil-punti 54 u 76 tas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2015:83), il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx f’kull każ il-kapitalizzazzjoni tal-interessi li istituzzjoni tal-Unjoni għandha tħallas, iżda llimitat ruħha tikkonstata li ebda ċirkustanza partikolari tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kienet tiġġustifika kapitalizzazzjoni simili.

    122

    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-obbligu tal-Kummissjoni li żżid ma’ interessi moratorji r-rimbors tal-ammont tal-multa mħallsa provviżorjament minn Printeos jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata miegħu, b’mod partikolari s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punti 31 u 71).

    123

    Min-naħa l-oħra, mill-punti 22 u 25 tas-sentenza appellata jirriżulta li Printeos kienet fakkret b’mod ċar lill-Kummissjoni l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 266 TFUE u mill-ġurisprudenza relatata miegħu u talbet mhux biss ir-rimbors tal-ammont tal-multa li hija kienet ħallset provviżorjament, iżda wkoll il-ħlas tal-interessi fuq dan l-ammont, mid-data tal-ħlas tal-imsemmi ammont sad-data tar-rimbors tiegħu. Madankollu, il-Kummissjoni rrifjutat li tħallas tali interessi u llimitat ruħha sabiex tirrimborsa l-ammont ta’ din il-multa.

    124

    Dawn iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża kienu jiġġustifikaw il-kapitalizzazzjoni tal-interessi mitluba minn Printeos permezz tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali kapitalizzazzjoni, Printeos bl-ebda mod ma tkun ikkumpensata għaċ-ċaħda ta’ tgawdija, matul il-perijodu mid-data tal-preżentata tar-rikors tagħha sad-data tal-għoti tas-sentenza appellata, tal-ammont tal-interessi li hija kellha d-dritt għalih, b’mod konformi mal-Artikolu 266 TFUE, li tirċievi fl-istess ħin mar-rimbors tal-ammont tal-multa li hija kienet ħallset provviżorjament lill-Kummissjoni, u dan minkejja li hija kienet talbet b’mod ċar lil din tal-aħħar il-ħlas ta’ tali interessi, li hija rrifjutat li tħallas b’mod illegali.

    125

    Isegwi li, billi ċaħdet, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, it-tieni kap tat-talbiet ta’ Printeos, għall-perijodu mill-31 ta’ Marzu 2017, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    126

    Għaldaqstant, l-appell inċidentali għandu jintlaqa’ u l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat.

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    127

    B’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    128

    Dan huwa l-każ f’din il-kawża, fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikors ta’ Printeos.

    129

    Għar-raġunijiet esposti fil-punti 122 sa 124 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni kap tat-talbiet tar-rikors ta’ Printeos u li din tal-aħħar tiġi assenjata interessi moratorji fuq l-ammont ta’ EUR 184 592.95 mill‑31 ta’ Marzu 2017 sad-data tal-ħlas komplet mill-Kummissjoni, bir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, b’analoġija mal-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012.

    Fuq l-ispejjeż

    130

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn l-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    131

    F’dan il-każ, peress li Printeos talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li din tal-aħħar tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn Printeos relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑201/17 kif ukoll mal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il‑Kummissjoni (T‑201/17, EU:T:2019:81), huwa annullat.

     

    3)

    Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas interessi lil Printeos SA, ikkalkolati bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, fuq l-ammont ta’ EUR 184 592.95 għall-perijodu mill‑31 ta’ Marzu 2017 sad-data tal-ħlas komplet.

     

    4)

    Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑201/17 kif ukoll mal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dawk sostnuti minn Printeos SA dwar dawn l-istess proċeduri.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Fuq