Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62017CJ0258
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 15 January 2019.#E.B. v Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter BVA.#Request for a preliminary ruling from the Verwaltungsgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling — Social policy — Directive 2000/78/EC — Equal treatment in employment and occupation — Article 2 — Attempted act of same-sex indecency committed by a civil servant on male minors — Disciplinary sanction adopted in 1975 — Compulsory early retirement accompanied by a reduction in the pension entitlement — Discrimination based on sexual orientation — Effects of the application of Directive 2000/78/EC on the disciplinary sanction — Calculation of the retirement pension paid.#Case C-258/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Jannar 2019.
E B. vs Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter BVA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2 – Attentat ta’ reat ta’ indeċenza mwettaq minn uffiċjal tas-servizz pubbliku fuq minuri ta’ sess maskili – Sanzjoni dixxiplinari adottata matul is-sena 1975 – Irtirar obbligatorju kmieni flimkien ma’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali – Effetti tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE fuq is-sanzjoni dixxiplinari – Modalitajiet ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar imħallsa.
Kawża C-258/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Jannar 2019.
E B. vs Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter BVA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2 – Attentat ta’ reat ta’ indeċenza mwettaq minn uffiċjal tas-servizz pubbliku fuq minuri ta’ sess maskili – Sanzjoni dixxiplinari adottata matul is-sena 1975 – Irtirar obbligatorju kmieni flimkien ma’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali – Effetti tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE fuq is-sanzjoni dixxiplinari – Modalitajiet ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar imħallsa.
Kawża C-258/17.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:17
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
15 ta’ Jannar 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2 – Attentat ta’ reat ta’ indeċenza mwettaq minn uffiċjal tas-servizz pubbliku fuq minuri ta’ sess maskili – Sanzjoni dixxiplinari adottata matul is-sena 1975 – Irtirar obbligatorju kmieni flimkien ma’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali – Effetti tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE fuq is-sanzjoni dixxiplinari – Modalitajiet ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar imħallsa”
Fil-Kawża C‑258/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura
E.B.
vs
Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter BVA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, T. von Danwitz, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Mejju 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal E.B., minn H. Graupner, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse u J. Schmoll, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u B.-R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn E.B. u l-Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter BVA (l-Assigurazzjoni għall-Mard tal-Uffiċjali u tal-Aġenti tas-Servizz Pubbliku, l-Awstrija) dwar il-legalità u l-effetti tad-deċiżjoni dixxiplinari imposta fuq E.B., matul is-sena 1975, minħabba attentat ta’ reat ta’ indeċenza mwettaq fuq minuri ta’ sess maskili. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont il-premessi 1 u 11 sa 13 tad-Direttiva 2000/78:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jistipula: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
[…]” |
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda: […]
[…] 3. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.” |
7 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri kellhom, bħala prinċipju, jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mit‑2 ta’ Diċembru 2003, jew setgħu jafdaw lill-imsieħba soċjali bil-kompitu tal-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet dwar ftehimiet kollettivi, filwaqt li jiżguraw li dawn tal-aħħar jiġu implimentati sal-istess data. |
8 |
Id-Direttiva 2000/78 daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Diċembru 2000, skont l-Artikolu 20 tagħha. |
Id-dritt Awstrijak
Id-dritt kriminali
9 |
Fil‑25 ta’ Frar 1974, l-Artikoli 128 u 129 tal-iStrafgesetz 1945 (il-Liġi Kriminali tal‑1945), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Federali ppubblikata fil-BGBl. Nru 273/1971 (iktar ’il quddiem l-“iStG”), kienu jipprovdu: “Korruzzjoni § 128. Kull persuna li, […] għall-finijiet ta’ gratifikazzjoni sesswali, tabbuża sesswalment tifel jew tifla taħt l-età ta’ 14‑il sena b’mod ieħor għajr dak imsemmi fl-Artikolu 127 jikkommetti r-reat ta’ korruzzjoni, li għandu jkun punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ minn 1 sa 5 snin, ta’ mhux iktar minn 10 snin f’każ ta’ ċirkustanzi aggravanti serji, u ta’ mhux iktar minn 20 sena fil-każ ta’ xi waħda mill-konsegwenzi msemmija fil-Paragrafu 126. Reat ta’ indeċenza
§ 129. Dawn il-forom ta’ indeċenza għandhom ikunu punibbli ukoll bħala reat kriminali:
|
10 |
L-Artikolu 129 tal-iStG ġie ssostitwit bl-Artikolu 209 tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem l-“iStGB”), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1975. L-imsemmi Artikolu 209 kien ifformulat kif ġej: “Kull persuna ta’ sess maskili li tkun laħqet l-età ta’ 19‑il sena li tikkommetti att ta’ natura sesswali ma’ persuna tal-istess sess ta’ iktar minn 14‑il sena u li għadha ma għalqitx it-18‑il sena għandha tkun punita b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sitt xhur u ħames snin.” |
11 |
Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2002, il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija) iddeċidiet li l-Artikolu 209 tal-iStGB ma kienx konformi mal-Kostituzzjoni u annullat din id-dispożizzjoni. |
12 |
Il-Liġi Federali ppubblikata fil-BGBl. I, Nru 134/2002, emendat, b’effett mit‑13 ta’ Awwissu 2002, l-iStGB u ħassret l-Artikolu 209 tiegħu, qabel ma sar effettiv l-annullament iddikjarat mill-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali). |
13 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija ġiet ikkundannata diversi drabi mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minħabba l-applikazzjoni li kienet saret tal-Artikolu 209 tal-iStGB qabel it-tħassir tiegħu (ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 9 ta’ Jannar 2003, L. u V. vs L‑Awstrija, CE:ECHR:2003:0109JUD003939298; il-Qorti EDB, 9 ta’ Jannar 2003, S.L. vs L‑Awstrija, CE:ECHR:2003:0109JUD004533099, kif ukoll il-Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2004, Woditschka u Wilfling vs L‑Awstrija, CE:ECHR:2004:1021JUD006975601). |
Id-dritt dwar is-servizz pubbliku
14 |
Fir-rigward tad-drittijiet għall-pensjoni tal-uffiċjali tas-servizz pubbliku fl-Awstrija, l-Artikolu 13(1) tal-Beamten-Dienstrechtsgesetz 1979 (il-Liġi tal‑1979 dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Servizz ta’ Uffiċjali tas-Servizz Pubbliku), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Federali ppubblikata fil-BGBl. I, Nru 119/2002, kien jipprevedi li, sat‑30 ta’ Diċembru 2016, l-uffiċjali tas-servizz pubbliku kienu jirtiraw fi tmiem il-65 sena tagħhom. |
15 |
L-Artikolu 24 tad-Dienstpragmatik (ir-Regolament dwar is-Servizz), fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fir-RGBl. Nru 15/1914 (iktar ’il quddiem id-“DP”), applikabbli għas-servizzi tal-pulizija, kien jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Uffiċjal tas-servizz pubbliku għandu, fi ħdan u barra s-servizz tiegħu, iżomm ir-reputazzjoni tal-professjoni, iġib ruħu f’kull ħin skont ir-regoli tar-rekwiżiti tal-imġiba u jevita kwalunkwe ħaġa li tista’ tippreġudika l-istima u l-kunfidenza meħtieġa mill-pożizzjoni tiegħu.” |
16 |
L-Artikolu 87 tad-DP kien jipprovdi: “L-uffiċjali tas-servizz pubbliku li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi uffiċjali u professjonali tagħhom għandhom ikunu suġġetti, bla ħsara għar-responsabbiltà kriminali tagħhom, għal sanzjonijiet amministrattivi jew dixxiplinari, skont jekk il-ksur ta’ dover jikkostitwixxix sempliċi ksur tar-regoli amministrattivi jew jekk, minħabba d-dannu jew il-ksur tal-interessi tal-Istat, in-natura jew is-serjetà tal-ksur, ir-reċidiva jew ċirkustanzi aggravanti oħra, dan il-ksur huwiex kkunsidrat bħala ksur tal-obbligi tas-servizz.” |
17 |
L-Artikolu 93 tad-DP kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Is-sanzjonijiet dixxiplinari huma dawn li ġejjin:
|
18 |
L-Artikolu 97 tad-DP kien ifformulat kif ġej: “1. L-irtirar obbligatorju bħala sanzjoni dixxiplinari jista’ jiġi impost kemm għal perijodu ddeterminat kif ukoll b’mod permanenti. It-tnaqqis tal-ammont normalment riċevut bħala pensjoni (bħala allowance) ma jistax jeċċedi l‑25 %. 2. Mal-iskadenza tal-perijodu ddeterminat fid-deċiżjoni, l-uffiċjal tas-servizz pubbliku għandu jiġi ttrattat daqs li kieku kien fuq irtirar obbligatorju temporanju, konformement mal-Artikolu 76, fid-data li fiha d-deċiżjoni dixxiplinari saret definittiva.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 |
E.B., ta’ sess maskili, imwieled fl‑1942, huwa uffiċjal irtirat tal-pulizija federali. |
20 |
Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Settembru 1974, il-Landesgericht für Strafsachen Wien (il-Qorti Reġjonali Kriminali ta’ Vjenna, l-Awstrija), abbażi tal-punt I tal-Artikolu 129 tal-iStG, ikkundannat lil E.B., li f’dak iż-żmien kien jaqdi l-funzjonijiet ta’ uffiċjal tal-pulizija, għal piena ta’ priġunerija sospiża għal tliet snin, għal attentat ta’ reat ta’ indeċenza ta’ natura omosesswali mwettaq fil‑25 ta’ Frar 1974 fuq żewġ minuri. |
21 |
E.B. appella minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), li ċaħdet l-appell tiegħu. |
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ġunju 1975 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975”), il-Kumitat Dixxiplinari tal-Bundespolizeidirektion Wien (il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija Federali ta’ Vjenna, l-Awstrija) issanzjona lil E.B. talli naqas mill-obbligi tal-etika tiegħu meta ordna lil żewġ minuri ta’ sess maskili, tal-età ta’ 14‑il sena u ta’ 15‑il sena rispettivament, li jipparteċipaw miegħu f’atti ta’ natura sesswali, għal liema raġuni huwa ġie kkundannat, konformement mal-Artikolu 8 u mal-punt I tal-Artikolu 129 tal-iStG, li wettaq ir-reat ta’ attentat ta’ reat ta’ indeċenza ta’ natura omosesswali ma’ żgħażagħ. Skont il-kliem tal-imsemmija deċiżjoni, “[b’]dan il-mod huwa ħati ta’ mġiba professjonali ħażina […], għal liema raġuni huwa, bħala sanzjoni dixxiplinari, għandu jirtira b’mod obbligatorju bi tnaqqis tal-ammont normali tal-pensjoni tiegħu, li ser titnaqqas b’25 % (ħamsa u għoxrin fil-mija) (Artikolu 93(1)(d), moqri flimkien mal-Artikolu 97(1) tad-DP).” |
23 |
E.B. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Kummissjoni Għolja għad-Dixxiplina tal-Bundesministerium für Inneres (il-Ministeru Federali għall-Intern, l-Awstrija), li ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 1976 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dixxiplinari konfermattiva tal‑24 ta’ Marzu 1976”). Konsegwentement, E.B. irtira b’mod obbligatorju b’effett mill‑1 ta’ April 1976. Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, fl-assenza ta’ din id-deċiżjoni dixxiplinari, E.B. kien ikollu pensjoni, konformement mal-leġiżlazzjoni Awstrijaka, sa mill‑1 ta’ Jannar 2008. |
24 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 1976, l-ammont tal-pensjoni ta’ E.B. ġie kkalkolat abbażi tal-irtirar obbligatorju tiegħu b’effett mill‑1 ta’ April 1976 u b’applikazzjoni tat-tnaqqis ta’ 25 % ordnat mill-awtorità dixxiplinari. |
25 |
Fit‑2 ta’ Ġunju 2008, E.B. appella quddiem l-awtorità dixxiplinari sabiex, b’mod partikolari, din tannulla d-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 u tissospendi l-proċedura dixxiplinari miftuħa kontrih. |
26 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni Għolja għad-Dixxiplina tal-Bundeskanzleramt (il-Kanċellerija Federali, l-Awstrija) ċaħdet dan l-appell. |
27 |
Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2012, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) ċaħdet bħala infondat ir-rikors li E.B. kien ippreżenta kontra din id-deċiżjoni. |
28 |
Barra minn hekk, fil‑11 ta’ Frar 2009, E.B. indirizza talba lill-awtorità tal-pensjonijiet għall-kalkolu u għall-ħlas b’lura ta’ salarji kif ukoll għall-għoti ta’ pensjoni ogħla. Huwa argumenta, prinċipalment, li, sabiex titwaqqaf id-diskriminazzjoni eżistenti, huwa kellu jitqies, fir-rigward tas-salarju u tal-pensjoni tiegħu, daqslikieku kien baqa’ attiv fis-servizz sal-età legali tal-irtirar. Sussidjarjament, huwa argumenta li huwa kellu dritt, għall-inqas, għall-ammont kollu tal-pensjoni tiegħu, mingħajr ebda tnaqqis. |
29 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2013, il-Ministeru Federali għall-Intern ċaħad it-talba ta’ E.B. intiża li jikseb il-ħlas b’lura tas-salarji. Huwa qies, essenzjalment, li E.B. ma kien sofra ebda dannu peress li d-dħul li huwa kien għamel fis-settur privat wara li telaq mis-servizz pubbliku federali kien ogħla minn dak li huwa kien jagħmel li kieku żamm postu bħala uffiċjal federali. |
30 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2015, l-assigurazzjoni għall-mard tal-uffiċjali u tal-aġenti tas-servizz pubbliku ċaħdet it-talbiet ta’ E.B., li sadanittant huwa kien emenda parzjalment, sabiex jingħata pensjoni ogħla. |
31 |
Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) ċaħdet bħala infondat ir-rikors li E.B. kien ippreżenta kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar. |
32 |
E.B. ippreżenta rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva). Fil-motivi tat-talba għall-ammissjoni tar-rikors tiegħu, huwa b’mod partikolari qajjem il-kwistjoni dwar jekk l-effetti legali tad-deċiżjoni dixxiplinari konfermattiva tal‑24 ta’ Marzu 1976 kinux waqfu milli japplikaw, minħabba l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, sa fejn jirrigwarda d-drittijiet għal pensjoni li din id-deċiżjoni tirrigwarda. |
33 |
Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) qieset li l-proċedura għal reviżjoni mibdija minn E.B. kienet leċita, sa fejn, fil-motivi tat-talba għall-ammissjoni tiegħu, huwa qajjem il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78. |
34 |
Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) titlaq, barra minn hekk, mill-prinċipju li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Għolja għad-Dixxiplina tas-Servizzi tal-Kanċellerija Federali tas‑17 ta’ Ġunju 2009 ma ddeċidietx b’mod definittiv, b’effett vinkolanti, il-kwistjoni tal-limitazzjoni tal-effetti legali tad-deċiżjoni dixxiplinari konfermattiva tal‑24 ta’ Marzu 1976. |
35 |
Skont il-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit li, meta ġew adottati d-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 u d-deċiżjoni dixxiplinari konfermattiva tal‑24 ta’ Marzu 1976, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma kienet tipprekludi s-sanzjonijiet imposti kontra E.B. għall-motivi li kienu ngħataw dak iż-żmien. |
36 |
Hija żżid madankollu li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/78, sanzjoni dixxiplinari paragunabbli ma tistax tingħata iktar fl-Awstrija. Fil-fatt, ma huwiex iktar permess li ssir distinzjoni, anki għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-liġi li tirregola azzjoni dixxiplinari, bejn ir-reati ta’ indeċenza mwettqa fuq il-persuna ta’ minuri tal-età ta’ bejn l‑14-il sena u t‑18-il sena ta’ natura omosesswali maskili, minn naħa, u dawk ta’ natura eterosesswali jew leżbjani, min-naħa l-oħra. Issa, id-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 hija bbażata manifestement fuq tali distinzjoni, peress li din hija essenzjalment ibbażata fuq il-fatt li, dak iż-żmien, l-aġir li bih ġie akkużat E.B. kien reat kriminali minħabba n-natura omosesswali maskili tiegħu. Anki jekk ma setax jiġi eskluż li inċitament paragunabbli sabiex jitwettqu atti eterosesswali jew leżbjani kien jiġi interpretat bħala att li jippreġudika l-moralità, li seta’ jwassal għal azzjonijiet dixxiplinari meta seħħew il-fatti, is-sanzjoni dixxiplinari li kienet eventwalment tiġi imposta fuq l-uffiċjal magħruf bħala ħati ta’ reat ta’ indeċenza, fl-assenza tal-elementi kostituttivi previsti fil-punt I tal-Artikolu 129 tal-iStG, kienet tkun kunsiderevolment inqas severa. Skont il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, l-atti mwettqa minn E.B. ma setgħux ikunu ta’ natura li jiġġustifikaw is-sanzjoni dixxiplinari li tikkonsisti fl-irtirar obbligatorju. |
37 |
Issa, id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/78 jista’ jkun li biddel is-sitwazzjoni legali fil-kawża prinċipali fis-sens li, għall-perijodi wara d-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ, l-ammont tal-pensjoni mħallsa lil E.B. kellu jiġi kkalkulat mingħajr ebda diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, EU:C:1999:212). |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
39 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-effetti legali ta’ deċiżjoni dixxiplinari definittiva, adottata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, li tordna l-irtirar kmieni obbligatorju ta’ uffiċjal, flimkien ma’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tiegħu. |
40 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tad-Direttiva 2000/78, jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna l-ugwaljanza fit-trattament “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi toffri protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom huwa inkluż l-orjentament sesswali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C‑88/08, EU:C:2009:381, punt 33, u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi, C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 28). |
41 |
Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat, qabelxejn, jekk sitwazzjoni bħal dik ikkreata bid-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/78. |
42 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, mill-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi kkonferiti lill-Unjoni, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga” (sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 20, u tal‑24 ta’ Novembru 2016, Parris, C‑443/15, EU:C:2016:897, punt 32). |
43 |
F’dan il-każ, E.B., uffiċjal tal-pulizija, ġie ordnat, bħala sanzjoni dixxiplinari, jirtira kmieni u tnaqqaslu wkoll l-ammont tal-pensjoni b’25 %. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975, sa fejn din tinvolvi rtirar obbligatorju kmieni, affettwat il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. |
44 |
B’dan premess, sabiex jiġi evalwat jekk pensjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita dan il-kamp ta’ applikazzjoni għandu jinftiehem, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ċ) u (3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 13 tagħha, fis-sens li ma jkoprix l-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom ma humiex meqjusa bħala paga, fis-sens mogħti lil din il-kelma għall-applikazzjoni tal-Artikolu 157(2) TFUE (sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et, C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11, EU:C:2012:771, punt 31, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi, C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 30). |
45 |
F’dan ir-rigward, huwa biss il-kriterju bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-pensjoni titħallas lill-ħaddiem minħabba r-relazzjoni ta’ xogħol li torbtu mal-persuna li kienet timpjegah preċedentement, jiġifieri, il-kriterju tal-impjieg, ibbażat fuq il-kliem stess tal-imsemmi artikolu, li jista’ jkun ta’ natura determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 1994, Beune, C‑7/93, EU:C:1994:350, punt 43, kif ukoll tal‑1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
F’dan il-kuntest, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu l-pensjoni li taffettwa biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, li hija direttament relatata mal-perijodu ta’ servizz imwettaq u li l-ammont tagħha huwa kkalkolat abbażi tal-aħħar salarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punti 47 u 48, kif ukoll tal‑24 ta’ Novembru 2016, Parris, C‑443/15, EU:C:2016:897, punt 35). |
47 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jekk il-pensjoni tal-irtirar imħallsa lil E.B. taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE u, b’mod partikolari, jekk din il-pensjoni titqiesx, fid-dritt nazzjonali, bħala paga li tkompli titħallas fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ servizz li tkompli wara li l-uffiċjal jibda jingħata l-benefiċċji tal-irtirar, bħall-pensjoni tas-servizz pubbliku inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2015, Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20). |
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u sakemm il-pensjoni mħallsa lil E.B. taqa’ taħt il-kunċett ta’ “paga”, fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE u, għaldaqstant, tad-Direttiva 2000/78, sitwazzjoni bħal dik ikkreata bid-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva. |
49 |
Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk tali sitwazzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmija direttiva. |
50 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni legali ġdida tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha u jekk hija ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u li saru definittivi taħt il-liġi preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti ġuridiċi, is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et, C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 32, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 32). |
51 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 wasslet għal sitwazzjoni legali li saret definittiva qabel l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. |
52 |
Deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għaldaqstant ma tistax, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet partikolari f’dan is-sens fid-Direttiva 2000/78, tiġi marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-perijodu ta’ qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2011, Römer, C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 61). |
53 |
Għaldaqstant, huwa biss mal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, jiġifieri sa mit‑3 ta’ Diċembru 2003, li din kellha l-effett li ddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni l-effetti tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2011, Römer, C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 63). |
54 |
Issa, minkejja li l-Istat Awstrijak beda jħallas pensjoni tal-irtirar b’mod perjodiku lil E.B. sa mis-sena 1976, konformement mad-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975, huwa kompla jħallas din il-pensjoni wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78. |
55 |
Għaldaqstant, minħabba li komplew isiru l-ħlasijiet tal-pensjoni lil E.B., din id-deċiżjoni, minkejja li, ċertament, saret definittiva qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, min-naħa l-oħra ma eżawrietx l-effetti legali tagħha kollha qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu, iżda, għall-kuntrarju, tkompli tipproduċi l-effetti tagħha perjodikament, matul il-perijodu kollu tal-irtirar tal-persuna kkoċernata, wara l-imsemmija skadenza. |
56 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni kkreata bid-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 tikkostitwixxi sitwazzjoni mnissla qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/78, iżda li l-effetti futuri tagħha huma rregolati bl-imsemmija direttiva sa mill-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, konformement mal-prinċipju li jipprovdi li r-regoli ġodda japplikaw immedjatament għal tali effetti futuri. |
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika, wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri sa mit‑3 ta’ Diċembru 2003, għall-effetti futuri ta’ deċiżjoni dixxiplinari definittiva, adottata qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, li tordna l-irtirar obbligatorju kmieni ta’ uffiċjal, kif ukoll tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni tiegħu. |
Fuq it-tieni sal-ħames domanda
58 |
Permezz tat-tieni sal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, jekk, u sa liema punt, id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li timponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li teżamina mill-ġdid l-effetti legali tad-deċiżjoni dixxiplinari definittiva li tordna l-irtirar obbligatorju kmieni ta’ uffiċjal flimkien ma’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tiegħu. |
59 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Awstrijak jargumenta li r-regoli tal-etika applikabbli għal E.B., li kienu jimponu fuq l-uffiċjali l-obbligu li jżommu r-reputazzjoni tal-professjoni tagħhom kemm waqt kif ukoll barra mill-ħin tas-servizz tagħhom, kienu jissanzjonaw bl-istess mod il-persuni omosesswali u l-persuni eterosesswali li jkunu wettqu reat. Konsegwentement, dawn ir-regoli bl-ebda mod ma wasslu għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-orjentament sesswali. |
60 |
Madankollu, bħalma rrilevat il-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-riviju tagħha, u bħalma jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975, ikkonfermata bid-deċiżjoni dixxiplinari konfermattiva tal‑24 ta’ Marzu 1976, kienet essenzjalment ibbażata fuq in-natura kriminali ssanzjonata mil-liġi, f’dak iż-żmien, tal-aġir li bih ġie akkużat E.B. skont dispożizzjoni tad-dritt Awstrijak li kienet tissanzjona r-reati ta’ indeċenza mwettqa minn persuna ta’ sess maskili fuq persuna tal-istess sess ta’ età ta’ inqas minn 18‑il sena, iżda li ma kinitx tissanzjona r-reati ta’ indeċenza mwettqa minn persuna eterosesswali jew minn persuna omosesswali ta’ sess femminili fuq persuna ta’ età ta’ inqas minn 18-il sena. Il-qorti tar-rinviju enfasizzat ukoll li eventwali sanzjoni dixxiplinari imposta fl-ipoteżi li l-elementi kostituttivi ta’ reat ta’ indeċenza ta’ natura omosesswali maskili, previsti minn din id-dispożizzjoni tad-dritt kriminali Awstrijak, ma jkunux issodisfatti, kienet tkun kunsiderevolment inqas severa. |
61 |
Minn dan isegwi li sitwazzjoni bħal dik li tirriżulta mid-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975, li hija bbażata fuq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-orjentament sesswali, twassal għal diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. |
62 |
Wara li saret din il-konstatazzjoni, għandu jiġi rrilevat li s-sanzjoni dixxiplinari li kkonsistiet f’li E.B. jirtira kmieni b’mod obbligatorju ħadet effett fl‑1 ta’ April 1976. Din is-sanzjoni saret definittiva qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 u eżawriet l-effetti kollha tagħha meta daħlet fis-seħħ. Għaldaqstant, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, hija ma għadhiex tista’ tiġi kkontestata abbażi ta’ din id-direttiva. Il-fatt li l-qorti tar-rinviju tindika li E.B. ma setax jirtira b’mod obbligatorju bħala sanzjoni dixxiplinari fl-assenza tan-natura kriminalment issanzjonata, dak iż-żmien, tal-aġir li huwa ġie akkużat bih, ma huwiex ta’ natura li jbiddel din il-konstatazzjoni. |
63 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, persuna bħal E.B. ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 sabiex tikseb l-istabbiliment mill-ġdid tal-karriera professjonali li kien ikollha li kieku d-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 ma kinitx ġiet adottata. |
64 |
Għaldaqstant, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni ta’ persuna bħal E.B., din ma tistax titqies li tinsab, għall-perijodu mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 sa meta għalqet l-età legali ta’ rtirar, f’sitwazzjoni ta’ servizz attiv bħala uffiċjal. Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix il-ħlas, mill-Istat Awstrijak, ta’ paga jew tar-rikonoxximent ta’ dritt għal pensjoni għal dan il-perijodu. |
65 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tas-sanzjoni li tikkonsisti fit-tnaqqis ta’ 25 % tal-ammont tal-pensjoni ta’ E.B. abbażi tal-irtirar obbligatorju tiegħu sa mill‑1 ta’ April 1976, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li l-effetti li din is-sanzjoni pproduċiet qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma jistgħux, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, jiġu kkontestati abbażi ta’ din id-direttiva, din il-pensjoni mnaqqsa b’dan il-mod għadha madankollu titħallas perjodikament lil E.B. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 sa mid-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha timplika, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li, sa mill-imsemmija data, it-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni ta’ E.B. ikun eżaminat mill-ġdid, sabiex titwaqqaf id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali. Il-kalkolu li għandu jsir fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid għandu jsir abbażi tal-ammont tal-pensjoni li E.B. kien ikollu dritt għaliha fid-dawl tal-irtirar tiegħu sa mill‑1 ta’ April 1976. |
66 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika sa liema punt uffiċjal li, fl-istess żmien, ikun kiser l-obbligi tal-etika tiegħu paragunabbli għal dawk ta’ E.B. kien ikun is-suġġett ta’ sanzjoni dixxiplinari li kieku kellha titneħħa n-natura omosesswali maskili ta’ dan il-ksur. |
67 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju indikat li, minkejja li ma setax jiġi eskluż li inċitament paragunabbli ta’ minuri sabiex jitwettqu atti ta’ natura eterosesswali jew leżbjana kienet titqies u tiġi ssanzjonata bħala ksur tal-obbligi tal-etika imposti fuq l-uffiċjali tal-pulizija, is-sanzjoni dixxiplinari imposta fuq E.B. kienet tkun kunsiderevolment inqas severa fil-każ li l-elementi kostituttivi previsti mid-dispożizzjoni tad-dritt kriminali Awstrijak inkwistjoni ma kinux issodisfatti. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa l-kompitu tagħha li tiddetermina jekk l-imsemmi ksur wassalx għal sanzjoni dixxiplinari li tinvolvi tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar u, jekk ikun il-każ, kemm kien ikun it-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni li kien ikun impost fuq E.B. bħala sanzjoni dixxiplinari fl-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, u huwa mifhum li tali tnaqqis għandu, preżumibbilment, ikun ta’ inqas minn 25 %. |
68 |
Fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, u peress li l-kwistjoni hija li tiġi rrimedjata diskriminazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi tiġi ddeterminata l-perċentwali rilevanti ta’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni ta’ E.B., huwa irrilevanti l-fatt li, qabel laħqet l-età legali tal-irtirar, il-persuna kkonċernata spontanjament għamlet ħilitha jew le sabiex twettaq attività fis-settur pubbliku jew li, matul l-irtirar kmieni tagħha, hija ħadmet fis-settur privat. |
69 |
Il-qorti tar-rinviju għandha għaldaqstant tiddetermina l-ammont tal-pensjoni li għandha titħallas lil E.B. għall-perijodu li jibda fit‑3 ta’ Diċembru 2003. |
70 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni sal-ħames domanda għandha tkun li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, hija timponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li teżamina mill-ġdid, għall-perijodu li jibda fit‑3 ta’ Diċembru 2003, mhux is-sanzjoni dixxiplinari definittiva li tordna l-irtirar obbligatorju kmieni tal-uffiċjal ikkonċernat, iżda t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tiegħu, sabiex tiddetermina l-ammont li huwa kien jirċievi fl-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali. |
Fuq l-ispejjeż
71 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.