Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0244

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Marzu 2020.
    Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Injezzjoni ta’ kapital u garanziji tal-Istat – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Prinċipju ta’ operatur privat – Kriterju ta’ investitur privat – Obbligu tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq eżami diliġenti u imparzjali – Stħarriġ ġudizzjarju – Oneru tal-prova – Kunċett ta’ ‘impriża f’diffikultà’ – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni – Avviż dwar il-garanziji – Qafas temporanju tal‑2011 – Ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata – Obbligi ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandhom.
    Kawża C-244/18 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:238

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    26 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Injezzjoni ta’ kapital u garanziji tal-Istat – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Prinċipju ta’ operatur privat – Kriterju ta’ investitur privat – Obbligu tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq eżami diliġenti u imparzjali– Stħarriġ ġudizzjarju – Oneru tal-prova – Kunċett ta’ ‘impriża f’diffikultà’ – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni – Avviż dwar il-garanziji – Qafas temporanju tal‑2011 – Ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata – Obbligi ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandhom”

    Fil-Kawża C‑244/18 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑4 ta’ April 2018,

    Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn I. Drillerakis, E. Rantos, N. Korogiannakis, I. Soufleros, E. Triantafyllou, u G. Psaroudakis, dikigoroi,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u A. Bouchagiar, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE (iktar ’il quddiem “Larko”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni (T‑423/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:57), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2014/539/UE tas‑27 ta’ Marzu 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.34572 (13/C) (ex 13/NN) implimentata mill-Ġreċja għal Larco General Mining & Metallurgical Company S.A (ĠU 2014, L 254, p. 24, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni

    2

    Il-punti 9 sa 11 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni”) jipprovdu:

    “9.

    Ma teżistix definizzjoni Komunitarja ta’ x’jikkostitwixxi impriża f’diffikultà. Madankollu, għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni tqis li impriża tkun f’diffikultà meta ma jirnexxilhiex, bir-riżorsi tagħha jew bir-riżorsi li tista’ tieħu mill-proprjetarji/azzjonisti u mill-kredituri tagħha, twaqqaf it-telf li, fin-nuqqas ta’ intervent estern mill-awtoritajiet pubbliċi, iwassalha kważi żgur għall-falliment ekonomiku, f’qasir żmien jew fi żmien medju.

    10.

    Speċifikament, impriża hija, bħala regola u irrispettivament mid-daqs tagħha, meqjusa bħala f’diffikultà għal finijiet ta’ dawn il-linji gwida fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    a)

    fil-każ ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata […], meta iktar minn nofs il-kapital azzjonarju tagħha jkun intilef […], u iktar minn kwart ta’ dan il-kapital ikun intilef matul l-aħħar tnax-il xahar, jew

    b)

    fil-każ ta’ kumpanija fejn mill-inqas xi wħud mis-soċji għandhom responsabbiltà mhux limitata għad-dejn tal-kumpanija […], meta iktar minn nofs il-fondi proprji tagħha, hekk kif indikati fil-kontijiet tal-kumpanija, ikun intilef u iktar minn kwart ta’ dawn il-fondi jkun intilef matul l-aħħar tnax-il xahar, jew;

    c)

    għall-forom kollha ta’ impriżi, meta din tissodisfa skont id-dritt nazzjonali applikabbli fir-rigward tagħha, il-kundizzjonijiet għas-sottomissjoni għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza.

    11.

    Anki jekk il-kundizzjonijiet tal-punt 10 ma jkunux issodisfatti, impriża tista’ tiġi kkunsidrata f’diffikultà b’mod partikolari meta jkunu preżenti s-sinjali normali ta’ impriża f’diffikultà, bħal żieda fit-telf, tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ, tkabbir fl-inventarju tal-istokk, eċċess ta’ kapaċità, tnaqqis fil-fluss tal-flus, żieda fid-dejn, żieda tal-piżijiet finanzjarji u tnaqqis fil-valur nett tal-assi jew valur nett tal-assi ta’ żero. Fil-każijiet l-iktar serji, l-impriża diġà tista’ tkun saret insolventi jew tista’ tkun is-suġġett ta’ proċedura kollettiva relatata mal-insolvenza tagħha fid-dritt nazzjonali. F’dan l-aħħar każ, dawn il-linji gwida japplikaw għal kull għajnuna eventwali mogħtija fil-kuntest ta’ tali proċedura bil-għan li tiġi żgurata ż-żamma f’attività tal-impriża. Fil-każijiet kollha, l-impriża f’diffikultà tkun biss eliġibbli wara li jintwera li ma hijiex kapaċi tiżgura l-irkupru tagħha permezz tar-riżorsi proprji tagħha, jew ta’ fondi miksuba mingħand il-proprjetarji/azzjonisti tagħha jew minn sorsi tas-suq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji

    3

    L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Garanziji”) jipprovdi fit-tielet paragrafu tal-punt 2.1 tiegħu:

    “Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju, il-kunċett ta’ riżorsi ta’ l-Istat għandu għalhekk jiġi ċċarat fir-rigward tal-garanziji mill-Istat. Il-benefiċċju ta’ garanzija mill-Istat huwa li r-riskju assoċjat mal-garanzija jittieħed mill-Istat. It-teħid ta’ dan ir-riskju mill-Istat għandu normalment jiġi remunerat bi premium xieraq. Fejn l-Istat iċedi l-premium kollu jew parti minnu, ikun hemm kemm benefiċċju għall-impriża kif ukoll tnaqqis tar-riżorsi ta’ l-Istat. Għalhekk, anke jekk jirriżulta li qatt ma jsir pagament mill-Istat taħt garanzija, xorta waħda jista’ jkun hemm għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu [107](1) [TFUE]. L-għajnuna tingħata fil-mument li ssir il-garanzija, mhux meta l-garanzija tiġi invokata u lanqas meta l-pagamenti jsiru skond it-termini tal-garanzija. Jekk garanzija tikkostitwixxix jew le għajnuna mill-Istat, u, jekk iva, x’jista’ jkun l-ammont ta’ dik l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat fil-mument meta tingħata l-garanzija.”

    4

    Il-punt 3.2(a) u (d) ta’ din il-komunikazzjoni jipprovdi:

    “Fir-rigward ta’ garanzija individwali mill-Istat, il-Kummissjoni tikkunsidra li biex tiġi eskluża l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat ikun biżżejjed li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Min jissellef ma jkunx f’diffikultà finanzjarja.

    Sabiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk min jissellef ikunx ikkunsidrat f’diffikultà finanzjarja, għandha ssir referenza għad-definizzjoni stabbilita fil-[Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni]. Għall-finijiet ta’ dan l-Avviż, l-SMEs li ġew inkorporati għal anqas minn tliet snin m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala f’diffikultà matul dak il-perjodu.

    […]

    (d)

    Jitħallas għall-garanzija prezz orjentat għas-suq.

    Kif indikat taħt il-punt 2.1, normalment it-teħid ta’ riskju għandu jitħallas permezz ta’ premium xieraq fuq l-ammont tal-garanzija jew il-kontragaranzija. Meta l-prezz imħallas għall-garanzija jkun mill-anqas għoli daqs il-limitu ta’ premium ta’ garanzija korrispondenti li jkun hemm fis-swieq finanzjarji, il-garanzija ma tkunx tinkludi għajnuna.

    Jekk fis-swieq finanzjarji ma jinstab l-ebda limitu tal-premium tal-garanzija li jikkorrispondi, l-ispiża finanzjarja totali tas-self garantit, inkluż ir-rata ta’ imgħax tas-self u tal-premium tal-garanzija, għandha tiġi mqabbla mal-prezz tas-suq ta’ self simili li m’huwiex garantit.

    Fiż-żewġ każi, sabiex jiġi determinat il-prezz tas-suq li jikkorrispondi, għandhom jitqiesu l-karatteristiċi tal-garanzija u tas-self sottostanti. Dan jinkludi: l-ammont u t-tul ta’ żmien tat-tranżazzjoni; is-sigurtà mogħtija minn min jissellef u esperjenza oħra li taffettwa l-evalwazzjoni tar-rata ta’ rkupru; il-probabbiltà li min jissellef jonqos mill-obbligi tiegħu minħabba l-pożizzjoni finanzjarja, is-settur ta’ l-attività u l-prospetti tiegħu; kif ukoll kundizzjonijiet ekonomiċi oħra. Din l-analiżi għandha b’mod partikolari tippermetti li min jissellef jiġi kklassifikat permezz ta’ klassifika tar-riskju. Din il-klassifika tista’ tiġi pprovduta minn aġenzija ta’ klassifika rikonoxxuta internazzjonalment jew, fejn disponibbli, bil-klassifika interna użata mill-bank li jipprovdi s-self sottostanti. Il-Kummissjoni tindika r-rabta bejn il-klassifika u r-rata ta’ inadempjenza, magħmula mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, li x-xogħol tagħhom huwa wkoll disponibbli pubblikament […]. Sabiex jiġi evalwat jekk il-premium huwiex f’konformità mal-prezzijiet tas-suq l-Istat Membru jista’ jqabbel il-prezzijiet imħallsa minn impriżi klassifikati fl-istess livell fis-suq.

    Għalhekk il-Kummissjoni ma taċċettax li l-premium tal-garanzija jiġi stabbilit b’rata unika meqjusa li tikkorrispondi għal standard ġenerali ta’ l-industrija.”

    5

    Il-punt 3.6 tal-imsemmija komunikazzjoni jippreċiża:

    “Nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti 3.2 sa 3.5 ma jfissirx li l-garanzija jew skema ta’ garanzija hija awtomatikament meqjusa bħala għajnuna mill-Istat. Jekk hemm xi dubju dwar jekk garanzija jew skema ta’ garanzija ppjanata tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.”

    6

    L-ewwel u t-tieni paragrafu kif ukoll il-punt (a) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji jipprovdu:

    “Fejn garanzija individwali jew skema ta’ garanzija ma tkunx konformi mal-prinċipju ta’ l-investitur f’ekonomija tas-suq, din tkun meqjusa li tinvolvi l-għajnuna mill-Istat. Għalhekk l-element ta’ għajnuna mill-Istat jeħtieġ li jiġi kkwantifikat sabiex jiġi mistħarreġ jekk l-għajnuna tistax tinstab kompatibbli taħt xi eżenzjoni speċifika ta’ l-għajnuna mill-Istat. Bħala punt ta’ prinċipju, l-element ta’ l-għajnuna mill-Istat jiġi meqjus li jkun id-differenza bejn il-prezz xieraq tas-suq tal-garanzija pprovduta individwalment jew permezz ta’ skema u l-prezz attwalment imħallas għal dik il-miżura.

    L-ekwivalenti f’għotjiet fi flus annwali li jirriżultaw għandhom jiġu mnaqqsa għall-valur preżenti tagħhom bl-użu tar-rata ta’ referenza, u mbagħad magħduda sabiex toħroġ l-ekwivalenti f’għotja totali.

    Fil-kalkolu ta’ l-element ta’ l-għajnuna f’garanzija, il-Kummissjoni ser tiddedika attenzjoni speċjali lill-elementi li ġejjin:

    (a)

    Jekk fil-każ ta’ garanziji individwali min jissellef jinsab f’diffikultà finanzjarja. Jekk fil-każ ta’ skemi ta’ garanzija, il-kriterji ta’ eliġibbiltà ta’ l-iskema jipprevedu għall-esklużjoni ta’ tali impriżi (ara d-dettalji fil-punt 3.2.(a)).

    Il-Kummissjoni tinnota li għal kumpanniji f’diffikultà, garanti tas-suq, jekk ikun hemm, jitlob fiż-żmien meta ssir il-garanzija ħlas ta’ premium għoli meta wieħed iqis ir-rata mistennija ta’ inadempjenza. Jekk il-probabilità li min jissellef ma jkunx kapaċi jħallas lura s-self issir partikolarment kbira, huwa possibbli li din ir-rata tas-suq ma tkunx teżisti u f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-element ta’ l-għajnuna tal-garanzija jista’ jirriżulta li jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert minn dik il-garanzija”.

    Il-qafas temporanju tal‑2011

    7

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Qafas Temporanju tal-Unjoni għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU 2011, C 6, p. 5, iktar’ il quddiem il-“qafas temporanju tal‑2011”) tindika, fl-ewwel paragrafu u fil-punti (f) u (i) tat-tieni paragrafu tal-punt 2.3:

    “Sabiex jiġi inkoraġġut aktar l-aċċess għall-finanzjament u biex titnaqqas l-istmerrija għolja attwali għar-riskju min-naħa tal-banek, il-garanziji tas-selfiet issussidjati għal perjodu limitat jistgħu jkunu soluzzjoni xierqa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament.

    Il-Kummissjoni se tqis għajnuna mill-Istat bħal din kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sakemm il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:

    […]

    (f)

    il-garanzija ma tkunx taqbeż it‑80 % tas-selfa għad-durata tas-selfa;

    […]

    (i)

    l-impriżi f’diffikultà [hekk kif iddefiniti fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni] huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura.”

    8

    Il-qafas temporanju tal‑2011 jinkludi, fl-anness tiegħu, tabella li tirrigwarda l-qafas temporanju dwar il-limiti ta’ eżenzjoni f’punti bażi fir-rigward tal-kategorija ta’ klassifikazzjoni tal-aġenzija ta’ klassifikazzjoni Standard & Poor’s.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    9

    Il-fatti li wasslu għall-kawża huma miġbura fil-qosor kif ġej fil-punti 1 sa 14 tas-sentenza appellata:

    “1

    [Larko] hija impriża kbira, speċjalizzata fl-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-minerali tal-laterit, l-estrazzjoni tal-linjite u l-produzzjoni ta’ ferronikil u prodotti sekondarji.

    2

    Hija nħolqot fl‑1989, fil-forma ta’ impriża ġdida, wara l-istralċ ta’ Hellenic Mining and Metallurgical SA. Fiż-żmien tal-fatti sottostanti għat-tilwima prinċipali, hija kellha tliet azzjonisti: l-Istat Grieg, li kellu 55.2 % tal-azzjonijiet permezz tal-Hellenic Republic Asset Development Fund, istituzzjoni finanzjarja privata, in-National Bank of Greece SA (iktar ’il quddiem “ETE”), li kellha 33.4 % tal-azzjonijiet, u l-Public Power Corporation (il-produttur prinċipali tal-elettriku fil-Greċja, li l-Istat huwa l-azzjonist maġġoritarju tiegħu), li kellha 11.4 % tal-azzjonijiet.

    3

    F’Marzu 2012, il-Hellenic Republic Asset Development Fund informa lill-Kummissjoni […]bi programm ta’ privatizzazzjoni ta’ Larko.

    4

    F’April 2012, il-Kummissjoni bdiet, ex officio, eżami preliminari fuq l-imsemmija privatizzazzjoni, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

    5

    L-eżami għandu bħala għan is-sitt miżuri li ġejjin:

    l-ewwel waħda ikkonċernat, minn naħa, ftehim ta’ ħlas tad-djun tal‑1998 bejn Larko u d-debituri prinċipali tagħha, li skonthom id-djun ta’ din il-kumpannija fir-rigward tal-kredituri kellhom jitħallsu b’interessi ta’ 6 % fis-sena, u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas tal-Istat Grieg li jirkupra dan id-dejn (iktar ’il quddiem il-‘miżura Nru 1’);

    it-tieni waħda kkonċernat garanzija dwar self ta’ EUR 30 miljun mogħti minn ATE Bank lil Larko, garanzija mogħtija mill-Istat Grieg fl‑2008 (iktar ’il quddiem il-‘miżura Nru 2’ jew il‑‘garanzija tal‑2008’). Din il-garanzija kopriet 100 % tas-self sa tliet snin u kellha primjum ta’ garanzija ta’ 1 % fis-sena;

    it-tielet waħda kienet tirrigwarda żieda tal-kapital azzjonarju ta’ EUR 134 miljun proposta fl‑2009 mill-Bord tad-Diretturi ta’ Larko, approvata mit-tliet azzjonisti tagħha u li fih l-Istat Grieg ipparteċipa b’mod sħiħ, u parzjalment, ETE (iktar ’il quddiem il-‘miżura Nru 3’ […]);

    ir-raba’ waħda kienet tikkonċerna garanzija mogħtija mill-Istat fl‑2010, għal tul indeterminat, sabiex tkopri kompletament ittra ta’ garanzija li ETE ser tipprovdi lil Larko għall-ammont ta’ madwar EUR 10.8 miljun u tipprevedi garanzija ta’ 2 % kull sena (iktar ’il quddiem il-‘miżura Nru 4’ […]). L-ittra ta’ garanzija inkwistjoni ggarantixxiet is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, min-naħa tal-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja), ta’ sentenza li fiha l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja) irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ dejn ta’ EUR 10.8 miljun ta’ Larko fir-rigward ta’ kreditur;

    il-ħames waħda ikkonċernat ittri ta’ garanzija li, b’deċiżjoni tal-qrati Griegi, issostitwixxew il-ħlas bil-quddiem obbligatorju ta’ 25 % ta’ multa fiskali (iktar ’il quddiem il-‘miżura Nru 5’);

    is-sitt waħda ikkonċernat żewġ garanziji mogħtija mill-Istat fl‑2011 għal żewġ kuntratti ta’ self, rispettivament ta’ EUR 30 miljun u EUR 20 miljun rispettivament, mogħtija minn ATE Bank, garanziji li jkopru 100 % ta’ dawn is-self u pprovdiet primjum ta’ 1 % kull sena (iktar ’il quddiem il-‘miżura Nru 6’ […]).

    6

    Matul dan l-eżami, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi għal informazzjoni addizzjonali, li ġiet ipprovduta minn dawn l-awtoritajiet fl‑2012 u l‑2013. Saru wkoll laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet Griegi.

    7

    Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Marzu 2013 (ĠU 2013, C 136, p. 27 […]), il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34572 (13/C) (ex 13/NN).

    8

    Matul il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Griegi u lit-terzi interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet Griegi fit‑30 ta’ April 2013 u ma rċeviet l-ebda osservazzjoni min-naħa tat-terzi interessati.

    9

    Fis‑27 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni adottat id-[d]eċiżjoni [kontenzjuża].

    10

    Permezz tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni qieset, preliminarjament, li, fiż-żmien meta ngħataw is-sitt miżuri inkwistjoni, Larko kienet impriża f’diffikultà fis-sens tal-[Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni].

    11

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset, qabel kollox, li l-miżuri 2 sa 4 u 6 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, insegwitu, li dawn il-miżuri kienu ngħataw bi ksur tal-obbligi ta’ notifika u ta’ projbizzjoni ta’ implementazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 108(3) TFUE u, fl-aħħar nett, li l-imsemmija miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u suġġetti għal irkupru fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

    12

    Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li […] il-miżuri Nri 1 u 5 […] ma kkostitwixxewx għajnuna mill-Istat.

    13

    Id-dispożittiv tad-deċiżjoni [kontenzjuża] huwa fformulat kif ġej:

    ‘[…]

    Artikolu 2

    L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 135 820 824.35 fil-forma ta’ garanziji mill-Istat lil [Larko] fl‑2008, l‑2010 u l‑2011 u l-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda fil-kapital tal-kumpanija fl‑2009, mogħtija llegalment mill-Greċja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, hija inkompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 3

    1.   Il-Greċja tiġbor lura l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 2 mingħand il-benefiċjarju.

    2.   Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandhom iġibu imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sakemm ikunu fil-fatt ġew irkuprati.

    […]

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.’

    14

    L-anness tad-deċiżjoni [kontenzjuża] tipprovdi ‘Informazzjoni dwar l-ammonti ta’ [għajnuna] riċevuti, li għandhom jiġu rkuprati u li diġà ġew irkuprati’ u huwa riprodott kif ġej:

    Identità tal-benefiċjarju — miżura

    Ammont totali tal-għajnuna riċevuta

    Ammont totali tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata (Kapital)

    Total tal-ammont diġà rimborżat

     

    Prinċipali

    Imgħax tal-irkupru

    Lar[k]o – miżura 2

    30 000 000

    30 000 000

    0

    0

    Lar[k]o – miżura 3

    44 999 999.40

    44 999 999.40

    0

    0

    Lar[k]o – miżura 4

    10 820 824.95

    10 820 824.95

    0

    0

    Lar[k]o – miżura 6

    50 000 000

    50 000 000

    0

    0

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    10

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Ġunju 2014, Larko ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll għar-rimbors, flimkien mal-interessi, ta’ kull somma eventwalment irkuprata, direttament jew indirettament, mingħandha b’implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    11

    Insostenn tar-rikors tagħha, Larko invokat tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-miżuri Nri 2 sa 4 u 6 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, it-tieni wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u, it-tielet wieħed, imqajjem sussidjarjament, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ddeterminat b’mod żbaljat l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata fir-rigward ta’ dawn il-miżuri u ordnat l-irkupru tiegħu bi ksur ta’ prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    12

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu u kkundannat lil Larko għall-ispejjeż.

    It-talbiet tal-partijiet

    13

    Larko titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

    14

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil Larko għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    15

    Insostenn tal-appell tagħha, Larko tressaq erba’ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ investitur privat u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, it-tieni wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ vantaġġ ekonomiku u fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni ta’ dik is-sentenza, it-tielet wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura Nru 6 mas-suq intern u fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tal-imsemmija sentenza u, ir-raba’ wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6 u fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tal-istess sentenza.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ investitur privat u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata

    L-argumenti tal-partijiet

    16

    Fl-ewwel lok, Larko ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ investitur privat meta qieset, fil-punti 117 u 118 tas-sentenza appellata, li hija ma pproduċiet ebda prova qabel il-miżura Nru 3 li turi li l-Istat Grieg kellu l-intenzjoni, permezz ta’ din il-miżura, jakkwista sehem maġġoritarju fil-kapital ta’ din il-kumpannija sabiex iniedi l-bejgħ tagħha u lanqas li tali akkwist kien jiffavorixxi dan il-bejgħ. Fil-fatt, billi jiżgura s-sopravivenza tal-impriża tiegħu f’diffikultà u, għaldaqstant, il-possibbiltà li jbigħha, investitur privat prudenti jillimita d-dannu li jirriżulta mill-falliment ta’ din l-impriża.

    17

    Fit-tieni lok, skont Larko, huwa żbaljat li jitqies li, peress li hija sussegwenti għall-miżura Nru 3, it-tnedija tal-privatizzazzjoni ta’ din il-kumpannija immedjatament wara din il-miżura ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Peress li l-bejgħ tal-imsemmija kumpannija ma setax jippreċedi l-imsemmija miżura, il-fatt li l-Istat Grieg ma kienx esterjorizza l-intenzjoni tiegħu li jipproċedi b’dan il-bejgħ ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, ir-rabta ekonomika inseparabbli bejn il-miżura Nru 3 u t-tnedija ta’ din il-privatizzazzjoni tirriżulta mill-prossimità kronoloġika tagħhom.

    18

    Fit-tielet lok, l-assenza ta’ pjan ta’ negozju u ta’ kull prova li turi li l-Istat Grieg kien qies il-profittabbiltà fit-tul ta’ Larko lanqas ma hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, peress li tali investitur jista’ raġonevolment jinvesti mingħajr pjan ta’ negozju mhux sabiex ifittex profitt fit-tul, iżda sabiex jirrendi possibbli l-bejgħ tal-impriża.

    19

    Fir-raba’ lok, Larko tqis li l-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova billi vverifikat jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kinitx manifestament żbaljata filwaqt li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat ma kinux manifestament issodisfatti. Skont il-ġurisprudenza, dan ir-rekwiżit japplika, fil-fatt, għall-emanazzjonijiet kollha tal-prinċipju ta’ operatur privat u bl-ebda mod ma huwa limitat għall-aspett kwantitattiv tal-kriterju ta’ kreditur privat.

    20

    F’kull każ, il-Qorti Ġenerali kien imissha vverifikat mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda kien imissha wkoll stħarrġet jekk dawn il-provi jikkostitwixxux it-totalità tal-informazzjoni rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom. Issa, billi injorat is-sinjifikat ekonomiku taż-żieda fil-kapital, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni provi essenzjali sabiex tevalwa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat u, għaldaqstant, wettqet żball ta’ liġi.

    21

    Fil-ħames lok, il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li ETE pparteċipat fiż-żieda fil-kapital bi proporzjon inqas minn dak tal-Istat u annullat kompletament il-valur kontabbli tas-sehem tagħha fil-kapital, ma jneħħu xejn mill-fatt li investitur privat kien iddeċieda li jinvesti, fl-istess żmien bħall-Istat, ammont kbir sabiex iżomm sehem minoritarju sinjifikattiv f’Larko, bil-għan tal-privatizzazzjoni tagħha. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li Larko manifestament ma kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli mingħand investitur privat.

    22

    Fis-sitt lok, Larko ssostni li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argument sussidjarju tagħha li l-parteċipazzjoni tal-Istat fiż-żieda fil-kapital ma kellhiex bħala effett l-għoti ta’ vantaġġ lilha, tal-inqas sal-ammont neċessarju sabiex l-Istat iżomm l-istess rata ta’ sehem f’din l-impriża.

    23

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Larko.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    24

    Permezz tal-ewwel argument tagħha, Larko tikkontesta, essenzjalment, u mingħajr ma ssostni żnaturament tal-provi, l-evalwazzjoni sovrana tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 117 u 118 tas-sentenza appellata, li abbażi tagħha Larko ma stabbilixxietx li l-Istat Grieg akkwista sehem maġġoritarju fil-kapital ta’ Larko bil-għan li jipproċedi għall-bejgħ ta’ din il-kumpannija, u lanqas ma wriet li dan l-akkwist kien jiffavorixxi dan il-bejgħ.

    25

    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali ma tikkostitwixxix, bla ħsara għal żnaturament tal-provi prodotti quddiemha, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, C‑57/00 P u C‑61/00 P, EU:C:2003:510, punt 102 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Minn dan isegwi li l-ewwel argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    27

    Permezz tat-tieni argument tagħha, Larko ssostni li l-għan tal-Istat Grieg li jiffaċilita l-privatizzazzjoni tagħha għandu jiġi dedott mill-passi meħuda mill-awtoritajiet Griegi wara l-miżura Nru 3, b’mod partikolari minħabba l-prossimità kronoloġika tagħhom, u li l-assenza ta’ pjan ta’ negozju u ta’ kull prova li turi li l-Istat Grieg kien qies il-profittabbiltà fit-tul ta’ Larko ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat.

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-istess miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn operatur privat, għandu jsir riferiment għal tali operatur li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull prova rilevanti f’dan il-każ li tippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja manifestament ma kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli mingħand tali operatur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 73).

    30

    F’dan ir-rigward, għandha titqies bħala rilevanti kull informazzjoni li tista’ tinfluwenza b’mod mhux negliġibbli l-proċess deċiżjonali ta’ operatur privat normalment prudenti u diliġenti, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 78, u tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 54).

    31

    Konsegwentement, huma rilevanti biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat, il-provi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fil-mument li fih tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tiġi adottata l-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 105).

    32

    Għaldaqstant, elementi sussegwenti għall-mument li fih il-miżura kkonċernata ġiet adottata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 139).

    33

    Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-interventi tal-Istat jieħdu forom differenti u għandhom ikunu analizzati abbażi tal-effetti tagħhom, ma jistax jiġi eskluż li bosta interventi konsekuttivi tal-Istat ikollhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jitqiesu bħala intervent wieħed. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta interventi konsekuttivi jkollhom, fir-rigward b’mod partikolari tal-kronoloġija tagħhom, tal-għan tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument ta’ dawn l-interventi, rabtiet tant stretti bejniethom li jkun impossibbli li dawn jiġu sseparati (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punti 103104).

    34

    Madankollu, peress li l-Qorti Ġenerali preċiżament ikkonstatat, f’dan il-każ, li ma huwiex stabbilit li, permezz tal-adozzjoni tal-miżura Nru 3, l-Istat Grieg ried ibiegħ lil Larko, l-allegata prossimità kronoloġika tal-passi sussegwenti tal-awtoritajiet Griegi ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi stabbilit żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali.

    35

    Sa fejn Larko tikkontesta, permezz tat-tielet argument tagħha, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat billi ssostni li tali investitur jista’ raġonevolment jinvesti mingħajr pjan ta’ negozju mhux sabiex ifittex profitt fit-tul, iżda sabiex jirrendi possibbli l-bejgħ tal-impriża kkonċernata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li Larko qiegħda titlob għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

    36

    Għaldaqstant, it-tielet argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    37

    Permezz tar-raba’ argument tagħha, Larko tilment li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija għandha twettaq fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat.

    38

    Ċertament, hekk kif issostni ġustament Larko u hekk kif ġie rrilevat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha twettaq, meta tkun qiegħda tapplika l-prinċipju ta’ operatur privat, evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull prova rilevanti fil-każ li tippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja manifestament ma kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli mingħand tali operatur.

    39

    Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li tali eżami jeħtieġ li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa u li, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punti 6263).

    40

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma vvizzjatx is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi meta llimitat l-istħarriġ tagħha tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat għal dak ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    41

    Sa fejn Larko tirrileva ġustament li l-Qorti Ġenerali kellha madankollu tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux it-totalità tal-informazzjoni rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 64), din l-impriża tillimita ruħha ssostni li l-Qorti Ġenerali injorat is-sinjifikat ekonomiku taż-żieda fil-kapital imwettqa u għaldaqstant tikkontesta, b’mod inammissibbli, l-evalwazzjoni sovrana tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

    42

    L-istess japplika fir-rigward tal-ħames argument ta’ Larko, li permezz tiegħu din l-impriża tikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 120 tas-sentenza appellata, relatati mas-sinjifikat ekonomiku tal-parteċipazzjoni ta’ ETE fiż-żieda fil-kapital.

    43

    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda s-sitt argument ta’ Larko, huwa biżżejjed li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet fit-tilwima, u għalhekk il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li din tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Ellinikos Chrysos vs Il‑Kummissjoni, C‑100/16 P, EU:C:2017:194, punt 32).

    44

    Fil-fatt, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-punti 112 sa 120 tas-sentenza appellata jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha u lil Larko tkun taf ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod impliċitu l-argument sussidjarju tagħha li l-parteċipazzjoni tal-Istat fil-miżura Nru 3 ma wasslitx għal vantaġġ għal Larko sal-ammont neċessarju sabiex l-Istat iżomm l-istess rata ta’ sehem f’din l-impriża.

    45

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ vantaġġ ekonomiku u fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata

    46

    It-tieni aggravju jinkludi żewġ partijiet, relatati, l-ewwel waħda, mal-miżura Nru 2 u, it-tieni waħda, mal-miżura Nru 4.

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, relatata mal-miżura Nru 2

    – L-argumenti tal-partijiet

    47

    Larko ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji ta’ liġi meta qieset li l-miżura Nru 2 tinvolvi vantaġġ favuriha.

    48

    Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat lil Larko bħala impriża f’diffikultà, peress li l-punti ta’ fatt li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni huma sussegwenti għall-għoti tal-imsemmija miżura. Fil-fatt, qabelxejn, ir-riżultati finanzjarji msemmija kienu jestendu sas-sena 2012 u, b’mod partikolari, sar-riżultati negattivi tas-sena 2009. Sussegwentement, ir-riżultati finanzjarji tas-sena 2008 kienu wkoll sussegwenti għall-għoti tal-istess miżura u ma kinux magħrufa mill-Istat Grieg waqt l-għoti tagħha, peress li s-sena finanzjarja kienet għadha ma ngħalqitx. Fl-aħħar nett, anki jekk jiġi preżunt li l-informazzjoni relatata mas-sena 2008 ma kinitx futura, din kienet, f’dan l-istadju, informazzjoni fuq perijodu qasir.

    49

    Għalhekk, Larko tqis li l-Qorti Ġenerali naqset milli tqiegħed lilha nnifisha fil-kuntest taż-żmien inkwistjoni, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, mill-punti 9 sa 11 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni jirriżulta li l-analiżi tas-sitwazzjoni partimonjali tal-impriża għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni ta’ perijodu ta’ żmien suffiċjenti, u mhux fuq l-immaġini ta’ mument.

    50

    Min-naħa l-oħra, skont Larko, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ remunerazzjoni fir-rigward tal-miżura Nru 2. F’dan ir-rigward, Larko tirrileva li l-Qorti Ġenerali kkonstatat hija stess, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma stabbilixxiet ebda wieħed mill-elementi tal-kriterju li jirriżulta mill-punt 3.2(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji. Issa, permezz ta’ tali komunikazzjoni, li ma tipprevedi ebda eċċezzjoni għal każijiet li fihom ikun “evidenti”, skont il-Kummissjoni, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma kinux issodisfatti, din l-istituzzjoni imponiet limitu fuqha nnifisha u ħolqot aspettattivi leġittimi ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    51

    Għaldaqstant, meta hija madankollu ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba s-sitwazzjoni ta’ diffikultà ekonomika ta’ Larko u minħabba n-nuqqas ta’ produzzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, ta’ provi li juru li l-primjum ta’ garanzija previst fil-Miżura Nru 2 kien adegwat, il-Qorti Ġenerali, kontemporanjament, issostitwixxiet is-sistema ta’ kriterji stabbilita fil-punt 3.2(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji u għaddiet lil Larko u lill-Istat Grieg l-oneru li jipprovaw l-ammont adegwat ta’ dan il-primjum, u b’hekk eżentat lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tistabbilixxi dan l-ammont.

    52

    Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, abbażi ta’ fatti li seħħew sat‑22 ta’ Diċembru 2008, li Larko kienet impriża f’diffikultà, peress li kien matul is-sena 2008 li Larko kellha ekwità negattiva, tnaqqis fl-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħha ta’ kważi bin-nofs meta mqabbel mas-sena preċedenti u telf kunsiderevoli. Il-fatt li din l-informazzjoni kien ġiet uffiċjalizzata iktar tard permezz tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ Larko ma jistax jikkontesta din il-konstatazzjoni. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, il-fatti li seħħew matul perijodu partikolari jistgħu wkoll jiġu pprovati permezz ta’ dokumenti sussegwenti bbażati fuq dawn il-fatti preċedenti. Fi kwalunkwe każ, investitur privat li fit‑22 ta’ Diċembru 2008 kien jinsab minflok l-Istat Grieg kien jiżgura li jinforma ruħu dwar is-sitwazzjoni ekonomika eżistenti ta’ Larko qabel ma jagħtiha garanzija bħal dik li tirriżulta mill-miżura Nru 2.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    53

    Hekk kif tirrileva ġustament Larko fl-argumenti tagħha miġbura fil-qosor fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali bbażat l-analiżi tagħha l-ewwel nett, fil-punti 78 sa 82 tas-sentenza appellata, fuq elementi sussegwenti għall-adozzjoni tal-miżura Nru 2, jiġifieri r-riżultati finanzjarji ta’ Larko għas-sena 2008, sabiex tistabbilixxi fatti li seħħew qabel l-adozzjoni ta’ din il-miżura, jiġifieri li Larko kienet impriża f’diffikultà, fis-sens tal-punti 9 sa 11 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, meta ngħatatilha l-miżura Nru 2.

    54

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali vverifikat, fil-punti 83 u 84 tal-imsemmija sentenza, jekk l-awtoritajiet Griegi kellhomx għarfien, fil-mument li fih ġiet adottata l-miżura Nru 2, ta’ dawn id-diffikultajiet u qieset, fil-punt 85 tal-istess sentenza, li ebda prova ma turi “b’mod ċert” li dawn l-awtoritajiet kienu jafu dwarhom f’dak il-mument.

    55

    Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali applikat, mill-punt 85 tas-sentenza appellata, preżunzjoni li l-Istat Grieg kellu jkun jaf dwar is-sitwazzjoni ta’ diffikultà ta’ Larko fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura Nru 2.

    56

    F’dan il-kuntest, qabel kollox, hija rreferiet, fil-punt 86 tal-imsemmija sentenza, għall-punti 82 sa 84 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318), li minnhom jirriżulta b’mod partikolari li, jekk Stat Membru jinvoka, matul il-proċedura amministrattiva, il-kriterju ta’ investitur privat, huwa għandu, fil-każ ta’ dubju, jistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ provi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implimentata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ azzjonist.

    57

    Sussegwentement, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet li, hekk kif il-Kummissjoni kienet ikkonstatat fid-deċiżjoni tas‑6 ta’ Marzu 2013 li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, mir-riżultati finanzjarji ta’ Larko għas-sena 2008 u mis-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ din l-impriża kien jirriżulta li sa mill‑2008 hija kienet impriża f’diffikultà.

    58

    Fl-aħħar nett, fil-punt 88 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet Griegi ma wrewx, matul il-proċedura amministrattiva, li huma kienu informaw ruħhom dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta’ Larko fil-mument li fih ingħatat il-miżura Nru 2 u lanqas li huma ma setgħux ikunu jafu dwar din is-sitwazzjoni.

    59

    Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata, li azzjonist prudenti jkun, tal-inqas, informa ruħu dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja attwali tal-impriża qabel ma jagħtiha garanzija bħall-miżura Nru 2 u li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kklassifikat lil Larko bħala impriża f’diffikultà fil-mument tal-għoti ta’ din il-miżura.

    60

    Għaldaqstant, huwa billi kkonkludiet, essenzjalment, li ma kien hemm ebda prova li tirreferi għas-sitwazzjoni preċedenti jew kontemporanja għall-għoti tal-miżura Nru 2 li kienet turi li l-awtoritajiet Griegi kienu jafu, fil-mument tal-għoti ta’ din il-miżura, dwar id-diffikultajiet ta’ Larko li l-Qorti Ġenerali ppreżumiet li operatur privat li jkun jinsab fis-sitwazzjoni tal-awtoritajiet Griegi kellu jkun jaf, f’dan il-mument, dwar dawn id-diffikultajiet.

    61

    Issa, billi rraġunat b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi, hekk kif ġustament issostni Larko.

    62

    Fil-fatt, sa fejn Larko tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tqiegħed lilha nnifisha fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżura Nru 2 u li din applikat il-preżunzjoni li l-Istat Grieg kellu jkun jaf dwar is-sitwazzjoni ta’ diffikultà ta’ din l-impriża fil-mument tal-adozzjoni ta’ din il-miżura, għandu qabel kollox jitfakkar li għandha ssir distinzjoni bejn l-eżami tal-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ operatur privat u dak relatat mal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punt 51, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punti 6572).

    63

    Fil-fatt, meta jkun hemm dubji dwar l-applikabbiltà tal-imsemmi prinċipju, b’mod partikolari minħabba l-użu mill-Istat Membru kkonċernat, fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, tal-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ provi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implimentata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ operatur privat (sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 82, kif ukoll tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P, C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punt 57).

    64

    Min-naħa l-oħra, meta l-prinċipju ta’ operatur privat ikun applikabbli, dan ikun fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna, u għalhekk ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba ta’ Stat Membru, meta jkun ġie kkonstatat li l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, li jinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE, huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 46.

    65

    Hija għalhekk il-Kummissjoni li għandha l-oneru tipprova jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat humiex issodisfatti jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 34).

    66

    F’dan ir-rigward, diġà tfakkar, fil-punti 29 u 31 ta’ din is-sentenza, li hija għaldaqstant il-Kummissjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull prova rilevanti fil-każ inkwistjoni li tippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja manifestament ma kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli mingħand tali operatur privat u li huma rilevanti biss, f’dan il-kuntest, il-provi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fil-mument li fih ittieħdet id-deċiżjoni li tiġi adottata l-miżura inkwistjoni.

    67

    Issa, il-Kummissjoni hija meħtieġa, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkontestati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli għal dan il-għan (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 90).

    68

    Konsegwentement, meta jkun jidher li l-kriterju ta’ kreditur privat jista’ jkun applikabbli, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex issodisfatti (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 24).

    69

    Issa, anki meta din l-istituzzjoni jkollha quddiemha Stat Membru li, b’nuqqas tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tiegħu, ikun naqas milli jipprovdilha informazzjoni li hija tkun ordnatlu jikkomunika, hija għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq provi ta’ ċerta affidabbiltà u koerenza li jipprovdu bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li impriża ibbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li, għaldaqstant, huma ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li hija tasal għalihom (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07 P, EU:C:2009:557, punti 54 sa 56).

    70

    Fil-fatt, peress li l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarju tagħha huwa intiż li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata minn vantaġġ kompetittiv speċifiku u sabiex b’hekk tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas ta’ din l-għajnuna, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat billi tibbaża ruħha sempliċement fuq preżunzjoni negattiva, ibbażata fuq l-assenza ta’ informazzjoni li tippermetti li tintlaħaq il-konklużjoni kuntrarja, fl-assenza ta’ elementi oħra ta’ natura li jistabbilixxu pożittivament l-eżistenza ta’ tali vantaġġ (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07, EU:C:2009:557, punti 5758).

    71

    Issa, billi ppreżumiet, filwaqt li kienet ikkonkludiet, essenzjalment, li ma kien hemm ebda prova li tirreferi għas-sitwazzjoni preċedenti jew kontemporanja għall-għoti tal-miżura Nru 2 li kienet turi li l-awtoritajiet Griegi kienu jafu, waqt l-għoti ta’ din il-miżura, dwar id-diffikultajiet ta’ Larko, li operatur privat li jinsab fis-sitwazzjoni tal-awtoritajiet Griegi kellu jkun jaf, f’dan il-mument, dwar dawn id-diffikultajiet, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti u naqset milli tqiegħed lilha nnifisha fil-kuntest tal-adozzjoni tal-imsemmija miżura, hekk kif issostni Larko.

    72

    Konsegwentement, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti ta’ Larko miġbura fil-qosor fil-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħa.

    Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, relatata mal-miżura Nru 4

    – L-argumenti tal-partijiet

    73

    Larko ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’erba’ nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-miżura Nru 4. Il-Qorti Ġenerali naqset milli twieġeb, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, għall-argument li l-għoti ta’ garanzija minn wieħed mill-azzjonisti prinċipali sabiex tiġi ssodisfatta kundizzjoni imposta minn qorti fil-kuntest ta’ deċiżjoni għal miżuri provviżorji huwa prattika komuni, fil-punt 128 ta’ din is-sentenza, għall-argument li, li kieku l-miżura Nru 4 ma kinitx ingħatat, Larko kienet issofri dannu irreparabbli li jirriżulta mill-qbid tal-assi tagħha, fatt li kien jikkomprometti l-privatizzazzjoni tagħha, fil-punt 130 tal-imsemmija sentenza, għall-argument li l-kopertura, it-tul u l-primjum tal-garanzija previsti mill-miżura Nru 4 kienu konformi mal-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq, u fil-punt 131 tal-istess sentenza, għall-argument li din il-miżura kienet konformi mal-kriterju ta’ investitur privat, minħabba l-pożizzjoni partikolari ta’ ETE.

    74

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Larko.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    75

    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 125 sa 132 tas-sentenza appellata jippermettu lil Larko tkun taf ir-raġunijiet li wasslu għaċ-ċaħda, espliċita u impliċita, tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punt 73 ta’ din is-sentenza u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha f’dan ir-rigward.

    76

    Sa fejn l-argumenti ta’ Larko huma intiżi wkoll li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li primjum ta’ garanzija ta’ 2 % ma kienx jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza ta’ Larko, din l-impriża tikkontesta, b’mod inammissibbli, evalwazzjoni tal-fatti mwettqa b’mod sovran mill-Qorti Ġenerali.

    77

    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li tallega Larko, is-sentenza appellata la hija vvizzjata b’nuqqasijiet ta’ motivazzjoni u lanqas bl-allegat żball ta’ liġi li din l-impriża ssostni.

    78

    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura Nru 6 mas-suq intern u fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata

    79

    It-tielet aggravju jinkludi żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-qafas temporanju tal‑2011 u fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata u, it-tieni waħda, fuq ksur tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni u fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tal-imsemmija sentenza.

    Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq ksur tal-qafas temporanju tal‑2011 u fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata

    – L-argumenti tal-partijiet

    80

    Larko tirrileva li, fil-punti 170 u 171 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-miżura Nru 6 ma kinitx konformi mal-qafas temporanju tal‑2011, peress li l-primjum ta’ garanzija previst minn din il-miżura kien insuffiċjenti, l-ammont tas-self kopert minn din il-garanzija kien jaqbeż l-ammont tal-ispejjeż tas-salarji ta’ Larko għas-sena 2010, l-imsemmija garanzija kienet tkopri 100 % dan is-self, l-impriżi f’diffikultà fil-mument tal-għoti tal-garanzija prevista mill-qafas temporanju tal‑2011 kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-qafas u l-awtoritajiet Griegi ma pproduċewx prova li l-miżura Nru 6 kienet neċessarja, adatta u proporzjonata sabiex tiġi rrimedjata perturbazzjoni serja fl-ekonomija tal-Istata Membri kkonċernat.

    81

    Madankollu, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża ma ssemmix il-primjums previsti fl-anness tal-qafas temporanju tal‑2011 u l-Qorti Ġenerali ma spjegatx kif il-Kummissjoni madankollu ssodisfat l-obbligu tagħha li tevalwa tali primjum, hija ivvizzjat is-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-ammont totali tas-self iggarantit matul is-sena 2011 ma jaqbiżx l-ammont tal-ispejjeż tas-salarji ta’ Larko għas-sena 2010, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li twettaq stħarriġ effettiv tad-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, billi qieset li, sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża kinitx f’diffikultà, kienet kruċjali d-data tal-għoti tal-għajnuna u mhux id-data tal‑1 ta’ Lulju 2008, il-Qorti Ġenerali injorat il-punt (i) tat-tieni paragrafu tal-punt 2.3 tal-qafas temporanju tal‑2011.

    82

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni billi llimitat ruħha tirrileva l-assenza ta’ prova rilevanti prodotta mill-awtoritajiet Griegi u relatata mal-punt dwar jekk il-miżura Nru 6 kinitx neċessarja sabiex tiġi rrimedjata perturbazzjoni serja fl-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat.

    83

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Larko.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    84

    Hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2.3 tal-qafas temporanju tal‑2011 huma kumulattivi u Larko ma tikkontestax li l-miżura Nru 6 kienet tkopri 100 % tas-self inkwistjoni. Għaldaqstant, peress li Larko ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-kundizzjoni prevista fil-punt (f) tat-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex issodisfatta, l-argumenti tagħha fir-rigward tal-mertu huma ineffettivi.

    85

    Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-punti 168 sa 171 tas-sentenza appellata jippermettu lil Larko tkun taf ir-raġunijiet li wasslu għaċ-ċaħda, espliċita u impliċita, tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha f’dan ir-rigward.

    86

    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq ksur tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata

    – L-argumenti tal-partijiet

    87

    Larko tallega li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti tagħha li l-miżura Nru 6 kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni li kienet qiegħda taħdem mal-awtoritajiet Griegi fit-tfassil ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ din il-kumpannija, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-obbligi li l-Kummissjoni għandha taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u ċaħdet is-sentenza appellata minn kull motivazzjoni.

    88

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Larko.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    89

    Hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, Larko tikkontesta b’mod inammissibbli l-fatti stabbiliti b’mod sovran mill-Qorti Ġenerali li, matul il-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Griegi ma invokawx il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, ma nnotifikawx pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ f’terminu ta’ sitt xhur u ma pproduċewx il-prova li l-miżura Nru 6 kienet limitata għall-minimu neċessarju.

    90

    Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-punti 172 sa 174 tas-sentenza appellata jippermettu lil Larko tkun taf ir-raġunijiet li wasslu għaċ-ċaħda, espliċita u impliċita, tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punt 87 ta’ din is-sentenza u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha f’dan ir-rigward.

    91

    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tielet aggravju u, konsegwentement, it-tielet aggravju kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

    Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6 u fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata

    L-argumenti tal-partijiet

    92

    Larko ssostni li, billi qieset, fil-punti 180 sa 194 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6 kienet konformi mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u mal-punt (a) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u vvizzjat l-imsemmija sentenza b’nuqqasijiet ta’ motivazzjoni.

    93

    L-ewwel nett, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, skont Larko, ipprovdiet hija stess motivazzjoni u b’hekk issostitwixxiet motivazzjoni ineżistenti fid-deċiżjoni kontenzjuża u imponiet fuq Larko l-oneru tal-prova relatat maċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fil-punt (a) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji.

    94

    It-tieni nett, filwaqt li fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kien ċar li ebda waħda mill-garanziji inkwistjoni ma kienet ġiet invokata, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni li, mingħajr ma indirizzat lill-awtoritajiet Griegi, illimitat ruħha tikkonstata li hija ma kellhiex provi li jindikaw li l-imsemmija garanziji kienu ġew invokati. B’hekk hija injorat l-obbligi li l-Kummissjoni għandha relatati ma’ eżami diliġenti u imparzjali.

    95

    Fil-fatt, qabel kollox, mill-kuntratt ta’ self tas-sena 2008 li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li r-rimbors tas-self previst minn dan il-kuntratt kellu jsir sal‑31 ta’ Marzu 2012, ferm qabel l-adozzjoni, fis‑27 ta’ Marzu 2014, tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha li tippermettilha tikkonkludi li dan is-self kellu diġà jiġi rrimborsat. Sussegwentement, ir-rimbors tas-self mogħti matul is-sena 2010 kellu jsir sa 45 jum wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fl-aħħar nett, fl-imsemmija data, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata li s-self li kien is-suġġett tal-miżura Nru 6 kien diġà ġie parzjalment irrimborsat.

    96

    It-tielet nett, l-obbligu ta’ rimbors kemm lill-persuna li ssellef kif ukoll lill-Istat garanti tas-self kollu mogħti jwassal għar-riżultat paradossali li kumpannija li tirrimborsa s-self tagħha ssib ruħha f’sitwazzjoni iktar diffiċli minn kumpannija li tkun invokat il-garanzija tal-Istat. Peress li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx, fis-sentenza appellata, għall-argumenti mressqa f’dan ir-rigward, hija vvizzjat dik is-sentenza b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

    97

    Ir-raba’ nett, Larko tirrileva li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, la fil-ġurisprudenza u lanqas fil-prattika tal-Kummissjoni, ma kien hemm preċedent għal irkupru, abbażi ta’ garanzija, tal-valur sħiħ tas-self iggarantit meta ma tkunx intużat il-garanzija. Fil-fatt, il-kawżi li tirreferi għalihom il-Kummissjoni jirrigwardaw ċirkustanzi fattwali oħra, fejn intużaw il-garanziji. Min-naħa l-oħra, f’kawża simili, fejn is-self, sussegwentement, ġie rrimborsat, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni dan il-fatt u ma imponietx l-irkupru tal-ammont tas-self, iżda applikat rata ta’ riferiment miżjuda. Issa, hija kien imissha għamlet l-istess ħaġa f’dan il-każ.

    98

    Il-ħames nett, il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-obbligu ta’ rkupru tal-ammont tas-self inkwistjoni jikkontradixxu l-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat huma intiżi li jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti u ma jistgħux jikkostitwixxu sanzjoni li tmur lil hinn mill-vantaġġ effettivament rċevut.

    99

    Is-sitt nett, in-natura ta’ sanzjoni illegali li d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tirriżulta mill-applikazzjoni żbaljata tal-punt (a) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, li jippermetti tali approċċ biss jekk ikunu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali. Issa, tali evalwazzjoni għandha tkun motivata b’mod preċiż u ma tistax tkun ibbażata la fuq “dubji” tal-Kummissjoni relatati mal-kapaċità ta’ Larko li tikseb self, bħal dawk espressi fil-premessi 77 u 104 tad-deċiżjoni kontenzjuża, u lanqas fuq l-assenza ta’ provi li jindikaw li l-garanzija ġiet invokata, hekk kif imsemmi fil-premessi 78, 95 u 105 ta’ din id-deċiżjoni.

    100

    Għaldaqstant, billi qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet motivata biżżejjed f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-livell ta’ prova meħtieġ. Sussegwentement, hija wettqet tali żball f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni li kienu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjonijiet u, għaldaqstant, b’motivazzjoni insuffiċjenti.

    101

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Larko. B’mod partikolari, din l-istituzzjoni tqis li Larko ma hijiex qiegħda tikkontesta t-test ġuridiku applikat mill-Qorti Ġenerali, iżda, b’mod inammissibbli, l-istabbiliment tal-fatti li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali applikat dan it-test. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, peress li, waqt l-għoti tal-miżuri Nri 2, 4 u 6, Larko kienet tinsab f’“qagħda estremament delikata” li għamlitha “impossibbli għal Larko li tirrimborsa s-self kollu bil-mezzi tagħha stess.”

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    102

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat adottata mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha taqa’ taħt evalwazzjoni ġuridika u li aggravji indirizzati kontra tali interpretazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali huma, għaldaqstant, ammissibbli fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Andersen, C‑303/13 P, EU:C:2015:647, punt 74).

    103

    Sa fejn l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi li jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-argumenti ta’ Larko kellhom jirrigwardaw dawk relatati mal-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, dawn għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

    104

    Fl-ewwel lok, sa fejn Larko tilmenta li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi għal nuqqas ta’ kompetenza, ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, ksur tat-Trattat FUE jew ta’ kull dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tiegħu, jew użu ħażin ta’ poter. L-Artikolu 264 TFUE jipprovdi li, jekk ir-rikors ikun fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat b’dik tagħhom stess (sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑246/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:118, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    105

    Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 102 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni tal-att ikkontestat taqa’ taħt dan l-istħarriġ.

    106

    Issa, f’dan il-każ, mill-punti 184 sa 194 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod inekwivoku li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha twettaq tali interpretazzjoni u bl-ebda mod ma ssostitwiet il-motivi.

    107

    Minn dan isegwi li l-ewwel argument ta’ Larko għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    108

    Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li tallega Larko, il-Qorti Ġenerali, fl-imsemmija punti tas-sentenza appellata, ma qalbitx l-oneru tal-prova relatat mal-eżistenza taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fil-punt (a) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, iżda vverifikat jekk l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni kinitx ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi jew bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 39 u 41 ta’ din is-sentenza.

    109

    Fit-tielet lok, sa fejn Larko tilmenta li l-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni żbaljata tal-punt (a) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 u ta’ dan il-kunċett, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 189 sa 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali biss fil-każ fejn huwa eskluż li min jissellef jista’ jirrimborsa bil-mezzi tiegħu stess is-self kopert mill-garanzija inkwistjoni.

    110

    Issa, kuntrarjament għal dak li tallega Larko, tali ipoteżi hija ta’ natura li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u ma teħtieġ ebda prova ħlief dik tar-realtà tagħha.

    111

    F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti Ġenerali qieset ġustament, fil-punti 186 sa 188 tas-sentenza appellata, li minn qari flimkien tal-premessi 55 sa 66, 77, 94 u 104 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li, permezz tal-użu tal-kelma inadatta “dubjuż”, il-Kummissjoni esprimiet, fir-realtà, l-evalwazzjoni li, mingħajr il-miżuri Nri 2 u 6, Larko ma kinitx tkun tista’ tikseb il-finanzjamenti rispettivi.

    112

    Min-naħa l-oħra, fil-punti 181, 182, 192 u 193 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, iċ-ċaħda tal-argumenti ta’ Larko relatati mal-assenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, fis-sens tal-punt (a) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, peress li l-kunsiderazzjonijiet żviluppati f’dawn il-punti tas-sentenza appellata jippermettu, fil-fatt, lil Larko ssir taf ir-raġunijiet li wasslu għaċ-ċaħda ta’ dawn l-argumenti u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha f’dan ir-rigward.

    113

    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punti 94 sa 96 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħhom Larko tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn l-argumenti huma bbażati fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ avvenimenti sussegwenti għall-għoti tal-miżuri Nri 4 u 6, b’tali mod li, anki jekk jitqies li huma ammissibbli, dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu miċħuda bħala ineffettivi, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 28 sa 32 ta’ din is-sentenza.

    114

    Fil-ħames lok, sa fejn Larko tinvoka allegata prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 107(1) TFUE li għandha tiġi evalwata n-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ ċerta miżura u mhux fid-dawl ta’ allegata prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 136).

    115

    Fis-sitt lok, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ ġurisprudenza li timponi l-irkupru tal-valur sħiħ tas-self iggarantit, il-Kummissjoni tirrileva ġustament li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat il-possibbiltà ta’ garanziji mogħtija mill-Istat lil impriżi f’diffikultà u ddeċidiet li tali garanziji għandhom jitqiesu bħala għajnuna ta’ ammont ugwali għas-self iggarantit (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑288/96, EU:C:2000:537, punt 31, u tat‑28 ta’ Jannar 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑334/99, EU:C:2003:55, punt 138).

    116

    Fis-seba’ lok, minn dan jirriżulta li, f’tali każ, l-irkupru mingħand l-impriża benefiċjarja ta’ għajnuna ta’ ammont ugwali għas-self iggarantit huwa intiż preċiżament sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti u mhux sabiex tiġi imposta sanzjoni fuqha, kuntrarjament għal dak li tallega Larko. B’mod partikolari, hekk kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ir-rimbors tas-self lill-bank ma jikkostitwixxix ħlas lura tal-ammont tal-għajnuna lill-Istat.

    117

    Fit-tmien lok, fir-rigward tal-allegati nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-punti 180 sa 194 tas-sentenza appellata jippermettu lil Larko tkun taf ir-raġunijiet li wasslu għaċ-ċaħda, espliċita u impliċita, tal-argumenti tagħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha f’dan ir-rigward.

    118

    Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

    119

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, minn naħa, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv inkwantu din tirrigwarda l-miżura Nru 2 u, min-naħa l-oħra, il-kumplament tal-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq il-kawża fl-ewwel istanza

    120

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    121

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi definittivament dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv inkwantu din tirrigwarda l-miżura Nru 2, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ operatur privat.

    122

    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 53 sa 71 ta’ din is-sentenza, minn naħa, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tibbaża l-konstatazzjoni li Larko kienet, fil-mument tal-għoti tal-miżura Nru 2, impriża f’diffikultà, fuq ir-riżultati finanzjarji ta’ Larko li fir-rigward tagħhom huwa stabbilit li dawn ma kinux disponibbli f’dak il-mument. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha tikkonstata li ebda prova ma turi “b’mod ċert” li l-awtoritajiet Griegi kienu jafu, f’dak il-mument, dwar tali diffikultajiet.

    123

    Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk il-fajl amministrattiv fihx provi ta’ ċerta affidabbiltà u koerenza li jipprovdu bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż, minn naħa, li l-awtoritajiet Griegi kellhom jew kellu jkollhom, fil-mument tal-għoti tal-miżura Nru 2, għarfien dwar l-allegati diffikultajiet ta’ Larko u, min-naħa l-oħra, li dan il-punt ma kienx, matul il-proċedura amministrattiva, ikkontestat bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi.

    124

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni taqa’ f’kuntest magħruf sew mill-persuni kkonċernati, din tista’ tiġi motivata b’mod sommarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 105, u tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punt 152).

    125

    Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali.

    Fuq l-ispejjeż

    126

    Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni (T-423/14, EU:T:2018:57), hija annullata sa fejn, permezz ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv inkwantu din tirrigwarda garanzija mogħtija matul is-sena 2008 mill-Istat Grieg lil Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE u relatata ma’ self ta’ EUR 30 miljun mogħti minn ATE Bank lil din il-kumpannija.

     

    2)

    Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

     

    3)

    Il-kawża hija mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

     

    4)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Fuq