Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0900

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Marzu 2021.
    Association One Voice u Ligue pour la protection des oiseaux vs Ministre de la Transition écologique et solidaire.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Artikoli 5 u 8 – Projbizzjoni li wieħed jirrikorri għal kwalunkwe metodu ta’ qbid tal-għasafar – Artikolu 9(1) – Awtorizzazzjoni sabiex isir użu b’deroga minn tali metodu stabbilit permezz ta’ użanza tradizzjonali – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra – Ġustifikazzjoni tal-assenza ta’ ‘soluzzjoni sodisfaċenti oħra’ permezz tas-sempliċi preżervazzjoni ta’ dan il-metodu tradizzjonali – Selettività tal-qbid – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-qbid ta’ għasafar permezz tal-użu ta’ kolla.
    Kawża C-900/19.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:211

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    17 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Artikoli 5 u 8 – Projbizzjoni li wieħed jirrikorri għal kwalunkwe metodu ta’ qbid tal-għasafar – Artikolu 9(1) – Awtorizzazzjoni sabiex isir użu b’deroga minn tali metodu stabbilit permezz ta’ użanza tradizzjonali – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra – Ġustifikazzjoni tal-assenza ta’ ‘soluzzjoni sodisfaċenti oħra’ permezz tas-sempliċi preżervazzjoni ta’ dan il-metodu tradizzjonali – Selettività tal-qbid – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-qbid ta’ għasafar permezz tal-użu ta’ kolla”

    Fil-Kawża C‑900/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

    One Voice,

    Ligue pour la protection des oiseaux

    vs

    Ministre de la Transition écologique et solidaire,

    fil-preżenza ta’:

    Fédération nationale des Chasseurs,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatriċi), M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal One Voice, minn A. Moreau, avukata,

    għall-Fédération nationale des Chasseurs, minn H. Farge u C. Waquet, avukati,

    għall-Gvern Franċiż, minn A. L. Desjonquères u E. Leclerc, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u F. Thiran, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Novembru 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, One Voice u l-Ligue pour la protection des oiseaux u, min-naħa l-oħra, il-ministre de la Transition écologique et solidaire (il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u Soċjali, Franza), rigward il-validità ta’ ħames digrieti tal‑24 ta’ Settembru 2018 dwar l-użu ta’ kolla għall-għall-qbid tal-merilli u mlievez suwed, intiżi sabiex jintużaw bħala għasafar tat-taħrik għall-istaġun tal-kaċċa 2018–2019 fid-Dipartimenti ta’ Alpes-de-Haute-Provence, ta’ Alpes-Maritimes, ta’ Bouches-du-Rhône, ta’ Vaucluse u ta’ Var (Franza) (JORF tas‑27 ta’ Settembru 2018, testi Nri 10 sa 13 u 15, iktar ’il quddiem id-“digrieti tal‑24 ta’ Settembru 2018”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat‑2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98):

    “L-Istati membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet ta’ l-artikoli 5 5, 6, 7 u 8, fejn ma hemmx ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

    […]

    (ċ)

    biex jippermetu, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, l-qabda, ż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar.”

    4

    Id-Direttiva dwar l-għasafar ikkodifikat id-Direttiva 79/409 u ħassritha.

    5

    Skont il-premessi 3 u 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar:

    “(3)

    Numru kbir ta’ speċi ta’ għasafar selvaġġi naturali li jinsabu fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri qed jonqsu fin-numru, f’ħafna każi b’mod mgħaġġel. Dan it-tnaqqis jirrapreżenta theddid serju għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali, partikolarment minħabba l-bilanċi bijoloġiċi mhedda minn dan.

    […]

    (5)

    Il-konservazzjoni tal-ispeċi tal-għasafar selvaġġi naturali li jinsabu fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri hija neċessarja biex jintlaħqu l-għanijiet tal-[Unjoni Ewropea] rigward it-tmexxija ’l quddiem tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u l-iżvilupp sostenibbli.”

    6

    L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

    “Din id-Direttiva hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.”

    7

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni tal-ispeċi kollha msemmija fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikularment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali.”

    8

    L-Artikolu 5 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment:

    a)

    il-qtil u l-qabda intenzjonata bi kwalunkwe metodu;

    […]”

    9

    L-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprevedi:

    “1.   Minħabba l-livell tal-popolazzjoni tagħhom, id-distribuzzjoni ġeografika u r-rata tar-riproduttività [fl-Unjoni], l-ispeċi elenkati fl-Anness II jistgħu jkunu suġġetti għall-kaċċa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kaċċa ta’ dawn l-ispeċi ma tfixkilx l-isforzi tal-konservazzjoni fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

    […]

    3.   L-ispeċi msemmija fl-Anness II, Parti B jistgħu jkunu suġġetti għal kaċċa biss fl-Istati Membri li jkunu indikati.”

    10

    Il-parti B tal-Anness II ta’ din id-direttiva ssemmi, b’mod partikolari, it-turdus merula (il-malvizz iswed), it-turdus pilaris (il-malvizzun tal-qtajja’), it-turdus philomelos (il-malvizz), it-turdus iliacus (il-malvizz aħmar) u t-turdus visorus (il-merill kbir).

    11

    L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “Dwar il-kaċċa, qabda jew qtil tal-għasafar taħt din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-mezzi, arranġamenti u l-metodi kollha użati għall-qabda jew qtil tal-għasafar fuq skala kbira jew mhux selettiva jew li jkunu kapaċi jikkawżaw l-għejbien lokali ta’ speċi, partikolarment l-użu ta’ dawk elenkati fl-Anness IV punt (a).”

    12

    Il-kolla tinsab fost il-mezzi ta’ qbid imsemmija fil-punt (a) tal-Anness IV tal-istess direttiva.

    13

    L-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet tal-Artikoli 5 sa 8, fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

    […]

    (c)

    biex jippermettu, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, il-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar.

    2.   Id-derogi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw:

    (a)

    l-ispeċi li huma suġġetti għad-derogi;

    (b)

    l-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi awtorizzati għall-qabda jew il-qtil;

    (c)

    il-kondizzjonjiet tar-riskju u ċ-ċirkostanzi taż-żmien u l-post skont liema derogi bħal dawn jistgħu jingħataw;

    (d)

    l-awtorità li jkollha s-setgħa li tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu sodisfatti u li tiddeċidi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jkunu użati, f’liema limiti u minn min;

    (e)

    il-kontrolli li se jkunu magħmula.”

    Id-dritt Franċiż

    14

    It-titolu II tal-Ktieb IV tal-code de l’environnement (il-Kodiċi Ambjentali), dwar il-kaċċa, jinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu IV, intitolat “Eżerċizzju tal-kaċċa”, u huwa nnifsu huwa maqsum f’sitt taqsimiet, bit-Taqsima 3 ddedikata għall-“[m]etodi u mezzi tal-kaċċa”. L-Artikolu L. 424–4 ta’ dan il-kodiċi, li jinsab fl-imsemmija taqsima, jipprovdi:

    “Fiż-żmien li fih tkun miftuħa l-kaċċa, il-permess jagħti lil min ikun kisbu d-dritt li jikkaċċja matul il-ġurnata, bis-snieter, bil-klieb tal-kaċċa, bil-qrun, jew bil-falkunerija, skont id-distinzjonijiet stabbiliti b’digrieti tal-Ministru responsabbli għall-kaċċa. Il-ġurnata hija ddefinita bħala l-ħin li jibda siegħa qabel tlugħ ix-xemx fil-belt kapitali tad-dipartiment u li jispiċċa siegħa wara nżul ix-xemx.

    […]

    Sabiex jippermetti, f’kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażi selettiva, il-kaċċa ta’ ċerti għasafar tal-passa f’numri żgħar, il-Ministru responsabbli għall-kaċċa jawtorizza, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minnu, l-użu tal-metodi u tal-mezzi tal-kaċċa stabbiliti permezz tal-użanzi tradizzjonali, li jidderogaw minn dawk awtorizzati mill-ewwel subparagrafu.

    […]

    Il-kolla titqiegħed siegħa qabel tlugħ ix-xemx u titneħħa qabel il-ħdax ta’ filgħodu.

    Il-mezzi l-oħra kollha tal-kaċċa, inklużi l-ajruplani u l-vetturi, anki bħala mezzi ta’ direzzjonar, huma pprojbiti.

    […]”

    15

    L-Artikolu 1 tad-digriet tas-Segretarju tal-Istat mal-Prim Ministru, responsabbli għall-ambjent u għall-prevenzjoni tar-riskji teknoloġiċi u naturali maġġuri, tas‑17 ta’ Awwissu 1989, dwar l-użu tal-kolla għall-qbid tal-merilli u tal-imlievez intiżi sabiex jintużaw bħala għasafar tat-taħrik fid-Dipartimenti ta’ Alpes-de-Haute-Provence, ta’ Alpes-Maritimes, ta’ Bouches-du-Rhône, ta’ Var u ta’ Vaucluse (Franza) (JORF tat‑13 ta’ Settembru 1989, p. 11560, iktar ’il quddiem id-“digriet tas‑17 ta’ Awwissu 1989”), jipprevedi:

    “Fid-Dipartimenti ta’ Alpes-de-Haute-Provence, ta’ Alpes-Maritimes, ta’ Bouches-du-Rhône, ta’ Var u ta’ Vaucluse, l-użu tal-kolla għall-qbid tal-merill kbir, tal-malvizzun tal-qtajja’, tal-malvizz aħmar u tal-malvizz iswed intiżi sabiex jintużaw bħala għasafar tat-taħrik għal finijiet personali, huwa awtorizzat sabiex jippermetti l-qbid selettiv ta’ dawn l-għasafar f’numri żgħar, u fil-kundizzjonijiet strettament ikkontrollati kif ddefiniti hawn taħt, billi ma teżisti l-ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra.”

    16

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet:

    “Il-kolla tista’ tibqa’ mwaħħla biss fil-preżenza tal-kaċċatur. Kull għasfur maqbud għandu jitnaddaf immedjatament.”

    17

    L-Artikolu 6 tal-imsemmi digriet jipprovdi:

    “In-numru massimu ta’ għasafar li jistgħu jinqabdu matul l-istaġun kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-regoli tekniċi għal kull dipartiment, għandhom jiġu stabbiliti kull sena mill-Ministru responsabbli għall-kaċċa.”

    18

    L-Artikolu 11 tal-istess digriet jispeċifika:

    “Kull kaċċa maqbuda b’mod aċċidentali, bl-eċċezzjoni tal-merill il-kbir, tal-malvizzun tal-qtajja’, tal-malvizz aħmar, tal-malvizz u tal-malvizz iswed għandha titnaddaf u tiġi meħlusa immedjatament.”

    19

    B’applikazzjoni tad-digriet tas‑17 ta’ Awwissu 1989, il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u Soċjali, permezz tad-digrieti tal‑24 ta’ Settembru 2018, stabbilixxa rispettivament għal 2900 fid-Dipartiment ta’ Alpes-de-Haute-Provence, 400 fid-Dipartiment ta’ Alpes-Maritimes, 11400 fid-Dipartiment ta’ Bouches-du-Rhône, 15600 fid-Dipartiment ta’ Vaucluse u 12200 fid-Dipartiment ta’ Var, in-numru massimu ta’ merilli jew ta’ mlievez suwed intiżi sabiex iservu bħala għasafar tat-taħrik li jistgħu jinqabdu bl-użu tal-kolla għall-istaġun tal-kaċċa 2018‑2019.

    It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    20

    One Voice adixxiet lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) b’ħames rikorsi intiżi għall-annullament tad-digrieti tal‑24 ta’ Settembru 2018 kif ukoll sabiex il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u Soċjali jiġi ordnat iħassar id-digriet tas‑17 ta’ Awwissu 1989. Il-Ligue pour la protection des oiseaux adixxiet lil din l-istess qorti b’ħames rikorsi intiżi għall-annullament tad-digrieti tal‑24 ta’ Settembru 2018. Dawn id-diversi rikorsi ġew magħquda mill-qorti tar-rinviju.

    21

    Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali essenzjalment sostnew, b’mod partikolari, li d-digriet tas‑17 ta’ Awwissu 1989, li b’applikazzjoni tiegħu ġew adottati d-digrieti tal‑24 ta’ Settembru 2018, jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, b’mod partikolari sa fejn jawtorizza l-użu ta’ metodu ta’ kaċċa tradizzjonali mhux selettiv, jiġifieri l-użu tal-kolla, mingħajr ġustifikazzjoni, barra minn hekk, għall-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra. Minbarra dan, il-Ligue pour la protection des oiseaux issostni li d-digrieti tal‑24 ta’ Settembru 2018 jiksru wkoll din id-direttiva sa fejn huma jawtorizzaw il-qbid ta’ għasafar f’kundizzjonijiet mhux strettament ikkontrollati u mingħajr ma huwa muri li l-qbid awtorizzat huwa limitat għal numri żgħar.

    22

    Il-qorti tar-rinviju tosserva, fl-ewwel lok, li, fis-sentenza tas‑27 ta’ April 1988, Il‑Kummissjoni vs Franza (252/85, EU:C:1988:202), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mid-digriet tas‑27 ta’ Lulju 1982, li minnhom dawk tad-digriet tas‑17 ta’ Awwissu 1989 ma humiex sostanzjalment differenti, kienu kompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva 79/409 u, b’mod partikolari, li ma kinux jiksru r-rekwiżit ta’ “użu meqjus ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar” fid-dawl tan-“natura preċiża ħafna” tad-dispożizzjonijiet li huma kienu jipprevedu.

    23

    Madankollu, din il-qorti tosserva li, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Malta (C‑557/15, EU:C:2018:477), li ngħatat wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 3 TUE u tal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza proċess ieħor ta’ kaċċa tradizzjonali ma kinitx tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet mitluba fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar sabiex tkun tista’ tidderoga mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, jiġifieri n-natura selettiva tal-metodu ta’ qbid ikkonċernat, billi bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ “qabdiet inċidentali” mingħajr ma speċifikat id-daqs ta’ dawn il-qabdiet inċidentali.

    24

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Istati Membri jawtorizzaw l-użu ta’ mezzi, ta’ apparat, ta’ metodi ta’ qbid jew ta’ qtil li jistgħu jwasslu, anki jekk b’mod minimu u strettament temporanju, għal qabdiet inċidentali. Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, ikollu jiġi ddeterminat liema huma l-kriterji, relatati b’mod partikolari mal-proporzjon jew mad-daqs limitat ta’ dawn il-qabdiet inċidentali, jew man-natura fil-prinċipju mhux letali tal-proċess tal-kaċċa awtorizzat u mal-obbligu li jinħelsu mingħajr ħsarat serji l-kampjuni maqbuda b’mod aċċidentali, li jistgħu jiġu applikati sabiex il-kriterju ta’ selettività stabbilit minn dawn id-dispożizzjonijiet jitqies bħala issodisfatt.

    25

    Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, għalkemm fis-sentenza tas‑27 ta’ April 1988, Il‑Kummissjoni vs Franza (252/85, EU:C:1988:202), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-użu tal-kolla għall-qbid ta’ merilli, metodu ta’ kaċċa stabbilit permezz ta’ użanza tradizzjonali f’ċerti dipartimenti Franċiżi, ma kienx jikser ir-rekwiżiti tad-Direttiva 79/409, riprodotti mid-Direttiva dwar l-għasafar, hija madankollu qieset, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Malta (C‑557/15, EU:C:2018:477), li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva tal-aħħar jimponu motivazzjoni preċiża u adegwata fir-rigward tal-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra għad-deroga mogħtija minn Stat Membru.

    26

    Peress li d-digriet tas‑17 ta’ Awwissu 1989 jiddikjara li, fid-dawl tal-fatt li l-metodu tal-kaċċa bil-kolla huwa stabbilit, fid-dipartimenti kkonċernati, permezz tal-użanzi tradizzjonali, “ma teżisti ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra”, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk id-Direttiva dwar l-għasafar għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-għan li jiġi ppreżervat l-użu ta’ metodi u mezzi tal-kaċċa għall-għasafar stabbiliti permezz tal-użanzi tradizzjonali, għal finijiet rikreattivi, u sa fejn il-kundizzjonijiet l-oħra kollha stabbiliti għal tali deroga mill-Artikolu 9(1)(c) tagħha jkunu ssodisfatti, jista’ jiġġustifika minnu nnifsu l-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, u jippermetti b’dan il-mod li ssir deroga mill-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ dawn il-metodi u mezzi tal-kaċċa, stabbilit fl-Artikolu 8 ta’ din.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet ta[l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-Istati Membri milli jawtorizzaw l-użu ta’ mezzi, ta’ apparat, ta’ metodi ta’ kaċċa jew ta’ qtil li jistgħu jwasslu, anki b’mod minimu u strettament temporanju, għal qbid aċċessorju? Jekk ikun il-każ, liema kriterji, relatati b’mod partikolari mal-proporzjon jew mad-daqs limitat ta’ dan il-qbid aċċessorju, man-natura bħala prinċipju mhux letali tal-proċess tal-kaċċa awtorizzata u mal-obbligu li jinħelsu mingħajr ħsarat serji l-kampjuni maqbuda b’mod aċċidentali, jistgħu jiġu applikati sabiex il-kriterju ta’ selettività stabbilit minn dawn id-dispożizzjonijiet jitqies bħala issodisfatt?

    2)

    Id-Direttiva [dwar l-għasafar] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-għan li jiġi ppreżervat l-użu ta’ mezzi u ta’ metodi ta’ kaċċa tal-għasafar stabbiliti mill-użanzi tradizzjonali, għal finijiet rikreattivi, u sa fejn ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra kollha stabbiliti fir-rigward ta’ tali deroga mill-[Artikolu 9(1)(c) tagħha], jista’ jiġġustifika l-ineżistenza ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti fis-sens tal-Artikolu 9(1) tagħha, u b’hekk ikun permess li ssir deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ dawn il-modi u mezzi ta’ kaċċa stabbiliti fl-Artikolu 8 tagħha?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq it-tieni domanda

    28

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar għandux jiġi interpretat fis-sens li n-natura tradizzjonali ta’ metodu ta’ qbid ta’ għasafar hija suffiċjenti, minnha nnifisha, sabiex jiġi stabbilit li soluzzjoni sodisfaċenti oħra, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tiġi ssostitwita flok dan il-metodu.

    29

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu permessi jużaw id-derogi previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar biss b’mod li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-qafas leġiżlattiv u regolamentari nazzjonali għandu jkun imfassal b’mod li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet derogatorji previsti fih tkun tosserva l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli f’dan il-qasam għandha tistabbilixxi l-kriterji għal deroga b’mod ċar u preċiż, u għandha tobbliga lill-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tagħhom jeħduhom inkunsiderazzjoni. Fir-rigward ta’ sistema ta’ eċċezzjoni, li għandha tiġi interpretata b’mod strett u li għandha tqiegħed l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa, fir-rigward ta’ kull deroga, fuq l-awtorità li tieħu d-deċiżjoni dwar tali deroga, l-Istati Membri huma meħtieġa jiggarantixxu li kull intervent li jolqot lill-ispeċi protetti jkun awtorizzat biss fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet li jkun fihom motivazzjoni preċiża u adegwata li tirreferi għar-raġunijiet, għall-kundizzjonijiet u għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 9(1) u (2) ta’ din id-direttiva (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Malta, C‑557/15, EU:C:2018:477, punt 47).

    30

    B’mod iktar partikolari, l-elementi li juru li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex issir deroga mis-sistema ta’ protezzjoni tad-Direttiva dwar l-għasafar huma ssodisfatti għandhom ikunu bbażati fuq għarfien xjentifiku stabbilit sew. Għalhekk, l-aħjar għarfien rilevanti għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet fil-mument li fih huma jagħtu l-awtorizzazzjonijiet (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (Kaċċa fir-rebbiegħa ta’ kampjuni rġiel tal-ispeċi tal-għasafar Edredun), C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Barra minn hekk, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi għandha, meta jkollha l-intenzjoni li tapplika s-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar, tistabbilixxi l-kriterji ta’ deroga b’mod ċar u preċiż u tobbliga lill-awtorità kompetenti tivverifika li ma teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra fis-sens ta’ dan l-artikolu, il-motivazzjoni adottata matul l-eżerċizzju ta’ din is-sistema derogatorja għandha turi li l-kundizzjoni dwar l-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra hija ssodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Malta, C‑557/15, EU:C:2018:477, punti 48 u 50).

    32

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel użu mis-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar tissodisfa l-kundizzjonijiet relatati mal-obbligu ta’ motivazzjoni, li jirriżultaw mill-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, meta hija tinkludi l-unika indikazzjoni li ma teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra, mingħajr ma din l-indikazzjoni tkun sostnuta minn motivazzjoni ddettaljata, ibbażata fuq l-aħjar għarfien xjentifiku rilevanti u li tesponi r-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kompetenti għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet kollha li jistgħu jippermettu deroga, fis-sens tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, fosthom il-kundizzjoni rigward l-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra, huma ssodisfatti.

    33

    Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kaċċa għall-għasafar selvaġġi pprattikata għal finijiet ta’ divertiment fil-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva dwar l-għasafar tista’ tikkostitwixxi “użu meqjus” awtorizzat minn din id-direttiva (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (Kaċċa fir-rebbiegħa ta’ kampjuni rġiel tal-ispeċi tal-għasafar Edredun), C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “użu meqjus” il-metodi tradizzjonali tal-kaċċa, peress li, kif isemmi l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jieħdu l-miżuri msemmija f’dan l-artikolu, ir-rekwiżiti rikreattivi.

    34

    Madankollu, għalkemm l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-għasafar jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw din tal-aħħar filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali kif ukoll ir-rekwiżiti ekonomiċi u rikreattivi, għandu jiġi kkonstatat li l-konservazzjoni tal-għasafar tikkostitwixxi l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva.

    35

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li ż-żamma ta’ attivitajiet tradizzjonali ma tikkostitwixxix deroga awtonoma mis-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva dwar l-għasafar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 247/85, EU:C:1987:339, punt 8; tat‑28 ta’ Frar 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑57/89, EU:C:1991:89, punt 22, u tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (Kaċċa fir-rebbiegħa ta’ kampjuni rġiel tal-ispeċi tal-għasafar Edredun), C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 85).

    36

    Fil-fatt, il-metodi tal-kaċċa spiss jaqgħu taħt it-tradizzjonijiet jew l-użanzi lokali, b’tali mod li, jekk l-għan li huma jiġu kkonservati kif inhuma jkun jikkostitwixxi raġuni awtonoma ta’ deroga, dan iwassal sabiex jiġi awtorizzat numru kbir ta’ prattiki li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Tali approċċ imur kontra l-interpretazzjoni stretta li għandha tipprevali ta’ din id-dispożizzjoni.

    37

    Għandu jitfakkar ukoll li, meta l-awtorità kompetenti tintalab tivverifika l-assenza ta’ soluzzjonijiet sodisfaċenti oħra, hija għandha tqabbel id-diversi soluzzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tas-sistema derogatorja stabbilita fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar sabiex tiddetermina dik li tidher l-iktar sodisfaċenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Kaċċa fir-rebbiegħa għall-gallina), C‑161/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:290, punti 51 sa 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    F’dan ir-rigward, il-Fédération nationale des chassaeurs u l-Gvern Franċiż isostnu li t-trobbija tal-ispeċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tikkostitwixxi soluzzjoni sodisfaċenti, fid-dawl tal-ispiża tagħha u tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, li tipprojbixxi l-kummerċ ta’ dawn l-ispeċi.

    39

    Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 13 TFUE, li jipprovdi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ ir-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali meta jifformulaw u jimplimentaw il-politika ta’ din. Minn dan isegwi li huwa fid-dawl tal-għażliet raġonevoli u tal-aħjar tekniki disponibbli li għandha tiġi evalwata n-natura sodisfaċenti tas-soluzzjonijiet alternattivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 62).

    40

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-trobbija u r-riproduzzjoni fil-magħluq tal-ispeċi protetti jistgħu jikkostitwixxu soluzzjoni sodisfaċenti oħra meta dawn ikunu possibbli (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, LRBPO u AVES, C‑10/96, EU:C:1996:504, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u li t-trasport ta’ għasafar legalment maqbuda jew miżmuma jikkostitwixxi wkoll użu meqjus, fis-sens tad-Direttiva 79/409 (sentenza tat-8 ta’ Lulju 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 247/85, EU:C:1987:339, punt 48). Bl-istess mod, il-fatt li t-trobbija u r-riproduzzjoni fil-magħluq tal-ispeċi kkonċernati għadhom ma humiex fattibbli fuq skala kbira minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma huwiex fih innifsu tali li jikkontesta r-rilevanza ta’ dawn is-soluzzjonijiet l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1996, LRBPO u AVES, C‑10/96, EU:C:1996:504, punt 21).

    41

    Minn dan isegwi li, kif irrilevat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 30 u 38 tal-konklużjonijiet tagħha, jidher li jeżistu għażliet oħra li jistgħu josservaw ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar.

    42

    Barra minn hekk, jekk il-qbid ta’ għasafar permezz ta’ kolla jaqa’ minnu nnifsu taħt l-attività tal-kaċċa, dan jikkostitwixxi biss l-istadju preliminari għal metodi oħra ta’ qbid, peress li l-għasafar hekk maqbuda huma intiżi li jservu bħala għasafar tat-taħrik sabiex jattiraw għasafar oħra tal-istess speċi, li mbagħad jiġi sparat fuqhom bis-snieter.

    43

    Issa, is-sempliċi fatt li metodu ieħor ta’ qbid ikun jeħtieġ adattament u, konsegwentement, ikun jeżiġi li jiġu injorati ċerti karatteristiċi ta’ tradizzjoni ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li ma teżistix “soluzzjoni sodisfaċenti oħra”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1996, LRBPO u AVES, C‑10/96, EU:C:1996:504, punt 21).

    44

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar għandu jiġi interpretat fis-sens li n-natura tradizzjonali ta’ metodu ta’ qbid ta’ għasafar ma hijiex suffiċjenti, minnha nnifisha, sabiex jiġi stabbilit li soluzzjoni sodisfaċenti oħra, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tiġi ssostitwita flok dan il-metodu.

    Fuq l-ewwel domanda

    45

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, b’deroga mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, l-użu ta’ metodu ta’ qbid ta’ għasafar li jwassal għal qabdiet inċidentali ta’ ammont żgħir u għal żmien limitat.

    46

    Għandu jiġi rrilevat li din id-domanda timplika interpretazzjoni tal-kundizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li tgħid li l-qbid, iż-żamma jew l-użu meqjus ta’ ċerti għasafar għandhom isiru b’mod selettiv.

    47

    F’dan ir-rigward, il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub irreferew għas-sentenzi tas‑27 ta’ April 1988, Il‑Kummissjoni vs Franza (252/85, EU:C:1988:202), tad‑9 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑79/03, EU:C:2004:782), jew tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Malta (C‑557/15, EU:C:2018:477).

    48

    F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi enfasizzat li, fl-ewwel sentenza, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat in-“natura preċiża ħafna” tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali fis-seħħ u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ “numru kbir ta’ kundizzjonijiet restrittivi” li jirrigwardaw l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għal qbid, hija sempliċement ikkunsidrat li l-provi prodotti mill-Kummissjoni Ewropea ma kinux jippermettu li jiġu ssostanzjati l-allegazzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat kienet tikser ir-rekwiżiti tad-Direttiva 79/409 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 1988, Il‑Kummissjoni vs Franza, 252/85, EU:C:1988:202, punti 29 u 30), mingħajr madankollu ma eżaminat b’mod speċifiku u espliċitu l-kontenut tad-dispożizzjonijiet dwar il-qbid fid-dawl tal-kriterju ta’ selettività. Għaldaqstant, din is-sentenza ma tistax tinftiehem bħala li vvalidat b’mod espliċitu l-imsemmija dispożizzjonijiet fid-dawl ta’ dan il-kriterju.

    49

    Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda t-tieni sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li kienet tippermetti forma partikolari ta’ kaċċa bil-kolla, kienet inqas rigoruża minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li s-soluzzjoni adottata fl-imsemmija sentenza ma tistax tiġi trasposta f’dan il-każ.

    50

    Fl-aħħar nett, fit-tielet sentenza, l-Istat Membru inkwistjoni kien huwa stess irrikonoxxa n-natura mhux selettiva tal-metodu ta’ qbid awtorizzat mil-leġiżlazzjoni tiegħu.

    51

    Dan premess, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-projbizzjoni, imposta fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, li jintużaw metodi ta’ qbid elenkati fil-punt (a) tal-Anness IV tal-imsemmija direttiva, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li dawn il-metodi jippermettu l-qbid ta’ ċerti għasafar “b’mod selettiv”.

    52

    Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar ma jippreċiżax il-mod kif għandha tinftiehem din il-kundizzjoni. Barra minn hekk, l-analiżi tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni ma tipprovdix, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tagħha, indikazzjonijiet dwar is-sens li fih il-kunċett ta’ “selettività” għandu jinftiehem.

    53

    Sa fejn l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar ma jagħmel ebda riferiment għal-liġijiet nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “selettività” jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar. (ara, b’mod analogu, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 75). Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih hija tinsab kif ukoll l-għanijiet imfittxija mill-att li hija tagħmel parti minnu (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2019, BGL BNP Paribas, C‑548/18, EU:C:2019:848, punt 25).

    54

    Fir-rigward, qabelxejn, tal-kelma “selettività”, għandu jiġi rrilevat li din tkopri, fis-sens ordinarju tagħha, dak kollu li jagħmel selezzjoni, jiġifieri proċess li permezz tiegħu, fi ħdan unità partikolari, ċerti elementi jintgħażlu jew jinżammu bl-esklużjoni ta’ oħrajn, skont karatteristiċi speċifiċi.

    55

    F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(a) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, bla ħsara għall-Artikoli 7 u 9 tagħha, projbizzjoni ġenerali, ikun xi jkun il-metodu użat, għall-qtil jew għall-qbid intenzjonat tal-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu “l-użu tal-mezzi, arranġamenti u l-metodi kollha użati għall-qabda jew qtil tal-għasafar fuq skala kbira jew mhux selettiva jew li jkunu kapaċi jikkawżaw l-għejbien lokali ta’ speċi, partikolarment l-użu ta’ dawk elenkati fl-Anness IV punt (a)”, u fost dawn jinsab l-użu tal-kolla.

    56

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tagħha, li d-Direttiva dwar l-għasafar tipprojbixxi fil-prinċipju l-użu tal-metodu ta’ qbid li jikkonsisti fl-użu tal-kolla.

    57

    Għalhekk, il-possibbiltà ta’ deroga offruta mill-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar tikkomplementa l-projbizzjoni tal-metodi ta’ qbid mhux selettivi prevista fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari dawk elenkati fil-punt (a) tal-Anness IV tal-imsemmija direttiva.

    58

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva dwar l-għasafar, għandu jiġi enfasizzat, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 5 ta’ din id-direttiva, li “[l]-konservazzjoni tal-ispeċi tal-għasafar selvaġġi naturali li jinsabu fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri hija neċessarja biex jintlaħqu l-għanijiet tal-[Unjoni] rigward it-tmexxija ’l quddiem tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u l-iżvilupp sostenibbli” u li dan it-tnaqqis jikkostitwixxi “theddid serju għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali, partikolarment minħabba l-bilanċi bijoloġiċi mhedda minn dan”.

    59

    Sabiex jiġi rrimedjat tali perikolu, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar jispeċifika li din id-direttiva, li hija “dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat”, għandha bħala għan “[i]l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom”.

    60

    Barra minn hekk, l-imsemmija direttiva tagħmel parti mill-kuntest previst kemm fl-Artikolu 3 TUE kif ukoll fl-Artikolu 37 tal-Karta, li skonthom, essenzjalment, l-Unjoni taħdem għall-iżvilupp sostenibbli u tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent.

    61

    Minbarra dan, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar, li jagħmlu riferiment għall-kontroll strett tad-deroga prevista f’dan l-artikolu u għan-natura selettiva tal-qabdiet, kif ukoll, barra minn hekk, mill-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, jirriżulta li l-imsemmija deroga li Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħmel użu minnha għandha tkun proporzjonata meta mqabbla mal-ħtiġijiet li jiġġustifikawha (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (Kaċċa fir-rebbiegħa ta’ kampjuni rġiel tal-ispeċi tal-għasafar Edredun), C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    Konsegwentement, fl-evalwazzjoni tas-selettività ta’ metodu ta’ qbid, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-modalitajiet ta’ dan il-metodu u l-portata tal-qabdiet li dan jimplika għall-għasafar mhux fil-mira, iżda wkoll il-konsegwenzi eventwali tiegħu fuq l-ispeċi maqbuda f’termini ta’ danni kkawżati, fid-dawl tal-għanijiet ta’ protezzjoni segwiti minn din id-direttiva.

    63

    F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni skont jekk il-metodu ta’ qbid huwiex jew le letali. Għalkemm, fl-ewwel ipoteżi, għandu jiġi adottat fehim pjuttost strett tal-kundizzjoni ta’ selettività, min-naħa l-oħra, fit-tieni ipoteżi, din il-kundizzjoni tista’ titqies li hija ssodisfatta fil-preżenza ta’ qabdiet inċidentali, bil-kundizzjoni madankollu li l-ispeċi mhux fil-mira ta’ dan il-metodu jinqabdu fi kwantitajiet żgħar, għal żmien determinat u li jistgħu jinħelsu mingħajr dannu ieħor ħlief dak negliġibbli.

    64

    Għalhekk, għalkemm il-fatt li metodu ta’ qbid fil-prinċipju mhux letali jwassal għal qabdiet inċidentali ma jippermettix, minnu nnifsu, li tiġi stabbilita n-natura mhux selettiva ta’ dan il-metodu, il-volum ta’ dawn il-qabdiet inċidentali kif ukoll il-portata tal-eventwali effetti fuq l-ispeċi fil-mira u mhux fil-mira juru l-livell ta’ selettività ta’ tali metodu.

    65

    Kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar, moqri fid-dawl tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, mill-għanijiet tal-imsemmija direttiva, kif ukoll mill-kuntest li hija tagħmel parti minnu, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 TUE, tal-Artikolu 37 tal-Karta, tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 191(2) TFUE u tal-Artikolu 13 TFUE, dwar il-benesseri tal-annimali, jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ selettività stabbilita fl-Artikolu 9(1)(c) tal-istess direttiva għandha tinftiehem fis-sens li hija tista’ tiġi ssodisfatta, fil-każ ta’ metodu ta’ qbid mhux letali li jwassal għal qabdiet inċidentali, biss jekk dawn ikunu ta’ ammont limitat, jiġifieri jekk jikkonċernaw numru mnaqqas ħafna ta’ kampjuni maqbuda b’mod inċidentali, għal żmien limitat, u li jistgħu jinħelsu mingħajr dannu ieħor ħlief dak negliġibbli.

    66

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-metodu ta’ qbid inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa “fil-prinċipju” mhux letali u jwassal għal qabdiet inċidentali biss fi kwantitajiet żgħar u għal żmien limitat ħafna. Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tad-digriet tas‑17 ta’ Awwissu 1989 jipprovdi li kull għasfur li jkun is-suġġett ta’ qbid inċidentali “għand[u] [j]itnaddaf u [j]iġi meħlus[…] immedjatament”.

    67

    Madankollu, kif irrimarkaw kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni, u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 64 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa probabbli ħafna, bla ħsara għall-konstatazzjonijiet magħmula, fl-aħħar lok, mill-qorti tar-rinviju, li, minkejja t-tindif, l-għasafar maqbuda jġarrbu ħsara irrimedjabbli, peress li l-kolla tista’, min-natura tagħha, tikkawża ħsara lir-rix tal-għasafar kollha maqbuda.

    68

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li mill-ġurisprudenza esposta fil-punt 30 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti għandhom, fil-mument li fih jagħtu l-awtorizzazzjonijiet, ikollhom l-aħjar għarfien xjentifiku li jippermetti li jintwera li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex issir deroga mis-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva dwar l-għasafar huma ssodisfatti.

    69

    Min-naħa l-oħra, ladarba jingħataw id-derogi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, konformement mal-Artikolu 9(2)(e) ta’ din id-direttiva, iwettqu l-kontrolli neċessarji sabiex jiżguraw li l-qabdiet inċidentali jikkorrispondu kemm jista’ jkun possibbli għal-livelli antiċipati u jkunu mingħajr dannu ieħor ħlief dak negliġibbli.

    70

    Minn dan isegwi li ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ selettività previst fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar metodu ta’ qbid mhux letali, li jwassal għal qabdiet inċidentali, meta dawn, minkejja li huma ta’ volum żgħir u għal żmien limitat, jistgħu jikkawżaw lill-ispeċi maqbuda mhux fil-mira danni oħra ħlief dawk negliġibbli.

    71

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, b’deroga mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, metodu ta’ qbid li jwassal għal qabdiet inċidentali, meta dawn, minkejja li huma ta’ volum żgħir u għal żmien limitat, jistgħu jikkawżaw lill-ispeċi maqbuda mhux fil-mira danni oħra ħlief dawk negliġibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    72

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, għandu jiġi interpretat fis-sens li n-natura tradizzjonali ta’ metodu ta’ qbid ta’ għasafar ma hijiex suffiċjenti, minnha nnifisha, sabiex jiġi stabbilit li soluzzjoni sodisfaċenti oħra, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tiġi ssostitwita flok dan il-metodu.

     

    2)

    L-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, b’deroga mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, metodu ta’ qbid li jwassal għal qabdiet inċidentali, meta dawn, minkejja li huma ta’ volum żgħir u għal żmien limitat, jistgħu jikkawżaw lill-ispeċi maqbuda mhux fil-mira danni oħra ħlief dawk negliġibbli.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.

    Fuq