Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0060

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-11 ta’ Lulju 2018.
    Ángel Somoza Hermo u Ilunión Seguridad SA vs Esabe Vigilancia SA u Fondo de Garantia Salarial (Fogasa).
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Artikolu 1(1) – Trasferiment ta’ impriża – Artikolu 3(1) – Salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati – Surroga fil-kuntratti ta’ xogħol li ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv – Ftehim kollettiv li jeskludi l-obbligu, għaċ-ċedent u ċ-ċessjonarju tal-impriża, li jirrispondi in solidum għal obbligi li inklużi dawk relatati mal-pagi, li joriġinaw minn kuntratti ta’ xogħol qabel id-data tat-trasferiment ta’ din l-impriża.
    Kawża C-60/17.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:559

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

    11 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Artikolu 1(1) – Trasferiment ta’ impriża – Artikolu 3(1) –salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati – Surroga fil-kuntratti ta’ xogħol li ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv – Ftehim kollettiv li jeskludi l-obbligu, għaċ-ċedent u ċ-ċessjonarju tal-impriża, li jirrispondi in solidum għal obbligi li inklużi dawk relatati mal-pagi, li joriġinaw minn kuntratti ta’ xogħol qabel id-data tat-trasferiment ta’ din l-impriża”

    Fil-Kawża C-60/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il‑Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

    Ángel Somoza Hermo,

    Ilunión Seguridad SA

    vs

    Esabe Vigilancia SA,

    Fondo de Garantía Salarial (Fogasa),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Somoza Hermo, minn X. Castro Martínez, abogado,

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u J. Rius, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Ángel Somoza Hermo u Ilunión Seguridad SA u Esabe Vigilancia SA u l-Fondo de Garantía Salarial (Fogasa) dwar il-ħlas, lil Somoza Hermo, tal-bilanċi ta’ remunerazzjoni u ta’ benefiċċji soċjali addizzjonali għas-snin 2010 sa 2012.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Id-Direttiva 2001/23 tikkostitwixxi l-kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KE tal-14 ta’ Frar 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU 1977 L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU 1998 L 201, p. 88).

    4

    Il-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 hija fformulata kif ġej:

    “Huwa neċessarju li jigi provdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjiega, b’mod partikulari, sabiex jigi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardati.”

    5

    Il-premessa 8 ta’ din id-direttiva tistipula:

    “Il-konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u trasparenza legali kienu jeħtiegu li l-kunċett legali ta’ trasferiment għandu jigi ċċarat fid-dawl tal-gurisprudenza tal-Qorti tal-Gustizzja. Din il-kjarifika ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187/KEE skont kif interpretat mill-Qorti tal-Gustizzja.”

    6

    L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi:

    “(a)

    Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.”

    (b)

    Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-disposizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jigifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.”

    7

    Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23:

    “1.   Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

    L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, wara d-data tat-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment u min lilu jsir it-trasferiment għandhom ikunu impenjati konġuntement u separatament għar-rigward ta’ obbliġi li kienu kkawżati qabel id-data ta’ trasferiment minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment.

    […]

    3.   Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftehma f’kull ftehim kollettiv skont l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

    L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perijodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini w kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wahda.

    a)

    Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’oħra, il-paragrafi 1 u 3 m’ għandhomx japplikaw inkonnessjoni mad-drittijiet ta’ l-impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija, l-invalidità jew tas-superstiti taħt skemi ta’ pensjoni supplementari tal-kumpaniji jew ta’ bejn il-kumpaniji barra l-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri.

    b)

    Ukoll meta ma jipprovdux skont is-subparagrafu (a) li l-paragrafi 1 u 3 japplikaw in konnessjoni ma’ dawn id-drittijiet, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi tal-impjegati u ta’ persuni li ma jkunux għadhom impjegati fin-negozju ta’ min jagħmel it-trasferiment fil-ħin tat-trasferiment għar-rigward tad-drittijiet li jtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija, inklu¿i l-benefiċċji tas-superstiti, taħt skemi supplimentari msemmija fis-subparagrafu (a).”

    8

    L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “Din id-Direttiva m’ għandhiex teffettwa d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għal impjegati jew li jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv jew ftehim bejn imsiehba soċjali aktar favorevoli għall-impjegati.”

    Id-dritt Spanjol

    9

    Ir-regoli applikabbli għall-impjegati f’każ ta’ trasferiment tal-entitajiet ekonomiċi huma ddefiniti permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/1995 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995 li japprova t-test rivedut tal-liġi dwar l-istatut tal-ħaddiema), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tal-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi 12/2001, tad-9 ta’ Lulju 2001 (BOE Nru 164, tal-10 ta’ Lulju 2001, p. 24890, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-ħaddiema”).

    10

    L-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprovdi:

    “1.   It-trasferiment ta’ impriża, ta’ ċentru ta’ impjieg jew ta’ entità ta’ produzzjoni awtonoma ta’ din l-impriża ma jirriżultax, fih innifsu, fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg; il-persuna l-ġdida li timpjega tiġi ssurrogata fid-drittijiet u l-obbligi tal-persuna li timpjega preċedentement abbażi tal-kuntratt ta’ impjieg u ta’ sigurtà soċjali, inkluż l-impenji marbuta mal-pensjonijiet, skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli u, b’mod ġenerali, l-obbligi addizzjonali kollha fil-qasam tal-protezzjoni soċjali li jkun assuma t-trasferent.

    2.   Għal finijiet ta’ dan l-artikolu, jitqies li huwa trasferiment ta’ impriża t-trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.”

    3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali, fil-każ ta’ trasferiment permezz ta’ att inter vivos, iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju huma responsabbli in solidum għal tliet snin tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ impjieg qabel it-trasferiment u li ma ġewx issodisfatti.”

    11

    L-Artikolu 14 Convenio colectivo estatal de las empresas de seguridad a (il-Ftehim Kollettiv tal-Istat tal-Impriżi ta’ Sigurtà, BOE Nru 99, tal-25 ta’ April 2013, p. 31668, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Kollettiv tal-Impriżi tas-Sigurtà”) jipprevedi:

    “Fid-dawl tal-karatteristiċi u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-attività, li jirrikjedu mobilità tal-ħaddiema minn impjieg għal ieħor, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi l-istabbiltà tal-impjieg tal-ħaddiema ta’ dan is-settur, iżda mhux l-istabbiltà tal-post, abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni sussegwenti, li japplika għal servizzi ta’ sorveljanza, sistemi ta’ sigurtà, protezzjoni personali u s-servizzi ta’ sorveljanza personali rurali:

    A)

    Leġiżlazzjoni ta’ Implimentazzjoni.

    Meta impriża tieqaf tkun l-offerenti rebbieħa tas-servizzi pprovduti lil klijent privat jew pubbliku, minħabba x-xoljiment tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi, għal kwalunkwe raġuni, il-kumpannija ġdida konċessjonarja hija obbligata, f’kull każ, li tirriprendi l-kuntratti tal-impjegati għal dan il-kuntratt u għal dan il-post tax-xogħol tagħhom, ikun x’ikun it-tip ta’ kuntratt jew l-impjieg tagħhom, peress li hija stabbilita anzjanità minima effettiva ta’ seba’ xhur li jippreċedu immedjatament id-data li jibdew jiddekorru l-kuntratti ta’ ħaddiema assenjati fl-imsemmi kuntratt, perijodu li jinkludi l-assenzi regolamentari tal-impjegat tas-servizz elenkati, li huma stabbiliti fl-Artikoli 45, 46 u 50 ta’ dan il-ftehim kollettiv, s-sitwazzjonijiet ta’ inkapaċità temporanja u sospensjonijiet dixxiplinari, irrispettivament mill-kawża, bl-eċċezzjoni espressa mingħajr ħlas previsti fl-Artikolu 48, minbarra l-ħaddiema ingaġġati għal kompitu jew servizz iddeterminat

    […]

    B)

    L-obbligi tal-impriżi li jonqsu milli jipprovdu s-servizz u tal-impriża offerent rebbieħ.

    B.1

    Impriża li ma tibqax offerenti rebbieħa: l-impriża li ma tibqax tipprovdi s-servizz:

    […]

    3.

    hija obbligata bħala debitriċi unika u esklussiva li tiżgura:

    a)

    ħlasijiet u ħlasijiet dovuti għax-xogħol ipprovdut sat-tmiem tas-sejħa għall-offerti, kif ukoll,

    b)

    il-likwidazzjoni tad-drittijiet kollha, inklużi leave imħallas, peress li, għall-impriża offerenti rebbieħa l-ġdida, is-surroga timplika biss iż-żamma tal-impjieg tal-ħaddiema kkonċernati.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Somoza Hermo kien jaħdem bħala aġent tas-sigurtà f’isem Esabe Vigilancia, l-impriża offerenti rebbieħa tas-servizz ta’ sorveljanza Museo de las Peregrinaciones ta’ Santiago de Compostela (il-Mużew tal-Pellegrinaġġ ta’ Santiago ta’ Compostela, Spanja) li taqa’ taħt il-Consellería de Cultura de la Xunta de Galicia (il-Ministeru għall-Kultura ta’ Galicia, Spanja).

    13

    Fis-16 ta’ Ottubru 2012, dan id-dipartiment tas-Sorveljanza ingħata lil Vigilancia Integrada SA (iktar ’il quddiem “VINSA”), li saret Ilunión Seguridad, li ħadet f’idejha, minn dik id-data, l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati tal-impriża preċedentement offerenti rebbieħa tal-imsemmi servizz fosthom Somoza Hermo.

    14

    F’dan ir-rigward, VINSA wissa lil Somoza Hermo li, skont il-ftehim kollettiv tal-impriżi ta’ sigurtà, il-bilanċi ta’ remunerazzjoni u benefiċċji soċjali addizzjonali konċessi minn Esabe Vigilancia għas-snin 2010 sa 2012 u li għad iridu jitħallsu għandhom jiġu mħallsa minn din tal-aħħar.

    15

    Peress li dawn iż-żewġ impriżi qed jirrifjutaw li jħallsu lil Somoza Hermo s-somom mitluba, dan tal-aħħar ippreżenta rikors quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 3 de Santiago de Compostela (il-Qorti tax-Xogħol Nru 3 ta’ Santiago de Compostela, Spanja) sabiex jikseb il-ħlas ta’ dawn is-somom.

    16

    Din il-qorti laqgħet parzjalment din it-talba u kkundannat lil Esabe Vigilancia u VINSA għall-ħlas in solidum għad-djun li hija ma qisitx preskritti abbażi tal-Artikolu 44(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

    17

    VINSA appellat mis-sentenza tal-imsemmija qorti quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja) billi jsostni li d-dispożizzjoni applikabbli hija mhux l-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Ħaddiema, iżda l-Artikolu 14 tal-Ftehim Kollettiv tal-Impriżi ta’ Sigurtà li tobbliga lill-impriża offerenti rebbieħa li tissurroga ruħha fil-jeddijiet u fl-obbligi tal-impriża ċedenti li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol. Hija ssostni li din is-surroga tobbligaha biss tassumi l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol mid-data tal-għoti tal-offerta u teżentaha mill-obbligi preċedenti għaliha.

    18

    Somoza Hermo appella mill-imsemmija sentenza quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia) dwar it-talbiet ta’ ħlas ta’ bilanċi ta’ remunerazzjoni li ma ġewx milqugħa.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tfakkar li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddeċidiet, f’sentenza tal-7 ta’ April 2016, li l-Artikolu 14 tal-Ftehim Kollettiv tal-impriżi ta’ sigurtà jirrigwarda suċċessjoni ratione temporis ta’ żewġ impriżi inkarigati mill-provvista ta’ servizz ta’ sigurtà privata. Din is-suċċessjoni tinkludi l-irkupru obbligatorju miċ-ċessjonarju, mill-impjegati tal-impriża preċedenti.

    20

    B’hekk, skont l-imsemmija sentenza, fil-każijiet ta’ suċċessjoni ta’ kontraenti, is-surroga ma tintervjenix bis-saħħa tal-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Ħaddiema jekk ma kienx hemm trasferiment ta’ assi jew trasferiment ta’ persunal, f’setturi fejn l-attività hija essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema. Għaldaqstant, f’każijiet bħal dawn, is-surroga ssir skont il-ftehim kollettiv applikabbli. Konsegwentement, l-irkupru tal-impjegati tal-impriża preċedenti ma jikkorrispondix għal każ ta’ trasferiment ta’ persunal li jirriżulta mill-fatt li l-kumpannija l-ġdida kontraenti tieħu volontarjament il-parti l-kbira tal-impjegati li kienu jipprovdu s-servizzi kkonċernati. Għall-kuntrarju, f’dawn il-każijiet, it-trasferiment tal-persunal jirriżulta mill-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv applikabbli. Fil-fatt, il-kumpannija ġdida kontraenti setgħet talloka l-persunal tagħha stess għas-servizzi kkonċernati, iżda hija, madankollu, obbligata minn dan il-ftehim kollettiv li tħallas l-impjegati assenjati lil dawn id-dipartimenti mill-impriża kontraenti preċedenti.

    21

    It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) qieset li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mis-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2002, Temco (C-51/00, EU:C:2002:48), ma tipprekludix din il-konklużjoni peress li s-surroga impost mill-ftehim kollettiv tal-impriżi ta’ sigurtà ma tirriżultax minn sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 jew tal-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Ħaddiema. Fil-fatt, ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Ħaddiema u l-Artikolu 14 tal-ftehim kollettiv tal-impriżi ta’ sigurtà hija waħda ta’ komplementarjetà jew ta’ kompetizzjoni mhux kunfliġġenti, għaliex il-leġiżlazzjoni konvenzjonali, li tirregola realtà differenti, tikkostitwixxi titjib billi tapplika wieħed mill-effetti li pprevediet r-regolamentazzjoni legali għall-kamp ta’ applikazzjoni tagħha stess.

    22

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fuq il-punt ta’ jekk, fil-kuntest ta’ attività bbażata essenzjalment fuq il-ħaddiema, is-surroga bejn impriżi, intervenjenti wara t-trasferiment ta’ kuntratt ta’ servizz skont ftehim kollettiv li jipprovdi li l-impriża li taċċetta għandha tkun obbligata li tingaġġa l-persunal tal-impriża offerenti rebbieħa preċedenti, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23. Jekk dan huwa l-każ, hija tistaqsi jekk dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv applikabbli li tipprevedi l-esklużjoni tar-responsabbiltà in solidum taċ-ċedent u taċ-ċessjonarju f’dak li jirrigwarda r-rispett tal-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol qabel id-data tat-trasferiment tas-servizz inkwistjoni huwiex konformi mal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

    23

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (1) japplika meta impriża titlef il-kuntratt għal servizzi pprovduti lil klijent minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi f’attività li hija bbażata essenzjalment fuq il-ħaddiema (sorveljanza ta’ istallazzjonijiet), u li l-impriża kontraenti l-ġdida tieħu magħha parti essenzjali mill-persunal assenjat għall-provvista ta’ dan is-servizz, filwaqt li din is-surroga fil-kuntratti ta’ xogħol issir skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv tas-settur tas-sigurtà?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru adottata għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/23/KE tipprevedi taħt l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva li, wara d-data tat-trasferiment, iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju huma responsabbli in solidum għall-obbligi, inklużi dawk relatati mal-pagi, li joriġinaw minn kuntratti ta’ xogħol qabel id-data tat-trasferiment, interpretazzjoni li tgħid li din ir-responsabbiltà in solidum ma tapplikax meta t-teħid tal-parti l-kbira tal-ħaddiema mill-impriża kontraenti l-ġdida ġdida huwa imposta fuqha mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv tas-settur u li dan il-ftehim jeskludi din ir-responsabbiltà in solidum għall-obbligi li joriġinaw qabel it-trasferiment hija konformi mal-Artikolu 3(1) tad-direttiva?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    24

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għal sitwazzjoni li fiha persuna li tat ordni kienet xoljiet il-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ sorveljanza ta’ installazzjonijiet konkluż ma’ impriża u li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-benefiċċju, ikkonkludiet kuntratt ġdid ma’ impriża oħra li tieħu lura, skont ftehim kollettiv, parti essenzjali, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenza, tal-persunal li l-ewwel impriża kienet assenjat għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija provvista, fejn l-attività hija essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema.

    25

    Skont l-Artikolu 1(1)(a) tagħha, id-Direttiva 2001/23 tapplika għal għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

    26

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-portata tal-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi evalwata abbażi biss ta’ interpretazzjoni testwali. Minħabba differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tad-direttiva kif ukoll diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fuq il-kunċett ta’ trasferiment legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni biżżejjed flessibbli ta’ dan il-kunċett sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-direttiva li huwa, kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, li jipproteġi lill-impjegati f’każ li tinbidel il-persuna li timpjega tal-impriża (is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C-463/09, EU:C:2011:24, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 huwa estiż għall-ipoteżijiet kollha ta’ bidla, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-operat tal-impriża, li tikkontratta l-obbligi tal-persuna li timpjega fil-konfront tal-impjegati tal-impriża. Għalhekk, sabiex tapplika d-Direttiva 2001/23, ma huwiex neċessarju li jkun hemm relazzjonijiet kuntrattwali diretti bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju, it-trasferiment jista’ jsir permezz ta’ parti terza (is-sentenza tal-19 ta’ Ottubru 2017, Securitas, C-200/16, EU:C:2017:780, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Minn dan isegwi li l-assenza ta’ rabta kuntrattwali bejn iż-żewġ impriżi li ngħatatilhom suċċessivament il-ġestjoni tas-sorveljanza u tal-viġilanza ta’ proprjetà fil-port hija mingħajr effett fuq il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2001/23 hijiex applikabbli jew le għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Securitas, C-200/16, EU:C:2017:780, punt 24).

    29

    Għandu jitfakkar ukoll li, konformement mal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, sabiex din id-direttiva tapplika, it-trasferiment għandu jirrigwarda “entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le”.

    30

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali kundizzjoni hijiex effettivament issodisfatta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju inkwistjoni, it-trasferiment jew nuqqas ta’ trasferiment ta’ elementi korporali, bħal bini jew beni mobbli, il-valur tal-elementi inkorporali meta seħħ it-trasferiment, l-impjieg jew in-nuqqas ta’ impjieg tal-maġġoranza tal-persunal mill-proprjetarju l-ġdid, it-trasferiment jew in-nuqqas ta’ trasferiment tal-klijentela, kif ukoll il-livell ta’ xebh bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u dawk imwettqa wara t-trasferiment u t-tul ta’ eventwali sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Dawn l-elementi għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi tal-każ u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat (is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Securitas, C-200/16, EU:C:2017:780, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qorti nazzjonali, fl-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi fattwali li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni t-tip ta’ impriża jew ta’ stabbiliment ikkonċernat (is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punt 33, kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2017, Securitas, C-200/16, EU:C:2017:780, punt 27).

    32

    Minn dan jirriżulta li l-grad ta’ importanza rispettiva li għandha tingħata lill-kriterji differenti tal-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23 jinbidel neċessarjament skont l-attività eżerċitata, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operazzjoni użati fl-impriża, fl-istabbiliment jew f’parti mill-istabbiliment inkwistjoni (is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Securitas, C-200/16, EU:C:2017:780, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement osservat li f’okkażjonijiet preċedenti, li entità ekonomika tista’, f’ċerti setturi, tiffunzjona mingħajr ebda assi, tanġibbli jew mhux tanġibbli, sinjifikattivi, b’mod li ż-żamma tal-identità tagħha wara t-tranżazzjoni li taffettwaha ma tistax, loġikament, tiddependi fuq it-trasferiment ta’ tali assi (is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C-463/09, EU:C:2011:24, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn, f’ċerti setturi li fihom l-attività hija essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema, grupp ta’ ħaddiema li jwettaq fit-tul attività ekonomika jista’ jikkostitwixxi entità ekonomika, tali entità tista’ żżomm l-identità tagħha wara t-trasferiment tagħha meta l-proprjetarju l-ġdid ma jillimitax ruħu li jkompli l-attività inkwistjoni iżda jieħu wkoll il-maġġoranza, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenzi, tal-persunal li l-predeċessur tiegħu kien speċifikament jiddedika għal din il-funzjoni. F’dan il-każ, il-prinċipal il-ġdid jakkwista fil-fatt l-elementi kollha organizzati li jippermettulu jkompli attivitajiet jew ċerti attivitajiet tal-impriża ċedenti b’mod stabbli (is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C-463/09, EU:C:2011:24, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    B’hekk, attività ta’ sorveljanza ta’ mużew, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tirrikjedix l-użu ta’ elementi materjali speċifiċi, tista’ tiġi kkunsidrata bħala attività bbażata essenzjalment fuq l-operat tal-ħaddiema u, għalhekk, grupp ta’ impjegati illi jingħaqdu fit-tul għal attività komuni jistgħu, fin-nuqqas ta’ fatturi oħra ta’ produzzjoni, jikkostitwixxi entità ekonomika. Huwa meħtieġ ukoll, madankollu, li l-identità ta’ din tal-aħħar tinżamm wara t-tranżazzjoni kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C-463/09, EU:C:2011:24, punt 39).

    36

    F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li VINSA, għall-finijiet li twettaq l-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-pellegrinaġġ tal-Mużew ta’ Santiago ta’ Compostela, preċedentement mogħtija lil Esabe Vigilancia, ħadet ħaddiema li qabel kienu kkollokati għal dawn l-attivitajiet minn din tal-aħħar.

    37

    Minn dan isegwi li l-identità ta’ entità ekonomika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija bbażata essenzjalment fuq l-operat tal-ħaddiema, tista’ tinżamm jekk il-maġġoranza tal-impjegati ta’ din l-entità tittieħed miċ-ċessjonarju preżunt.

    38

    Barra minn hekk, għalkemm il-Gvern Spanjol isostni fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub li l-irkupru tal-persunal Esabe Vigilancia ġie impost fuq VINSA minn ftehim kollettiv, tali ċirkustanza hija, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq il-fatt li t-trasferiment huwa bbażat fuq entità ekonomika. Barra minn hekk, jeħtieġ jiġi enfasizzat li l-għan mixtieq mill-ftehim kollettiv tal-impriżi ta’ sigurtà huwa l-istess bħal dak tad-Direttiva 2001/23 u li dan il-ftehim kollettiv huwa intiż espressament, għall-irkupru ta’ parti mill-persunal, il-każ ta’ sejħa għall-offerti ġdida bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-24 ta’ Jannar 2002, Temco, C-51/00, EU:C:2002:48, punt 27).

    39

    Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għal sitwazzjoni li fiha persuna li tat ordni kienet xoljiet il-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ sorveljanza ta’ installazzjonijiet konkluż ma’ impriża u li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-benefiċċju, ikkonkludiet kuntratt ġdid ma’ impriża oħra, li tieħu lura, skont ftehim kollettiv, parti essenzjali, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenza, tal-persunal li l-ewwel impriża kienet assenjat għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija provvista, sakemm l-operazzjoni hija akkumpanjata minn trasferiment ta’ entità ekonomika bejn iż-żewġ impriżi kkonċernati.

    Fuq it-tieni domanda

    40

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, skont ftehim kollettiv, jiġi eskluż l-obbligu għaċ-ċedent u għaċ-ċessjonarju tal-entità ekonomika kkonċernata, li jkunu responsabbli in solidum, għall-obbligi, inklużi l-pagi, li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol qabel it-trasferiment ta’ din l-entità.

    41

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 jiddikjara skont liema l-prinċipju li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għaċ-ċedent ta’ kuntratt ta’ xogħol jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, wara d-data tat-trasferiment, iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju għandhom ikunu responsabbli in solidum għall-obbliġi li kienu kkawżati qabel id-data ta’ trasferiment minn kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol eżistenti fid-data tat-trasferiment.

    42

    F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 44(3) tal-Istaut tal-Ħaddiema jipprevedi li, f’każ ta’ trasferiment permezz ta’ att inter vivos, iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju huma responsabbli in solidum għal tliet snin tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ impjieg qabel it-trasferiment u li ma ġewx issodisfatti. Il-ftehim kollettiv tal-impriżi ta’ sigurtà ma jipprevedix tali responsabbiltà in solidum.

    43

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol isostni li t-tieni domanda ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, permezz tal-formulazzjoni użata mill-qorti tar-rinviju, din id-domanda twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux biex tagħmel interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, iżda sabiex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali bejniethom. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ tali dispożizzjonijiet.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata biss għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-portata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-mod li huma għandhom jiġu applikati (id-digriet tat-23 ta’ Mejju 2011, Rossius u Collard, C-267/10 u C-268/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:332, punt 15).

    45

    F’dan il-każ, fid-dawl tal-kliem tal-imsemmija domanda, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din id-domanda tirrigwarda fir-realtà l-eżami tal-konformità ta’ dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ma’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali. Issa, tali eżami, li jimplika l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ġerarkija tan-normi tad-dritt intern, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    46

    Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tieni domanda magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il‑Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja).

    Fuq l-ispejjeż

    47

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għal sitwazzjoni li fiha persuna li tat ordni kienet xoljiet il-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ sorveljanza ta’ installazzjonijiet konkluż ma’ impriża u li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-benefiċċju, ikkonkludiet kuntratt ġdid ma’ impriża oħra, li tieħu lura, skont ftehim kollettiv, parti essenzjali, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenza, tal-persunal li l-ewwel impriża kienet assenjat għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija provvista, sakemm l-operazzjoni hija akkumpanjata minn trasferiment ta’ entità ekonomika bejn iż-żewġ impriżi kkonċernati.

     

    2)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tieni domanda magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il‑Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja), permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2016.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Fuq