Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0100

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2019.
    Línea Directa Aseguradora SA vs Segurcaixa, Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Dannu materjali kkawżat lil proprjetà immobbli minn ħruq ta’ vettura pparkjata fil-parkeġġ privat ta’ din il-proprjetà – Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja.
    Kawża C-100/18.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:517

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    20 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Dannu materjali kkawżat lil proprjetà immobbli minn ħruq ta’ vettura pparkjata fil-parkeġġ privat ta’ din il-proprjetà – Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja”

    Fil-Kawża C‑100/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

    Línea Directa Aseguradora SA

    vs

    Segurcaixa, Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz u P. G. Xuereb, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Línea Directa Aseguradora SA, minn M. Relaño, abogado,

    għal Segurcaixa, Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros, minn C. Blanco Sánchez de Cueto, procurador, kif ukoll minn A. Ruiz Hourcadette, abogada,

    għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz kif ukoll minn V. Ester Casas, bħala aġenti,

    għall-Gvern Litwan, minn R. Krasuckaitė u G. Taluntytė, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn A. Bates, barrister,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe kif ukoll minn J. Rius, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Línea Directa Aseguradora SA (iktar ’il quddiem “Línea Directa”) u Segurcaixa, Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros (iktar ’il quddiem “Segurcaixa”), fir-rigward tar-rimbors tal-kumpensi li Segurcaixa ħallset lill-vittma ta’ nar li oriġina miċ-ċirkwit elettriku ta’ karozza assigurata ma’ Línea Directa.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    1)

    “vettura” tfisser kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le;

    […]”

    4

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

    Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.

    Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li l-kuntratt tal-assigurazzjoni jkopri wkoll:

    a)

    skont il-liġi fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, kull telf jew korriment ikkawżat fit-territorju ta’ dawk l-Istati;

    b)

    kull telf jew korriment soffert minn ċittadini ta’ Stati Membri tul vjaġġ dirett bejn żewġ territorji li fihom it-Trattat ikun fis-seħħ, jekk ma jkun hemm l-ebda uffiċċju nazzjonali tal-assiguraturi responsabbli għat-territorju li jkun qed jinqasam; f’dak il-każ, it-telf jew korriment għandu jkun kopert skont il-liġijiet nazzjonali dwar l-assigurazzjoni obbligatorja fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-vettura tkun normalment ibbażata.

    L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”

    5

    L-Artikolu 5 tad-direttiva msemmija jipprevedi:

    “1.   Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga tal-Artikolu 3 fir-rigward ta’ ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati; il-lista ta’ dawn il-persuni għandha titfassal mill-Istat konċernat u tiġi komunikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

    […]

    2.   Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga tal-Artikolu 3 fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li jkollhom pjanċa speċjali; il-lista tagħhom għandha titfassal mill-Istat ikkonċernat u tiġi komunikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

    […]”

    6

    L-Artikolu 13(1)(c) tal-istess direttiva jipprovdi:

    “1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident, fejn dik id-dispożizzjoni statutorja jew klawsola kuntrattwali tkun teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

    […]

    c)

    persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura konċernata.”

    Id-dritt Spanjol

    7

    Il-Ley sobre responsabilidad civil y seguro en la circulación de vehículos a motor (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni fil-qasam tal-Użu tal-Vetturi bil-Mutur), ikkodifikata permezz tar-Real Decreto Legislativo 8/2004 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley sobre responsabilidad civil y seguro en la circulación de vehículos a motor (id-Digriet-Liġi Rjali Nru 8/2004 li jfassal mill-ġdid il-liġi dwar ir-responsabbiltà ċivili u dwar l-assigurazzjoni fir-rigward tal-użu tal-vetturi bil-mutur), tad-29 ta’ Ottubru 2004 (BOE Nru 267 tal-5 ta’ Novembru 2004 p. 3662), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, tipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tagħha:

    “Is-sewwieq ta’ vetturi bil-mutur huwa responsabbli, minħabba r-riskju involut fis-sewqan ta’ tali vetturi, għad-dannu kkawżat lil persuni jew lil beni mill-użu tagħhom.

    F’każ ta’ danni kkawżati lil persuni, is-sewwieq huwa eżentat minn din ir-responsabbiltà biss jekk huwa juri li dawn id-danni huma t-tort tal-vittma esklużivament jew minħabba forza maġġuri esterna għas-sewqan jew għall-funzjonament tal-vettura; ma humiex ikkunsidrati bħala forza maġġuri jew difetti tal-vettura la l-ksur u lanqas il-falliment ta’ xi wieħed mill-mekkaniżmi jew partijiet tal-imsemmija vettura.

    Fil-każ ta’ ħsara lil beni, is-sewwieq għandu jkun responsabbli fil-konfront ta’ terzi meta huwa jkun ċivilment responsabbli abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1902 et seq. tal-[Código Civil (Kodiċi Ċivili)], tal-Artikoli 109 et seq. tal-[Código Penal (Kodiċi Kriminali)], u d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

    Jekk is-sewwieq u l-vittma t-tnejn kienu negliġenti, ir-responsabbiltà għandha tinqasam b’mod ekwu u l-ammont ta’ kumpens għandu jinqasam skont ir-responsabbiltà ta’ kull wieħed.

    Il-proprjetarju mhux sewwieq huwa responsabbli għad-danni fiżiċi u materjali kkawżati mis-sewwieq meta jkun marbut ma’ dan tal-aħħar permezz ta’ waħda mir-rabtiet imsemmija fl-Artikolu 1903 tal-Kodiċi Ċivili u fl-Artikolu 120(5) tal-Kodiċi Kriminali. Din ir-responsabbiltà tintemm meta l-proprjetarju msemmi jipprova li uża d-diliġenza kollha ta’ missier tajjeb tal-familja sabiex jipprevjeni d-dannu.

    Il-proprjetarju mhux sewwieq ta’ vettura li ma huwiex kopert minn assigurazzjoni obbligatorja huwa responsabbli ċivilment, b’mod konġunt mas-sewwieq, għad-danni fiżiċi u materjali kkawżati mill-vettura msemmija, ħlief jekk jipprova li l-vettura nsterqet.”

    8

    L-Artikolu 2(1) tar-Reglamento del seguro obligatorio de responsabilidad civil en la circulación de vehículos de motor (ir-Regolament dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili marbuta mal-użu ta’ vetturi bil-mutur), ikkodifikat permezz tar-Real Decreto 1507/2008 por el que se aprueba el Reglamento del seguro obligatorio de responsabilidad civil en la circulación de vehiculos a motor (id-Digriet Irjali 1507/2008 li japprova r-regolament relattiv għall-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur), tat-12 ta’ Settembru 2008 (BOE Nru 222, tat-13 ta’ Settembru 2008, p. 37487), jipprovdi s-segwenti:

    “Għall-finijiet tar-responsabbiltà ċivili marbuta mal-użu ta’ vetturi bil-mutur u tal-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja rregolata minn dan ir-regolament, jitqiesu bħala fatti marbuta mal-użu ta’ vettura l-fatti li jirriżultaw mir-riskju involut fis-sewqan tal-vetturi bil-mutur imsemmija fl-artikolu preċedenti, kemm fil-garaxxijiet u fil-parkeġġi kif ukoll f’toroq u fuq terreni pubbliċi u privati adattati għat-traffiku, urbani u interurbani, kif ukoll f’toroq u fuq terreni li, mingħajr ma ġew adattati għal dan il-għan, jintużaw ta’ spiss.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    Fid-19 ta’ Awwissu 2013, Luis Salazar Rodes ipparkja l-karozza l-ġdida tiegħu fil-garaxx privat ta’ bini, li huwa l-proprjetà ta’ Industrial Software Indusoft (iktar ’il quddiem “Indusoft”).

    10

    Fl-20 ta’ Awwissu 2013, L. Salazar Rodes, li ried juri l-karozza tiegħu lil ġar, xegħel il-magna tagħha mingħajr ma rnexxielu jċaqlaqha. Fil-lejl bejn l-20 u l-21 ta’ Awwissu 2013, il-karozza ta’ L. Salazar Rodes, li ma kinitx instaqet għal iktar minn 24 siegħa, ħadet in-nar, u kkawżat nirien fil-proprjetà immobbli ta’ Indusoft u kkawżatilha ħsara. Iċ-ċirkwit elettriku ta’ din il-karozza kien wassal għal dan in-nar.

    11

    L. Salazar Rodes kien xtara assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, mingħand Línea Directa, kumpannija tal-assigurazzjoni.

    12

    Indusoft kienet xtrat assigurazzjoni tad-djar mingħand Segurcaixa, li ħallsitha l-ammont totali ta’ EUR 44 704.34 għad-dannu kkawżat min-nar imsemmi.

    13

    Matul Marzu 2014, Segurcaixa ppreżentat rikors kontra Línea Directa quddiem il-Juzgado de Primera Instancia de Vitoria-Gazteiz (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vitoria-Gazteiz, Spanja) u talbet il-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 44 704.34 flimkien mal-interessi legali, minħabba li l-inċident kien joriġina minn “użu ta’ vettura” kopert mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li jirriżulta mill-użu tal-vettura minn L. Salazar Rodes. Dik il-qorti ċaħdet dak ir-rikors, peress li qieset li n-nar inkwistjoni ma setax jitqies bħala dovut għall-“użu tal-vettura”, fis-sens tal-liġi Spanjola.

    14

    Segurcaixa appellat mis-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia de Vitoria-Gazteiz (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vitoria-Gazteiz) quddiem l-Audiencia Provincial de Álava (il-Qorti Provinċjali ta’ Alava, Spanja), li laqgħet l-appell u kkundannat lil Línea Directa tħallas il-kumpens mitlub minn Segurcaixa.

    15

    Línea Directa appellat fil-kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Audiencia Provincial de Álava (il-Qorti Provinċjali ta’ Alava) quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja).

    16

    Din l-aħħar qorti tosserva li l-Audiencia Provincial de Álava (il-Qorti Provinċjali ta’ Alava) adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “użu ta’ vettura” li tgħid li, fis-sens tal-liġi Spanjola, tidħol f’dan il-kunċett sitwazzjoni li fiha vettura pparkjata b’mod mhux permanenti f’garaxx privat tieħu n-nar, meta dan in-nar ikun ipprovokat minn kawżi proprji għall-vettura u mingħajr l-involviment ta’ terzi.

    17

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni ċentrali hija dwar jekk l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur tkoprix inċident li jinvolvi vettura li l-magna tagħha ma kinitx mixgħula, filwaqt li dik il-vettura, li kienet ipparkjata f’garaxx privat, ma kienet tirrappreżenta l-ebda riskju lill-utenti tat-triq.

    18

    F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li, skont il-ġurisprudenza tagħha, minn naħa, jidħlu fil-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-liġi Spanjola, mhux biss is-sitwazzjonijiet li fihom il-vettura tiċċaqlaq, iżda wkoll dawk li fihom il-magna tal-vettura ma tkunx mixgħula kif ukoll is-sitwazzjonijiet li fihom vettura tieqaf matul vjaġġ u tieħu n-nar.

    19

    Min-naħa l-oħra, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) diġà ddeċidiet li nar f’vettura li kienet ipparkjata fi triq pubblika u li kienet mgħottija sabiex tkun protetta mill-iffriżar ma kinitx sitwazzjoni li kienet tidħol fil-kunċett ta’ “użu ta’ vettura” fis-sens tal-liġi Spanjola.

    20

    Dik il-qorti tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza tagħha, meta vettura tkun wieqfa u l-ħsara ma jkollha ebda konnessjoni mal-funzjoni ta’ trasport ta’ dik il-vettura, dan ma jkunx “użu ta’ vettura” li jista’ jkun kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja.

    21

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-liġi Spanjola, is-sewwieq ma huwiex responsabbli għad-dannu kkawżat minħabba l-użu ta’ vettura meta l-ħsara tkun dovuta għal każ ta’ forza maġġuri li tkun esterna għas-sewqan tal-vettura. Madankollu, la d-difetti ta’ vettura u lanqas il-ksur jew il-falliment ta’ xi wieħed mill-mekkaniżmi tagħha ma jitqiesu bħala każijiet ta’ forza maġġuri. Għalhekk, fis-sitwazzjonijiet fejn l-inċident huwa kkawżat minn difett f’vettura, dan id-difett ma jeżonerax lis-sewwieq mir-responsabbiltà tiegħu u għalhekk ma jeskludix il-kopertura mill-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili ta’ vetturi bil-mutur.

    22

    Il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li jekk in-nar iseħħ meta l-vettura tkun wieqfa, iżda dan in-nar ikun joriġina minn funzjoni meħtieġa jew utli għall-moviment ta’ din il-vettura, dik is-sitwazzjoni għandha titqies li hija relatata mal-funzjoni normali tal-vettura.

    23

    Min-naħa l-oħra, sitwazzjoni li fiha vettura tkun ipparkjata f’garaxx privat tista’ tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “użu tal-vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, fejn, jew fin-nuqqas ta’ prossimità ratione temporis bejn l-użu preċedenti tal-vettura u n-nirien, jew minħabba l-mod kif ikun seħħ l-inċident, ma jkun hemm ebda rabta bejn dak l-inċident u l-moviment tal-vettura.

    24

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju żżid li, jekk ma tittiħidx inkunsiderazzjoni r-rabta ratione temporis bejn l-użu preċedenti tal-vettura u l-okkorrenza tal-inċident, dan jista’ jwassal biex l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur tiġi assimilata mill-assigurazzjoni tal-proprjetarju li tkopri r-responsabbiltà li tirriżulta mis-sempliċi detenzjoni jew pussess ta’ vettura.

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2009/103] jipprekludi interpretazzjoni li tinkludi fil-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja, id-danni kkawżati minn nar f’vettura wieqfa meta dan in-nar joriġina mill-mekkaniżmi neċessarji sabiex il-vettura taqdi l-funzjoni tagħha ta’ trasport?

    2)

    F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 3 tad-Direttiva [2009/103] jipprekludi interpretazzjoni li tinkludi fil-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja, id-danni kkawżati minn nar f’vettura meta ma tkunx tista’ tiġi stabbilita relazzjoni bejn dan in-nar u moviment preċedenti, b’tali mod li ma tkun tista’ tiġi stabbilita ebda konnessjoni ma’ vjaġġ?

    3)

    F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 3 tad-Direttiva [2009/103] jipprekludi interpretazzjoni li tinkludi fil-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja, id-danni kkawżati minn nar f’vettura meta din tkun ipparkjata f’garaxx privat magħluq?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda

    26

    Línea Directa tqis li l-ewwel domanda hija inammissibbli għar-raġuni li din tqajjem kwistjoni purament ipotetika. Dik l-impriża ssostni li l-fatt li n-nar inkwistjoni oriġina miċ-ċirkwit elettriku tal-vettura kkonċernata huwa l-uniku fatt kostanti stabbilit mill-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, ma huwiex stabbilit li dan in-nar oriġina mill-mekkaniżmi meħtieġa biex tiġi żgurata l-funzjoni ta’ trasport ta’ din il-vettura.

    27

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 16).

    28

    Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-ewwel domanda ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika. F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li din l-interpretazzjoni hija maħsuba biex tiċċara l-kunċett ta’ “użu tal-vetturi” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, li fuqu tiddependi s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-kumpens għad-danni kkawżati mill-ħruq ta’ vettura. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju pprovdiet biżżejjed informazzjoni fattwali u legali biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’mod utli għall-mistoqsijiet li sarulha.

    Fuq il-mertu

    29

    Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha vettura pparkjata f’garaxx privat ta’ bini tkun ħadet in-nar, u b’hekk tikkawża inċendju, li joriġina miċ-ċirkwit elettriku ta’ dik il-vettura, u jikkawża ħsara lil dak il-bini, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” imsemmi f’dik id-dispożizzjoni, anki jekk il-vettura msemmija ma tkunx instaqet għal iktar minn 24 siegħa qabel ma jkun seħħ l-inċendju.

    30

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi li kull Stat Membru għandu, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

    31

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li karozza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “vettura”, imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/103, li hija ddefinita bħala “vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji”. Barra minn hekk, huwa stabbilit li din il-vettura kienet normalment ibbażata fit-territorju ta’ Stat Membru u li ma kienet affettwata minn ebda deroga adottata skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

    32

    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva msemmija, għandu jitfakkar li dan il-kunċett ma jistax jitħalla għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru, iżda jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest ta’ dik id-dispożizzjoni u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro, C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 24).

    33

    Issa, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi li tifforma parti minnha d-Direttiva 2009/103 hija intiża, minn naħa, biex tiżgura l-moviment liberu kemm tal-vetturi li normalment ikunu bbażati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-persuni li jkunu abbord dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, biex tiżgura li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, irrispettivament minn fejn iseħħ l-inċident fit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro, C‑334/16, EU:C:2017:1007, punti 2526).

    34

    Barra minn hekk, mill-iżvilupp ta’ din il-leġiżlazzjoni jirriżulta li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi kien segwit u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro, C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 27).

    35

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” li jinsab fih ma huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet ta’ użu ta’ vetturi fit-triq, jiġifieri l-użu fit-toroq pubbliċi, u li dan il-kunċett ikopri kull użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali tagħha (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro, C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 28).

    36

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sa fejn il-vetturi bil-mutur imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/103, irrispettivament mill-karatteristiċi tagħhom, huma normalment intiżi biex iservu bħala mezzi ta’ trasport, dan il-kunċett ikopri kull użu ta’ vettura bħala mezz ta’ trasport (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro, C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 29).

    37

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-fatt li l-vettura involuta fl-inċident kienet wieqfa fil-mument meta seħħ dan l-inċident ma jeskludix, waħdu, li l-użu ta’ din il-vettura f’dak il-mument jista’ jaqa’ taħt il-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company, C‑648/17, EU:C:2018:917, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Il-punt jekk il-magna tal-vettura inkwistjoni kinitx qiegħda topera jew le fil-mument tal-okkorrenza tal-inċident lanqas ma huwa deċiżiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company, C‑648/17, EU:C:2018:917, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/103 ma tillimita l-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni u tal-protezzjoni li dan l-obbligu huwa intiż li jagħti lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi bil-mutur, għall-każijiet ta’ użu ta’ tali vetturi fuq ċerti artijiet jew fuq ċerti toroq (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro, C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 31).

    40

    Isegwi li l-portata tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, ma jiddependix mill-karatteristiċi tal-art li fuqha tintuża din il-vettura u, b’mod partikolari, mill-fatt li l-vettura kkonċernata tkun, fil-mument tal-inċident, wieqfa u tkun tinsab f’parkeġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company, C‑648/17, EU:C:2018:917, punti 3740).

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-parkeġġ u l-perijodu ta’ waqfien tal-vettura huma stadji naturali u meħtieġa li jiffurmaw parti integrali mill-użu tagħha bħala mezz ta’ trasport.

    42

    B’hekk, vettura tintuża konformement mal-funzjoni ta’ trasport tagħha meta tiċċaqlaq, iżda, fil-prinċipju, anki meta tkun ipparkjata bejn ċaqliq u ieħor.

    43

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-parkeġġ ta’ vettura f’garaxx privat jikkostitwixxi użu minnha li huwa konformi mal-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport.

    44

    Din il-konklużjoni ma tiġix ikkontestata mill-fatt li l-vettura kienet ipparkjata għal iktar minn 24 siegħa f’dan il-garaxx. Fil-fatt, il-parkeġġ ta’ vettura jippreżupponi li din, xi drabi għal żmien twil, tibqa’ wieqfa saċ-ċaqliq sussegwenti tagħha.

    45

    Fir-rigward tal-fatt li l-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta minn nar ikkawżat miċ-ċirkwit elettriku ta’ vettura, għandu jitqies li, peress li l-vettura li wasslet għal dan l-inċident tissodisfa d-definizzjoni ta’ “vettura”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/103, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn il-partijiet tal-vettura msemmija li wasslu għall-fatt ta’ ħsara u lanqas li jiġu ddeterminati l-funzjonijiet imwettqa minn dik il-parti tal-vettura.

    46

    Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi bil-mutur li ġie segwit u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif imfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

    47

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda r-rikors ta’ terzi persuni vittmi ta’ inċident, għandha titqies mingħajr effett kull dispożizzjoni legali jew kuntrattwali li teskludi mill-kopertura tal-assigurazzjoni ħsara kkawżata mill-użu jew mis-sewqan ta’ vettura minn persuna li ma tkunx ikkonformat ruħha mal-obbligi legali ta’ natura teknika dwar il-kundizzjoni u s-sikurezza tal-vettura kkonċernata, liema ħaġa tikkorrobora dik l-interpretazzjoni.

    48

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha vettura pparkjata f’garaxx privat ta’ bini li tintuża konformement mal-funzjoni ta’ trasport tagħha tkun ħadet in-nar, u b’hekk tikkawża inċendju, li joriġina miċ-ċirkwit elettriku ta’ dik il-vettura, u jikkawża ħsara lil dak il-bini, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” imsemmi f’dik id-dispożizzjoni, anki jekk il-vettura msemmija ma tkunx instaqet għal iktar minn 24 siegħa qabel ma jkun seħħ l-inċendju.

    Fuq l-ispejjeż

    49

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha vettura pparkjata f’garaxx privat ta’ bini li tintuża konformement mal-funzjoni ta’ trasport tagħha tkun ħadet in-nar, u b’hekk tikkawża inċendju, li joriġina miċ-ċirkwit elettriku ta’ dik il-vettura, u jikkawża ħsara lil dak il-bini, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” imsemmi f’dik id-dispożizzjoni, anki jekk il-vettura msemmija ma tkunx instaqet għal iktar minn 24 siegħa qabel ma jkun seħħ l-inċendju.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Fuq