Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0384

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-27 ta’ Frar 2020.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 TFUE – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 25(1) u (2) – Restrizzjonijiet għall-attivitajiet multidixxiplinari tal-kontabilisti.
    Kawża C-384/18.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:124

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    27 ta’ Frar 2020 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 TFUE – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 25(1) u (2) – Restrizzjonijiet għall-attivitajiet multidixxiplinari tal-kontabilisti”

    Fil-Kawża C‑384/18,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fit‑8 ta’ Ġunju 2018,

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Tserepa‑Lacombe u L. Malferrari, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn L. Van den Broeck, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn C. Smits u D. Grisay, avocats, u minn M. Vossen, G. Lievens u F. Haemers,

    konvenut,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: V. Giacobbo‑Peyronnel, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Mejju 2019,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Ottubru 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi pprojbixxa l-eżerċizzju konġunt tal-attività ta’ kontabilista ma’ dawk ta’ broker, ta’ aġent tal-assigurazzjoni, ta’ aġent tal-proprjetà immobbli jew kwalunkwe attività bankarja jew ta’ servizzi finanzjarji, u billi ppermetta lill-Kmamar awtorizzati tal-Institut professionnel des comptables et fiscalistes (l-Istitut Professjonali tal-Kontabilisti u tal-Esperti tat-Taxxa Awtorizzati, iktar ’il quddiem l-“IPCF”) jipprojbixxu l-eżerċizzju konġunt tal-attività ta’ kontabilista ma’ kwalunkwe attività artiġjanali, agrikola u kummerċjali, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), kif ukoll l-Artikolu 49 TFUE.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    2

    Il-premessi 97 u 101 tad-Direttiva 2006/123 jistipulaw:

    “(97)

    Huwa meħtieġ li f’din id-Direttiva jkun hemm previżjoni għal ċerti regoli dwar kwalità għolja ta’ servizzi li tiżgura b’mod partikolari ħtiġijiet ta’ informazzjoni u trasparenza. Dawn ir-regoli għandhom japplikaw kemm f’każijiet ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali bejn Stati Membri kif ukoll f’każijiet ta’ servizzi provduti fi Stat Membru minn fornitur ta’ servizz stabbilit hemmhekk mingħajr ma jimponu piżijiet mhux meħtieġa fuq SMEs. Dawn bl-ebda mod ma għandhom iżommu lill-Istati Membri milli japplikaw, f’konformità ma’ din id-Direttiva u liġi oħra Komunitarja, ħtiġijiet ta’ kwalità addizzjonali jew differenti.

    […]

    (101)

    Jeħtieġ u hu wkoll fl-interess tar-riċevituri, b’mod partikolari l-konsumaturi, li jiġi żgurat li jkun possibbli għall-fornituri li joffru servizzi multi-dixxiplinari u li r-restrizzjonijiet f’dan ir-rigward ikunu limitati għal dak li hu meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-imparzjalità u l-indipendenza kif ukoll l-integrità tal-professjonijiet regolati. Dan ma jaffettwax r-restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet li jitwettqu attivitajiet partikolari li jimmiraw li jiżguraw l-indipendenza f’każijiet fejn Stat Membru jagħti lil fornitur tas-servizzi kompitu speċifiku b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-iżvilupp urban, u lanqas ma għandu jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.”

    3

    L-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva, intitolat “Attivitajiet multidixxiplinari”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ma jkunux issuġġettati għal rekwiżiti li jobbligawhom jeżerċitaw xi attività speċifika esklużivament jew li jirristrinġu l-eżerċizzju konġunt jew bi sħab ta’ attivitajiet differenti.

    Madankollu, il-fornituri li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti:

    a)

    il-professjonijiet regolati, sa fejn huwa ġustifikat sabiex jiggarantixxu l-konformità mar-regoli dwar l-etika u l-kondotta professjonali, li tvarja skond in-natura speċifika ta’ kull professjoni, u meħtieġ sabiex tkun żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom;

    b)

    il-fornituri taċ-ċertifikazzjoni, l-akkreditazzjoni, is-sorveljanza teknika, is-servizzi ta’ prova sa fejn huwa ġustifikat sabiex jiżguraw l-indipendenza u imparzjalità tagħhom.

    2.   Fejn ikunu awtorizzati attivitajiet multidixxiplinari bejn il-fornituri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:

    a)

    li konflitti ta’ interess u inkompatibbiltajiet bejn ċertu attivitajiet jiġu evitati;

    b)

    li l-indipendenza u l-imparzjalità meħtieġa għal ċertu attivitajiet tkun żgurata;

    c)

    li r-regoli dwar l-etika u l-kondotta professjonali għall-attivitajiet differenti jkunu kompatibbli ma’ xulxin, speċjalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet tas-sigriet professjonali.

    3.   Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jindikaw liema fornituri huma suġġetti għar-rekwiżiti mniżżla fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kontenut ta’ dawk ir-rekwiżiti u r-raġunijiet li għalihom jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ġustifikati.”

    4

    Skont il-premessa 10 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73):

    “Servizzi li huma direttament komparabbli għandhom ikunu trattati bl-istess mod meta jingħataw minn kwalunkwe wieħed mill-professjonisti koperti b’din id-Direttiva. Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet garantiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-‘Karta’) jiġu rrispettati, fil-każ ta’ awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti tat-taxxa li, f’xi Stati Membri, għandhom id-dritt li jiddefendu jew jirrappreżentaw klijent fil-kuntest ta’ proċedimenti legali jew jaċċertaw il-pożizzjoni legali tal-klijent, l-informazzjoni li huma jiksbu fit-twettiq ta’ dawk il-kompiti ma għandhiex tkun soġġetta għall-obbligi ta’ rappurtar stipulati f’din id-Direttiva.”

    B. Id-dritt Belġjan

    5

    L-Artikolu 21 tal-Kodiċi ta’ Etika tal-IPCF, fil-verżjoni tiegħu approvata bid-Digriet Irjali tat‑22 ta’ Ottubru 2013 (Moniteur belge tal‑21 ta’ Novembru 2013, p. 86547, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik”), kien ifformulat kif ġej:

    “1.   Il-professjoni ta’ kontabilista IPCF estern hija inkompatibbli ma’ kull attività artiġjanali, agrikola jew kummerċjali, eżerċitata direttament jew indirettament, individwalment jew f’assoċjazzjoni jew f’kumpannija, b’mod indipendenti, bħala ġestjonarju, amministratur, direttur ta’ impriża jew assoċjat attiv.

    2.   Apparti mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-[Kmamar tal-professjonisti tal-IPCF] jistgħu, fuq talba minn qabel u bil-miktub ta’ kontabilista IPCF estern, jidderogaw minn din ir-regola sa fejn l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membru ma jkunux mhedda u sa fejn din l-attività tkun aċċessorja. Din id-deċiżjoni hija madankollu revokabbli mill-Kmamar.

    Barra minn hekk, il-Kunsill dejjem jista’ jipprevedi derogi permezz ta’ direttiva ġenerali għal ċerti attivitajiet tas-settur artiġjanali, agrikolu jew kummerċjali, minbarra dawk l-oqsma msemmija fil-paragrafu 3. Il-Kunsill jista’ wkoll jistabbilixxi direttivi li permezz tagħhom l-inkompatibbiltajiet ma japplikawx temporanjament f’każ ta’ suċċessjoni. Il-kontabilista IPCF estern, kopert mid-direttivi stabbiliti mill-Kunsill, għandu jinforma lill-Kamra b’dan bil-miktub.

    3.   L-attivitajiet professjonali li ġejjin huma dejjem ikkunsidrati bħala theddida għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilista estern: dawk ta’ broker jew aġent tal-assigurazzjoni, dawk ta’ aġent tal-proprjetà immobbli ħlief l-attività ta’ sindikat, u l-attivitajiet kollha bankarji u l-attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji li għalihom hija meħtieġa r-reġistrazzjoni mal-Autorité des Services et Marchés Financiers (l-Awtorità tas-Servizzi u Swieq Finanzjarji (FSMA)).”

    6

    L-Artikolu 21 tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF, fil-verżjoni tiegħu adottata bid-Digriet Irjali tat‑18 ta’ Lulju 2017 (Moniteur belge tal‑14 ta’ Awwissu 2017, p. 79692, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid”), jipprevedi:

    “1.   Bla ħsara għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet multidixxiplinari, bħala persuna fiżika jew bħala persuna ġuridika, huwa awtorizzat mill-Kmamar, fuq talba bil-miktub ta’ kontabilista IPCF estern, sakemm l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membru ma jkunux mhedda.

    2.   L-attivitajiet professjonali li ġejjin, kemm jekk eżerċitati bħala persuna fiżika kif ukoll bħala persuna ġuridika, huma dejjem ikkunsidrati bħala theddida għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilista IPCF estern: dik ta’ broker jew aġent tal-assigurazzjoni, dik ta’ aġent tal-proprjetà immobbli, ħlief għall-attività ta’ sindikat, kif ukoll l-attivitajiet bankarji kollha u l-attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji kollha li għalihom hija meħtieġa r-reġistrazzjoni mal-Awtorità tas-Servizzi u Swieq Finanzjarji.”

    7

    L-Artikolu 458 tal-Kodiċi Kriminali tat‑8 ta’ Ġunju 1867 (Moniteur belge tad‑9 ta’ Ġunju 1867, p. 3133), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ meta seħħew il-fatti (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali Belġjan”), jipprevedi:

    “It-tobba, kirurġi, uffiċjali tas-saħħa, spiżjara, qwiebel u kull persuna oħra li, minħabba l-istat jew il-professjoni tagħhom, jiġu fdati lilhom sigrieti u li, minbarra f’każ fejn jiġu msejħa jixhdu ġudizzjarjament (jew quddiem kummissjoni ta’ investigazzjoni Parlamentari) jew f’każ fejn il-liġi tobbligahom jikxfu dawn is-sigrieti, jiżvelawhom, ikunu punibbli bi priġunerija ta’ bejn tmint ijiem u sitt xhur u b’multa ta’ bejn mitt ewro u ħames mitt ewro.”

    II. Il-proċedura prekontenzjuża

    8

    Fis‑17 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura EU Pilot 7402/15/GROW billi talbet lill-awtoritajiet Belġjani għal informazzjoni dwar il-projbizzjoni, għall-kontabilisti awtorizzati, li jgħaqqdu l-attivitajiet tagħhom ma’ ċerti attivitajiet oħra, kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom l-attivitajiet tas-settur artiġjanali, agrikolu jew kummerċjali setgħu jitqiesu bħala inkompatibbli mal-professjoni ta’ kontabilista.

    9

    Ir-Renju tal-Belġju wieġeb għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Mejju 2015.

    10

    Peress li qieset li l-ġustifikazzjonijiet mogħtija għar-restrizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kienu insuffiċjenti, fil‑11 ta’ Diċembru 2015 il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tal-Belġju ittra ta’ intimazzjoni li permezz tagħha hija sostniet li l-Artikolu 21 tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik ma kienx konformi mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 u mal-Artikolu 49 TFUE.

    11

    Permezz ta’ ittri tat‑12 ta’ April u s‑6 ta’ Lulju 2016, ir-Renju tal-Belġju kkontesta l-ksur allegat u spjega r-raġunijiet li għalihom huwa kien iqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    12

    Fit‑18 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Renju tal-Belġju, li wieġeb għaliha fit‑12 ta’ Jannar u t‑13 ta’ Frar 2017.

    13

    Peress li ma kinitx issodisfatta b’din it-tweġiba, fit‑13 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    14

    Fl‑4 ta’ Awwissu 2017, ir-Renju tal-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni bil-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid u indika li dan kien konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    15

    Peress li ma kinitx tal-istess fehma bħar-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors odjern.

    III. Fuq ir-rikors

    A. Fuq il-portata tar-rikors

    1.   L-argumenti tal-partijiet

    16

    Il-Kummissjoni targumenta li l-adozzjoni, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid ma ħassritx ir-restrizzjoni li kienet tinsab fl-Artikolu 21 tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik u, għaldaqstant, ma waqqfitx il-ksur allegat. Fil-fatt, skont din l-istituzzjoni, mhux biss l-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid huwa identiku għall-Artikolu 21(3) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik, iżda, barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid aggrava n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat billi ġġeneralizza l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet multidixxiplinari.

    17

    Ir-Renju tal-Belġju ma jikkontestax li l-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid huwa essenzjalment identiku għall-Artikolu 21(3) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid, dan l-Istat Membru jargumenta li din id-dispożizzjoni ma aggravatx in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat sa fejn is-sistema stabbilita bl-imsemmija dispożizzjoni issa hija bbażata fuq il-prinċipju tal-awtorizzazzjoni u li tali awtorizzazzjoni hija rrifjutata b’mod eċċezzjonali biss.

    2.   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    18

    Sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni t-tibdil li jsir wara (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑729/17, EU:C:2019:534, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    Fil-każ ta’ emenda sussegwenti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ma għandhiex temenda s-suġġett tar-rikors tagħha billi timputa l-ilmenti fformulati kontra l-leġiżlazzjoni preċedenti lil dik li tirriżulta mill-emenda adottata, meta ż-żewġ verżjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhom kontenut identiku (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑729/17, EU:C:2019:534, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    20

    Min-naħa l-oħra, is-suġġett tat-tilwima ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jikkorrispondux għal dispożizzjonijiet ekwivalenti fil-verżjoni inizjali tal-att inkwistjoni, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li jirregolaw il-proċedura li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑729/17, EU:C:2019:534, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    21

    Sa fejn il-Kummissjoni imputat, fir-rikors tagħha u fir-replika tagħha, l-ilmenti tagħha mqajma inizjalment fl-opinjoni motivata tagħha fuq il-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid ukoll, għandu jiġi ddeterminat jekk din l-imputazzjoni timplikax modifika tas-suġġett tar-rikors.

    22

    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, u dan ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet, li l-portata tal-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid hija identika għal dik tal-Artikolu 21(3) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik. Fil-fatt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprevedu, essenzjalment, li l-attivitajiet ta’ broker jew ta’ aġent tal-assigurazzjoni, ta’ aġent tal-proprjetà immobbli, ħlief l-attività ta’ sindikat, u l-attivitajiet kollha bankarji u l-attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji li għalihom hija meħtieġa r-reġistrazzjoni mal-Awtorità tas-Servizzi u Swieq Finanzjarji għadhom meqjusa bħala theddida għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilista IPCF estern.

    23

    Fit-tieni lok, minkejja li l-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik kien jipprovdi li l-kmamar eżekuttivi tal-IPCF (iktar ’il quddiem il-“Kmamar tal-Professjonisti”) setgħu jidderogaw mill-projbizzjoni ta’ eżerċizzju konġunt tal-professjoni ta’ kontabilista IPCF ma’ attivitajiet artiġjanali, agrikoli u kummerċjali, permezz ta’ awtorizzazzjoni, bil-kundizzjoni li tali deroga ma tkunx ta’ theddida għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilista IPCF u sakemm din l-attività tal-aħħar tkun aċċessorja, l-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid jipprevedi, min-naħa tiegħu, fi kliem ġenerali, li l-eżerċizzju ta’ attivitajiet multidixxiplinari minn kontabilista IPCF estern huwa awtorizzat mill-Kmamar tal-Professjonisti, sakemm l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu ma jkunux mhedda.

    24

    Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirriżulta li, meta mqabbla mal-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik, din tal-aħħar ma għadhiex telenka l-attivitajiet professjonali li kontabilista IPCF għandu jitlob awtorizzazzjoni għalihom sabiex ikun jista’ jeżerċitahom b’mod konġunt mal-professjoni ta’ kontabilista IPCF, u b’dan il-mod twessa’ l-kamp tal-attivitajiet koperti, u li din ma għadhiex tinkludi l-kundizzjoni dwar in-natura aċċessorja tal-eżerċizzju ta’ tali attività.

    25

    B’dan il-mod, sa fejn l-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid emenda b’mod sinjifikattiv is-sistema tal-awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju konġunt tal-professjoni ta’ kontabilista IPCF ma’ attivitajiet professjonali oħrajn, il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jitqies li huwa identiku għal dak tal-Artikolu 21(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik.

    26

    Għaldaqstant, sa fejn l-ilmenti tal-Kummissjoni jirrigwardaw ukoll l-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid, dan ibiddel is-suġġett tat-tilwima b’tali mod li għandhom jiġu eżaminati mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-estensjoni ta’ dawn l-ilmenti magħmula fir-rikors u fir-replika f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid.

    27

    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ilmenti dwar il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 TFUE u tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn dawn l-ilmenti jirrigwardaw l-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid, u tiġi eżaminata biss il-kompatibbiltà tal-Artikolu 21(1) sa (3) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik u tal-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 u mal-Artikolu 49 TFUE.

    B. Fuq il-mertu

    1.   Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123

    28

    L-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 jinkludi żewġ partijiet, dwar, l-ewwel waħda, l-Artikolu 21(3) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik u l-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid, u, it-tieni waħda, l-Artikolu 21(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik.

    a)   Fuq l-ewwel parti tal-ewwel ilment, dwar il-ksur tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 bl-Artikolu 21(3) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik u l-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid

    1) L-argumenti tal-partijiet

    29

    Il-Kummissjoni targumenta li l-għan tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jipprekludux l-eżerċizzju ta’ servizzi multidixxiplinari. Issa, skont din l-istituzzjoni, l-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid, li jirriproduċi mingħajr bidla ta’ sustanza l-kontenut tal-Artikolu 21(3) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik, jipprojbixxi l-eżerċizzju konġunt tal-attivitajiet ta’ kontabilista IPCF mal-attivitajiet ta’ broker jew ta’ aġent tal-assigurazzjoni, ta’ aġent tal-proprjetà immobbli jew ta’ kwalunkwe attività bankarja jew ta’ servizzi finanzjarji.

    30

    Il-Kummissjoni tosserva li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123 jissuġġetta għal evalwazzjoni r-rekwiżiti li huma suġġetti għalihom il-professjonijiet regolati, liema rekwiżiti huma aċċettati biss jekk ikunu ġġustifikati sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ etika differenti minħabba l-partikolarità ta’ kull professjoni, u neċessarji sabiex tiġi żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dawn il-professjonijiet. Issa, din l-istituzzjoni tqis li jeżistu miżuri inqas restrittivi mill-projbizzjoni totali ta’ attivitajiet multidixxiplinari, b’tali mod li din tikser l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123.

    31

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni targumenta li l-projbizzjoni totali tal-eżerċizzju tal-attività ta’ kontabilista IPCF b’mod konġunt mal-attività ta’ broker jew ta’ aġent tal-assigurazzjoni, ta’ aġent tal-proprjetà immobbli jew ma’ kwalunkwe attività bankarja u ta’ servizzi finanzjarji oħra teċċedi, min-natura tagħha stess, dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ etika tal-professjoni ta’ kontabilista.

    32

    Skont il-Kummissjoni, miżuri bħal proċeduri interni li jistgħu jipprevjenu l-kunflitti ta’ interess fil-qasam ta’ trasferiment ta’ informazzjoni u applikazzjoni korretta tar-regoli dwar is-sigriet professjonali jikkostitwixxu miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet li jiġu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità tal-professjoni ta’ kontabilista IPCF. Il-Kummissjoni żżid li l-projbizzjoni lanqas ma hija neċessarja, la biex jiġi evitat ir-riskju ta’ ħasil tal-flus u r-riskji ta’ kunflitt ta’ interess, u lanqas sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni korretta tal-prezzijiet tas-servizzi pprovduti kif ukoll il-kwalità tas-servizzi.

    33

    Din l-istituzzjoni targumenta li l-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-kumpanniji li jeżerċitaw attivitajiet multidixxiplinari sabiex jimplimentaw mekkaniżmi interni ta’ stħarriġ ta’ kwalità u miżuri effikaċi ta’ evalwazzjoni tar-riskji sabiex jiġi żgurat li, fi ħdan l-istess impriża, l-attivitajiet ġenerali ma jiġux konfużi mal-attivitajiet li għalihom japplikaw ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus jew li għalihom għandhom jiġu osservati r-regoli fil-qasam tas-sigriet professjonali. Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-obbligu tal-kontabilisti li jkunu suġġetti għar-rekwiżit ta’ dikjarazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali fil-każ ta’ suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu japplika biss meta l-kontabilista nnifsu jieħu sehem f’tali attivitajiet.

    34

    Fir-rigward tan-neċessità li tiġi żgurata t-trasparenza tal-prezzijiet tas-servizzi, il-Kummissjoni tqis li kontabilista jista’ jaqsam l-attivitajiet tiegħu u jippreżenta b’mod separat il-kalkoli li jistabbilixxu l-ispiża reali ta’ kull servizz u dawk li jiddeterminaw l-ispiża totali.

    35

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-neċessità li tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi tal-kontabilisti, il-Kummissjoni tqis li ebda argument dwar il-professjoni ta’ avukat ma jista’ jiġi traspost għall-professjoni ta’ kontabilista IPCF sa fejn iż-żewġ professjonijiet ma humiex paragunabbli. Hija targumenta li r-raġunament żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98), ma huwiex trasponibbli għal din il-kawża sa fejn il-motivi ta’ dik is-sentenza, li jirrigwardaw, minn naħa, l-indipendenza tal-avukat u, min-naħa l-oħra, l-osservanza tas-sigriet professjonali u n-neċessità li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess, huma bbażati fuq in-natura partikolari tal-professjoni ta’ avukat li tiddistingwiha minn professjonijiet oħrajn. Din l-istituzzjoni tqis għalhekk li l-kunflitt ta’ interess bejn, minn naħa, l-attività ta’ kontabilista IPCF u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ta’ broker jew ta’ aġent tal-assigurazzjoni u ta’ aġent tal-proprjetà immobbli, kif ukoll l-attivitajiet bankarji jew ta’ servizzi finanzjarji ma huwiex ipprovat u, fi kwalunkwe każ, li ma jistax ikun ta’ natura iktar serja minn dik li ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-imsemmija sentenza.

    36

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li projbizzjoni totali, anki jekk effikaċi ħafna, tikser b’mod evidenti l-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 u li l-Gvern Belġjan ma weriex li miżuri alternattivi, bħall-implimentazzjoni ta’ miżuri u ta’ proċeduri interni kif ukoll ta’ stħarriġ ex post, ikunu ineffikaċi.

    37

    Bi tweġiba, ir-Renju tal-Belġju jikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat billi jargumenta, minn naħa, li r-restrizzjonijiet fil-qasam ta’ attivitajiet multidixxiplinari għandhom jiġu limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġu żgurati l-imparzjalità, l-indipendenza u l-integrità tal-professjonijiet regolati u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 ma jipprekludix lill-Istati Membri li jipprojbixxu, f’ċerti kundizzjonijiet, l-eżerċizzju konġunt ta’ professjonijiet regolati.

    38

    Issa, dan l-Istat Membru jargumenta li l-projbizzjoni inkwistjoni hija neċessarja sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilisti IPCF kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligu li jinżamm sigriet professjonali strett, li l-ksur tiegħu huwa ppenalizzat bl-Artikolu 458 tal-Kodiċi Kriminali Belġjan. Sa fejn l-indipendenza timplika l-obbligu li wieħed jaġixxi esklużivament għan-nom tal-klijent, ir-Renju tal-Belġju jqis li l-eżerċizzju minn kontabilista IPCF ta’ attivitajiet oħrajn jista’ jwasslu sabiex iqis kunsiderazzjonijiet lil hinn mill-interess tal-klijent tiegħu. F’dan ir-rigward, l-imsemmi Stat Membru jenfasizza li l-aġenti tal-proprjetà immobbli, il-brokers ta’ assigurazzjoni u s-sensara finanzjarji huma rremunerati abbażi ta’ kummissjoni, li l-ammont tagħha jista’ jkun ogħla mill-onorarji rċevuti għall-attività ta’ kontabilista, b’tali mod li jista’ jitnissel kunflitt ta’ interess jekk il-kontabilista jqis kunsiderazzjonijiet oħrajn minbarra dawk esklużivament marbuta mal-interess tal-klijent tiegħu.

    39

    Ir-Renju tal-Belġju jqis li r-raġunament li jinsab fis-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98), skont liema l-eżistenza ta’ “ċerta inkompatibbiltà” bejn l-obbligi li jirriżultaw mill-professjoni ta’ avukat u dawk li jirriżultaw mill-professjoni ta’ kontabilista espert hija biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-projbizzjoni tal-eżerċizzju konġunt ta’ dawn iż-żewġ professjonijiet, huwa trasponibbli għal dan il-każ.

    40

    Dan l-Istat Membru fil-fatt jargumenta li l-kontabilisti IPCF jeżerċitaw rwol ta’ utilità pubblika, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment ta’ kontijiet affidabbli għall-impriżi żgħar u medji li jikkostitwixxu 99.3 % tal-impriżi fil-Belġju, kif ukoll l-istabbiliment ta’ pjanijiet finanzjarji meta jiġu mwaqqfa ċerti tipi ta’ kumpanniji. Barra minn hekk, l-imsemmi Stat Membru jqis li l-kontabilisti IPCF, li huma suġġetti għall-obbligu ta’ osservanza tas-sigriet professjonali, li jeżentahom mill-obbligu ta’ dikjarazzjoni fil-qasam ta’ ħasil tal-flus, konformement mal-premessa 10 tad-Direttiva 2015/849, jintervjenu fil-fażi amministrattiva tat-tilwim dwar it-taxxa u, fil-prattika, ikomplu jagħtu pariri lill-klijenti tagħhom bħala esperti fil-fażi ġudizzjarja minkejja li r-rappreżentanza legali tkun żgurata minn avukat.

    41

    F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-projbizzjoni inkwistjoni, ir-Renju tal-Belġju jqis li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123 ma jipprevedix li projbizzjoni tkun tista’ titqies, min-natura tagħha stess, bħala inġustifikata. F’dan il-każ, il-projbizzjoni hija proporzjonata sa fejn din ma tikkostitwixxix projbizzjoni ta’ portata ġenerali u assoluta tal-attivitajiet multidixxiplinari kollha, u li din tirrigwarda biss ċerti attivitajiet identifikati strettament.

    42

    Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Belġju jqis li miżuri alternattivi, bħal miżuri interni, ma jkunux daqshekk effikaċi sabiex tinżamm l-indipendenza tal-professjoni ta’ kontabilista IPCF u jiġi żgurat l-obbligu ta’ osservanza tas-sigriet professjonali impost fuq din il-professjoni. Fil-fatt, indipendentement mill-fatt li l-maġġoranza tal-uffiċċji tal-kontabilisti fil-Belġju ma għandhomx iktar minn erba’ persuni, tali miżuri interni huma diffiċli li jiġu implimentati u ma jippermettux lill-awtoritajiet nazzjonali li jiżguraw l-istħarriġ effikaċi tal-imsemmija implimentazzjoni.

    2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    43

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ma jkunux suġġetti għal rekwiżiti li jobbligawhom jeżerċitaw xi attività speċifika esklużivament jew li jirrestrinġu l-eżerċizzju konġunt jew bi sħab ta’ attivitajiet differenti. Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) ta’ din id-direttiva jippreċiża li l-fornituri msemmija fil-punti (a) u (b) tiegħu jistgħu jiġu suġġetti għal tali rekwiżiti, b’osservanza tal-kundizzjonijiet li jipprevedu.

    44

    F’dan il-każ, bħall-Artikolu 21(3) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik, l-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid jipprojbixxi l-eżerċizzju konġunt tal-professjoni ta’ kontabilista IPCF ma’ numru ta’ attivitajiet meqjusa, fihom innifishom, bħala theddida għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilista IPCF, jiġifieri l-attivitajiet ta’ broker jew ta’ aġent tal-assigurazzjoni, ta’ aġent tal-proprjetà immobbli, ħlief l-attività ta’ sindikat, kif ukoll l-attivitajiet kollha bankarji u l-attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji li għalihom hija meħtieġa r-reġistrazzjoni mal-Awtorità tas-Servizzi u Swieq Finanzjarji.

    45

    Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet jissuġġettaw il-kontabilisti IPCF għal rekwiżiti bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123. Għaldaqstant, għandu jiġu eżaminat jekk dawn ir-rekwiżiti jistgħux jiġu aċċettati abbażi tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123.

    46

    F’dan ir-rigward, il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi li r-rekwiżiti imposti fuq il-professjonijiet regolati huma aċċettati biss sa fejn dawn huma ġġustifikati sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ etika differenti minħabba l-ispeċifiċità ta’ kull professjoni, u neċessarji sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dawn il-professjonijiet.

    47

    F’dan il-każ, ir-Renju tal-Belġju jinvoka n-neċessità li jiġu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilisti IPCF u, b’mod partikolari, li tiġi żgurata l-osservanza, minnhom, tal-obbligu tagħhom li jżommu sigriet professjonali strett, obbligu li jaqa’ taħt l-għan iktar ġenerali li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ etika tal-professjoni ta’ kontabilista IPCF.

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li Stat Membru li jinvoka raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali jew, bħal f’dan il-każ, l-eċċezzjoni prevista fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123 sabiex jipprova li l-projbizzjoni ta’ attivitajiet multidixxiplinari li huwa introduċa hija neċessarja sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilisti IPCF, għandu jipproduċi provi preċiżi li jippermettu li jiġu ssostanzjati l-argumenti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑377/17, EU:C:2019:562, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rilevanza tas-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98), għandu jiġi rrilevat li r-raġunament żviluppat f’dik is-sentenza ma jistax jiġi traspost għal din il-kawża. Fil-fatt, u bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 sa 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dik is-sentenza, dwar il-professjoni ta’ kontabilista fil-qafas ta’ paragun bejn il-professjoni ta’ avukat u dik ta’ kontabilista, billi ddistingwixxiet dawn iż-żewġ professjonijiet, u llimitat l-eżami tagħha għas-sitwazzjoni speċifika tal-avukati u tal-kontabilisti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    50

    Barra minn hekk, u bħalma rrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-professjoni ta’ kontabilista IPCF ma tistax tiġi assimilata ma’ dik ta’ avukat. Fil-fatt, b’differenza għal din il-professjoni tal-aħħar, il-professjoni ta’ kontabilista IPCF ma tinkludix ir-rappreżentanza legali quddiem il-qrati, għaliex, bħalma aċċetta r-Renju tal-Belġju matul is-seduta, il-kontabilisti IPCF jistgħu eventwalment jintervjenu bħala esperti fil-qasam tal-professjoni tagħhom iżda ma għandhomx mandat legali sabiex jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom quddiem il-qrati.

    51

    F’dawn il-kundizzjonijiet, ma ġiex muri li l-projbizzjoni ta’ attivitajiet multidixxiplinari, prevista mil-leġiżlazzjoni Belġjana, tista’ tiġi pparagunata mal-projbizzjoni li kienet is-suġġett tas-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98).

    52

    Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Renju tal-Belġju skont liema, minn naħa, il-projbizzjoni inkwistjoni hija proporzjonata sa fejn din tirrigwarda biss attivitajiet identifikati strettament li għalihom huwa preżunt li jista’ jkun hemm kunflitt ta’ interess u, min-naħa l-oħra, li miżuri alternattivi, fid-dawl tal-istruttura tas-suq Belġjan, ma jistgħux ikunu daqshekk effikaċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

    53

    Qabelxejn, filwaqt li huwa minnu li l-projbizzjoni inkwistjoni tirrigwarda biss attivitajiet identifikati strettament, xorta jibqa’ l-fatt li r-Renju tal-Belġju ma jissostanzjax b’mod suffiċjenti l-argumenti tiegħu skont liema l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess hija preżunta fil-każ ta’ eżerċizzju konġunt minn kontabilista IPCF ta’ attività ta’ aġent tal-proprjetà immobbli, ta’ broker tal-assigurazzjoni jew tal-attivitajiet bankarji u finanzjarji. B’mod partikolari, minkejja li dawn l-attivitajiet tal-aħħar huma rremunerati abbażi ta’ kummissjoni li l-ammont tagħha jista’ jkun ogħla mill-onorarji rċevuti mill-professjoni ta’ kontabilista, tali possibbiltà teżisti wkoll fil-każ ta’ professjonijiet oħrajn li ma humiex is-suġġett ta’ projbizzjoni simili u li jistgħu jiġu eżerċitati, suġġett għal awtorizzazzjoni f’dan is-sens, b’mod konġunt mal-professjoni ta’ kontabilista IPCF.

    54

    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li dan l-Istat Membru ma weriex, billi jissostanzja l-argumenti tiegħu bi provi preċiżi, ir-raġuni li għaliha l-projbizzjoni inkwistjoni hija l-unika miżura li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, b’tali mod li ebda waħda mill-miżuri li joħolqu inqas preġudizzju għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, issuġġeriti mill-Kummissjoni, ma hija suffiċjentement effikaċi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

    55

    Fil-fatt, filwaqt li hija ġurisprudenza stabbilita li l-oneru tal-prova li għandu fuqu Stat Membru ma jistax iwassal sabiex dan ikun meħtieġ juri, b’mod pożittiv, li ebda miżura immaġinabbli oħra ma tippermetti li jintlaħaq l-imsemmi għan fl-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑377/17, EU:C:2019:562, punt 64), xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi Stat Membru għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u fid-dettall il-punti ppreżentati mill-Kummissjoni u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑398/14, EU:C:2016:61, punt 48, u tal‑24 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑433/15, EU:C:2018:31, punt 44).

    56

    Issa, f’dan il-każ, ċertament, jista’ jiġi aċċettat li, bħalma jargumenta r-Renju tal-Belġju, xi miżuri ta’ organizzazzjoni interna tal-impriżi tal-kontabilisti IPCF huma partikolarment diffiċli li jiġu implimentati minħabba d-daqs żgħir ta’ dawn l-impriżi, li jagħmilha b’dan il-mod illużorja l-protezzjoni tal-garanzija ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li għandu jkollha din il-professjoni.

    57

    Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju ma kkontestax b’mod konvinċenti l-punti mqajma mill-Kummissjoni skont liema stħarriġ ex post mill-Kmamar tal-Professjonisti jikkostitwixxi miżura inqas restrittiva sabiex jintlaħaq l-għan ta’ garanzija tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-kontabilisti IPCF, peress li l-argumenti mqajma minn dan l-Istat Membru fir-rigward tal-effikaċità mnaqqsa ta’ tali miżura ma humiex ta’ natura fihom innifishom li juru li tali stħarriġ ma huwiex xieraq sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    58

    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-Renju tal-Belġju jinvoka d-diffikultajiet prattiċi ta’ implimentazzjoni ta’ miżuri alternattivi tan-natura ta’ dawk issuġġeriti mill-Kummissjoni, huwa stabbilit li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi diffikultajiet prattiċi, amministrattivi jew finanzjarji sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑600/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2086, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel parti tal-ewwel ilment, dwar il-ksur mill-Artikolu 21(3) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik u l-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF il-ġdid tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123, għandha tiġi milqugħa.

    b)   Fuq it-tieni parti tal-ewwel ilment, dwar il-ksur tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 mill-Artikolu 21(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik

    1) L-argumenti tal-partijiet

    60

    Il-Kummissjoni targumenta li l-Artikolu 21(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik, sa fejn dan kien jistabbilixxi regola ta’ inkompatibbiltà tal-professjoni ta’ kontabilista IPCF ma’ kwalunkwe attività artiġjanali, agrikola jew kummerċjali, kien jikser l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123, minkejja li, fuq talba tal-kontabilista IPCF ikkonċernat, setgħet issir deroga minn din ir-regola permezz ta’ deċiżjoni tal-Kmamar tal-Professjonisti.

    61

    F’dak li jirrigwarda n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali projbizzjoni ta’ prinċipju, il-Kummissjoni targumenta li ma jistax jiġi argumentat li l-eżerċizzju konġunt, minn kontabilista IPCF, ta’ kwalunkwe attività artiġjanali, agrikola jew kummerċjali, iwassal għal kunflitti ta’ interess u dejjem ikun ta’ żvantaġġ għall-klijenti, il-fornituri l-oħrajn tas-servizzi u s-soċjetà fit-totalità tagħha. Anki fl-ipoteżi li dan ikun il-każ, din l-istituzzjoni tqis, għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel ilment, li tali restrizzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

    62

    Bi tweġiba, ir-Renju tal-Belġju jargumenta li l-projbizzjoni ta’ prinċipju li tinsab fl-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik kienet tkopri numru limitat ta’ attivitajiet, elenkati b’mod eżawrjenti, li jippreżentaw riskju ta’ preġudizzju għall-indipendenza u għall-imparzjalità tal-kontabilisti IPCF, b’tali mod li ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

    63

    Dan l-Istat Membru jżid li l-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik kien jipprevedi deroga possibbli għall-imsemmija projbizzjoni, permezz ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kmamar tal-Professjonisti, sakemm l-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilista kkonċernat ma jkunux mhedda u li l-attività eżerċitata b’mod konġunt mal-professjoni ta’ kontabilista tkun aċċessorja.

    64

    L-imsemmi Stat Membru jargumenta li, fil-prattika, l-awtorizzazzjoni dejjem kienet tingħata u li tali proċedura kellha l-għan li jiġi vverifikat jekk l-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilisti humiex ippriżervati kif ukoll li jiġu protetti l-konsumaturi.

    2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    65

    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 21(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik, sa fejn dan kien jipprojbixxi l-eżerċizzju konġunt tal-professjoni ta’ kontabilista IPCF ma’ kwalunkwe attività artiġjanali, agrikola u kummerċjali, ħlief fil-każ ta’ deroga mogħtija mill-Kmamar tal-Professjonisti, kien jissuġġetta lill-fornituri msemmija fih għal rekwiżiti bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123.

    66

    Għaldaqstant, għandu jiġu eżaminat jekk dawn ir-rekwiżiti jistgħux jiġu ġġustifikati abbażi tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123.

    67

    F’dan il-każ, l-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik kien jipprevedi li l-Kmamar tal-Professjonisti setgħu jagħtu l-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju, b’mod konġunt mal-professjoni ta’ kontabilista IPCF, ta’ attività msemmija fl-Artikolu 21(1) ta’ dan il-kodiċi, taħt il-kundizzjoni doppja li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilista IPCF ma jkunux mhedda u li din l-attività tkun aċċessorja.

    68

    Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123 ma jipprevedix il-possibbiltà li l-eżerċizzju konġunt ta’ professjoni regolata ma’ attività oħra jiġi suġġett għall-kundizzjoni li din tal-aħħar tkun aċċessorja. Min-naħa l-oħra, minkejja li r-Renju tal-Belġju jargumenta li l-awtorizzazzjonijiet mitluba għall-eżerċizzju konġunt kienu, fil-prattika, dejjem mogħtija, mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik jirriżulta li l-Kmamar tal-Professjonisti kellhom f’dan ir-rigward setgħa ta’ evalwazzjoni li ma kienet suġġetta għal ebda kriterju, li kienet tagħtihom diskrezzjoni wiesgħa ħafna sabiex jirrifjutaw talba għal awtorizzazzjoni jew jirrevokaw awtorizzazzjoni mogħtija preċedentement.

    69

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik jikser il-limiti imposti mill-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) fuq l-Istati Membri meta dawn ikunu jridu jissuġġettaw lil fornituri ta’ servizzi għal rekwiżiti fil-qasam ta’ attivitajiet multidixxiplinari.

    70

    F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni parti tal-ewwel ilment, dwar l-Artikolu 21(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik, għandha tintlaqa’, u, konsegwentement, għandu jintlaqa’ l-ewwel ilment fit-totalità tiegħu.

    c)   Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 49 TFUE

    1)   L-argumenti tal-partijiet

    71

    Il-Kummissjoni targumenta li l-argumenti kollha mqajma f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 jipprovaw li r-restrizzjonijiet fuq il-possibbiltà li jiġu eżerċitati attivitajiet multidixxiplinari jipprekludu lill-fornituri stabbiliti fl-Istati Membri minbarra r-Renju tal-Belġju milli jistabbilixxu ruħhom għall-ewwel darba f’dan l-Istat Membru. Hija tqis, barra minn hekk, li dawn ir-restrizzjonijiet jostakolaw l-istabbiliment sekondarju tagħhom fil-forma ta’ fergħa, ta’ sussidjarja jew ta’ aġenzija. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni tqis li għandu jiġi kkonstatat ukoll ksur tal-Artikolu 49 TFUE.

    72

    Ir-Renju tal-Belġju jwieġeb li l-Artikolu 49 TFUE ma japplikax għas-sitwazzjoni ta’ din il-kawża sa fejn il-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ element transkonfinali. Fi kwalunkwe każ, anki fl-ipoteżi li dan l-artikolu jkun applikabbli, il-ksur allegat mill-Kummissjoni ma huwiex stabbilit, għall-istess argumenti bħal dawk esposti fil-kuntest tal-ewwel ilment.

    2)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    73

    Preliminarjament, l-argument tar-Renju tal-Belġju, skont liema l-Artikolu 49 TFUE ma huwiex applikabbli għal dan il-każ sa fejn il-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ element transkonfinali, għandu jiġi miċħud.

    74

    Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tivverifika jekk il-miżura nazzjonali kkontestata mill-Kummissjoni, b’mod ġenerali, tistax tiskoraġġixxi l-operaturi ta’ Stati Membri oħrajn milli jagħmlu użu mil-libertà fundamentali inkwistjoni, irrispettivament, f’dan ir-rigward, minn jekk tkunx stabbilita jew le l-eżistenza ta’ element transkonfinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 49).

    75

    Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-ilment, għandu jitfakkar li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni dwar in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat FUE (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑576/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2430, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    76

    F’dan il-każ, anki jekk ir-rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni huma applikabbli b’mod identiku kemm għall-kontabilisti stabbiliti fil-Belġju kif ukoll għal dawk li ġejjin minn Stati Membri oħrajn, dawn jistgħu jwasslu sabiex jipprekludu lil din il-kategorija tal-aħħar milli jistabbilixxu ruħhom fil-Belġju. B’mod partikolari, il-projbizzjoni assoluta ta’ eżerċizzju konġunt tal-attività ta’ kontabilista IPCF ma’ ċerti attivitajiet u s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-eżerċizzju konġunt tal-imsemmija professjoni ma’ kwalunkwe attività artiġjanali, agrikola u kummerċjali jistgħu jissuġġettaw il-kontabilisti stabbiliti fi Stati Membri oħrajn għal restrizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal konsegwenzi finanzjarji u interruzzjonijiet tal-funzjonament tagħhom ta’ natura li jiskoraġġixxuhom milli jistabbilixxu ruħhom fil-Belġju.

    77

    Għaldaqstant, ir-rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.

    78

    Minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE jistgħu madankollu jiġu ammessi sakemm dawn jissodisfaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ikunu xierqa sabiex jiżguraw it-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Lahorgue, C‑99/16, EU:C:2017:391, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    79

    Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għal dawn ir-restrizzjonijiet, ir-Renju tal-Belġju jagħmel riferiment għall-argumenti tiegħu mqajma fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel ilment.

    80

    F’dawn il-kundizzjonijiet, għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punti 49 sa 58 kif ukoll 67 u 68, rispettivament, ta’ din is-sentenza, il-ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ippreżentati mir-Renju tal-Belġju għandhom jiġu miċħuda u, konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment dwar l-Artikolu 49 TFUE huwa fondat.

    81

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, billi pprojbixxa l-eżerċizzju konġunt tal-attività ta’ kontabilista ma’ dawk ta’ broker jew ta’ aġent tal-assigurazzjoni, ta’ aġent tal-proprjetà immobbli jew ta’ kwalunkwe attività bankarja oħra jew ta’ servizzi finanzjarji, u billi ppermetta lill-Kmamar tal-Istitut Professjonali tal-Kontabilisti u tal-Esperti tat-Taxxa Awtorizzati jipprojbixxu l-eżerċizzju konġunt tal-attività ta’ kontabilista ma’ kwalunkwe attività artiġjanali, agrikola u kummerċjali, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jissodisfa l-obbligi imposti fuqu bl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll l-Artikolu 49 TFUE.

    IV. Fuq l-ispejjeż

    82

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Renju tal-Belġju jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li dan tilef fir-rigward tal-essenzjal tal-motivi tiegħu, hemm lok li jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi pprojbixxa l-eżerċizzju konġunt tal-attività ta’ kontabilista ma’ dawk ta’ broker jew ta’ aġent tal-assigurazzjoni, ta’ aġent tal-proprjetà immobbli jew ta’ kwalunkwe attività bankarja jew ta’ servizzi finanzjarji, u billi ppermetta lill-Kmamar tal-Istitut Professjonali tal-Kontabilisti u tal-Esperti tat-Taxxa Awtorizzati jipprojbixxu l-eżerċizzju konġunt tal-attività ta’ kontabilista ma’ kwalunkwe attività artiġjanali, agrikola u kummerċjali, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jissodisfa l-obbligi imposti fuqu bl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern kif ukoll l-Artikolu 49 TFUE.

     

    2)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     

    3)

    Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq