EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0449

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2014.
CA Consumer Finance SA vs Ingrid Bakkaus et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, mressqa mit-Tribunal d’instance d’Orléans.
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Kreditu għall-konsum — Direttiva 2008/48/KE — Obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali — Obbligu li tiġi vverifikata l-affidabbiltà finanzjarja ta’ min jissellef — Oneru tal-prova — Mezzi ta’ prova”.
Kawża C‑449/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2464

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Kreditu għall-konsum — Direttiva 2008/48/KE — Obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali — Obbligu li tiġi vverifikata l-affidabbiltà finanzjarja ta’ min jissellef — Oneru tal-prova — Mezzi ta’ prova”

Fil-Kawża C‑449/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal d’instance d’Orléans (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Awwissu 2013, fil-proċedura

CA Consumer Finance SA

vs

Ingrid Bakkaus,

Charline Bonato, née Savary,

Florian Bonato,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CA Consumer Finance SA, minn B. Soltner, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Menez, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Hornung u M. Van Hoof, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66 u r-rettifiki ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, u ĠU 2011 L 234, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn CA Consumer Finance SA (iktar ’il quddiem “CA CF”) u, minn naħa, I. Bakkaus u, min-naħa l-oħra, C. Bonato, née Savary, u F. Bonato (iktar ’il quddiem, flimkien, “min jissellef”) dwar talbiet ta’ ħlas ta’ somom li għadhom dovuti fuq self personali li din il-kumpannija kienet tat lil min jissellef u li minħabba fihom dawn tal-aħħar jinsabu f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħlas.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 7, 9, 19, 24 u 26 sa 28 tad-Direttiva 2008/48 huma fformulati kif ġej:

“(7)

Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. […]

[...]

(9)

Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, tali restrizzjoni għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali. [...]

[...]

(19)

Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, huma għandhom jirċievu informazzjoni adegwata, li l-konsumatur jista’ jieħu miegħu biex jikkunsidraha, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, dwar il-kondizzjonijiet u l-ispiża tal-kreditu u l-obbligi tagħhom. Biex ikunu żgurati trasparenza u komparabbiltà ta’ offerti bl-aktar mod sħiħ possibbli, tali informazzjoni għandha, b’mod partikolari, tinkludi r-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena applikabbli għall-kreditu, u maħduma madwar il-Komunità kollha bl-istess mod. [...]

[...]

(24)

Il-konsumatur jeħtieġ li jiġi infurmat b’mod komprensiv qabel jikkonkludi l-ftehim ta’ kreditu irrispettivament minn jekk intermedjarju ta’ kreditu jkunx involut jew le fil-kummerċjalizzazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, b’mod ġenerali, il-ħtiġiet ta’ informazzjoni prekuntrattwali għandhom japplikaw ukoll għal intermedjarji ta’ kreditu. [...]

[...]

(26)

[...] Fis-suq ta’ kreditu li qed jikber huwa, b’mod partikolari, importanti li l-kredituri jiddeżistu milli a jimpenjaw ruħhom f’self irresponsabbli jew jagħtu kreditu qabel ma jivvalutaw l-affidabbilità finanzjarja, u l-Istati Membri għandhom jwettqu s-superviżjoni meħtieġa biex tiġi evitata tali mġieba u għandhom jiddeterminaw il-mezzi meħtieġa biex jissanzjonaw lil kredituri fil-każ fejn dan jiġri. [...] [I]l-kredituri għandhom iġorru ir-responsabbiltà li jivverifikaw individwalment is-solvibbiltà tal-konsumatur. Għal dan il-għan huma għandhom ikunu permessi li jużaw informazzjoni provduta mill-konsumatur mhux biss matul it-tħejjija tal-ftehim ta’ kreditu konċernat, iżda anki matul relazzjoni kummerċjali li tkun ilha teżisti. L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu wkoll struzzjonijiet u linji gwida adatti lill-kredituri. Il-konsumaturi għandhom jaġixxu wkoll bi prudenza u jirrispettaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom.

(27)

Minkejja l-informazzjoni prekuntrattwali li trid tiġi pprovduta, il-konsumatur jista’ jibqa’ jeħtieġ għajnuna addizzjonali biex jiddeċiedi liema ftehim ta’ kreditu, mill-firxa ta’ prodotti proposti, hu l-iktar adattat għall-ħtiġijiet u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kredituri jipprovdu tali assistenza rigward il-prodotti ta’ kreditu li huma joffru lill-konsumatur. Fejn hu xieraq, l-informazzjoni prekuntrattwali rilevanti, kif ukoll il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti, għandhom jiġu spjegati lill-konsumatur b’mod personalizzat sabiex il-konsumatur jista’ jifhem l-effetti li dawn jistgħu jkollhom fuq is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu. Fejn applikabbli, dan id-dover li tingħata assistenza lill-konsumatur għandu japplika wkoll għal intermedjarji ta’ kreditu. L-Istati Membri għan[d]hom ikunu jistgħu jiddeterminaw meta u sa fejn tali spjegazzjoni għandha tingħata lill-konsumatur b’kont meħud taċ-ċirkostanzi partikolari li fihom huwa offrut il-kreditu, il-ħtieġa ta’ assistenza lill-konsumatur u n-natura tal-prodotti ta’ kreditu individwali.

(28)

Sabiex jivvaluta l-istatus ta’ kreditu ta’ konsumatur, il-kreditur għandu wkoll jikkonsulta databases rilevanti; iċ-ċirkostanzi legali u attwali jistgħu jirrikjedu li tali konsultazzjonijiet ivarjaw fil-profondità. [...]”

4

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprovdi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1) u fil-paragrafu (6) tiegħu:

“1.   Fi żmien debitu qabel ma l-konsumatur ikun marbut minn kwalunkwe ftehim jew offerta ta’ kreditu, il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom, abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ kreditu offruti mill-kreditur u, jekk applikabbli, il-preferenzi espressi u l-informazzjoni fornuta mill-konsumatur, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa biex iqabbel offerti differenti sabiex jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludix ftehim ta’ kreditu. Tali informazzjoni, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, għandha tiġi provduta permezz tal-formola ta’ “Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur” pprovduta fl-Anness II. Il-kreditur għandu jiġi meqjus li ssodisfa ir-rekwiżiti dwar l-informazzjoni f’dan il-paragrafu u fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2002/65/KE jekk forna l-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur.

[...]

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri u, fejn applikabbli, l-intermedjarji ta’ kreditu, jipprovdu spjegazzjonijiet adegwati lill-konsumatur, sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jivvaluta jekk il-ftehim ta’ kreditu propost hux adattat għall-ħtiġijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, fejn ikun il-każ billi tiġi spjegata lilu l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tiġi provduta skond il-paragrafu 1, il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti u l-effetti speċifiċi li dawn jista’ jkollhom fuq il-konsumatur, inklużi l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-konsumatur. L-Istati Membri jistgħu jadattaw il-mod li bih u sa fejn trid tingħata tali assistenza, kif ukoll minn għandu jipprovdi tali assistenza, għaċ-cirkostanzi partikolari tas-sitwazzjoni li fiha jiġi offrut il-ftehim ta’ kreditu, il-persuna li lilha qed jiġi offrut u t-tip ta’ kreditu offrut.”

5

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligu li tiġi vvalutata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, fejn ikun il-każ miksuba mill-konsumatur u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti. L-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni fil-preżent diġà tirrikjedi li l-kredituri jivvalutaw l-affidabilità finanzjarja tal-konsumaturi fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti jistgħu jżommu dan ir-rekwiżit.”

6

L-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrespondi għal din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħtux lok għal evitar li jirriżulta mill-mod li bih jiġu fformulati ftehim, b’mod partikolari billi jiġu integrati ġbid ta’ kreditu jew ftehim ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ftehim ta’ kreditu li n-natura u l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħha.”

Id-dritt Franċiż

7

Il-Liġi Nru 2010-737, tal-1 ta’ Lulju 2010, dwar riforma fil-kreditu għall-konsum (JORF tat-2 ta’ Lulju 2010, p. 12001), u li hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48 fid-dritt intern Franċiż, ġiet integrata fil-Kodiċi tal-Konsum, fl-Artikoli L. 311-1 et seq.

8

L-Artikolu L. 311-6 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“I.

Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ kreditu, min isellef jew l-intermedjarju tal-kreditu għandu jagħti lil min jissellef, bil-miktub jew permezz ta’ mezz durabbli, l-informazzjoni meħtieġa għall-paragun tal-offerti differenti u li tippermetti li min jissellef, wara li jitqiesu x-xewqat tiegħu, jifhem b’mod ċar il-portata tal-impenn tiegħu.

[...]

II.

Meta l-konsumatur jitlob il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu fil-post tal-bejgħ, min isellef għandu jara li l-iskeda ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu I tingħatalu fil-post tal-bejgħ.”

9

L-Artikolu L. 311-8 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Min isellef jew l-intermedjarju tal-kreditu għandu jipprovdi lil min jissellef spjegazzjonijiet li jippermettulu jiddetermina jekk il-kuntratt ta’ kreditu propost huwiex adattat għall-bżonnijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, partikolarment mill-informazzjoni li jkun hemm fl-iskeda msemmija fl-Artikolu L. 311-6. Huwa għandu jiġbed l-attenzjoni ta’ min jissellef dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-kreditu jew tal-krediti proposti u fuq il-konsegwenzi li dawn il-krediti jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, inkluż jekk ikun hemm inadempjenza fil-ħlas. Din l-informazzjoni għandha tingħata, jekk ikun il-każ, fuq il-bażi tal-preferenzi li jesprimi min jissellef.

[...]”

10

L-Artikolu L. 311-9 tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ kreditu, min isellef għandu jivverifika l-affidabbiltà finanzjarja ta’ min jissellef minn informazzjoni suffiċjenti, inkluża informazzjoni pprovduta minn dan tal-aħħar fuq talba ta’ min isellef. Min isellef għandu jikkonsulta l-iskeda prevista fl-Artikolu L. 333‑4, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fid-digriet imsemmija fl-Artikolu L. 333‑5.”

11

It-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu L. 311-48 tal-Kodiċi tal-Konsum jipprovdu:

“Meta min isellef ma jkunx osserva l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli L. 311-8 u L. 311-9, huwa jitlef id-dritt għall-interessi, kollha kemm huma jew fl-ammont li l-qorti tistabbilixxi [...]

Min jissellef huwa obbligat biss għar-rimbors tal-kapital skont l-iskeda prevista, kif ukoll, jekk ikun l-każ, li jħallas l-interessi li min isellef ma jkunx iddekada minnhom. Is-somom irċevuti bħala interessi, li jipproduċi interessi bir-rata tal-interessi legali mill-jum tal-ħlas tagħhom, għandhom jitħallsu lura minn min isellef jew jiġu mpaċċija mal-kapital li jibqa’ dovut.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fil-5 ta’ Mejju 2011, il-konjuġi Bonato kkonkludew ma’ CA CF, permezz ta’ negozjant, kuntratt li jirrigwarda self personali marbut max-xiri ta’ vettura bil-mutur li jammonta għal EUR 20 900, miżjud b’rata tas-self fis-sena fissa ta’ 6.40 % u b’rata ta’ imposta perċentwali fis-sena ta’ 7.685 %.

13

Fil-15 ta’ Lulju 2011, I. Bakkaus ikkonkludiet ma’ CA CF kuntratt li jirrigwarda self personali li jammonta għal EUR 20 000, miżjud b’rata tas-self fis-sena fissa ta’ 7.674 % u b’rata ta’ imposta perċentwali fis-sena ta’ 7.950 %.

14

Peress li r-rimbors ta’ dan is-self waqaf, CA CF ressqet lil min jissellef quddiem it-tribunal d’instance d’Orléans sabiex dawn tal-aħħar jiġu kkundannati għall-ħlas tal-bqija tal-imsemmi self miżjud bl-interessi.

15

Il-qorti tar-rinviju ssollevat ex officio l-motiv ibbażat fuq il-possibbiltà tad-dekadenza tad-dritt għall-interessi, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 311‑48 tal-Kodiċi tal-Konsum, peress li CA CF matul il-proċeduri ma pproduċietx l-iskeda ta’ informazzjoni prekuntrattwali li kellha tingħata lil min jissellef u lanqas ma pproduċiet xi dokument ieħor li jsostni l-fatt li kienet wettqet id-dmir tagħha li tipprovdi informazzjoni lil dawn tal-aħħar u li tivverifika l-affidabbiltà finanzjarja tagħhom.

16

Il-qorti tar-rinviju tinnota li d-Direttiva 2008/48 u l-Liġi Nru 2010‑737, intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt Franċiż, jobbligaw lil min isellef jinforma u jispjega lil min jissellef sabiex dan ikun jista’ jagħmel għażla informata dwar l-impenn li jissottoskrivi kreditu. Madankollu, l-ebda dispożizzjoni fl-imsemmija direttiva jew f’din il-liġi ma tistabbilixxi regoli dwar l-oneru u l-modalitajiet tal-prova tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ min isellef.

17

Għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ min isellef li jagħti lill-konsumaturi skeda ta’ “Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur”, il-qorti tar-rinviju tesponi li, fil-każ ineżami, tali skeda ma ġietx prodotta minn CA CF. Barra minn hekk din il-kumpannija lanqas ma pproduċiet dokumenti dwar id-dmir ta’ spjegazzjoni tagħha u ma tat l-ebda spjegazzjoni għal din l-assenza ta’ ġustifikazzjoni. Madankollu dik il-qorti tinnota li klawżola standardizzata tidher fil-kuntratt iffirmat minn I. Bakkaus, li hija fformulata kif ġej: “Jien Bakkaus Ingrid nirrikonoxxi li rċevejt u għandi konoxxenza tal-iskeda ta’ informazzjoni standard Ewropea”. L-imsemmija qorti tqis li tali klawżola tista’ toħloq diffikultajiet li kieku jkollha l-effett li taqleb, għad-detriment tal-konsumatur, l-oneru tal-prova. L-istess qorti tqis li b’dan il-mod din it-tip ta’ klawżola tista’ tagħmel diffiċli, jekk mhux impossibbli, l-eżerċizzju, mill-konsumatur, tad-dritt li jikkontesta l-eżekuzzjoni sħiħa tal-obbligi ta’ min isellef.

18

Fir-rigward tal-verifika tal-affidabbiltà finanzjarja ta’ min jissellef, il-qorti tar-rinviju tinnota li, għalkemm, fil-kawża li tirrigwarda I. Bakkaus, CA CF ipproduċiet fajl tad-dħul u tal-ispejjeż iffirmat minnha u akkumpanjat minn dokumenti ta’ sostenn li kienu ġew mogħtija lilha mill-persuna kkonċernata, ma jidhirx li dan huwa l-każ fil-kawża li tirrigwarda l-konjuġi Bonato.

19

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal d’instance d’Orléans iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-Direttiva [2008/48] għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa min isellef li għandu jipproduċi l-prova tal-eżekuzzjoni korretta u sħiħa tal-eżekuzzjoni tal-obbligi li jkun ġie inkarigat minnhom matul il-formazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ ftehim ta’ kreditu, li jirriżulta mid-dritt nazzjonali li jittrasponi [l-imsemmija] d-direttiva?

2)

Id-Direttiva [2008/48] tipprekludi li l-prova tal-eżekuzzjoni korretta u sħiħa tal-obbligi imposti fuq min isellef tista’ tiġi prodotta esklużivament permezz ta’ klawżola standard li tinsab fil-ftehim ta’ kreditu, li biha jkun hemm rikonoxximent mill-konsumatur tal-eżekuzzjoni tal-obbligi, li ma humiex ikkorroborati mid-dokumenti maħruġa minn min isellef u mogħtija lil min jissellef?

3)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva [2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-verifika tas-solvibbiltà [evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja] tal-konsumatur li għandha ssir biss abbażi tal-informazzjoni ddikjarata mill-konsumatur, mingħajr ma jsir stħarriġ effettiv ta’ din l-informazzjoni permezz ta’ fatti oħra?

4)

L-Artikolu 5(6), tad-Direttiva [2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li min isellef ma setax ta spjegazzjonijiet xierqa lill-konsumatur jekk ma jkunx ivverifika s-sitwazzjoni finanzjarja u l-bżonnijiet tiegħu minn qabel?

L-Artikolu 5(6), tad-Direttiva [2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-ispjegazzjonijiet xierqa pprovduti lill-konsumatur jirriżultaw biss minn informazzjoni kuntrattwali msemmija fil-ftehim ta’ kreditu, mingħajr ma jiġi redatt dokument speċifiku?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

20

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fl-ewwel lok, id-Direttiva 2008/48 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li huwa min isellef li għandu jipproduċi l-prova tal-eżekuzzjoni korretta u sħiħa tal-obbligi prekuntrattwali preskritti fl-Artikoli 5 u 8 ta’ din id-direttiva u li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali li jittrasponi lil din tal-aħħar u, fit-tieni lok, jekk l-inklużjoni, fil-kuntratt ta’ kreditu, ta’ klawżola standard, li biha jkun hemm rikonoxximent mill-konsumatur tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ min isellef, li ma humiex ikkorroborati mid-dokumenti maħruġa minn min isellef u mogħtija lil min jissellef, tistax tkun biżżejjed bħala prova tal-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi prekuntrattwali ta’ informazzjoni imposti fuq min isellef.

21

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligi prekuntrattwali msemmija f’dawn id-domandi jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan imfittex mid-Direttiva 2008/48, li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 7 u 9 tagħha, fil-ħolqien, fil-qasam ta’ kreditu lill-konsumaturi, ta’ armonizzazzjoni sħiħa u obbligatorja f’numru ta’ oqsma ċentrali, li huwa meqjus bħala neċessarju sabiex jiżgura li l-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea jgawdi minn livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb (ara s-sentenza LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 42).

22

Madankollu, għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-oneru tal-prova tal-osservanza, minn min isellef, tal-obbligi tiegħu li jipprovdi informazzjoni adegwata lill-konsumatur u li jivverifika l-affidabbiltà finanzjarja ta’ dan tal-aħħar, previsti fl-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 2004/48, u, fit-tieni lok, il-modalitajiet ta’ prova tal-osservanza ta’ dawn l-obbligi, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni f’dan ir-rigward.

23

Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat, il-modalitajiet proċedurali intiżi li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

25

Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li kull sitwazzjoni fejn tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u tad-dettalji tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali (sentenza Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fil-każ ineżami, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, peress li dan huwa esklużivament il-kompitu tal-qorti tar-rinviju.

27

Madankollu għandu jiġi speċifikat li l-osservanza ta’ dan l-aħħar prinċipju jkun kompromess li kieku l-oneru tal-prova tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi preskritti fl-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 2008/48 jaqa’ fuq il-konsumatur. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma għandux il-mezzi sabiex jipproduċi l-prova li min isellef, minn naħa, ma kienx tah l-informazzjoni preskritta fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, ma kienx evalwa l-affidabbiltà finanzjarja tiegħu.

28

Min-naħa l-oħra, l-effettività tal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2008/48 hija żgurata permezz ta’ regola nazzjonali li tgħid li min isellef huwa, bħala prinċipju, obbligat li jiġġustifika quddiem il-qorti l-eżekuzzjoni tajba ta’ dawn l-obbligi prekuntrattwali. Tali regola hija intiża li tiggarantixxi, kif ġie mfakkar fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, il-protezzjoni tal-konsumatur, mingħajr ma tippreġudika b’mod eċċessiv id-dritt ta’ min isellef għal smigħ xieraq. Fil-fatt, kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, min isellef b’diliġenża għandu jkun jaf dwar in-neċessità li jinġabru u jinżammu l-provi tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ spjegazzjoni li huwa għandu.

29

Għal dawk li jirrigwarda l-klawżola standard li tidher fil-kuntratt ta’ kreditu konkluż minn I. Bakkaus, tali klawżola ma tippreġudikax l-effettività tad-drittijiet rikonoxxuti mid-Direttiva 2008/48 jekk, skont id-dritt nazzjonali, din il-klawżola timplika biss li min jissellef jiddikjara li rċieva l-iskeda ta’ informazzjoni standard Ewropea.

30

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li tali klawżola ma tistax tħalli li min isellef jevita l-obbligi tiegħu. Għalhekk, il-klawżola standard inkwistjoni tikkostitwixxi indizju li għandu jiġi kkorraborat minn min isellef permezz ta’ prova jew diversi provi rilevanti. Barra minn hekk, il-konsumatur għandu dejjem ikollu l-possibbiltà li jsostni li huwa ma rċeviex din l-iskeda jew li din ma kinitx tippermetti li min isellef jissodisfa l-obbligi tiegħu ta’ informazzjoni prekuntrattwali.

31

Jekk, min-naħa l-oħra, tali klawżola standard tammonta, skont id-dritt nazzjonali, għar-rikonoxximent mill-konsumatur tal-eżekuzzjoni sħiħa u korretta tal-obbligi prekuntrattwali ta’ min isellef, hija twassal, konsegwentement, għal qlib tal-oneru tal-prova tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija obbligi b’tali mod li tippreġudika l-effettività tad-drittijiet irrikonoxxuti mid-Direttiva 2008/48. Għalhekk, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-valur probatorju ta’ din il-klawżola standard jippreġudikax il-possibbiltà, kemm għall-konsumatur kif ukoll għall-qorti, li tiġi kkontestata l-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ evalwazzjoni prekuntrattwali ta’ min isellef.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

minn naħa, dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li l-oneru tal-prova għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi preskritti fl-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 2008/48 huwa tal-konsumatur; u

min-naħa l-oħra, dawn jipprekludu li, minħabba fi klawżola standard, il-qorti għandha tqis li l-konsumatur irrikonoxxa l-eżekuzzjoni sħiħa u korretta tal-obbligi prekuntrattwali ta’ min isellef, peress li din il-klawżola b’dan il-mod twassal għal qlib tal-oneru tal-prova tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija obbligi b’tali mod li tippreġudika l-effettività tad-drittijiet rikonoxxuti mid-Direttiva 2008/48.

Fuq it-tielet domanda

33

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur issir biss abbażi tal-informazzjoni ddikjarata mill-konsumatur, mingħajr ma jsir stħarriġ effettiv ta’ din l-informazzjoni permezz ta’ elementi oħra.

34

Mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur huwa obbligat jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, ipprovduta, jekk ikun il-każ, minn dan tal-aħħar u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti.

35

F’dan ir-rigward, il-premessa 26 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi li l-persuni li jsellfu għandhom iġorru r-responsabbiltà li jivverifikaw individwalment l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur u għandhom ikunu permessi li jużaw informazzjoni provduta mill-konsumatur mhux biss matul it-tħejjija tal-kuntratt ta’ kreditu kkonċernat, iżda anki matul relazzjoni kummerċjali li tkun ilha teżisti. B’dan il-mod, dan l-obbligu huwa intiż li jirresponsabbilizza lil min isellef u jevita l-għoti ta’ self lil konsumaturi li ma humiex finanzjarjament affidabbli.

36

Id-Direttiva 2008/48 ma telenkax b’mod eżawrijenti l-informazzjoni li permezz tagħha l-persuna li ssellef għandha tevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur u lanqas ma tippreċiża jekk din l-informazzjoni għandhiex tiġi vverifikata u b’liema mod għandha tiġi vverifikata. Għal kuntrarju, il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 26 tagħha, tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lil min isellef sabiex jistabbilixxi jekk l-informazzjoni li għandu hijiex suffiċjenti jew le biex jiċċertifika l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur u jekk għandux jivverifika din l-affidabbiltà permezz ta’ elementi oħra.

37

Minn dan isegwi li min isellef għandu, fl-ewwel lok, f’kull każ u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu, jevlawa jekk l-imsemmija informazzjoni hijiex adegwata u hijiex suffiċjenti sabiex issir l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, in-natura suffiċjenti tal-imsemmija informazzjoni tista’ tvarja skont iċ-ċirkustanzi li fihom isseħħ il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, skont is-sitwazzjoni personali tal-konsumatur jew l-ammont imsemmi f’dan il-kuntratt. Din l-evalwazzjoni tista’ sseħħ permezz ta’ dokumenti ta’ sostenn dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur, iżda ma jistax jiġi eskluż li min isellef jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-għarfien minn qabel li huwa jista’ jkollu tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kandidat għas-self. Madankollu, sempliċi dikjarazzjonijiet mhux sostnuti tal-konsumatur ma jistgħux, fihom infushom, jiġu kklassifikati bħala suffiċjenti jekk ma humiex akkumpanjati minn dokumenti ta’ sostenn.

38

Fit-tieni lok, u mingħajr preġudizzju għat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, li tgħid li l-Istati Membri jistgħu jżommu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, l-obbligu, li min isellef, jikkonsulta database, id-Direttiva 2008/48 ma torbotx lil min isellef li jivverifika sistematikament kemm hija sinċiera l-informazzjoni pprovduta mill-konsumatur. Abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ ineżami, min isellef jista’ jkun jew sodisfatt bl-informazzjoni pprovduta lilu mill-konsumatur, jew inkella jqis li huwa neċessarju li jikseb il-konferma ta’ din l-informazzjoni.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, ma jipprekludix li l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur issir biss abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn dan tal-aħħar, sakemm din l-informazzjoni tkun suffiċjenti u sakemm sempliċi dikjarazzjonijiet tiegħu jkunu akkumpanjati minn dokumenti ta’ sostenn u, min-naħa l-oħra, li ma jorbotx lil min isellef li jivverifika sistematikament l-informazzjoni pprovduta mill-konsumatur.

Fuq ir-raba’ domanda

40

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li tinkludi żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li min isellef ma jistax jitqies li ta spjegazzjonijiet xierqa lill-konsumatur jekk ma jkunx ivverifika s-sitwazzjoni finanzjarja u l-bżonnijiet tiegħu minn qabel. Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-ispjegazzjonijiet xierqa pprovduti lill-konsumatur jirriżultaw biss minn informazzjoni kuntrattwali msemmija fil-kuntratt ta’ kreditu, mingħajr ma jiġi redatt dokument speċifiku.

41

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ din id-domanda, mill-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 u mill-premessa 27 tagħha jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ informazzjoni prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, il-konsumatur jista’, qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ kreditu, ikollu bżonn għajnuna addizzjonali sabiex jistabbilixxi liema huwa l-kuntratt ta’ kreditu li huwa l-iktar adattat għall-ħtiġijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Min isellef għalhekk għandu jipprovdi lill-konsumatur spjegazzjonijiet xierqa u ppersonalizzati, li permezz tagħhom dan tal-aħħar ikun jista’ jistabbilixxi jekk il-kuntratt ta’ kreditu propost huwiex adattat għall-ħtiġijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, fil-każ ineżami billi jingħatawlu spjegazzjonijiet dwar l-informazzjoni prekuntrattwali, il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti u l-effetti speċifiċi li dawn jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni tiegħu, inklużi l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-konsumatur.

42

Għalhekk, dan l-obbligu li jingħataw spjegazzjonijiet xierqa huwa intiż li jippermetti li l-konsumatur jidħol b’konsapevolezza sħiħa għal xi tip ta’ kuntratt ta’ self.

43

Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie nnotat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li tiġi evalwata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, huwa intiż li jirresponsabbilizza lil min isellef u li jevita l-għoti ta’ self lil konsumaturi li ma humiex finanzjarjament affidabbli.

44

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva kif ukoll l-Artikolu 8 tagħha huma intiżi li jipproteġu u jiżguraw lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom.

45

Filwaqt li dawn iż-żewġ obbligi huma ta’ natura prekuntrattwali, peress li dawn japplikaw għall-fażi ta’ qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, la mill-formulazzjoni u lanqas mill-għanijiet tal-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 2008/48 ma jirriżulta li l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja u tal-bżonnijiet tal-konsumatur għandha sseħħ qabel ma jiġu pprovduti l-ispjegazzjonijiet xierqa. Bħala prinċipju, ma teżistix rabta bejn iż-żewġ obbligi li jirriżultaw minn dawn l-artikoli tal-imsemmija direttiva. Min isellef jinsab f’pożizzjoni li jagħti lill-konsumatur spjegazzjonijiet, ibbażati biss fuq l-elementi li dan tal-aħħar jagħtih, sabiex il-konsumatur jistabbilixxi liema tip ta’ kuntratt ta’ self huwa adattat għalih, mingħajr ma jkun obbligat jevalwa, minn qabel, l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur. Madankollu, min isellef għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, sa fejn din l-evalwazzjoni jkollha bżonn ta’ adattament tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti.

46

Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tar-raba’ domanda, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li l-obbligi dwar l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva huma ta’ natura prekuntrattwali. Konsegwentement, dawn ma jistgħux jiġu ssodisfatti fl-istadju tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, iżda jridu jkunu ssodisfatti fil-ħin, permezz tal-komunikazzjoni lill-konsumatur, qabel il-firma ta’ dan il-kuntratt, tal-ispjegazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(6) tal-imsemmija direttiva.

47

Fir-rigward tal-modalitajiet tat-twettiq tal-obbligu ta’ spjegazzjonijiet li min isellef għandu, l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48, għal kuntrarju tal-Artikolu 5(1), ma jeżiġi l-ebda formaliżmu partikolari fl-għoti tal-ispjegazzjonijiet xierqa msemmija fih li għandhom jingħataw lil min jissellef. Għalhekk la mill-formulazzjoni ta’ dan il-paragrafu 6 u lanqas mill-għan imfittex minn dan tal-aħħar ma jirriżulta li dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom jiġu pprovduti f’dokument speċifiku u ma huwiex eskluż li tali spjegazzjonijiet jistgħu jingħataw oralment minn min isellef lill-konsumatur, waqt laqgħa ma’ dan tal-aħħar.

48

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) ta’ din id-direttiva, jispeċifikaw l-obbligu li min isellef għandu li jagħti spjegazzjonijiet xierqa. Il-kwistjoni dwar taħt liema forma għandhom jiġu pprovduti dawn tal-aħħar lill-konsumatur taqa’, konsegwentement, taħt id-dritt nazzjonali.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għalkemm ma jipprekludix lil min isellef milli jipprovdi spjegazzjonijiet xierqa lill-konsumatur qabel ma jevalwa s-sitwazzjoni finanzjarja u l-bżonnijiet ta’ dan tal-aħħar, jista’ jkun li l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur tkun teħtieġ adattament tal-ispjegazzjonijiet xierqa pprovduti, spjegazzjonijiet li għandhom jiġu kkomunikati lill-konsumatur fil-ħin, minn qabel il-firma tal-kuntratt ta’ kreditu, mingħajr madankollu ma jiġi redatt dokument speċifiku.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

minn naħa, dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li l-oneru tal-prova għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi preskritti fl-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 2008/48 huwa tal-konsumatur; u

min-naħa l-oħra, dawn jipprekludu li, minħabba fi klawżola standard, il-qorti għandha tqis li l-konsumatur irrikonoxxa l-eżekuzzjoni sħiħa u korretta tal-obbligi prekuntrattwali ta’ min isellef, peress li din il-klawżola b’dan il-mod twassal għal qlib tal-oneru tal-prova tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija obbligi b’tali mod li tippreġudika l-effettività tad-drittijiet rikonoxxuti mid-Direttiva 2008/48.

 

2)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, ma jipprekludix li l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur issir biss abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn dan tal-aħħar, sakemm din l-informazzjoni tkun suffiċjenti u sakemm sempliċi dikjarazzjonijiet tiegħu jkunu akkumpanjati minn dokumenti ta’ sostenn u, min-naħa l-oħra, min-naħa l-oħra, li ma jorbotx lil min isellef li jivverifika sistematikament l-informazzjoni pprovduta mill-konsumatur.

 

3)

L-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk ma jipprekludix lil min isellef milli jipprovdi spjegazzjonijiet xierqa lill-konsumatur qabel ma jevalwa s-sitwazzjoni finanzjarja u l-bżonnijiet ta’ dan tal-aħħar, jista’ jkun li l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur tkun teħtieġ adattament tal-ispjegazzjonijiet xierqa pprovduti, liema spjegazzjonijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-konsumatur fil-ħin, minn qabel il-firma tal-kuntratt ta’ kreditu, mingħajr madankollu ma jiġi redatt dokument speċifiku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq