EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62015CJ0685
Judgment of the Court (Second Chamber) of 14 June 2017.#Online Games Handels GmbH and Others v Landespolizeidirektion Oberösterreich.#Request for a preliminary ruling from the Landesverwaltungsgericht Oberösterreich.#Reference for a preliminary ruling — Article 49 TFEU — Freedom of establishment — Article 56 TFEU — Freedom to provide services — Games of chance — Restrictive legislation of a Member State — Penal administrative sanctions — Overriding reasons in the public interest — Proportionality — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Article 47 — Right to effective judicial protection — National legislation laying down the requirement for the court to examine of its own motion the facts of the case before it in the context of the prosecution of administrative offences — Compliance.#Case C-685/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2017.
Online Games Handels GmbH et vs Landespolizeidirektion Oberösterreich.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni restrittiva ta’ Stat Membru – Sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-qorti li teżamina ex officio l-fatti tal-kawża quddiemha fil-kuntest tal-proċedura kontra ksur amministrattiv ta’ natura kriminali – Konformità.
Kawża C-685/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2017.
Online Games Handels GmbH et vs Landespolizeidirektion Oberösterreich.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni restrittiva ta’ Stat Membru – Sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-qorti li teżamina ex officio l-fatti tal-kawża quddiemha fil-kuntest tal-proċedura kontra ksur amministrattiv ta’ natura kriminali – Konformità.
Kawża C-685/15.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:452
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
14 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni restrittiva ta’ Stat Membru — Sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Proporzjonalità — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 47 — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-qorti li teżamina ex officio l-fatti tal-kawża quddiemha fil-kuntest tal-proċedura kontra ksur amministrattiv ta’ natura kriminali — Konformità”
Fil-Kawża C‑685/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura
Online Games Handels GmbH,
Frank Breuer,
Nicole Enter,
Astrid Walden
vs
Landespolizeidirektion Oberösterreich,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Online Games Handels GmbH, minn P. Ruth, u D. Pinzger, Rechtsanwälte, |
— |
għal F. Breuer kif ukoll N. Enter u A. Walden, minn F. Maschke, Rechtsanwalt, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer kif ukoll minn F. Herbst u G. Trefil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u R. Verbeke, advocaten, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u G. Braun, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Marzu 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif interpretati b’mod partikolari fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, Online Games Handels GmbH (iktar ’il quddiem, “Online Games”), Frank Breuer kif ukoll Nicole Enter u Astrid Walden u, min-naħa l-oħra, il-Landespolizeidirektion Oberösterreich (direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq) rigward sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali ddikjarati minn dan tal-aħħar fir-rigward tagħhom minħabba l-operat, mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ magni tal-logħob. |
Id-dritt Awstrijak
Il-liġi kostituzzjonali federali
3 |
Taħt it-titolu “Implementazzjoni tal-Istat federali”, il-Kapitolu 3 tal-Bundes Verfassungsgesetz (liġi kostituzzjonali federali, BGBl. 1/1930), kif emendata (BGBl. I, 102/2014) (iktar ’il quddiem, il-“B‑VG”), jinkludi fost l-oħrajn l-Artikoli 90 u 94 tal-B‑VG. Skont l-Artikolu 90 tal-B‑VG: “(1) Ħlief fil-każ ta’ deroga legali espliċita, is-smigħ fil-kawżi ċivili u kriminali quddiem il-qrati ordinarji huma orali u pubbliċi. (2) Il-proċeduri kriminali huma suġġetti għall-prinċipju ta’ kontradittorju.” |
4 |
L-Artikolu 94(1) tal-B‑VG huwa fformulat kif ġej: “Il-ġustizzja hija indipendenti mill-amministrazzjoni fl-istanzi kollha.” |
5 |
Il-Kapitolu 7 tal-B‑VG huwa intitolat “Garanziji kostituzzjonali u amministrattivi”. Huwa jinkludi l-Artikolu 130 tal-B‑VG li jipprevedi: “(1) Il-qrati amministrattivi [Verwaltungsgerichte] jisimgħu u jiddeċiedu:
[…] (4) Il-qorti amministrattiva għandha tiddeċiedi fuq ir-rikorsi msemmija fil-paragrafu 1(1), fil-kawżi amministrattivi ta’ natura kriminali. […] […]” |
Il-liġi federali dwar il-logħob tal-ażżard
6 |
Il-Glücksspielgesetz (liġi dwar il-logħob tal-ażżard, BGBl. 620/1989), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda ppubblikata fil-BGBl. I, 76/2011 (iktar ’il quddiem, il-“GSpG 2011”), kienet tipprevedi, fl-Artikolu 50 tagħha: “(1) Il-ġurisdizzjoni fi proċeduri kriminali u fl-għeluq ta’ impriżi taħt din il-liġi federali hija, fl-ewwel istanza, tal-awtoritajiet amministrattivi tad-distrett (Bezirk) […] u, fit-tieni istanza, tat-tribunali amministrattivi indipendenti imsemmija fl-Artikolu 51(1) tal-Verwaltungsstrafgesetz [(liġi kriminali amministrattiva)]. (2) Dawn l-awtoritajiet jistgħu jiżguraw il-kollaborazzjoni tal-korpi tal-kontroll pubbliku u, sabiex jiddeċiedu l-kwistjonijiet ta’ fatt imsemmija mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali, dik tal-esperti approvati msemmija fl-Artikolu 1(3). F’kull każ, jagħmlu parti mill-korpi tal-kontroll pubbliku l-korpi tas-servizz pubbliku ta’ sigurtà u l-awtoritajiet fiskali. […]” |
7 |
L-Artikolu 52 tal-GSpG, intitolat, “Dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet amministrattivi”, kien jipprevedi: “(1) Iwettaq ksur amministrattiv u huwa suġġett għal multa imposta mill-awtorità amministrattiva ta’ ammont li jista’ jammonta għal EUR 22000:
[…] (2) Għalkemm, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni f’lotteriji, xi ġugaturi jew persuni oħra jilagħbu ġugati ta’ iktar minn EUR 10 għal logħba, dawn tal-aħħar ma humiex ikkunsidrati bħala ammonti minimi, u, b’konsegwenza, ir-responsabbiltà possibbli li tirriżulta minn din il-liġi federali hija sussidjarja meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-Artikolu 168 tal-Strafgesetzbuch [(Kodiċi Kriminali)]. […] […]” |
8 |
L-Artikolu 53 tal-GSpG 2011 kien ifformulat kif ġej: “(1) L-awtorità amministrattiva tista’ tordna l-konfiska tal-magni awtomatiċi tal-logħob tal-ażżard […] meta
[…]” |
9 |
Emenda ġdida tal-liġi federali dwar il-logħob tal-ażżard ġiet ippubblikata fil-BGBl. I, 13/2014 (iktar ’il quddiem, fil-verżjoni emendata, il-“GSpG 2014”). |
10 |
Skont l-Artikolu 50(1) tal-GSpG 2014: “Il-ġurisdizzjoni fi proċeduri kriminali u fl-għeluq ta’ impriżi taħt din il-liġi federali hija tal-awtoritajiet amministrattivi tad-distrett (Bezirk) […]. Id-deċiżjonijiet tagħhom huma suġġetti għal rikors quddiem it-tribunal amministrattiv tal-Land.” |
11 |
L-Artikolu 52 tal-GSpG 2014 huwa fformulat kif ġej: “(1) Iwettaq ksur amministrattiv u huwa suġġett għal multa imposta mill-awtorità amministrattiva ta’ ammont li jista’ jammonta għal EUR 60000 fil-każijiet imsemmija fil-punt 1 u għal EUR 22000 fil-każijiet imsemmija fil-punti 2 sa 11:
[…] (3) Kull att li jinkludi kemm l-elementi kostituttivi ta’ ksur amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 52 u l-elementi kostituttivi tal-Artikolu 168 tal-kodiċi kriminali huwa suġġett biss għas-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 52. […]” |
Il-kodiċi tal-proċedura tal-qrati amministrattivi
12 |
Il-Verwaltungsgerichtsverfahrensgesetz (kodiċi tal-proċedura tal-qrati amministrattivi, BGBl. I, 33/2013), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-emenda ppubblikata fil-BGBl. I, 122/2013 (iktar ’il quddiem, il-“VwGVG”), jipprevedi, fl-Artikolu 18 tiegħu: “L-awtorità konvenuta hija wkoll parti.” |
13 |
Skont l-Artikolu 38 tal-VwGVG: “Ħlief jekk previst mod ieħor f’din il-liġi, japplikaw b’mod analogu għall-proċedura marbuta ma’ rikors magħmula skont l-Artikolu 130(1) tal-B‑VG fil-kawżi kriminali amministrattivi d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali amministrattiva tal-1991 […] u, għall-bqija, id-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali stabbiliti fil-liġijiet federali jew liġijiet tal-Länder li l-awtorità applikat jew kellha tapplika fil-proċedura li ppreċediet l-proċedura quddiem il-Verwaltungsgericht [(qorti amministrattiva)].” |
14 |
L-Artikolu 46(1) tal-VwGVG huwa fformulat kif ġej: “Il-Verwaltungsgericht [(qorti amministrattiva)] għandu jkollha l-provi neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima.” |
15 |
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tal-VwGVG: “Sakemm ir-rikors ma għandux jiġi miċħud jew il-proċedura ma għandhiex tiġi sospiża, il-Verwaltungsgericht [(qorti amministrattiva)] għandha tiddeċiedi fuq il-mertu fir-rigward tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 130(1)(1) tal-B‑VG.” |
Il-liġi ġenerali fuq il-proċeduri amministrattivi
16 |
Skont l-Artikolu 8 tal-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz, (liġi ġenerali fuq il-proċedura amministrattiva, BGBl. I, 51/1991) fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda ppubblikata fil-BGBl. I, 161/2013 (iktar ’il quddiem l-“AVG”): “Il-persuni li jindirizzaw ruħhom lill-awtorità jew li lejhom huwa indirizzat att ta’ din huma kkonċernati mill-proċedura u, sa fejn huma kkonċernati mill-kawża minħabba dritt jew interess legali, huma għandhom il-kwalità ta’ partijiet.” |
17 |
L-Artikolu 37 tal-AVG jipprevedi: “Il-proċedura istruttorja għandha l-għan li tippermetti li jiġi kkonstatati l-fatti li l-għarfien tagħhom huwa neċessarju għar-riżoluzzjoni ta’ kawża amministrattiva u sabiex il-partijiet jingħataw l-opportunità jinvokaw id-drittijiet tagħhom u l-interessi legali tagħhom. […]” |
18 |
L-Artikolu 39 tal-AVG huwa fformulat b’dan il-mod: “(1) Il-proċedura istruttorja hija suġġetta għar-regoli amministrattivi. (2) Sa fejn ir-regoli amministrattivi ma jinkludu l-ebda dispożizzjoni f’dan ir-rigward, l-awtorità għandha taġixxi ex officio u tiddetermina l-iżvolġiment tal-proċedura istruttorja filwaqt li tosserva d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu. B’mod partikolari, hija tista’ ssejjaħ lill-partijiet għal smigħ ex officio jew fuq it-talba ta’ waħda minnhom u tgħaqqad diversi kawżi amministrattivi bl-għan ta’ trattament komuni jew tisseparahom mill-ġdid. Meta hija tadotta deċiżjonijiet bħala dawn dwar l-organizzazzjoni tal-proċedura, hija għandha tkun iggwidata bil-ħsieb li toħloq kemm jista’ jkun possibbli kundizzjonijiet ta’ effikaċja, ta’ ħeffa, ta’ sempliċità u ta’ ekonomija. […]” |
Il-liġi kriminali amministrattiva
19 |
L-Artikolu 24 tal-Verwaltungsstrafgesetz (liġi kriminali amministrattiva, BGBl. 52/1991), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda ppubblikata fil-BGBl. I, 33/2013 (iktar ’il quddiem il-“VStG”), jipprevedi: “Ħlief jekk previst mod ieħor f’din il-liġi federali, l-[AVG] tapplika wkoll fil-proċeduri kriminali amministrattivi. […]” |
20 |
Skont l-Artikolu 25 tal-VStG: “(1) Fir-rigward ta’ ksur amministrattiv, għandhom jinbdew proċeduri ex officio […]. (2) Iċ-ċirkustanzi attenwanti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bl-istess mod bħaċ-ċirkustanzi aggravanti. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
21 |
Il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq) ġiet adita b’żewġ kawżi. L-ewwel waħda tirrigwarda l-legalità tas-sekwestru ta’ magna li l-użu tagħha għandu mnejn jikser il-monopolju li għandu l-Istat federali fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u t-tieni waħda tirrigwarda l-legalità ta’ multi imposti minħabba li ġie organizzat logħob tal-ażżard b’tali magni jew talli ġiet permessa l-organizzazzjoni tiegħu. |
22 |
L-ewwel waħda ssegwi investigazzjoni magħmula, fit-8 ta’ Marzu 2012, fuq it-talba tad-direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq, mill-awtoritajiet tat-taxxa fl-istabbiliment “SJ-Bet Sportbar” li jinsab f’Wels (l-Awstrija). |
23 |
Wara li kkonstataw il-preżenza ta’ tmien magni li kien issuspettat li kienu qed jintużaw bi ksur tal-monopolju tal-Istat federali Awstrijak fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, l-imsemmija awtoritajiet issekwestrawhom. Waqt din l-investigazzjoni, ġie allegat li waħda minn dawn il-magni kienet ta’ Online Games. |
24 |
B’deċiżjoni tas-17 ta’ April 2012, id-direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq ordna l-konfiska għal tul indeterminat tal-magna li kien preżunt li hija ta’ Online Games, skont l-Artikolu 53(1)(1)(a) tal-GSpG 2011. |
25 |
Online Games ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Unabhängiger Verwaltungssenat Oberösterreich (tribunal amministrattiv indipendenti tal-Awstrija ta’ Fuq) li sar Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq). B’deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2012, dan ir-rikors ġie miċħud bħala infondat. |
26 |
B’deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2015, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) laqgħet l-appell ta’ Online Games kontra d-deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2012 billi annullat din tal-aħħar minħabba li ma ġiex ikkonstatat fiha bi preċiżjoni biżżejjed l-ammont tal-imħatri massimi li setgħu jsiru mill-ġugaturi permezz tal-magni kkonfiskati sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati kriminali ordinarji jew amministrattivi li jisimgħu l-kawża inkwistjoni. Din ġiet għaldaqstant irrinvijata quddiem il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq). |
27 |
Deher li, f’din l-ewwel kawża, l-organizzatur tal-logħob tal-ażżard li fih il-ġugaturi setgħu jipparteċipaw permezz tal-magna kkonfiskata kien kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita f’Brno, fir-Repubblika Ċeka. |
28 |
Fil-kuntest tat-tieni kawża, fl-14 ta’ Awwissu 2014, l-awtoritajiet tat-taxxa wettqu investigazzjoni fl-istabbiliment “Café Vegas”, li jinsab f’Linz (l-Awstrija). |
29 |
Wara li kkonstataw il-preżenza ta’ tmien magni u qiesu li dawn kienu jintużaw bi ksur tal-monopolju tal-Istat federali fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, dawn l-awtoritajiet ikkonfiskawhom. |
30 |
B’deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2015, id-direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq impona, skont l-Artikolu 52(1)(1) tal-GSpG 2014, multi ta’ EUR 24000 kull waħda fuq F. Breuer kif ukoll fuq N. Enter u A. Walden, minħabba l-organizzazzjoni jew il-parteċipazzjoni fl-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard fl-istabbiliment “Café Vegas”. |
31 |
F. Breuer kif ukoll N. Enter u A. Walden ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju. F’din l-okkażjoni, huma speċifikaw li l-magni inkwistjoni kienu alimentati b’server għall-programmi tal-logħob li jinsab fis-Slovakkja. |
32 |
Is-suġġett tal-kawżi prinċipali huwa, kif huwa indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, limitat għall-kwistjoni dwar jekk il-konfiska definittiva tal-magna ta’ Online Games kif ukoll il-multi imposti fuq F. Breuer, N. Enter u A. Walden humiex konformi mad-dritt, inkluż id-dritt tal-Unjoni. |
33 |
Il-qorti tar-rinviju organizzat żewġ seduti, waħda fil-11 ta’ Novembru 2015, fil-kuntest tal-ewwel kawża, u l-oħra fil-11 ta’ Diċembru 2015, fil-kuntest tat-tieni kawża. |
34 |
Fis-seduta tal-11 ta’ Novembru 2015 ipparteċipaw rappreżentant ta’ Online Games u rappreżentant tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-belt ta’ Linz. Id-direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq ma kienx rappreżentat waqt l-imsemmija seduta. Is-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2015 seħħet fil-preżenza tad-direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq kif ukoll fil-preżenza tal-awtoritajiet tat-taxxa. Il-konsulent ta’ F. Breuer kif ukoll ta’ N. Enter u ta’ A. Walden, assenti f’din l-aħħar seduta, madankollu pprovda lill-qorti tar-rinviju l-provi li fuqhom hija bbażata d-difiża tagħhom. Kemm fil-kuntest tal-ewwel kawża kif ukoll fil-kuntest tat-tieni waħda, l-awtoritajiet tat-taxxa u d-direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq qajmu diversi motivi sabiex jiġġustifikaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, jiġifieri l-GspG 2011 u l-GSpG 2014. |
35 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hemm differenzi ta’ opinjoni bejn il-qorti tar-rinviju u l-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) rigward il-portata tal-prinċipju li jirregola l-proċeduri amministrattivi ta’ natura kriminali, li jagħti lill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu rwol attiv fl-istabbiliment tal-verità u li jgħid li hija din tal-aħħar li għandha tirrimedja l-lakuni u l-ommissjonijiet tal-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni. |
36 |
Il-qorti tar-rinviju tispeċifika, f’dan ir-rigward, li, wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), il-qorti nazzjonali adita bil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kkonstatat, b’deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2014, l-inkompatibbiltà tal-monopolju tal-Istat Awstrijak fil-qasam tal-logħob tal-ażżard mal-Artikolu 56 TFUE. Wara appell fuq punt ta’ liġi ppreżentat mill-ministeru federali tal-finanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) annullat din id-deċiżjoni, fil-15 ta’ Diċembru 2014, u l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-qorti tar-rinviju. Fid-29 ta’ Mejju 2015, din affermat mill-ġdid l-inkompatibbiltà tal-monopolju li għandu l-Istat Awstrijak fil-qasam tal-logħob tal-ażżard mad-dritt tal-Unjoni. Din id-deċiżjoni kienet, mill-ġdid, is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva). |
37 |
Il-qorti tar-rinviju tiddubita l-kompatibbiltà mal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tal-prinċipju li jgħid li hija l-qorti adita li għandha teżamina ex officio l-fatti li għandhom mnejn jikkostitwixxu ksur amministrattiv ta’ natura kriminali, kif stabbilit bl-Artikolu 38 tal-VwGVG, moqri flimkien mal-Artikoli 24 u 25 tal-VStG u flimkien mal-Artikolu 39(1) tal-AVG. |
38 |
Skont il-qorti tar-rinviju, tali obbligu huwa tali li jaffettwa l-imparzjalità tal-qorti, li r-rwol tagħha jitfixkel ma’ dak tal-awtorità responsabbli għall-prosekuzzjoni. Dan l-obbligu huwa, għaldaqstant, inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-KEDB. |
39 |
Hija tqis li mis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281) jirriżulta li huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jistabbilixxu li l-miżuri nazzjonali intiżi sabiex jagħtu lill-Istat monopolju fil-qasam tal-logħob tal-ażżard huma ġġustifikati bl-għan li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ logħob jew li tiġi miġġielda l-kriminalità u li jiġu pprovduti, f’dan ir-rigward, lill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu l-provi li juru li l-kriminalità jew il-vizzju tal-logħob kienu jirrappreżentaw effettivament problema kunsiderevoli fil-mument tal-fatti, b’tali mod li kull obbligu tal-qorti amministrattiva li jmexxi investigazzjonijiet speċifiċi, f’dan ir-rigward, ikun imur kontra din il-ġurisprudenza. |
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 49 et seq TFUE, fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-KEDB moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fid-dawl tal-oġġettività u tal-imparzjalità li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teħtieġ minn qorti (ara, b’mod partikolari, il-punt 54 tas-sentenza tagħha [fil-Kawża Ozerov vs Ir-Russia], dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li l-provi li għandhom jiġu prodotti fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali amministrattivi sabiex tiġi ġġustifikata s-sistema ta’ kważi-monpolju tas-suq nazzjonali tal-logħob tal-ażżard protetta mid-dritt kriminali, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, s-sentenza tagħha [fil-Kawża Pfleger et] għandhom, l-ewwel nett, jiġu ddikjarati u delimitati b’mod totalment indipendenti kif ukoll jiġu sussegwentement investigati u evalwati b’mod awtonomu, mhux mill-awtorità ta’ prosekuzzjoni, jew korp ieħor tal-Istat inkarigat mill-prosekuzzjoni, fil-funzjoni tagħhom bħala rappreżentant tal-akkuża, iżda bil-kontra mill-qorti mitluba tagħti deċiżjoni dwar il-legalità tal-miżura tad-dritt kriminali li kontra tagħha r-rikors huwa ppreżentat, fuq inizjattiva tagħha stess u indipendentement mill-aġir tal-partijiet fil-proċedura, u li taġixxi bħala l-istess persuna/fl-eżerċizzju tal-istess funzjoni?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
41 |
Il-Gvern Awstrijak jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għaliex, fl-ewwel lok, id-domanda hija ipotetika, peress li tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali, u, fit-tieni lok, għaliex id-deċiżjoni tar-rinviju ma tesponix b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali tal-kawżi prinċipali sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli. |
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ma huwiex possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ħlief meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti rigward il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiġux osservati jew meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhomx x’jaqsmu mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha barra minn dan tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tikkunsidra neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-18 ta’ April 2013Mulders, C‑548/11, EU:C:2013:249, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi deskrizzjoni suffiċjenti tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawżi prinċipali, u l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad-domanda. |
45 |
Rigward l-argument li d-domanda hija ta’ natura ipotetika, dan huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-qorti tar-rinviju wettqet żball meta interpretat il-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, għaliex tali interpretazzjoni taqa’ fil-fatt taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ssirilha domanda preliminari minn qorti nazzjonali, għandha tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ġiet esposta lilha mill-imsemmija qorti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tas-sentenzi li għandhom jingħataw mill-qorti tar-rinviju tiddependi mir-risposta għad-domanda magħmula. |
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala ammissibbli. |
Fuq il-mertu
47 |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif interpretati b’mod partikolari fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludi sistema proċedurali nazzjonali li tipprovdi, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi ta’ natura kriminali, li l-qorti mitluba tiddeċiedi rigward il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħal-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni, għandha teżamina ex officio l-fatti tal-kawża quddiemha fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ ksur amministrattiv. |
48 |
B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat id-domandi magħmula biss b’kunsiderazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 56 TFUE, mingħajr ma eżaminathom mill-perspettiva tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE. Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, fid-dawl tal-Artikolu 62 TFUE, il-motivi ta’ din is-sentenza, marbuta mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jistgħu japplikaw ukoll fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment. |
49 |
Imbagħad għandu jitfakkar li mis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281) jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-operat ta’ magni tal-logħob fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet amministrattivi, ladarba din il-leġiżlazzjoni ma ssegwix realment l-għan allegat ta’ protezzjoni tal-ġugaturi jew tal-ġlieda kontra l-kriminalità u ma tissodisfax verament l-għan li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ logħob jew li tiġi miġġielda l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 56). |
50 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni li jinvoka għan adattat sabiex jiġġustifika ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għandhom jagħtu lill-qorti nazzjonali mitluba sabiex tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni l-provi kollha li jistgħu jippermettu lil din tal-aħħar li tiżgura ruħha li l-imsemmija miżura effettivament tissodisfa ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ titqies bħala ġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Imbagħad, hija din il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika liema huma l-għanijiet effettivament segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u jekk ir-restrizzjonijiet imposti minn din jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tagħhom. B’mod partikolari, hija għandha tiżgura ruħha, fid-dawl tal-modalitajiet konkreti ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva kkonċernata, li din tissodisfa verament l-għan li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ logħob, li jiġu limitati l-attivitajiet f’dan il-qasam u li tiġi miġġielda l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 47 sa 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li qorti nazzjonali għandha twettaq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi li fihom leġiżlazzjoni restrittiva tiġi adottata u implementata (sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 52). |
53 |
Barra minn hekk, waqt dan l-istħarriġ tal-proporzjonalità, l-approċċ segwit mill-qorti nazzjonali għandha jkun mhux statiku iżda dinamiku, fis-sens li huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp taċ-ċirkustanzi wara l-adozzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Admiral Casinos & Entertainment, C‑464/15, EU:C:2016:500, punt 36). |
54 |
Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati tal-Istati Membri li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu r-rimedji legali neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu tal-Karta, sa fejn hija kkonċernata l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) ta’ din, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lejn l-Istati Membri meta huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi sabiex jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux barra minn tali sitwazzjonijiet (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 51). |
56 |
Kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, meta Stat Membru jippromulga miżura li tidderoga minn libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE, bħal-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni, din il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
57 |
Skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta, kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu. |
58 |
Huwa ugwalment stabbilit li, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, ir-rikorrenti jallegaw li d-drittijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment li huma għandhom, rispettivament, taħt l-Artikoli 56 u 49 TFUE, inkisru bil-miżuri ta’ konfiska u s-sanzjonijiet li huma jitolbu li jiġu annullati, minħabba f’hekk, quddiem il-qorti tar-rinviju. L-Artikolu 47 tal-Karta huwa għaldaqstant applikabbli f’dan il-każ. |
59 |
Għalkemm l-obbligi imposti fuq il-qrati nazzjonali, f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-ġustifikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirrestrinġi libertà fundamentali tal-Unjoni, ġew iddefiniti b’dan il-mod mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi osservat li huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet u, b’mod partikolari, li jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 65). |
60 |
Rigward id-dritt għal proċess indipendenti u imparzjali, stabbilit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-kunċett ta’ “indipendenza”, li huwa inerenti fil-missjoni tal-qorti, jinvolvi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, estern, jissupponi li l-istanza tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tagħha fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemha (sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, TDC, C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
It-tieni aspett, intern, jingħaqad mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u huwa intiż sabiex jiżgura l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett, li l-qorti tar-rinviju tibża’ li ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ, jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, TDC, C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeżiġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari regoli statutorji u proċedurali, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, rigward l-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u n-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, TDC, C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
F’dan il-każ, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, iċċitati fil-punti 3 sa 5 u 12 sa 20 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament minħabba illegalità quddiem il-qrati amministrattivi, u dawn tal-aħħar jiddeċiedu fuq il-mertu ta’ dawn ir-rikorsi. Fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħha, il-qorti għandha teżamina l-fatti tal-kawża quddiemha fil-limiti tar-riferiment, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza attenwanti u aggravanti. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, l-awtorità amministrattiva li tkun applikat is-sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali għandha l-istatus ta’ parti. |
64 |
Abbażi ta’ dawn l-elementi biss, ma hemmx lok li jitqies li tali sistema proċedurali hija tali li tnissel dubji rigward l-imparzjalità tal-qorti nazzjonali, sa fejn din hija inkarigata li tinvestiga l-kawża quddiemha mhux sabiex issostni l-prosekuzzjoni, iżda sabiex twassal sabiex tiġi stabbilita l-verità. Barra minn hekk, din is-sistema hija bbażata essenzjalment fuq l-idea li l-qorti ma hijiex essenzjalment l-arbitru ta’ tilwima bejn il-partijiet iżda tirrappreżenta l-interess ġenerali tas-soċjetà. Huwa bl-idea li jiġi segwit dan l-interess li l-qorti nazzjonali ser ikollha wkoll teżamina l-ġustifikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirrestrinġi libertà fundamentali tal-Unjoni fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
65 |
Fir-rigward tal-kwistjoni tar-rabta bejn l-obbligu impost mid-dritt nazzjonali fuq qrati nazzjonali li jeżaminaw ex officio l-fatti tal-kawżi quddiemhom u s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), tfakkar fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza li, skont id-dritt tal-Unjoni, huma dawn tal-aħħar li għandhom iwettqu evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata u implementata leġiżlazzjoni restrittiva abbażi tal-provi mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE u l-proporzjonalità ta’ dan. |
66 |
Filwaqt li dawn il-qrati jistgħu jkunu mitluba, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jinkoraġġixxu l-produzzjoni ta’ tali provi, huma ma jistgħux, min-naħa l-oħra, jintalbu, kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 56 u 68 tal-konklużjonijiet tagħha, jissostitwixxu ruħhom flok l-imsemmija awtoritajiet sabiex jipprovdu l-ġustifikazzjonijiet li, skont is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li jipprovdu. Jekk dawn il-ġustifikazzjonijiet ma jiġux prodotti minħabba l-assenza jew il-passività tal-imsemmija awtoritajiet, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jiddeduċu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn tali nuqqas. |
67 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif interpretati b’mod partikolari fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux sistema proċedurali nazzjonali li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi ta’ natura kriminali, il-qorti mitluba tiddeċiedi fuq il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħal-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, għandha teżamina ex officio l-fatti tal-kawża quddiemha fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ ksur amministrattiv, sakemm tali sistema ma jkollhiex bħala konsegwenza li din il-qorti tkun mitluba tissostitwixxi ruħha flok l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, li għandhom jipprovdu l-provi neċessarji sabiex jippermettu lill-imsemmija qorti tistħarreġ jekk din ir-restrizzjoni hijiex iġġustifikata. |
Fuq l-ispejjeż
68 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif interpretati b’mod partikolari fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux sistema proċedurali nazzjonali li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi ta’ natura kriminali, il-qorti mitluba tiddeċiedi fuq il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħal-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, għandha teżamina ex officio l-fatti tal-kawża quddiemha fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ ksur amministrattiv, sakemm tali sistema ma jkollhiex bħala konsegwenza li din il-qorti tkun mitluba tissostitwixxi ruħha flok l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, li għandhom jipprovdu l-provi neċessarji sabiex jippermettu lill-imsemmija qorti tistħarreġ jekk din ir-restrizzjoni hijiex iġġustifikata. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.