Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62014CJ0301
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 3 December 2015.#Pfotenhilfe-Ungarn e.V. v Ministerium für Energiewende, Landwirtschaft, Umwelt und ländliche Räume des Landes Schleswig-Holstein.#Request for a preliminary ruling from the Bundesverwaltungsgericht.#Reference for a preliminary ruling — Regulation (EC) No 1/2005 — Article 1(5) — Protection of animals during transport — Transport of stray dogs from one Member State to another by an animal protection association — Concept of ‘economic activity’ — Directive 90/425/EEC — Article 12 — Concept of ‘dealers engaging in intra-Community trade’.#Case C-301/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-3 ta’ Diċembru 2015.
Pfotenhilfe-Ungarn e.V. vs Ministerium für Energiewende, Landwirtschaft, Umwelt und ländliche Räume des Landes Schleswig-Holstein.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1/2005 – Artikolu 1(5) – Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport – Trasport ta’ klieb mingħajr sid minn Stat Membru għal ieħor li jsir minn assoċjazzjoni għal protezzjoni tal-annimali – Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ – Direttiva 90/425/KEE – Artikolu 12 – Kunċett ta’ ‘negozjant ta’ kummerċ intra-Komunitarju’.
Kawża C-301/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-3 ta’ Diċembru 2015.
Pfotenhilfe-Ungarn e.V. vs Ministerium für Energiewende, Landwirtschaft, Umwelt und ländliche Räume des Landes Schleswig-Holstein.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1/2005 – Artikolu 1(5) – Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport – Trasport ta’ klieb mingħajr sid minn Stat Membru għal ieħor li jsir minn assoċjazzjoni għal protezzjoni tal-annimali – Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ – Direttiva 90/425/KEE – Artikolu 12 – Kunċett ta’ ‘negozjant ta’ kummerċ intra-Komunitarju’.
Kawża C-301/14.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:793
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
3 ta’ Diċembru 2015 ( * )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1/2005 — Artikolu 1(5) — Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport — Trasport ta’ klieb mingħajr sid minn Stat Membru għal ieħor li jsir minn assoċjazzjoni għal protezzjoni tal-annimali — Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ — Direttiva 90/425/KEE — Artikolu 12 — Kunċett ta’ ‘negozjant ta’ kummerċ intra-Komunitarju’”
Fil-Kawża C‑301/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura
Pfotenhilfe-Ungarn e.V.
vs
Ministerium für Energiewende, Landwirtschaft, Umwelt und ländliche Räume des Landes Schleswig-Holstein,
fil-preżenza ta’:
Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal Pfotenhilfe-Ungarn e.V., minn K. Leondarakis, Rechtsanwalt, |
|
— |
għall-Ministerium für Energiewende, Landwirtschaft, Umwelt und ländliche Räume des Landes Schleswig-Holstein, minn W. Ewer, Rechtsanwalt, |
|
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Urbani Neri, avvocato dello Stato, |
|
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u H. Kranenborg, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005, L 3, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 10, p. 138), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/60/KEE, tat-30 ta’ Ġunju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 177, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/425”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Pfotenhilfe-Ungarn e.V. (iktar ’il quddiem “Pfotenhilfe-Ungarn”), assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-annimali, u l-Ministerium für Energiewende, Landwirtschaft, Umwelt und ländliche Räume des Landes Schleswig-Holstein (ministeru tat-tranżizzjoni enerġitika, tal-agrikoltura, tal-ambjent u tal-iżvilupp rurali tal-Land ta’ Schleswig Holstein, iktar ’il quddiem il-“ministeru”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jissuġġetta lil Pfotenhilfe-Ungarn għall-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ reġistrazzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-saħħa tal-annimali, wara trasport transkonfinali ta’ klieb li din l-assoċjazzjoni twettaq. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 1/2005
|
3 |
Il-premessi 2, 12 u 21 tar-Regolament Nru 1/2005 huma fformulati kif ġej:
[...]
[...]
|
|
4 |
L-Artikolu 1(1) u (5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport ta’ annimali vertebrati ħajjin li jsir ġol-Komunità, inklużi l-ispezzjonijiet speċifiċi li jsiru minn uffiċjali fuq konsenji li jidħlu jew li jħallu t-territorju doganali tal-Komunità. [...] 5. Dan ir-Regolament [ma għandux] japplika għat-trasport ta’ annimali li ma jsirx in konnessjoni ma’ attività ekonomika [...]” |
|
5 |
L-Artikolu 33 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “Id-Direttiva [91/628] [...] [għandha tiġi rrevokata b’effett] minn 5 ta’ Jannar 2007. Referenzi għad-Direttiva [revokata] għandhom ikunu kkunsidrati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.” |
Id-Direttiva 90/425
|
6 |
It-tieni sal-ħames premessi tad-Direttiva 90/425 huma fformulati kif ġej: “Billi l-ħidmiet armonjużi ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-annimali u prodotti ta’ oriġini ta’ l-annimali jimplika t-tneħħija tal-barrieri zootekniċi u veterinarji għall-iżvilupp tal-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali u l-prodotti konċernati; billi, f’dan ir-rigward, il-moviment ħieles ta’ l-annimali u l-prodotti agrikoli hu aspett fundamentali għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq u għandha tiffaċilita l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni agrikola u l-aqwa użu tal-fattturi ta’ produzzjoni; Billi, fil-qasam veterinarju, fruntieri li bħalissa huma użati għat-twettieq ta’ iċċekkjar, mmirati biex iħarsu s-saħħa pubblika u s-saħħa ta’ l-annimali; Billi l-mira aħħarija hija biex jiġi żgurat li l-ispezzjonijiet veterinarji jitwettqu fil-post tat-tluq biss, billi l-ksib ta’ dan il-għan jimplika l-armonizzazzjoni tal-ħtiġiet bażiċi li għandhom x’jaqsmu mas-salvagwardji tas-saħħa ta’ l-annimali; Billi, bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern, kemm-il darba dan il-għan jintlaħaq, enfasi għandha ssir fuq l-iċċekkjar, li għandu jsir fil-post tat-tluq u fl-organizzazzjoni ta’ dawk li ser jittieħdu fil-post tad-destinazzjoni; billi din is-soluzzjoni għandha titlob is-sospensjoni ta’ l-iċċekkjar, veterinarju fil-fruntieri interni tal-Komunità u billi, f’dan il-kuntest, hemm raġuni għaż-żamma ta’ kull ċertifikat tas-saħħ jew kull dokument ta’ identifikazzjoni, kif ipprovdut fir-regoli tal-Komunità; [...]” |
|
7 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/425 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-iċċekkjar, veterinarju li għandhom isiru fuq annimali ħajjin u prodotti li huma koperti bid-Direttivi elenkati fl-Anness A jew fuq dawk li għalihom saret referenza fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 21 u liema huma maħsuba għall-kummerċ mhumiex, aktar imħarsa, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, fil-fruntieri imma mwettqa b’mod konformi ma’ din id-Direttiva. [...] Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal spezzjonijiet veterinarji fuq movimenti ta’ l-annimali domestiċi bejn Stati Membri li jkunu akkompanjati u taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna naturali, fejn dawn il-movimenti ma jkunux is-soġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: [...]
[...]” |
|
9 |
L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li kull negozjant li huwa ingaġġat fil-kummerċ intra-Kommunitarju u/jew prodotti koperti bl-Artikolu 1:
L-imsemmi rekord għandu jkun ippreservat għal kull perjodu li għandu jkun stabbilit mill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex hi tista’ tkun preżentata lill-awtorità kompetenti fuq talba.” |
|
10 |
L-Anness A tad-Direttiva 90/425 telenka, speċifikament, id-direttivi li jipprevedu kontrolli veterinarji li għandhom isiru fuq annimali ħajjin u li għandhom isiru konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Fost it-testi ċċitati tidher id-Direttiva 91/628. |
Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003
|
11 |
Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 39, p. 75) tħassar bir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 2013, dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi (ĠU L 178, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti marbuta mat‑tilwima tal-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 998/2003 huwa applikabbli għalihom. L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-ħtiġiet tas-saħħa ta’ l-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u r-regoli li japplikaw għall-kontrolli fuq dan il-moviment.” |
|
12 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Dan ir-Regokament japplika għall-moviment bejn l-Istati Membri jew minn pajjiżi terzi ta’ annimali tal-gost elenkati fl-Anness I.” |
|
13 |
L-Artikolu 3(a) tal-istess regolament jipprovdi: “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:
[...]” |
|
14 |
Fost l-ispeċi ta’ annimali msemmija fl-Anness I tar-Regolament Nru 998/2003 jidhru, fil-Parti A, il-klieb. |
Id-dritt Ġermaniż
|
15 |
L-Artikolu 4 tal-ordinament għall-protezzjoni kontra mard tal-annimali fis-suq intern (Binnenmarkt-Tierseuchenschutzverordnung, iktar ’il quddiem l-“ordinament għall-protezzjoni kontra mard tal-annimali”), intiż sabiex jittrasponi l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 90/425, huwa redatt kif ġej: “Kull min jixtieq, bħala attività kummerċjali,
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
16 |
Pfotenhilfe-Ungarn hija assoċjazzjoni rreġistrata u rrikonoxxuta bħala karitatevoli, fis-sens tad-dritt fiskali nazzjonali, li għandha l-għan li tippromwovi l-protezzjoni tal-annimali u kif ukoll tipproteġihom attivament. Hija toffri, fost oħrajn, permezz tal-paġna tal-internet tagħha, l-allokazzjoni ta’ klieb mingħajr sid li jkunu, fil-parti l-kbira, inġabru fi ħdan assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-annimali fl-Ungerija. Meta persuna tkun tixtieq tilqa’ kelb għandha, Pfotenhilfe-Ungarn tikkonkludi magħha “kuntratt ta’ protezzjoni” li permezz tiegħu din il-persuna timpenja ruħha li tirrispetta l-benesseri tal-kelb u li tħallas somma li ġeneralment tilħaq l-ammont ta’ EUR 270. Ladarba l-kuntratti jiġu konklużi, il-klieb ikkonċernati jiġu ttrasportati għad-destinazzjoni tagħhom fil-Ġermanja minn membri ta’ Pfotenhilfe-Ungarn, fejn jingħataw lill-persuni li jkunu aċċettaw li jilqgħuhom għandhom. Madankollu, ma jsir ebda trasferiment ta’ proprjetà tal-klieb għall-benefiċċju ta’ dawn il-persuni u fil-każ ta’ ksur tal-“kuntratt ta’ protezzjoni”, Pfotenhilfe-Ungarn tista’ teżerċita dritt ta’ rtirar. B’dan il-mod, hija allokat iktar minn 2000 kelb bejn is-snin 2007 u 2012. |
|
17 |
Fid-29 ta’ Diċembru 2009, Pfotenhilfe-Ungarn ħadet ħsieb it-trasport ta’ 39 kelb mill-Ungerija għall-Ġermanja. Peress li l-istat ta’ saħħa u dak tat-tilqim ta’ wieħed mill-klieb ittrasportati ma kinux disponibbli, il-Ministeru ordna, permezz ta’ ċirkulari, lill-awtoritajiet veterinarji lokali, sabiex jagħmlu kontroll tal-annimali kollha li jagħmlu parti minn dan it-trasport. |
|
18 |
F’dan ir-rigward, il-Ministeru qies li Pfotenhilfe-Ungarn ma setgħetx tinvoka l-kundizzjonijiet ta’ saħħa applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi, previsti mir-Regolament Nru 998/2003, peress li t-trasport u l-allokazzjoni tal-annimali li hija torganizza jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni ta’ attività ekonomika. Konsegwentement, huma d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 li għandhom jiġu applikati, b’mod li Pfotenhilfe-Ungarn hija marbuta li tosserva l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ reġistrazzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-saħħa tal-annimali, u partikolarment mill-Artikolu 4 tal-ordinament għall-protezzjoni kontra mard tal-annimali. |
|
19 |
L-azzjoni ta’ Pfotenhilfe-Ungarn kontra din id-deċiżjoni tal-Ministeru ġiet miċħuda mill-Verwaltungsgericht (qorti amministrattiva). L-Oberverwaltungsgericht (qorti amministrattiva reġjonali superjuri) ċaħdet, min-naħa tagħha, l-appell ta’ Pfotenhilfe-Ungarn minn din is-sentenza. Din tal-aħħar, għalhekk, ippreżentat azzjoni ta’ “Reviżjoni” ta’ din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali). |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2005 għall-kawża adita biha hijiex eskluża, peress li fi kliem l-Artikolu 1(5) ta’ dan ir-regolament, dan ma għandux “japplika għat-trasport ta’ annimali li ma jsirx in konnessjoni ma’ attività ekonomika”. B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata li hija għandha tagħti lill-kunċett ta’ “attività ekonomika” li tidher f’din id-dispożizzjoni, u dwar ir-rilevanza tal-eżistenza ta’ profitt jew ta’ skop ta’ lukru f’dan ir-rigward, fid-dawl partikolarment tal-premessi 12 u 21 ta’ dan ir-regolament. |
|
21 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf il-kundizzjonijiet li skonthom persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala “negozjant li huwa ingaġġat fil-kummerċ intra-Kommunitarju”, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 90/425 (“Unternehmer” fil-verżjoni Ġermaniża ta’ din id-direttiva). Skont din il-qorti, ma hemmx dubju li Pfotenhilfe-Ungarn twettaq kummerċ intra-Komunitarju, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, ma huwiex żgur li din l-assoċjazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “impriża” (bil-Ġermaniż, “Unternehmen”), billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi, f’dan ir-rigward, l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika. |
|
22 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
23 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “attività ekonomika”, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1/2005 għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri attività, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar it-trasport ta’ klieb mingħajr sid, minn Stat Membru għal ieħor, li jsir minn assoċjazzjoni karitatevoli, bil-għan li dawn il-klieb jingħataw lil persuni li jkunu ntrabtu li jilqgħuhom għandhom bi ħlas, min-naħa tagħhom, ta’ somma li fil-prinċipju tkopri l-ispejjeż sostnuti għal dan l-għan minn din l-assoċjazzjoni. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1/2005 ma jispeċifikax il-portata tal-kunċett ta’ “attività ekonomika”. Issa, fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ tali kunċett fid-dritt tal-Unjoni, dan għandu jiġi interpretat fid-dawl partikolarment tal-kuntest tiegħu u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Szatmári Malom, C‑135/13, EU:C:2014:327, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest li fih dan il-kunċett jaqa’, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1/2005, dan tal-aħħar ma għandux “japplika għat-trasport ta’ annimali li ma jsirx in konnessjoni ma’ attività ekonomika”. Din id-dispożizzjoni ma tiddistingwix l-attivitajiet ekonomiċi intiżi sabiex jagħmlu qligħ finanzjarju minn dawk li ma għandhomx skop ta’ lukru. |
|
26 |
Madankollu, il-premessa 12 tar-Regolament Nru 1/2005 tipprovdi li t-trasport għal finijiet kummerċjali ma huwiex limitat għat-trasporti li jimplikaw skambju immedjat ta’ flus, ta’ oġġetti jew ta’ servizzi u li dan jinkludi partikolarment it-trasporti li jwasslu jew huma intiżi sabiex jipproduċu direttament jew indirettament profitt. Madankollu, b’mod kuntrarju għal dak li Pfotenhilfe-Ungarn issostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, minn din il-premessa ma jistax jiġi dedott li attività ekonomika teħtieġ l-eżistenza jew l-intenzjoni li jsir profitt. |
|
27 |
Fil-fatt, mill-premessa 21 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li ma huwiex eskluż li anki trasporti operati għal finijiet mhux kummerċjali jistgħu, f’xi każijiet, jitqiesu li jagħmlu parti minn attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1/2005. Kif din il-premessa tipprovdi, l-equidae rreġistrati huma fil-fatt spiss ittrasportati għal finijiet mhux kummerċjali, partikolarment sabiex jipparteċipaw fi tlielaq jew avvenimenti kulturali. Dawn it-trasporti, għalkemm ma humiex ta’ natura kummerċjali, għandhom, bħala prinċipju, jitwettqu fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. |
|
28 |
Għandu jitqies ukoll il-kuntest iktar wiesa’ li fih l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1/2005 jaqa’. |
|
29 |
Dan ir-regolament għandu l-Artikolu 37 KE (li sar l-Artikolu 43 TFUE) bħala l-bażi legali tiegħu u jaqa’ għalhekk taħt il-politika tas-suq intern. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, importazzjonijiet ta’ merkanzija jew provvisti ta’ servizzi rremunerati għandhom jitqiesu attivitajiet ekonomiċi fis-sens tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schindler, C‑275/92, EU:C:1994:119, punt 19; Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 22 u 23, kif ukoll Olympique Lyonnais,C‑325/08, EU:C:2010:143, punti 27 u 28). Il-fattur determinanti li jippermetti li attività titqies li hija ta’ natura ekonomika jinsab fil-fatt li din ma għandhiex tiġi eżerċitata mingħajr korrispettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jundt, C‑281/06, EU:C:2007:816, punt 32). |
|
30 |
Min-naħa l-oħra, sabiex attività tkun tista’ tiġi kklassifikata li hija “ekonomika”, ma huwiex meħtieġ li din tiġi eżerċitata bi skop ta’ lukru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Smits u Peerbooms, C‑157/99, EU:C:2001:404, punti 50 u 52 u Jundt, C‑281/06, EU:C:2007:816, punt 33). |
|
31 |
Minn dan jirriżulta li attività, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ trasport regolari ta’ numru sostanzjali ta’ klieb, eżerċitata minn assoċjazzjoni karitatevoli, sabiex dawn l-annimali jitwasslu għand individwi li jingħataw dawn l-annimali fuq il-bażi ta’ kuntratt li jipprevedi senjatament il-ħlas ta’ somma flus lil din l-assoċjazzjoni, issir fil-kuntest ta’ attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1/2005, anki jekk ma jsir jew ma jkun previst ebda profitt minn din l-assoċjazzjoni. |
|
32 |
Din il-konklużjoni ma hijiex kkonfutata mill-fatt li l-proprjetà sħiħa tal-klieb ma hijiex ttrasferita lill-persuni li jingħataw dawn il-klieb. Fi kwalunkwe każ, attivitajiet bħal dawk ta’ Pfotenhilfe-Ungarn jistgħu jitqiesu prestazzjoni ta’ servizzi lil dawn il-persuni u, għalhekk, “attivitajiet ekonomiċi”, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1/2005. |
|
33 |
Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1/2005, jiġifieri l-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport, li hija l-għan ewlieni ta’ dan ir-regolament, kif ukoll it-tneħħija ta’ ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-annimali ħajjin u l-operat tajjeb tal-organizzazzjonijiet tas-suq, invokati fit-tieni premessa tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 44). |
|
34 |
Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-kunċett ta’ “attività ekonomika” ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv. Il-limitazzjoni tal-portata tar-Regolament Nru 1/2005 għal attivitajiet ekonomiċi eżerċitati bi skop ta’ lukru toħloq inter alia riskju, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, li jiġi kompromess l-għan ewlieni ta’ dan ir-regolament, kif imfakkar fil-punt preċedenti tas-sentenza. |
|
35 |
Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “attività ekonomika”, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri attività bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrigwarda t-trasport ta’ klieb mingħajr sid, minn Stat Membru għal ieħor, li jsir minn assoċjazzjoni karitatevoli, bil-għan li dawn il-klieb jingħataw lil persuni li jkunu ntrabtu li jilqgħuhom għandhom bi ħlas, min-naħa tagħhom, ta’ somma li fil-prinċipju tkopri l-ispejjeż sostnuti għal dan l-għan minn din l-assoċjazzjoni. |
Fuq it-tieni domanda
|
36 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tkun taf jekk il-kunċett ta’ “negozjant li huwa ingaġġat fil-kummerċ intra-Kommunitarju”, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 90/425, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi senjatament assoċjazzjoni karitatevoli li tittrasporta klieb mingħajr sid minn Stat Membru għal ieħor, bil-għan li dawn il-klieb jingħataw lill-persuni li jkunu ntrabtu li jilqgħuhom għandhom, bi ħlas, min-naħa tagħhom, ta’ somma li fil-prinċipju tkopri l-ispejjeż sostnuti għal dan l-għan minn din l-assoċjazzjoni. |
|
37 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 90/425 tapplikax għal każ bħalma huwa dak tal-kawża prinċipali. |
|
38 |
Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva ma tapplikax għall-kontrolli veterinarji marbuta mal-movimenti bejn Stati Membri ta’ annimali domestiċi, li ma jkunux is-suġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali u li jkunu akkompanjati minn persuna fiżika li jkollha r-responsabbiltà ta’ dawn l-annimali matul il-moviment. Dawn il-movimenti huma rregolati mir-Regolament Nru 998/2003, sakemm l-annimali jakkompanjaw is-sid tagħhom jew persuna fiżika li tassumi r-responsabbiltà taghħom għan-nom tas-sid matul il-moviment tagħhom u ma jkunux intiżi li jiġu mibjugħa jew li jkunu suġġetta għal trasferiment ta’ proprjetà. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deroga prevista mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/425 tispeċifika li l-annimal domestiku għandu jkun akkompanjat minn persuna fiżika li jkollha r-responsabbiltà tiegħu matul il-moviment. It-trasport li jsir taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika ma huwiex għalhekk meqjus għall-finijiet ta’ din id-deroga. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward. |
|
40 |
Fi kwalunkwe każ, din id-deroga tikkonċerna biss il-movimenti bejn Stati Membri ta’ annimali domestiċi, li ma jkunux is-suġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali. Minkejja li assoċjazzjoni rrikonoxxuta bħala karitatevoli, bħal Pfotenhilfe-Ungarn, ma jkollhiex skop ta’ lukru jew kummerċjali, hemm xorta waħda, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha, ċertu grad ta’ xebh bejn l-attività ta’ allokazzjoni ta’ klieb lil persuni li jkunu ntrabtu li jilqgħuhom għandhom bi ħlas, min-naħa tagħhom, ta’ ċertu ammont, u l-attività ta’ bejgħ ta’ klieb minn ħanut tal-annimali. L-ewwel tip ta’ attività ma tistax, għalhekk, titqies li ma hijiex is-suġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/425. |
|
41 |
Konsegwentement, it-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/425. |
|
42 |
B’hekk, u fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk assoċjazzjoni rrikonoxxuta bħala karitatevoli, bħal Pfotenhilfe-Ungarn, tistax titqies “negozjant li huwa ingaġġat fil-kummerċ intra-Kommunitarju”, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 90/425. |
|
43 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, billi tirreferi għall-verżjoni Ġermaniża tal-kunċett ta’ “negozjant” (“Unternehmer”), tistaqsi jekk dan il-kunċett jikkoinċidix ma’ dak ta’ “impriża” (“Unternehmen”), b’mod li, skont din il-qorti, huma biss il-persuni li jeżerċitaw attività ekonomika li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “negozjanti”. |
|
44 |
Huwa veru li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 90/425 jużaw terminu li jissuġġerixxi l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, it-tfittxija ta’ skop ta’ lukru, partikolarment il-verżjoni Ġermaniża, Ingliża, Żvediża u Olandiża, li jużaw rispettivament il-kliem “Unternehmer”, “dealers”, “handlare” u “handelaars”. Madankollu, verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-direttiva, bħal, partikolarment, dik Spanjola (“agentes”), Franċiża (“opérateurs”), Taljana (“operatori”), Portugiża (“operadores”), Rumena (“operatorii”) u Daniża (“erhvervsdrivende”) jużaw terminu li l-portata tiegħu hija iktar newtrali u ġenerali. |
|
45 |
Madankollu, il-kunċett ta’ “negozjant” ma jikkostitwixxix kundizzjoni distinta, billi l-kriterju rilevanti għall-applikabbiltà tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 90/425 huwa marbut mal-attivitajiet li n-negozjant iwettaq, jiġfieri l-“kummerċ intra-Kommunitarju”. |
|
46 |
Fir-rigward ta’ dan il-kunċett tal-aħħar, mill-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 90/425 jirriżulta li dan jirrigwarda l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 28(1) TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, li tidher taħt it-Titolu II dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, l-unjoni doganali tinkludi l-kummerċ kollu tal-merkanzija. |
|
47 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “merkanzija” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tfisser il-prodotti valutabbli fi flus li jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, 7/68, EU:C:1968:51, p. 626). Din id-definizzjoni tinkludi l-annimali (ara, f’dan is-sens, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑100/08, EU:C:2009:537, punt 83). Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija għandhom japplikaw, bħala prinċipju, indipendentement minn jekk il-merkanzija taqbiżx il-fruntieri nazzjonali jew le għall-bejgħ tagħhom jew għall-bejgħ mill-ġdid tagħhom jew għal finijiet ta’ użu jew ta’ konsum personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schumacher, 215/87, EU:C:1989:111, punt 22). |
|
48 |
Konsegwentement, in-natura lukrattiva tal-attività mwettqa mill-operatur ma hijiex determinanti sabiex din tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “kummerċ intra-Kommunitarju”, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 90/425. |
|
49 |
Finalment, skont il-premessi 2 sa 4 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan, fil-kuntest tat-twettiq tas-suq intern, li tneħħi l-ostakoli għall-iżvilupp tal-kummerċ intra-Komunitarju tal-annimali billi tillimita partikolarment il-kontrolli veterinarji għall-post tat-tluq tagħhom, li jimplika armonizzazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tas-saħħa tal-annimali. |
|
50 |
Għalhekk, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 90/425, li jipprovdi li n-negozjanti kollha li jwettqu kummerċ intra-Komunitarju tal-annimali previsti minnha huma marbuta, fuq talba tal-awtorità kompetenti, li jirreġistraw minn qabel f’reġistru uffiċjali li fih huma indikati l-kunsinni, għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan l-għan. Ir-reġistru uffiċjali tan-negozjanti u r-reġistru tal-kunsinni jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti, kemm tal-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, iwettqu kontrolli veterinarji regolari u kontrolli veterinarji każwali meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva. |
|
51 |
F’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn numru sostanzjali ta’ klieb mingħajr sid, li, kif Pfotenhilfe-Ungarn u l-Kummissjoni Ewropea rrilevaw fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ikollhom ġeneralment kundizzjoni ta’ saħħa inqas tajba mill-klieb l-oħra, ikunu ġew suġġetti għal trasport fi grupp minn Stat Membru għal ieħor, l-għan, imfittex mid-Direttiva 90/425, ta’ tneħħija tal-ostakoli għall-iżvilupp tal-kummerċ intra-Komunitarju tal-annimali u ta’ armonizzazzjoni tar-regoli marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tas-saħħa tal-annimali ma jkunx jista’ jintlaħaq jekk l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva ma jiġix applikat għal tali sitwazzjoni. |
|
52 |
Konsegwentement, għat-tieni domanda li saret għandha tingħata r-risposta li l-kunċett ta’ “negozjant li huwa ingaġġat fil-kummerċ intra-Kommunitarju”, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 90/425, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi partikolarment assoċjazzjoni karitatevoli li tittrasporta klieb mingħajr sid minn Stat Membru għal ieħor, bil-għan li dawn il-klieb jingħataw lill-persuni li jkunu ntrabtu li jilqgħuhom għandhom bi ħlas, min-naħa tagħhom, ta’ somma li fil-prinċipju tkopri l-ispejjeż sostnuti għal dan l-għan minn din l-assoċjazzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
53 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( * ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.