EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0507

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Ġunju 2014.
Jessy Saint Prix vs Secretary of State for Work and Pensions.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 45 TFUE — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 7 — Kunċett ta’ ‘ħaddiem’ — Ċittadina tal-Unjoni Ewropea li rrinunzjat għax-xogħol minħabba limitazzjonijiet fiżiċi marbuta mal-aħħar stadji ta’ tqala u mal-effetti tal-ħlas.
Kawża C‑507/12.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2007

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 45 TFUE — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 7 — Kunċett ta’ ‘ħaddiem’ — Ċittadina tal-Unjoni Ewropea li rrinunzjat għax-xogħol minħabba limitazzjonijiet fiżiċi marbuta mal-aħħar stadji ta’ tqala u mal-effetti tal-ħlas”

Fil-Kawża C‑507/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Novembru 2012, fil-proċedura

Jessy Saint Prix

vs

Secretary of State for Work and Pensions,

fil-preżenza ta’:

AIRE Centre,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), il-President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Novembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Saint Prix, minn R. Drabble, QC, inkarigat minn M. Spencer, solicitor,

għal AIRE Centre, minn J. Stratford, QC, u M. Moriarty, barrister, inkarigati minn D. Das, solicitor,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye u A. Robinson, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennely u J. Coppel, barristers,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Tufvesson, kif ukoll minn J. Enegren u M. Wilderspin, bħala aġenti,

għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn X. Lewis kif ukoll minn M. Moustakali u C. Howdle, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal‑membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn J. Saint Prix u s-Secretary of State for Work and Pensions (iktar ’il quddiem, is-“Secretary of State”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtiha suppliment tad-dħul.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 sa 4 u 31 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdu:

“(2)

Il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet fundamentali fis-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-libertà hi żgurata skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat [KE].

(3)

Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

(4)

Bil-għan li jiġi rrimedjat dan l-approċċ settorjali u frammentarju tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, hemm il-bżonn li jkun hemm att leġislattiv uniku li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema fil-Komunità [(ĠU L 257, p. 2), kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2434/92/KEE, tas-27 ta’ Lulju 1992 (ĠU L 245, p. 1)], u li jħassar l-atti li ġejjin: id-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għall-ħaddiema ta’ l-Istati Membri u għall-familji tagħhom [(ĠU L 257, p. 13)], id-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta’ Mejju 1973 dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ stabbiliment u ta’ provvediment ta’ servizzi [(ĠU L 172, p. 14)], id-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza [(ĠU L 180, p. 26)], id-Direttiva tal-Kunsill 90/365/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività professjonali tagħhom [(ĠU L 180, p. 28)] u d-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1993 dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti [(ĠU L 317, p. 59)].

[...]

(31)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Skond il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li tinsab fil-Karta, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni bejn il-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva minħabba sess, razza, kulur tal-ġilda, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta’ natura oħra, sħubija f’minoranza etnika, proprjetà, twelid, diżabilità, età, jew preferenzi sesswali.”

4

Skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2004/38:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom.”

5

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprevedi fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti […]

[...]

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

(b)

il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

(ċ)

il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

(d)

il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta’ l-istatus ta’ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.”

6

L-Artikolu 16(1) u (3) tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. [...]

[...]

3.   Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.”

Id-dritt tar-Renju Unit

7

Il-Liġi tal-1992 dwar il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (Social Security Contributions and Benefits Act 1992) u r-Regolamenti (Ġenerali) tal-1987 dwar is-suppliment tad-dħul [Income Support (General) Regulations 1987] jikkostitwixxu l-leġiżlazzjoni applikabbli għas-suppliment tad-dħul.

8

Is-suppliment tad-dħul huwa benefiċċju mogħti fuq il-bażi tal-mezzi tal-applikant għal diversi kategoriji ta’ persuni li fosthom tinsab, skont l-Artikolu 4ZA ta’ dawn ir-regolamenti, moqri flimkien mal-punt 14(b) tal-Anness 1B tal-istess regolamenti, dik tan-nisa li huma jew kienu “[tqal] iżda biss għall-perijodu li jibda jiddekorri ħdax-il ġimgħa qabel il-ġimgħa prevista għall-ħlas [tal-wild tagħhom] u li jispiċċa ħmistax-il ġimgħa wara d-data li fiha t-tqala [tagħhom] tintemm”.

9

L-għoti ta’ dan il-benefiċċju jipprevedi, inter alia, skont l-Artikolu 124(1)(b) tal-Liġi tal-1992 dwar il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, li d-dħul tal-benefiċjarju ma jaqbiżx l-“ammont applikabbli” stabbilit. Meta dan l-ammont huwa żero, ma jingħata l-ebda benefiċċju.

10

Skont il-punt 17 tal-Anness 7 tar-Regolamenti (Ġenerali) tal-1987 dwar is-suppliment tad-dħul, l-ammont applikabbli stabbilit għal “persuna ta’ oriġini barranija” huwa żero.

11

L-Artikolu 21AA(1) ta’ dawn ir-regolamenti jiddefinixxi l-kunċett ta’ “persuna ta’ oriġini barranija” bħala “applikant li ma għandux residenza abitwali fir-Renju Unit [...]”.

12

Skont l-Artikolu 21AA(2) ta’ dawn ir-regolamenti, sabiex tkun tista’ titqies li tirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit, il-persuna li titlob is-suppliment tad-dħul għandu jkollha dritt għal “dritt ta’ residenza” f’dan l-Istat Membru.

13

Skont l-Artikolu 21AA(4) tal-istess regolament:

“Applikant ma jkunx persuna ta’ oriġini barranija jekk ikun:

a)

ħaddiem impjegat għall-finijiet tad-Direttiva [2004/38];

b)

ħaddiem li jaħdem għal rasu għall-finijiet ta’ din id-direttiva;

c)

persuna li żżomm waħda mill-kwalitajiet previsti fis-subparagrafu a) jew b) iktar ’il fuq b’mod konformi mal-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva;

d)

persuna li hija membru tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ta’ persuna prevista fis-subparagrafu a), b), jew c) iktar ’il fuq;

e)

persuna li għandha dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

J. Saint Prix hija ċittadina Franċiża li daħlet fir-Renju Unit fl-10 ta’ Lulju 2006 fejn hija ħadmet, prinċipalment bħala għalliema awżiljarja, mill-1 ta’ Settembru 2006 sal-1 ta’ Awwissu 2007. Sussegwentement, hija rreġistrat fl-Università ta’ Londra għal kors li jwassal għal kisba ta’ ċertifikat ta’ kapaċità bħala għalliem, b’perijodu ta’ studju previst li jestendi mis-17 ta’ Settembru 2007 sas-27 ta’ Ġunju 2008.

15

Matul dan il-perijodu, hija ħarġet tqila, bid-data tal-ħlas prevista għat-2 ta’ Ġunju 2008.

16

Fit-22 ta’ Jannar 2008, bit-tama li ssib xogħol fi skola sekondarja, J. Saint Prix irreġistrat f’aġenzija ta’ xogħol temporanju u, fl-1 ta’ Frar 2008, hija abbandunat il-kors li hija kienet qiegħda ssegwi fl-Università ta’ Londra. Peress li ebda skola sekondarja ma kienet disponibbli, hija ħadmet għalhekk b’mod temporanju fi skejjel tan-nuna. Fit-12 ta’ Marzu 2008, meta hija kellha kważi sitt xhur tqala, J. Saint Prix telqet madankollu dan l-impjieg peress li x-xogħol li tieħu ħsieb tfal żgħar tal-iskejjel tan-nuna sar wisq impenjattiv għaliha. Matul xi jiem, hija fittxet mingħajr suċċess xogħol iktar adattat għall-istat ta’ tqala tagħha.

17

Fit-18 ta’ Marzu 2008, jiġifieri ħdax-il ġimgħa qabel id-data prevista għall-ħlas, J. Saint Prix ressqet applikazzjoni għal suppliment tad-dħul. Peress li din l-applikazzjoni ġiet miċħuda mis-Secretary of State b’deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2008, hija ressqet azzjoni quddiem il-First-tier Tribunal.

18

Fil-21 ta’ Awwissu 2008, jiġifieri tliet xhur wara t-twelid primatur tal-wild tagħha, J. Saint Prix reġgħet bdiet taħdem.

19

B’deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2008, il-First-tier Tribunal laqa’ l-azzjoni tagħha. Madankollu, fis-7 ta’ Mejju 2010, l-Upper Tribunal laqa’ l-appell imressaq mis-Secretary of State kontra din id-deċiżjoni. Peress li l-Court of Appeal ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Upper Tribunal, J. Saint Prix adixxiet lill-qorti tar-rinviju.

20

Din il-qorti tal-aħħar tistaqsi dwar jekk mara tqila li tieqaf temporanjament mix-xogħol minħabba t-tqala tagħha għandhiex titqies “ħaddiem” għall-finijiet tal-moviment liberu tal-ħaddiema stipulat fl-Artikolu 45 TFUE u għall-finijiet tad-dritt ta’ residenza mogħti mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li la l-Artikolu 45 TFUE u lanqas l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva ma jagħtu definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem”.

22

Għalhekk, din il-qorti tikkunsidra, essenzjalment, li, billi adotta l-istess direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jikkodifika l-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza eżistenti, huwa madankollu ma riedx jeskludi żvilupp sussegwenti tal-kunċett ta’ “ħaddiem” fid-dawl ta’ sitwazzjonijiet li ma kinux espressament previsti meta saret din l-adozzjoni. Minħabba f’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, filwaqt li tqis iċ-ċirkustanzi partikolari bħal dawk li jikkaratterizzaw it-tqala u l-effetti immedjati tal-ħlas, tiddeċiedi li testendi dan il-kunċett għan-nisa tqal li jitilqu l-impjieg tagħhom għal żmien raġonevoli.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt ta’ residenza mogħti lill-‘ħaddiem’ mill-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza għandu jiġi interpretat bħala li japplika biss għal dawk li huma i) f’relazzjoni ta’ xogħol eżistenti, ii) ([tal]-inqas f’ċerti ċirkustanzi) qed ifittxu impjieg jew iii) koperti mill-estensjonijiet tal-Artikolu 7(3) [ta’ din id-direttiva], jew inkella [l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva] għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix ir-rikonoxximent ta’ persuni oħra li jibqgħu ‘ħaddiema’ għal dan il-għan?

2)

a)

F’din l-aħħar ipoteżi, dan japplika wkoll għal mara li, leġittimament, tieqaf taħdem jew tfittex impjieg, minħabba limitazzjonijiet fiżiċi marbuta mal-aħħar stadji tat-tqala tagħha (u wara l-ħlas)?

b)

Jekk iva, hija għandha d-dritt li tibbenefika mid-definizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti tal-mument meta huwa leġittimu li hija tieqaf taħdem jew li hija tieqaf tfittex impjieg?”

Fuq id-domandi preliminari

24

Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikoli 45 TFUE u 7 tad-Direttiva 2004/38, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li mara, li tieqaf milli taħdem jew milli tfittex xogħol minħabba limitazzjonijiet fiżiċi marbuta mal-aħħar stadji tat-tqala tagħha u mal-effetti tal-ħlas, iżżomm il-kwalità ta’ “ħaddiem” fis-sens ta’ dawn l-artikoli.

25

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu qabelxejn jitfakkar li mit-tielet u mir-raba’ premessi ta’ din id-direttiva jirriżulta li din għandha l-għan li tirrimedja l-approċċ settorjali u frammentorju tad-dritt fundamentali u individwali taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt billi tifformula att leġiżlattiv uniku li jikkodifika u jirrevedi l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni li jippreċedu l-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ziolkowski u Szeja, C-424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 37).

26

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li din tal-aħħar għandha l-għan li tispeċifika l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, li fosthom tinsab, fir-rigward ta’ residenzi għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur, b’mod partikolari dik stipulata fl-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandu jkollhom il-kwalità ta’ ħaddiem impjegat jew ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

L-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, jispeċifika li, għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a) tal-istess direttiva, iċ-ċittadin tal-Unjoni li ma jeżerċitax iktar attività bħala ħaddiem impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha, iżomm xorta waħda l-kwalità ta’ ħaddiem f’każijiet partikolari, jiġifieri meta dan iġarrab inkapaċità temporanja għax-xogħol minħabba mard jew inċident, meta, f’ċerti każijiet, huwa jsib ruħu b’mod involontarju mingħajr xogħol, jew ukoll meta jibda, taħt kundizzjonijiet determinati, taħriġ professjonali.

28

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 ma jipprovdix espressament għas-sitwazzjoni ta’ mara li tkun tinsab f’sitwazzjoni partikolari minħabba limitazzjonijiet fiżiċi marbuta mal-aħħar stadji tat-tqala tagħha u mal-effetti tal-ħlas tal-wild tagħha.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tqala għandha tinżamm b’mod ċar distinta mill-mard fis-sens li t-tqala ma għandha bl-ebda mod tixxebbah ma’ stat patoloġiku (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Webb, C‑32/93, EU:C:1994:300, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Minn dan isegwi li mara li tkun fis-sitwazzjoni ta’ J. Saint Prix, li tieqaf temporanjament mix-xogħol minħabba l-aħħar stadji tat-tqala tagħha u l-effetti tal-ħlas, ma tistax tiġi kklassifikata bħala persuna milquta b’inkapaċità temporanja għax-xogħol li tirriżulta minn mard, skont l-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

31

Madankollu, la mill-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva meqjus fit-totalità tiegħu u lanqas minn dispożizzjonijiet oħra tal-istess direttiva ma jirriżulta li, f’tali ċirkustanzi, ċittadin tal-Unjoni li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu huwa, minħabba f’hekk, sistematikament imċaħħad mill-istatus ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.

32

Fil-fatt, il-kodifikazzjoni intiża mill-imsemmija direttiva tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni li jippreċeduha, maħsuba espressament sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, ma tistax, fiha nfisha, tillimita l-portata tal-kunċett ta’ ħaddiem fis-sens tat-Trattat FUE.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, sa fejn din tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ libertà fundamentali prevista mit-Trattat FUE, għandu jiġi interpretat b’mod estensiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza N., C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Huwa minn din il-perspettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li kull ċittadin ta’ Stat Membru, indipendentement mill-post ta’ residenza tiegħu u min-nazzjonalità tiegħu, li jkun għamel użu mid-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema u li jkun eżerċita attività professjonali fi Stat Membru li ma jkunx dak tar-residenza, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ritter-Coulais, C‑152/03, EU:C:2006:123, punt 31, u Hartmann, C‑212/05, EU:C:2007:437, punt 17).

35

Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fil-kuntest tal-Artikolu 45 TFUE, li l-persuna li twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra jew taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li għalihom hija tirċievi remunerazzjoni, għandha titqies li hija ħaddiem. Ladarba r-relazzjoni ta’ xogħol tintemm, il-persuna kkonċernata titlef bħala prinċipju l-kwalità ta’ ħaddiem, mingħajr ħsara madankollu għall-fatt li, minn naħa, din il-kwalità tista’ tipproduċi ċerti effetti wara t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol u li, min-naħa l-oħra, persuna li verament tfittex impjieg għandha wkoll tiġi kklassifikata bħala ħaddiem (sentenza Caves Krier Frères, C-379/11, EU:C:2012:798, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Minħabba f’hekk, u għall-finijiet ta’ din il-kawża, għandu jiġi enfasizzat li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika d-dritt għaċ-ċittadini tal-Istati Membri li jiċċaqilqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra u li jirrisjedu fih sabiex ifittxu impjieg (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Antonissen, C-292/89, EU:C:1991:80, punt 13).

37

Minn dan isegwi li l-klassifikazzjoni bħala ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, kif ukoll id-drittijiet li jirriżultaw minn tali status, ma jiddependux neċessarjament mill-eżistenza jew mill-kontinwità effettiva ta’ relazzjoni ta’ xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lair, 39/86, EU:C:1988:322, punti 31 u 36).

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi affermat, kuntrarjament għal dak li l-Gvern tar-Renju Unit isostni, li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 jelenka b’mod eżawrjenti ċ-ċirkustanzi li fihom ħaddiem migrant, li ma jibqax f’relazzjoni ta’ impjieg, jista’ xorta waħda jibqa’ jibbenefika minn dan l-istatus.

39

Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, mingħajr ma ġie kkontestat mill-partijiet fil-kawża prinċipali, li J. Saint Prix eżerċitat attivitajiet bħala persuna impjegata fit-territorju tar-Renju Unit, qabel ma waqfet taħdem, f’inqas minn tliet xhur qabel it-twelid tal-wild tagħha, minħabba limitazzjonijiet fiżiċi marbuta mal-aħħar stadji tat-tqala tagħha u mal-effetti immedjati tal-ħlas. Mingħajr ma telqet mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru matul il-perijodu ta’ interruzzjoni mill-attività professjonali tagħha, hija assumiet mill-ġdid ix-xogħol tliet xhur wara t-twelid tal-wild tagħha.

40

Issa, il-fatt li dawn il-limitazzjonijiet jġiegħlu mara tieqaf milli teżerċita attività bħala persuna impjegata matul il-perijodu neċessarju sabiex tirkupra ma huwiex, bħala prinċipju, ta’ natura li jċaħħad lil din il-persuna mill-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.

41

Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li għal xi xhur tali persuna ma kinitx effettivament preżenti fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti ma timplikax li din il-persuna ma baqgħetx tappartjeni għal dan is-suq matul dan il-perijodu, sakemm hija tassumi mill-ġdid ix-xogħol tagħha jew issib impjieg ieħor fi żmien raġonevoli wara l-ħlas (ara, b’analoġija, is-sentenza Orfanopoulos u Oliveri, C-482/01 u C-493/01, EU:C:2004:262, punt 50).

42

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-perijodu li jkun għadda bejn il-ħlas u l-bidu mill-ġdid tax-xogħol jistax jitqies li huwa raġonevoli, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali kkonċernata li tqis iċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha tal-każ fil-kawża prinċipali u r-regoli nazzjonali applikabbli li jirregolaw it-tul tal-leave tal-maternità, b’mod konformi mal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).

43

Is-soluzzjoni dedotta fil-punt 41 ta’ din is-sentenza hija konformi mal-għan imfittex mill-Artikolu 45 TFUE li ħaddiem ikun jista’ jiċċaqlaq liberament fit-territorju ta’ Stati Membri oħra u li jirrisjedi fih sabiex jeżerċita fih impjieg (ara s-sentenza Uecker u Jacquet, C-64/96 u C-65/96, EU:C:1997:285, punt 21).

44

Fil-fatt, kif il-Kummissjoni Ewropea sostniet, ċittadina tal-Unjoni tkun skoraġġita milli teżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tagħha jekk, fil-każ li hija tkun tqila fl-Istat ospitanti u titlaq minħabba f’hekk l-impjieg tagħha, u dan biss għal żmien qasir, hija tirriskja li titlef il-kwalità ta’ ħaddiem f’dan l-Istat.

45

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni jiggarantixxi lin-nisa protezzjoni partikolari minħabba l-maternità. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ ħames snin ta’ residenza fit-territorju fl-Istat Membru ospitanti li jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti f’dan it-territorju, li l-kontinwità ta’ tali residenza ma għandhiex tkun affettwata minn, inter alia, assenza mhux interrotta ta’ tnax-il xahar konsekuttivi bħala massimu għal raġunijiet importanti, bħalma huma t-tqala u l-ħlas.

46

Issa, skont din il-protezzjoni, jekk assenza motivata minn avveniment importanti bħalma hija t-tqala jew il-ħlas ma taffettwax il-kontinwità tar-residenza ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti meħtieġa sabiex jingħata dan id-dritt, limitazzjonijiet fiżiċi marbuta mal-aħħar stadji tat-tqala u mal-effetti immedjati ta’ ħlas, li jġiegħlu mara tieqaf temporanjament mix-xogħol, ma jistgħux, a fortiori, iwasslu sabiex din tal-aħħar titlef il-kwalità ta’ ħaddiem.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li mara, li tieqaf mix-xogħol jew milli tfittex impjieg minħabba limitazzjonijiet fiżiċi marbuta mal-aħħar stadji tat-tqala tagħha u mal-effetti tal-ħlas, iżżomm il-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, sakemm hija tassumi mill-ġdid ix-xogħol tagħha jew issib impjieg ieħor fi żmien raġonevoli wara t-twelid tal-wild tagħha.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti tal-aħħar li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li mara, li tieqaf mix-xogħol jew milli tfittex impjieg minħabba limitazzjonijiet fiżiċi marbuta mal-aħħar stadji tat-tqala tagħha u mal-effetti tal-ħlas, iżżomm il-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, sakemm hija tassumi mill-ġdid ix-xogħol tagħha jew issib impjieg ieħor fi żmien raġonevoli wara t-twelid tal-wild tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq