Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62016CJ0300
Judgment of the Court (First Chamber) of 20 September 2017.#European Commission v Frucona Košice a.s.#Appeal — State aid — Concept of ‘aid’ — Concept of ‘economic advantage’ — Private creditor test — Conditions of applicability — Application — Investigation obligations on the European Commission.#Case C-300/16 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ Settembru 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Frucona Košice a.s.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ – Kriterju ta’ kreditur privat – Kundizzjonijiet għall-applikabbiltà – Applikazzjoni – Obbligi ta’ investigazzjoni li jaqgħu fuq il-Kummissjoni Ewropea.
Kawża C-300/16 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ Settembru 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Frucona Košice a.s.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ – Kriterju ta’ kreditur privat – Kundizzjonijiet għall-applikabbiltà – Applikazzjoni – Obbligi ta’ investigazzjoni li jaqgħu fuq il-Kummissjoni Ewropea.
Kawża C-300/16 P.
Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:706
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
20 ta’ Settembru 2017 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ – Kriterju ta’ kreditur privat – Kundizzjonijiet għall-applikabbiltà – Applikazzjoni – Obbligi ta’ investigazzjoni li jaqgħu fuq il-Kummissjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑300/16 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Mejju 2016,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Walkerová u L. Armati kif ukoll minn T. Maxian Rusche u B. Stromsky, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Frucona Košice a.s., stabbilita f’Košice (is-Slovakkja), irrappreżentata minn K. Lasok, QC, B. Hartnett, barrister, J. Holmes, QC, u O. Geiss, Rechtsanwalt,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, A. Arabadjiev (Relatur), C.G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2017,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (T‑103/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:152), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/342/UE, tas-16 ta’ Ottubru 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.18211 (C 25/2005) (ex NN 21/2005) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s. (ĠU 2014, L 176, p. 38, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma spjegati kif ġej fil-punti 1 sa 34 tas-sentenza appellata kif ġej: “L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni [ta’ Frucona Košice] u l-proċedura ta’ arranġament ġuridiku
Il-proċedura amministrattiva
Id-deċiżjoni inizjali
Il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja
Id-deċiżjoni [kontenzjuża] […]
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
3 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Frar 2014, Frucona Košice ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
4 |
Insostenn tar-rikors tagħha, hija qajmet erba’ motivi bbażati, l-ewwel, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni, fuq żball ta’ liġi li jivvizzja l-premessa 83 tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-tielet, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzjaw il-konklużjoni li l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kienet iktar vantaġġuża mill-proposta ta’ arranġament ġuridiku u, ir-raba’, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzjaw il-konklużjoni li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienet iktar vantaġġuża mill-proposta ta’ arranġament ġuridiku. |
|
5 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel u t-tieni motivi u laqgħet it-tielet u r-raba’ motivi. Konsegwentement hija annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
It-talbiet tal-partijiet
|
6 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
7 |
Frucona Košice titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-appell
|
8 |
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem sitt aggravji bbażati, l-ewwel, fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-tieni u r-raba’ fuq ksur tal-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat, it-tielet, fuq fehim żbaljat tal-prinċipji ta’ awtorità ta’ res judicata u ta’ ne ultra petita, il-ħames, fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ kreditur privat u, is-sitt, fuq ksur tal-limiti tal-obbligu tagħha li twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali. |
|
9 |
Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġu eżaminati t-tieni u r-raba’ aggravji, fit-tieni lok, l-ewwel aggravju, fit-tielet lok, it-tielet aggravju u, fl-aħħar lok, il-ħames u s-sitt aggravji. |
Fuq it-tieni u r-raba’ aggravji, dwar l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat
L-argumenti tal-partijiet
|
10 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma kkunsidratx, fil-punti 109 sa 118 tas-sentenza appellata, li l-kriterju ta’ kreditur privat jista’ jiġi invokat b’mod effettiv mill-benefiċjarju tal-għajnuna. |
|
11 |
Skont il-Kummissjoni, dan il-kriterju jirreferi għall-perspettiva suġġettiva tal-organu pubbliku meta jieħu d-deċiżjoni li jadotta l-miżura inkwistjoni. Għaldaqstant, minn naħa, l-iżvelar jew le ta’ x’kienu l-intenzjonijiet tiegħu f’dak il-mument speċifiku jirriżulta minn għażla li tikkostitwixxi dritt suġġettiv tal-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li dan id-dritt ma jistax jiġi invokat minn terzi. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru biss ikollu l-elementi rilevanti kollha li fuq il-bażi tagħhom ikun fassal il-fehma tiegħu meta ħa d-deċiżjoni li jadotta l-miżura inkwistjoni. Għaldaqstant huwa l-imsemmi Istat Membru li għandu jinvoka l-kriterju ta’ kreditur privat u li jipprovdi l-elementi meħtieġa. |
|
12 |
Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessi 128 sa 132 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tidher li kienet fil-pussess ta’ elementi li juru li l-pożizzjoni tar-Repubblika Slovakka kienet ċara u koerenti, kemm meta wieġbet l-ilment kif ukoll fil-mument innifsu tal-approvazzjoni tal-arranġament ġuridiku, dan l-Istat Membru dejjem kien indika li, fil-fehma tiegħu, din kienet għajnuna tal-Istat. |
|
13 |
Il-Kummissjoni żiedet li, għalkemm kien korrett li jitqies li l-benefiċjarju tal-għajnuna jista’ jinvoka l-kriterju ta’ kreditur privat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma imponietx lil Frucona Košice li tistabbilixxi, bħal fil-każ ta’ Stat Membru, mingħajr dubji u fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, li l-miżura implementata tirriżulta mill-kwalità ta’ kreditur privat tal-imsemmi Stat Membru. |
|
14 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 247 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tistax tagħmel distinzjoni, fid-dawl tal-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat, tas-soluzzjonijiet differenti ta’ sostituzzjoni mal-miżura kontenzjuża. |
|
15 |
Peress li l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat jistrieħ fuq l-elementi pprovduti sabiex jiġi stabbilit il-kriterju tiegħu, l-iżball tal-Qorti Ġenerali jinsab fid-deċiżjoni tagħha li l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju huwa eżerċizzju astratt intiż sabiex jirrikostitwixxi minn rajh l-aġir tal-ipotetiku kreditur privat ideali, razzjonali u għalkollox informat. |
|
16 |
Għaldaqstant, peress li huwa ċar li ma ġiet sottomessa ebda informazzjoni dwar mod ta’ aġir speċifiku lill-kreditur pubbliku, kull paragun tal-aġir ta’ din l-entità ma’ kreditur privat f’sitwazzjoni simili ma jagħmel ebda sens. Għaldaqstant dan il-kriterju ma japplikax f’din iċ-ċirkustanza. |
|
17 |
Il-Kummissjoni tosserva li huwa paċifiku, f’dan il-każ, li ebda paragun, taħt il-kriterju ta’ kreditur privat, tal-proposta ta’ arranġament ġuridiku u tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa ma kien sar dak iż-żmien. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali missha ddeċidiet dwar jekk il-premessa 120 tad-deċiżjoni kontenzjuża kinitx fil-fatt tinkludi l-konklużjoni impliċita li l-kriterju ta’ kreditur privat ma kienx applikabbli. |
|
18 |
Frucona Košice tikkontesta l-fondatezza tal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
19 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwalifika bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jiġu sodisfatti. B’hekk, l-ewwel nett, dan għandu jkun intervent mill-Istat jew għandu jirriżulta permezz ta’ fondi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53). |
|
20 |
Il-kunċett ta’ “għajnuna” ma jinkludix biss prestazzjonijiet pożittivi, bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, f’forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 30). |
|
21 |
Madankollu, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, ma jiġux issodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja kienet setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
22 |
Din l-evalwazzjoni ssir, meta kreditur pubbliku jagħti faċilitajiet ta’ ħlas għal dejn li huwa dovut lilu minn impriża, bl-applikazzjoni, bħala prinċipju, tal-kriterju ta’ kreditur privat (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C-405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 32). |
|
23 |
Għaldaqstant, il-kriterju ta’ kreditur privat ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba ta’ Stat Membru, meta l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat inkompatabbli mas-suq komuni, imsemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE, jiġu ssodisfatti. Fil-fatt, dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 103, kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 32). |
|
24 |
Konsegwentement, meta jidher li l-kriterju ta’ kreditur privat jista’ jiġi applikat, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex issodisfatti (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 33). |
|
25 |
Fl-ewwel lok, minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta jidher li l-kriterju ta’ kreditur privat ikun jista’ jiġi applikat, il-Kummissjoni għandha teżamina din l-ipoteżi indipendentement minn kull talba f’dan is-sens. |
|
26 |
Għaldaqstant, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, xejn ma jipprekludi lill-benefiċjarju tal-għajnuna milli jinvoka l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju u, min-naħa l-oħra, jekk huwa jinvoka dan il-kriterju, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina l-applikabbiltà tiegħu u, jekk ikun il-każ, l-applikazzjoni tiegħu. |
|
27 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rilevanza tal-perspettiva suġġettiva tal-Istat Membru, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, hekk kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterju tal-operatur privat għandux japplika, ikun meħtieġ li titqies bħala punt ta’ tluq in-natura ekonomika tal-azzjoni tal-Istat Membru u mhux il-mod kif, suġġettivament, dan l-Istat Membru kellu l-intenzjoni li jaġixxi jew il-modi ta’ aġir alternattivi fil-ħsieb ta’ dan l-Istat Membru qabel ma adotta l-miżura inkwistjoni. |
|
28 |
Fi kwalunkwe każ, il-kriterju ta’ kreditur privat huwa intiż li jeżamina jekk l-impriża benefiċjarja kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli ta’ kreditur privat fl-iktar sitwazzjoni simili possibbli għal dik tal-kreditur pubbliku li jkun qiegħed jipprova jikseb il-ħlas tal-ammonti dovuti lilu minn debitur li jinsab f’diffikultà finanzjarja (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 72) u, għaldaqstant, jekk din l-impriża setgħetx tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi ta’ kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 70). |
|
29 |
Issa, minn dan jirriżulta li l-eżami li, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha twettaq, ma jistax jillimita lilu nnifsu biss għall-possibbiltajiet effettivament meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtorità pubblika kompetenti, iżda għandu neċessarjament jinkludi l-possibbiltajiet kollha li kreditur privat kien jieħu inkunsiderazzjoni f’sitwazzjoni bħal din. |
|
30 |
Fir-rigward tal-argument invokat mill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-raba’ aggravju, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddikjarat fil-punt 247 tas-sentenza appellata li, ġaladarba l-kriterju ta’ kreditur privat kien applikabbli inkwantu tali, il-Kummissjoni ma tistax tagħmel distinzjoni, bil-ħsieb tal-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju, skont l-alternattivi differenti għall-miżura kontenzjuża. |
|
31 |
Għaldaqstant it-tieni u r-raba’ aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża
L-argumenti tal-partijiet
|
32 |
Il-Kummissjoni ssostni, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kontenzjuża meta ddeċidiet, fil-punti 101 sa 104 tas-sentenza appellata, li din l-istituzzjoni kienet ikkunsidrat, fl-imsemmija deċiżjoni, li l-kriterju ta’ kreditur privat kien applikabbli għall-fatti tal-każ. |
|
33 |
Għalhekk, kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li mill-aħħar sentenza tal-premessa 80 ta’ din l-istess deċiżjoni kellu jiġi inferit li l-kriterju ta’ kreditur privat kien applikabbli f’dan il-każ. Dan l-iżball fl-interpretazzjoni jidher meta jitqiesu l-premessi sussegwenti ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, il-premessa 81 ma tittrattax b’mod speċifiku l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, il-premessa 82 tispeċifika b’mod speċifiku s-sitwazzjoni fir-rigward tal-applikabbiltà tal-imsemmi kriterju u l-premessa 83, bħall-premessi 128 sa 132, jittrattaw il-kwistjoni dwar jekk dan l-istess kriterju huwiex applikabbli. |
|
34 |
Frucona Košice tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-Kummissjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
35 |
Qabel kollox, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tispeċifikax espressament li l-kriterju ta’ kreditur privat ma japplikax f’dan il-każ. Għall-kuntrarju, fl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju hija bbażata espliċitament il-konklużjoni ddikjarata fil-premessi 139 u 140 tagħha, li l-miżura kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
|
36 |
Sussegwentement, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni kellu jkollha dubji fir-rigward tal-applikabbiltà tal-imsemmi kriterju, jeħtieġ li jitfakkar li hija missha, hekk kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, talbet lill-Istat Slovakk jipprovdilha informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward u pproċediet għal evalwazzjoni globali ta’ dawn l-elementi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 86). Issa, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tinkludi ebda indikazzjoni la ta’ tali talba u lanqas ta’ tali eżami. |
|
37 |
Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni applikat il-kriterju ta’ kreditur privat wara li indikat, fil-punti 84 u 86 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-benefiċjarju kien sostna li l-fatt li l-proposta ta’ arranġament ġuridiku ntlaqgħet ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ġaladarba l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kellu jkun inqas favorevoli għall-Istat Slovakk. |
|
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tielet aggravju,dwar il-prinċipji tal-awtorità ta’ res judicata u ta’ ne ultra petita
L-argumenti tal-partijiet
|
39 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-prinċipji tal- awtorità ta’ res judicata u ta’ ne eat iudex ultra petita partium meta kkunsidrat, fil-punti 123 sa 126 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet impliċitament iżda neċessarjament ikkunsidrat, fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32), li l-kriterju ta’ kreditur privat kien applikabbli għall-fatt tal-każ u li, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża proposta mill-Kummissjoni tmur kontra l-awtorità ta’ res judicata. |
|
40 |
Frucona Košice tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
41 |
Peress li t-tielet aggravju huwa intiż għal raġunament ulterjuri insostenn tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha l-kriterju ta’ kreditur privat kien applikabbli għall-fatt tal-każ u peress li l-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravji, li jikkritikaw din l-istess deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, ġew miċħuda bħala infondati, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
Fuq il-ħames u s-sitt aggravji, dwar l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat u fuq l-obbligu għall-Kummissjoni li twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali
L-argumenti tal-partijiet
|
42 |
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, issostni li l-kriterju ta’ kreditur privat jimplika li hija għandha tiddetermina l-perspettiva suġġettiva tal-awtorità pubblika u tipparagunaha ma’ dik li kreditur privat kien ikollu fl-istess ċirkustanzi. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huma biss rilevanti l-elementi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fil-mument li d-deċiżjoni ttieħdet minn din l-awtorità pubblika. |
|
43 |
Minn dan il-Kummissjoni tislet li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri li, sabiex ħa d-deċiżjoni tiegħu, huwa effettivament ħa tali elementi u żviluppi inkunsiderazzjoni, li għandhom ikunu paragunabbli ma’ dawk li operatur privat kien jeżiġi li jkun jaf qabel ma jieħu l-istess deċiżjoni. |
|
44 |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat teskludi li huwa seta aġixxa b’kumbinazzjoni, iżda pjuttost f’għarfien perfett tal-fatti, ġaladarba, skont din il-ġurisprudenza evalwazzjonijiet ekonomiċi stabbiliti wara l-għoti tal-vantaġġ inkwistjoni, il-konstatazzjoni retrospettiva tal-vijabbiltà effettiva tal-investiment magħmul mill-Istat Membru kkonċernat jew ġustifikazzjonijiet ulterjuri tal-għażla effettiva ma humiex suffiċjenti. |
|
45 |
Dan madankollu ma jfissirx li l-partijiet ikkonċernati ma jistgħux jissottomettu informazzjoni jew elementi utli li jservu ta’ kjarifika għall-Kummissjoni, pereżempju dwar in-natura u l-oġġett tal-miżura inkwistjoni, dwar il-kuntest tagħha jew dwar l-għan imfittex. Madankollu, dawn il-partijiet ma għandhomx jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom ma’ dik effettivament imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat meta dan ikun ħa d-deċiżjoni tiegħu, hekk kif il-Kummissjoni ma għandhiex tirrikostitwixxi minn rajha l-aġir tal-ipotetiku kreditur privat ideali, razzjonali u għalkollox informat. |
|
46 |
L-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni minbarra dik invokata mill-Istat Membru kkonċernat tista’ tkun intiża sabiex jiġi pprovat jekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni li dan l-Istat Membru effettivament ħa inkunsiderazzjoni, kreditur privat kienx jaġixxi bl-istess mod. Madankollu din l-informazzjoni, ma tistax tiġġustifika d-deċiżjoni meħuda b’riferiment għal informazzjoni jew elementi li ma ttiħdux effettivament inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. |
|
47 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li meta l-Qorti Ġenerali fformulat, fil-punt 137 tad-deċiżjoni appellata, il-kriterju tagħha ta’ eżami, hija naqset milli tillimita l-obbligu ta’ verifika ta’ din l-istituzzjoni għall-elementi rilevanti li hija kellha għad-dispożizzjoni. Dan in-nuqqas kien wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex jikkunsidra, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni jmissha pprovat tikseb informazzjoni supplimentari sabiex tivverifika u tissostanzja l-konklużjonijiet tagħha li hija inferiet mill-fajl tal-proċedura amministrattiva. |
|
48 |
Fl-imsemmi punt 201, il-Qorti Ġenerali b’hekk ħolqot rekwiżit ġdid li skontu l-Kummissjoni kellha tirrikostitwixxi l-aġir tal-ipotetiku kreditur privat ideali, razzjonali u għalkollox informat billi tfittex l-elementi u l-informazzjoni kollha “immaġinabbli”, rekwiżit li jmur kontra l-filosofija nfisha li fuqha huwa bbażat il-kriterju ta’ kreditur privat, jiġifieri evalwazzjoni mill-perspettiva suġġettiva tal-awtorità pubblika fil-mument tad-deċiżjoni tagħha. |
|
49 |
Skont il-Kummissjoni, il-punti 137 u 180 sa 213 tas-sentenza appellata huma għaldaqstant ibbażati, minn naħa, fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet timponi lill-Kummissjoni twettaq analiżi oġġettiva u kompleta tal-vantaġġi u tal-inkonvenjenti tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju pjuttost milli analiżi bbażata fuq is-sitwazzjoni suġġettiva tal-awtorità pubblika u, min-naħa l-oħra, fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens li minnha jirriżulta li din l-istituzzjoni kienet wettqet tali analiżi. |
|
50 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata fuq il-qagħda tal-assi ta’ Frucona Košice fis-17 ta’ Ġunju 2004 u li, skont il-Qorti Ġenerali, hija kienet ġustament ma aċċettatx il-metodoloġija tar-Rapport E fir-rigward tad-determinazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni tal-imsemmija assi. Madankollu, peress li din l-informazzjoni ekonomika kienet l-unika waħda għad-dispożizzjoni tal-awtorità tat-taxxa lokali meta ddeċidiet li taċċetta l-proposta ta’ arranġament ġudizzjarju, il-konsegwenza loġika ta’ dawn il-konstatazzjonijiet fattwali hija li kreditur privat fil-pussess ta’ din l-informazzjoni biss ma kienx jagħti kunsens għal arranġament ġudizzjarju. Fil-fatt, filwaqt li bl-aġir tiegħu huwa kien talab l-informazzjoni supplimentari, tali kreditur ma kienx jaċċetta l-proposta ta’ arranġament ġudizzjarju. |
|
51 |
Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-fatt li hija kellha twettaq verifika esklużivament fir-rigward tal-informazzjoni u l-elementi li effettivament kienu fil-pussess tal-kreditur pubbliku jew li kienu ta’ għarfien pubbliku, il-fajl amministrattiv kien jissostanzja, fi kwalunkwe każ, validament il-konklużjoni tagħha li kreditur privat ma kienx jagħti kunsens għall-arranġament ġudizzjarju. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma kienet indikat ebda element supplimentari li kien rilevanti fil-mument tal-fatti u li l-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni. |
|
52 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 186 u 235 tas-sentenza appellata, li l-elementi tal-fajl ma kinux tali li jissostanzjaw suffiċjentement kif meħtieġ mid-dritt u b’mod inekwivoku l-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni bil-għan tal-evalwazzjoni, ta’ SKK 435000000 (madwar EUR 14500000), tal-prodott tal-bejgħ tal-assi fl-okkażjoni tal-istralċ ġudizzjarju. Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti Ġenerali ma indikatx il-portata tal-prova li l-Kummissjoni għandha tipproduċi u lanqas jekk hija tqisx li dan l-istandard jobbligax lill-Kummissjoni tistabbilixxi, b’mod inekwivoku, x’kien ikun il-prodott tal-bejgħ. |
|
53 |
Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni li l-iżbalji ta’ liġi li hija kkonstatat ivvizzjaw ukoll l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kif ukoll dik relatata mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa. Fil-fatt, dawn l-evalwazzjonijiet huma bbażati fuq l-istess kriterju żbaljat u fuq iċ-ċaħda tal-evalwazzjoni mill-Kumissjoni tal-prodott ta’ likwidazzjoni tal-assi ta’ Frucona Košice. |
|
54 |
Permezz tas-sitt aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-punti 191 sa 195 tas-sentenza appellata jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jakkużaw lill-Kummissjoni bi ksur tal-obbligu tagħha li twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali. Minkejja li din l-interpretazzjoni hija korretta, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali attribwixxiet portata żbaljata lil dan l-obbligu u imponiet oneru eċċessiv fuqu. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, fil-punti 187 u 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ċaħdet il-valur probatorju tar-Rapport E u li għaldaqstant hija waslet sabiex tinferixxi mill-elementi mressqa minn Frucona Košice jew mhux ikkontestati minnha. Sussegwentement hija ddeċidiet li tikkundanna lill-Kummissjoni talli ma talbitx informazzjoni supplimentari intiża sabiex tivverifika u tissostanzja l-konklużjonijiet li hija kienet siltet minn dawn l-elementi, mingħajr ma tispjega t-tip ta’ elementi supplimentari li din l-istituzzjoni eventwalment kienet setgħet talbet. |
|
56 |
Jidher li l-Kummissjoni kienet ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq l-elementi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha effettivament f’dak il-mument speċifiku u kienet qieset li hija setgħet tirreferi għall-ammont stabbilit mill-benefiċjarju, aċċettat mill-awtorità tat-taxxa u bbażat fuq rapporti indipendenti, mingħajr ma tirrikjedi l-produzzjoni ta’ rapporti oħra. Fi kwalunkwe każ, kreditur pubbliku ma kienx jaċċetta min-naħa tad-debitur tiegħu li huwa ma jissostanzjax suffiċjentement l-istima tiegħu tal-valur tal-assi li jkun qed joffri bħala garanzija bil-għan li jikseb posponiment tad-dejn fiskali tiegħu. F’dan il-każ, l-awtorità tat-taxxa lokali kellha l-konklużjonijiet tagħha stess fir-rigward tal-valur ta’ dawn l-assi, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ posponiment tad-dejn. |
|
57 |
Frucona Košice tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
58 |
Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li l-ħames u s-sitt aggravji jirrigwardaw, essenzjalment, il-portata tal-obbligi ta’ investigazzjoni li għandha l-Kummissjoni meta hija tagħmel evalwazzjonijiet fir-rigward tal-kriterju ta’ kreditur privat, hekk kif ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali meta eżaminat il-partijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-proċeduri kemm ta’ stralċ ġudizzjarju kif ukoll ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa. |
|
59 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jiġi applikat il-kriterju ta’ kreditur privat, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti tal-każ li jippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja kinitx manifestament tikseb faċilitajiet paragunabbli minn kreditur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 73, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 47). |
|
60 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandha titqies li hija rilevanti kull informazzjoni li tista’ tinfluwenza, b’mod mhux negliġibbli l-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat normalment prudenti u diliġenti, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-kreditur pubbliku u li jipprova jikseb il-ħlas ta’ somom dovuti lilu minn debitur li għandu diffikultajiet sabiex iħallas (sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 78, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, EU:C:2013:186, punt 54). |
|
61 |
Min-naħa l-oħra, huma rilevanti biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, l-elementi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli meta ttieħdet din d-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 105). |
|
62 |
Tali eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk miżuri speċifiċi jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma aġixxewx bl-istess mod bħal kreditur privat, jirrikjedi li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa (sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 74, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 48). |
|
63 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni Ewropea jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni (sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 75, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 49). |
|
64 |
Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnha (sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 76, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 50). |
|
65 |
F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ħames u s-sitt aggravji li huma diretti kontra l-parti tas-sentenza appellata dwar il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju. |
|
66 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandhom jiġu esklużi l-argumenti invokati mill-Kummissjoni u bbażati fuq il-fatt li jkun hemm lok, inizjalment, li tiġi ddeterminata l-perspettiva suġġettiva tal-awtorità pubblika kompetenti u, sussegwentement, li tiġi pparagunata l-attitudni ta’ din l-awtorità ma’ dik ta’ kreditur privat ipotetiku, fejn ir-rilevanza ta’ tali raġunament diġà ġiet eskluża, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni u tar-raba’ motivi, sa fejn dan ir-raġunament jistrieħ fuq portata żbaljata tal-kriterju ta’ kreditur privat. |
|
67 |
It-tieni nett, sa fejn il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali bil-ħolqien, b’mod partikolari billi naqset milli tillimita l-obbligu ta’ verifika ta’ din l-istituzzjoni għall-elementi li hija kellha għad-dispożizzjoni, rekwiżit ġdid li kien jimponilha oneru eċċessiv, li jikkonsisti fil-ħtieġa ta’ tiftix tal-elementi u informazzjoni kollha “immaġinabbli”, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-Kummissjoni jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali indikat, b’mod partikolari fil-punti 134 sa 137 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat għandha ssir b’rabta mal-iktar sitwazzjoni simili possibbli għal dik tal-awtorità pubblika inkwistjoni. |
|
69 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punti 138 sa 143 tas-sentenza appellata, il-prinċipji li jirregolaw, fil-fehma tagħha, l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni u indikat, f’dan il-kuntest, l-elementi li din l-istituzzjoni għandha, jekk ikun il-każ, tikseb u tieħu inkunsiderazzjoni meta twettaq eżami, kif ukoll il-limiti ġenerali tal-obbligi investigattivi tagħha, hekk kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni. |
|
70 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jitfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha għad-dispożizzjoni meta hija adottatha (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
71 |
Issa, l-informazzjoni li l-Kummissjoni “setgħet kellha għad-dispożizzjoni” tinkludi dik li tidher rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 60 sa 62 ta’ din is-sentenza u li tagħha hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni matul il-proċedura amministrattiva. |
|
72 |
Fl-aħħar nett, fil-punti 171 sa 178 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont il-ġurisprudenza tagħha, il-Kummissjoni b’ebda mod ma hija suġġetta għal obbligu ġenerali li tissottoskrivi lilha nfisha mal-qbil ta’ esperti esterni u ċaħdet, fuq din il-bażi, il-pretensjonijiet ta’ Frucona Košice li din l-istituzzjoni jmissha kkummissjonat perizzji esterni ġodda. |
|
73 |
Issa, il-punti 180 sa 213 u 235 tas-sentenza appellata, li kontrihom hija diretta l-kritika tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, ma jinvolvux, meta jiġu interpretati fid-dawl ta’ dan il-kuntest ġuridiku mfakkar mill-Qorti Ġenerali, rekwiżiti ġodda inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
74 |
B’hekk, il-konstatazzjoni fattwali magħmula fil-punt 185 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet iddeterminat il-koeffiċjenti ta’ stralċ permezz ta’ tnaqqis fuq il-bażi tal-elementi tal-fajl tal-proċedura amministrattiva, ma kienet wettqet ebda analiżi metodoloġika jew ekonomika u ma kinitx talbet informazzjoni supplimentari intiża sabiex jiġu vverifikati u ssostanzjati l-konklużjonijiet li hija kienet siltet minn dawn l-elementi, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tiġbor fiha rekwiżit li jmur lil hinn minn dawk meħtieġa skont il-prinċipji mfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punti 138 sa 143 tas-sentenza appellata jew li hija inkompatibbli ma’ dawk esposti fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza. |
|
75 |
Fir-rigward tal-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 186, 196, 200 u 201 tas-sentenza appellata, li skonthom l-elementi tal-fajl tal-proċedura amministrattiva ma kinux tali li jissostanzjaw suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-evalwazzjonijiet mill-Kummissjoni tal-koeffiċjenti ta’ stralċ u li, għaldaqstant, hija jmissha pprovat tikseb informazzjoni supplimentari sabiex tissostanzja l-konklużjonijiet tagħha, dawn b’ebda mod ma jmorru lil hinn mil-limiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, u lanqas ma jistgħu jitqiesu li jinkludu rekwiżit li huwa inkompatibbli mal-prinċipji esposti fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza. |
|
76 |
Sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 186 tas-sentenza appellata, li l-elementi tal-fajl tal-proċedura amministrattiva għandhom jissostanzjaw il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni mhux biss suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, iżda wkoll b’mod inekwivoku, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li mill-punti 187 sa 201 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ tali rekwiżit u ma għamlitx iżjed riferiment għalih fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet tagħha li jinsabu fil-punti 196, 200, 201 u 235 tas-sentenza appellata. |
|
77 |
Fil-fatt, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 125 u 131 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 191 sa 195, 198 u 199 tas-sentenza appellata ħadet ħsieb li tikkonstata kontradizzjonijiet interni tad-deċiżjoni kontenzjuża u li twettaq il-konstatazzjonijiet fattwali li skonthom ebda element tal-fajl amministrattiv ma jista’ jipprovdi spjegazzjoni relatata mal-koeffiċjenti ta’ stralċ ikkunsidrati mill-Kummissjoni. |
|
78 |
Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma applikatx kriterju ġuridiku żbaljat. Għalhekk il-pretensjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment ineffettivi u parzjalment infondati. |
|
79 |
Fit-tieni lok, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-iżbalji ta’ liġi li hija identifikat ivvizzjaw ukoll l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, li tinsab fil-punti 223 sa 235 tas-sentenza appellata, kif ukoll dik relatata mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, li tinsab fil-punti 277 sa 284 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, peress li l-eżami tal-pretensjonijiet tal-Kummissjoni ma tat lok għal ebda konstatazzjoni ta’ żball ta’ liġi, dan l-argument huwa nieqes minn kull bażi. |
|
80 |
Barra minn hekk, fil-punti 279, 282 u 283 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet naqset, qabel kollox, milli tinforma ruħha dwar it-tul prevedibbli ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, sussegwentement, milli tieħu inkunsiderazzjoni li din setgħet tiġi interrotta minħabba l-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u, fl-aħħar nett, milli tinforma ruħha fir-rigward tal-ispejjeż li tista’ tiġġenera proċedura ta’ dan it-tip. |
|
81 |
Issa, sa fejn kunsiderazzjonijiet ta’ dan it-tip jirrelataw ma’ informazzjoni li kreditur privat normalment prudenti u diliġenti, li jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dak tal-awtorità fiskali, a priori ma setax jinjora, dawn jistgħu, waħedhom, jiġġustifikaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punti 77, 78 u 81). |
|
82 |
Barra minn hekk, mill-punti 69 sa 84 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali speċifikat suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, minn naħa, il-portata tal-obbligi ta’ investigazzjoni li jaqgħu fuq din l-istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, it-tip ta’ elementi supplimentari li l-imsemmija istituzzjoni ma setgħetx titlob. |
|
83 |
Għaldaqstant il-ħames u s-sitt motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
|
84 |
Peress li l-aggravji kollha mressqa mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan l-appell għandhom jiġu miċħuda, hemm lok li l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
85 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
|
86 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
87 |
Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn Frucona Košice. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.