Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CC0251

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 8 ta' Mejju 2013.
    Christian Van Buggenhout u Ilse Van de Mierop vs Banque Internationale à Luxembourg SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de commerce de Bruxelles - il-Belġju.
    Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolament (KE) Nru 1346/2000 - Proċeduri ta’ insolvenza - Artikolu 24(1) - Eżekuzzjoni ta’ obbligu ‘għal benefiċċju ta’ debitur li jkun suġġett għal proċedimenti ta’ falliment’ - Ħlas lil kreditur ta’ dan id-debitur.
    Kawża C-251/12.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:295

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2013 ( 1 )

    Kawża C‑251/12

    Christian van Buggenhout u Ilse van de Mierop (kuraturi tal-falliment ta’ Grontimmo SA)

    vs

    Banque Internationale à Luxembourg

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-Belġju)]

    “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċeduri ta’ insolvenza — Obbligu għal benefiċċju ta’ debitur insolventi — Ħlas minn terz lill-kreditur ta’ debitur insolventi — Nuqqas ta’ għarfien tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Din il-kawża tikkonċerna għall-ewwel darba l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] ( 2 ). Din id-dispożizzjoni tipproteġi l-bona fide ta’ kreditur li ma jkollux għarfien tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza u li jonora obbligu fil-konfront tad-debitur insolventi, minkejja li kien f’pożizzjoni li jissodisfa dan l-obbligu favur il-kuraturi tal-falliment.

    2.

    Fil-kawża prinċipali, il-kuraturi tal-falliment qegħdin jitolbu lill-bank iħallas somma li tikkorrispondi għall-kreditu oriġinali tad-debituri fil-proċeduri ta’ insolvenza, somma li l-bank diġà ħallas lil terzi fuq preżentazzjoni ta’ ċekk maħruġ minnu stess, fuq il-bażi tal-istruzzjonijiet mogħtija mid-debitur insolventi fir-rigward ta’ ħlas lil terz qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ insolvenza. Il-bank jirrifjuta li jħallas darbtejn, din id-darba lill-kuraturi tal-falliment, u jibbaża l-argument tiegħu fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    3.

    L-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi:

    “Rispetta ta’ obbligu lejn debitur

    (1) Meta jkun ġie onorat obbligu fi Stat Membru għal benefiċċju ta’ debitur li jkun suġġett għal proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] miftuħa fi Stat Membru ieħor, meta suppost li jkun ġie onorat għal benefiċċju tal-likwidatur f’dawk il-proċedimenti, il-persuna li tonora l-obbligu għandha tkun meqjusa li ssoddisfat dan l-obbligu jekk ma kienetx taf bil-ftuħ tal-proċedimenti.”

    III – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

    4.

    Fil-11 ta’ Mejju 2006, l-Association des Copropriétaires du Quartier des Arts talbet lit-Tribunal de Commerce de Bruxelles, il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tal-kumpannija GRONTIMMO SA ( 3 ).

    5.

    Fit-22 u fl-24 ta’ Mejju 2006, żewġ kumpanniji ppreżentaw ċekkijiet favur Grontimmo, li jammontaw għal EUR 1 400 000, sabiex jitħallsu, parzjalment, id-djun eżistenti tagħhom fil-konfront ta’ Grontimmo.

    6.

    Fid-29 ta’ Mejju 2006 ġew maħtura diretturi ġodda f’Grontimmo. Fl-istess ġurnata, Grontimmo u KOSTNER DEVELOPMENT INC. ( 4 ), kumpannija rregolata taħt id-dritt Panamiż li ma kinitx ilha stabbilita, iffirmaw ftehim li permezz tiegħu Grontimmo kisbet opzjoni ta’ xiri mingħand Kostner bil-prezz ta’ EUR 1 400 000. Din l-opzjoni ta’ xiri kellha bħala suġġett azzjonijiet ta’ kumpannija rregolata taħt id-dritt Lussemburgiż kif ukoll azzjonijiet ta’ kumpannija rregolata taħt id-dritt tal-Antilli Olandiżi.

    7.

    Fit-2 ta’ Ġunju 2006, id-diretturi l-ġodda ta’ Grontimmo talbu lil Dexia Internationale Luxembourg ( 5 ) i) jiftaħ kont fejn jiġu ddepożitati ż-żewġ ċekkijiet li flimkien jammontaw għal EUR 1 400 000 u ii) joħroġ ċekk tal-Bank DEXIA fl-ammont ta’ EUR 1 400 000 f’isem Grontimmo favur Kostner. Fl-14 ta’ Ġunju 2006, iż-żewġ ċekkijiet ġew akkreditati lill-kont bankarju ta’ Grontimmo għal ammont totali ta’ EUR 1 399 900.

    8.

    Fl-4 ta’ Lulju 2006, it-Tribunal de Commerce de Bruxelles fetħet proċeduri ta’ insolvenza fil-konfront ta’ Grontimmo. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, id-debitur insolventi ġie miċħud milli jamministra l-assi kollha tiegħu taħt id-dritt Belġjan, u dan kien effettiv mill-ewwel siegħa ta’ dik il-ġurnata. B’mod partikolari, b’effett minn dan il-punt, skont id-dritt Belġjan, terzi li kienu debituri ma setgħux jissodisfaw l-obbligi tagħhom fil-konfront tad-debitur insolventi, b’ħelsien mid-dejn tagħhom. Il-kuraturi tal-falliment għamlu l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza magħruf pubblikament fil-Belġju biss u mhux fil-Lussemburgu wkoll.

    9.

    Fil-5 ta’ Lulju 2006, jiġifieri ġurnata wara l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza, fuq il-bażi tal-istruzzjonijiet ta’ Grontimmo mogħtija fit-2 ta’ Ġunju 2006, il-bank ħallas lil Kostner il-prezz tal-opzjoni ta’ xiri li jammonta għal EUR 1 400 000. Kostner sarrfet dan iċ-ċekk fl-istess ġurnata u konsegwentement il-bank iddebita l-kont ta’ Grontimmo.

    10.

    Il-kuraturi tal-falliment sussegwentement talbu lill-bank ta’ Grontimmo jiddepożita l-ammont imħallas lil Kostner fil-kont ta’ Grontimmo. Dan il-ħlas kien sar bi ksur tar-revoka tad-dritt tad-debitur insolventi li jagħmel użu mill-assi tiegħu u għalhekk ma setax ikun infurzabbli kontra l-assi.

    11.

    Il-bank invoka l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1346/2000 u meta ħareġ iċ-ċekk, skont l-istruzzjonijiet, huwa sostna li ma kellux għarfien tal-insolvenza ta’ Grontimmo, u għalhekk ma kienx obbligat iħallas lura l-ammont imsemmi hawn fuq għall-assi tad-debitur insolventi. B’riżultat ta’ dan, il-kuraturi tal-falliment ippreżentaw rikors għall-ħlas mill-bank quddiem il-qorti tar-rinviju.

    IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    12.

    Permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2012 il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

     

    “X’interpretazzjoni għandha tingħata lill-kliem ‘obbligu [...] għal benefiċċju ta’ debitur’ li jinsabu fl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000?

     

    Dawn il-kliem għandhom jiġu interpretati li jinkludu ħlas magħmul lil kreditur mid-debitur fallut fuq talba ta’ dan, meta l-parti li tkun wettqet dan l-obbligu ta’ ħlas f’isem u għall-benefiċċju tad-debitur fallut, tkun għamlet dan peress li ma tkunx taf bl-eżistenza ta’ proċedura ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] miftuħa fil-konfronti tad-debitur fi Stat Membru ieħor?”

    13.

    Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kuraturi tal-falliment ta’ Grontimmo, Banque Internationale à Luxembourg, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll ħadu sehem fis-sottomissjonijiet orali. Il-Gvern Franċiż u l-Gvern Portugiż ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Gvern Ġermaniż ħa sehem fis-seduta.

    V – Evalwazzjoni ġuridika

    14.

    Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-frażi “obbligu [...] għal benefiċċju ta’ debitur [insolventi]” fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1346/2000. Hija tistaqsi jekk tali frażi tinkludix il-każ ta’ ħlas lid-debitur insolventi, iżda li, fuq talba tad-debitur insolventi, sar lil wieħed mill-kredituri tiegħu, b’mod partikolari f’isem u favur id-debitur insolventi.

    15.

    Qabel ma’ nipproċedi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 24, fil-qosor sejjer ninkwadra din id-dispożizzjoni fil-kuntest regolatorju ġenerali tar-Regolament. Ir-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi għar-rikonoxximent dirett ta’ deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza ( 6 ). Rikonoxximent awtomatiku għandu għalhekk ifisser li l-effetti attribwiti għall-proċeduri bil-liġi tal-Istat li fih ikunu ġew miftuħa l-proċeduri, ikunu estiżi lejn l-Istati Membri l-oħra kollha ( 7 ). L-ewwel nett, ir-Regolament jinkludi primarjament regoli ta’ kunflitt ta’ liġi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli u tal-qorti kompetenti. Għalhekk, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament jipprovdi li l-effetti ta’ proċeduri ta’ insolvenza għandhom jiġu ddeterminati skont il-liġi tal-Istat Membru fejn il-proċeduri huma miftuħa.

    16.

    Bil-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza, id-debitur insolventi ġeneralment jitlef id-dritt li jamministra u li jiddisponi mill-assi tiegħu skont id-dritt tal-Istat Membru. Huwa wkoll jitlef is-setgħa li jeżegwixxi deċiżjonijiet: li jirċievi ħlas ta’ dejn mingħand debitur tad-debitur insolventi (terz debitur). Fil-każ li terz debitur madankollu jħallas id-dejn lid-debitur insolventi, dan ma jimplikax it-tmiem tad-dejn. Il-kuraturi tal-falliment, li issa għandhom is-setgħa jeżegwixxu deċiżjonijiet, għandhom jopponu dan il-ħlas. Fil-prinċipju, f’dan il-każ, it-terz debitur huwa obbligat jonora ħlas mill-ġdid, jiġifieri lill-kuraturi tal-falliment.

    17.

    Billi r-regolament jeżiġi r-rikonoxximent awtomatiku tal-effetti tal-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza fl-Istati Membri kollha, konsegwentement hemm ir-riskju li, billi ma jkollux għarfien tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza fi Stat Membru ieħor, terz debitur jiġi espost għall-perikolu li jonora ħlas lill-persuna żbaljata. Dan il-perikolu huwa partikolarment kbir fil-każ ta’ ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza fi Stati Membri oħra, peress li bilkemm huwa possibbli għal terz debitur li jiġi aġġornat kuljum bil-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa f’Stati Membri oħra. B’mod partikolari, it-terz debitur ma jillimitax ruħu li sempliċement jiċċekkja li jsir jaf dwar il-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa permezz tal-avviżi tal-Istat Membru tiegħu biss, għax ir-regolament ma jagħmel l-ebda obbligu li jiġu avżati l-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza fil-konfront ta’ Grontimmo fil-Lussemburgu ma kienx magħruf.

    18.

    F’dan il-kuntest, huwa l-Artikolu 224 li għandu jipproteġi dawn it-terzi debituri li b’bona fide jissodisfaw l-obbligu tagħhom wara l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza ( 8 ) Għall-protezzjoni ta’ persuni li jonoraw obbligu fil-konfront tad-debitur għaliex ma jkollhomx għarfien tal-proċeduri barranin meta fil-fatt huma kien messhom għamlu l-ħlas lil kuratur barrani, ir-regolament jipprovdi dispożizzjoni li ħlas bħal dan ikollu l-effett li jsir ħelsien tad-dejn ( 9 ).

    19.

    Fil-fehma tiegħi, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1346/2000 mhux biss il-ħlas ta’ obbligu lid-debitur insolventi, fil-forma ta’ ħlas immedjat jew kull trasferiment ieħor ta’ valur, iżda anki l-obbligu lil terzi fil-każ li dan iseħħ f’isem id-debitur insolventi insegwitu għall-istruzzjonijiet tad-debitur insolventi. Tali ħlasijiet għandhom għalhekk jikkwalifikaw bħala l-hekk magħrufa “obbligu [...] għal benefiċċju ta’ debitur [insolventi]” fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1346/2000. Dan jirriżulta mill-interpretazzjoni tat-termini u mit-tifsira u l-għan tal-Artikolu 24 tar-Regolament.

    A – It-test

    20.

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Portugiż isostnu interpretazzjoni tat-terminu “obbligu” li tkopri wkoll ħlas minn bank (terz debitur) lil kreditur tad-debitur insolventi, li jkun sar skont l-istruzzjonijiet ( 10 ) tad-debitur insolventi jew bil-kunsens tiegħu ( 11 ).

    21.

    It-test tal-Artikolu 24 tar-Regolament ma jipprekludix tali interpretazzjoni. Dan jgħodd ukoll għall-verżjoni Ingliża, Franċiża, Spanjola u Taljana tar-Regolament, li jirreferu għal “li jagħmel tajjeb għal obbligu fil-konfront ta’ debitur” ( 12 ). B’mod partikolari, id-debitur insolventi għandu obbligu kuntrattwali mhux biss meta d-debitur insolventi jirċievi direttament ammont ta’ flus jew assi oħra, iżda anki meta figurattivament ikun jista’ jipprova li dan l-obbligu ġie sodisfatt.

    22.

    Skont it-tifsira ġenerali tal-kliem, obbligu awtomatikament “[...] jagħmel tajjeb għal obbligu fil-konfront ta’ debitur” f’sitwazzjoni fejn terz debitur jonora ħlas lil terz sabiex jikkonforma ma’ obbligu eżistenti tiegħu fil-konfront tad-debitur insolventi. Fil-każ fejn l-obbligu fil-konfront tad-debitur insolventi jkun jimplika, pereżempju, trasferiment lil terz, dan l-obbligu jiġi sodisfatt għall-benefiċċju tad-debitur bit-trasferiment innifsu lit-terz.

    23.

    Għalhekk, tranżazzjonijiet fil-konfront ta’ terz jistgħu jitqiesu bħala aspett ieħor tal-fatt li jiġi onorat obbligu ta’ debituri insolventi. Fil-fatt, sa fejn id-debitur insolventi huwa meħtieġ jonora obbligu lil terz, bħall-ħlas tal-prezz tax-xiri, id-debitur insolventi huwa eżentat milli jonora l-obbligu tiegħu. Għalhekk, il-ħlas tat-terz debitur f’dan is-sens jopera favur id-debitur insolventi. Għalhekk dan huwa wkoll minnu f’dan il-każ: il-ħlas lill Kostner huwa ta’ benefiċċju għal Grontimmo, peress li din tal-aħħar ma għadhiex obbligata bil-prezz tax-xiri fil-konfront ta’ Kostner.

    24.

    Il-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 24 tar-Regolament tuża “wer an einen Schuldner leistet”. Dan bil-Franċiż jista’ pereżempju jiġi tradott litteralment pjuttost bħala “persuna li tonora obbligu fil-konfront tad-debitur”. Għalhekk il-verżjoni Ġermaniża tista’ tiġi kkunsidrata bħala eqreb minn uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, li jużaw il-frażi “favur id-debitur”. Iżda l-ifformular tal-verżjoni Ġermaniża “wer an einen Schuldner leistet” faċilment tippermetti wkoll il-qari propost. Skont il-ftehim ġenerali tal-lingwa użata, il-ħlas huwa “obbligu” jekk il-ħlas isir fir-rigward ta’ obbligu speċifiku. Għalhekk, mill-punt lingwistiku “obbligu [...] għal benefiċċju ta’ debitur” jeżisti wkoll jekk terz debitur jonora ħlas lil terz għal obbligu eżistenti bejnu u d-debitur insolventi. Dan l-obbligu jissuġġetta l-ħlas lil terz bħala obbligu għal benefiċċju ta’ debitur insolventi.

    25.

    Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament hija kkonfermata fil-premessa 30 tiegħu, li minnu jirriżulta li l-kunċett dwar oneru ta’ obbligu fl-Artikolu 24 ma jkoprix biss ħlasijiet, iżda wkoll kull mezz ieħor li permezz tiegħu jiġu onorati obbligi għal benefiċċju ta’ debitur insolventi ( 13 ). B’differenza, ħlas minn debitur insolventi ma għandux isir sakemm dan ma jkunx assoċjat mal-fatt li jiġi onorat obbligu konkluż direttament minnu.

    26.

    L-eżistenza ta’ tali relazzjoni bejn terz debitur u debitur insolventi hija ddeterminata, skont l-argumenti tal-Gvern Ġermaniż, mil-liġi nazzjonali. F’dan il-każ, huwa ċar li ma hemm l-ebda argument għalfejn ma għandhiex tingħata risposta fl-affermattiv f’dan ir-rigward. Permezz tal-ħlas magħmul lil terz (Kostner), it-terz debitur (il-bank) onora l-obbligu tad-debitur insolventi (Grontimmo) taħt il-kuntratt bejn it-terz u d-debitur insolventi. Il-bank kellu obbligu kuntrattwali ma’ Grontimmo li jħallas l-ammonti disponibbli, skont l-istruzzjonijiet ta’ Grontimmo, direttament lilhom stess jew lil terzi jew — bħal fil-każ preżenti — li joħroġ ċekkijiet u jħallashom. Bil-ħruġ u l-ħlas ta’ ċekk, il-bank f’dan il-każ ried jonora l-obbligu tiegħu fil-konfront ta’ Grontimmo.

    27.

    Fil-fehma tiegħi, f’sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, jista’ jiġi faċilment konkluż mill-kliem tal-Artikolu 24 tar-Regolament li interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex neċessarja. Bil-ħruġ u l-ħlas ta’ ċekk minn dan il-kont favur Kostner, il-bank onora l-obbligu tiegħu fil-konfront tal-klijent tiegħu, jiġifieri d-debitur insolventi.

    B – Interpretazzjoni teleoloġika

    28.

    Kif diġà msemmi, ir-Regolament jiddikjara li jirrikonoxxi awtomatikament proċeduri ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor, mingħajr fl-istess ħin ma jipprovdi għal avviż dwar dan il-ftuħ fl-Istati Membri kollha. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 24 għandu l-għan li jipproteġi lil terzi li b’bona fide jissodisfaw l-obbligu tagħhom fil-konfront ta’ debitur insolventi wara l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza. Ma huwiex neċessarju li terz b’bona fide jonora l-istess obbligu darbtejn — din id-darba fil-konfront tal-kuraturi tal-falliment.

    29.

    Il-ħtieġa li jiġi protett terz b’bona fide, li jonora obbligu fil-konfront ta’ debitur insolventi, magħmul fil-forma ta’ ħlas lil terz fuq istruzzjonijiet tad-debitur, ma huwa bl-ebda mod differenti f’dan ir-rigward mill-ħtieġa li jiġi protett terz li jonora obbligu sabiex dan l-obbligu jiġi onorat skont l-istruzzjonijiet tad-debitur insolventi. Fiż-żewġ każijiet, id-debitur terz jissodisfa obbligu kuntrattwali fil-konfront tad-debitur insolventi biss minħabba li ma jkollux għarfien tal-proċeduri ta’ insolvenza tiegħu.

    30.

    Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-eżami tal-fatti fil-kawża prinċipali. Fil-każ li bank ma jkunx ġie avżat bil-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza fuq l-assi tal-klijent tiegħu fi Stat Membru ieħor, ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni għalfejn, f’sitwazzjoni fejn, skont obbligu ta’ ħruġ u ħlas ta’ ċekk li jkunu seħħew qabel il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza, iħallas l-ammont disponibbli lil terz f’isem id-debitur insolventi mingħajr ma jkollu għarfien tal-eżistenza tal-insolvenza, il-bank ikun f’pożizzjoni iktar sfavorevoli minn dik ta’ ħlas dirett ta’ ammont mill-kont tad-debitur insolventi.

    31.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ġustament tosserva li bank ma jistax jivverifika ta’ kuljum, qabel ma jonora l-obbligi ta’ ħlas mibgħuta mill-klijenti barranin, l-avviżi ta’ insolvenza tal-Istati Membri l-oħra jew jitlob il-ħruġ ta’ ċertifikat li jindika l-assenza ta’ proċeduri ta’ insolvenza għal dik il-ġurnata rilevanti. Kif ġustament argumentaw uħud mill-Istati Membri, interpretazzjoni oħra twassal għal restrizzjoni sinjifikattiva tal-ħlasijiet transkonfinali.

    32.

    Il-fatt li, f’dan il-każ konkret, dan jista’ jkun jinvolvi tranżazzjoni li permezz tagħha d-debitur insolventi naqqas il-lista tal-kredituri, probabbilment bl-intenzjoni li jikkawża dannu jew li jikkommetti frodi ma jiġġustifikax interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 24 tar-Regolament għad-detriment tal-bank. Fl-aħħar mill-aħħar, hija preċiżament il-bona fide tal-bank li għandha tkun protetta minn din id-dispożizzjoni. Jekk huwa kien jaf b’istruzzjoni abbużiva minn naħa tad-debitur insolventi, il-bank fi kwalunkwe każ ma kienx aġixxa f’bona fide u ma setax jibbenefika mid-drittijiet taħt l-Artikolu 24 tar-Regolament.

    33.

    L-argument tal-Kummissjoni, li l-interpretazzjoni sostnuta hawnhekk tnaqqas mill-essenza tal-proċeduri ta’ insolvenza, ma huwiex konvinċenti biżżejjed. F’dan ir-rigward, ma jagħmel ebda differenza l-fatt jekk debitur insolventi jnaqqasx il-lista tal-kredituri billi jagħmel użu mill-ammont disponibbli fil-kont għall-benefiċċju tiegħu stess u jittrasferixxi sussegwentement dak l-ammont ta’ flus mhux kontanti lil terz permezz ta’ ħlas mill-bank tiegħu. Iż-żewġ każijiet jiksru l-liġi nazzjonali, bil-possibbiltà ta’ proċeduri kriminali jew ta’ xorta oħra fil-konfront tad-debitur insolventi. Madankollu, ma hemm ebda raġuni għaliex il-bank għandu jkun responsabbli fit-tieni każ biss.

    34.

    Sa fejn il-Kummissjoni ssostni li għandu jiġi stabbilit, permezz ta’ dispożizzjoni fil-liġi nazzjonali, jekk bank f’sitwazzjoni bħal dik ippreżentata f’dan il-każ huwiex f’bona fide sabiex jiġi eżentat mill-obbligu ta’ ħlas, din l-idea tmur kontra l-armonizzazzjoni promossa mill-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1346/2000. B’differenza għad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament, l-Artikolu 24 ma jirreferix għad-dritt nazzjonali, iżda jinkludi regoli sostantivi separati li għandhom jiġu applikati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Għal din ir-raġuni, din ir-regola għandha tiġi interpretata indipendentement għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif indikat iktar ’il fuq.

    35.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha għalhekk tikkunsidra, bħala deroga mill-prinċipju ta’ rikonoxximent awtomatiku tad-deċiżjoni dwar ftuħ tal-proċeduri, li l-Artikolu 24 għandu jiġi interpretat b’mod strett mill-bidu nett. Dan l-argument madankollu ma japplikax fil-każ preżenti, peress li l-interpretazzjoni sostnuta ma tikkostitwixxix eżempju — hekk kif issostni l-Kummissjoni — ta’ interpretazzjoni wiesgħa inaċċettabbli.

    VI – Konklużjoni

    36.

    Għaldaqstant, nipproponi li tingħata risposta għad-domandi preliminari skont kif ġej:

    “Ħlas lill-kreditur ta’ debitur insolventi li sussegwentement jonora obbligu fil-konfront “tad-debitur” fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], jinkludi ħlas li jsir sabiex jagħmel tajjeb għal obbligu fil-konfront ta’ debitur insolventi.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191.

    ( 3 ) Iktar ’il quddiem “Grontimmo”.

    ( 4 ) Iktar ’il quddiem “Kostner”.

    ( 5 ) Issa Banque Internationale à Luxemburg, iktar ’il quddiem il-“bank konvenut” jew il-“bank”.

    ( 6 ) Ara l-premessa 22 tar-Regolament Nru 1346/2000.

    ( 7 ) Ara l-premessa 22 tar-Regolament Nru 1346/2000.

    ( 8 ) Ara l-premessa 30 tar-Regolament.

    ( 9 ) Ara wkoll il-premessa 30 tar-Regolament.

    ( 10 ) Il-Gvern Belġjan u l-Gvern Portugiż kif ukoll ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    ( 11 ) Il-Gvern Ġermaniż.

    ( 12 ) “Exécution au profit du débiteur”, “where an obligation has been honoured in a Member State for the benefit of a debtor”, “ejecución a favor del deudor” u “prestazioni a favore del debitore”.

    ( 13 ) M. Virgós, u E. Schmit, Rapport ta’ spjega tal Konvenzjoni dwar il-proċeduri ta’ insolvenza, verżjoni Ġermaniża wara r-reviżjoni mill-ġuristi lingwisti, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Dokument Nru 6500/1/96 REV 1, punt 187.

    Fuq