EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0067

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014.
Groupement des cartes bancaires (CB) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 81(1) KE – Sistema ta’ kards ta’ ħlas fi Franza – Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi – Suq tal-ħruġ tal-kards – Miżuri tariffarji applikabbli għall-‘membri ġodda’ – Miżata tas-sħubija u mekkaniżmi hekk imsejħa ‘li jirregolaw il-funzjoni ta’ akkwist’ u ‘għal membri inattivi li jerġgħu jsiru attivi’ – Kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni ‘minħabba l-għan’ – Eżami tal-grad ta’ dannu fuq il-kompetizzjoni.
Kawża C‑67/13 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2204

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikolu 81(1) KE — Sistema ta’ kards ta’ ħlas fi Franza — Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi — Suq tal-ħruġ tal-kards — Miżuri tariffarji applikabbli għall-‘membri ġodda’ — Miżata tas-sħubija u mekkaniżmi hekk imsejħa ’li jirregolaw il-funzjoni ta’ akkwist’ u ‘għal membri inattivi li jerġgħu jsiru attivi’ — Kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni ‘minħabba l-għan’ — Eżami tal-grad ta’ dannu fuq il-kompetizzjoni”

Fil-Kawża C‑67/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2013,

Groupement des cartes bancaires (CB), stabbilit f’Pariġi (Franza), irrappreżentat minn F. Pradelles, O. Fauré u C. Ornellas-Chancerelles, avukati, kif ukoll minn J. Ruiz Calzado, avukat,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet kif ukoll minn V. Bottka u B. Mongin, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

BNP Paribas, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn O. de Juvigny, D. Berg u P. Heusse, avukati,

BPCE, li kienet Caisse Nationale des Caisses d’Épargne et de Prévoyance (CNCEP), stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn A. Choffel, S. Hautbourg, L. Laidi u R. Eid, avukati,

Société Générale SA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn P. Guibert u P. Patat, avukati,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, il-Groupement des cartes bancaires (CB) (iktar ’il quddiem il-“Groupement”) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea CB vs Il‑Kummissjoni (T‑491/07, EU:T:2012:633, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2007) 5060 finali, tas-17 ta’ Ottubru 2007, dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 [KE] (COMP/D1/38606 — Groupement des cartes bancaires “CB”) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-elementi essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 48 tas-sentenza appellata jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

3

L-appellant huwa grupp ta’ interess ekonomiku rregolat mid-dritt Franċiż, li nħoloq fl-1984 mill-istabbilimenti bankarji prinċipali Franċiżi, sabiex titwettaq l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ ħlas u ta’ ġbid ta’ flus permezz tal-kards ta’ ħlas (iktar ’il quddiem il-“kards CB”) maħruġa mill-membri tiegħu (iktar ’il quddiem is-“sistema CB”). Din l-interoperabbiltà fil-prattika tippermetti li kard CB maħruġa minn membru tal-Groupement tintuża sabiex jitwettaq ħlas lill-kummerċjanti kollha affiljati fis-sistema CB permezz ta’ kard li nħarġet minn kwalunkwe membru ieħor tal-Groupement u/jew għall-ġbid ta’ flus mid-distributuri awtomatiċi tal-flus (iktar ’il quddiem id-“DAF”) operati mill-membri l-oħra kollha. Il-membri tal-Groupement, li n-numru tagħhom kien 148 fid-data tad-29 ta’ Ġunju 2007, huma kemm stabbilimenti msejħa bħala “mexxejja” f’dan il-qasam, u kemm stabbilimenti marbuta ma’ wieħed minn dawn il-mexxejja. Abbażi tal-kuntratt ta’ kostituzzjoni tal-Groupement, BNP Paribas, BPCE u Société Générale SA (iktar ’il quddiem is-“Société Générale”) jinsabu fost il-ħdax-il mexxejja.

4

Fl-10 ta’ Diċembru 2002, il-Groupement innotifika lill-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), b’diversi regoli ġodda previsti għas-sistema CB li jikkonsistu, b’mod partikolari, fi tliet miżuri tariffarji (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni”):

dispożittiv imsemmi “Mekkaniżmu ta’ regolament tal-funzjoni ta’ akkwist” (iktar ’il quddiem “MERFA”) li, skont il-Groupement, kellu bħala għanijiet, minn naħa sabiex iħajjar lill-membri, li jwettqu l-attività ta’ ħruġ ta’ kards iktar milli dik ta’ akkwist, sabiex jiżviluppaw l-attività ta’ akkwist tagħhom, u, min-naħa l-oħra, sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni finanzjarjament l-isforzi tal-membri li l-attività ta’ akkwist tagħhom hija kbira fil-konfront tal-attività tagħhom li joħorġu l-kards. L-arranġament previst għal dan il-għan kien jikkonsisti fit-tqabbil tas-sehem tal-attivitajiet tal-membru fit-totalità tal-attivitajiet ta’ akkwist fis-sistema CB, b’dawn l-attivitajiet jiġu mkejla skont is-“Sistema ta’ identifikazzjoni fid-direttorju tal-impriżi” (SIREN) u skont l-operat tad-DAF, mas-sehem ta’ dan il-membru fit-totalità tal-attivitajiet ta’ ħruġ ta’ kards fis-sistema CB, li jirrikjedu l-ħruġ, minn bank, ta’ kards CB ta’ ħlas jew ta’ ġbid ta’ flus lil detentur. Il-MERFA kellha tapplika meta r-rapport bejn iż-żewġ proporzjonijiet kien inqas minn 0.5. Is-somom miġbura abbażi tal-MERFA kellhom jitqassmu bejn il-membri tal-Groupement li ma kinux suġġetti għal kwalunkwe somma taħt dan it-titolu, pro rata skont il-kontribuzzjoni tagħhom għall-attività ta’ akkwist. Dawn il-membri setgħu jużaw b’mod liberu s-somom miġbura b’dan il-mod;

riforma tal-miżata tas-sħubija fil-Groupement li kienet tinkludi, barra miżata fissa ta’ EUR 50 000 pagabbli kif isseħħ is-sħubija, miżata għal kull kard CB maħruġa u attiva waqt it-tliet snin sussegwenti u, jekk ikun il-każ, miżata addizzjonali, applikabbli fuq il-membri li n-numru ta’ kards CB fil-pussess tagħhom waqt jew fit-tmiem tas-sitt sena wara s-sħubija tagħhom kien iktar mit-triplu tan-numru ta’ kards CB fil-pussess tagħhom fit-tmiem tat-tielet sena wara s-sħubija tagħhom;

dispożittiv imsemmi “membri inattivi li jerġgħu jsiru attivi” jikkonsisti f’miżata fuq kull kard CB maħruġa li huma suġġetti għaliha l-membri inattivi jew li kienu ftit attivi qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri tariffarji l-ġodda, li l-parti tagħhom fl-attività ta’ ħruġ ta’ kards CB fis-sistema CB kollha, waqt waħda mis-snin 2003, 2004 u 2005, kienet iktar minn tliet darbiet ogħla mill-parti tagħhom mill-attività totali relatata mal-kards CB tas-sistema kollha CB waqt is-sena finanzjarja 2000, is-sena finanzjarja 2001, jew is-sena finanzjarja 2002.

5

Fis-6 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni adottat l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, indirizzata lill-Groupement u lil disa’ mexxejja tiegħu li kienu suġġetti għal investigazzjoni, fejn ikkritikathom li dawn kienu kkonkludew “ftehim antikompetittiv sigriet” li kellu “bħala għan ġenerali li jillimita l-kompetizzjoni bejn il-banek parti mill-ftehim kif ukoll li jostakolaw, b’mod miftiehem, il-kompetizzjoni tal-membri ġodda (b’mod partikolari, il-bejjiegħa l-kbar, il-banek online u l-banek barranin) fis-suq tal-ħruġ tal-kards ta’ ħlas”. Il-Kummissjoni qieset li “n-notifikazzjoni [tal-10 ta’ Diċembru 2002 kienet] saret bl-għan li jinħeba l-kontenut reali tal-ftehim antikompetittiv”. Hija kkunsidrat li tiċħad lil din in-notifikazzjoni minn kull effett u li timponi multa fuq id-destinatarji ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-Groupement irrisponda għal din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-8 ta’ Novembru 2004 u nstema’ fis-16 u fis-17 ta’ Diċembru 2014.

6

Fis-17 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha indirizzata lill-Groupement biss. Fiha, hija indikat li l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellha tiġi kkunsidrata bħala rtirata. Din it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tirrigwarda deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tistabbilixxi serje ta’ miżuri tariffarji li għandhom għan jew effett antikompetittiv. Il-Groupement irrisponda għal din it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-19 ta’ Ottubru 2006 u nstema’ fit-13 ta’ Novembru 2006.

7

Fl-20 ta’ Lulju 2007, il-Groupement ippreżenta proposta ta’ impenji abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), li ġiet ikkunsidrata bħala tardiva u insodisfaċjenti mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni.

8

Għaldaqstant, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha kkunsidrat li l-Groupement kien kiser l-Artikolu 81 KE. Din id-deċiżjoni tinkludi, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

Is-suq inkwistjoni huwa dak tal-ħruġ tal-kards ta’ ħlas fi Franza.

Il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi.

Dawn il-miżuri għandhom għan antikompetittiv. Dan l-għan jirriżulta mill-arranġamenti stess previsti għalihom u jmur kontra l-għanijiet ta’ dawn il-miżuri ddikjarati fin-notifikazzjoni tal-10 ta’ Diċembru 2002. Minn naħa, dawn il-miżuri ma humiex adattati sabiex jinkoraġġixxu l-attività ta’ akkwist u jwasslu jew għall-issuġġettar ta’ spejjeż żejda fuq il-membri suġġetti għalihom, jew sabiex jillimitaw l-attivitajiet ta’ ħruġ tal-kards tal-membri li kienu jkunu suġġetti għalihom. Min-naħa l-oħra, il-funzjoni ta’ inċentiv fl-attività ta’ akkwist mogħtija lil MERFA hija kontradetta mill-funzjoni mogħtija lill-kummissjonijiet interbankarji u mill-funzjoni tal-miżata addizzjonali tas-sħubija u mill-miżata fuq il-“membri inattivi li jerġgħu jsiru attivi”. Dan l-għan antikompetittiv jikkorrispondi għall-għanijiet reali ta’ dawn il-miżuri, espressi mill-mexxejja waqt il-preparazzjonijiet tagħhom, jiġifieri r-rieda sabiex jostakolaw il-kompetizzjoni tal-membri ġodda u li jippenalizzawhom, li jikkonservaw id-dħul tal-mexxejja u li jillimitaw it-tnaqqis tal-prezzijiet tal-kards ta’ ħlas.

Il-miżuri inkwistjoni għandhom effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, waqt il-perijodu li fih kienu applikabbli (bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u t-8 ta’ Ġunju 2004), dawn il-miżuri wasslu għat-tnaqqis tal-pjanijiet tal-ħruġ ta’ kards CB tal-membri l-ġodda u għall-prevenzjoni tat-tnaqqis fil-prezz tal-kards CB, kemm tal-operaturi l-ġodda u kemm tal-operaturi mexxejja.

Il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE ma humiex issodisfatti. B’mod partikolari, il-ġustifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, b’mod partikolari dik fir-rigward tal-MERFA bħala mekkaniżmu ta’ bilanċ bejn il-funzjonijiet ta’ akkwist u ta’ ħruġ ma setgħetx tiġi aċċettata, peress li l-proporzjon tal-attività ta’ ħruġ tal-kards meta mqabbla mal-attività ta’ akkwist ta’ referenza huwa dak tal-mexxejja, u mhux dak tal-aqwa bilanċ għas-sistema CB.

9

Il-Kummissjoni, skont id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, għaldaqstant ikkonkludiet:

“Artikolu 1

Il-miżuri tariffarji adottati mill-[Groupement] bid-deċizjonijiet tat-8 u tad-29 ta’ Novembru 2002 [tal-Bord tad-Diretturi], jiġifieri l-[MERFA], il-miżata tas-sħubija għal kull kard u l-miżata addizzjonali tas-sħubija, kif ukoll il-[miżata għal membri inattivi li jerġgħu jsiru attivi] applikabbli fuq il-membri tal-Groupement li ma żviluppawx l-attività ‘CB’ b’mod kunsiderevoli mill-isħubija tagħhom huma kuntrarji għall-Artikolu 81 [KE].

Artikolu 2

Il-Groupement għandu jtemm immedjatament il-ksur previst fl-Artikolu 1 billi jirtira l-miżuri tariffarji nnotifikati fl-imsemmi artikolu, sakemm dan għadu ma seħħx.

Il-Groupement għandu jastjeni, fil-futur, minn kull miżura jew [minn] kull aġir li għandu għan jew effett identiku jew simili.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Diċembru 2007, l-appellant ressaq rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. BNP Paribas, BPCE u Société Générale intervjenew insostenn tal-appellant.

11

Insostenn tar-rikors tiegħu, l-appellant invoka sitt motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba żbalji fil-metodu ta’ analiżi tal-miżuri inkwistjoni u tas-swieq li ġew analizzati, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, sussegwentement għal żbalji ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-għan tal-miżuri inkwistjoni. Permezz tat-tielet motiv tiegħu, l-appellant qies li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-effetti tal-miżuri inkwistjoni. Ir-raba’ motiv, imqajjem sussidjarjament, kien jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 81(3) KE, li jirriżulta minn żbalji ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fuq il-miżuri inkwistjoni. Permezz tal-ħames motiv tiegħu, l-appellant sostna li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fl-aħħar nett, is-sitt motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali minħabba ordnijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

12

Wara li eskludiet dawn il-motivi kollha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fit-totalità tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13

Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax li hija suffiċjentement informata sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

14

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellant jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

15

BNP Paribas, BPCE u Société Générale jippreżentaw talbiet identiċi għal dawk tal-appellant.

Fuq l-appell

16

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-effett”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali sa fejn din ma annullatx l-ordni li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

17

Preliminarjament, l-appellant, li ngħaqdu miegħu dwar dan il-punt BNP Paribas u BPCE, josserva li l-Qorti Ġenerali naqset milli ssemmi elementi tad-deskrizzjoni tal-fatti li jinsabu fil-punti 1 sa 48 tas-sentenza appellata, u b’hekk juri li hija qatt ma tbiegħdet mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni u li hija ma wettqitx l-istħarriġ fil-fond kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali naqset milli tindika li l-bidla radikali fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni matul l-istruttorja bejn l-ewwel u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija spjegata minn żbalji ta’ analiżi fundamentali mqajma mill-uffiċjal tas-seduta wara s-seduta tas-16 u tas-17 ta’ Diċembru 2004, li la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kkoreġew sussegwentement. Min-naħa l-oħra, is-sentenza appellata ma tgħid xejn dwar id-dibattiti li seħħew matul is-seduta tas-16 ta’ Mejju 2012 dwar il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, b’mod partikolari, b’rabta mal-interpretazzjoni tas-sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:643, iktar ’il quddiem is-“sentenza BIDS”).

L-argumenti tal-partijiet

18

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant, sostnut minn BNP Paribas, BPCE u Société Générale, isostni li, matul l-evalwazzjoni tal-kontenut, tal-għanijiet u tal-kuntest tal-miżuri inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, liema żbalji wassluha sabiex tipprojbixxi, per se, kull prezz iffatturat lil operatur ekonomiku minn operatur ekonomiku ieħor. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kontenut tal-miżuri inkwistjoni

19

L-appellant, li miegħu ngħaqdu BNP Paribas, BPCE u Société Générale, isostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-analiżi tal-“għan stess” tal-miżuri inkwistjoni.

20

Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-analiżi tal-grad ta’ dannu tal-miżuri inkwistjoni meta għamlet riferiment għall-kontenut tagħhom, iżda mxiet biss mal-intenzjonijiet suġġettivi ta’ wħud mill-membri tal-Groupement. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 126 u 132 tas-sentenza appellata, meta hija qieset li mill-arranġamenti stess tal-miżuri inkwistjoni jirriżulta li dawn għandhom għan antikompetittiv li jikkonsisti fit-tfixkil ta’ kompetizzjoni minn membri ġodda fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, l-imsemmija miżuri ma għandhom ebda dispożittiv ta’ ħsara għall-kompetizzjoni. Minn naħa, l-għan ta’ dawn il-miżuri huwa, b’differenza għall-miżuri inkwistjoni fis-sentenza BIDS, mhux li jġiegħlu lill-membri sabiex joħorġu mill-Groupement jew li jxekklu membri ġodda milli jidħlu, iżda li jżidu n-numru ta’ kummerċjanti affiljati mas-sistema. Min-naħa l-oħra, kulma jagħmlu dawn il-miżuri huwa li joffru lill-membri tas-sistema CB alternattivi diversi ta’ kontribuzzjoni ġusta lis-sistema filwaqt li jħallulhom l-għażla tal-kontribuzzjoni tagħhom skont l-istrateġija individwali tagħhom stess.

21

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat provi meta hija kkonkludiet, fil-punti 127, 170 u 178 sa 183 tas-sentenza appellata, li ċertu numru ta’ ostakoli jrendu diffiċli ħafna, fil-prattika, l-iżvilupp tal-attività ta’ akkwist minn membru ġdid, billi bbażat ruħha prinċipalment fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u billi warrbet, mingħajr spjegazzjoni valida, il-provi li juru l-oppost.

22

Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġenesi li ppreċediet l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni, kif irriżultat mid-dokumenti miġbura waqt l-investigazzjonijiet li seħħew fl-uffiċċji tal-Groupement u f’dawk ta’ wħud mill-membri tiegħu.

23

Qabel xejn, billi ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punti 186 u 256 tas-sentenza appellata, il-proposti individwali ta’ ċerti mexxejja “miżmuma internament” qabel l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni sabiex tanalizza l-għan ta’ dawn il-miżuri, il-Qorti Ġenerali vvizzjat l-eżami tagħha dwar l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv, peress li dawn il-proposti jirriflettu l-espressjoni tar-rieda mhux tal-Goupement fih innifsu, iżda ta’ wħud mill-membri tiegħu. Issa, huwa minħabba l-fatt li deċiżjoni tikkostitwixxi l-espressjoni fidila tar-rieda tal-awtur tagħha li din tista’ tinftiehem bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi. F’dan il-każ, iċ-ċirkustanzi tal-preparazzjoni u tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ma humiex rilevanti, peress li hija d-deċiżjoni finali biss, jiġifieri l-miżuri nnotifikati, li timmanifesta kompletament l-intenzjoni tal-Groupement. Barra minn hekk, il-ġenesi tal-miżuri kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mhux sabiex tikkorrobora l-analiżi tal-għan tagħhom, iżda minflok analiżi tal-kontenut tal-miżuri.

24

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat provi, billi wettqet selezzjonijiet inopportuni fost il-proposti preparatorji, dokumenti miġbura u dikjarazzjonijiet tal-membri l-ġodda. Issa, ċertu numru ta’ elementi, li, b’mod partikolari kienu jindikaw il-ħtieġa li jiġi miġġieled il-parassitiżmu, u li kienu jindikaw ir-rieda li tiġi osservata l-liġi tal-kompetizzjoni, jaffermaw l-eżistenza ta’ dubju reali dwar ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali. Dan l-iżnaturament huwa iktar manifest peress li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-istess elementi li użat il-Kummissjoni, mingħajr ma bidlet il-pożizzjoni tagħha fil-konklużjonijiet tal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

25

Min-naħa tagħhom, BNP Paribas, BPCE u Société Générale iżidu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet, fil-punti 124 u 146 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv. Fil-fatt, dan il-kunċett jista’ biss japplika għall-ftehimiet li, intrinsikament, jsegwu għan li n-natura stess tiegħu għandha serjetà jew grad ta’ dannu tali li l-impatt negattiv tagħhom fuq il-funzjonament tal-kompetizzjoni jidher, mingħajr ebda dubju, possibbli u, għaldaqstant, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu mkejla l-effetti potenzjali tagħhom.

26

Il-Kummissjoni tqis, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-analiżi tal-għan tal-miżuri inkwistjoni, li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan mingħajr ma bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-Groupement, iżda wara li eżaminat l-arranġamenti stess tal-MERFA, li jgħidu li l-banek kollha li l-attività ta’ akkwist tagħhom hija notevolment inferjuri għall-attività tagħhom relattiva għall-ħruġ ta’ kards huma mekkanikament suġġetti għal din il-kontribuzzjoni. L-għan reali tal-MERFA għaldaqstant huwa li jiddetta mġiba — li wieħed jillimita l-ħruġ tal-kards jew jagħżel li jbati spiża addizzjonali li l-mexxejja ma għandhomx iħallsu — u b’hekk jillimita l-possibbiltà għall-membri l-ġodda li jikkompetu b’mod liberu mal-mexxejja. L-appellant ma jurix li miżuri li jirrigwardaw l-esklużjoni ta’ ċerti membri ġodda fis-suq tal-ħruġ tal-kards ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”. Fir-rigward tal-allegazzjoni li tgħid li l-miżuri kellhom biss effett ta’ inċentiv, il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti Ġenerali analizzat u kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ostakoli maġġuri għall-iżvilupp tal-attività ta’ akkwist. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien jifdal żewġ għażliet għall-membri l-ġodda, jiġifieri li jħallsu jew li jillimitaw l-attività tagħhom ta’ ħruġ ta’ kards. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ġustament enfasizzat ix-xebh bejn il-miżuri li wasslu għas-sentenza BIDS u l-miżuri inkwistjoni, sa fejn dawn ixekklu l-iżvilupp naturali tal-ishma tas-suq tal-produtturi billi jiġu mħeġġa, permezz ta’ kontribuzzjoni dissważiva, li ma jaqbżux ċertu volum ta’ produzzjoni.

27

Il-Kummissjoni tqis, barra minn hekk, li l-appellant ma weriex li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament li jidher b’mod manifest mid-dokumenti tal-proċess. Sabiex tasal għall-konklużjoni, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li l-iżvilupp tal-attività ta’ akkwist kienet diffiċli ħafna, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 160 sa 194 tal-imsemmija sentenza, l-argumenti kollha tal-appellant. Dawn il-punti baqgħu mhux diskussi u mingħajr konfutazzjoni serja.

28

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ġenesi tal-miżuri, il-Kummissjoni tqis li l-appellant qiegħed jipprova jikseb l-eżami mill-ġdid tal-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt esposti fil-punti 256 u 257 tas-sentenza appellata li ma għadhomx jistgħu jiġu kkontestati fl-istadju tal-appell. Fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjoni li ftehim għandu għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-intenzjoni li l-kompetizzjoni tiġi ristretta ma ġietx stabbilita fir-rigward tal-partijiet kollha għall-ftehim. Barra minn hekk, mis-sentenza appellata jirriżulta mingħajr ebda ambigwità li l-proposti u l-intenzjonijiet suġġettivi ta’ ċerti membri tal-Groupement ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali b’mod addizzjonali u konfermatorju. Fl-aħħar nett, l-appellant ma jidentifika ebda wieħed mill-elementi allegatament żnaturati u ma jispjegax ir-raġunijiet tad-dubju mqajjem. L-ilment ta’ żnaturament huwa għaldaqstant inammissibbli.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-għanijiet tal-miżuri inkwistjoni

29

L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, filwaqt li rrikonoxxiet li l-ġlieda kontra l-parassitiżmu tas-sistema CB tikkostitwixxi għan leġittimu, irrifjutat li tevalwa dan l-għan fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li miżuri ta’ ġlieda kontra l-parassitiżmu huma antikompetittivi min-natura tagħhom stess. Issa, il-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi li restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan hija eskluża, peress li l-miżuri tal-Groupement iwasslu għal stimulazzjoni tal-attività ta’ akkwist u għat-tfittxija ta’ ottimizzazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ akkwist u ta’ ħruġ ta’ kards. Dawn il-miżuri, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu adattati, peress li jikkonsistu f’miżuri sistematiċi meħuda fl-interess ġenerali tas-sistema CB, u bbilanċjati, peress li jħallu f’idejn kull membru tal-Groupement sabiex jagħmel l-għażla adattata għas-sitwazzjoni individwali tiegħu.

30

Société Générale iżżid li l-Qorti Ġenerali ma tistax tallega li l-għanijiet tal-miżuri inkwistjoni jirriżultaw esklużivament mill-analiżi mwettqa skont l-Artikolu 81(3) KE u tqis, fl-istess waqt, li l-Kummissjoni kellha dritt tieħu inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-partijiet sabiex tevalwa n-natura restrittiva ta’ dawn il-miżuri. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika l-premessa tal-Kummissjoni li tgħid li l-miżuri inkwistjoni ma kinux adattati sabiex jinkoraġġixxu l-attività ta’ akkwist. Sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jaqax taħt l-Artikolu 81(1) KE, fil-fatt hemm lok li jsir enfasi fuq l-għanijiet li dan huwa intiż li jilħaq.

31

Il-Kummissjoni ssostni li l-appellant, li ma invokax it-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistabbilixxix li l-limitazzjoni tal-libertà ta’ azzjoni timponi fuq il-membri l-ġodda favur banek eżistenti kienet neċessarja u indispensabbli għat-tfittxija tal-għan ta’ ġlieda kontra l-parassitiżmu tas-sistema CB. Fil-verità, il-miżuri inkwistjoni ma humiex xierqa sabiex jilħqu l-għanijiet imfittxija, u huma diskriminatorji favur il-mexxejja. L-affermazzjonijiet tal-appellant diġà ġew ikkonfutati mill-Qorti Ġenerali u ma huma bbażati fuq ebda raġunament u fuq ebda prova. Huma jmorru kontra konstatazzjonijiet ta’ fatt imwettqa mill-Qorti Ġenerali.

Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kuntest tal-miżuri inkwistjoni

32

L-appellant, li ngħaqdu miegħu BPCE u Société Générale, isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi sa fejn, minn naħa, din naqset milli twettaq analiżi ġenerali tas-sistema CB u, min-naħa l-oħra, hija injorat l-effetti ambivalenti fuq il-kompetizzjoni tal-miżuri tal-Groupement billi ffokat biss fuq l-attività ta’ ħruġ tal-kards u billi la ħadet inkunsiderazzjoni l-għan leġittimu li tiddefendi s-sistema CB kontra fenomeni parassitarji u lanqas l-eżistenza ta’ kompetizzjoni qawwija fl-attività ta’ akkwist.

33

Fl-ewwel lok, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, b’mod żbaljat, ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku tal-kawża billi wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-miżuri inkwistjoni kienu radikalment differenti mill-prattiki dannużi kif mifhuma fil-prassi deċiżjonali preċedenti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali għalxejn ipprovat tqabbel il-preżenti kawża mas-sentenza BIDS. Barra minn hekk, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn motivazzjoni kontradittorja sa fejn il-Qorti Ġenerali, fil-punti 94 u 99 tal-imsemmija sentenza, sostniet kemm li l-prattiki eżaminati fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Awwissu 2001, Visa International (COMP/2929.373), u tal-24 ta’ Lulju 2002, Visa International — Tariffi multilaterali ta’ interskambju (COMP/29.373) huma sinjifikattivament differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti kif ukoll li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet jikkonċernaw “sitwazzjonijiet simili jew identiċi”. L-iżball ta’ analiżi jirriżulta wkoll mill-fatt li l-Kummissjoni kienet aċċettat li tiddiskuti l-possibbiltà ta’ impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri miżuri “li tilħaq il-konċerni [tagħha] [ta’ natura li jissodisfaw il-preokkupazzjonijiet tagħha]” u li ma jikkaratterizzawx ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni bħala tali.

34

Fit-tieni lok, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku billi injorat il-funzjonament b’żewġ lati tas-sistemi ta’ ħlas. Il-Qorti Ġenerali fil-fatt, b’mod żbaljat, illimitat l-analiżi tagħha għas-suq tal-ħruġ ta’ kards biss, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni s-suq tal-akkwist. Issa, billi rrikonoxxiet in-natura b’żewġ lati tas-sistema CB, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi li wieħed biss mil-lati ta’ din is-sistema kien esklużivament rilevanti sabiex titwettaq analiżi korretta tal-għan tal-miżuri inkwistjoni. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn iż-żewġ lati kellha twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata li l-imsemmija miżuri kienu intiżi effettivament li jipproteġu lil din is-sistema u mhux li jxekklu l-kompetizzjoni ta’ dawk li joħorġu kards CB.

35

F’dan ir-rigward, BPCE u Société Générale iżidu li, meta ddeċidiet, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li r-rekwiżiti ta’ bilanċ bejn dawn l-attivitajiet ma għandhomx jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 81(1) KE, filwaqt li l-uniku suq li ttieħed inkunsiderazzjoni kien dak tal-ħruġ tal-kards, il-Qorti Ġenerali ħawdet il-kunċetti ta’ definizzjoni tas-suq rilevanti u ta’ analiżi tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku ta’ ftehim. Issa, mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, id-definizzjoni ta’ suq rilevanti setgħet tippermetti li jiġu esklużi mill-analiżi neċessarja għat-tfittxija ta’ għan antikompetittiv possibbli elementi ta’ natura ekonomika jew ġuridika għas-sempliċi raġuni li huma jaqgħu taħt suq distint.

36

Fit-tielet lok, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku billi naqset milli teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Issa, tkun il-qorti tal-Unjoni li jkollha tistħarreġ jekk l-elementi invokati jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dik l-informazzjoni hijiex ta’ tali natura li tikkonferma l-konklużjonijiet li ġew derivati minnha. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali madankollu bl-ebda mod ma wettqet dan l-istħarriġ minimu u oġġettiv tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, iżda kkuntentat ruħha, fil-punti 320 u 321 tas-sentenza appellata, li twarrab ċerti studji ekonomiċi prodotti mill-Groupement minħabba l-allegata kontradizzjoni tagħhom ma’ oħrajn.

37

Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-appellant qiegħed iwettaq qari inkomplet tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali ma rrilevat ebda effett ambivalenti fuq il-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali weriet li l-miżuri huma nieqsa minn effett li jiffavorixxi l-kompetizzjoni u li ma jeżistix parassitiżmu tas-sistema CB. Il-ġlieda kontra l-parassitiżmu għaldaqstant ma hijiex idonea sabiex tiġġustifika miżura diskriminatorja li tirrestrinġi l-kundizzjonijiet ta’ dħul fis-suq. Barra minn hekk, it-tipi ta’ ftehimiet elenkati fl-Artikolu 81(1) KE ma jifformawx lista eżawrjenti tal-kollużjonijiet ipprojbiti. Issa, il-miżuri inkwistjoni joqorbu għal prattiki kollużivi li ġew ikklassifikati bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sentenza BIDS, għar-raġunijiet indikati fil-punti 197 u 198 tas-sentenza appellata. Minkejja l-kumplessità ta’ dawn il-miżuri, in-natura tagħhom ta’ ftehimiet ta’ esklużjoni intiżi li jiskoraġġixxu dħul ġdid ta’ kompetituri fis-suq tidher b’mod ċar. F’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali tispjega fil-punti 94 sa 99 tas-sentenza appellata r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjonijiet Visa International u Visa International — Tariffi multilaterali ta’ interskambju, huma sinjifikattivament differenti mill-miżuri inkwistjoni. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li ġew previsti xi impenji, peress li l-Qorti Ġenerali ma ġietx adita b’din il-kwistjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fil-qasam u xejn ma jippermetti li wieħed jikkonkludi li allegata assenza ta’ gravità tal-ksur wasslet lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ proċedura ta’ impenji.

38

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-karattru b’żewġ lati tas-sistema CB, il-Kummissjoni tikkonstata li l-Qorti Ġenerali analizzat u vverifikat ir-raġunijiet li għalihom hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti studji ppreżentati mill-Groupement. L-ilment li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-pożizzjoni tal-ekonomisti għaldaqstant huwa “infondat” u, fi kwalunkwe każ, jikkonċerna kwistjoni ta’ fatt li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Barra minn hekk, fil-kawża preżenti, il-ksur jikkonċerna biss is-suq tal-ħruġ ta’ kards. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-teżi li tgħid li l-attivitajiet ta’ akkwist u dawk ta’ ħruġ ta’ kards jaqgħu f’suq uniku tas-servizzi bankarji ta’ prossimità.

39

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni tqis li mill-punti 320 u 321 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qrat u analizzat iż-żewġ studji addizzjonali ppreżentati mill-appellant sabiex juri li l-esternalitajiet pożittivi ġġenerati mill-attività ta’ akkwist kienu ikbar minn dawk iġġenerati mill-attività ta’ ħruġ ta’ kards. Barra minn hekk, adita bl-ilment ta’ żnaturament ta’ dawn iż-żewġ studji mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħditu. L-appellant ma jurix li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn żball ta’ liġi jew minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, li t-tliet partijiet tiegħu għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellant, sostnut minn BNP Paribas, BPCE u Société Générale, essenzjalment isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali, bi ksur tal-Artikolu 81(1) KE, iddeċidiet li l-miżuri inkwistjoni kellhom l-“għan” li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u b’hekk, b’mod żbaljat, eżentat ruħha mill-eżami tal-effetti konkreti tagħhom fuq il-kompetizzjoni.

Osservazzjonijiet preliminari

41

Qabelxejn għandu jiġi enfasizzat li mill-Artikolu 256 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-ġurisdizzjoni sabiex minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li ġew ippreżentati lilha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa l-fatti. Madankollu, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-ġurisdizzjoni sabiex twettaq, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ liġi li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 84, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ir-regoli tat-Trattati UE u FUE dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, hija l-Kummissjoni, taħt il-kontroll tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiżgura l-prinċipji stabbiliti bl-Artikoli 81 KE u 82 KE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Masterfoods u HB, C‑344/98, EU:C:2000:689, punt 46).

43

Għandu wkoll jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Unjoni jirriżulta li, meta jiġi ppreżentat quddiemha, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali għandha, b’mod ġenerali, teżerċita, abbażi tal-elementi miġjuba mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati, twettaq stħarriġ komplet dwar il-punt ta’ jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni humiex issodisfatti jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Remia et vs Il‑Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 34; Chalkor vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2011:815, punti 54 u 62, kif ukoll Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 59). Il-Qorti Ġenerali għandha wkoll tivverifika jekk il-Kummissjoni mmotivatx id-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2011:815, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Otis et, EU:C:2012:684, punt 60).

45

Matul dan l-istħarriġ, il-Qorti Ġenerali ma tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha, bis-saħħa tar-rwol assenjat lilha fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, skont it-Trattati UE u FUE, sabiex tirrinunzja li teżerċita l-istħarriġ fil-fond kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2011:815, punt 62, kif ukoll Otis et, EU:C:2012:684, punt 61).

46

B’mod partikolari, minkejja li huwa minnu li l-Kummissjoni għandha, skont dan ir-rwol, marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, dan ma jfissirx, hekk kif jirriżulta mill-punt ta’ qabel dan tas-sentenza preżenti, li l-Qorti Ġenerali għandha tastjeni milli tistħarreġ il-klassifikazzjoni ġuridika, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, minkejja li ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik tal-Kummissjoni, li għandha l-kompetenza istituzzjonali fuqha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 145, kif ukoll Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata), minn ġurisprudenza li issa hija stabbilita sew jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jikkonfermaw il-konklużjonijiet misluta minnhom (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2011:815, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Otis et, EU:C:2012:684, punt 59).

47

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali ikkonkludietx, ġustament, fis-sentenza appellata, li l-miżuri inkwistjoni għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

Fuq l-eżami tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan” fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE

48

Għandu jitfakkar li, sabiex jaqgħu taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 81(1) KE, ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma għandu jkollhom “bħala għan jew riżultat [bħala għan jew effett]” li jfixklu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

49

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni b’mod li jkun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi LTM, 56/65, EU:C:1966:38, 359 u 360; BIDS, punt 15, kif ukoll Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Din il-ġurisprudenza tirriżulta mill-fatt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, minħabba n-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Allianz Hungária Biztosító et, EU:C:2013:160, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

B’hekk, huwa preżunt li ċerta mġiba kollużiva, bħal dik li twassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet permezz ta’ kartelli, tista’ titqies bħala li tant jista’ jkollha effetti negattivi fuq, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità jew il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi, li jista’ jitqies inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, li jintwera li din għandha effetti konkreti fuq is-suq (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Clair, 123/83, EU:C:1985:33, punt 22). Fil-fatt, l-esperjenza turi li tali mġiba twassal għal tnaqqis tal-produzzjoni u għal żieda fil-prezzijiet, li tirriżulta fi tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi.

52

Fl-ipoteżi fejn l-analiżi ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma turix grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, ikun jaqbel, għall-kuntrarju, li jiġu eżaminati l-effetti tagħha u, sabiex din tkun ipprojbita, li jiġu ssodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li effettivament kien hemm jew prevenzjoni jew restrizzjoni jew inkella distorsjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni (sentenza Allianz Hungária Biztosító et, EU:C:2013:160, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandux grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE wieħed għandu jiffoka fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, fuq l-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll fuq il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Allianz Hungária Biztosító et, EU:C:2013:160, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ ftehim bejn impriżi, xejn ma jipprojbixxi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali u tal-Unjoni milli jikkunsidrawha (ara s-sentenza Allianz Hungária Biztosító et, EU:C:2013:160, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, meta ddefinixxiet, fis-sentenza appellata, il-kriterji ġuridiċi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza, fil-kawża preżenti, ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan” fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, esponiet dan li ġej, fil-punti 124 u 125 ta’ dik is-sentenza:

“124   Skont il-ġurisprudenza, it-tipi ta’ ftehimiet elenkati fl-Artikolu 81(1)(a) sa (e) KE ma jifformawx lista eżawrjenti tal-kollużjonijiet ipprojbiti u, għaldaqstant, ma hemmx lok li l-kunċett ta’ ksur minħabba l-għan jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza [BIDS], punti 22 u 23).

125   Sabiex tiġi evalwata n-natura antikompetittiva ta’ ftehim jew ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, wieħed għandu jiffoka fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet segwiti minnu kif ukoll il-kuntest li jinsab fih. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li l-ftehim jew id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jkun jista’ jipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Fi kliem ieħor, dan jew din għandu sempliċement ikun jista’, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li jinsab fih, ixekkel, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fis-suq komuni. Ma huwiex neċessarju li l-kompetizzjoni tkun verament imxekkla, ristretta jew distorta u lanqas li jkun hemm rabta diretta bejn dik id-deċiżjoni u l-prezzijiet għall-konsumatur. Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ ftehim, xejn ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni jew lill-qrati Komunitarji milli joħduha inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, [EU:C:2009:343], punti 31, 39 u 43, u s-sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, [C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610], punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).”

56

Għandu jiġi kkonstatat li, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali parzjalment ma osservatx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, wettqet żbalji ta’ liġi f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kriterji ġuridiċi rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

57

Fil-fatt, minn naħa, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, meta ddefinixxiet il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, naqset milli tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq fil-punti 49 sa 52 tas-sentenza preżenti, u b’hekk, injorat li l-kriterju ġuridiku essenzjali sabiex tiddetermina jekk koordinazzjoni bejn impriżi tinkludix tali restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” jinsab fil-konstatazzjoni li tali koordinazzjoni għandha, fiha nnifisha, grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni.

58

Min-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat, fil-punt 124 tas-sentenza appellata u sussegwentement fil-punt 146 tal-istess sentenza, li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” ma għandux jiġi interpretat “b’mod restrittiv”. Fil-fatt, taħt piena li l-Kummissjoni tiġi eżentata mill-obbligu li tagħti prova tal-effetti konkreti fis-suq tal-ftehimiet li fir-rigward tagħhom xejn ma huwa stabbilit li dawn huma, min-natura tagħhom stess, ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” jista’ biss jiġi applikat għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju. Il-fatt li t-tipi ta’ ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 81(1) KE ma jiffurmawx lista eżawrjenti ta’ kollużjonijiet ipprojbiti huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

59

Madankollu għandu jiġi eżaminat jekk dawn l-iżbalji ta’ liġi kinux ta’ natura li jivvizzjaw l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 198, 227 u 234 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE sa fejn, essenzjalment, dawn ixekklu l-kompetizzjoni tal-membri l-ġodda fis-suq tal-ħruġ ta’ kards ta’ ħlas fi Franza.

61

Hekk kif jirriżulta mill-punti 137, 204, 220, 223, 238 u 267 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, wara li rriproduċiet, fil-punti 126 sa 133 ta’ din is-sentenza, il-kontenut ta’ diversi kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-għan antikompetittiv kien jirriżulta mill-arranġamenti stess ta’ kalkolu li kienu previsti għall-miżuri inkwistjoni.

62

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, fil-punti 76 u 140 sa 144 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-miżuri inkwistjoni kellhom għan leġittimu ta’ ġlieda kontra l-parassitiżmu tas-sistema CB ma kienx jeskludi li dawn jistgħu jitqiesu bħala li għandhom għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, u iktar u iktar li dan l-għan, kif kien jirriżulta mill-arranġamenti stess previsti għall-imsemmija miżuri, kien jikkontradixxi l-għanijiet iddikjarati mill-Groupement.

63

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari fil-punti 104 u 105 tas-sentenza appellata, li r-rekwiżiti ta’ bilanċ bejn l-attività ta’ ħruġ ta’ kards u dik ta’ akkwist fi ħdan is-sistema CB ma kellhomx jiġu eżaminati fil-kuntest tal-Artikolu 81(1) KE, peress li l-uniku suq li ġie analizzat kien is-suq downstream tal-ħruġ ta’ kards ta’ ħlas.

64

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset ukoll, b’mod partikolari, fil-punti 134, 136 u 267 tas-sentenza appellata, li huwa biss b’mod “addizzjonali u konfermatorju” li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-intenzjoni tal-Groupement, kif din kienet tirriżulta mid-dokumenti miġbura matul l-investigazzjonijiet li kienu jinkludu l-proposti tal-mexxejja fl-istadju tal-preparazzjoni tal-miżuri inkwistjoni.

65

Minkejja li b’hekk, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li l-għan restrittiv tal-miżuri inkwistjoni kien jirriżulta mill-kliem tagħhom stess, għandu jiġi kkonstatat li din, għall-kuntrarju, fl-ebda mument ma ġġustifikat, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni, fiex l-imsemmi kliem seta’ jitqies bħala li jiżvela l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

66

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ċertament irrilevat, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kkunsidrat, “fid-dawl tal-arranġamenti previsti mill-miżuri inkwistjoni u minħabba fid-diffikultà li tiġi żviluppata l-attività ta’ akkwist, li dawn il-miżuri kienu jimponu fuq il-membri tal-Groupement li kienu suġġetti għalihom, jew li jillimitaw l-attività ta’ ħruġ ta’ kards tagħhom, jew li jbatu l-ispejjeż (marbuta mal-ħruġ) li ma kinux sostnuti minn membri oħra tal-Groupement, fosthom il-mexxejja. Dawn l-arranġamenti jillimitaw b’hekk il-possibbiltà tal-membri hekk suġġetti sabiex jikkompetu (permezz tal-prezzijiet), fis-suq tal-ħruġ tal-kards, mal-membri tal-Groupement li ma kinux suġġetti għal dawn l-ispejjeż”.

67

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet indikat li l-funzjoni mogħtija mill-Groupement lill-MERFA, li tikkonsisti f’inkoraġġiment sabiex jiġi żviluppat l-akkwist, “kienet kontradetta mill-eżistenza ta’ kummissjonijiet interbankarji li jinkoraġġixxu l-ħruġ tal-kards […] u mill-fatt li l-miżata addizzjonali għas-sħubija u dik għal membri inattivi li jerġgħu jsiru attivi, kienu jissanzjonaw lill-banek li ma kinux ħarġu biżżejjed kards fil-passat reċenti”.

68

Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punti 197, 198, 227 u 234 tas-sentenza appellata, li l-miżuri kkontestati, bħal dawk inkwistjoni fis-sentenza BIDS, għandhom l-għan li jxekklu l-kompetizzjoni tal-operaturi l-ġodda fis-suq tal-ħruġ ta’ kards ta’ ħlas fi Franza, peress li dawn jimponu lill-banek suġġetti għalihom jew li jħallsu miżata, jew li jillimitaw l-attivitajiet tagħhom ta’ ħruġ ta’ kards.

69

Madankollu, minkejja li l-Qorti Ġenerali b’hekk esponiet ir-raġunijiet li għalihom il-miżuri inkwistjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-arranġamenti tagħhom, jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni u, għaldaqstant, jaqgħu taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 81(1) KE, madankollu, għall-kuntrarju, din bl-ebda mod ma ġġustifikat, kuntrarjament għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 49 u 50 tas-sentenza preżenti, fiex din ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni għandha grad ta’ dannu suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, peress li s-sentenza appellata ma tinkludi ebda analiżi dwar dan il-punt.

70

Minkejja, ċertament, hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat fil-punti 76 u 140 sa 144 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-miżuri inkwistjoni għandhom għan leġittimu ta’ ġlieda kontra l-parassitiżmu ma jeskludix li dawn jitqiesu bħala li għandhom għan ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan l-għan restrittiv għandu jiġi stabbilit.

71

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, billi kklassifikat il-miżuri inkwistjoni, mhux biss ivvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta motivazzjoni, iżda wkoll wettqet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 81(1) KE.

72

Fil-fatt, minkejja li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 204 u 247 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali warrbet, diversi drabi, l-affermazzjoni tal-appellant li tgħid li mill-arranġamenti previsti għall-miżuri inkwistjoni kien jirriżulta li dawn kienu intiżi li jiżviluppaw l-attivitajiet ta’ akkwist tal-membri sabiex twassal għal rata ta’ bilanċ ottimali bejn l-attivitajiet ta’ ħruġ ta’ kards u dawk ta’ akkwist, huwa għall-kuntrarju stabbilit, hekk kif jirriżulta, barra minn hekk, b’mod partikolari, mill-punti 198, 199, 245, 247 u 327 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija arranġamenti kienu jħeġġu lill-membri tal-Groupement, sabiex jevitaw il-ħlas tal-miżati stabbiliti permezz tal-imsemmija miżuri, sabiex ma jaqbżux ċertu volum ta’ ħruġ ta’ kards CB li jippermettilhom jilħqu proporzjon determinat bejn l-attivitajiet ta’ ħruġ ta’ kards u l-attivitajiet ta’ akkwist tal-membri tal-Groupement.

73

Issa, wara li indikat, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li l-Groupement huwa attiv fis-“suq tas-sistemi ta’ ħlas”, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 102 ta’ dik is-sentenza, irrilevat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li ma hijiex ikkontestata fil-kuntest tal-appell preżenti, li, f’dan il-każ, f’sistema ta’ ħlas permezz tal-kard b’żewġ lati, bħal dik tal-Groupement, l-attivitajiet ta’ ħruġ tal-kards u ta’ akkwist huma “indispensabbli” għal xulxin u għall-funzjonament ta’ din is-sistema, peress li, minn naħa, il-kummerċjanti ma jaċċettawx li jingħaqdu fl-imsemmija sistema kieku n-numru ta’ detenturi tal-kards kien insuffiċjenti u min-naħa l-oħra, il-konsumaturi ma jkunux iridu li jkollhom fil-pussess tagħhom kard li ma tistax tintuża għand numru suffiċjenti ta’ kummerċjanti.

74

Billi kkonstatat, konsegwentement, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li kienu jeżistu “interazzjonijiet” bejn l-attivitajiet ta’ “ħruġ ta’ kards” u ta’ “akkwist” ta’ sistema ta’ ħlas u li dawn l-attivitajiet jipproduċu “effetti tan-netwerk indiretti”, bl-importanza tal-aċċettazzjoni tal-kards mill-kummerċjanti u n-numru ta’ kards fiċ-ċirkulazzjoni jinfluwenzaw lil xulxin, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonkludi li l-miżuri inkwistjoni kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

75

Fil-fatt, billi aċċettat li l-arranġamenti użati f’dawn il-miżuri kienu intiżi li jistabbilixxu ċertu proporzjon bejn l-attivitajiet ta’ ħruġ ta’ kards u l-attivitajiet ta’ akkwist tal-membri tal-Groupement, il-Qorti Ġenerali setgħet, l-iktar l-iktar, tiddeduċi minn dan li l-imsemmija miżuri kellhom l-għan li jimponu kontribuzzjoni finanzjarja fuq il-membri tal-Groupement li jibbenefikaw mill-isforzi magħmula minn membri oħra għall-iżvilupp tal-attivitajiet ta’ akkwist tas-sistema. Issa, tali għan ma jistax jitqies bħala li huwa, min-natura tiegħu stess, ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, u l-Qorti Ġenerali stess ikkunsidrat, barra minn hekk, b’mod partikolari fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, li l-ġlieda kontra l-parassitiżmu tas-sistema CB kienet tikkostitwixxi għan leġittimu.

76

F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 149 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-analiżi tar-rekwiżiti ta’ bilanċ bejn l-attivitajiet ta’ ħruġ ta’ kards u ta’ akkwist fi ħdan is-sistema ta’ ħlas ma setgħetx issir fil-kuntest tal-Artikolu 81(1) KE, peress li s-suq rilevanti ma kienx dak tas-sistemi ta’ ħlas fi Franza, iżda s-suq downstream tal-ħruġ ta’ kards ta’ ħlas f’dan l-Istat Membru.

77

Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali ħawdet il-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq rilevanti u dik tal-kuntest li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina jekk il-kontenut ta’ ftehim jew ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jiżvelax l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

78

Fil-fatt, sabiex jiġi evalwat jekk koordinazzjoni bejn impriżi hijiex, min-natura tagħha stess, ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 53 tas-sentenza preżenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kull element rilevanti, b’teħid kont, b’mod partikolari, tan-natura tas-servizzi inkwistjoni kif ukoll tal-kundizzjonijiet reali ta’ funzjonament u tal-istruttura tas-swieq, relattiva għall-kuntest ekonomiku jew ġuridiku li fih taqa’ l-imsemmija koordinazzjoni, mingħajr ma jkun rilevanti jekk tali element jaqax jew le fis-suq rilevanti.

79

Dan għandu jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan l-element ikun jikkonsisti preċiżament fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ interazzjonijiet bejn is-suq rilevanti u suq konness distint (ara, b’anloġija, is-sentenzi Delimitis, C‑234/89, EU:C:1991:91, punti 17 sa 23, kif ukoll Allianz Hungária Biztosító et, EU:C:2013:160, punt 42) u, iktar u iktar, meta jkunu jeżistu, bħal f’dan il-każ, interazzjonijiet bejn iż-żewġ komponenti ta’ sistema b’żewġ lati.

80

Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li l-miżuri inkwistjoni, hekk kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 198, 227 u 234 tas-sentenza appellata, ixekklu l-kompetizzjoni li tirriżulta mill-operaturi l-ġodda, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diffikultà maħluqa minn dawn il-miżuri sabiex l-attività ta’ akkwist ta’ dawn il-membri ġodda tikber, u saħansitra jwasslu għall-esklużjoni ta’ dawn tal-aħħar mis-sistema, skont, hekk kif BPCE sostniet matul is-seduta, il-livell ta’ miżati meħtieġa b’applikazzjoni tal-imsemmija miżuri.

81

Madankollu, tali konstatazzjoni, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 131 tal-konklużjonijiet tiegħu, taqa’ taħt eżami tal-effetti tal-imsemmija miżuri fuq il-kompetizzjoni u mhux taħt l-għan ta’ dawn il-miżuri.

82

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, taħt kopertura ta’ eżami tal-“għażliet” disponibbli għall-membri tal-Groupement permezz tal-miżuri inkwistjoni, fil-punti 161 sa 193 tas-sentenza appellata, li fi tmiemu hija kkonkludiet, fil-punt 194 ta’ dik is-sentenza, li “l-MERFA fil-prattika kien iħalli żewġ għażliet lill-banek suġġetti għalih: il-ħlas ta’ miżata jew il-limitazzjoni tal-ħruġ ta’ kards CB”, fil-verità l-Qorti Ġenerali evalwat l-effetti potenzjali tal-imsemmija miżuri, billi wettqet l-analiżi tad-diffikultajiet għall-banek li jiżviluppaw l-attività ta’ akkwist abbażi ta’ informazzjoni tas-suq, ta’ dikjarazzjonijiet ta’ ċerti banek u ta’ dokumenti miġbura waqt l-investigazzjonijiet, biex b’hekk hija stess uriet li l-miżuri inkwistjoni ma setgħux jitqiesu “min-natura tagħhom stess” bħala ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni.

83

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punti 197 u 198 tas-sentenza appellata, qieset li l-miżuri inkwistjoni setgħu jitqiesu bħala analogi għal dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza BIDS, fejn fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehimiet imsemmija (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet BIDS”), konklużi bejn l-għaxar impriżi prinċipali li jipproċessaw il-laħam taċ-ċanga u tal-vitella fl-Irlanda, membri tal-BIDS, kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

84

Fil-fatt, il-ftehimiet BIDS, billi pprevedew tnaqqis tal-kapaċitajiet tal-ipproċessar b’25 %, kienu essenzjalment intiżi, skont kliemhom stess, li jippermettu lil diversi impriżi li jimplementaw politika komuni li għandha l-għan li tiffavorixxi l-ħruġ ta’ xi wħud minnhom mis-suq u li tnaqqas, konsegwentement, l-eċċessi ta’ kapaċità li jaffettwaw il-profittabbiltà tagħhom billi xxekkilhom milli jwettqu ekonomija ta’ skala. Il-ftehimiet BIDS għaldaqstant kellhom l-għan li jibdlu b’mod sostanzjali l-istruttura tas-suq permezz ta’ mekkaniżmu intiż li jinkoraġġixxi l-ħruġ ta’ impriżi kompetituri bl-għan, minn naħa, li jiżdied il-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq ikkonċernat billi jitnaqqas b’mod sinjifikattiv in-numru ta’ impriżi li joffru servizzi ta’ pproċessar u, min-naħa l-oħra, li jitnaqqsu kważi 75 % tal-kapaċitajiet eċċessivi ta’ produzzjoni (sentenza BIDS, punti 31 sa 33).

85

Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali f’xejn ma kkonstatat, u barra minn hekk imkien ma ġie sostnut quddiemha li l-miżuri inkwistjoni, bħall-ftehimiet BIDS, kienu intiżi li jemendaw b’mod sostanzjali l-istruttura tas-suq ikkonċernat permezz ta’ mekkaniżmu intiż li jinkoraġġixxi l-ħruġ ta’ impriżi kompetituri u, għaldaqstant, li dawn il-miżuri għandhom grad ta’ dannu bħal dak tal-ftehimiet BIDS.

86

Minkejja li, ċertament, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 198 tas-sentenza appellata, li l-miżuri inkwistjoni kienu jinkoraġġixxu lill-membri tal-Groupement sabiex ma jaqbżux ċertu volum ta’ ħruġ ta’ kards CB, l-għan ta’ tali inkoraġġiment kien, skont il-konstatazzjonijiet tagħha stess fil-punti 245, 247 u 327 ta’ dik is-sentenza, mhux li titnaqqas produzzjoni żejda fis-suq tal-ħruġ tal-kards ta’ ħlas fi Franza, iżda sabiex jintlaħaq proporzjon partikolari bejn l-attivitajiet ta’ akkwist tal-membri tal-Groupement sabiex is-sistema CB tiżviluppa iktar.

87

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikklassifika l-miżuri inkwistjoni bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

88

Billi l-intenzjonijiet tal-Groupement ma jistgħux, waħedhom, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 tas-sentenza preżenti, ikunu biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv u billi l-Qorti Ġenerali stess, barra minn hekk, indikat fil-punti 134, 136 u 267 tas-sentenza appellata, li l-analiżi tagħhom kienet twettqet b’mod addizzjonali u konfermatorju, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, fil-punti 251 sa 266 ta’ din is-sentenza, lanqas ma jistgħu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-appellant fuq dan il-punt, jiġġustifikaw tali klassifikazzjoni.

89

Meħuda flimkien, l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-kriterji ġuridiċi rilevanti sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata u l-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE juru, barra minn hekk, nuqqas ġenerali ta’ analiżi min-naħa tal-Qorti Ġenerali u b’hekk huma xhieda ta’ assenza ta’ eżami komplet u fil-fond tal-argumenti tal-appellanti u tal-partijiet li talbu l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni.

90

Billi llimitat ruħha, ripetutament, b’mod partikolari fil-punti 126 sa 136 tas-sentenza appellata, li tirriproduċi l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali fil-fatt astjeniet milli tistħarreġ, filwaqt li kienet obbligata tagħmel hekk, jekk l-elementi meqjusa mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni kinux jippermettulha li ġustament tikkonkludi li l-miżuri inkwistjoni, fid-dawl ta’ kliemhom, l-għanijiet tagħhom u l-kuntest tagħhom, kellhom grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex jitqiesu bħala li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, u, għaldaqstant, jekk l-imsemmija elementi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għal dan l-għan.

91

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tosserva l-livell ta’ stħarriġ meħtieġ mill-ġurisprudenza kif espost fil-punti 42 sa 46 tas-sentenza preżenti.

92

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li l-miżuri inkwistjoni kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, wettqet żbalji ta’ liġi u naqset milli tosserva l-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju meħtieġ mill-ġurisprudenza.

93

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel aggravju tal-appell jintlaqa’.

94

Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra invokati mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu.

Fuq ir-rinviju tal-kawża lill-Qorti Ġenerali

95

Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant hija tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi din tal-aħħar.

96

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-annullament tas-sentenza appellata ma humiex ta’ natura li jwasslu għall-annullament totali tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-imsemmija raġunijiet iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni biss sa fejn din tikkonstata li l-miżuri inkwistjoni għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

97

Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 tas-sentenza preżenti, għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk, hekk kif il-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, il-ftehimiet inkwistjoni għandhomx “l-għan” li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

98

Madankollu, dan l-aspett tal-kawża jinvolvi l-eżami ta’ kwistjonijiet ta’ fatt kumplessi abbażi ta’ elementi li, minn naħa, ma ġewx evalwati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, peress li din qieset, fil-punti 270 u 271 ta’ din is-sentenza, li tali eżami kien superfluwu, billi din ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji ta’ liġi meta kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri inkwistjoni kellhom għan antikompetittiv, u, min-naħa l-oħra, ma ġewx diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bir-riżultat li, fuq dan il-punt, il-kawża ma tinstabx fl-istat li tiġi deċiża.

99

Għaldaqstant, il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tad-29 ta’ Novembru 2012, CB vs Il‑Kummissjoni (T‑491/07), hija annullata.

 

2)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq