Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0441

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Settembru 2014.
    Almer Beheer BV u Daedalus Holding BV vs Van den Dungen Vastgoed BV u Oosterhout II BVBA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Direttiva 2003/71/KE – Artikolu 3(1) – Obbligu li jiġi ppubblikat prospett meta jiġu offruti titoli għall-bejgħ lill-pubbliku – Bejgħ sfurzat ta’ titoli.
    Kawża C‑441/12.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2226

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    17 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Dritt tal-kumpanniji — Direttiva 2003/71/KE — Artikolu 3(1) — Obbligu li jiġi ppubblikat prospett meta jiġu offruti titoli għall-bejgħ lill-pubbliku — Bejgħ sfurzat ta’ titoli”

    Fil-Kawża C‑441/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

    Almer Beheer BV,

    Daedalus Holding BV

    vs

    Van den Dungen Vastgoed BV,

    Oosterhout II BVBA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Settembru 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree u C. Wissels, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller kif ukoll minn J. Kemper, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u D. Tavares kif ukoll minn A. Cunha, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis u R. Vasileva, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(2)(h), u 3(1) tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 356), kif emendata permezz tad-Direttiva 2008/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2008 (ĠU L 76, p. 37, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva dwar il-Prospett”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Almer Beheer BV u Daedalus Holding BV (iktar ’il quddiem, “Almer Beheer et”) u, min-naħa l-oħra, Van den Dungen Vastgoed BV u Oosterhout II BVBA (iktar ’il quddiem, “Van den Dungen et”) rigward it-talba ta’ Almer Beheer et intiża sabiex il-bejgħ sfurzat tat-titoli li huma proprjetarji tagħhom jiġi suġġett għall-obbligu tal-pubblikazzjoni ta’ prospett.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 10, 18 u 19 tad-Direttiva dwar il-Prospett huma redatti kif ġej:

    “(10)

    Il-mira ta’ din id-Direttiva u tal-miżuri tagħha ta’ implimentazzjoni huma li jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-investitur u l-effikaċja tas-suq, skond l-istandards regolatorji għolja adottati fil-fora internazzjonali rilevanti

    [...]

    (18)

    Il-provvediment ta’ tagħrif sħiħ li jirrigwarda t-titoli u lil dawk li joħorġu dawn it-titoli jippromwovi, flimkien mar-regoli dwar il-kondotta tan-negozju, il-protezzjoni ta’ l-investituri. Barra minn hekk, dan it-tagħrif jipprovdi mezz effettiv sabiex tiżdied il-fiduċja fit-titoli u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament u l-iżvilupp xierqa tas-swieq tat-titoli. Il-manjiera approprjata għalbiex dan it-tagħrif jintgħamel disponibbli hija li jiġi ppubblikat prospett.

    (19)

    L-investiment fit-titoli, bħal kull għamla oħra ta’ investiment, jinvolvi riskju. Is-salvagwardji għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-investituri attwali u potenzjali huma meħtieġa fl-Istati Membri kollha sabiex jgħinuhom jagħmlu stima infurmata ta’ dawn ir-riskji u b’hekk jagħmlu deċiżjonijiet dwar l-investiment fil-għarfien fis-sħiħ tal-fatti.”

    4

    L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jarmonizza l-ħtiġiet għat-tfassil, l-approvazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prospetti li jridu jiġu ppubblikati meta jiġu offruti t-titoli lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jkun jinsab jew jopera ġewwa Stat Membru.

    2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

    [...]

    h)

    it-titoli inklużi f’offerta meta l-ammont totali ta’ l-offerta jkun inqas min EUR 2 500 000, liema limitu għandhu jiġi kkalkolat fuq perjodu taż-żmien ta’ 12-il xahar;

    [...]”

    5

    L-Artikolu 2(1)(d) tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    [...]

    d)

    ‘offerta tat-titoli lill-pubbliku’ tfisser komunikazzjoni lil persuni f’kull għamla u b’kull mezz, li tippreżenta tagħrif biżżejjed dwar it-termini ta’ l-offerta u dwar it-titoli li jkunu sejrin jiġu offerti, hekk li jgħinu lill-investitur li jiddeċiedi dwar dawn it-titoli li jixtrihom jew jissottoskrivihom [...];

    [...]”

    6

    L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri ma għandhom jippermettu li ssir ebda offerta ta’ titoli lill-pubbliku fit-territorju tagħhom mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett.”

    7

    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar il-Prospett jipprevedi:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(2), il-prospett għandu jkun fih it-tagħrif kollu li, skond in-natura partikolari ta’ min joħroġ it-titoli u tat-titoli offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, huwa meħtieġ sabiex jgħin lill-investituri jagħmlu stima infurmata ta’ l-attivi u l-liabbiltajiet, il-posizzjoni finanzjarja, il-qligħ u t-telf, u l-prospetti ta’ min jiħroġ it-titoli u ta’ kull garanti, u tad-drittijiet annessi ma’ dawn it-titoli. Dan it-tagħrif għandu jiġi ppreżentat f’għamla li tkun tista tiġi analizzata u tinftiehem bla xkiel.”

    8

    Skont l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva:

    “L-ebda prospett ma għandu jiġi ppubblikat sakemm ikun ġie approvat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-post.”

    9

    Id-Direttiva dwar il-Prospett ġiet emendata permezz tad-Direttiva 2010/73/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 327, p. 1), li daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2010. Fid-dawl tad-data tal-fatti relatati mal-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva dwar il-Prospett tibqa’ applikabbli ratione temporis għal dawn il-fatti.

    Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

    10

    Id-Direttiva dwar il-Prospett ġiet trasposta fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-Liġi tat-28 ta’ Settembru 2006, dwar is-superviżjoni finanzjarja (Wet op het financieel toezicht, iktar ’il quddiem il-“Wft”).

    11

    L-Artikolu 5:2 tal-Wft jipprevedi:

    “Fil-Pajjiżi l-Baxxi, huma pprojbiti offerti ta’ titoli lill-pubbliku jew l-ammissjoni ta’ dawn it-titoli għall-kummerċ f’suq irregolat li jinsab jew li jopera fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sakemm ma jiġix ippubblikat prospett dwar l-offerta jew l-ammissjoni, approvat mill-awtorità inkarigata għas-swieq finanzjarji jew minn awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru ieħor.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Almer Beheer et u Van den Dungen et ikkonkludew, fis-16 ta’ Lulju 2003, ftehim fis-sens li kienu ser iwettqu — b’pagament ta’ prezz tal-bejgħ — it-trasferiment tal-ishma tagħhom miżmuma f’kumpanniji oħra lil Global Hail Group BV (iktar ’il quddiem il-“grupp Hail”).

    13

    Skont dan il-ftehim, il-kumpannija Stichting Administratiekantoor Global Hail (iktar ’il quddiem “STAK”) ġiet stabbilita u l-ishma kollha tal-grupp Hail tqiegħdu fiha.

    14

    Almer Beheer et għandhom ċertifikati ta’ ishma tal-grupp Hail maħruġa minn STAK.

    15

    Wara kontroversji bejn il-partijiet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi ftehim, il-Gerechtshof ’s Hertogenbosch (qorti tal-appell ta’ ’s Hertogenbosch), b’sentenza tat-30 ta’ Novembru 2010, ikkundannat lil Almer Beheer et tħallas is-somma ta’ EUR 500 000 lil Van den Dungen et. Dan il-ħlas kien jikkostitwixxi avvanz tal-prezz tal-ishma ta’ erba’ kumpanniji ttrasferiti lill-grupp Hail.

    16

    Sabiex jiggarantixxu dan il-pagament, Van den Dungen et għamlu, fil-11 ta’ Diċembru 2009, sekwestru mandatorju ta’ ċertifikati ta’ ishma miżmuma minn Almer Beheer et u, sussegwentement, talbu lir-Rechtbank Breda (qorti distrettwali ta’ Breda) tordna l-bejgħ u t-trasferiment taċ-ċertifikati ta’ ishma ssekwestrati, kif ukoll tistabbilixxi t-terminu, il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet li fihom kellu jseħħ dan il-bejgħ.

    17

    Fis-27 ta’ Diċembru 2010, din il-qorti ddeċidiet li l-bejgħ u t-trasferiment taċ-ċertifikati ta’ ishma kellhom isiru fi żmien sitt xhur minn uffiċjal ġudizzjarju li kellu jinħatar minn Van den Dungen et, fil-kuntest ta’ bejgħ pubbliku mħabbar f’żewġ gazzetti nazzjonali. Iċ-ċertifikati ta’ ishma kellhom jiġu ttrasferiti lil min joffri l-ogħla prezz u, mal-bejgħ, kien l-uffiċjal ġudizzjarju li kellu jiżgura li jinbiegħ biss in-numru ta’ ċertifikati ta’ ishma meħtieġ sabiex jintlaħaq l-ammont ta’ EUR 500 000, flimkien mal-ispejjeż tal-proċedura, tas-sekwestru u tal-eżekuzzjoni.

    18

    Ir-Rechtbank Breda ddeċidiet ukoll li l-obbligu li jiġi ppubblikat prospett previst fl-Artikolu 5:2 tal-Wft ma kienx applikabbli għall-bejgħ ta’ dawn iċ-ċertifikati ta’ ishma, għaliex l-iskop tal-Wft kien li tipproteġi mhux lill-persuni li jieħdu deliberatament riskji fil-kuntest ta’ bejgħ sfurzat bl-għan li jagħmlu profitt, iżda biss lill-investituri u lil dawk li jfaddlu minn offerti diżonesti kif ukoll minn informazzjoni insuffiċjenti u aġir inkompetenti tal-operaturi.

    19

    Almer Beheer et appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof ’s Hertogenbosch, u din ikkonfermat l-imsemmija deċiżjoni b’sentenza tal-5 ta’ April 2011.

    20

    Din is-sentenza ġiet appellata fil-kassazzjoni minn Almer Beheer et quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

    21

    Il-qorti tar-rinviju tosserva, qabel kollox, li l-kwistjoni ċentrali hija li jiġi ddeterminat jekk l-obbligu li jiġi ppubblikat prospett huwiex applikabbli wkoll għall-bejgħ sfurzat taċ-ċertifikati ta’ ishma inkwistjoni fil-kawża quddiemha.

    22

    F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li, fl-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Prospett, ma ngħatat l-ebda attenzjoni għas-sitwazzjoni partikolari tal-bejgħ sfurzat ta’ titoli. Tali bejgħ huwa kkaratterizat mill-fatt li ma huwiex sitwazzjoni tas-suq normali. L-oġġetti mibjugħa ma jinbigħux mill-proprjetarju jew mill-persuna intitolata għalihom, iżda minn kreditur li qed jitlob l-infurzar, ta’ spiss permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju. Skont l-imsemmija qorti, f’sitwazzjoni bħal din, il-bejjiegħ ġeneralment ma huwiex responsabbli għar-riskji u għad-difetti tal-oġġett mibjugħ li ma jkunx jaf bihom, u x-xerrej jaċċetta li l-prodotti jistgħu jkunu vvizzjati b’dan il-mod, li ġeneralment jimplika prezzijiet ferm inqas minn dawk miksuba minn bejgħ normali. Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni tal-eżistenza ta’ obbligu li jiġi ppubblikat prospett fil-każ ta’ bejgħ sfurzat ta’ titoli tista’ twassal għal komplikazzjonijiet prattiċi serji f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-tħejjija u l-ispejjeż tal-prospett.

    23

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-prospett għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jiġi ppubblikat prospett inkluż fih huwa, bħala regola ġenerali (jiġifieri, indipendentement mill-eżenzjonijiet u mill-eċċezzjonijiet previsti f’ċerti każijiet mid-Direttiva), applikabbli wkoll għal bejgħ sfurzat ta’ titoli?

    2)

    a) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ ‘korrispettiv totali għall-offerta’ previst fl-Artikolu 1(2)(h) tad-Direttiva dwar il-prospett għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-ammont għandu jiġi ddeterminat, fil-każ ta’ bejgħ sfurzat ta’ titoli, b’riferiment għall-valur tal-prodott raġonevolment skontat billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura speċifika ta’ bejgħ sfurzat, anki jekk il-prodott raġonevolment skontat huwa b’mod ċar inferjuri għall-valur ekonomiku reali?

    b)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda u risposta negattiva għall-ewwel parti tat-tieni domanda, kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ ‘korrispettiv totali għall-offerta’ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(h) tad-Direttiva dwar il-prospett, b’mod partikolari fil-każ ta’ bejgħ sfurzat ta’ titoli?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    24

    Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-Prospett għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jiġi ppubblikat prospett qabel kwalunkwe offerta ta’ titoli lill-pubbliku huwiex applikabbli wkoll għal bejgħ sfurzat ta’ titoli.

    25

    Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-Prospett, l-Istati Membri ma għandhomx jawtorizzaw offerti ta’ titoli lill-pubbliku fit-territorju tagħhom mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett.

    26

    F’dak li jirrigwarda l-offerta ta’ titoli lill-pubbliku, din tikkonsisti, skont l-Artikolu 1(2)(d) ta’ din id-direttiva, f’komunikazzjoni indirizzata lil persuni taħt kwalunkwe forma u bi kwalunkwe mezz, u b’informazzjoni suffiċjenti dwar il-kundizzjonijiet tal-offerta kif ukoll dwar it-titoli offruti, b’mod li tippermetti lill-investitur jiddeċiedi li jixtri dawn it-titoli.

    27

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-bejgħ sfurzat bil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Rechtbank Breda, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa bejgħ pubbliku, permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż f’żewġ gazzetti nazzjonali, li fil-kuntest tiegħu l-kandidati jagħmlu l-offerta tagħhom bil-miktub u t-titoli jinbiegħu lil min joffri l-ogħla prezz.

    28

    Fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “offerta tat-titoli lill-pubbliku” li tinsab fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva dwar il-Prospett, ma jistax jiġi eskluż mill-bidu li bejgħ sfurzat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu mnejn jaqa’ taħt dan il-kunċett.

    29

    Madankollu, għandu jiġi osservat li ma jsir l-ebda riferiment għall-bejgħ sfurzat ta’ titoli fid-Direttiva dwar il-Prospett, b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-esklużjoni ta’ ċerti sitwazzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bħall-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, jew derogi mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett, bħall-Artikoli 3(2) u 4(1) u (2) tal-imsemmija direttiva.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-għanijiet segwiti permezz tad-Direttiva dwar il-Prospett jeżiġux li l-bejgħ sfurzat ta’ titoli jkun ukoll suġġett għar-regoli li jinsabu f’din id-direttiva.

    31

    Mill-premessi 10, 18 u 19 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din “[għandha] l-mira [li tiżgura] il-protezzjoni ta’ l-investitur u l-effikaċja tas-suq”, li t-tagħrif komplet dwar it-titoli “jipprovdi mezz effettiv sabiex tiżdied il-fiduċja [f’dawn it-]titoli u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament u l-iżvilupp xierqa tas-swieq tat-titoli” u li “salvagwardji għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-investituri attwali u potenzjali huma meħtieġa fl-Istati Membri kollha sabiex jgħinuhom jagħmlu stima infurmata [tar-]riskji [involuti fl-investiment f’titoli] u b’hekk jagħmlu deċiżjonijiet dwar l-investiment fil-għarfien fis-sħiħ tal-fatti”.

    32

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, din għandha l-għan li tarmonizza r-rekwiżiti għat-tfassil, l-approvazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prospetti li għandhom jiġu ppubblikati meta jiġu offruti t-titoli lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq irregolat li jkun jinsab jew jopera fit-territorju ta’ Stat Membru.

    33

    Għaldaqstant il-protezzjoni tal-investituri u l-funzjonament tajjeb tal-iżvilupp tas-swieq jikkostitwixxu n-nukleu fundamentali tal-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Prospett. Fil-fatt, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-pubblikazzjoni ta’ prospett hija intiża, minn naħa, sabiex tippermetti lill-investituri jevalwaw ir-riskji marbuta mal-operazzjonijiet tal-offerta ta’ titoli lill-pubbliku u ta’ ammissjoni ta’ dawn it-titoli fil-kummerċ, b’mod li tippermettilhom jieħdu deċiżjoni informata, u, min-naħa l-oħra, sabiex il-funzjonament tajjeb tas-swieq ikkonċernati ma jiġix ostakolat b’irregolaritajiet.

    34

    In-natura tal-operazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jsir il-bejgħ ta’ titoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar hija ferm differenti min-natura ta’ dawk imsemmija mid-Direttiva dwar il-Prospett.

    35

    Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, il-bejgħ sfurzat ta’ titoli huwa tassew ’il bogħod ħafna minn kull sitwazzjoni normali ta’ kummerċ f’tali titoli, kemm jekk f’suq irregolat jew f’ċirkustanzi oħra. Dawn it-titoli ma jinbigħux, fil-kuntest ta’ bejgħ sfurzat, minn min joħroġhom jew mid-detentur tagħhom, iżda kienu kkonfiskati u qed jinbiegħu fuq talba ta’ terz u b’ordni ta’ awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru, biss biex jitħallas dejn.

    36

    Għaldaqstant, il-bejgħ sfurzat ma huwiex intiż sabiex jipparteċipa f’attività ekonomika fis-suq tat-titoli, iżda sempliċement sabiex jissodisfa d-drittijiet ta’ kreditur li qed jitlob l-infurzar.

    37

    Minbarra dan, il-karatteristiċi partikolari ta’ bejgħ sfurzat meta mqabbla ma’ dawk ta’ bejgħ klassiku ta’ titoli, li l-għan tiegħu huwa li jiġbor kapital sabiex jippermetti investimenti futuri tal-impriża li toħroġ l-imsemmija titoli, huwa rifless wkoll fil-livell tal-protezzjoni tal-investituri.

    38

    Fil-fatt, il-pubblikazzjoni ta’ prospett qabel l-offerta ta’ titoli lill-pubbliku għandha rwol deċiżiv fil-protezzjoni tal-investituri, sa fejn dan id-dokument jipprovdi lil dawn tal-aħħar informazzjoni preċiża u kompleta dwar il-persuna li toħroġ it-titoli, u jippermettilhom, fil-prinċipju, jevalwaw ir-riskji tal-operazzjoni.

    39

    Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ bejgħ sfurzat, ix-xerrejja potenzjali jiġu informati li huwa bejgħ bl-għan waħdieni li jitħallas dejn tal-proprjetarju tat-titoli inkwistjoni u li jseħħ fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. Dan jimplika li l-persuna li twettaq l-operazzjonijiet marbuta mal-bejgħ ta’ dawn it-titoli ma hijiex il-proprjetarja tagħhom.

    40

    Minbarra dan, l-obbligu li jiġi ppubblikat prospett qabel bejgħ sfurzat ta’ titoli għandu mnejn jikkomprometti l-għanijiet tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, fosthom li jiġi ssodisfatt b’mod rapidu u effettiv il-kreditur.

    41

    Fil-fatt, it-twettiq ta’ tali obbligu mhux biss idewwem il-bejgħ sfurzat u, għaldaqstant, il-pagament tal-kreditur, iżda joħloq ukoll spejjeż marbuta mat-tħejjija tal-prospett li jkollhom jiġu dedotti mid-dħul magħmul minn dan il-bejgħ, li jista’ jillimita l-possibbiltajiet tal-kreditur li jiġi rrimborsat.

    42

    Fl-aħħar nett, l-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ prospett jista’ jwassal għal diffikultajiet prattiċi sinjifikattivi.

    43

    Fil-fatt, peress li dak li jwettaq il-bejgħ ta’ titoli fil-kuntest ta’ bejgħ sfurzat ma huwiex il-proprjetarju ta’ dawn, fil-każ li japplika l-obbligu tal-pubblikazzjoni ta’ prospett, iqumu l-kwistjonijiet dwar, minn naħa, fuq min jaqa’ l-kompitu li jħejji l-prospett u, min-naħa l-oħra, min huwa responsabbli, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Prospett, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni pprovduta f’dan id-dokument.

    44

    F’kull każ, fid-dawl tan-natura tal-informazzjoni li għandha tidher fi prospett, li għandha tippermetti lill-investituri, skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, jagħmlu evalwazzjoni informata b’mod partikolari tal-assi, tas-sitwazzjoni finanzjarja u tal-qligħ u t-telf tal-kumpannija li ħarġet it-titoli, it-tħejjija ta’ tali dokument titlob il-kollaborazzjoni tal-korpi ta’ ġestjoni ta’ din il-kumpannija. Ma huwiex eskluż li, fil-kuntest ta’ bejgħ sfurzat tat-titoli li hija ħarġet, eventwali nuqqas ta’ kollaborazzjoni konstruttiva min-naħa ta’ din il-kumpannija tkun tali li tqajjem diffikultajiet fil-kuntest tat-twettiq tal-imsemmi bejgħ.

    45

    Minn dan jirriżulta li bejgħ ta’ titoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar ma huwiex parti mill-għanijiet segwiti mid-Direttiva dwar il-Prospett u, għaldaqstant, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    46

    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-affermazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fis-sens li l-esklużjoni sistematika tal-bejgħ sfurzat ta’ titoli mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prospett twassal għal diskriminazzjoni fir-rigward tal-bejgħ volontarju ta’ dawn it-titoli, sa fejn l-investituri rispettivi ma jibbenefikawx mill-istess protezzjoni.

    47

    Fil-fatt għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 43).

    48

    Kif jirriżulta mill-punti 33 sa 36 ta’ din is-sentenza, l-għan segwit permezz tal-bejgħ ta’ titoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar huwa kompletament differenti minn dawk koperti mid-Direttiva dwar il-Prospett.

    49

    Għaldaqstant, sa fejn is-sitwazzjoni tal-investituri li jixtru titoli fil-kuntest ta’ bejgħ sfurzat ma hijiex komparabbli ma’ dik tal-investituri li jakkwistaw tali titoli fil-kuntest normali ta’ offerta lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva dwar il-Prospett, ma jistax jeżisti trattament diskriminatorju tal-investituri msemmija l-ewwel meta mqabbla mal-oħrajn.

    50

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-Prospett għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jiġi ppubblikat prospett qabel kwalunkwe offerta ta’ titoli lill-pubbliku ma huwiex applikabbli għal bejgħ sfurzat ta’ titoli, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    Fuq it-tieni domanda

    51

    It-tieni domanda preliminari saret mill-qorti tar-rinviju biss fl-ipoteżi ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda.

    52

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma għadx hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    53

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE, kif emendata permezz tad-Direttiva 2008/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jiġi ppubblikat prospett qabel kwalunkwe offerta ta’ titoli lill-pubbliku ma huwiex applikabbli għal bejgħ sfurzat ta’ titoli, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Fuq