Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0293

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-23 ta’ Diċembru 2015.
Gebhart Hiebler vs Walter Schlagbauer.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika – Professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni – Kompiti li jaqgħu taħt il-‘prevenzjoni tan-nirien’ – Limitazzjoni territorjali tal-liċenzja għall-eżerċizzju tal-professjoni – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Neċessità – Proporzjonalità.
Kawża C-293/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:843

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

23 ta’ Diċembru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2006/123/KE — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni — Kompiti li jaqgħu taħt il-‘prevenzjoni tan-nirien’ — Limitazzjoni territorjali tal-liċenzja għall-eżerċizzju tal-professjoni — Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali — Neċessità — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑293/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura

Gebhart Hiebler

vs

Walter Schlagbauer,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, E. Levits, M. Berger u M. S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Hiebler, minn G. Medweschek, avukat,

għal M. Schlagbauer, minn A. Seebacher, avukat,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Bulst u T. Scharf kif ukoll minn H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(2)(i), 10(4), 15(1)(2)(a) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ appell fuq punt ta’ liġi bejn G. Hielbler u W. Schlagbauer, żewġ ċittadini Awstrijaċi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni, rigward azzjoni ta’ W. Schlagbauer intiża sabiex titwaqqaf prassi kummerċjali żleali li G. Hiebler kien akkużat biha fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 17, 70 u 72 tad-Direttiva 2006/123 jistabbilixxu:

“(17)

Din id-Direttiva tkopri biss is-servizzi li huma mwettqa għal kunsiderazzjoni ekonomika. Servizzi ta’ interess ġenerali mhumiex koperti bid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu [57 TFUE] u għalhekk ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, huma servizzi mwettqa għal konsiderazzjoni ekonomika u għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Iżda ċerti servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħal dawk li jistgħu jeżistu fil-qasam tat-trasport, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ċerti servizzi oħrajn ta’ interess ekonomiku ġenerali, per eżempju, li jistgħu jeżistu fil-qasam tas-servizzi postali, huma suġġetti għal deroga mid-dispożizzjoni dwar il-libertà għall-provvista ta’ servizzi mniżżla f’din id-Direttiva. Din id-Direttiva ma tittrattax il-finanzjament tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u ma tapplikax għas-sistemi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-qasam soċjali, skond ir-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni. Din id-Direttiva ma tittrattax is-segwitu tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta’ Interess Ġenerali.

[...]

(70)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu [14 TFUE], is-servizzi jistgħu jitqiesu lu huma servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, biss jekk jiġu pprovduti fl-applikazzjoni ta’ ħidma speċjali fl-interess pubbliku fdata lill-fornitur mill-Istat Membru kkonċernat. Din il-ħidma għandha titwettaq permezz ta’ att wieħed jew aktar, li l-forma tiegħu għandha tkun iddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat, u għandu jispeċifika n-natura preċiża tal-kompitu speċjali.

[...]

(72)

Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma fdati b’kompiti importanti marbutin ma’ koeżjoni soċjali u territorjali. It-twettiq ta’ dawn il-kompiti m’għandux ikun ostakolat bħala riżultat tal-proċess ta’ evalwazzjoni previst f’din id-Direttiva. Ħtiġijiet li huma meħtieġa għat-twettiq ta’ tali kompiti ma għandhomx ikunu affettwati b’dan il-proċess waqt li, fl-istess ħin, jeħtieġ li jkunu indirizzati restrizzjonijiet inġustifikati għal-libertà ta’ stabbiliment.”

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[...]

i)

attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali kif stipulat fl-Artikolu [51 TFUE];

[...]”

5

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

6)

‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ tfisser kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha;

7)

‘rekwiżit’ tfisser kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew bħala riżultat tal-każistika, il-prattika amministrattiva, ir-regoli ta’ korpi professjonali, jew ir-regoli kollettivi ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn, adottati fl-eżerċizzju ta’ l-awtonomija legali tagħhom; regoli stabbiliti fil-ftehim kollettivi negozjati mill-imsieħba soċjali ma għandhomx jidhru bħala rekwiżiti fit-tifsira ta’ din id-Direttiva;

8)

‘ir-raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku’ tfisser ir-raġunijiet rikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawn ir-raġunijiet li ġejjin: politika pubblika, sigurtà pubblika; saħħa pubblika; il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumatur; riċevituri ta’ servizzi u ħaddiema; l-ekwità fi transazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi; il-protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban; is-saħħa ta’ l-annimali; il-proprjetà intellettwali; il-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali u l-objettivi tal-politika kulturali;

[...]”

6

L-Artikolu 10(4) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-awtorizzazzjoni għandha tippermetti lill-fornitur ikollu aċċess għall-attività ta’ servizz, jew biex jeżerċita dik l-attività, mat-territorju nazzjonali kollu, inkluż bl-istabbiliment ta’ aġenziji, sussidjarji, fergħat jew uffiċċji, ħlief fejn awtorizzazzjoni għal kull stabbiliment individwali jew limitu ta’ l-awtorizzazzjoni għal ċertu parti tat-territorju huma ġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku.”

7

L-Artikolu 15 tal-istess direttiva jispeċifika:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

a)

restrizzjonijiet kwantitattivi jew territorjali, b’mod partikolari f’forma ta’ limiti ffissati skond il-popolazzjoni, jew ta’ distanza ġeografika minima bejn il-fornituri;

[...]

3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

b)

bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 japplikaw biss għal-leġislazzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom.

[...]”

Id-dritt Awstrijak

8

L-Artikolu 120(1) tal-Kodiċi dwar is-sengħa, il-kummerċ u l-industrija (Gewerbeordnung, iktar ’il quddiem il-“GewO”) jipprovdi:

“Hija meħtieġa liċenzja għall-eżerċizzju tal-professjoni bħala kennies taċ-ċmieni [...] sabiex jitnaddfu, jinkinsu u jiġu spezzjonati t-trombi ta’ ċmieni u l-katusi tal-gass, il-pajpijiet tal-egżost tad-duħħan u tal-gass u l-fuklari mqabbdin magħhom. Sa fejn il-kenniesa taċ-ċmieni huma meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Land li jwettqu attivitajiet ta’ ‘spezzjonijiet amministrattivi’, b’mod partikolari kompiti ta’ ‘prevenzjoni tan-nirien’ [(‘Feuerpolizei’)], il-kontroll tal-bini jew simili, huma jwettqu dmirijiet pubbliċi u għandhom ikunu stabbiliti fl-Awstrija għal dak l-iskop.”

9

L-Artikolu 123 tal-GewO jipprovdi li:

“1.   Il-gvernatur tal-Land [(Landeshauptmann)] għandu, permezz ta’ regolamenti, jiddefinixxi l-limiti territorjali applikabbli sabiex persuna tkun tista’ teżerċita bħala kennies taċ-ċmieni. Dak ir-regolament għandu jistabbilixxi l-limiti tas-setturi tal-knis b’mod li jistgħu jitwettqu attivitajiet ta’ regolamentazzjoni tal-‘prevenzjoni tan-nirien’ b’mod xieraq u sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika ta’ mill-inqas żewġ negozji ta’ knis taċ-ċmieni fejn kull wieħed jimpjega mill-inqas żewġ ħaddiema fuq bażi full-time. […]

2.   Jistgħu jingħataw reġistrazzjonijiet tan-negozju sabiex ikun jista’ jsir ix-xogħol ta’ kennies taċ-ċmieni biss jekk dawn jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-attivitajiet previsti fil-punt 120(1) għas-settur ta’ knis rilevanti. F’każ ta’ perikolu imminenti, fil-każ ta’ kompitu previst fl-Artikolu 122(2) jew fil-każ ta’ bidla f’settur ta’ knis ieħor kif previst fl-Artikolu 124, l-attivitajiet previsti fil-punt 120(1) jistgħu jitwettqu wkoll barra s-settur ta’ knis. […]

3.   Il-kenniesa taċ-ċmieni għandhom obbligu li jwettqu attivitajiet imsemmijin fil-punt 120(1), ġewwa s-settur tal-knis, skont it-tariffa massima applikabbli.”

10

Skont l-Artikolu 124 tal-GewO:

“Fil-każ ta’ bidla tal-kennies taċ-ċmieni inkarigat biex jiknes oġġett partikolari, il-kennies taċ-ċmieni inkarigat qabel biex iwettaq ix-xogħol għandu jibgħat fil-pront rapport bil-miktub fuq l-aħħar knis li jkun sar u fuq il-kundizzjoni tal-oġġett għal knis lill-kennies taċ-ċmieni inkarigat biex iwettaq ix-xogħol fil-futur, lill-muniċipalità u lill-proprjetarju tal-oġġett għal knis. […] Jekk ma jkunx hemm iktar minn żewġ kenniesa taċ-ċmieni fis-settur ta’ knis ikkonċernat, tkun permissibbli bidla għal settur ta’ knis ieħor.”

11

L-Artikolu 125(1) tal-GewO jippreċiża:

“Il-gvernatur tal-Land għandu wkoll, permezz ta’ digriet, jistabbilixxi tariffi massimi. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-negozji u l-interessi ta’ min jirċievi s-servizz. [...]”

12

Il-leġiżlazzjonijiet tal-Länder jinkludu regoli dwar l-obbligu għall-proprjetarji ta’ installazzjonijiet ta’ tisħin li ċ-ċmieni jitnaddfu regolarment minn kenniesa taċ-ċmieni. Minbarra dan, dawn jafdaw lill-kenniesa taċ-ċmieni t-twettiq ta’ kompiti speċifiċi li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien”.

13

Fil-Land ta’ Kärnten, dawn il-kompiti jikkonsistu, b’mod partikolari, fit-twettiq ta’ spezzjoni perjodika bil-għan tal-prevenzjoni tan-nirien (iktar ’il quddiem l-“ispezzjoni dwar riskju ta’ nirien”).

14

Iktar preċiżament l-Artikolu 26 tar-regolament tal-Land ta’ Kärnten dwar ir-regolamentazzjoni tal-perikolu u l-prevenzjoni tan-nirien (Kärntner Gefahrenpolizei- und Feuerpolizeiordnung, iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ prevenzjoni”) jipprovdi:

“1.   L-ispezzjoni dwar riskju ta’ nirien fil-każ ta’ strutturi fiżiċi, għandha sservi biex tiġi ddeterminata kull kundizzjoni li tista’ tikkawża jew tinkoraġġixxi perikolu tan-nar jew tagħmel iktar diffiċli jew tipprevjeni t-tifi tan-nar u t-twettiq ta’ miżuri ta’ salvataġġ.

2.   Matul l-ispezzjoni dwar riskju ta’ nirien, għandu b’mod partikolari jiġi vverifikat b’mod viżiv:

a)

jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet adottati abbażi ta’ din il-liġi […] ġewx osservati jew jekk hemmx nuqqasijiet mill-perspettiva tar-regoli għall-prevenzjoni tan-nirien;

b)

jekk hemmx ħsara strutturali li tirrappreżenta perikolu ta’ nar;

ċ)

jekk hemmx ċirkustanzi rilevanti oħra għall-prevenzjoni tan-nirien jew tat-tifi tan-nirien. […]

3.   L-ispezzjoni dwar riskju ta’ nirien għandha ssir bil-kunsiderazzjoni dovuta tar-riskju li l-istruttura fiżika tirrappreżenta mill-perspettiva tal-prevenzjoni tan-nirien. Din għandha ssir, fil-każ ta’ strutturi fiżiċi li jirrappreżentaw:

a)

riskju żgħir ta’ nirien, kull 15-il sena;

b)

riskju medju ta’ nirien, kull 9 snin; u

ċ)

riskju għoli ta’ nirien, kull 5 snin; [...]”

15

L-Artikolu 27 tar-regolament ta’ prevenzjoni jipprovdi kif ġej:

“1.   L-ispezzjoni għall-prevenzjoni tan-nirien prevista fl-Artikolu 26[...] għandha titwettaq indipendentement mill-kennies taċ-ċmieni inkarigat għal dak l-iskop.

[...]

9.   Għal kull spezzjoni li titwettaq fis-sens tal-paragrafu (1), il-proprjetarju (l-użufruttwarju jew il-kumpannija li tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-proprjetà) għandu jħallas sehem fl-ispejjeż, li jitħallas lill-kennies taċ-ċmieni. Jekk dan is-sehem fl-ispejjeż ma jitħallasx mill-persuna responsabbli mill-ħlas tiegħu, il-komun huwa obbligat li jistabbilixxi dan is-sehem permezz ta’ deċiżjoni. L-ammont tas-sehem fl-ispejjeż huwa stabbilit skont tariffi previsti għal spezzjoni fid-digriet li jirrigwarda l-iffissar tat-tariffi massimi għall-attività ta’ knis.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

G. Hiebler jeżerċita l-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni fil-Land ta’ Kärnten, skont awtorizzazzjoni professjonali valida għas-settur “A” ta’ dan il-Land, skont l-Artikolu 123 tal-GewO.

17

Sas-26 ta’ Lulju 2011, ma kienx hemm iktar minn żewġ kenniesa taċ-ċmieni li kienu jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-settur “B”. Konsegwentement, il-kenniesa taċ-ċmieni awtorizzati li jeżerċitaw f’setturi oħra, bħal G. Hiebler, setgħu, skont l-Artikolu 124 tal-GewO, ifittxu wkoll il-klijenti stabbiliti fis-settur “B”.

18

Modifika tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi relatati mat-tqegħid f’setturi tal-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ kennies taċ-ċmieni fil-Land ta’ Kärnten, li daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Lulju 2011, wasslet għall-ħolqien ta’ settur ġdid “Ċ”, li jirriżulta mill-għaqda tas-settur “B” ma’ settur ieħor.

19

Issa, minkejja li, wara din l-għaqda, erba’ kenniesa taċ-ċmieni kienu jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-settur il-ġdid “Ċ”, G. Hiebler kompla jfittex klijenti li kienu residenti fih u li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu bħala kennies taċ-ċmieni għal diversi fosthom, li inkarigawh mit-tindif taċ-ċmieni tagħhom.

20

Din l-attività wasslet għal telf ta’ dħul għal W. Schlagbauer, li kien jibbenefika minn awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju fis-settur “Ċ”. Konsegwentement, huwa ppreżenta rikors quddiem il-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt) intiż sabiex jinkiseb il-waqfien tal-prassi kummerċjali ta’ G. Hiebler, ikklassifikata bħala żleali, il-kundanna ta’ dan tal-aħħar għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 2594.65 bħala kumpens flimkien mal-interessi u spejjeż tal-qorti, kif ukoll il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li kienet ser tittieħed. G. Hiebler talab li r-rikors jiġi miċħud billi sostna li d-Direttiva 2006/123 tipprekludi l-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tal-aħħar timponi limitazzjoni territorjali tal-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi privati tal-kenniesa taċ-ċmieni.

21

Il-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt) laqgħet ir-rikors ta’ W. Schlagbauer, billi kkunsidrat li l-limitazzjoni territorjali prevista fl-Artikolu 123 tal-GewO kienet kompatibbli ma’ din id-direttiva sa fejn ma kinitx diskriminatorja, kienet neċessarja u proporzjonata.

22

L-Oberlandesgericht Graz (qorti reġjonali superjuri ta’ Graz) ikkonfermat din id-deċiżjoni, billi żiedet li l-kompiti ta’ servizz pubbliku fdati lill-kenniesa taċ-ċmieni fil-qasam tal-“prevenzjoni tan-nirien” kienu jiġġustifikaw il-limitazzjoni territorjali tal-liċenzja għall-eżerċizzju tal-professjoni tal-kenniesa taċ-ċmieni.

23

G. Hiebler ippreżenta appell fuq punt ta’ liġi quddiem l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema). Huwa sostna, quddiem din il-qorti, li, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħet titqies kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-limitazzjoni territorjali inkwistjoni hija relatata mal-kompiti eżerċitati mill-kenniesa taċ-ċmieni fil-qasam tal-“prevenzjoni tan-nirien” din ma kinitx kompatibbli sa fejn din il-limitazzjoni tirrigwarda wkoll l-attivitajiet ekonomiċi privati ta’ dawn tal-aħħar li jikkonċernaw it-tindif u l-manutenzjoni tat-trombi ta’ ċmieni u katusi tal-gass, tal-pajpijiet tal-egżost tad-duħħan u tal-gass, kif ukoll tal-fuklari mqabbdin magħhom.

24

L-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) tqis li huwa stabbilit li, skont l-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123, din ma kellhiex tapplika għall-kompiti ta’ servizz pubbliku li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien”, iżda għandha tkopri unikament l-attivitajiet ekonomiċi privati tal-kenniesa taċ-ċmieni. Madankollu, din il-qorti tistaqsi, fid-dawl tar-rabta eżistenti bejn dawn il-kompiti u dawn l-attivitajiet, dwar il-possibbiltà li jiġi kkunsidrat li din id-direttiva ma tapplikax għall-eżerċizzju tal-professjoni tal-kennies taċ-ċmieni, kollu kemm hu.

25

Minbarra dan, fl-ipoteżi fejn dawn l-attivitajiet ekonomiċi privati jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) għandha wkoll dubji rigward il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni fil-kawża prinċipali mar-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment ta’ fornituri ta’ servizzi tal-Unjoni, stabbiliti fl-Artikoli 10 u 15 tal-istess direttiva.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-attività professjonali kollha ta’ kennies taċ-ċmieni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba li l-kenniesa taċ-ċmieni jwettqu wkoll kompiti fil-qasam tal-‘pulizija tan-nar’ [prevenzjoni tan-nirien] (spezzjoni għall-prevenzjoni ta’ nirien, għarfien espert fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kostruzzjoni, eċċ.)?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

Regola tad-dritt nazzjonali, li permezz tagħha awtorizzazzjoni għall-prattika ta’ professjoni bħala kennies taċ-ċmieni hija fil-prinċipju limitata għal ‘settur ta’ knis ta’ ċmieni’ speċifiku, hija kompatibbli mal-Artikolu 10(4) u mal-Artikolu 15(1), (2)(a) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2006/123 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-eżerċizzju ta’ professjoni, bħal dik ta’ kennies taċ-ċmieni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa eskluż, kollu kemm hu, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba l-fatt li din il-professjoni timplika t-twettiq mhux biss ta’ attivitajiet ekonomiċi privati, iżda wkoll kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien”.

28

L-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) tagħmel din id-domanda filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-premessa impliċita li l-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” fdati lill-kenniesa taċ-ċmieni tal-Land ta’ Kärnten għandhom jiġu kklassifikati bħala attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u li, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, skont l-Artikolu 2(2)(i) tagħha. Għalhekk għandu jiġi stabbilit jekk ir-rabta bejn it-twettiq ta’ dawn il-kompiti u dak tal-attivitajiet ekonomiċi privati twassalx għall-inapplikabbiltà ta’ din id-direttiva fl-eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni, kollu kemm hu.

29

Barra minn hekk, hekk kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din il-qorti ma ppreċiżatx fid-deċiżjoni tar-rinviju l-elementi li ppermettewlha li tasal għal tali klassifikazzjoni ta’ dawn il-kompiti.

30

Minħabba dan il-fatt, sabiex tiġi pprovduta risposta utli għall-ewwel domanda, huwa l-ewwel nett neċessarju li jiġi vverifikat jekk kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħux fl-ambitu tal-“eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123, jew jekk jaqgħux, skont il-każ, taħt attività oħra mill-attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Huwa biss f’dawn l-ipoteżijiet li għandu sussegwentement jiġi ddeterminat jekk tali ċirkustanza tagħmilx inapplikabbli l-istess direttiva għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni, kollu kemm hu.

31

Fil-kuntest tal-ewwel verifika, hemm lok li tiġi eżaminata, l-ewwel nett, il-portata tad-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2)(i).

32

Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 2.1.2 tal-manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi (iktar ’il quddiem il-“manwal”), din id-dispożizzjoni tirrifletti d-deroga għar-regola tal-libertà ta’ stabbiliment li tinsab fl-Artikolu 45 KE, li sar l-Artikolu 51 TFUE, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Għalhekk, sabiex din id-dispożizzjoni tiġi interpretata, isir riferiment għall-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar dawn l-artikoli.

33

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, bħala eċċezzjoni għal libertà fundamentali, id-deroga prevista fl-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123 għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi li hija tippermetti lill-Istati Membri li jipproteġu (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C-47/08, EU:C:2011:334, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata), u għandha, għalhekk, tkun limitata għal dawk l-attivitajiet biss li, waħedhom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑47/08, EU:C:2011:334, punt 85, u SOA Nazionale Costruttori, C‑327/12, EU:C:2013:827, punt 51).

34

Minbarra dan, hekk kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jitqiesu li huma esklużi minn tali deroga l-attivitajiet awżiljarji jew preparatorji fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑404/05, EU:C:2007:723, punt 44), li ma jinkludux l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali awtonomi u mwettqa fil-kuntest ta’ sorveljanza statali diretta (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑438/08, EU:C:2009:651, punti 36 u41, kif ukoll SOA Nazionale Costruttori,C‑327/12, EU:C:2013:827, punt 53), u li huma neqsin minn setgħat ta’ infurzar (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑114/97, EU:C:1998:519, point 37) jew minn setgħat koerċittivi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Anker et, C‑47/02, EU:C:2003:516, punt 61, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 44).

35

Għandu għalhekk jiġi vverifikat, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jekk il-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” fdati lill-kenniesa taċ-ċmieni tal-Land ta’ Kärnten jaqgħux fl-ambitu tal-“eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123.

36

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 26 tar-regolament ta’ prevenzjoni, dawn il-kompiti jikkonsistu b’mod partikolari fl-ispezzjoni regolari ta’ strutturi fiżiċi sabiex jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari fil-qasam humiex osservati mill-proprjetarju tal-istruttura jew mill-użufruttwarju, jekk l-istruttura fiżika hijiex affettwata minn ħsara strutturali li toħloq riskju ta’ nar u jekk ċirkustanzi oħra jistgħux jikkawżaw jew jiffavorixxu nirien, jew jikkomplikaw il-ġlieda kontra n-nirien u l-għoti tal-għajnuna.

37

Fl-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti, madankollu, hekk kif indika l-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-kenniesa taċ-ċmieni qed jaqdu kompitu fdat lill-komuni mill-Artikolu 118(3)(9) tal-Kostituzzjoni Awstrijaka, li skont dan dawn huma responsabbli għall-kompiti lokali ta’ “prevenzjoni tan-nirien” fil-kuntest tal-qasam ta’ azzjoni proprja tagħhom.

38

Għalhekk, il-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” jikkostitwixxu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, attivitajiet li huma awżiljarji għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, sa fejn dawn huma, essenzjalment, iddelegati lill-kenniesa taċ-ċmieni mis-sindku ta’ kull komun u jitwettqu taħt is-sorveljanza diretta tiegħu mingħajr ma l-kenniesa taċ-ċmieni jkollhom setgħat proprji ta’ eżekuzzjoni, ta’ infurzar jew koerċittivi lejn il-klijenti tagħhom. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-obbligu impost fuq il-kenniesa taċ-ċmieni, waqt l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti, li jinformaw lill-komun ikkonċernat bin-nuqqasijiet li għalihom ma sarx rimedju jekk ikun hemm riskju imminenti ta’ nar jew jekk l-iżvolġiment tal-ispezzjoni ikun ġie ostakolat.

39

Minn dan jirriżulta li l-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” eżerċitati mill-kenniesa taċ-ċmieni fil-Land ta’ Kärnten ma jaqgħux fl-ambitu, inkwantu tali, tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123, u ma jikkostitwixxux għalhekk attivitajiet esklużi, skont din id-dispożizzjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

40

Tali konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju kellha tikklassifika dawn il-kompiti bħala kompiti marbuta ma’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, kif sostna wkoll il-Gvern Awstrijak bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

41

F’dan ir-rigward, ċertament hekk lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja, l-attivitajiet fil-qasam tal-“prevenzjoni tan-nirien” jitwettqu mill-kenniesa taċ-ċmieni tal-Land ta’ Kärnten, konformement mal-premessa 70 tad-Direttiva 2006/123 u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont kompitu partikolari ta’ servizz pubbliku li huwa fdat lilhom permezz ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri l-liċenzja għall-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, u skont dispożizzjoni leġiżlattiva, jiġifieri l-Artikolu 26 tar-regolament ta’ prevenzjoni, li jiddefinixxu b’mod ċar u trasparenti n-natura eżatta tal-obbligu ta’ servizz pubbliku mogħti (ara, b’analoġija, is-sentenzi Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 37, u Femarbel, C‑57/12, EU:C:2013:517, punt 48).

42

Minbarra dan, jirriżulta wkoll minn dan il-proċess li, skont l-Artikolu 14 TFUE, l-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, anness mat-Trattat FUE, u skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kenniesa taċ-ċmieni awtorizzati fil-Land ta’ Kärnten huma obbligati li jiżguraw, skont dan l-obbligu ta’ servizz pubbliku, il-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” għall-benefiċċju tal-utenti kollha tas-settur li jingħata lilhom, b’mod li tiġi ggarantita l-ugwaljanza ta’ aċċess għall-prestazzjonijiet, billi jiġu applikati tariffi uniformi li l-ammont massimu tagħhom huwa stabbilit minn digriet tal-gvernatur ta’ dan il-Land (ara, b’analoġija, is-sentenzi Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 38, u Femarbel, C-57/12, EU:C:2013:517, punt 47), u billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kwalità simili, mingħajr rigward lejn is-sitwazzjonijiet partikolari u lanqas il-livell ta’ profittabbiltà ekonomika ta’ kull tranżazzjoni individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Corbeau, C‑320/91, EU:C:1993:198, punt 15).

43

Madankollu, minkejja li dawn il-kompiti kellhom jiġu kklassifikati bħala kompiti marbuta ma’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

44

Fil-fatt, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessi 17, 70 u 72 tagħha, li r-regoli stabbiliti minn din tal-aħħar bħala prinċipju japplikaw għal kull servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, peress li huma biss is-servizzi ta’ importanza ġenerali mhux ekonomika li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

45

Għalhekk għandu jiġi konkluż li, indipendentement mill-klassifikazzjoni li ngħatatilhom mill-qorti tar-rinviju, il-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” eżerċitati mill-kenniesa taċ-ċmieni fil-Land ta’ Kärnten jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva.

46

Fid-dawl ta’ dan, ma hemmx lok, għalhekk, li titqies, sa fejn tirriżulta li hija mingħajr suġġett, il-kwistjoni jekk ir-rabta bejn dawn il-kompiti u l-attivitajiet ekonomiċi privati mwettqa mill-kenniesa taċ-ċmieni fil-Land ta’ Kärnten twassalx għall-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 ukoll għal dawn l-aħħar attivitajiet u, għalhekk, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni, kollu kemm hu.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li d-Direttiva 2006/123 għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-eżerċizzju ta’ professjoni, bħal dik ta’ kennies taċ-ċmieni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kollu kemm hu, minkejja li din il-professjoni timplika t-twettiq mhux biss ta’ attivitajiet ekonomiċi privati, iżda wkoll ta’ kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien”.

Fuq it-tieni domanda

48

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikoli 10 u 15 tad-Direttiva 2006/123 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni, kollu kemm hu, għal settur ġeografiku partikolari.

49

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li tali limitazzjoni territorjali tal-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività ta’ servizzi tikkostitwixxi, skont l-Artikoli 10 u 15 ta’ din id-direttiva, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ fornituri ta’ servizzi.

50

Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta impliċitament mill-Artikolu 10(4) tal-istess direttiva, li jipprovdi li kull awtorizzazzjoni ta’ stabbiliment għandha tippermetti lill-fornitur li jeżerċita l-attività ta’ servizzi tiegħu “mat-territorju nazzjonali kollu”, li limitazzjoni territorjali ta’ tali awtorizzazzjoni tikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni.

51

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(2)(a) tad-Direttiva 2006/123 jikklassifika espliċitament ir-“restrizzjonijiet territorjali” għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizzi bħala “rekwiżiti” fis-sens tal-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva, li jikkostitwixxu kundizzjonijiet li jaffettwaw il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ servizzi.

52

F’dan il-kuntest, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi stabbilit il-qafas ġuridiku li għalih hija suġġetta limitazzjoni territorjali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont l-Artikoli 10 u 15 ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi vverifikat jekk din il-limitazzjoni hijiex ipprojbita jew tistax tiġi ammessa taħt ċerti kundizzjonijiet.

53

Minn naħa, fir-rigward tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123, għalkemm huwa minnu li l-formulazzjoni tal-paragrafu 4 tiegħu tirrikjedi sempliċement l-eżistenza ta’ “raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku” sabiex tiġi ġġustifikata l-limitazzjoni ta’ awtorizzazzjoni għal parti speċifika tat-territorju nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu u hekk kif jirriżulta mill-punt 6.1.5 tal-manwal, din id-dispożizzjoni teħtieġ li tali limitazzjoni tosserva wkoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, inkwantu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

54

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123, billi jinkludi l-limiti territorjali għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizzi fil-lista tar-rekwiżiti suġġetti għal evalwazzjoni elenkati fil-paragrafu 2 tagħha, jawtorizza wkoll lill-Istati Membri, skont il-paragrafu 1 tiegħu, li jżommu jew, skont il-każ, li jintroduċu fis-sistemi legali tagħhom tali limiti, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ikunu konformi mal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, previsti fil-paragrafu 3 tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punti 32 u 33).

55

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikoli 10(4) u 15(3) ta’ din id-direttiva jipprovdu, it-tnejn li huma, il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, bħal-limitazzjoni territorjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u jeħtieġu għal dan il-għan l-osservanza ta’ kundizzjonijiet identiċi intiżi sabiex din ir-restrizzjoni, l-ewwel nett, ma tkunx diskriminatorja abbażi tan-nazzjonalità, sussegwentement, tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, fl-aħħar nett, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq u li ma tkunx tista’ tiġi ssostitwita minn miżuri inqas vinkolanti oħra li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat.

56

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-limitazzjoni territorjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

57

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak, din il-limitazzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tad-dispożittivi ta’ protezzjoni kontra n-nirien kif ukoll sabiex tittejjeb il-prevenzjoni tan-nirien, tal-isplużjonijiet u tal-ivvelenar bil-gass.

58

Issa, peress li tali għanijiet jaqgħu taħt il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li hija, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2006/123 u minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Ottica New Line di Accardi Vincenzo, C‑539/11, EU:C:2013:591, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni dwar in-neċessità tal-limitazzjoni territorjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija wkoll issodisfatta.

59

Konsegwentement, fit-tielet lok, għandu jsir l-eżami tal-proporzjonalità tal-limitazzjoni territorjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk din il-limitazzjoni hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex.

60

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilimenti u infrastrutturi sanitarji, spiżeriji kif ukoll stabbilimenti tal-ottika jistgħu jkunu suġġetti għal pjanifikazzjoni, b’mod li jiġi żgurat servizz sanitarju adattat għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni, li jkopri t-territorju kollu u li jieħu inkunsiderazzjoni reġjuni li huma ġeografikament iżolati jew inkella żvantaġġati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punti 51 u 52; Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 70; kif ukoll Ottica New Line di Accardi Vincenzo, C‑539/11, EU:C:2013:591, punti 36 u 37).

61

Issa, dawn l-istess prinċipji jidhru trasponibbli għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

62

Fil-fatt, jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak li jeżistu fil-Länder, bħal-Land ta’ Kärnten, agglomerazzjonijiet li jistgħu jitqiesu mill-kenniesa taċ-ċmieni bħala postijiet li jħallu profitt, u, għaldaqstant, iktar interessanti, bħal dawk li jinsabu fiż-żoni urbani. Min-naħa l-oħra, partijiet oħra tat-territorju nazzjonali jistgħu jitqiesu li huma inqas interessanti, bħal żoni ġeografikament iżolati jew li huma b’xi mod ieħor żvantaġġati (ara, b’analoġija, is-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 72).

63

Ma jistax jiġi eskluż li, fl-assenza ta’ delimitazzjoni skont is-setturi, il-kenniesa taċ-ċmieni jiddeċiedu li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom unikament fil-lokalitajiet meqjusa interessanti u għalhekk favur parti limitata tal-popolazzjoni, b’mod li l-abitanti ta’ lokalitajiet inqas interessanti jbatu minħabba numru insuffiċjenti ta’ fornituri disponibbli sabiex jiġi żgurat servizz ta’ knis taċ-ċmieni adegwat u ta’ kwalità (ara, b’analoġija, is-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 73).

64

Isegwi li l-limitazzjoni territorjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li tista’ tqassam il-kenniesa taċ-ċmieni b’mod ekwilibrat fit-territorju nazzjonali, li jiġi żgurat lill-popolazzjoni kollha aċċess xieraq għall-attivitajiet ta’ knis taċ-ċmieni u, għalhekk, li tiġi ggarantita protezzjoni adegwata tas-saħħa pubblika.

65

Filwaqt li jirriżulta minn dan kollu li tali leġiżlazzjoni bħala prinċipju tista’ tilħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, jeħtieġ ukoll li din il-leġiżlazzjoni ssegwi dan l-għan b’mod koerenti. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat biss jekk tkun fil-verità tissodisfa r-rieda li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C-571/07, EU:C:2010:300, punt 94; Ottica New Line di Accardi Vincenzo, C-539/11, EU:C:2013:591, punt 47; kif ukoll Sokoll-Seebacher, C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 39).

66

F’dan ir-rigward, minkejja li jappartjeni fl-aħħar lok għall-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi jekk, u sa fejn, l-Artikolu 123 tal-GewO kienx issodisfa din il-kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati ta’ natura li jippermettu lil din il-qorti li tagħti deċiżjoni (ara s-sentenza Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistabbilixxix direttament u ma tfassalx id-delimitazzjoni tas-setturi ġeografiċi, permezz ta’ kriterji koerenti mal-għan li jiġi żgurat tqassim ekwilibrat tal-eżerċizzju mill-kenniesa ta’ ċmieni kemm tal-attivitajiet ekonomiċi privati tagħhom kif ukoll tal-kompiti tagħhom li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” f’dawn is-setturi.

68

Fil-fatt, minkejja li l-limitazzjoni territorjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni, kollu kemm hu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tqis bħala l-uniku kriterju ta’ delimitazzjoni settorjali dak dwar in-numru minimu ta’ kenniesa taċ-ċmieni li lilhom għandha tiġi ggarantita l-vijabbiltà ekonomika tal-attività ġewwa kull settur sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju sodisfaċenti tal-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” mingħajr ma bl-ebda mod jittieħdu inkunsiderazzjoni attivitajiet ekonomiċi privati, li jikkostitwixxu, barra minn hekk, il-parti l-iktar sostanzjali tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni.

69

Minħabba dan il-fatt, l-Artikolu 123 tal-GewO jirriskja, waqt l-implementazzjoni tiegħu, li ma jiżgurax tqassim ekwilibrat tal-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi privati ta’ knis taċ-ċmieni fit-territorju kkonċernat u, għaldaqstant, livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika f’dan it-territorju kollu (ara, b’analoġija, is-sentenza Ottica New Line di Accardi Vincenzo, C-539/11, EU:C:2013:591, punt 54).

70

F’dawn il-kundizzjonijiet, u bla ħsara għal verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li ma ssegwix b’mod koerenti u sistematiku l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

71

Tali evalwazzjoni, li tirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Artikoli 10(4) u 15(1), (2)(a) u (3) tad-Direttiva 2006/123 madankollu tista’ ma tipprevalix jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali kellha tiġi evalwata fir-rigward tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 15, fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju għandha tikklassifika l-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” bħala kompiti marbuta ma’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, skont il-prinċipji stabbiliti fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza.

72

F’dan ir-rigward, fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li r-regoli stipulati fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu japplikaw biss għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn l-aħħar paragrafi ma xxekkilx it-twettiq, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom.

73

F’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-qari flimkien tal-punt 10.2.4 tal-manwal u tal-premessa 72 tad-Direttiva 2006/123, l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi limitazzjoni territorjali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm din il-limitazzjoni hija, minn naħa, neċessarja għall-eżerċizzju mill-kenniesa taċ-ċmieni tal-kompiti tagħhom li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli u, min-naħa l-oħra, proporzjonata għal dan l-eżerċizzju.

74

Issa, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni, sabiex issir din l-aħħar evalwazzjoni, il-punt ta’ tluq għandha mingħajr dubju tkun il-premessa li l-obbligu, għall-persuni fdati b’kompitu ta’ importanza ekonomika ġenerali, li jiżguraw is-servizzi tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ ekwilibriju ekonomiku jippreżupponi l-possibbiltà ta’ tpaċija bejn is-setturi ta’ attivitajiet li jħallu profitt u setturi li jħallu inqas profitt, u jista’ għalhekk jiġġustifika restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment fis-setturi li ekonomikament iħallu profitt (ara, b’analoġija, is-sentenzi Corbeau, C‑320/91, EU:C:1993:198, punti 16 u 17, kif ukoll Ambulanz Glöckner,C‑475/99, EU:C:2001:577, punt 57).

75

Madankollu, għandu wkoll jiġi kkunsidrat li tali restrizzjoni ma hijiex iġġustifikata meta huma inkwistjoni servizzi speċifiċi, dissoċjabbli mis-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali inkwistjoni, sa fejn dawn is-servizzi, min-natura tagħhom u l-kundizzjonijiet li fihom huma offerti, ma jikkompromettux l-ekwilibriju ekonomiku ta’ dan is-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenzi Corbeau, C‑320/91, EU:C:1993:198, punt 19, u Ambulanz Glöckner, C‑475/99, EU:C:2001:577, punt 59).

76

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-limitazzjoni territorjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk l-attivitajiet ekonomiċi privati eżerċitati mill-kenniesa taċ-ċmieni fil-Land ta’ Kärnten humiex tant strettament marbutin mal-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” li għandhom jitqiesu li huma indissoċjabbli minnhom.

77

Jekk dan ma huwiex il-każ, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk il-limitazzjoni territorjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn testendi wkoll għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi privati dissoċjabbli mill-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien”, hijiex, fi kwalunkwe każ, indispensabbli sabiex tippermetti lill-kenniesa taċ-ċmieni kkonċernati li jiżguraw dawn l-aħħar kompiti f’kundizzjonijiet ta’ ekwilibriju ekonomiku, jew ukoll jekk il-vijabbiltà ekonomika tal-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti tistax tiġi żgurata wkoll permezz ta’ delimitazzjoni settorjali li tirrigwarda unikament dan l-aħħar eżerċizzju.

78

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja li l-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Salzburg tiddefinixxi d-distretti ta’ knis taċ-ċmieni unikament għall-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien”, li huwa ta’ natura li juri li tali limitazzjoni territorjali tista’ tkun biżżejjed sabiex tiggarantixxi l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti f’kundizzonijiet ta’ ekwilibriju ekonomiku.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li:

l-Artikoli 10(4) u 15(1), (2)(a) u (3) tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni, kollu kemm hu, għal settur ġeografiku partikolari, peress li din il-leġiżlazzjoni ma ssegwix b’mod koerenti u sistematiku t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika;

l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni fl-ipoteżi fejn il-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-niren” għandhom jiġu kklassifikati bħala kompiti marbuta ma’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, sakemm il-limitazzjoni territorjali prevista hija neċessarja u proporzjonata mal-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-eżerċizzju ta’ professjoni, bħal dik ta’ kennies taċ-ċmieni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kollu kemm hu, minkejja li din il-professjoni timplika t-twettiq mhux biss ta’ attivitajiet ekonomiċi privati, iżda wkoll ta’ kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien”.

 

2)

L‑Artikoli 10(4) u 15(1), (2)(a) u (3) tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni, kollu kemm hu, għal settur ġeografiku partikolari, peress li din il-leġiżlazzjoni ma ssegwix b’mod koerenti u sistematiku t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni fl-ipoteżi fejn il-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-niren” għandhom jiġu kklassifikati bħala kompiti marbuta ma’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, sakemm il-limitazzjoni territorjali prevista hija neċessarja u proporzjonata mal-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq