Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0568

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2013.
Agroferm A/S vs Ministeriet for Fødevarer, Landbrug og Fiskeri.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret.
Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Prodott abbażi ta’ zokkor, kompost 65 % minn sulfat tal-lisina u 35 % minn impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura — Regolament (KE) Nru 1719/2005 — Regolament (KE) Nru 1265/2001 — Ħlas lura tal-produzzjoni għal ċerti prodotti użati fl-industrija kimika — Għajnuna Komunitarja indebitament imħallsa — Rimbors — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Kawża C-568/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:407

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )

“Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Prodott abbażi ta’ zokkor, kompost 65 % minn sulfat tal-lisina u 35 % minn impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura — Regolament (KE) Nru 1719/2005 — Regolament (KE) Nru 1265/2001 — Ħlas lura tal-produzzjoni għal ċerti prodotti użati fl-industrija kimika — Għajnuna Komunitarja indebitament imħallsa — Rimbors — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C-568/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura

Agroferm A/S

vs

Ministeriet for Fødevarer, Landbrug og Fiskeri,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Arabadjev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Agroferm A/S, minn J. Lentz, avukat,

għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen, bħala aġent, assistita minn J. Pinborg, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Barslev u P. Rossi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 2309, 2922 u 3824 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 286, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NK”), kif ukoll fuq il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-irkupru ta’ somom indebitament imħallsa.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Agroferm A/S (iktar ’il quddiem “Agroferm”) u l-Ministeriet for Fødevarer, Landbrug og Fiskeri (Ministeru tal-Alimentazzjoni, tal-Agrikoltura u tas-Sajd, iktar ’il quddiem il-“Ministeriet”), rigward ir-rimbors, minn Agroferm, ta’ ħlasijiet lura tal-produzzjoni tas-sulfat tal-lisina li kienu ġew indebitament imħallsa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Is-sistema ta’ armonizzazzjoni ta’ deskrizzjoni u ta’ kodifikazzjoni tal-merkanziji (iktar ’il quddiem is-“SA”) ġiet żviluppata mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u mwaqqaf mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata, flimkien mal-Protokoll li Jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont in-Nota ta’ Spjega ta’ SA relatata mal-Kapitolu 29 tagħha, it-terminu “impurità” japplika esklużivament għas-sustanzi li l-preżenza tagħhom fil-kompost kimiku differenti tirriżulta esklużivament mill-proċess ta’ manifattura. Dawn is-sustanzi ma humiex ikkunsidrati bħala impuritajiet awtorizzati skont din in-nota meta dawn jitħallew deliberatament fil-prodott sabiex dan ikollu użi partikolari pjuttost milli użu ġenerali.

5

In-Nota ta’ Spjega ta’ SA dwar l-intestatura 2309 tagħha tipprovdi li din l-intestatura hija intiża għall-preparazzjonijiet iddestinati sabiex jidħlu fil-manifattura ta’ alimentazzjoni “kompleta” jew “ta’ akkumpanjament”. Dawn il-preparazzjonijiet huma, ġeneralment, kompożizzjonijiet ta’ natura kumplessa li jinkludu diversi elementi, xi drabi msejħa “addittivi” li n-natura u l-proporzjonijiet tagħhom huma ffissati għal produzzjoni zooteknika partikolari. Dawn l-elementi, fosthom l-aminoaċidi, jiffavorixxu b’mod partikolari d-diġestjoni u, b’mod iktar ġenerali, l-użu tal-għalf għall-annimali u l-ħarsien tas-sitwazzjoni ta’ saħħa tagħhom.

Id-dritt tal-Unjoni

Il-klassifikazzjoni tariffarja

– In-Nomenklatura Magħquda

6

In-Nomenklatura Magħquda hija bbażata fuq is-SA. It-tieni parti tan-NM tinkludi klassifikazzjoni ta’ oġġetti f’taqsimiet, kapitoli, intestaturi u subintestaturi.

7

Il-Kapitolu 23 tan-NM huwa intitolat “Fdal u skart mill-industrija tal-ikel: għalf tal-annimali ppreparat”. Skont in-Nota 1 ta’ dan il-kapitolu, l-intestatura 2309 tan-NK tinkludi “prodotti ta’ kwalità użata għal għalf tal-annimali, mhux speċifikati jew imsemmijin band’oħra, magħmulin bl-ipproċessar ta’ materjali veġetali jew annimali f’tali stat li jkunu tilfu l-karatteristiċi essenzjali tal-materjal oriġinali, ħlief skart veġetali, fdal veġetali u riżultati ta’ dan l-ipproċessar.” L-intestatura 2309 tan-NM hija intitolata “Preparazzjonijiet ta’ tip użat f’għalf ta’ l-annimali”.

8

Il-Kapitolu 29 tan-NM huwa intitolat “[Prodotti] kimiċi organiċi”. In-Nota 1(a) u (b) ta’ dan il-kapitolu jipprovdu:

“Ħlief meta il-kuntest jitlob mod ieħor, it-titli ta’ dan il-kapitlu japplikaw biss għal:

a)

komposti organiċi separati definiti kemikament, b’impuritajiet jew mingħajrhom;

b)

taħlit ta’ żewġ isomeri jew aktar ta’ l-istess kompost organiku (b’impuritajiet jew mingħajrhom), ħlief taħlitiet ta’ isomeri ta’ idrokarbonju aċikliku (ħlief stereoisomeri), saturati jew le (Kapitlu 27);”

9

L-intestatura 2922 tan-NM hija intitolata “Amino-komposti funzjoni-ossiġnu”.

10

Il-Kapitolu 38 tan-NM huwa intitolat “Diversi prodotti kimiċi”. L-intestatura 3824 tan-NM tirrigward l-“[m]aterjali li jgħaqqdu ppreparati għal forom jew ċentri ta’ funderija; prodotti u preparazzjonijiet kimiċi ta’ l-industriji kimiċi jew li għandhom x’jaqsmu magħhom (inklużi dawk li jikkonsistu f’taħlitiet ta’ prodotti naturali), mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra”.|

Il-ħlasjiet lura tal-produzzjoni

– Ir-Regolament (KE) Nru 1260/2001

11

L-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, tad-19 ta’ Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17), jipprovdi:

“Ġie deċiż li jingħataw rifużjoni fuq il-produzzjoni fuq il-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) u (f) u fuq ix-xiroppi elenkati fl-Artikolu 1(1)(d), u fuq fruttożi li hi kimikament pura (levulożi) li taqa’ fil-Kodiċi NM 17025000 bħala prodott intermedjajrju, meta dawn jidħlu f’waħda mis-sitwazzjonijiet li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 23(2) [KE] u jintużaw għall-manifattura ta’ ċerti prodotti ta’ l-industrija tal-kimika.

[…]”

– Ir-Regolament (KE) Nru 1265/2001

12

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1265/2001, tas-27 ta’ Ġunju 2001, li jistabilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 rigward l-għoti tar-rifużjoni tal-produzzjoni fuq xi prodotti taz-zokkor użati fl-industrija tal-kimika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 76) jipprovdi:

“1.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘prodotti bażiċi’ tfisser:

a)

prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) u (b) tar-Regolament [...] Nru 1260/2001 u

b)

xiroppi taz-zokkor imsemija fl-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament [...] Nru 1260/2001 u li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex17026095 u ex17029099 li għandhom purità ta’ għall-inqas 85 %,

użati fil-manifattura tal-prodotti ta’ l-industrija kimika elenkati fl-Anness I.

[...]”

13

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1265/2001 jipprovdi:

“1.   Ir-rifużjoni tal-produzzjoni għandha tingħata mill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom isir l-ipproċessar tal-prodotti bażiċi.

2.   L-Istat Membri jista’ jagħti rifużjoni biss jekk il-kontroll tad-dwana, jew l-ispezzjoni amministrativa li tagħt garanziji ekwivalenti, taċċerta li l-prodotti bażiċi jintużaw għall-iskop speċifikat fl-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3.”

14

Skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Applikazzjoni għal rifużjoni tal-produzzjoni għandha ssir bil-miktub lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn għandu jiġi pproċessat il-prodott bażiku.

L-applikazzjoni għandha tgħid:

[…]

(ċ)

l-intestatura tat-tariffa u d-deskrizzjoni tal-prodott kimiku li għall-manifattura tiegħu għandu jintuża l-prodott bażiku;

[...]

3.   Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafu 2:

[...]

b)

l-intitolazzjoni għar-rifużjoni tal-produzzjoni g]andha tkun kondizzjonata fuq l-għoti ta’ l-approvazzjoni minn qabel lill-proċessur mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-imsemmi proċessur se jipproċessa l-prodott intermedju kimiku msemmi fl-Anness I.

L-approvazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu għandhom jingħataw mill-Istat Membru in kwistjoni jekk l-applikant jagħtih kull opportunità li jwettaq il-verifiki meħtieġa.

[...]”

15

Mill-Anness I tar-Regolament Nru 1265/2001 jirriżulta li l-ħlasijiet lura tal-produzzjoni jingħataw għall-manifattura tal-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 29 (prodotti kimiċi organiċi) u 38 (diversi prodotti kimiċi) tan-NM.

Il-finanzjament tal-politika agrikola komuni

16

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola kien jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom, skond id-disposizzjonijiet nazzjonali stabiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex:

a)

ikunu sodisdfatti illi t-transazzjonijiet iffananzjati mill-Fond ikunu attwalment imwettqa u mwettqa korrettement;

b)

jipprevjienu l-irregolaritajiet u jittrattawhom;

ċ)

jirkupraw is-somom mitlufa bħala riżultat ta’ l-irregolaritajiet jew tan-negliġenza.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda għal dawn il-għanijiet u b’mod partikolari dwar l-istat ta’ l-amministrazzjoni u l-proċeduri ġudizzjarji.

2.   Fin-nuqqas ta’ rkupru totali, il-konsegwenzi finanzjarji dwar l-irregolaritajiet jew in-negliġenza għandhom ikunu miġrura mill-Komunità, bl-eċċezzjoni tal-konsegwenzi ta’ l-irregolaritajiet jew in-negliġenza attribwiti lill-awtoritàjiet amministrattivi jew lil korpi oħra fl-Istati Membri.

Is-somom irkuprati għandhom jitħallsu lill-aġenziji akkreditati tal-ħlas u mnaqqsa minnhom (l-aġenziji) min-nefqa ffinanzjati mill-Fond. L-imgħax fuq is-somom irkuprati jew imħallsa tard għandu jitħallas lill-Fond.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Agroferm hija impriża Daniża li mmanifatturat, sax-xahar ta’ Ġunju 2006, sulfat tal-lisina f’fabbrika li tinsab f’Esbjerg (id-Danimarka). Il-prodotti komposti minn lisina huma maħduma miz-zokkor, li huwa l-prodott bażiku.

18

Fid-19 ta’ Mejju 2004, Agroferm ressqet, quddiem l-awtoritajiet doganali Daniżi, talba għal awtorizzazzjoni minn qabel għall-għoti ta’ ħlasijiet lura tal-produzzjoni ta’ sulfat tal-lisina. Hija esponiet, f’ din it-talba, li l-prodott li hija kienet qed taħseb biex tipproduċi kien tas-sulfat tal-lisina, li skont hija, kien jaqa’ taħt l-intestatura 2922 tan-NM. Wara tweġiba favorevoli minn dawn l-awtoritajiet għal din it-talba, Agroferm irċeviet regolarment ħlasijiet lura tal-produzzjoni li kienu jikkorrispondu mal-kwantitajiet ta’ zokkor li hija użat biex tipproduċi s-sulfat tal-lisina.

19

Fi tmiem analiżijiet imwettqa minn Force Technology, impriża privata inkarigata milli tanalizza, akkont tal-awtoritajiet doganali Daniżi, kampjuni ta’ prodotti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħhom, ġie propost li l-prodott żviluppat minn Agroferm jiġi kklassifikat fil-Kapitolu 23 tan-NM u mhux fil-Kapitolu 29 tagħha. F’avviż tal-5 ta’ April 2006, Force Technology indikat li l-kampjun analizzat kien ġie mmanifatturat permezz tal-fermentazzjoni u li l-prodott ikkonċernat kien fih sulfat tal-lisina u prodotti oħra ta’ fermentazzjoni. Din l-impriża rrilevat li prodott pur għal biss 66 % (perċentwali ta’ sulfat ta’ lisina li tinsab fil-materja niexfa) ma setax jiġi kklassifikat fil-Kapitolu 29 tan-NM.

20

Imsejjaħ mill-awtoritajiet doganali Daniżi, il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ppreċiża li l-approċċ għal kull każ kellu jiġi privileġġat sabiex tiġi deċiża r-rata tal-impuritajiet ammissibbli u tal-klassifikazzjoni ta’ prodotti kimiċi, u li l-preparazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tiġi kklassifikata fil-Kapitolu 23 tan-NM u mhux fil-Kapitolu 29 tagħha.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2006, id-Direktoratet for FødevareErhverv (Direttorat tal-Alimentazzjoni, iktar ’il quddiem id-“Direktoratet”) informa lil Agroferm li kien fil-frattemp ġie stabbilit, wara konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, li l-prodotti mmanifatturati minn din il-kumpannija ma kellhomx jiġu kklassifikati bħala prodotti b’bażi ta’ lisina, fis-sens tal-intestatura 2922 tan-NM, u li, għaldaqstant, din l-impriża ma setgħetx tibbenefika minn ħlasijiet lura tal-produzzjoni.

22

Fit-22 ta’ Novembru 2006, id-Direktoratet iddeċieda li Agroferm kellha tirrimborsa ammont totali ta’ madwar DKK 86.6 miljun, miżjud bl-interessi, li jikkorrispondi, fil-fehma tiegħu, mal-ħlasijiet lura tal-produzzjoni miġbura mix-xahar ta’ Awwissu 2004 sax-xahar ta’ Marzu 2006, ammont li fuqu l-partijiet fil-kawża prinċipali ma qablux dwaru.

23

Fit-18 ta’ Diċembru 2006, Agroferm ippreżentat, quddiem il-Ministeriet, rikors kontra d-deċiżjonijiet meħuda mid-Direktoratet. Fid-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2008, il-Ministeriet segwa kompletament id-deċiżjonijiet adottati mid-Direktoratet u kkunsidra li Agrofem ma kinitx aġixxiet in bona fides meta hija kienet talbet li tibbenefika minn ħlasijiet lura tal-produzzjoni.

24

Permezz ta’ rikors tat-23 ta’ Settembru 2009, Agroferm ressqet kawża quddiem ir-Retten i Esbjerg (qorti distrettwali) li, b’deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2009 u wara talba konkordanti tal-partijiet, irrinvijat il-kawża quddiem il-Vestre Landsret, għar-raġuni li l-kawża prinċipali kienet tikkostitwixxi kawża ta’ prinċipju, fis-sens tal-proċedura ċivili Daniża, peress li hija kienet ittrattat l-interpretazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-Unjoni u li l-introduzzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari kienet maħsuba.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Prodott li huwa mmanifatturat miz-zokkor iffermentat permezz ta’ Corynebacterium glutamicum u li huwa kkostitwit – bħalma huwa speċifikat fl-Anness 1 tad-digriet tar-rinviju – minn madwar 65 % ta’ sulfat tal-lisina, kif ukoll minn impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura (materjali inizjali mhux ikkonvertiti, reaġenti użati fil-proċess ta’ manifattura u prodotti sekondarji) jaqa’ taħt l-intestatura 2309, l-intestatura 2922 jew l-intestatura 3824 tan-[NM]?

F’dan ir-rigward għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jekk l-impuritajiet tħallewx deliberatament fil-prodott bl-għan li jrenduh partikolarment xieraq jew iktar xieraq sabiex jintuża fil-manifattura tal-għalf għall-annimali jew jekk l-impuritajiet tħallewx għaliex ma huwiex neċessarju jew opportun li jiġu eliminati? Skont liema linji gwida għandha, jekk ikun il-każ, tiġi deċiża din il-kwistjoni?

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa possibbli li jiġu mmanifatturati prodotti oħra li jinkludu l-lisina u, b’mod partikolari, il-lisina ‘pura’ (≥ 98 %) u prodotti oħra bbażati fuq il-lisina HCI, li jinkludu ammont akbar ta’ lisina minn dak tal-prodott ibbażat fuq is-sulfat tal-lisina deskritt iktar ’il fuq u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-ammont tas-sulfat tal-lisina u tal-impuritajiet tal-prodott ibbażat fuq is-sulfat tal-lisina deskritt iktar ’il fuq jikkorrispondi għal dak tal-prodotti ibbażati fuq is-sulfat tal-lisina ta’ manifatturi oħrajn? Skont liema linji gwida għandha, jekk ikun il-każ, tiġi deċiża din il-kwistjoni?

2)

Jekk, skont il-prinċipju ta’ legalità, hemm lok li jitiqes li l-produzzjoni ma kinitx taqa’ fl-iskema ta’ ħlas lura, imur kontra d-dritt tal-Unjoni li l-awtoritajiet nazzjonali jastjenu, f’kawża bħal dik preżenti u fid-dawl tal-prinċipji nazzjonali ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, milli jitolbu r-rimbors tal-ammont tal-ħlasijiet lura li l-produttur irċieva in bona fide?

3)

Jekk, skont il-prinċipju ta’ legalità, hemm lok li jitqies li l-produzzjoni ma kinitx taqa’ fl-iskema ta’ ħlas lura, imur kontra d-dritt tal-Unjoni li l-awtoritajiet nazzjonali jirrispettaw, f’kawża bħal dik preżenti u fid-dawl tal-prinċipji nazzjonali ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, impenji suġġetti għal-limiti ta’ żmien (ċertifikati ta’ ħlas lura) li l-manifattur irċieva in bona fide?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali kompost minn sulfat tal-lisina kif ukoll minn impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura jaqax taħt l-intestaturi 2309, 2922 jew 3824 tan-NM.

27

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti għandu jiġi identifikat, b’mod ġenerali, mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1989, Weber, 40/88, Ġabra p. 1395, punt 13; tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C-142/06, Ġabra p. I-6675, punt 16, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2011, Pacific World u FDD International, C-215/10, Ġabra p. I-7255, punt 28).

28

Għandu wkoll jiġi rrilevat li n-Nota ta’ Spjega tas-SA tikkostitwixxi strument importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u tipprovdi, inkwantu tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1994, Siemens Nixdorf, C-11/93, Ġabra p. I-1945, punt 12; tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe, C-15/05, Ġabra p. I-3657, punt 36, kif ukoll Pacific World u FDD International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

29

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-intestatura 2922 tan-NM, in-Nota 1(a) tal-Kapitolu 29 tan-NM tipprovdi li l-intestaturi ta’ dan il-kapitolu jinkludu biss komposti organiċi separati definiti kimikament, b’impuritajiet jew mingħajrhom.

30

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-prodott bażiku ta’ sulfat tal-lisina inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien kompost organiku definit kimikament li fih madwar 65 % tas-sulfat tal-lisina u 35 % ta’ massa ċellulari li jirriżulta mill-proċess ta’ manifattura permezz tal-fermentazzjoni użata. Minbarra dan, skont il-qorti tar-rinviju, din il-massa ċellulari li kien fiha sustanzi nutrittivi li għandhom valur bijoloġiku għoli, kienet deliberatament tħalliet f’dan il-prodott sabiex issaħħaħ il-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jintuża bħala addittiv fl-għalf tal-annimali u li tipprevjeni lis-sulfat tal-lisina milli jassorbi l-umidità.

31

Tqum għalhekk il-kwistjoni jekk din il-massa ċellulari tistax tiġi kkunsidrata bħala waħda mill-impuritajiet li l-preżenza tagħha, skont in-Nota 1(a) tal-Kapitolu 29 tan-NM, ma tqajjimx dubju dwar il-klassifikazzjoni fl-intestaturi ta’ dan il-kapitolu.

32

F’dan ir-rigward, jekk din in-Nota 1 tal-Kapitolu 29 tan-NM tawtorizza l-preżenza ta’ impuritajiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn għandhom neċessarjament natura residwa, sabiex ma tiġix affettwata l-preżenza “waħedha” tal-kompost organiku inkwistjoni. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġuni tal-eżistenza ta’ din it-tolleranza hija marbuta mal-fatt li livell ta’ purità ta’ 100 % ma jistax ġeneralment jintlaħaq mill-aspett tekniku.

33

Minbarra dan, jirriżulta min-Nota 1(f) u (g) tal-Kapitolu 29 tan-NM li l-intestaturi ta’ dan il-kapitolu jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-prodotti msemmija f’din in-Nota (1)(a), addizzjonijiet ta’ sustanzi differenti indispensabbli għall-konservazzjoni tagħhom, jew it-trasport tagħhom, jew jippermettu li tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tagħhom, jew ukoll minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, sa fejn dawn l-addizzjonijiet ma jagħmlux il-prodott tajjeb għal użu partikolari pjuttost milli għall-użu ġenerali tiegħu.

34

Jekk, skont in-Nota 1(g) u (g) ta’ dan il-Kapitolu 29, iż-żieda ta’ sustanzi oħra fil-prodotti li jistgħu jiġu kklassifikati f’dan il-kapitolu għandhom isegwu ċerti rekwiżiti preċiżi, dwar b’mod partikolari raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ identifikazzjoni, filwaqt li jinżamm l-użu ġenerali tal-prodott imsemmi, għandu jiġi kkonstatat li, a fortiori, l-istess japplika għal impuritajiet imsemmija fin-Nota 1(a) tal-istess kapitolu.

35

Fil-fatt, meta prodott li jkun fih impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura, li jagħmluh tajjeb għal użi partikolari, differenti mill-użu ġenerali tiegħu, tali prodott ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “ppreżentat waħdu”, fis-sens tan-Nota 1(a) tal-Kapitolu 29 tan-NM, peress illi tali impuritajiet huma stabbiliti skont l-użu tagħhom.

36

Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni tirriżulta wkoll min-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 29 tagħha, kif imfakkra fil-punt 4 ta’ din is-sentenza.

37

F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-impuritajiet jitħallew fil-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali wara fermentazzjoni, sabiex dan ikollu użu partikolari, pjuttost milli għall-użu ġenerali, bħala addittiv għall-għalf komplet għall-annimali li fih ċertu numru ta’ sustanzi nutrittivi li għandhom valur bijoloġiku għoli.

38

Isegwi li prodott b’bażi ta’ sulfat tal-lisina bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setax jiġi kklassifikat fl-intestatura 2922 tan-NM.

39

F’dak li jikkonċerna l-intestatura 2309 tan-NM, din hija intiża għall “preparazzjonijiet ta’ tipi użat f’għalf tal-annimali”. Skont in-Nota 1 tal-Kapitolu 23 tan-NM, din il-pożizzjoni tinkludi l-prodotti ta’ tipi użati għal għalf tal-annimali, mhux speċifikati jew imsemmijin band’oħra, magħmulin bl-ipproċessar ta’ materjali veġetali jew annimali f’tali stat li jkunu tilfu l-karatteristiċi essenzjali tal-materjal oriġinali, ħlief skart veġetali, fdal veġetali u riżultati ta’ dan l-ipproċessar.

40

Minbarra dan, jirriżulta min-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 2309 tagħha, kif imfakkra fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, li din l-intestatura tirreferi b’mod partikolari għall-additivi, li n-natura u l-proporzjonijiet tagħhom huma ffissati skont produzzjoni zooteknika partikolari, u li fosthom hemm l-aminoaċidi.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-prodott (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C-183/06, Ġabra p. I-1559, punt 36; Olicom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18, kif ukoll tad-29 ta’ April 2010, Roeckl Sporthandschuhe, C-123/09, Ġabra p. I-4065, punt 28).

42

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, li l-prodott bażiku ta’ sulfat tal-lisina inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien iddestinat, inkwantu additiv, sabiex jintuża fil-manifattura ta’ għalf għall-annimali. Huwa kien kompost minn ċertu numru ta’ elementi, fosthom aminoaċidi, li jippreżentaw, għall-annimali, vantaġġi fuq il-livell nutrittiv.

43

Għalhekk, il-karatteristiċi oġġettivi ta’ tali prodott u, b’mod partikolari, l-elementi tal-massa ċellulari li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura li jitħallew deliberatament fih, kienu jiddestinaw sabiex jintuża, inkwantu bħala additiv li jintuża fil-manifattura tal-għalf għall-annimali. Isegwi li dan il-prodott kien jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309 tan-NM.

44

Fir-rigward tal-intestatura 3824 tan-NM, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din hija intestatura residwa, li tapplika unikament meta l-prodott intiż ma jistax jiġi kklassifikat b’ebda intestatura oħra. Peress li dan ma huwiex il-każ hawnhekk, ma hemmx lok li tiġi eżaminata r-rilevanza ta’ din l-intestatura.

45

Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott kompost minn sulfat tal-lisina kif ukoll minn impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309 inkwantu preparazzjoni tat-tipi użati għall-għalf tal-annimali.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

46

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li l-awtoritajiet doganali nazzjonali, fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li għandhom jiġu osservati skont id-dritt nazzjonali, minn naħa, jitolbux ir-rimbors ta’ ammont indebitu ta’ ħlasijiet lura tal-produzzjoni tas-sulfat tal-lisina li l-produttur ikun irċieva in bona fides u, min-naħa l-oħra, jirrifjutaw li jipproċedu għall-ħlasijiet lura tal-produzzjoni għal dan il-prodott, li għalih dawn l-awtoritajiet kienu ħadu impenn fir-rigward ta’ dan il-produttur.

47

Hemm lok l-ewwel nett li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li ma jistax jitqies li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni l-fatt li d-dritt nazzjonali, fil-qasam tal-irtirar ta’ atti amministrattivi u ta’ ħlas lura ta’ ammonti ta’ flus imħallsa indebitament mill-amministrazzjoni pubblika, jieħu inkunsiderazzjoni, flimkien mal-prinċipju ta’ legalità, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, peress li dawn tal-aħħar jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dawn il-prinċipji huma imposti b’ċerta rigorożità fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi konsegwenzi finanzjarji (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, C-383/06 sa C-385/06, Ġabra p. I-1561, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1265/2001 li permezz tiegħu Agroferm ibbenefikat minn ħlasijiet lura tal-produzzjoni tas-sulfat tal-lisina, jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1260/2001, li jirrigwarda l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor fil-kuntest tal-politika agrikola komuni.

49

Għalhekk, ir-rimbors tal-ammonti indebitament imħallsa mill-Unjoni skont dan ir-Regolament Nru 1265/2001 għandu l-bażi legali tiegħu fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1258/1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-irkupru ta’ sussidji indebitament imħallsa skont il-Fondi Strutturali, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

50

B’mod partikolari, l-Artikolu 8(1)(ċ) ta’ dan l-aħħar regolament joħloq obbligu għall-Istati Membri, mingħajr ma awtorizzazzjoni prevista mid-dritt nazzjonali hija neċessarja, li jiġu rkuprati s-somom mitlufa wara irregolaritajiet jew negliġenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et, 205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, punt 22).

51

F’dan il-kuntest, l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandha ssir skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ att leġiżlattiv tad-dritt tal-Unjoni u li l-aġir ta’ awtorità nazzjonali inkarigata mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jmur kontra dan tal-aħħar, ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan l-operatur ekonomiku sabiex jibbenefika minn trattament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni [ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 1993 , Lageder et, C-31/91 sa C-44/91, Ġabra. p. I-1761, punt 35; tas-16 ta’ Marzu 2006, Emsland-Stärke, C-94/05, Ġabra p. I-2619, punt 31, u tas-7 ta’ April 2011, Sony Supply Chain Solutions (Europe), C-153/10, Ġabra p. I-2775, punt 47].

53

Issa, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1265/2001 jinkludi, inkwantu “prodotti bażiċi” li jibbenefikaw minn ħlasijiet lura tal-produzzjoni, b’mod partikolari, iz-zokkor użat għall-manifattura tal-prodotti tal-industrija kimika elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. Dan l-anness isemmi espressament il-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 29 u 38 tan-NM. Minbarra dan, jirriżulta mill-Artikolu 10(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament li t-talba għal ħlas lura tal-produzzjoni għandha tippreċiża l-intestatura tariffarja u d-deskrizzjoni tal-prodott kimiku għall-manifattura li għaliha l-prodott bażiku huwa użat.

54

F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tagħha, operatur ekonomiku ma jistax ikollu aspettattivi leġittimi fl-għoti ta’ ħlas lura tal-produzzjoni ħlief jekk il-prodott li huwa jimmanifattura jaqa’ taħt l-intestatura jew taħt il-kapitolu tan-NM indikati fiċ-ċertifikat ta’ ħlas lura.

55

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mir-risposta mogħtija lill-ewwel domanda preliminari, il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jmissu ġie effettivament ikklassifikat fl-intestatura 2309 tan-NM, u mhux fl-intestatura 2922 tagħha, hekk kif b’mod żbaljat għamel l-operatur ekonomiku bħala benefiċjarju tal-ħlasijiet lura tal-produzzjoni.

56

Għalhekk, il-ħlasijiet lura tal-produzzjoni għal dan il-prodott kienu f’kontradizzjoni mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Daniżi ma setgħux joħolqu, favur l-operatur ekonomiku kkonċernat, indipendentement mill-bona fides ta’ dan tal-aħħar, aspettattivi leġittimi li jittieħed benefiċċju minn trattament li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. L-istess għalhekk japplika anki meta, minn naħa, dawn il-ħlasijiet lura jmisshom ingħataw abbażi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa minn dawn l-awtoritajiet u, min-naħa l-oħra, dawn tal-aħħar kienu impenjaw ruħhom, qabel ma ġie żvelat lilhom l-iżball imwettaq mill-operatur fid-dikjarazzjoni tiegħu, li jsiru ħlasijiet lura ġodda.

57

Minn dan kollu jirriżulta li hemm lok li t-tieni u t-tielet domandi jiġu risposti li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali nazzjonali, minn naħa, jitolbu r-rimbors tal-ammont indebitu tal-ħlasijiet lura tal-produzzjoni tas-sulfat tal-lisina li l-produttur ikun diġà rċieva, u, min-naħa l-oħra, jirrifjutaw li jipproċedu sabiex iwettqu l-ħlasijiet lura tal-produzzjoni għal dan il-prodott, li fir-rigward tiegħu l-awtoritajiet kienu ħadu impenni fir-rigward ta’ dan il-produttur.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott kompost minn sulfat tal-lisina kif ukoll minn impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309 inkwantu preparazzjoni tat-tipi użati għall-għalf tal-annimali.

 

2)

Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali nazzjonali, minn naħa, jitolbu r-rimbors tal-ammont indebitu tal-ħlasijiet lura tal-produzzjoni tas-sulfat tal-lisina li l-produttur ikun diġà rċieva, u, min-naħa l-oħra, jirrifjutaw li jipproċedu sabiex iwettqu l-ħlasijiet lura fuq il-produzzjoni għal dan il-prodott, li fir-rigward tiegħu l-awtoritajiet kienu ħadu impenn fir-rigward ta’ dan il-produttur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Fuq

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C-568/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura

Agroferm A/S

vs

Ministeriet for Fødevarer, Landbrug og Fiskeri ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Arabadjev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal Agroferm A/S, minn J. Lentz, avukat,

– għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen, bħala aġent, assistita minn J. Pinborg, avukat,

– għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Barslev u P. Rossi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 2309, 2922 u 3824 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 286, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NK”), kif ukoll fuq il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-irkupru ta’ somom indebitament imħallsa.

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Agroferm A/S (iktar ’il quddiem “Agroferm”) u l-Ministeriet for Fødevarer, Landbrug og Fiskeri (Ministeru tal-Alimentazzjoni, tal-Agrikoltura u tas-Sajd, iktar ’il quddiem il-“Ministeriet”), rigward ir-rimbors, minn Agroferm, ta’ ħlasijiet lura tal-produzzjoni tas-sulfat tal-lisina li kienu ġew indebitament imħallsa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3. Is-sistema ta’ armonizzazzjoni ta’ deskrizzjoni u ta’ kodifikazzjoni tal-merkanziji (iktar ’il quddiem is-“SA”) ġiet żviluppata mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u mwaqqaf mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata, flimkien mal-Protokoll li Jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4. Skont in-Nota ta’ Spjega ta’ SA relatata mal-Kapitolu 29 tagħha, it-terminu “impurità” japplika esklużivament għas-sustanzi li l-preżenza tagħhom fil-kompost kimiku differenti tirriżulta esklużivament mill-proċess ta’ manifattura. Dawn is-sustanzi ma humiex ikkunsidrati bħala impuritajiet awtorizzati skont din in-nota meta dawn jitħallew deliberatament fil-prodott sabiex dan ikollu użi partikolari pjuttost milli użu ġenerali.

5. In-Nota ta’ Spjega ta’ SA dwar l-intestatura 2309 tagħha tipprovdi li din l-intestatura hija intiża għall-preparazzjonijiet iddestinati sabiex jidħlu fil-manifattura ta’ alimentazzjoni “kompleta” jew “ta’ akkumpanjament”. Dawn il-preparazzjonijiet huma, ġeneralment, kompożizzjonijiet ta’ natura kumplessa li jinkludu diversi elementi, xi drabi msejħa “addittivi” li n-natura u l-proporzjonijiet tagħhom huma ffissati għal produzzjoni zooteknika partikolari. Dawn l-elementi, fosthom l-aminoaċidi, jiffavorixxu b’mod partikolari d-diġestjoni u, b’mod iktar ġenerali, l-użu tal-għalf għall-annimali u l-ħarsien tas-sitwazzjoni ta’ saħħa tagħhom.

Id-dritt tal-Unjoni

Il-klassifikazzjoni tariffarja

– In-Nomenklatura Magħquda

6. In-Nomenklatura Magħquda hija bbażata fuq is-SA. It-tieni parti tan-NM tinkludi klassifikazzjoni ta’ oġġetti f’taqsimiet, kapitoli, intestaturi u subintestaturi.

7. Il-Kapitolu 23 tan-NM huwa intitolat “Fdal u skart mill-industrija tal-ikel: għalf tal-annimali ppreparat”. Skont in-Nota 1 ta’ dan il-kapitolu, l-intestatura 2309 tan-NK tinkludi “prodotti ta’ kwalità użata għal għalf tal-annimali, mhux speċifikati jew imsemmijin band’oħra, magħmulin bl-ipproċessar ta’ materjali veġetali jew annimali f’tali stat li jkunu tilfu l-karatteristiċi essenzjali tal-materjal oriġinali, ħlief skart veġetali, fdal veġetali u riżultati ta’ dan l-ipproċessar.” L-intestatura 2309 tan-NM hija intitolata “Preparazzjonijiet ta’ tip użat f’għalf ta’ l-annimali”.

8. Il-Kapitolu 29 tan-NM huwa intitolat “[Prodotti] kimiċi organiċi”. In-Nota 1(a) u (b) ta’ dan il-kapitolu jipprovdu:

“Ħlief meta il-kuntest jitlob mod ieħor, it-titli ta’ dan il-kapitlu japplikaw biss għal:

a) komposti organiċi separati definiti kemikament, b’impuritajiet jew mingħajrhom;

b) taħlit ta’ żewġ isomeri jew aktar ta’ l-istess kompost organiku (b’impuritajiet jew mingħajrhom), ħlief taħlitiet ta’ isomeri ta’ idrokarbonju aċikliku (ħlief stereoisomeri), saturati jew le (Kapitlu 27);”

9. L-intestatura 2922 tan-NM hija intitolata “Amino-komposti funzjoni-ossiġnu”.

10. Il-Kapitolu 38 tan-NM huwa intitolat “Diversi prodotti kimiċi”. L-intestatura 3824 tan-NM tirrigward l-“[m]aterjali li jgħaqqdu ppreparati għal forom jew ċentri ta’ funderija; prodotti u preparazzjonijiet kimiċi ta’ l-industriji kimiċi jew li għandhom x’jaqsmu magħhom (inklużi dawk li jikkonsistu f’taħlitiet ta’ prodotti naturali), mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra”.|

Il-ħlasjiet lura tal-produzzjoni

– Ir-Regolament (KE) Nru 1260/2001

11. L-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, tad-19 ta’ Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17), jipprovdi:

“Ġie deċiż li jingħataw rifużjoni fuq il-produzzjoni fuq il-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) u (f) u fuq ix-xiroppi elenkati fl-Artikolu 1(1)(d), u fuq fruttożi li hi kimikament pura (levulożi) li taqa’ fil-Kodiċi NM 17025000 bħala prodott intermedjajrju, meta dawn jidħlu f’waħda mis-sitwazzjonijiet li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 23(2) [KE] u jintużaw għall-manifattura ta’ ċerti prodotti ta’ l-industrija tal-kimika.

[…]”

– Ir-Regolament (KE) Nru 1265/2001

12. L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1265/2001, tas-27 ta’ Ġunju 2001, li jistabilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 rigward l-għoti tar-rifużjoni tal-produzzjoni fuq xi prodotti taz-zokkor użati fl-industrija tal-kimika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 76) jipprovdi:

“1. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘prodotti bażiċi’ tfisser:

a) prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) u (b) tar-Regolament [...] Nru 1260/2001 u

b) xiroppi taz-zokkor imsemija fl-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament [...] Nru 1260/2001 u li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex17026095 u ex17029099 li għandhom purità ta’ għall-inqas 85 %,

użati fil-manifattura tal-prodotti ta’ l-industrija kimika elenkati fl-Anness I.

[...]”

13. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1265/2001 jipprovdi:

“1. Ir-rifużjoni tal-produzzjoni għandha tingħata mill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom isir l-ipproċessar tal-prodotti bażiċi.

2. L-Istat Membri jista’ jagħti rifużjoni biss jekk il-kontroll tad-dwana, jew l-ispezzjoni amministrativa li tagħt garanziji ekwivalenti, taċċerta li l-prodotti bażiċi jintużaw għall-iskop speċifikat fl-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3.”

14. Skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament:

“1. Applikazzjoni għal rifużjoni tal-produzzjoni għandha ssir bil-miktub lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn għandu jiġi pproċessat il-prodott bażiku.

L-applikazzjoni għandha tgħid:

[…]

(ċ) l-intestatura tat-tariffa u d-deskrizzjoni tal-prodott kimiku li għall-manifattura tiegħu għandu jintuża l-prodott bażiku;

[...]

3. Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafu 2:

[...]

b) l-intitolazzjoni għar-rifużjoni tal-produzzjoni g]andha tkun kondizzjonata fuq l-għoti ta’ l-approvazzjoni minn qabel lill-proċessur mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-imsemmi proċessur se jipproċessa l-prodott intermedju kimiku msemmi fl-Anness I.

L-approvazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu għandhom jingħataw mill-Istat Membru in kwistjoni jekk l-applikant jagħtih kull opportunità li jwettaq il-verifiki meħtieġa.

[...]”

15. Mill-Anness I tar-Regolament Nru 1265/2001 jirriżulta li l-ħlasijiet lura tal-produzzjoni jingħataw għall-manifattura tal-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 29 (prodotti kimiċi organiċi) u 38 (diversi prodotti kimiċi) tan-NM.

Il-finanzjament tal-politika agrikola komuni

16. L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola kien jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom, skond id-disposizzjonijiet nazzjonali stabiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex:

a) ikunu sodisdfatti illi t-transazzjonijiet iffananzjati mill-Fond ikunu attwalment imwettqa u mwettqa korrettement;

b) jipprevjienu l-irregolaritajiet u jittrattawhom;

ċ) jirkupraw is-somom mitlufa bħala riżultat ta’ l-irregolaritajiet jew tan-negliġenza.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda għal dawn il-għanijiet u b’mod partikolari dwar l-istat ta’ l-amministrazzjoni u l-proċeduri ġudizzjarji.

2. Fin-nuqqas ta’ rkupru totali, il-konsegwenzi finanzjarji dwar l-irregolaritajiet jew in-negliġenza għandhom ikunu miġrura mill-Komunità, bl-eċċezzjoni tal-konsegwenzi ta’ l-irregolaritajiet jew in-negliġenza attribwiti lill-awtoritàjiet amministrattivi jew lil korpi oħra fl-Istati Membri.

Is-somom irkuprati għandhom jitħallsu lill-aġenziji akkreditati tal-ħlas u mnaqqsa minnhom (l-aġenziji) min-nefqa ffinanzjati mill-Fond. L-imgħax fuq is-somom irkuprati jew imħallsa tard għandu jitħallas lill-Fond.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17. Agroferm hija impriża Daniża li mmanifatturat, sax-xahar ta’ Ġunju 2006, sulfat tal-lisina f’fabbrika li tinsab f’Esbjerg (id-Danimarka). Il-prodotti komposti minn lisina huma maħduma miz-zokkor, li huwa l-prodott bażiku.

18. Fid-19 ta’ Mejju 2004, Agroferm ressqet, quddiem l-awtoritajiet doganali Daniżi, talba għal awtorizzazzjoni minn qabel għall-għoti ta’ ħlasijiet lura tal-produzzjoni ta’ sulfat tal-lisina. Hija esponiet, f’ din it-talba, li l-prodott li hija kienet qed taħseb biex tipproduċi kien tas-sulfat tal-lisina, li skont hija, kien jaqa’ taħt l-intestatura 2922 tan-NM. Wara tweġiba favorevoli minn dawn l-awtoritajiet għal din it-talba, Agroferm irċeviet regolarment ħlasijiet lura tal-produzzjoni li kienu jikkorrispondu mal-kwantitajiet ta’ zokkor li hija użat biex tipproduċi s-sulfat tal-lisina.

19. Fi tmiem analiżijiet imwettqa minn Force Technology, impriża privata inkarigata milli tanalizza, akkont tal-awtoritajiet doganali Daniżi, kampjuni ta’ prodotti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħhom, ġie propost li l-prodott żviluppat minn Agroferm jiġi kklassifikat fil-Kapitolu 23 tan-NM u mhux fil-Kapitolu 29 tagħha. F’avviż tal-5 ta’ April 2006, Force Technology indikat li l-kampjun analizzat kien ġie mmanifatturat permezz tal-fermentazzjoni u li l-prodott ikkonċernat kien fih sulfat tal-lisina u prodotti oħra ta’ fermentazzjoni. Din l-impriża rrilevat li prodott pur għal biss 66 % (perċentwali ta’ sulfat ta’ lisina li tinsab fil-materja niexfa) ma setax jiġi kklassifikat fil-Kapitolu 29 tan-NM.

20. Imsejjaħ mill-awtoritajiet doganali Daniżi, il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ppreċiża li l-approċċ għal kull każ kellu jiġi privileġġat sabiex tiġi deċiża r-rata tal-impuritajie t ammissibbli u tal-klassifikazzjoni ta’ prodotti kimiċi, u li l-preparazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tiġi kklassifikata fil-Kapitolu 23 tan-NM u mhux fil-Kapitolu 29 tagħha.

21. Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2006, id-Direktoratet for FødevareErhverv (Direttorat tal-Alimentazzjoni, iktar ’il quddiem id-“Direktoratet”) informa lil Agroferm li kien fil-frattemp ġie stabbilit, wara konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, li l-prodotti mmanifatturati minn din il-kumpannija ma kellhomx jiġu kklassifikati bħala prodotti b’bażi ta’ lisina, fis-sens tal-intestatura 2922 tan-NM, u li, għaldaqstant, din l-impriża ma setgħetx tibbenefika minn ħlasijiet lura tal-produzzjoni.

22. Fit-22 ta’ Novembru 2006, id-Direktoratet iddeċieda li Agroferm kellha tirrimborsa ammont totali ta’ madwar DKK 86.6 miljun, miżjud bl-interessi, li jikkorrispondi, fil-fehma tiegħu, mal-ħlasijiet lura tal-produzzjoni miġbura mix-xahar ta’ Awwissu 2004 sax-xahar ta’ Marzu 2006, ammont li fuqu l-partijiet fil-kawża prinċipali ma qablux dwaru.

23. Fit-18 ta’ Diċembru 2006, Agroferm ippreżentat, quddiem il-Ministeriet, rikors kontra d-deċiżjonijiet meħuda mid-Direktoratet. Fid-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2008, il-Ministeriet segwa kompletament id-deċiżjonijiet adottati mid-Direktoratet u kkunsidra li Agrofem ma kinitx aġixxiet in bona fides meta hija kienet talbet li tibbenefika minn ħlasijiet lura tal-produzzjoni.

24. Permezz ta’ rikors tat-23 ta’ Settembru 2009, Agroferm ressqet kawża quddiem ir-Retten i Esbjerg (qorti distrettwali) li, b’deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2009 u wara talba konkordanti tal-partijiet, irrinvijat il-kawża quddiem il-Vestre Landsret, għar-raġuni li l-kawża prinċipali kienet tikkostitwixxi kawża ta’ prinċipju, fis-sens tal-proċedura ċivili Daniża, peress li hija kienet ittrattat l-interpretazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-Unjoni u li l-introduzzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari kienet maħsuba.

25. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1) Prodott li huwa mmanifatturat miz-zokkor iffermentat permezz ta’ Corynebacterium glutamicum u li huwa kkostitwit – bħalma huwa speċifikat fl-Anness 1 tad-digriet tar-rinviju – minn madwar 65 % ta’ sulfat tal-lisina, kif ukoll minn impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura (materjali inizjali mhux ikkonvertiti, reaġenti użati fil-proċess ta’ manifattura u prodotti sekondarji) jaqa’ taħt l-intestatura 2309, l-intestatura 2922 jew l-intestatura 3824 tan-[NM]?

F’dan ir-rigward għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jekk l-impuritajiet tħallewx deliberatament fil-prodott bl-għan li jrenduh partikolarment xieraq jew iktar xieraq sabiex jintuża fil-manifattura tal-għalf għall-annimali jew jekk l-impuritajiet tħallewx għaliex ma huwiex neċessarju jew opportun li jiġu eliminati? Skont liema linji gwida għandha, jekk ikun il-każ, tiġi deċiża din il-kwistjoni?

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa possibbli li jiġu mmanifatturati prodotti oħra li jinkludu l-lisina u, b’mod partikolari, il-lisina ‘pura’ (≥ 98 %) u prodotti oħra bbażati fuq il-lisina HCI, li jinkludu ammont akbar ta’ lisina minn dak tal-prodott ibbażat fuq is-sulfat tal-lisina deskritt iktar ’il fuq u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-ammont tas-sulfat tal-lisina u tal-impuritajiet tal-prodott ibbażat fuq is-sulfat tal-lisina deskritt iktar ’il fuq jikkorrispondi għal dak tal-prodotti ibbażati fuq is-sulfat tal-lisina ta’ manifatturi oħrajn? Skont liema linji gwida għandha, jekk ikun il-każ, tiġi deċiża din il-kwistjoni?

2) Jekk, skont il-prinċipju ta’ legalità, hemm lok li jitiqes li l-produzzjoni ma kinitx taqa’ fl-iskema ta’ ħlas lura, imur kontra d-dritt tal-Unjoni li l-awtoritajiet nazzjonali jastjenu, f’kawża bħal dik preżenti u fid-dawl tal-prinċipji nazzjonali ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, milli jitolbu r-rimbors tal-ammont tal-ħlasijiet lura li l-produttur irċieva in bona fide ?

3) Jekk, skont il-prinċipju ta’ legalità, hemm lok li jitqies li l-produzzjoni ma kinitx taqa’ fl-iskema ta’ ħlas lura, imur kontra d-dritt tal-Unjoni li l-awtoritajiet nazzjonali jirrispettaw, f’kawża bħal dik preżenti u fid-dawl tal-prinċipji nazzjonali ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, impenji suġġetti għal-limiti ta’ żmien (ċertifikati ta’ ħlas lura) li l-manifattur irċieva in bona fide ?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali kompost minn sulfat tal-lisina kif ukoll minn impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura jaqax taħt l-intestaturi 2309, 2922 jew 3824 tan-NM.

27. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti għandu jiġi identifikat, b’mod ġenerali, mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1989, Weber, 40/88, Ġabra p. 1395, punt 13; tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C-142/06, Ġabra p. I-6675, punt 16, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2011, Pacific World u FDD International, C-215/10, Ġabra p. I-7255, punt 28).

28. Għandu wkoll jiġi rrilevat li n-Nota ta’ Spjega tas-SA tikkostitwixxi strument importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u tipprovdi, inkwantu tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1994, Siemens Nixdorf, C-11/93, Ġabra p. I-1945, punt 12; tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe, C-15/05, Ġabra p. I-3657, punt 36, kif ukoll Pacific World u FDD International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

29. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-intestatura 2922 tan-NM, in-Nota 1(a) tal-Kapitolu 29 tan-NM tipprovdi li l-intestaturi ta’ dan il-kapitolu jinkludu biss komposti organiċi separati definiti kimikament, b’impuritajiet jew mingħajrhom.

30. Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-prodott bażiku ta’ sulfat tal-lisina inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien kompost organiku definit kimikament li fih madwar 65 % tas-sulfat tal-lisina u 35 % ta’ massa ċellulari li jirriżulta mill-proċess ta’ manifattura permezz tal-fermentazzjoni użata. Minbarra dan, skont il-qorti tar-rinviju, din il-massa ċellulari li kien fiha sustanzi nutrittivi li għandhom valur bijoloġiku għoli, kienet deliberatament tħalliet f’dan il-prodott sabiex issaħħaħ il-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jintuża bħala addittiv fl-għalf tal-annimali u li tipprevjeni lis-sulfat tal-lisina milli jassorbi l-umidità.

31. Tqum għalhekk il-kwistjoni jekk din il-massa ċellulari tistax tiġi kkunsidrata bħala waħda mill-impuritajiet li l-preżenza tagħha, skont in-Nota 1(a) tal-Kapitolu 29 tan-NM, ma tqajjimx dubju dwar il-klassifikazzjoni fl-intestaturi ta’ dan il-kapitolu.

32. F’dan ir-rigward, jekk din in-Nota 1 tal-Kapitolu 29 tan-NM tawtorizza l-preżenza ta’ impuritajiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn għandhom neċessarjament natura residwa, sabiex ma tiġix affettwata l-preżenza “waħedha” tal-kompost organiku inkwistjoni. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġuni tal-eżistenza ta’ din it-tolleranza hija marbuta mal-fatt li livell ta’ purità ta’ 100 % ma jistax ġeneralment jintlaħaq mill-aspett tekniku.

33. Minbarra dan, jirriżulta min-Nota 1(f) u (g) tal-Kapitolu 29 tan-NM li l-intestaturi ta’ dan il-kapitolu jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-prodotti msemmija f’din in-Nota (1)(a), addizzjonijiet ta’ sustanzi differenti indispensabbli għall-konservazzjoni tagħhom, jew it-trasport tagħhom, jew jippermettu li tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tagħhom, jew ukoll minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, sa fejn dawn l-addizzjonijiet ma jagħmlux il-prodott tajjeb għal użu partikolari pjuttost milli għall-użu ġenerali tiegħu.

34. Jekk, skont in-Nota 1(g) u (g) ta’ dan il-Kapitolu 29, iż-żieda ta’ sustanzi oħra fil-prodotti li jistgħu jiġu kklassifikati f’dan il-kapitolu għandhom isegwu ċerti rekwiżiti preċiżi, dwar b’mod partikolari raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ identifikazzjoni, filwaqt li jinżamm l-użu ġenerali tal-prodott imsemmi, għandu jiġi kkonstatat li, a fortiori , l-istess japplika għal impuritajiet imsemmija fin-Nota 1(a) tal-istess kapitolu.

35. Fil-fatt, meta prodott li jkun fih impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura, li jagħmluh tajjeb għal użi partikolari, differenti mill-użu ġenerali tiegħu, tali prodott ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “ppreżentat waħdu”, fis-sens tan-Nota 1(a) tal-Kapitolu 29 tan-NM, peress illi tali impuritajiet huma stabbiliti skont l-użu tagħhom.

36. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni tirriżulta wkoll min-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 29 tagħha, kif imfakkra fil-punt 4 ta’ din is-sentenza.

37. F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-impuritajiet jitħallew fil-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali wara fermentazzjoni, sabiex dan ikollu użu partikolari, pjuttost milli għall-użu ġenerali, bħala addittiv għall-għalf komplet għall-annimali li fih ċertu numru ta’ sustanzi nutrittivi li għandhom valur bijoloġiku għoli.

38. Isegwi li prodott b’bażi ta’ sulfat tal-lisina bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setax jiġi kklassifikat fl-intestatura 2922 tan-NM.

39. F’dak li jikkonċerna l-intestatura 2309 tan-NM, din hija intiża għall “preparazzjonijiet ta’ tipi użat f’għalf tal-annimali”. Skont in-Nota 1 tal-Kapitolu 23 tan-NM, din il-pożizzjoni tinkludi l-prodotti ta’ tipi użati għal għalf tal-annimali, mhux speċifikati jew imsemmijin band’oħra, magħmulin bl-ipproċessar ta’ materjali veġetali jew annimali f’tali stat li jkunu tilfu l-karatteristiċi essenzjali tal-materjal oriġinali, ħlief skart veġetali, fdal veġetali u riżultati ta’ dan l-ipproċessar.

40. Minbarra dan, jirriżulta min-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 2309 tagħha, kif imfakkra fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, li din l-intestatura tirreferi b’mod partikolari għall-additivi, li n-natura u l-proporzjonijiet tagħhom huma ffissati skont produzzjoni zooteknika partikolari, u li fosthom hemm l-aminoaċidi.

41. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-prodott (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C-183/06, Ġabra p. I-1559, punt 36; Olicom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18, kif ukoll tad-29 ta’ April 2010, Roeckl Sporthandschuhe, C-123/09, Ġabra p. I-4065, punt 28).

42. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, li l-prodott bażiku ta’ sulfat tal-lisina inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien iddestinat, inkwantu additiv, sabiex jintuża fil-manifattura ta’ għalf għall-annimali. Huwa kien kompost minn ċertu numru ta’ elementi, fosthom aminoaċidi, li jippreżentaw, għall-annimali, vantaġġi fuq il-livell nutrittiv.

43. Għalhekk, il-karatteristiċi oġġettivi ta’ tali prodott u, b’mod partikolari, l-elementi tal-massa ċellulari li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura li jitħallew deliberatament fih, kienu jiddestinaw sabiex jintuża, inkwantu bħala additiv li jintuża fil-manifattura tal-għalf għall-annimali. Isegwi li dan il-prodott kien jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309 tan-NM.

44. Fir-rigward tal-intestatura 3824 tan-NM, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din hija intestatura residwa, li tapplika unikament meta l-prodott intiż ma jistax jiġi kklassifikat b’ebda intestatura oħra. Peress li dan ma huwiex il-każ hawnhekk, ma hemmx lok li tiġi eżaminata r-rilevanza ta’ din l-intestatura.

45. Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott kompost minn sulfat tal-lisina kif ukoll minn impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309 inkwantu preparazzjoni tat-tipi użati għall-għalf tal-annimali.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

46. Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li l-awtoritajiet doganali nazzjonali, fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li għandhom jiġu osservati skont id-dritt nazzjonali, minn naħa, jitolbux ir-rimbors ta’ ammont indebitu ta’ ħlasijiet lura tal-produzzjoni tas-sulfat tal-lisina li l-produttur ikun irċieva in bona fides u, min-naħa l-oħra, jirrifjutaw li jipproċedu għall-ħlasijiet lura tal-produzzjoni għal dan il-prodott, li għalih dawn l-awtoritajiet kienu ħadu impenn fir-rigward ta’ dan il-produttur.

47. Hemm lok l-ewwel nett li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li ma jistax jitqies li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni l-fatt li d-dritt nazzjonali, fil-qasam tal-irtirar ta’ atti amministrattivi u ta’ ħlas lura ta’ ammonti ta’ flus imħallsa indebitament mill-amministrazzjoni pubblika, jieħu inkunsiderazzjoni, flimkien mal-prinċipju ta’ legalità, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, peress li dawn tal-aħħar jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dawn il-prinċipji huma imposti b’ċerta rigorożità fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi konsegwenzi finanzjarji (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et , C-383/06 sa C-385/06, Ġabra p. I-1561, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1265/2001 li permezz tiegħu Agroferm ibbenefikat minn ħlasijiet lura tal-produzzjoni tas-sulfat tal-lisina, jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1260/2001, li jirrigwarda l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor fil-kuntest tal-politika agrikola komuni.

49. Għalhekk, ir-rimbors tal-ammonti indebitament imħallsa mill-Unjoni skont dan ir-Regolament Nru 1265/2001 għandu l-bażi legali tiegħu fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1258/1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-irkupru ta’ sussidji indebitament imħallsa skont il-Fondi Strutturali, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

50. B’mod partikolari, l-Artikolu 8(1)(ċ) ta’ dan l-aħħar regolament joħloq obbligu għall-Istati Membri, mingħajr ma awtorizzazzjoni prevista mid-dritt nazzjonali hija neċessarja, li jiġu rkuprati s-somom mitlufa wara irregolaritajiet jew negliġenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et , 205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, punt 22).

51. F’dan il-kuntest, l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandha ssir skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

52. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ att leġiżlattiv tad-dritt tal-Unjoni u li l-aġir ta’ awtorità nazzjonali inkarigata mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jmur kontra dan tal-aħħar, ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan l-operatur ekonomiku sabiex jibbenefika minn trattament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni [ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 1993 , Lageder et , C-31/91 sa C-44/91, Ġabra. p. I-1761, punt 35; tas-16 ta’ Marzu 2006, Emsland-Stärke, C-94/05, Ġabra p. I-2619, punt 31, u tas-7 ta’ April  2011, Sony Supply Chain Solutions (Europe), C-153/10, Ġabra p. I-2775, punt 47].

53. Issa, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1265/2001 jinkludi, inkwantu “prodotti bażiċi” li jibbenefikaw minn ħlasijiet lura tal-produzzjoni, b’mod partikolari, iz-zokkor użat għall-manifattura tal-prodotti tal-industrija kimika elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. Dan l-anness isemmi espressament il-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 29 u 38 tan-NM. Minbarra dan, jirriżulta mill-Artikolu 10(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament li t-talba għal ħlas lura tal-produzzjoni għandha tippreċiża l-intestatura tariffarja u d-deskrizzjoni tal-prodott kimiku għall-manifattura li għaliha l-prodott bażiku huwa użat.

54. F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tagħha, operatur ekonomiku ma jistax ikollu aspettattivi leġittimi fl-għoti ta’ ħlas lura tal-produzzjoni ħlief jekk il-prodott li huwa jimmanifattura jaqa’ taħt l-intestatura jew taħt il-kapitolu tan-NM indikati fiċ-ċertifikat ta’ ħlas lura.

55. F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mir-risposta mogħtija lill-ewwel domanda preliminari, il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jmissu ġie effettivament ikklassifikat fl-intestatura 2309 tan-NM, u mhux fl-intestatura 2922 tagħha, hekk kif b’mod żbaljat għamel l-operatur ekonomiku bħala benefiċjarju tal-ħlasijiet lura tal-produzzjoni.

56. Għalhekk, il-ħlasijiet lura tal-produzzjoni għal dan il-prodott kienu f’kontradizzjoni mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Daniżi ma setgħux joħolqu, favur l-operatur ekonomiku kkonċernat, indipendentement mill- bona fides ta’ dan tal-aħħar, aspettattivi leġittimi li jittieħed benefiċċju minn trattament li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. L-istess għalhekk japplika anki meta, minn naħa, dawn il-ħlasijiet lura jmisshom ingħataw abbażi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa minn dawn l-awtoritajiet u, min-naħa l-oħra, dawn tal-aħħar kienu impenjaw ruħhom, qabel ma ġie żvelat lilhom l-iżball imwettaq mill-operatur fid-dikjarazzjoni tiegħu, li jsiru ħlasijiet lura ġodda.

57. Minn dan kollu jirriżulta li hemm lok li t-tieni u t-tielet domandi jiġu risposti li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali nazzjonali, minn naħa, jitolbu r-rimbors tal-ammont indebitu tal-ħlasijiet lura tal-produzzjoni tas-sulfat tal-lisina li l-produttur ikun diġà rċieva, u, min-naħa l-oħra, jirrifjutaw li jipproċedu sabiex iwettqu l-ħlasijiet lura tal-produzzjoni għal dan il-prodott, li fir-rigward tiegħu l-awtoritajiet kienu ħadu impenni fir-rigward ta’ dan il-produttur.

Fuq l-ispejjeż

58. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1) In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott kompost minn sulfat tal-lisina kif ukoll minn impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309 inkwantu preparazzjoni tat-tipi użati għall-għalf tal-annimali.

2) Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali nazzjonali, minn naħa, jitolbu r-rimbors tal-ammont indebitu tal-ħlasijiet lura tal-produzzjoni tas-sulfat tal-lisina li l-produttur ikun diġà rċieva, u, min-naħa l-oħra, jirrifjutaw li jipproċedu sabiex iwettqu l-ħlasijiet lura fuq il-produzzjoni għal dan il-prodott, li fir-rigward tiegħu l-awtoritajiet kienu ħadu impenn fir-rigward ta’ dan il-produttur.

Fuq