Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0565

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-27 ta’ Marzu 2014.
    LCL Le Crédit Lyonnais SA vs Fesih Kalhan.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’instance d’Orléans.
    Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi — Direttiva 2008/48/KE — Artikoli 8 u 23 — Obbligu ta’ verifika prekuntrattwali, għal persuna li ssellef, tas-solvenza tal-persuna li tissellef — Dispożizzjoni nazzjonali li timponi l-konsultazzjoni ta’ database — Revoka tal-interessi miftiehma fil-każ ta’ ksur ta’ tali obbligu — Natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjoni.
    Kawża C‑565/12.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:190

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    27 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

    “Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi — Direttiva 2008/48/KE — Artikoli 8 u 23 — Obbligu ta’ verifika prekuntrattwali, għal persuna li ssellef, tas-solvenza tal-persuna li tissellef — Dispożizzjoni nazzjonali li timponi l-konsultazzjoni ta’ database — Revoka tal-interessi miftiehma fil-każ ta’ ksur ta’ tali obbligu — Natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjoni”

    Fil-Kawża C-565/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal d’instance d’Orléans (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura

    LCL Le Crédit Lyonnais SA

    vs

    Fesih Kalhan,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan, J. Malenovský, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal LCL Le Crédit Lyonnais SA, minn C. Vexliard, avukat,

    għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Menez, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea minn M. van Beek u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66 u r-rettifiki – ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, u ĠU 2011, L 234, p. 46).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn LCL Le Crédit Lyonnais SA (iktar ’il quddiem “LCL”) u F. Kalhan dwar talba għal ħlas ta’ somom li jifdal dovuti fuq self personali li din il-kumpannija kienet tat lil dan tal-aħħar u li għalih huwa inadempjenti fil-ħlas.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 7, 9, 26, 28 u 47 tad-Direttiva 2008/48 huma redatti kif ġej:

    “(7)

    Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. […]

    […]

    (9)

    Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. […]

    [...]

    (26)

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu prattiki responsabbli matul il-fażijiet kollha tar-relazzjoni ta’ kreditu [self] b’kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq ta’ kreditu tagħhom. [...] Fis-suq ta’ kreditu li qed jikber huwa, b’mod partikolari, importanti li l-kredituri [l-persuni li jsellfu] jiddeżistu milli a jimpenjaw ruħhom f’self irresponsabbli jew jagħtu kreditu qabel ma jivvalutaw l-affidabbilità finanzjarja [solvenza], u l-Istati Membri għandhom jwettqu s-superviżjoni meħtieġa biex tiġi evitata tali mġieba u għandhom jiddeterminaw il-mezzi meħtieġa biex jissanzjonaw lil kredituri fil-każ fejn dan jiġri. […]

    […]

    (28)

    Sabiex jivvaluta l-istatus ta’ kreditu [s-solvenza] ta’ konsumatur, il-kreditur għandu wkoll jikkonsulta databases rilevanti; iċ-ċirkostanzi legali u attwali jistgħu jirrikjedu li tali konsultazzjonijiet ivarjaw fil-profondità. […]

    […]

    (47)

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjoniali adottati f’konformita’ ma’ din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. Filwaqt li l-għażla tal-penali [sanzjonijiet] tibqa’ fid-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

    4

    L-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva, intitolat “Obbligu li tiġi vvalutata l-affidabbiltà finanzjarja [s-solvenza] tal-konsumatur”, jipprovdi li:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim [kuntratt] ta’ kreditu, il-kreditur jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja [s-solvenza] tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, fejn ikun il-każ miksuba mill-konsumatur u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti. L-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni fil-preżent diġà tirrikjedi li l-kredituri jivvalutaw l-affidabilità finanzjarja tal-konsumaturi fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti jistgħu jżommu dan ir-rekwiżit.”

    5

    L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Penali [Sanzjonijiet]”, jipprovdi li:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali [sanzjonijiet] applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.”

    Id-dritt Franċiż

    6

    Il-Liġi Nru 2010-737, tal-1 ta’ Lulju 2010, li tirrigwarda riforma tal-kreditu għall-konsum (JORF tat-2 ta’ Lulju 2010, p. 12001), li hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48 fid-dritt intern Franċiż, ġiet integrata fl-Artikoli L. 311-1 et seq tal-Kodiċi tal-Konsum.

    7

    L-Artikolu L. 311-9 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li:

    “Qabel tikkonkludi l-kuntratt ta’ kreditu, il-persuna li ssellef għandha tivverifika s-solvenza tal-persuna li tissellef minn numru suffiċjenti ta’ informazzjoni, inkluża l-informazzjoni pprovduta minn din tal-aħħar fuq it-talba tal-persuna li ssellef. Il-persuna li ssellef għandha tikkonsulta r-reġistru previst fl-Artikolu L. 333-4, fil-kundizzjonijiet previsti mid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu L.333-5.”

    8

    Fis-26 ta’ Ottubru 2010, ġiet adottata d-Deċiżjoni Ministerjali dwar ir-reġistru nazzjonali ta’ nuqqasijiet ta’ rimbors tal-krediti għall-individwi, kif previst fl-Artikolu L.333-5 tal-Kodiċi tal-Konsum (iktar ’il quddiem ir-“reġistru nazzjonali”). Din id-deċiżjoni tippreskrivi l-modalitajiet li jipprovdu li l-persuni li jsellfu għandhom iżommu l-provi tal-konsultazzjoni tar-reġistru nazzjonali sabiex jipproduċuhom fil-każ ta’ tilwima jew ta’ verifika.

    9

    It-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu L.311-48 tal-Kodiċi tal-Konsum jipprovdu li:

    “Meta l-persuna li ssellef ma tosservax l-obbligi ffissati fl-Artikoli L.311-8 u L. 311-9, hija tiġi rrevokata d-dritt għall-interessi, totalment jew parzjalment jew fil-proporzjon iffissat mill-imħallef. […]

    Il-persuna li tissellef hija meħtieġa li tirrimborsa biss il-kapital skont l-iskeda prevista, kif ukoll, skont il-każ, il-ħlas tal-interessi li l-persuna li ssellef ma tkunx ġiet irrevokata. Is-somom riċevuti fir-rigward tal-interessi, li jipproduċu interessi bir-rata leeglai mill-jum tal-ħlas tagħhom, jitħallsu lura mill-persuna li ssellef jew jiġu imputati fuq il-kapital jifdal dovut.”

    10

    Skont l-Artikolu L. 313-3 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju:

    “Fil-każ ta’ kundanna pekunarja permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ir-rata tal-initeressi legali tiżdied b’ħames punti fl-iskadenza ta’ terminu ta’ xahrejn mill-jum li fih id-deċiżjoni ġudizzjara saret eżekuttiva, anki permezz ta’ dispożizzjoni. […]

    Madankollu, il-qorti tal-eżekuzzjoni tista’, fuq it-talba tad-debitur jew tal-kreditur, u billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tad-debitur, teżenta lil dan tal-aħħar minn din iż-żieda jew tnaqqas l-ammont tagħha.”

    11

    L-ewwel sat-tielet paragrafi tal-Artikolu 1153 tal-Kodiċi Ċivili huwa fformulat kif ġej:

    “Fl-obbligi li huma limitati għall-ħlas ta’ ċerta somma, id-dannu li jirriżulta mid-dewmien fl-eżekuzzjoni jikkonsisti dejjem biss fil-kundanna għall-interessi legali, ħlief ir-regoli speċifiċi dwar il-kummerċ u l-garanzija.

    Dawn id-danni huma dovuti mingħajr ma l-kreditur ikun obbliguat li jiġġustifika ebda telf.

    Huma jkunu dovuti biss mill-jum tan-notifika għal ħlas, jew ta’ att ieħor ekwivalenti bħal ittra uffiċjali jekk minnha tirriżulta talba suffiċjenti, ħlief il-każ fejn ikunu mħallsa ipso juri.”

    12

    Skont l-Artikolu 1154 tal-istess kodiċi:

    “L-interessi dovuti fuq il-kapitali jistgħu jipproduċu interessi, jew permezz ta’ talba ġudizzjarja, jew permezz ta’ ftehim speċjali, sakemm, jew fit-talba, inkella fil-ftehim, l-interessi kkonċernati jkunu dovuti għall-inqas għal sena sħiħa.”

    13

    L-Artikolu 1254 ta’ Kodiċi Ċivili jipprovdi li:

    “Id-debitur ta’ dejn li jkollu interessi jew jipproduċi arretrati ma jistax, mingħajr il-kunsens tal-kreditur, jimputa l-ħlas li jkun għamel fuq il-kapital bi preferenza għall-arretrati jew għall-interssi: il-ħlas magħmul fuq il-kapital u fuq l-interssi, iżda mhux kompletament, għandu jiġi imputat qabel kollox fuq l-interessi.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    14

    Fl-4 ta’ Mejju 2011, F. Kalhan ikkonkluda, ma’ LCL, kuntratt li jirrigwarda self personali għal ammont ta’ EUR 38 000, rimborsabbli permezz ta’ 60 pagament mensili ta’ EUR 730.46, b’rata ta’ interessi annwali fissa ta’ 5.60 % u rata annwali effettiva globali (TAEG ) ta’ 5.918 %.

    15

    Peress li r-rimborsi tal-imsemmi self waqfu mit-12 ta’ Jannar 2012, LCL invokat quddiem it-tribunal d’instance d’Orléans l-eżiġibbiltà immedjata tas-somom mislufa.

    16

    Fit-18 ta’ Ottubru 2012, LCL bdiet proċeduri kontra F. Kalhan quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex, b’mod partikolari, jiġi kkundannat għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 37 611.23, flimkien mal-interessi bir-rata ta’ 5.918 % kull sena mis-17 ta’ April 2012, u li jiġi ordnat il-kapitalizzazzjoni annwali tal-interessi.

    17

    L-imsemmija qorti rrilevat ex officio il-motiv ibbażat fuq il-possibbli revoka tad-dritt għall-interessi, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 311-48 tal-Kodiċi tal-Konsum kontra l-persuna li ssellef li ma kkonsultax ir-reġistru nazzjonali msemmi fl-Artikolu L. 333-4 tal-Kodiċi tal-Konsum, fil-kuntest tal-verifika tas-solvenza tal-persuna li tissellef, kif imposta permezz tal-Artikolu L. 311-9 tal-istess kodiċi. LCL ammettiet li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiġġustifika jekk kinitx wettqet tali konsultazzjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self.

    18

    Il-qorti tar-rinviju tesponi li s-sanzjoni tar-revoka tad-dritt għall-interessi prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu L.311-48 tal-Kodiċi tal-Konsum ġiet interpretata mill-Cour de cassation (Franza) bħala li tikkonċerna biss l-interessi miftiehma, l-interessi bir-rata legali li jibqgħu madankollu dovuti skont l-Artikolu 1153 tal-Kodiċi Ċivili.

    19

    Hija tirrileva li, skont l-Artikolu L.313-3 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, din it-taxxa legali tiżdied b’ħames punti jekk il-persuna li tissellef ma tħallasx id-dejn kollu tagħha f’terminu ta’ xahrejn wara li d-deċiżjoni ġudizzjarja kisbet saħħa eżekuttiva.

    20

    Il-qorti tar-rinviju ssostni barra minn hekk li, skont il-ġurisprudenza tal-Cour de cassation, l-interessi bir-rata legali kif ukoll iż-żieda ta’ ħames punti japplikaw ipso jure, jiġifieri l-interess miżjuda b’dan il-mod huma dovuti b’mod awtomatiku, anki jekk ma kinux ġew mitluba jew jekk id-deċiżjoni ġudizzjarja ma pprovdietx għalihom.

    21

    Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tirrileva li, f’dan il-każ, ir-rata ta’ interessi miftiehma hija ta’ 5.60 %, filwaqt li, wara d-deċiżjoni tar-revoka tad-dritt għal dawn l-interessi, LCL tkun tista’ tibbenefika minn interessi bir-rata legali, li, jekk ikunu miżjuda b’ħames punti xahrejn wara d-data li fiha s-sentenza saret eżekuttiva, jiżdiedu għal 5.71 % għal dak li jikkonċerna s-sena 2012. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tar-revoka tad-dritt għall-interessi tkun tista’ tipprovdi benefiċċju għall-persuna li ssellef.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, fuq l-effettività tas-sanzjoni tar-revoka tad-dritt għall-interessi miftiehma fil-każ ta’ ksur tal-obbligu tal-persuna li ssellef li tikkonsulta r-reġistru nazzjonali pprovdut għal dan il-għan sabiex tiġi vverifikata s-solvenza tal-konsumatur.

    23

    Skont l-imsemmija qorti, l-imsemmija sanzjoni tista’ tkun effettiva meta l-konsumatur iħallas is-somom kollha li saru eżiġibbli fit-terminu ta’ xahrejn wara li d-deċiżjoni ġudizzjarja saret eżekuttiva. Madankollu, fil-prattika, din il-possibbiltà tkun illużorja peress li, b’mod ġenerali, jekk il-persuna li ssellef kienet imġiegħla li tibda proċeduri ġudizzjarji, hija s-sitwazzjoni tal-konsumatur li ma tippermettilhiex iktar li tosserva l-obbligi tagħha. Barra minn hekk, jekk il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tista’ tagħti perijodu ta’ konċessjoni massimu ta’ 24 xahar, dan jibqa’ sakemm l-interessi legali jibqgħu eżiġibbli. Barra minn hekk, jista’ jiġi sostnut ukoll li n-nuqqas min-naħa tal-persuna li ssellef twettaq l-obbligu tagħha li tivverifika s-solvenza tal-konsumatur seta’ kkontribwixxa għad-dejn eċċessiv ta’ dan tal-aħħar.

    24

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-Artikolu L. 313-3 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju jipprovdi l-possibbiltà għall-konsumatur li jitlob lill-qorti sabiex teżentah miż-żieda tal-interessi bir-rata legali jew li tnaqqas l-ammont tagħha. Madankollu, fil-prattika, il-każijiet li fihom konsumatur seta’ jibbenefika minn tali miżura wara revoka tad-dritt għall-interessi huwa estremament rari, minħabba b’mod partikolari l-fatt li l-konsumatur ma huwiex informat b’dan id-dritt jew li l-benefiċċju ta’ dan tal-aħħar jingħata fid-dawl mhux tal-gravità tan-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu tal-persuna li ssellef, iżda biss tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur.

    25

    Fit-tieni lok, rigward il-proporzjonalità tas-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ssostni, qabel kollox, li l-qorti tista’ ċertament taġġusta s-sanzjoni tar-revoka tad-dritt għall-interessi fid-dawl tal-gravità tal-ksur, mill-persuna li ssellef, tal-obbligu inkwistjoni. Madankollu, anki f’dan il-każ, din tal-aħħar xorta waħda ser tibbenefika minn interessi bir-rata legali fuq is-somom li jifdal dovuti.

    26

    Sussegwentement, peress li, skont l-Artikolu 1254 tal-Kodiċi Ċivili, l-interessi bir-rata legali jsiru eżiġibbli minħabba r-revoka tad-dritt għall-interessi miftiehma u li l-ħlasijiet jiġu imputati bi prijorità fuq l-interessi dovuti, ir-rimbors tal-kapital jiġi neċessarjament imdewwem, b’tali mod li l-interessi l-ġodda bir-rata legali jiġu eżiġibbli.

    27

    Fl-aħħar nett, l-effett tal-imsemmija revoka jitnaqqas ukoll minħabba l-kapitalizzazzjoni tal-interessi li tista’ tintalab mill-persuna li ssellef skont il-prinċipju tal-interessi komposti kif previst fl-Artikolu 1154 tal-Kodiċi Ċivili.

    28

    Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq in-natura dissważiva tas-sistema tar-revoka tad-dritt għall-interessi kif previsti mill-Kodiċi tal-Konsum. Hija tqis li peress li l-persuni li jsellfu jistgħu jserrħu fuq l-eżiġibbiltà tal-interessi bir-rata legali miżjuda, anki fil-każ ta’ revoka tad-dritt tagħhom għall-interessi miftiehma, huma ftit għandhom inċentiv sabiex ibiddlu l-prattiki tagħhom għal applikazzjoni rigoruża tal-obbligi tagħhom taħt id-Direttiva 2008/48 u tal-leġiżlazzjoni li tittrasponiha fid-dritt intern tal-Istati Membri.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal d’instance d’Orléans iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Ir-rekwiżit ta’ penali [sanzjonijiet] effettivi, proporzjonati u disswassivi pprovdut bl-Artikolu 23 tad-[Direttiva 2008/48], fil-każ ta’ nuqqas ta’ kredituri [persuni li jsellfu] għall-obbligi stabbiliti fid-direttiva, jipprekludi l-eżistenza ta’ regoli li jippermettu lill-kreditur [persuna li ssellef], sanzjonat[a] bir-revoka [bid-revoka] tad-dritt tiegħu [tagħha] għall-interessi kif [ip]provdut skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, li jibbenefika, wara t-tħabbir tas-sanzjoni, minn interessi legalment dovuti b’rata legali miżjuda b’ħames punti xahrejn wara deċiżjoni ġudizzjarjament infurzabbli [deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva], fuq l-ammonti li jifdal dovuti mill-konsumatur?”

    I –Fuq id-domanda preliminari

    30

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ sistema nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ ksur mill-persuna li ssellef tal-obbligu prekuntrattwali tagħha li tevalwa s-solvenza tal-persuna li tissellef billi tikkonsulta database xierqa, din il-persuna li ssellef tiġi rrevokata d-dritt tagħha għall-interessi miftiehma, iżda tibbenefika ipso jure minn interessi bir-rata legali, eżiġibbli minn meta tingħata deċiżjoni ġudizzjarja li tikkundanna lil din il-persuna li tissellef għall-ħlas tas-somom li jifdal dovuti, li huma barra minn hekk miżjuda b’ħames punti jekk, fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn wara din id-deċiżjoni, din tal-aħħar ma tkunx ħallset dan id-dejn.

    Fuq l-ammissibbiltà

    31

    Il-Kummissjoni Ewropea tistaqsi fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għal żewġ raġunijiet.

    32

    Fl-ewwel lok, hija ssostni li s-sistema nazzjonali ta’ sanzjonijiet kif applikabbli fil-kawża prinċipali hija intiża li trażżan il-ksur ta’ obbligu previst mhux mid-Direttiva 2008/48, iżda minn regola nazzjonali li timponi l-konsultazzjoni mill-persuna li ssellef ta’ database li l-Istati Membri jistgħu jżommu skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, anki jekk din is-sistema tapplika wkoll għall-ksur ta’ obbligi oħrajn li jirriżultaw, min-naħa tagħhom, direttament mill-istess direttiva. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk tali sistema ta’ sanzjonijiet taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva ma hijiex ċara.

    33

    Fit-tieni lok, peress li l-prinċipju tal-applikazzjoni ipso jure tal-interessi bir-rata legali u taż-żieda tagħhom jidher li jimplika li l-qorti nazzjonali ma tistax teskludi d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jipprovdu l-ħlas ta’ dawn l-ammonti u lanqas li tinterpretahom fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, għandha għalhekk tiġi diskussa l-utilità ta’ risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula lilha mill-qorti tar-rinviju.

    34

    F’dan ir-rigward, minn naħa, rigward l-applikabbiltà tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għas-sistema nazzjonali ta’ sanzjonijiet fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, skont il-kliem stess ta’ dan l-artikolu, dan japplika għar-“regoli dwar il-penali [għas-sistema ta’ sanzjonijiet] applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva”.

    35

    Għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija sistema ta’ sanzjonijiet hija intiża li tissanzjona l-ksur ta’ dispożizzjoni nazzjonali adottata fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/48.

    36

    Fil-fatt, din is-sistema kif prevista fl-Artikolu L. 311-48 tal-Kodiċi tal-Konsum għandha l-intenzjoni, b’mod partikolari, li tissanzjona l-ksur mill-persuna li ssellef tal-obbligu, stabbilit fl-Artikolu L.311-9 tal-istess kodiċi, li tiġi vverifikata s-solvenza tal-persuna li tissellef billi tikkonsulta r-reġistru nazzjonali pprovdut għal dan il-għan. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi espressament li tali obbligu ta’ konsultazzjoni jista’ jinżamm. Barra minn hekk, is-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika ġeneralment fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li jirrigwarda l-verifika prekuntrattwali tas-solvenza tal-konsumatur kif prevista fl-Artikolu L. 311-9, li huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, mill-premessa 28 tal-istess direttiva jirriżulta li tali konsultazzjoni titwettaq jekk iċ-ċirkustanzi ta’ liġi u ta’ fatt jirrikjeduha.

    37

    Għal dak li jikkonċerna, minn naħa, id-dubji espressi mill-Kummissjoni rigward l-utilità ta’ risposta għad-domanda magħmula għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tiddefinixxi l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba, bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C‑279/12, punt 30).

    38

    F’dan ir-rigward, mill-prinċipju tal-applikazzjoni awtomatika jew ipso jure tal-interessi bir-rata legali u taż-żieda tagħhom għal somma li ma tħallsitx fit-termini meħtieġa ma jirriżultax b’mod manifest li l-qorti tar-rinviju ma hijiex f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod utli r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula, b’mod partikolari meta tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom tirriżulta l-eżiġibbiltà ta’ din is-somma fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni jekk dan ikun neċessarju fid-dawl ta’ din ir-risposta.

    39

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-mistoqsijiet imqajma mill-Kummissjoni ma humiex ta’ natura li jqiegħdu inkwistjoni l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari.

    Fuq il-mertu

    40

    Mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 28 tagħha, jirriżulta li, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, il-persuna li ssellef għandha l-obbligu li tevalwa s-solvenza tal-konsumatur, dan l-obbligu jista’, skont il-każ, jinkludi l-konsultazzjoni ta’ databases rilevanti.

    41

    F’dan il-kuntest, il-premessa 26 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li, f’suq tal-kreditu li qed jikber, jeħtieġ li l-persuni li jsellfu ma jiġux furzati li jagħtu self b’mod irresponsabbli jew li jagħtu kreditu mingħajr evalwazzjoni minn qabel tas-solvenza tal-konsumatur u li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw is-sorveljanza neċessarja sabiex jipprevjenu tali aġir u għandhom jistabbilixxu l-mezzi neċessarji sabiex jissanzjonaw l-awturi ta’ dan l-aġir.

    42

    L-obbligu prekuntrattwali tal-persuna li ssellef li tevalwa s-solvenza tal-persuna li tissellef, sa fejn timmira li tipproteġi l-konsumaturi kontra r-riskji ta’ dejn eċċessiv u ta’ insolvenza, jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan tad-Direttiva 2008/48, li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 7 u 9 tagħha, li tiġi pprovduta, fir-rigward ta’ kreditu għall-konsumaturi, armonizzazzjoni kompleta u imperattiva f’ċertu numru ta’ oqsma ewlenin, li hija kkunsidrata bħala neċessarja sabiex jiġi żgurat, għall-konsumaturi kollha tal-Unjoni, livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb tal-kreditu għall-konsum.

    43

    Fid-dawl ta’ tali għan, intiż li jiżgura protezzjoni effettiva għall-konsumaturi kontra l-għoti irresponsabbli ta’ kuntratti ta’ kreditu li jmorru lil hinn mill-kapaċitajiet finanzjarji tagħhom u li jistgħu jwasslu għall-insolvenza tagħhom, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi, minn naħa, li s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward ta’ verifika prekuntrattwali tas-solvenza tal-persuna li tissellef, adottati skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, tiġi ddefinita b’tali mod li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati kif ukoll dissważivi u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implementati. Barra minn hekk, mill-premessa 47 tal-istess direttiva jirriżulta li, f’dawn il-limiti, l-għażla tal-imsemmija sistema ta’ sanzjonijiet titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, issa sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE, filwaqt li tiġi kkonservata l-għażla tas-sanzjonijiet, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġi ssanzjonat f’kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali, li jkunu simili għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali, ta’ natura u ta’ importanza simili u li, fi kwalunkwe każ, jagħmlu s-sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punti 64 u 65, kif ukoll tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, punt 50).

    45

    Il-Qorti ddeċidiet, b’mod partikolari, li s-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li fir-rigward tiegħu huma imposti, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (sentenza Texdata Software, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

    46

    F’din il-kawża, l-obbligu prekuntrattwali ta’ verifika mill-persuna li ssellef tas-solvenza tal-persuna li tissellef, impost mill-Artikolu L. 311-9 tal-Kodiċi tal-Konsum, dispożizzjoni intiża li tittrasponi l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48, huwa ssanzjonat, fil-każ ta’ ksur, mill-Artikolu L. 311-48 ta’ dan il-kodiċi, dispożizzjoni li hija intiża li tittrasponi l-Artikolu 23 tal-istess direttiva u tipprovdi r-revoka, fil-prinċipju integrali, tad-dritt għall-interessi tal-persuna li ssellef.

    47

    Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk is-severità ta’ din is-sanzjoni hijiex proporzjonata mal-gravità tal-ksur li fir-rigward tiegħu huma imposti, u b’mod partikolari jekk tali sanzjoni għandhiex effett realment dissważiv.

    48

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, is-sanzjoni tar-revoka tal-interessi tirrigwarda biss l-interessi miftiehma, b’tali mod li l-persuna li tissellef tibbenefika ipso jure minn interessi bir-rata legali li, fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, huma wkoll ipso jure, miżjuda b’ħames punti. F’kawża prinċipali u fir-rigward tas-sena 2012, din il-qorti tippreċiża li r-rata ta’ interessi miftiehma kienet ta’ 5.60 %, filwaqt li l-interessi bir-rata legali, miżjuda b’ħames punti, kienet tammonta għal 5.71 %. Id-differenza bejn dawn ir-rati kienet saħansitra iktar evidenti għal dak li jikkonċerna s-sena 2013. Minn dan jirriżulta li l-applikazzjoni tas-sanzjoni tar-revoka, kif prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tista’ tipprovdi vantaġġ lill-persuna li ssellef.

    49

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li, f’każijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali, li fihom il-persuna li ssellef teżiġi r-rimbors immedjat tas-self wara n-nuqqas ta’ ħlas mill-persuna li tissellef, in-natura effettiva u dissważiva tas-sanzjoni tidher żgurata. Fil-fatt, l-ispejjeż marbutin mal-konsultazzjoni, fil-kuntest tal-verifika tas-solvenza tal-persuna li tissellef, ta’ databases ipprovduti għal dan il-għan ikunu relattivament limitati, filwaqt li s-sanzjoni tar-revoka tal-interessi miftiehma tinvolvi riskju li l-ispiża ekonomika tiegħu tkun potenzjalment għolja. Barra minn hekk, għalkemm, ċertament, il-persuna li ssellef li ma hijiex diliġenti tista’ madankollu titlob l-interessi legali, skont il-każ miżjuda b’ħames punti, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kuntrarjament għall-persuna li ssellef li osservat l-obbligu ta’ verifika prekuntrattwali tas-solvenza tal-persuna li tissellef, il-bażi li fuqhom dawn l-interessi huma applikati, la tinkludi l-interessi miftiehma u lanqas l-interessi legali dovuti fuqhom.

    50

    F’dan ir-rigward, sabiex tiġi evalwata n-natura realment dissważiva tas-sanzjoni, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti li tinterpreta u li tapplika d-dritt nazzjonali, li għandha tipparaguna, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li hija mressqa quddiemha, l-ammonti li l-persuna li ssellef kienet tirċievi bħala remunerazzjoni tas-self fil-każ li hija kienet osservat l-obbligu prekuntrattwali tagħha li tevalwa s-solvenza tal-persuna li tissellef billi tikkonsulta database xierqa, flimkien ma’ dawk li hija kienet tirċievi bl-applikazzjoni tas-sanzjoni tal-ksur ta’ dan l-istess obbligu prekuntrattwali. Sabiex jiġu ddeterminati dawn l-ammonti tal-aħħar, hija l-imsemmija qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha, u b’mod partikolari, l-konsegwenzi kollha li jistgħu jirriżultaw mill-konsultazzjoni, minn din tal-aħħar, tal-ksur, mill-persuna li ssellef tal-imsemmi obbligu prekuntrattwali.

    51

    Fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata, fit-tmiem tal-paragun imsemmi fil-punt preċedenti, li, fil-kawża li hija mressqa quddiemha, l-applikazzjoni tas-sanzjoni tar-revoka tal-interessi miftiehma tista’ tikkonferixxi benefiċċju lill-persuna li ssellef, peress li l-ammonti li ġew irrevokati lilha huma inqas minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-interessi bir-rata legali miżjuda, minn dan jirriżulta li, manifestament, is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiżgurax effett realment dissważiv għas-sanzjoni inkorsa.

    52

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza, irrilevata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi inerenti għall-obbligu ta’ verifika, mill-persuna li ssellef, tas-solvenza tal-persuna li tissellef, is-sanzjoni tar-revoka tal-interessi miftiehma ma tistax, b’mod iktar ġenerali, titqies li għandha natura realment dissważiva jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata, fit-tmiem tal-paragun imsemmi fil-punt 50 ta’ din is-sentenza u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti msemmija f’dan il-punt, li, f’każ bħal dak tal-kawża mressqa quddiemha, li jinvolvi l-eżiġibbiltà immedjata tal-kapital tas-self li jifdal dovut minħabba n-nuqqas tal-persuna li tissellef, l-ammonti li jistgħu jiġu riċevuti mill-persuna li ssellef wara l-applikazzjoni ta’ din is-sanzjoni ma humiex sinjifikattivament inqas minn dawk li din tal-aħħar setgħet tibbenefika minnhom kieku kienet osservat tali obbligu.

    53

    Fil-fatt, jekk is-sanzjoni tar-revoka tal-interessi tiddgħajjef, jew purament u sempliċement tiġi annullata, minħabba l-fatt li l-applikazzjoni tal-interessi bir-rata legali miżjuda tista’ tikkumpensa l-effetti ta’ tali sanzjoni, minn dan jirriżulta neċessarjament li din tal-aħħar ma tippreżentax natura realment dissważiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, Ġabra p. I‑2435, punti 56 sa 58).

    54

    Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata li s-sanzjoni tar-revoka tal-interessi miftiehma ma tippreżentax natura realment dissważiva fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li qorti nazzjonali, meta tkun adita b’tilwima esklużivament bejn individwi, hija marbuta, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll fid-dawl tal-għan finali ta’ din id-direttiva sabiex twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, OSA, C-351/12, punt 44).

    55

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ sistema nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ ksur mill-persuna li ssellef tal-obbligu prekuntrattwali tagħha li tevalwa s-solvenza tal-persuna li tissellef billi tikkonsulta database xierqa, din il-persuna li ssellef tiġi rrevokata d-dritt tagħha għall-interessi miftiehma, iżda tibbenefika ipso jure minn interessi bir-rata legali, eżiġibbli minn meta tingħata deċiżjoni ġudizzjarja li tikkundanna lil din il-persuna li tissellef għall-ħlas tas-somom li jifdal dovuti, li huma barra minn hekk miżjuda b’ħames punti jekk, fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn wara din id-deċiżjoni, din tal-aħħar ma tkunx ħallset dan id-dejn, meta l-qorti tar-rinviju tikkonstata li, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, li jinvolvi l-eżiġibbiltà immedjata tal-kapital tas-self li jifdal dovut minħabba n-nuqqas tal-persuna li tissellef, l-ammonti li jistgħu effettivament jiġu riċevuti mill-persuna li ssellef wara l-applikazzjoni tas-sanzjoni tar-revoka tal-interessi ma humiex sinjifikattivament inqas minn dawk li din tal-aħħar setgħet tibbenefika minnhom kieku kienet osservat l-obbligu tagħha li tivverifika s-solvenza tal-persuna li tissellef.

    Fuq l-ispejjeż

    56

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ sistema nazzjonali ta’ sanzjonijiet li tipprovdi li, fil-każ ta’ ksur mill-persuna li ssellef tal-obbligu prekuntrattwali tagħha li tevalwa s-solvenza tal-persuna li tissellef billi tikkonsulta database xierqa, il-persuna li ssellef tiġi rrevokata d-dritt tagħha għall-interessi miftiehma, iżda tibbenefika ipso jure minn interessi bir-rata legali, eżiġibbli minn meta tingħata deċiżjoni ġudizzjarja li tikkundanna lil din il-persuna li tissellef għall-ħlas tas-somom li jifdal dovuti, li huma barra minn hekk miżjuda b’ħames punti jekk, fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn wara din id-deċiżjoni, din tal-aħħar ma tkunx ħallset dan id-dejn, meta l-qorti tar-rinviju tikkonstata li, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, li jinvolvi l-eżiġibbiltà immedjata tal-kapital tas-self li jifdal dovut minħabba n-nuqqas tal-persuna li tissellef, l-ammonti li jistgħu effettivament jiġu riċevuti mill-persuna li ssellef wara l-applikazzjoni tas-sanzjoni tar-revoka tal-interessi ma humiex sinjifikattivament inqas minn dawk li din tal-aħħar setgħet tibbenefika minnhom kieku kienet osservat l-obbligu tagħha li tivverifika s-solvenza tal-persuna li tissellef.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq