Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0334

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
    José Luís Núñez Torreiro vs AIG Europe Limited, Sucursal en España u Unión Española de Entidades Aseguradoras y Reaseguradoras (Unespa).
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Provincial de Albacete.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi s-sewqan ta’ vetturi bil-mutur f’toroq u f’terreni li ma humiex “adattati għall-użu ta’ vetturi bil-mutur”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minkejja li ma humiex adattati, madankollu ‘jintużaw ta’ spiss.
    Kawża C-334/16.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:1007

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi s-sewqan ta’ vetturi bil-mutur f’toroq u f’terreni li ma humiex “adattati għall-użu ta’ vetturi bil-mutur”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minkejja li ma humiex adattati, madankollu ‘jintużaw ta’ spiss’”)

    Fil-Kawża C-334/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Albacete (il-Qorti Provinċjali ta’ Albacete, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

    José Luis Núñez Torreiro

    vs

    AIG Europe Limited, Sucursal en España, preċedentement Chartis Europe Limited, Sucursal en España,

    Unión Española de Entidades Aseguradoras y Reaseguradoras (Unespa),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ April 2017,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal AIG Europe Limited, Sucursal en España u Unión Española de Entidades Aseguradoras y Reaseguradoras (Unespa), minn J. Marín López, abogado,

    għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Mentgen, bħala aġenti,

    għall-Irlanda, minn A. Joyce, kif ukoll minn L. Williams u G. Hodge, bħala aġenti, assistiti minn G. Gilmore, barrister,

    għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, minn J. Kraehling, bħala aġent, assistita minn A. Bates, barrister,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Rius u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009 L 263, p. 11).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn José Luis Núñez Torreiro u AIG Europe Limited, Sucursal en España, preċedentement Chartis Europe Limited, Sucursal en España (iktar ’il quddiem “AIG”) u l-Unión Española de Entidades Aseguradoras y Reaseguradoras (Unespa) (l-Assoċjazzjoni Spanjola tal-Kumpanniji tal-Assigurazzjoni) dwar il-ħlas ta’ kumpens skont assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem l-“assigurazzjoni obbligatorja”) wara inċident li seħħ f’terren ta’ prattika militari.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 1, 2 u 20 tad-Direttiva 2009/103 jipprovdu:

    “(1)

    Id-Direttiva [tal-Kunsill 72/166/KEE tal-24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10)], it-tieni [Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), it-tielet [Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE tal-14 ta’ Mejju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249) u d-Direttiva [2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju, 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ir-raba’ Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-vetturi) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331) ġew emendati kemm-il darba […] b’mod sostanzjali. Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, dawn l-erba’ Direttivi għandhom jiġu kodifikati kif ukoll id-[Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/14/KE tal-11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE, 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU 2005, L 149, p. 14).

    (2)

    Assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur […] hi ta’ importanza speċjali għaċ-ċittadini Ewropej, kemm għal dawk li għandhom polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll għall-vittmi ta’ inċident. Għandha wkoll importanza ewlenija għal impriżi ta’ assigurazzjoni billi tikkostitwixxi parti importanti tan-negozju tal-assigurazzjoni li ma tirrigwardax il-ħajja, konklużi fil-Komunità. Assigurazzjoni ta’ vetturi b’mutur għandha wkoll impatt fuq il-moviment ħieles ta’ persuni u vetturi. Għaldaqstant l-iżvilupp u l-konsolidament tas-suq intern fir-rigward tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fil-qasam tas-servizzi finanzjarji tal-Komunità għandu jkun għan ewlieni [tal-azzjoni tal-Unjoni].

    […]

    (20)

    Il-vittmi tal-inċidenti bil-vetturi tal-mutur għandhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament ta’ fejn [fl-Unjoni] jseħħu l-inċidenti.”

    4

    Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    (1)

    “vettura” tfisser kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le;

    […]”

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

    Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.

    […]

    L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”

    6

    L-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

    “1.   Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga tal-Artikolu 3 fir-rigward ta’ ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati; il-lista ta’ dawn il-persuni għandha titfassal mill-Istat konċernat u tiġi komunikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

    […]

    2.   Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga tal-Artikolu 3 fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li jkollhom pjanċa speċjali; il-lista tagħhom għandha titfassal mill-Istat ikkonċernat u tiġi komunikata lill Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

    […]”

    7

    L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2009/103 huwa fformulat kif ġej:

    “Id-Direttivi [72/166], [84/5], [90/232], [2000/26] u [2005/14] […] huma mħassrin […].

    Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.”

    Id-dritt Spanjol

    8

    L-Artikolu 1 tal-Ley sobre responsabilidad civil y seguro en la circulación de vehículos a motor (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur), ikkodifikata permezz tar-Real Decreto Legislativo 8/2004 (id-Digriet-Liġi Irjali Nru 8/2004) tad-29 ta’ Ottubru 2004 (BOE Nru 267, tal-5 ta’ Novembru 2004, p. 3662) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur”), tipprevedi:

    “1.   Is-sewwieq ta’ vetturi bil-mutur huwa responsabbli, minħabba r-riskju involut fis-sewqan ta’ tali vetturi, għad-dannu kkawżat lil persuni jew lil beni bl-użu tagħhom.

    […]

    6.   Il-kunċetti ta’ “vetturi bil-mutur” u ta’ “fatt marbut mal-użu ta’ vettura” għall-finijiet ta’ din il-liġi huma ddefiniti permezz ta’ regolamenti. Fi kwalunkwe każ, ma għandhomx jitqiesu bħala fatti marbuta mal-użu ta’ vettura l-fatti li jirriżultaw mill-użu ta’ vettura bil-mutur għall-finijiet ta’ twettiq ta’ ksur intenzjonat kontra persuni u beni.”

    9

    L-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur jipprovdi:

    “L-assiguratur, fil-kuntest tal-assigurazzjoni obbligatorja u taħt l-iskema tagħha, għandu jħallas lill-vittma d-danni subiti mill-persuna tagħha u mill-beni tagħha, kif ukoll l-ispejjeż u danni oħra li għalihom għandha dritt skont id-dritt applikabbli. Huwa eżentat minn dan l-obbligu biss jekk jipproduċi prova li l-fatt ma jagħtix lok għal responsabbiltà ċivili skont l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi.

    […]”

    10

    L-Artikolu 2 tar-Real Decreto 1507/2008 por el que se aprueba el reglamento del seguro obligatorio de responsabilidad civil en la circulación de vehículos a motor (id-Digriet Irjali 1507/2008 dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja għar-Responsabbiltà Ċivili għall-Użu tal-Vetturi bil-Mutur), tat-12 ta’ Settembru 2008 (BOE Nru 222, tat-13 ta’ Settembru 2008, p. 37487) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja”), huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Għall-finijiet tar-responsabbiltà ċivili marbuta mal-użu ta’ vetturi bil-mutur u tal-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja rregolata minn dan ir-regolament, jitqiesu bħala fatti marbuta mal-użu ta’ vettura l-fatti li jirriżultaw mir-riskju involut fis-sewqan tal-vetturi bil-mutur imsemmija fl-artikolu preċedenti, kemm fil-garaxxijiet u parkeġġi kif ukoll f’toroq u f’terreni pubbliċi u privati adattati għat-traffiku, urbani u interurbani, kif ukoll f’toroq u f’terreni li, mingħajr ma huma adattati għal dan il-għan, jintużaw ta’ spiss.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11

    Fit-28 ta’ Ġunju 2012, J. L. Núñez Torreiro, uffiċjal tal-armata Spanjola, ipparteċipa f’eżerċizzji militari bil-lejl fuq terren ta’ prattika militari f’Chinchilla, (Spanja), meta l-vettura bir-roti off-road militari “Aníbal” (iktar ’il quddiem il-“vettura inkwistjoni”), assigurata minn AIG abbażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja, li fiha huwa kien passiġġier, inqalbet, u kkawżatlu diversi ġrieħi. Din il-vettura ma kinitx qiegħda tinsaq f’żona għall-vetturi bir-roti, iżda f’żona għall-vetturi bil-katina.

    12

    Abbażi tal-Artikolu 7 tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, J. L. Núñez Torreiro talab lil AIG tikkumpensah is-somma ta’ EUR 15 300.56 bħala dannu li huwa kien ġarrab minħabba dan l-inċident.

    13

    AIG, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 1(6) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, irrifjutat li tħallsu din is-somma, abbażi tal-fatt li l-inċident ma kienx jirriżulta minn “att marbut mal-użu ta’ vettura”, peress li kien seħħ waqt li l-vettura inkwistjoni kienet qiegħda tintuża fuq terren ta’ prattika militari, li l-aċċess għalih għal kull tip ta’ vetturi mhux militari kien limitat. Fil-fatt, din il-kumpannija tal-assigurazzjoni qieset li dan it-terren ma kienx “adattat għall-użu ta’ vetturi bil-mutur” u, barra minn hekk, ma kienx “jintuża ta’ spiss” fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

    14

    J. L. Núñez Torreiro ppreżenta rikors kontra AIG quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n. 1 de Albacete (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 1 ta’ Albacete, Spanja). Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Novembru 2015, dan ċaħad ir-rikors tal-persuna kkonċernata peress li l-grieħi ta’ dan tal-aħħar ma kinux jirriżultaw minn “att marbut mal-użu ta’ vettura”, peress li l-vettura li kien jinsab fiha kienet qiegħda tinsaq fuq terren li la kien adattat għall-użu ta’ vetturi tal-mutur u lanqas kien jintuża ta’ spiss.

    15

    J. L. Núñez Torreiro appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Audiencia Provincial de Albacete (il-Qorti Provinċjali ta’ Albacete, Spanja), billi sostna li l-Artikolu 1(6) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, kellu jiġi interpretat b’mod restrittiv, konformement mas-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C-162/13, EU:C:2014:2146), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-responsabbiltà tal-assiguratur ma tistax tiġi eskluża jekk l-użu tal-vettura jkun konformi mal-funzjoni normali tagħha.

    16

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 1(6) u tal-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja u mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, peress li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għandhom bħala effett li, f’ċerti numru ta’ sitwazzjonijiet, bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawża quddiemha, ir-responsabbiltà marbuta mal-użu ta’ vetturi bil-mutur ma tistax tkun obbligatorjament koperta b’assigurazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-uniċi eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu huma dawk stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li, fis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C-162/13, EU:C:2014:2146), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ma għandux jitħalla għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru.

    17

    Skont il-qorti tar-rinviju, minn dan isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu derogi mill-obbligu ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur jew mill-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ħlief fil-kuntest tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/103 jew fejn l-użu tal-vettura kkonċernata ma jkunx konsistenti mal-funzjoni normali tal-vettura. Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet għall-kunċett ta’ “att marbut mal-użu ta’ vettura” li jirriżultaw mir-restrizzjoni, skont l-Artikolu 2(1), ta’ tali użu għall-użu li jseħħ fuq terren “adattat għall-użu ta’ vetturi bil-mutur” jew li “mingħajr ma [ġie adattat] għal dan il-għan, [jintuża] ta’ spiss”, huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Dan jgħodd ukoll għall-Artikolu 2(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi eċċezzjoni għall-obbligu ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-użu tagħhom f’avvenimenti sportivi, f’portijiet u f’ajruporti, kif ukoll bħala vetturi bil-mutur użati għal attivitajiet industrijali jew agrikoli jew sabiex jitwettqu reati intenzjonati.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Albacete (il-Qorti Provinċjali ta’ Albacete) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Il-kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – jew [fil-leġiżlazzjoni Spanjola] ‘hecho de la circulación’ – bħala riskju tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għall-użu ta’ vetturi bil-mutur, li tagħmel riferiment għalih il-leġiżlazzjoni Komunitarja (fost l-oħrajn, id-Direttiva 2009/103 […] fl-Artikolu 3 tagħha), jista’ jiġi ddeterminat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru b’mod differenti minn kif inhuwa ddeterminat fil-leġiżlazzjoni Komunitarja?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva, l-imsemmi kunċett jista’ jeskludi (minbarra ċerti persuni speċifiċi u ċerti reġistrazzjonijiet jew tipi ta’ vetturi, kif indikat fl-Artikolu 5(1) u (2) tal-imsemmija direttiva) ċirkustanzi ta’ użu skont il-post fejn tintuża l-vettura, bħal ma huma toroq jew terreni “mhux adattati” għall-użu ta’ vetturi?

    3)

    Bl-istess mod, jistgħu jiġu esklużi bħala “hecho de la circulación” attivitajiet speċifiċi tal-vettura marbutin mal-iskop tagħha (bħal ma jista’ jkun l-użu sportiv, industrijali jew agrikolu tagħha) jew mal-intenzjoni tas-sewwieq (bħal ma jista’ jkun it-twettiq ta’ delitt intenzjonali permezz tal-vettura)?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

    19

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li jiġu esklużi mill-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja d-danni mġarrba waqt l-użu ta’ vetturi bil-mutur f’toroq u f’terreni li ma humiex “adattati għall-użu ta’ vetturi bil-mutur”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minkejja li ma humiex adattati għal dan il-għan, madankollu jintużaw ta’ spiss.

    20

    Dawn id-domandi huma bbażati, fil-każ inkwistjoni, fuq il-premessa li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, jistgħu jiġu esklużi mill-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja, danni li jirriżultaw mill-użu ta’ vettura bil-mutur fuq terren ta’ prattika militari, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li dan jikkostitwixxi terren inadattat għall-użu ta’ vetturi bil-mutur li, barra minn hekk, ma “jintużax ta’ spiss” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja.

    21

    F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi li kull Stat Membru għandu, bla ħsara għall-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura li r responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

    22

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li vettura bir-roti off-road militari tat-tip “Aníbal”, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “vettura” imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/103, peress li tikkostitwixxi “vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji”. Barra minn hekk, huwa paċifiku li din il-vettura normalment hija bbażata fit-territorju ta’ Stat Membru u ma hija affettwata b’ebda deroga adottata skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

    23

    Sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi bil-mutur” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.

    24

    Għandu jitfakkar, għal dan il-għan, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett stess, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166 (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”) li l-kontenut tiegħu essenzjalment jikkorrispondi għal dak tal-ewwel u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, ma jistax jitħalla għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru, iżda jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi interpretat, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għanijiet previsti mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punti 41 u 42, u tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C-514/16, EU:C:2017:908, punt 31).

    25

    F’dan ir-rigward, kif tindika l-premessa 1 tad-Direttiva 2009/103, din tikkodifika l-Ewwel Direttiva, it-Tieni Direttiva 84/5, it-Tielet Direttiva 90/232, id-Direttiva 2000/26 u d-Direttiva 2005/14. Dawn id-direttivi ddefinixxew, progressivament, l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-assigurazzjoni obbligatorja. Minn naħa, huma kienu intiżi li jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll ta’ persuni li jivvjaġġaw f’tali vetturi, u min-naħa l-oħra, li jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament komparabbli, indipendentement mill-post tat-territorju tal-Unjoni jew mill-post fejn seħħ l-inċident (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C-300/10, EU:C:2012:656, punt 26; tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punt 50, u tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 32).

    26

    Mill-premessi 2 u 20 tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta essenzjalment li din tippersegwi l-istess għanijiet.

    27

    Barra minn hekk, mill-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja jirriżulta li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi kien kontinwament persegwit u msaħħaħ mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punti 52 sa 55, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C-514/16, EU:C:2017:908, punt 33).

    28

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi tal-mutur” li jinsab f’tali direttiva, ma huwiex limitat għal sitwazzjonijiet ta’ użu ta’ vetturi bil-mutur fit-toroq, jiġifieri f’toroq pubbliċi, iżda dan il-kunċett ikopri kull użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punt 59, u tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 34).

    29

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, sa fejn il-vetturi bil-mutur imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-Ewwel Direttiva, li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi għal dik tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/103, huma, indipendentement mill-karatteristiċi tagħhom, intiżi li jservu bħala mezz tat-trasport, dan il-kunċett ikopri kwalunkwe użu ta’ vettura bħala mezz tat-trasport (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C-514/16, EU:C:2017:908, punti 37 u 38).

    30

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-portata tal-imsemmi kunċett ma tiddependix mill-karatteristiċi tat-terren li fuqu tintuża l-vettura bil-mutur (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C-514/16, EU:C:2017:908, punt 35).

    31

    Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/103 ma tillimita l-portata tal-obbligu tal-assigurazzjoni, u tal-protezzjoni li dan l-obbligu huwa intiż li jagħti lil vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi bil-mutur, fil-każ ta’ użu ta’ tali vetturi f’ċerti terreni jew f’ċerti toroq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C-514/16, EU:C:2017:908, punt 36).

    32

    Fil-każ inkwistjoni, huwa paċifiku li l-vettura inkwistjoni, fil-mument li nqalbet, kienet qiegħda tintuża minn J. L. Núñez Torreiro bħala mezz tat-trasport.

    33

    Għaldaqstant, tali użu jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi bil-mutur” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103.

    34

    Il-fatt li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, meta nqalbet il-vettura inkwistjoni kienet qiegħda tintuża fuq terren ta’ prattika militari li l-aċċess għalih kien ipprojbit għal kull vettura mhux militari u f’żona ta’ dan it-terren mhux adattata għall-użu ta’ vetturi bir-roti, ma hijiex ta’ natura li taffettwa din il-konklużjoni u, għalhekk, li tillimita l-obbligu ta’ assigurazzjoni li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni.

    35

    Madankollu, l-effett ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li l-estent tal-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja huwa dipendenti fuq il-karatteristiċi tat-terren li fuqu tintuża l-vettura bil-mutur. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tippermetti li tiġi limitata l-portata tal-obbligu ġenerali ta’ assigurazzjoni li l-Istati Membri huma marbuta jistabbilixxu, fid-dritt nazzjonali, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 u għalhekk, il-protezzjoni li dan l-obbligu jestendi lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi bil-mutur, fil-każ tal-użu ta’ tali vetturi f’ċerti terreni jew f’ċerti toroq.

    36

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-esklużjoni mill-kopertura ta’ assigurazzjoni obbligatorja ta’ danni li jirriżultaw mis-sewqan ta’ vetturi bil-mutur f’toroq jew f’terreni li ma humiex “adattati għall-użu ta’ vetturi bil-mutur”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minkejja li ma humiex adattati għal dan il-għan, madankollu “jintużaw ta’ spiss”.

    Fuq it-tielet domanda

    37

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 1(6) u l-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, li jeskludi mill-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja d-danni li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi fil-kuntest ta’ attivitajiet sportivi, industrijali jew agrikoli, f’portijiet u f’ajruporti, kif ukoll fil-kuntest tat-twettiq ta’ reat intenzjonat.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentarju u fattwali li hija r-responsabbiltà tagħha li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo, C-416/16, EU:C:2017:574, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Fil-każ inkwistjoni, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dannu mġarrab minn J. L. Núñez Torreiro jirriżulta minn inċident li jimplika vettura bir-roti militari tat-tip “Aníbal” li kienet qiegħda tintuża f’żona ta’ terren ta’ prattika militari, adattata għal vetturi bil-katina. Għaldaqstant, il-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-użu ta’ din il-vettura fil-kuntest ta’ attivitajiet sportivi, industrijali jew agrikoli, f’portijiet jew f’ajruporti, jew fil-kuntest tat-twettiq ta’ reat intenzjonat.

    40

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, mitluba fil-kuntest tat-tielet domanda, ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u għalhekk, din id-domanda hija inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    41

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-esklużjoni mill-kopertura ta’ assigurazzjoni obbligatorja ta’ danni li jirriżultaw mis-sewqan ta’ vetturi bil-mutur f’toroq jew f’terreni li ma humiex “adattati għall-użu ta’ vetturi bil-mutur”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minkejja li ma humiex adattati għal dan il-għan, madankollu “jintużaw ta’ spiss”.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Fuq