Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0482

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2016.
    Westermann Lernspielverlage GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
    Appell – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva li tinkludi l-elementi verbali ‘bambino’ u ‘lük’ – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Trade mark figurattiva precedenti tal-Unjoni Ewropea li tinkludi l-element verbali ‘bambino’ – Rifjut parzjali ta’ reġistrazzjoni – Revoka tat-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni – Ittra tar-rikorrenti li tinforma lill-Qorti Ġenerali b’din ir-revoka – Rifjut tal-Qorti Ġenerali li tinkludi l-ittra fil-proċess tal-kawża – Nuqqas ta’ motivazzjoni.
    Kawża C-482/15 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:805

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

    tas-26 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

    “Appell — Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea — Trade mark figurattiva li tinkludi l-elementi verbali ‘bambino’ u ‘lük’ — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Trade mark figurattiva precedenti tal-Unjoni Ewropea li tinkludi l-element verbali ‘bambino’ — Rifjut parzjali ta’ reġistrazzjoni — Revoka tat-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni — Ittra tar-rikorrenti li tinforma lill-Qorti Ġenerali b’din ir-revoka — Rifjut tal-Qorti Ġenerali li tinkludi l-ittra fil-proċess tal-kawża — Nuqqas ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawża C-482/15 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2015,

    Westermann Lernspielverlage GmbH, li kienet Westermann Lernspielverlag GmbH, stabbilita fi Braunschweig (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Nordemann u M. Maier, avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

    konvenut fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    komposta minn M. Berger, President tal-Awla, A. Borg Barthet u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Bl-appell tagħha, Westermann Lernspielverlage GmbH, li kienet Westermann Lernspielverlag GmbH (iktar ’il quddiem “Westermann”), titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Lulju 2015, Westermann Lernspielverlag vs UASI – Diset (bambinoLÜK) (T-333/13, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:490), li permezz tagħha l-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tat-3 ta’ April 2013 (Kawża R 1323/2012-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Diset SA et Westermann (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal dan il-każ, jistipula, fl-Artikolu 8(1)(b) tiegħu:

    “Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

    [...]

    (b)

    jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

    3

    L-Artikolu 65 tal-istess regolament, intitolat “Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) sa (3) tiegħu:

    “1.   Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell dwar appelli.

    2.   Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.

    3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata.”

    4

    Fi kliem l-Artikolu 69(c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, proċedura pendenti tista’ tiġi sospiża:

    “[...]

    (c)

    fuq talba ta’ parti prinċipali, bil-kunsens tal-parti prinċipali l-oħra;

    (d)

    f’każijiet oħra partikolari, meta l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja hekk teħtieġ.”

    5

    L-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura, intitolat “Informazzjoni dwar in-notifiki”, jistipula:

    “1.   Għall-finijiet tal-proċedura, ir-rikors għandu jindika jekk il-mod ta’ notifika aċċettat mir-rappreżentant tar-rikorrent huwiex dak imsemmi fl-Artikolu 57(4) jew il-faks.

    2.   Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, in-notifiki kollha għall-finijiet tal-proċedura lill-parti kkonċernata, sakemm dan in-nuqqas ma jiġix irregolarizzat, għandhom isiru permezz ta’ ittra rreġistrata indirizzata lir-rappreżentant tal-parti. F’dan il-każ, in-notifika għandha titqies li tkun saret regolarment permezz tad-depożitu tal-ittra rreġistrata fl-uffiċċju postali ta’ fejn il-Qorti Ġenerali għandha s-sede tagħha.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    6

    Fil-5 ta’ Mejju 2010, Westermann ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO skont ir-Regolament Nru 207/2009.

    7

    It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

    Image

    8

    Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16 u 28, skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nizza”) u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    Klassi 9: “Tagħmir għaż-żamma ta’ immaġni, ħsejjes, ta’ immaġni bi ħsejjes u ta’ data ta’ kull ġeneru (inkluż fil-klassi 9), b’mod partikolari kasetts tal-vidjo, diski fonografiċi, kasetts tal-mużika, CD, diski tal-vidjo, DVD, CD-ROM, CDI, disketti, b’mod partikolari bħala prodotti elettroniċi u intiżi għall-edukazzjoni u għat-tagħlim kif ukoll logħob tal-vidjo u logħob tal-kompjuter maħsuba sabiex jintużaw biss b’riċevitur tat-televiżjoni, partikolarment għal finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ tagħlim; softwer, intiż b’mod partikolari għall-edukazzjoni u għat-tagħlim; apparat għall-ipproċessar tal-informazzjoni, kompjuters u materjal tal-informatika ieħor kif ukoll il-partijiet u l-aċċessorji tagħhom (inklużi fil-klassi 9), il-prodotti kollha li ma humiex assoċjati ma’ vetturi jew partijiet ta’ vetturi ta’ kull ġeneru”; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Klassi 16: “Prodotti stampati u ta’ kull ġeneru (inklużi fil-klassi 16), partikolarment kotba, pamflets, manwali, rivisti, ġurnali, kalendarji, posters, fuljetti, trasparenzi, films, immaġni, rekords, mapep u mapep li jitqiegħdu mal-ħajt, partikolarment intiżi għall-edukazzjoni u għat-tagħlim; materjal tal-edukazzjoni u tat-tagħlim (bl-eċċezzjoni ta’ apparati), partikolarment fil-forma ta’ prodotti stampati, logħob, globi, blekbords u apparati għall-kitba fuq il-blekbords; ritratti (prints u oriġinali); posters; kartolerija u strumenti tal-kitba, partikolarment fawntinpens, pinen, lapsijiet u pastelli; oġġetti tal-uffiċċju (minbarra l-għamara), partikolarment timbri, kuxxinetti tal-linka, linka għat-timbri, openers tal-ittri, taljakarti, trejs tal-ittri, fajls għal dokumenti, desk pads, apparati li jtaqqbu l-karti, staplers, notebooks, paper clips u staples; transfers, stampi, stikers tal-karti u tal-plastik”; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Klassi 28: “Logħob, partikolarment logħob tal-mejda, dominoes, logħob fuq bords, logħob tal-karti, logħob edukattiv u logħob ta’ strateġija, fil-forma tradizzjonali u kif ukoll elettronika (minbarra bħala apparati periferali għas-settijiet tat-televiżjoni); ġugarelli; logħob tal-vidjo u tal-informatika elettroniku, għajr dawk maħsuba sabiex jintużaw b’riċevitur tat-televiżjoni, partikolarment intiżi għall-edukazzjoni u għat-tagħlim”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9

    Din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea Nru 2010/122, tas-6 ta’ Lulju 2010.

    10

    Fl-14 ta’ Settembru 2010, Diset ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, għall-prodotti msemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza.

    11

    L-oppożizzjoni kienet ibbażata, partikolarment, fuq it-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea preċedenti, irreġistrata fis-6 ta’ Lulju 2004 taħt in-Numru 3915121 għal prodotti u servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 28 u 41, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, iktar ’il quddiem irrappreżentata:

    Image

    12

    Il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 28 u 41, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    Klassi 16: “Pubblikazzjonijiet, rivisti, kotba u stejjer għat-tfal”; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Klassi 28: “Blokki tal-bini u logħob u ġugarelli edukattivi għat-tfal żgħar ħafna, ħlief pupi u figurini”; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Klassi 41: “Servizzi tal-edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet sportivi u kulturali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    13

    Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak previst fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

    14

    Fil-25 ta’ Mejju 2012, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni. Hija qieset li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, bejn is-sinjali kunfliġġenti, ħlief għal dak li jirrigwarda l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, previsti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja, jiġifieri “kartolerija u strumenti tal-kitba, partikolarment fawntinpens, pinen, lapsijiet u pastelli; oġġetti tal-uffiċċju (minbarra l-għamara), partikolarment timbri, kuxxinetti tal-linka, linka għat-timbri, openers tal-ittri, taljakarti, trejs tal-ittri, fajls għal dokumenti, desk pads, apparati li jtaqqbu l-karti, staplers, notebooks, paper clips u staples; transfers, stampi, stikers tal-karti u tal-plastik” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    15

    Fit-18 ta’ Lulju 2012, Westermann ippreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ta’ dan l-uffiċċju.

    16

    Bid-deċiżjoni kontenzjuża, it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ parzjalment l-appell, billi awtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni għas-“softwer, intiż b’mod partikolari għall-edukazzjoni u għat-tagħlim (il-prodotti kollha li ma humiex assoċjati ma’ vetturi jew partijiet ta’ vetturi ta’ kull ġeneru)” kif ukoll għall-“apparat għall-ipproċessar tal-informazzjoni, kompjuters u materjal tal-informatika ieħor kif ukoll il-partijiet u l-aċċessorji tagħhom (inklużi fil-klassi 9) (il-prodotti kollha li ma humiex assoċjati ma’ vetturi jew partijiet ta’ vetturi ta’ kull ġeneru)” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li lkoll jaqgħu taħt il-klassi 9, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u ċaħad l-appell għall-prodotti l-oħra li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16 u 28, fis-sens ta’ dan il-ftehim.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    17

    Insostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, Westermann invokat motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

    18

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv bħala infondat u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Westermann.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    19

    Westermann titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

    20

    L-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil Westermann għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    21

    Westermann tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u tad-dritt għal smigħ xieraq u fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, rispettivament.

    Fuq it-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    22

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat l-ewwel, Westermann issostni li, meta ħadet inkunsiderazzjoni, fl-eżami tal-mertu tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti li saret mit-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO fid-deċiżjoni kontenzjuża, it-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni minn Westermann, meta din it-trade mark preċedenti kienet revokata u għalhekk ma kellhiex iktar effett fid-data tal-introduzzjoni tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti.

    23

    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, partikolarment, mis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL (C-251/95, EU:C:1997:528, punt 22) jirriżulta li l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti għandha tiġi evalwata globalment, billi jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha tal-każ partikolari u, partikolarment, l-impressjoni ġenerali mogħtija minn dawn it-trade marks.

    24

    Westermann tqis li, għalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha tibgħat il-kawża lura quddiem it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO sabiex l-oppożizzjoni tiġi evalwata fuq il-bażi tat-trade marks ta’ Diset għajr l-imsemmija trade mark preċedenti.

    25

    Barra minn hekk, Westermann tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, minn naħa, l-element “bambino” bħala dominanti fit-trade marks kunfliġġenti u l-element “lük” bħala li huwa insinjifikattiv minħabba l-pożizzjoni sekondarja tiegħu fit-trade mark kumplessa u, min-naħa l-oħra, l-element figurattiv ta’ rappreżentazzjoni ta’ tarbija bħala inqas distintiv mit-terminu “bambino” u għalhekk insinjifikattiv fit-trade mark kumplessa, u meta waslet għall-konklużjoni li element distintiv dgħajjef jista’ jikkostitwixxi element dominanti fi trade mark kumplessa, jista’ jwassal sabiex elementi oħra tat-trade mark jiġu injorati u jista’ jwassal għal xebh fis-sinjali u għalhekk għal probabbiltà ta’ konfużjoni.

    26

    L-EUIPO jqis li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    27

    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fi kliem l-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tannulla jew tbiddel deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO għal “raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, [tal-imsemmi] Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter”. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali tista’ tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors biss jekk, fid-data li ġiet adottata, din kienet ivvizzjata b’waħda minn dawn ir-raġunijiet ta’ annullament jew ta’ tibdil. Mill-banda l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma tistax tannulla jew tirriforma din id-deċiżjoni għal raġunijiet li jidhru wara li din tkun ngħatat (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C‑416/04 P, EU:C:2006:310, punti 5455; tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C-29/05 P, EU:C:2007:162, punti 5253, kif ukoll id-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2010, Royal Appliance International vs UASI, C-448/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:384, punti 4344).

    28

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-deċiżjoni li għandha tingħata minn qorti nazzjonali dwar ir-revoka tat-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali meta tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C-416/04 P, EU:C:2006:310, punt 55; tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C-29/05 P, EU:C:2007:162, punt 53, kif ukoll id-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2010, Royal Appliance International vs UASI, C-448/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:384, punt 45).

    29

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dekadenza tat-trade mark preċedenti, li seħħet wara li ġie ppreżentat ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, la ċċaħħad is-suġġett u lanqas l-effetti tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO. L-evalwazzjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni, li skontha hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, baqgħet għalhekk tipproduċi l-effetti tagħha fil-mument li l-Qorti Ġenerali ppronunzjat is-sentenza tagħha (digriet tat-8 ta’ Mejju 2013, Cadila Healthcare vs UASI, C-268/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:296, punti 31 sa 34).

    30

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u sa fejn, f’dan il-każ, id-data effettiva tar-revoka tat-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni minn Westermann, jiġifieri t-13 ta’ Ġunju 2013, hija sussegwenti għad-deċiżjoni kontenzjuża, li hija datata t-3 ta’ April 2013, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma kinitx marbuta, fl-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-EUIPO li tiddikjara din ir-revoka.

    31

    Għandu jingħad ukoll li, konformement mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-każ ta’ revoka, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha titqies li ma kellhiex, b’effett mid-data tat-talba għal revoka, l-effetti speċifikati minn dan ir-regolament.

    32

    Issa, kieku kellu jitqies li l-Qorti Ġenerali hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjoni tal-EUIPO li tiddikjara r-revoka tat-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, anki jekk din tingħata f’data wara d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO li tqis l-oppożizzjoni fondata, dan ikun kuntrarju għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li l-Qorti Ġenerali ma tistax tannulla jew tirriforma tali deċiżjoni għal raġunijiet li jidhru wara l-għoti tagħha.

    33

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-eżami tal-mertu tal-evalwazzjoni li saret mit-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, peress li, fid-data li fiha din id-deċiżjoni ġiet adottata, it-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni minn Westermann kienet tipproduċi l-effetti speċifikati mir-Regolament Nru 207/2009.

    34

    Għalhekk, l-argument imressaq minn Westermann f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    35

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C-416/04 P, EU:C:2006:310, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2015, Junited Autoglas Deutschland vs UASI, C-579/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:374, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Barra minn hekk, tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, C‑254/09 P, EU:C:2010:488, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti ta’ Westermann dwar l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, u, partikolarment, bejn l-elementi “bambino”, “lük” u l-element figurattiv ta’ rappreżentazzjoni ta’ tarbija, huma inammissibbli peress li, taħt l-apparenza ta’ allegat żball ta’ liġi, dawn l-argumenti huma ntiżi, fir-realtà, sabiex jikkontestaw, mingħajr ma jinvokaw ebda żnaturament, l-evalwazzjoni stess, mill-Qorti Ġenerali, ta’ dawn il-fatti li ma jaqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

    38

    Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    Fuq l-ewwel aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    39

    Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, Westermann tikkritika lill-Qorti Ġenerali li rrifjutat li tinkludi fil-proċess tal-kawża inkwistjoni ittra tat-12 ta’ Ġunju 2015, li permezz tagħha hija kienet informat lil din tal-aħħar bl-eżistenza tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-22 ta’ Mejju 2015 (Kawża R 2209/2014-2), li ddikjarat, b’effett retroattiv fit-13 ta’ Ġunju 2013, ir-revoka tat-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, minħabba li dan id-dokument ma kienx previst mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    40

    Skont Westermann, billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni din l-ittra u li ssemmi, fis-sentenza appellata, il-fatt li t-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni ma kinitx teżisti iktar meta ngħatat l-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali pprekludietha milli tressaq provi rilevanti u, għaldaqstant, kisret id-dritt għal smigħ tagħha u d-dritt tagħha għal smigħ xieraq.

    41

    Fir-replika tagħha, Westermann iżżid li d-deċiżjoni kontenzjuża u s-sentenza appellata kisru d-dritt fundamentali tagħha għall-proprjetà sa fejn dawn ċaħdu l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea.

    42

    Barra minn hekk, Westermann issostni li, billi rrifjutat, mingħajr motivazzjoni, li tilqa’ t-talbiet għas-sospensjoni tal-proċedura li hija kienet ressqet fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħha għal smigħ xieraq u kif ukoll l-Artikolu 69(c) u (d) u l-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    43

    Skont Westermann, sa fejn dawn it-talbiet kienu debitament motivati, kif ukoll neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u l-EUIPO ma kienx opponiha, il-Qorti Ġenerali kellha tilqagħha.

    44

    L-EUIPO jqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    45

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li mill-punti 30 u 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma kinitx marbuta, fl-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-EUIPO li tiddikjara r-revoka tat-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni minn Westermann u li, min-naħa l-oħra, fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, din it-trade mark preċedenti kienet tipproduċi l-effetti speċifikati mir-Regolament Nru 207/2009.

    46

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm l-argument ibbażat fuq il-fatt li billi rrifjutat, mingħajr motivazzjoni, li tinkludi fil-proċess ta’ din il-kawża l-ittra tat-12 ta’ Ġunju 2015 li permezz tagħha Westermann informatha bl-eżistenza tad-deċiżjoni tal-EUIPO li ddikjarat ir-revoka tat-trade mark preċedenti u billi naqset milli ssemmi din l-informazzjoni fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ u d-dritt għal smigħ xieraq ta’ Westermann u kif ukoll l-argument li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat u mingħajr motivazzjoni, it-talbiet għas-sospensjoni tal-proċedura mressqa minnha għandhom jitqiesu ineffettivi.

    47

    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ma humiex ta’ natura li jqiegħdu f’dubju l-konklużjoni li għaliha l-Qorti Ġenerali waslet, li t-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO kien korrett meta kkonstata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

    48

    Fir-rigward tal-argument li d-deċiżjoni kontenzjuża u s-sentenza appellata kisru d-dritt fundamentali għall-proprjetà ta’ Westermann, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li dan ġie ssollevat għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika.

    49

    Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettiv.

    50

    Peress li ebda wieħed mill-aggravji ta’ Westermann ma jista’ jirnexxi, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    51

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO talab il-kundanna ta’ Westermann għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet l-aggravji tagħha, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Westermann Lernspielverlag GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq