Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CC0060

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati l-1 ta’ Marzu 2017.
Mohammad Khir Amayry vs Migrationsverket.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammarrätten i Stockholm - Migrationsöverdomstolen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikolu 28 – Detenzjoni tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali sabiex huwa jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli – Perijodu li fih għandu jsir it-trasferiment – Perijodu massimu tad-detenzjoni – Kalkolu – Aċċettazzjoni tat-talba sabiex tittieħed responsabbiltà qabel id-detenzjoni – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.
Kawża C-60/16.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:147

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

Kawża C-60/16

Mohammad Khir Amayry

vs

Migrationsverket

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammarrätten i Stokkolma -Migrationsöverdomstolen (qorti tal-appell amministrattiva ta’ Stokkolma fil-qasam tal-immigrazzjoni, l-Isvezja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikolu 28 tar-Regolament – Detenzjoni tal-interessat sabiex huwa jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli – Perijodu li fih għandu jsir it-trasferiment – Kalkolu tal-perijodu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza d-detenzjoni tal-interessat u l-estensjoni tagħha għal tul ta’ iktar minn xahrejn – Ammissibbiltà”

I. Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 2 ) sabiex tiddetermina l-perijodi applikabbli għall-proċedura ta’ trasferiment ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali, detenut waqt li jistenna t-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu.

2.

Sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ dan it-trasferiment, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri li jqiegħdu l-individwu kkonċernat f’detenzjoni meta, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni individwali, huwa jidher li jista’ jaħrab il-proċedura ta’ trasferiment, u dan biss sa fejn din id-detenzjoni hija proporzjonali u jekk ma jkunux jistgħu jiġu applikati effettivament miżuri alternattivi oħra inqas koerżivi.

3.

Sabiex jiżgura li din id-detenzjoni tkun għal żmien qasir kemm jista’ jkun, il-leġiżlatur iddetermina l-perijodi applikabbli għall-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u għall-eżekuzzjoni prattika tal-proċedura ta’ trasferiment fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III – li tiegħu hija mitluba l-interpretazzjoni hawnhekk – billi applika l-prinċipji ta’ ħtieġa u ta’ proporzjonalità.

4.

Bid-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dawn il-perijodi, f’każ fejn dan ma jkunx ġie previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

5.

Fil-fatt, l-applikant ma kienx ġie detenut fi stadju bikri tal-proċedura, kif espressament previst fl-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament – jiġifieri qabel mal-Istat Membru rikjedenti jippreżenta t-talba tiegħu sabiex l-applikant jittieħed (lura) mill-Istat Membru li huwa jqis li huwa responsabbli –, imma fi stadju suċċessiv għalih, meta dan tal-aħħar kien aċċetta din it-talba u għalhekk kien fadal biss li jiġu rregolati l-modalitajiet prattiċi tal-eżekuzzjoni tat-trasferiment.

6.

Għalkemm ir-risposta għad-domandi li tagħmel il-qorti tar-rinviju ma tirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament, hija tista’ madankollu tiġi deżunta, l-ewwel nett, mill-istruttura ta’ dan l-artikolu u, b’mod partikolari, mill-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ħtieġa li fuqhom huma bbażati l-perijodi applikabbli għall-proċedura ta’ trasferiment ta’ applikant detenut, sussegwentement, mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-kuntest u, finalment, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

7.

Bħala riżultat tal-analiżi tiegħi, sejjer nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, l-Istati Membri kkonċernati għandhom perijodu ta’ sitt ġimgħat, b’effett mid-detenzjoni tal-applikant, sabiex jipproċedu għall-eżekuzjoni tat-trasferiment tiegħu.

8.

Sejjer nispjega wkoll li, fiċ-ċirkustanza fejn l-applikant ikun ippreżenta appell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ikun talab ir-reviżjoni tagħha, dan il-perijodu għandu jiddekorri mill-ġdid b’effett mill-mument meta dan l-appell jew din ir-reviżjoni ma jibqgħalhomx effett sospensiv, kemm jekk is-sospensjoni tkun de facto, kemm jekk hija tkun deċiża mill-qrati nazzjonali kompetenti jew anki jekk hija tkun intalbet mill-persuna kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III.

9.

Fl-aħħar nett, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom jiena nikkunsidra li, inkunsiderazzjoni ta’ din l-interpretazzjoni, l-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik ikkontestata li tawtorizza d-detenzjoni ta’ applikant għall-finijiet tat-trasferiment tiegħu għal żmien itwal minn sitt ġimgħat u tippermetti l-estensjoni tagħha sa tnax-il xahar, għall-motivi li din ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà li huma imposti fuq l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ restrizzjoni ta’ libertà.

Il-kuntest ġuridiku

Id-  dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2013/33/UE

10.

L-Artikolu 8(3)(f) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ( 3 ) jipprevedi:

“ Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

[…]

f)

skont l-Artikolu 28 tar-Regolament [Dublin III].”

11.

Taħt it-titolu “garanziji għal applikanti detenuti”, l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Applikant għandu jiġi detenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm detenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8(3).

Il-proċeduri amministrattivi relevanti għar-raġunijiet għad-detenzjoni stipulati fl-Artikolu 8(3) għandhom jiġi eżegwiti bid-diliġenza dovuta. Dewmien fl-ipproċessar tal-proċeduri amministrattivi li ma jistgħux ikunu attribwiti lill-applikant m’għandux jiġġustifika l-kontinwazzjoni tad-detenzjoni.”

2 Ir-Regolament Dublin III

12.

Il-premessa 20 tal-imsemmi regolament tipprevedi dan li ġej:

“Id-detenzjoni ta’ applikanti għandha tiġi applikata skont il-prinċipju bażiku li persuni m’għandhomx jiġu detenuti fuq il-bażi unika li huma qiegħdin ifittxu l-protezzjoni internazzjonali. Id-detenzjoni għandha tkun għal perjodu qasir kemm jista’ jkun, u soġġetta għall-prinċipji tan- neċċessita u l-proporzjonalità. B’mod partikolari, id-detenzjoni ta’ applikanti għandha tkun skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra[, tat-28 ta’ Lulju 1951, dwar l-istatus tar-refuġjati]. Il-proċeduri previsti minn dan ir-Regolament fir-rigward ta’ persuna detenuta għandhom jiġu applikati bħala kwistjoni ta’ prijorità, fl-iqsar skadenzi possibbli.”

13.

L-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rimedji” jipprevedi:

“1.   L-applikant […] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

[…]

3.   Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

(a)

l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni; jew

(b)

it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; jew

(c)

il-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti jew tribunal biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu/tagħha. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju effettiv billi jissospendu t-trasferiment sakemm tittieħed deċiżjoni rigward l-ewwel talba għal sospensjoni. Kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhiex tiġi sospiża għandha tittieħed f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, filwaqt li tippermetti skrutinju mill-qrib u rigoruż tat-talba għal sospensjoni. Deċiżjoni li l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma tiġix sospiża għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal- implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.”

14.

L-Artikolu 28 ta’ dan tal-aħħar, li jaqa’ taħt it-Taqsima V tar-Regolament intitolat “Id-detenzjoni għar-raġunijiet ta’ trasferiment”, huwa redatt kif ġej:

“1.   L-Istati Membri ma’ għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija soġġetta għall-proċedura stabbilita b’dan ir-Regolament.

2.   Meta jkun hemm riskju sinifikanti li l-persuna taħrab[ ( 4 )], l-Istati Membri jistgħu jżommu lill-persuna kkonċernata taħt detenzjoni sabiex jiżguraw proċeduri ta’ trasferiment skont dan ir-Regolament, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali u biss sa fejn id-detenzjoni tkun proporzjonali, jekk ma jkunux jistgħu jiġu applikati effettivament miżuri alternattivi oħra inqas koerżivi.

3.   Id-detenzjoni għandha tkun għal żmien qasir kemm jista’ jkun u m’għandiex tkun għal iżjed miż-żmien li raġonevolment huwa meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-proċeduri amministrattivi meħtieġa b’diliġenza dovuta sakemm jitwettaq it-trasferiment taħt dan ir-Regolament.

Fejn persuna tinżamm taħt detenzjoni skont dan l-Artikolu, il-perijodu għall-preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura ma għandux ikun itwal minn xahar mill-mument meta t-talba tiġi ppreżentata. L-Istat Membru li jwettaq l-proċedura f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jitolob tweġiba urġenti f’dawn il-każijiet. Tali tweġiba għandha tingħata fi żmien ġimgħatejn mill-mument meta jirċievi t-talba. Nuqqas ta’ tweġiba fil-perijodu ta’ ġimgħatejn għandu l-istess effett ta’ aċċettazzjoni tat-talba, u għandu jinvolvi l-obbligu li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna, inkluż l-obbligu li jagħmel arranġamenti xierqa għall-wasla.

Meta persuna tinżamm taħt dete[n]zjoni skont dan l-Artikolu, it- trasferiment ta’ dik il-persuna mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli għandu jkun eżegwit mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mill-aċċettazzjoni impliċita jew espliċita tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew mill-mument meta l-appell jew reviżjoni ma jkollux jew ma jkollhiex aktar effett sospensiv skont l- Artikolu 27(3).

Meta l-Istat Membru rikjedenti jonqas milli jikkonforma mat-termini ta’ żmien biex jippreżenta talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura jew fejn it-trasferiment ma jseħħx fl-iskadenza ta’ sitt ġimgħat imsemmija fit-tielet subparagrafu, il-persuna ma għandhiex tinżamm aktar taħt detenzjoni. L-Artikoli 21, 23, 24 u 29 għandhom ji[b]qgħu japplikaw kif adatt

4.   Fir-rigward tal-kondizzjonijiet għad-detenzjoni, u l-garanziji applikabbli għal persuni taħt detenzjoni, sabiex jiġu żgurati l-proċeduri ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli, għandhom japplikaw l-Artikol[i] [9 sa 11] tad-Direttiva [2013/33].”

15.

L-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, li jinsab fit-Taqsima VI intitolat “Trasferimenti”, jipprevedi dan li ġej:

“It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[…]”

B.  Id-dritt Svediż

16.

Fl-Artikolu 8 tal-Kapitolu 1 tagħha, l-utlänningslagen (liġi dwar persuni barranin) tad-29 ta’ Settembru 2005 ( 5 ) tipprovdi li l-liġi għandha tiġi applikata, f’kull każ partikolari, b’mod li ma tillimitax il-libertà tal-persuna kkonċernata iktar milli meħtieġ.

17.

Fl-Artikolu 9 tal-Kapitolu 1 tagħha, hija tippreċiża li d-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu ta’ ħruġ mit-territorju u ta’ tneħħija għandhom japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment ibbażati fuq ir-Regolament Dublin III.

18.

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-detenzjoni jew is-sorveljanza tal-persuni barranin jidhru fil-Kapitolu 10 ta’ din il-liġi.

19.

Il-punt 3 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan il-kapitolu jawtorizza d-detenzjoni tal-persuni barranin ta’ 18-il sena jew iktar sabiex tiġi ppreparata l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija jew sabiex issir dik l-eżekuzzjoni.

20.

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 10 ta’ din il-liġi, detenzjoni tista’ tiġi deċiża biss jekk jeżisti riskju li l-persuna kkonċernata jwettaq fl-Isvezja attivitajiet kriminali, jaħrab, jew jevita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment jew jostakolaha b’xi mod ieħor.

21.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Kapitolu 10 tal-liġi dwar il-Persuni Barranin, persuna barranija ma tistax tiġi detenuta għar-raġunijiet ta’ trasferiment għal iktar minn xahrejn, sakemm ma jeżistux raġunijiet serji li jiġġustifikaw detenzjoni itwal. Meta jeżistu dawn ir-raġunijiet, il-persuna barranija ma tistax tiġi detenuta għal iktar minn tliet xhur. Meta huwa probabbli li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ser tieħu iktar żmien minħabba l-assenza ta’ kooperazzjoni tal-persuna barranija jew meta l-akkwist tad-dokumenti neċessarji jieħu ż-żmien, it-tul massimu jista’ jkun ta’ tnax-il xahar.

22.

L-Artikolu 13 tal-Kapitolu 12 ta’ din il-liġi jippreċiża li l-Migrationsverket (Uffiċċju għall-Migrazzjonijiet, l-Isvezja) jista’ jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija meta dan huwa ġġustifikat minn raġunijiet partikolari.

III Il-fatti u d-domandi preliminari

23.

Mohammad Khir Amayry kien ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Isvezja fid-19 ta’ Diċembru 2014. Madankollu riċerka fis-sistema “Eurodac” kienet uriet li l-persuna kkonċernata kien daħal fuq it-territorju Taljan xi ftit jiem qabel, fis-6 ta’ Diċembru 2014, u li huwa kien diġà talab protezzjoni mingħand l-awtoritajiet Daniżi fis-17 ta’ Diċembru 2014. Konsegwentement, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, fi1-15 ta’ Jannar 2015, l-Uffiċċju għall-Migrazzjonijiet talab lill-awtoritajiet Taljani jieħdu lura lill-persuna kkonċernata taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

24.

L-awtoritajiet Taljani laqgħu din it-talba fit-18 ta’ Marzu 2015.

25.

Għaldaqstant, fit-2 ta’ April 2015, l-Uffiċċju għall-Migrazzjonijiet ċaħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza tal-persuna kkonċernata, inkluża l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali u ddeċieda li jittrasferih lejn l-Itlaja. Barra minn hekk, billi huwa qies li kien jeżisti riskju sinjifikanti li l-interessat jaħrab, l-Uffiċċju għall-Migrazzjonijiet iddeċieda li jqiegħdu f’detenzjoni.

26.

Il-persuna kkonċernata kienet imbagħad ikkontestat dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Förvaltningsrätten i Stokkolma (qorti amministrattiva b’sede fi Stokkolma, l-Isvezja). Wara dan ir-rikors, l-Uffiċċju għall-Migrazzjonijiet iddeċieda li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment bl-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Kapitolu 12 tal-liġi dwar il-persuni barranin u tal-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III. Dan ir-rikors kien ġie miċħud fid-29 ta’ April 2015, billi l-Förvaltningsrätten i Stokkolma (qorti amministrattiva b’sede fi Stokkolma) kienet iddeċidiet, b’mod partikolari, li kien jeżisti riskju li, f’każ li jingħata l-libertà, K. Amayry jaħrab, jevita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment jew jostakolaha b’xi mod ieħor. Dan kien appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

27.

Fit-8 ta’ Mejju 2015, id-deċiżjoni ta’ trasferiment kienet ġiet eżegwita. Iktar tard, il-persuna kkonċernata rritornat fl-Isvezja, fejn ippreżentat applikazzjoni ġdida għall-protezzjoni internazzjonali fl-1 ta’ Ġunju 2015.

28.

Fit-30 ta’ Lulju 2015, il-qorti tar-rinviju rrifjutat li tawtorizza l-appell dwar dik il-parti mis-sentenza dwar it-trasferiment iżda, għall-kuntrarju, kienet ammettiet dik dwar il-kwistjoni tad-detenzjoni.

29.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammarrätten i Stokkolma – Migrationsöverdomstolen (qorti tal-appell amministrattiva ta’ Stokkolma li tiddeċiedi fil-qasam ta’ immigrazzjoni, l-Isvezja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin.

“1)

Meta l-applikant [għall-protezzjoni internazzjonali] ma nżammx f’detenzjoni fil-mument meta l-Istat Membru responsabbli jaċċetta li jieħdu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, iżda nżamm f’detenzjoni sussegwentement – għaliex huwa biss f’dak iż-żmien li jitqies li jeżisti riskju sinjifikattiv li l-persuna kkonċernata taħrab –, it-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament [Dublin III] għandu jiġi kkalkolat mid-data li fiha l-persuna nżammet f’detenzjoni jew minn data oħra u, jekk dan ikun il-każ, liema data?

2)

Meta l-applikant [għall-protezzjoni internazzjonali] ma jkunx f’detenzjoni fil-mument meta l-Istat Membru responsabbli jaċċetta li jieħdu taħt irresponsabbiltà tiegħu, l-Artikolu 28 tar-Regolament [Dublin III] jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali, bħal dawk tad-dritt Svediż, li jipprovdu li barrani ma jistax jinżamm f’detenzjoni għall-finijiet tal-implementazzjoni [ta’ trasferiment] għal iktar minn xahrejn fl-assenza ta’ raġunijiet serji li jiġġustifikaw detenzjoni iktar fit-tul, għal iktar minn tliet xhur jekk jeżistu tali raġunijiet u għal iktar minn tnax-il xhar jekk ikun hemm probabbiltà li l-implementazzjoni tieħu iktar żmien minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-barrani jew jekk id-dokumenti neċessarji jieħdu ż-żmien biex jinkisbu?

3)

Jekk terġa’ tinbeda proċedura ta’ [transferiment] ladarba l-appell jew ir-reviżjoni ma jkollhomx iktar effett sospensiv (ara l-Artikolu 27(3) tar-Regolament [Dublin III]), jibda jiddekorri terminu ġdid ta’ sitt ġimgħat għall-implementazzjoni tat-trasferiment jew għandu jitnaqqas minnu, pereżempju, in-numru ta’ ġranet li l-persuna kkonċernata tkun diġà qattgħet f’detenzjoni wara li l-Istat Membru responsabbli jkun aċċetta li jeħodha taħt ir-responsabbiltà tiegħu jew li jeħodha lura taħt ir-responsabbiltà tiegħu?

4)

Il-fatt li l-applikant [għall-protezzjoni internazzjonali], li appella mid-deċiżjoni ta’ trasferiment, ma talabx li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi sospiża sal-eżitu tal-appell tagħha [ara l-Artikolu 27(3)(c) u (4) tar-Regolament [Dublin III]] għandu importanza?”

IV L-analiżi tiegħi

30.

Sejjer nanalizza suċċessivament l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domandi preliminari li kull waħda minnhom tinvolvi l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III. Huwa fl-aħħar nett li sejjer neżamina t-tieni domanda billi nanalizza l-portata ta’ din l-interpretazzjoni fid-dawl tal-kliem tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata.

A.  Fuq l-ewwel domanda preliminari

31.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn l-Istat Membru rikjedenti qiegħed lill-applikant f’detenzjoni wara l-aċċettazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, li jieħu (lura) lil dan l-applikant taħt ir-responsabbiltà tiegħu, l-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu ta’ sitt ġimgħat mogħti lil dawn l-Istati sabiex jeżegwixxu t-trasferiment, jibda jiddekorri mid-detenzjoni tal-applikant. Jekk dan ma huwiex il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex imbagħad tispeċifika d-data mill-mument meta jibda jiddekorri dan il-perijodu.

32.

Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara s-sistema legali li taħtha taqa’ l-persuna kkonċernata u, b’mod partikolari, tispeċifika l-perijodi applikabbli għall-proċedura ta’ trasferiment fil-konfront tagħha.

33.

Ir-risposta għal din id-domanda ma tirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament, billi l-leġiżlatur ma pprevediex espressament sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni.

34.

Madankollu din ir-risposta tista’ tirriżulta mill-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, mill-prinċipju stabbilit mil-leġiżlatur fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-applikazzjoni tiegħu li ssir fit-tielet paragrafu tal-imsemmija dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-għanijiet imfittxija bir-Regolament Dublin III.

35.

Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament, il-leġiżlatur stabbilixxa l-prinċipju li d-detenzjoni għandha tkun “għal żmien qasir kemm jista’ jkun u (m’għand[h]iex tkun għal iżjed) miż-żmien li raġonevolment huwa meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-proċeduri amministrattivi meħtieġa b’diliġenza dovuta sakemm jitwettaq it-trasferiment taħt dan ir-Regolament” ( 6 ).

36.

Għalhekk, il-leġiżlatur ittraspona l-prinċipju li jissemma fil-premessa 20 tal-imsemmi regolament li t-tul tad-detenzjoni tal-applikant għandu jikkonforma mal-prinċipji ta’ ħtieġa u ta’ proporzjonalità.

37.

L-osservanza ta’ dawn il-prinċipji għandha għaldaqstant tippermetti li jiġi ggarantit li r-restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-applikant isiru fil-limiti li huma strettament neċessarji, filwaqt li tiżgura li tingħata lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati l-kundizzjoniet materjali li jippermettulhom li jimplementaw it-trasferiment korrettament.

38.

Huwa bl-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ prinċipji li l-leġiżlatur imbagħad ippreċiża, fit-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III, il-perijodi li deherlu li kienu raġonevoli li jiġu konċessi lill-Istati Membri sabiex itemmu l-proċeduri kollha li jwasslu, l-ewwel nett, għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, imbagħad għat-trasferiment tal-applikant f’sitwazzjoni fejn dan ikun diġà detenut.

39.

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament jirregola l-proċedura mill-mument meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jassumi r-responsabbiltà. B’hekk il-leġiżlatur stabbilixxa l-perijodu li huwa disponibbli għall-Istat Membru rikjedenti sabiex jippreżenta t-talba tiegħu lill-Istat Membru li huwa jħoss li huwa responsabbli sabiex jieħu (lura) ir-responsabbiltà u l-perijodu li dan għandu sabiex jirrispondi.

40.

Skont dan il-paragrafu, l-Istat Membru rikjedenti għandu perijodu massimu ta’ xahar b’effett mill-preżentata tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-applikant sabiex iressaq it-talba tiegħu sabiex l-Istat Membru li huwa jħoss responsabbli jieħu (lura) ir-responsabbiltà, imbagħad dan għandu sa żmien massimu ta’ ġimagħtejn sabiex jirrispondi. L-iskadenza ta’ dan il-perijodu tal-aħħar jimplika t-trasferiment tar-responsabbiltà għal għand l-Istat Membru rikjest.

41.

Min-naħa tiegħu, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament jirregola l-proċedura wara l-aċċettazzjoni mill-Istat Membru mitlub tat-talba sabiex jieħu (lura) ir-responsabbiltà tal-applikant u tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Fil-fatt, il-leġiżlatur isemmi espressament il-perijodu applikabbli għat-trasferiment tal-applikant tal-Istat Membru rikjedenti lejn “l-Istat Membru responsabbli”, li jindika li dan tal-aħħar ikun ċertament iddetermina u aċċetta impliċitament jew espliċitament li jieħu (lura) ir-responsabbiltà tal-applikant. Barra minn hekk, il-leġiżlatur jippreċiża li t-trasferiment għandu jiġi eżegwit “mill-iktar fis li jkun prattikament possibbli” ( 7 ), li jimplika l-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti li tistabbilixxi l-prinċipju tat-trasferiment tal-applikant tal-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli.

42.

Hekk, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur jiddetermina ż-żmien li għandu l-Istat Membru rikjedenti sabiex prattikament jorganizza u jeżegwixxi t-trasferiment fid-dawl tad-detenzjoni li tkun ġiet deċiża fil-konfront tal-applikant.

43.

Il-leġiżlatur jikkunsidra wkoll li l-perijodu meħtieġ raġonevolment sabiex jiġi eżegwit dan it-trasferiment huwa massimu ta’ sitt ġimgħat, b’effett mill-aċċettazzjoni impliċita jew espressa tat-talba sabiex tittieħed (lura) ir-responsabbiltà jew b’effett mill-mument meta l-appell jew ir-reviżjoni jitilfu l-effett sospensiv. Il-leġiżlatur imbagħad għamel il-perijodu jiddekorri b’effett mill-mument meta tiġi miftehma u żgurata l-eżekuzzjoni futura tat-trasferiment u għaldaqstant ikun fadal biss li jiġu rregolati l-modalitajiet prattiċi tal-eżekuzzjoni ta’ din tal-aħħar.

44.

Fl-aħħar nett, ir-raba paragrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi l-konsegwenzi marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodi msemmija iktar ’il fuq. Dawn jiffissaw limitu ristrett għall-implimentazzjoni tal-proċedura tat-trasferiment li minħabba fiha kienet ġiet deċiża d-detenzjoni, għaliex l-Istat Membru rikjedenti huwa obbligat li jittermina din id-detenzjoni jekk ma jasalx sabiex jippreżenta t-talba tiegħu jew jekk ma jasalx sabiex jittrasferixxi l-applikant fil-perijodi stabbiliti, u dan, ikunu xi jkunu r-raġunijiet li dan l-Istat jista’ jinvoka.

45.

X’konklużjonijiet jistgħu jinġibdu mill-istruttura ta’ dan it-test?

46.

Jiena nikkonkludi li l-perijodi previsti fit-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament jidħlu fil-kuntest ta’ proċedura fejn l-applikant ikun ġie detenut fi stadju bikri ferm tagħha, jiġifieri, fiż-żmien tal-introduzzjoni mill-Istat Membru rikjedenti ta’ talba sabiex tittieħed (lura) ir-responsabbiltà tal-applikant.

47.

Dan jirriżulta mhux biss mill-kliem tat-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni għaliex il-leġiżlatur jistabbilixxi l-perijodu għall-preżentazzjoni tat-talba, imma wkoll mill-kliem tat-tielet paragrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni għaliex il-leġiżlatur jagħmel il-perijodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi jiddekorri b’effett mill-aċċettazzjoni ta’ dik it-talba. Il- perijodu hekk stabbilit mil-leġiżlatur fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament jidħol fis-sekwenza loġika tad-dispożizzjonijiet previsti fil-paragrafu preċedenti u jistrieħ fuq il-fatt li l-applikant ikun diġà detenut fid-data tal-preżentazzjoni, mill-Istat Membru rikjedenti, tat-talba sabiex tittieħed (lura) ir-responsabbiltà.

48.

Konsegwentement, il-perijodi previsti fit-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III ma humiex intiżi sabiex jiġu applikati fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik inkwistjoni fejn l-applikant ikun ġie detenut wara li l-Istat Membru rikjest ikun aċċetta li jieħu (lura) ir-responsabbiltà iżda qabel ma jiġi prattikament organizzat it-trasferiment tiegħu.

49.

Għaldaqstant, ma jeżistu l-ebda dispożizzjonijiet speċifiċi li jkopru s-sitwazzjoni fejn, minħabba d-detenzjoni tiegħu, l-applikant ma jaqax fil-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolament – li jipprevedi sistema ġenerali u perijodu massimu ta’ sitt xhur sabiex jitwettaq it-trasferiment ta’ applikant li ma huwiex detenut – imma fil-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament – li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi u modalitajiet partikolari għall-proċedura ta’ trasferiment ta’ individwi miżmuma f’detenzjoni.

50.

Madankollu, ma naħsibx li ninsabu rinfaċċjati b’lakuna legali.

51.

Fil-fatt, kif indikajt ( 8 ), ir-risposta għad-domanda li tressqet mill-qorti tar-rinviju tinsab, l-ewwel nett, fil-prinċipju ġenerali li l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III. Għalhekk, id-detenzjoni għandha tkun għal żmien qasir kemm jista’ jkun u, bl-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ħtieġa u ta’ proporzjonalità, ma għandhiex iddum iktar mill-perijodu raġonevolment neċessarju sabiex jitwettqu l-proċeduri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment.

52.

Imbagħad, għandha ssir referenza għall-mod li bih il-leġiżlatur tal-Unjoni applika konkretament dan il-prinċipju għat-tielet paragrafu tal-Artikolu 28(3) ta’ dan ir-regolament.

53.

Fil-fatt, is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata tista’ tixxebbah faċilment ħafna għal dik imsemmija fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni għaliex, fiż-żewġ każijiet, l-individwu jinsab detenut fiż-żmien li fih it-trasferiment ikun ġie miftiehem bejn l-Istati Membri kkonċernati u jista’, għaldaqstant, prattikament jiġi eżegwit.

54.

Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, ma nara l-ebda raġuni għala għandu jiġi mwarrab dan il-perijodu ta’ sitt ġimgħat stabbilit mil-leġiżlatur f’din id-dispożizzjoni billi, kif indikajt ( 9 ), dan huwa l-perijodu li l-leġiżlatur qies li huwa raġonevolment meħtieġ li jagħti lill-Istati Membri kkonċernati sabiex prattikament jorganizzaw it-trasferiment, b’effett minn meta tiġi miftehma u żgurata l-eżekuzzjoni futura tiegħu (kemm minħabba l-aċċettazzjoni tat-talba kif ukoll għaliex l-appell jew ir-reviżjoni ma jibqagħlhomx effett sospensiv) u għaldaqstant jifdal biss li jiġu rregolati l-modalitajiet prattiċi tal-eżekuzzjoni tiegħu. Issa, fis-sitwazzjoni tagħna, l-Istat Membru rikjest, jiġifieri r-Repubblika Taljana, kjarament aċċetta li jieħu r-responsabbiltà tal-applikant.

55.

Għaldaqstant, dan il-perijodu għandu jippermetti liż-żewġ Stati Membri kkonċernati li jiftehmu dwar l-implementazzjoni tat-trasferiment u, b’mod partikolari, għall-Istat Membru rikjedenti li jirregola l-modalitajiet tekniċi tal-eżekuzzjoni tiegħu, li għandha ssir skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat. Dan huwa perijodu li t-tnejn li huma għandhom jisfruttaw kompletament sabiex jirregolaw il-modalitajiet tekniċi tal-eżekuzzjoni tat-trasferiment ( 10 ).

56.

Għaldaqstant, meta jillimita għal sitt ġimgħat il-perijodu ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment b’effett mill-mument meta t-twettiq futur tiegħu huwa miftiehem u żgurat fil-prinċipju, il-leġiżlatur tal-Unjoni pproċeda għal ibbilanċjar bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti dwar l-eżekuzzjoni ta’ din il-proċedura, li tista’ tiġi mfixkla minn diffikultajiet ta’ natura prattika u organizzazzjonali, u, min-naħa l-oħra, is-serjetà tal-inġerenza li tikkostitwixxi miżura ta’ detenzjoni fid-dritt għal-libertà tal-applikant stabbilit bl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

57.

Fir-rigward tal-punt ta’ tluq ta’ dan il-perijodu, dan jista’ jkun biss id-data li fiha l-applikant ikun ġie effettivament detenut. Fil-fatt, huwa evidenti li, f’sitwazzjoni bħal dik litiġjuża, il-perijodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III ma jistax jibda jiddekorri b’effett mill-aċċettazzjoni tat-talba sabiex tittieħed (lura) ir-responsabbiltà. F’din is-sitwazzjoni, huwa possibbli li d-detenzjoni tal-applikant isseħħ xi ġimgħat, anki xi xhur, wara dik l-aċċettazzjoni u dawn il-perijodi għandhom evidentement jitnaqqsu mill-perijodu ta’ sitt ġimgħat mogħti lill-Istati Membri kkonċernati sabiex jipproċedu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment. Dan il-perijodu jkun fil-perikolu li jiġi mnaqqas fix-xejn u, f’kull każ, li jiġi mnaqqas b’mod li mhux biss l-Istat Membru rikjedenti ma jasalx biex iwettaq dan it-trasferiment, imma sejjer ukoll ikun kostrett li jittermina d-detenzjoni, u b’hekk itellef minn kull effett utli l-proċedura stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

58.

Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena tal-opinjoni li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28(3) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn l-Istat Membru rikjedenti jkun qiegħed l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali f’detenzjoni wara li l-Istat Membru mitlub ikun aċċetta li jieħu r-responsabbiltà tiegħu, dawn Istati Membri għandhom perijodu ta’ sitt ġimgħat, b’effett mid-detenzjoni ta’ dan l-applikant, li fih iwettqu l-eżekuzzjoni tat-trasferiment tiegħu.

B.  Fuq it-tielet u r-raba’ domandi preliminari

59.

Bit-tielet u r-raba’ domandi li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-mod li bih għandu jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ sitt ġimgħat mogħti lill-Istati Membri sabiex jipproċedu għat-trasferiment tal-applikant detenut meta dan ikun ippreżenta appell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ikun talab ir-reviżjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

60.

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom perijodu ġdid ta’ sitt ġimgħat sabiex jipproċedu għat-trasferiment tal-applikant b’effett mill-mument meta l-appell jew ir-reviżjoni ma jibqagħlhomx effett sospensiv jew jekk għandhomx jitnaqqsu minnu l-ġranet li matulhom huwa jkun detenut wara l-aċċettazzjoni, mill-Istat Membru responsabbli, tat-talba sabiex huwa jieħu (lura) ir-responsabbiltà ta’ dan l-applikant.

61.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata ma tkunx talbet lill-qorti nazzjonali kompetenti s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

62.

Fl-ewwel lok, jiena nemmen li l-interpretazzjoni mitluba hawnhekk tal-Artikolu 28(3) ta’ dan ir-regolament toħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mill-iżviluppi stabbiliti minnha fis-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian ( 11 ).

63.

F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament KE Nru 343/2003 ( 12 ), li kien jipprevedi li t-trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli kellu jitwettaq malajr kemm jista’ jkun prattikament possibbli, u l-iktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba biex jittieħed (lura) inkarigu minn Stat Membru ieħor jew mid-deċiżjoni wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv.

64.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija jekk il-perijodu tal-eżekuzzjoni tat-trasferiment imsemmi f’dik id-dispożizzjoni jibdiex jiddekorri diġà b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja li tissospendi l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment jew, biss, b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-proċedura.

65.

Sabiex tirrispondi għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażat ruħha l-ewwel nett fuq interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjoni litiġjuża, billi enfasizzat l-għan imfittex bl-impożizzjoni fuq l- Istati Membri ta’ perijodu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment.

66.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalhekk irrilevat li l-perijodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003 għandu l-għan, fid-dawl tal-kumplessità prattika u tad-diffikultajiet ta’ organizzazzjoni li huma marbuta mal-implementazzjoni tat-trasferiment, li jagħti l-possibbiltà liż-żewġ Stati Membri kkonċernati li jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jitwettaq dan it-trasferiment, u b’mod partikolari, li l-Istat Membru rikorrenti jistabbilixxi l-modalitajiet għat-twettiq tat-trasferiment ( 13 ). Hija kienet għalhekk ikkunsidrat, fid-dawl ta’ dan l-għan, li l-punt tat-tluq tal-perijodu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment għandu jiġi determinat b’mod li l-Istati Membri jista’ jkollhom perijodu ta’ sitt xhur sabiex jirregola l-modalitajiet tekniċi tat-twettiq tat-trasferiment. F’dawn il-kundizzjonijiet, dan il-perijodu jista’ jibda jiddekorri biss meta jkun miftiehem u żgurat it-twettiq futur tat-trasferiment, u jifdal biss li jiġu rregolati l-modalitajiet tiegħu, li jimplika konsegwentement li huwa jiddekorri b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-proċedura.

67.

F’din il-kawża, jidhirli li din l-analiżi hija trasponibbli b’analoġija.

68.

Jekk l-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi l-perijodu tal-eżekuzzjoni tat-trasferiment ta’ individwu mqiegħed f’detenzjoni, l-għan imfittex mil-leġiżlatur f’dan il-kuntest huwa identiku għal dak imsemmi fil-kuntest tal-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003. Kif rajna, dan il-perijodu ta’ sitt ġimgħat mogħti lill-Istati Membri b’effett mill-aċċettazzjoni tat-talba sabiex tittieħed (lura) ir-responsabbiltà jew b’effett mill-mument meta l-appell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ir-reviżjoni ma għadx għandhom effett sospensiv, għandu jippermettilhom li jorganizzaw prattikament it-trasferiment ta’ individwu mqiegħed f’detenzjoni.

69.

Għaldaqstant ma għandux jitnaqqas dan il-perijodu, diġà qasir, li matulu l-applikant għal protezzjoni internazzjonali huwa detenut.

70.

Minn naħa, għandu jiġi mħares l-ispirtu li d-detenzjoni tal-applikant għall-iskop tal-eżekuzzjoni tat-trasferiment tiegħu għandha tiġi distinta minn miżura ta’ priġunerija. Hawnhekk ma aħniex fil-loġika ta’ piena li minnha għandu jitnaqqas in-numru ta’ ġranet mgħoddija fid-detenzjoni. Għandna quddiemna miżura ta’ detenzjoni amministrattiva li t-tul tagħha, qasir kemm jista’ jkun, għandu jippermetti lill-awtoritajiet li jiżguraw it-trasferiment tal-persuna kkonċernata.

71.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ggarantit l-effett utli tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, il-perijodu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment ma jistax jitnaqqas bin-numru ta’ ġranet li fihom l-applikant kien detenut wara li l-Istat Membru responsabbli jkun aċċetta t-teħid (lura) tar-responsabbiltà. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, ikun hemm ir-riskju ta’ sitwazzjoni li fiha l-perijodu li għandhom l-Istati Membri sabiex jipproċedu għat-trasferiment tal-applikant jitnaqqas għaż-żmien meħtieġ għall-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu tad-deċiżjoni tat-trasferiment. Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawn, ser ikun possibbli li dan il-perijodu jkun mnaqqas b’mod li l-Istati Membri kkonċernati jkunu fil-perikolu li ma jaslux sabiex jorganizzaw it-trasferiment tal-applikant f’dan il-perijodu ferm qasir u għaldaqstant sejrin ikunu obbligati, bl-applikazzjoni tar-raba paragrafu tal-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament, li jwaqqfu d-detenzjoni tal-persuna kkonċernata.

72.

Konsegwentement, il-punt tat-tluq ta’ dan il-perijodu għandu jkun stabbilit b’mod li l-Istati Membri effettivament ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom perijodu ta’ sitt ġimgħat sabiex jirregolaw il-modalitajiet prattiċi tal-eżekuzzjoni ta’ dan it-trasferiment, billi fil-fehma tiegħi, dan il-perijodu għandu jibda jiddekorri b’effett mill-mument meta l-apell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ir-reviżjoni ta’ dik id-deċiżjoni ma jibqax ikollhom effett sospensiv, kif previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III.

73.

Fit-tieni lok, inqis li din l-interpretazzjoni tar-regola tad-dritt ma tistax tvarja skont jekk is-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tkunx de facto, jekk kinitx deċiża mill-qrati nazzjonali kompetenti jew mitluba mill-individwu kkonċernat.

74.

Infakkar li, skont l-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament u sabiex jiġi żgurat dritt ta’ rimedju effettiv tal-applikant kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, l-Istati Membri huma obbligati li jipprevedi fid-dritt nazzjonali tagħhom li l-appell jew ir-reviżjoni jagħtu lill-individwu kkonċernat id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru rikjedenti waqt li jistenna r-riżultat tal-appell tiegħu jew tal-applikazzjoni tiegħu ta’ reviżjoni [subparagrafu (a) ta’ din id-dispożizzjoni], “jew” li t-trasferiment ikun awtomatikament sospiż, billi qorti teżamina f’perijodu raġonevoli jekk għandux jingħata effett sospensiv lil dan l-appell jew lil din ir-reviżjoni [subparagrafu (b) ta’ din id-dispożizzjoni], “jew” li l-individwu kkonċernat ikollu l-possibbiltà li jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment waqt li jistenna r-riżultat tal-appell jew tal-applikazzjoni ta’ reviżjoni tiegħu [subparagrafu (c) tal-istess dispożizzjoni].

75.

Hekk jif jirriżulta mill-kliem li l-leġiżlatur tal-Unjoni uża fl-Artikolu 27(3) tal-imsemmi regolament u, b’mod partikolari, konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”, li huwa uża fil-paragrafi (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni, dawn huma miżuri alternattivi.

76.

L-ewwel nett, ninnota li, fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III, il-leġiżlatur jagħmel il-perijodu ta’ sitt ġimgħat jiddekorri b’effett mill-mument meta l-appell jew ir-reviżjoni ma għandhomx iktar effett sospensiv “skont l-Artikolu 27(3)” tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant il-leġiżlatur ikkalkola dan il-perijodu b’mod identiku kemm jekk is-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun de facto, fis-sens tal-Artikolu 27(3)(a) ta’ dan ir-regolament, kemm jekk tkun deċiża mill-qorti nazzjonali kompetenti, fil-kuntest tal-Artikolu 27(3)(b) tar-Regolament Dublin III jew mitluba mill-individwu kkonċernat bis-saħħa tal-possibbiltà offruta lilu bl-Artikolu 27(3)(c) ta’ dan ir-regolament

77.

It-tieni nett, jiena naħseb li, meħud inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu l-Istati Membri taħt l-Artikolu 27(3) tal-imsemmi regolament, fir-rigward tal-forma u tal-modalitajiet tas-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, il-perijodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III jista’ jkun biss perijodu oġġettiv li jiddekorri b’effett mill-mument meta jieqaf l-effett sospensiv tal-appell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew tar-reviżjoni, irrispettivament mill-għażla leġiżlattiva li ssir mill-Istati Membri.

78.

F’dan il-każ, jirriżulta mill-fatti kif esposti mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha li din is-sospensjoni kienet deċiża mill-Uffiċċju għall-Migrazzjonijiet bl-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Kapitolu 12 tal-liġi dwar il-persuni barranin.

79.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanza fejn l-applikant ikun ippreżenta appell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ikun talab ir-reviżjoni ta’ dik id-deċiżjoni, l-Istati Membri kkonċernati għandhom perijodu ta’ sitt ġimgħat sabiex jipproċedu għat-trasferiment tiegħu, ladarba l-appell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ir-reviżjoni ta’ dik id-deċiżjoni ma jibqagħlhomx effett sospensiv, kemm jekk is-sospensjoni tkun de facto, fis-sens tal-Artikolu 27(3)(a) tal-imsemmi regolament, kif ukoll jekk tkun deċiża mill-qrati nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-Artikolu 27(3)(b) ta’ dan ir-regolament jew mitluba mill-individwu kkonċernat taħt l-Artikolu 27(3)(c) ta’ dan l-istess regolament.

Ċ.  Fuq it-tieni domanda preliminari

80.

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 28 tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik litiġjuża li tawtorizza, għall-finijiet tat-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, detenzjoni għal tul massimu ta’ xahrejn fl-assenza ta’ raġunijiet serji li jiġġustifikaw detenzjoni itwal, għal tul massimu ta’ tliet xhur jekk jeżistu dawn ir-raġunijiet u, fl-aħħar nett, għal tul massimu ta’ tnax-il xahar meta huwa probabbli li l-eżekuzzjoni ta’ dan it-trasferiment ser teħtieġ iktar żmien fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-applikant jew tad-dokumenti meħtieġa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-proċedura.

81.

Ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta, fl-ewwel lok, mill-interpretazzjoni tal-kliem tal-Artikolu 28(3) ta’ dan ir-regolament li jiena adottajt fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel domanda preliminari.

82.

Għar-raġunijiet li sejjer nesponi, nikkunsidra li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, l-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom perijodu massimu ta’ sitt ġimgħat b’effett mid-detenzjoni tal-applikant sabiex jipproċedu għat-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru responsabbli.

83.

Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik litiġjuża, li tawtorizza d-detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali għal żmien ta’ iktar minn sitt ġimgħat u tippermetti l-estensjoni tagħha sa massimu ta’ tnax-il xahar jidhirli li hija kompletament kuntrarja għall-interpretazzjoni li għandha tiġi adottata tal-kliem ta’ dispożizzjoni vinkolanti u applikabbli direttament bħall-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III u għaldaqstant għas-saħħa vinkolanti li tapplika għar-regolamenti tal-Unjoni.

84.

Fit-tieni lok, meta jawtorizzaw l-estensjoni ta’ din id-detenzjoni għal motivi vagi, u dan sa tul massimu ta’ tnax-il xahar “meta huwa probabbli li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ser tieħu iktar żmien minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-barrani jew meta l-akkwist tad-dokumenti meħtieġa jirrikjedi iktar żmien” ( 14 ), jidhirli li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali mhux biss huma kuntrarji għall-prinċipji ta’ ħtieġa u proporzjonalità li fuqhom għandha tkun ibbażata d-detenzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, imma lanqas ma tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà li huma imposti fuq l-adozzjoni ta’ miżuri li jirrestrinġu l-libertà.

85.

Infakkar li, fl-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jiggarantixxi li r-restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-applikant jitwettqu fil-limiti ta’ dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jippermetti lill-Istati Membri kkonċernati li jipproċedu għat-trasferiment tiegħu.

86.

Minn naħa, taħt l-Artikolu 28(2) tal-imsemmi regolament, billi d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali hija awtorizzata biss għal motiv wieħed u uniku, ibbażat fuq l-imġiba ta’ dan tal-aħħar, l-awtoritajiet għandhom juru li huwa jippreżenta riskju sinjifikanti ta’ ħarba.

87.

Min-naħa l-oħra, din id-detenzjoni ma tistax tkun itwal mill-perijodi espressament stabbiliti fit-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III. Dawn il-perijodi jimponu limitu strett fuq l-implementazzjoni tal-proċedura. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jipprevedi l-ebda motiv li jista’ jiġġustifika l-estensjoni ta’ dawn il-perijodi u finalment l-Istat Membru rikjedenti ma jista’ jkollu l-ebda għażla oħra għajr li jittermina d-detenzjoni tal-applikant jekk, fil-perijodi konċessi, huwa ma jasalx biex jippreżenta t-talba tiegħu ta’ teħid (lura) tar-responsabbiltà għall-applikant jew it-trasferiment tiegħu.

88.

Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali manifestament tikser dawn il-prinċipji.

89.

L-ewwel nett, din il-leġiżlazzjoni tawtorizza l-estensjoni tad-detenzjoni.

90.

It-tieni nett, din il-leġiżlazzjoni tibbaża l-estensjoni ta’ din il-miżura li tirrestrinġi l-libertà fuq l-eżistenza ta’ riskju jew ta’ possibbiltà (“meta huwa probabbli li” ( 15 )), u dan huwa ovvjament kuntrarju għar-rekwiżit ta’ prevedibbiltà u ma jiżgurax iċ-ċertezza legali neċessarja tal-individwu detenut.

91.

It-tielet nett, din il-leġiżlazzjoni tawtorizza l-estensjoni tad-detenzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali għal “raġunijiet serji” li ma humiex spjegati jew għal motivi oħra li, fil-fehma tiegħu, ma humiex konvinċenti.

92.

Fil-fatt, meta tawtorizza l-estensjoni ta’ din id-detenzjoni għal tul massimu ta’ tnax-il xahar, għaliex huwa “probabbli li l-eżekuzzjoni ta’ dan it-trasferiment ser teħtieġ iktar żmien fl-assenza ta’ kooperazzjoni tal-applikant jew tad-dokumenti meħtieġa għall-iskop tal-eżekuzzjoni tal-proċedura” ( 16 ), din il-leġiżlazzjoni tikkontradiċi r-raġunijiet li għalihom din id-detenzjoni tista’ tiġi ordnata skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Dublin III.

93.

Infakkar li d-detenzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandha l-għan li tiffaċilita l-proċess amministrattivi u prattiċi li jwasslu għat-trasferiment tiegħu billi tiggarantixxi b’mod partikolari li huwa jkun għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u ma jpoġġix fil-perikolu l-eżekuzzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment. B’effett mill-mument meta l-applikant huwa għaldaqstant detenut sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni ta’ dan it-trasferiment, jidhirli li huwa diffiċli li tiġi ġġustifikata l-estensjoni ta’ din il-miżura bl-argument tal-assenza ta’ kooperazzjoni tiegħu, ladarba huwa mċaħħad mil-libertà tiegħu.

94.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas tad-dokumenti meħtieġa għall-iskop tat-trasferiment, għandu jiġi mfakkar li fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika espressament li “[d]ewmien fl-ipproċessar tal-proċeduri amministrattivi li ma jistgħux ikunu attribwiti lill-applikant m’għandux jiġġustifika l-kontinwazzjoni tad-detenzjoni”.

95.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik litiġjuża li, għall-iskop tat-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, tawtorizza detenzjoni għal massimu ta’ xahrejn fl-assenza ta’ raġunijiet serji li jiġġustifikaw detenzjoni itwal, ta’ tliet xhur jekk jeżistu dawn ir-raġunijiet u, fl-aħħar nett, ta’ tnax-il xahar meta huwa probabbli li l-eżekuzzjoni ta’ dan it-trasferiment ser teħtieġ iktar żmien fl-assenza ta’ kooperazzjoni tal-applikant jew tad-dokumenti meħtieġa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-proċedura.

V. Konklużjoni

96.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Kammarrätten i Stokkolma - Migrationsöverdomstolen (qorti tal-appell amministrattiva ta’ Stokkolma li tiddeċiedi fil-qasam ta’ immigrazzjoni, l-Isvezja):

1)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik litiġjuża fejn l-Istat Membru rikjedenti jkun qiegħed lill-applikant għall-protezzjoni internazzjonali f’detenzjoni wara li l-Istat Membru mitlub aċċetta li jieħu lura r-responsabbiltà tiegħu, dawn l-Istati Membri għandhom perijodu ta’ sitt ġimgħat, b’effett mid-detenzjoni tal-applikant, sabiex jipproċedu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment tiegħu.

2)

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanza fejn l-applikant ikun ippreżenta appell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ikun talab ir-reviżjoni tagħha, l-Istati Membri kkonċernati għandhom perijodu ta’ sitt ġimgħat sabiex jipproċedu għat-trasferiment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, ladarba l-appell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ir-reviżjoni ta’ dik id-deċiżjoni ma jibqagħlhomx effett sospensiv, kemm jekk is-sospensjoni tkun de facto, fis-sens tal-Artikolu 27(3)(a) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll jekk hija tkun deċiża mill-qrati nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-Artikolu 27(3)(b) tal-imsemmi regolament jew mitluba mill-individwu kkonċernat taħt l-Artikolu 27(3)(c) tal-istess regolament.

3)

L-Artikolu 28(3) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik litiġjuża li, għall-iskop tat-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, tawtorizza detenzjoni għal massimu ta’ xahrejn fl-assenza ta’ raġunijiet serji li jiġġustifikaw detenzjoni itwal, ta’ tliet xhur jekk jeżistu dawn ir-raġunijiet u, fl-aħħar nett, ta’ tnax-il xahar meta huwa probabbli li l-eżekuzzjoni ta’ dan it-trasferiment ser teħtieġ iktar żmien fl-assenza ta’ kooperazzjoni tal-applikant jew tad-dokumenti meħtieġa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-proċedura.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”.

( 3 ) ĠU 2013, L 180, p. 96.

( 4 ) L-Artikolu 2(n) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi r-“riskju ta’ ħarba” bħala “l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali, li huma bbażati fuq kriterji objettivi ddefiniti mil- liġi, biex wieħed jaħseb li applikant jew ċittadin ta’ pajjiż terż jew ta’ persuna mingħajr Stat li huwa soġġett għal proċedura ta’ trasferiment jista’ jaħrab”.

( 5 ) SFS 2005, Nru 716, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-persuni barranin”.

( 6 ) Korsiv miżjud minni.

( 7 ) Korsiv miżjud minni.

( 8 ) Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian (C‑19/08, EU:C:2009:41, punti 4044).

( 11 ) C‑19/08, EU:C:2009:41.

( 12 ) Regolament tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, li kien ġie revokat bir-Regolament Dublin III.

( 13 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian (C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 40).

( 14 ) Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Kapitolu 10 tal-liġi dwar il-persuni barranin. Korsiv miżjud minni.

( 15 ) Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Kapitolu 10 tal-liġi dwar il-persuni barranin. Korsiv miżjud minni.

( 16 ) Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Kapitolu 10 tal-liġi dwar il-persuni barranin. Korsiv miżjud minni.

Fuq