Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0648

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Novembru 2018.
    „BTA Baltic Insurance Company” AS vs „Baltijas Apdrošināšanas Nams” AS.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 72/166/KEE – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Inċident li jinvolvi żewġ vetturi pparkjati f’parkeġġ – Dannu materjali kkawżat lil vettura minn passiġier tal-vettura viċina li fetaħ il-bieba tagħha.
    Kawża C-648/17.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:917

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    15 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 72/166/KEE – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Inċident li jinvolvi żewġ vetturi pparkjati f’parkeġġ – Dannu materjali kkawżat lil vettura minn passiġier tal-vettura viċina li fetaħ il-bieba tagħha”

    Fil-Kawża C‑648/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

    “BTA Baltic Insurance Company” AS, li kienet “Balcia Insurance” SE,

    vs

    “Baltijas apdrošināšanas Nams” AS,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala l-President tas-Sitt Awla, C.G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal “BTA Baltic Insurance Company” AS, li kienet Balcia Insurance SE, minn E. Matveja u W. Stockmeyer,

    għal “Baltijas Apdrošināšanas Nams” AS, minn A. Pečerica,

    għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u V. Soņeca, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.‑P. Wojcik u A. Sauka bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal‑24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “BTA Baltic Insurance Company” AS, li kienet “Balcia Insurance” SE (iktar ’il quddiem “BTA”) u “Baltijas apdrošināšanas Nams” AS (iktar ’il quddiem “BAN”) dwar ir-rimbors ta’ kumpens ta’ assigurazzjoni mħallas minn BTA lil wieħed mill-klijenti tagħha.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11), ħassret b’mod partikolari l-Ewwel Direttiva u t-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat‑30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3, iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti relatati mal-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata mid-Direttivi mħassra.

    4

    L-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva kien jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    2.

    ‘il-parti inġurjata’ tfisser kull persuna ntitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew inġurja kkawżata minn vetturi;

    […]”

    5

    Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

    “Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 4, jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

    6

    L-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva kien jipprevedi:

    “Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull dispożizzjoni statutorja jew kull klawsola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta’ l-assigurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE, li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

    persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew implikata għal dan,

    jew

    persuni li ma jkollhomx liċenzja li tippermettilhom isuqu l-vettura kkonċernata,

    jew

    persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura kkonċernata, għandha,

    għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(1) ta[l-Ewwel Direttiva], titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident.

    […]”

    7

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

    “Il-membri tal-familja tal-persuna assigurata, ix-xufier jew kull persuna oħra li hi responsabbli taħt il-liġi ċivili fil-każ ta’ inċident, u li r-responsabbilità tagħha hija koperta mill-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) m’għandhiex tiġi eskluża mill-assigurazzjoni fir-rigward tal-korrimenti personali [tad-danni fiżiċi] tagħha minħabba dik ir-relazzjoni.”

    Id-dritt Latvjan

    8

    L-Artikolu 1 tas-Sauszemes transportlīdzekļu īpašnieku civiltiesiskās atbildības obligātās apdrošināšanas likums (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja għar-Responsabbiltà Ċivili tal-Proprjetarji tal-Vetturi tal-Art li Tittrasponi l-Ewwel Direttiva u t-Tieni Direttiva, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja”) jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

    […]

    2.

    ‘riskju assigurat’ ifisser inċident tat-traffiku li jagħti lok għall-ħlas tal-kumpens ta’ assigurazzjoni.

    […]”

    9

    L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi:

    “1.   Is-suġġett tal-assigurazzjoni obbligatorja għandu jkun ir-responsabilità ċivili tal-proprjetarju jew tad-detentur tal-vettura (iktar ’il quddiem ir-‘responsabbiltà ċivili tal-proprjetarju’) għad-dannu kkawżat lil terz fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku.

    2.   Kull proprjetarju ta’ vettura għandu jassigura r-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarju għal kull vettura mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni billi jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni xieraq. […]”

    10

    L-Artikolu 18 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

    “Fil-każ li jimmaterjalizza ruħu riskju assigurat, l-assiguratur li assigura r-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarju tal-vettura responsabbli għad-dannu […] għandu, fil-limiti tar-responsabbiltà tal-assiguratur, jikkumpensa d-dannu […] li ġie kkawżat lil terz fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku.”

    11

    Skont l-Artikolu 25(1) ta’ din l-istess liġi:

    “Id-dannu kkawżat lill-proprjetà ta’ terz fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku huwa d-dannu li jirriżulta:

    (1)

    mill-ħsara kkawżata lil vettura jew mit-telf totali tagħha;

    […]”

    12

    L-Artikolu 31(10) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja jipprovdi:

    “Jekk kumpanija tal-assigurazzjoni oħra tkun ikkumpensat id-dannu abbażi ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni volontarja, l-assiguratur li jkun assigura r-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarju tal-vettura responsabbli għad-dannu kkawżat fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku […] għandu jħallas lura l-ammont tal-kumpens kkalkulat u mħallas skont il-modalitajiet previsti minn din il-liġi.”

    13

    L-Artikolu 1 taċ-Ceļu satiksmes likums (il-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq) huwa fformulat kif ġej:

    “Il-liġi tuża t-termini sussegwenti:

    […]

    (5)

    ċirkulazzjoni: relazzjonijiet li jirriżultaw miċ-ċaqliq, bi jew mingħajr vettura, minn post għall-ieħor permezz tat-triq

    […]

    (7)

    inċident tat-traffiku: avveniment sfortunat li jseħħ fil-kuntest taċ-ċirkulazzjoni li jinvolvi mill-inqas vettura waħda u li jwassal għall-mewt ta’ persuna, jikkawżalha dannu fiżiku jew jikkawża dannu lill-proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew lill-ambjent, kif ukoll is-seħħ ta’ avveniment sfortunat f’post ieħor li fih is-sewqan ta’ vettura huwa possibbli u li jinvolvi vettura.”

    14

    L-Artikolu 44 ta’ din il-liġi jipprovdi:

    “1.   Id-dannu li jirriżulta minn ksur ta’ din il-liġi jew ta’ atti leġiżlattivi oħra relatati mas-sigurtà fit-toroq għandu jiġi kkumpensat.

    2.   Il-proprjetarju jew id-detentur ta’ vettura għandu jkun responsabbli għad-dannu kkawżat mill-użu ta’ din il-vettura sakemm huwa ma jipproduċix prova li d-dannu huwa dovut għal każ ta’ forza maġġuri, għall-intenzjoni jew għal negliġenza serja tal-vittma stess jew għal raġuni oħra li, skont il-liġi, teżenta mir-responsabbiltà għad-dannu.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15

    Fl‑24 ta’ Ottubru 2008, il-passiġġier ta’ vettura pparkjata f’parkeġġ ta’ supermarket (iktar ’il quddiem l-“ewwel vettura”) ikkawża ħsara, huwa hu jiftaħ il-bieba ta’ wara tan-naħa tal-lemin tal-istess vettura, lin-naħa ta’ wara tax-xellug tal-vettura viċina (iktar ’il quddiem it-“tieni vettura”).

    16

    Il-proprjetarju tat-tieni vettura u s-sewwieq tal-ewwel vettura mlew fuq il-post tal-inċident rapport bonarju li jikkonstata s-seħħ ta’ inċident li fih is-sewwieq tal-ewwel vettura rrikonoxxa li huwa kellu tort u indika li kien il-passiġġier tal-ewwel vettura li laqgħat, bil-bieba ta’ wara tal-imsemmija vettura, it-tieni vettura.

    17

    BTA kienet ikkonkludiet kuntratt ta’ assigurazzjoni fakultattiva mal-proprjetarju tat-tieni vettura. Ir-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-ewwel vettura kienet assigurata ma’ BAN.

    18

    BTA ħallset lill-klijent tagħha, il-proprjetarju tat-tieni vettura, abbażi tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li hija kienet ikkonkludiet miegħu, is-somma ta’ LVL 47.42 (madwar EUR 67.47) li tikkorrispondi għall-ispejjeż tat-tiswija tad-dannu kkawżat lil din vettura, wara tnaqqis tal-eċċess. Din il-kumpannija sussegwentement talbet lil BAN tirrimborsalha l-ispejjeż hekk sostnuti.

    19

    BAN irrifjutat li tirrimborsa dawn l-ispejjeż peress li inċident li jseħħ bejn żewġ vetturi li ma jkunux qegħdin jiċċaqalqu ma jistax jitqies bħala “riskju assigurat”, fis-sens tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja.

    20

    BTA għaldaqstant bdiet proċeduri legali kontra BAN, għall-finijiet tar-rimbors tal-kumpens li hija kienet ħallset lill-proprjetarju tat-tieni vettura. Il-qorti tal-ewwel istanza u dik tal-appell laqgħu r-rikors tagħha.

    21

    Fuq appell ippreżentat minn BAN, l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2014, annullat is-sentenza mogħtija fl-appell minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.

    22

    Hija u tiddeċiedi fuq rinviju, ir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesas kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Ċivili, il-Latvja), permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2014, ċaħdet ir-rikors ta’ BTA minħabba li jkun hemm inċident tat-traffiku biss meta mill-inqas waħda mill-vetturi involuti tkun miexja u, konsegwentement, ir-riskju assigurat ma’ BAN ma kienx twettaq f’dan il-każ. Din il-qorti kkonstatat, barra minn hekk, li ma kienx il-proprjetarju tal-ewwel vettura li kien ċivilment responsabbli għad-dannu kkawżat lit-tieni vettura, iżda l-passiġġier tal-ewwel vettura.

    23

    BTA appellat fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema). Insostenn tal-appell tagħha, hija ssostni, b’mod partikolari, li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “riskju assigurat” adottata mir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesas kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Ċivili) tmur kontra l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi bil-mutur, li trid tilħaq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tagħhom, li l-użu ta’ tali vettura jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” anki jekk din tkun wieqfa u li, peress li l-proprjetarju ta’ vettura huwa responsabbli għad-danni kkawżati lil terzi mill-passiġġieri ta’ din il-vettura fil-kuntest tal-użu tagħha, dawn id-danni huma koperti mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili relatata ma’ din il-vettura.

    24

    Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-azzjoni ta’ ftuħ tal-bieba ta’ vettura pparkjata tikkostitwixxix “[użu ta’ vettura li] huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ din il-vettura”, fis-sens tas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146), u jekk, konsegwentement, din taqax taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li d-definizzjoni wiesgħa li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lil dan il-kunċett fis-sentenza msemmija, timmilita favur risposta fl-affermattiv għal din id-domanda. Fil-fatt, skont din il-qorti, it-tlugħ u l-inżul tal-passiġġieri minn vettura huma indikazzjoni tal-użu tagħha, u din il-vettura ma tistax tiġi użata bis-sħiħ jekk il-passiġġieri jibqgħu abbord.

    26

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” imsemmi fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jkoprix ukoll il-każijiet li fihom passiġġier juża l-vettura.

    27

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 1(2) tal-l-Ewwel Direttiva, il-kunċett ta’ “parti inġurjata”, fis-sens ta’ din id-direttiva, jirreferi għal kull persuna li għandha dritt għal kumpens fir-rigward tad-dannu kkawżat minn vetturi. Hija żżid li l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jsemmi l-“użu” tal-vetturi u mhux ir-responsabbiltà biss tas-sewwieqa.

    28

    Barra minn hekk, din il-qorti tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146), li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” imsemmi f’din id-dispożizzjoni kwalunkwe użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ din il-vettura. Issa, l-azzjoni ta’ ftuħ tal-bibien ta’ vettura għat-tlugħ jew għall-inżul minnha tikkostitwixxi tali użu.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1

    L-Artikolu 3(1) ta[l-Ewwel Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ jinkludi sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-ftuħ tal-bibien ta’ vettura pparkjata?

    2

    F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 3(1) ta[l-Ewwel Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ jinkludi sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri [dik] li fiha d-dannu għall-proprjetà ta’ terzi jirriżulta mill-użu tal-vettura min-naħa ta’ passiġġier?”

    Fuq id-domandi preliminari

    30

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, sitwazzjoni li fiha l-passiġġier ta’ vettura pparkjata f’parkeġġ, huwa u jiftaħ il-bieba ta’ din il-vettura, laqat u kkawża ħsara lill-vettura li kienet ipparkjata ħdejh.

    31

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, previst fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, ma jistax jitħalla fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru, iżda jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li din tagħmel parti minnha (sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punti 4142, kif ukoll tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 31).

    32

    Issa, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi hija intiża, minn naħa, li tiżgura l-moviment liberu kemm tal-vetturi li normalment ikunu pparkjati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u kemm tal-persuni li jkunu abbord dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, li tiggarantixxi li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament komparabbli, irrispettivament minn fejn iseħħ l-inċident fit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 26; tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 50, u tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 32).

    33

    Barra minn hekk, mill-iżvilupp ta’ din il-leġiżlazzjoni jirriżulta li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi kien segwit u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punti 52 sa 55, kif ukoll tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 33).

    34

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” li jinsab fl-imsemmi artikolu ma huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet ta’ użu ta’ vetturi fit-triq, jiġifieri l-użu fit-toroq pubbliċi, u li dan il-kunċett ikopri kull użu ta’ vettura li jkun konformi mal-funzjoni normali tagħha (sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 59, u tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 34).

    35

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sa fejn il-vetturi bil-mutur imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-Ewwel Direttiva, huma, irrispettivament mill-karatteristiċi tagħhom, intiżi li jservu normalment bħala mezzi ta’ trasport, dan il-kunċett ikopri kull użu ta’ vettura bħala mezz ta’ trasport (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punti 3738).

    36

    F’dan il-każ, hemm lok li jitqies li l-azzjoni ta’ ftuħ tal-bieba ta’ vettura tikkostitwixxi użu tagħha li huwa konformi mal-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport, sa fejn din tippermetti b’mod partikolari t-tlugħ jew l-inżul tal-persuni jew it-tagħbija u l-ħatt ta’ oġġetti li għandhom jinġarru jew li jkunu għadhom kif ġew ittrasportati permezz ta’ din il-vettura.

    37

    Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu, fil-mument tal-inċident, weqfin u li dawn kienu jinsabu f’parkeġġ.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-fatt li l-vettura involuta fl-inċident kienet wieqfa fil-mument meta seħħ dan l-inċident ma jeskludix, waħdu, li l-użu ta’ din il-vettura f’dak il-mument jista’ jaqa’ taħt il-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 39). Issa, il-ftuħ tal-bibien ġeneralment isir biss meta l-vetturi jkunu wieqfa.

    39

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kwistjoni ta’ jekk il-magna tal-vettura kkonċernata kinitx mixgħula jew le fil-mument meta seħħ l-inċident ma hijiex determinanti (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 39).

    40

    F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jinsabu f’parkeġġ, għandu jitfakkar li l-portata tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, ma tiddependix mill-karatteristiċi tal-art li fuqha tintuża l-vettura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 35, u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro, C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 30).

    41

    Fir-rigward tal-fatt li l-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta minn azzjoni mhux tas-sewwieq tal-ewwel vettura, iżda ta’ passiġġier tagħha, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jipprovdi b’mod ġenerali li hija “r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju [ta’ kull Stat Membru]” li għandha tkun koperta b’assigurazzjoni.

    42

    B’hekk, kuntrarjament għall-pożizzjoni esposta mill-Gvern Pollakk fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda, la din id-dispożizzjoni u lanqas id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-direttivi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja ma jillimitaw il-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili ta’ kategorija partikolari ta’ persuni, bħas-sewwieq tal-vettura.

    43

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva, li jsemmi “l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi”, u l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, li jirreferi għax-“xufier jew [għal] kull persuna oħra li hi responsabbli taħt il-liġi ċivili fil-każ ta’ inċident, u li r-responsabbilità tagħha hija koperta mill-assigurazzjoni [obbligatorja]” jissuġġerixxu li din l-assigurazzjoni tirrigwarda r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mhux biss mis-sewqan tal-vetturi, iżda wkoll minn użi oħra tagħhom u minn użi tagħhom li jsiru minn persuni oħra minbarra s-sewwieq.

    44

    Sussegwentement, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza jirriżulta li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, “kwalunkwe” użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ din tal-aħħar, jiġifieri mal-funzjoni ta’ mezz ta’ trasport.

    45

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dan l-użu tal-vetturi ma huwiex limitat għas-sewqan ta’ dawn tal-aħħar, iżda jinkludi azzjonijiet li, bħal dik imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, normalment isiru wkoll mill-passiġġieri.

    46

    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi tipprekludi li l-obbligu għall-assiguratur li jikkumpensa vittma ta’ inċident tat-traffiku li jinvolvi vettura assigurata jkun eskluż meta dan l-inċident kien ikkawżat minn persuna li ma hijiex il-persuna koperta mill-polza tal-assigurazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punti 33 sa 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirriżultax minn azzjoni tas-sewwieq tal-ewwel vettura, iżda minn azzjoni ta’ passiġġier tagħha ma jeskludix, waħdu, li l-użu ta’ din il-vettura f’dak il-mument jista’ jaqa’ taħt il-funzjoni tagħha ta’ mezz ta’ trasport u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva.

    48

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, sitwazzjoni li fiha l-passiġġier ta’ vettura pparkjata f’parkeġġ, huwa u jiftaħ il-bieba ta’ din il-vettura, laqat u kkawża ħsara lill-vettura li kienet ipparkjata ħdejh.

    Fuq l-ispejjeż

    49

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal‑24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, sitwazzjoni li fiha l-passiġġier ta’ vettura pparkjata f’parkeġġ, huwa u jiftaħ il-bieba ta’ din il-vettura, laqat u kkawża ħsara lill-vettura li kienet ipparkjata ħdejh.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

    Fuq