Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0263

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta' Lulju 2011.
Edwin Co. Ltd vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Appell - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikolu 52(2)(a) - Trade mark Komunitarja verbali ‘ELIO FIORUCCI’ - Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq id-dritt għall-isem skont id-dritt nazzjonali - Stħarriġ mill-qorti tal-Ġustizzja tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali - Setgħa tal-Qorti Ġenerali li tbiddel id-deċiżjoni tal-Bord tal-appell - Limiti.
Kawża C-263/09 P.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:452

Kawża C-263/09 P

Edwin Co. Ltd

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 52(2)(a) — Trade mark Komunitarja verbali ELIO FIORUCCI — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq id-dritt għall-isem skont id-dritt nazzjonali — Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali — Setgħa tal-Qorti Ġenerali li tbiddel id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell — Limiti”

Sommarju tas-sentenza

1.        Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Użu mit-trade mark li jista’ jiġi pprojbit abbażi ta’ dritt ieħor preċedenti — Dritt għall-isem

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 52(2)(a))

2.        Appell — Aggravji — Żball ta’ liġi — Ksur ta’ liġi tad-dritt nazzjonali li hija applikabbli għal-kawża minħabba r-riferiment magħmul fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 63(2) u (52)(2)(a); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, regola 37)

3.        Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ appell — Appell quddiem il-qorti tal-Unjoni — Possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63(2) u (3))

1.        Il-kliem u l-istruttura tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja ma jippermettux, fil-każ fejn jiġi invokat dritt għall-isem, li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tiġi limitata biss għal każijiet fejn ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tkun tikkuntrasta ma’ dritt li huwa esklużivament intiż għall-protezzjoni tal-isem inkwantu attribut tal-personalità tal-persuna kkonċernata.

Skont din id-dispożizzjoni, l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja tista’ tiġi deċiża fuq talba ta’ persuna kkonċernata li tinvoka “dritt aktar kmieni [preċedenti]”. Sabiex tippreċiża n-natura ta’ tali dritt preċedenti, l-imsemmija dispożizzjoni telenka erba’ drittijiet, filwaqt li tindika, permezz tal-użu tal-avverbju “partikolarment”, li din il-lista ma hijiex eżawrjenti. Minn din l-elenkazzjoni mhux eżawrjenti jirriżulta li d-drittijiet imsemmija bħala eżempju huma intiżi sabiex jipproteġu interessi ta’ natura differenti. Għal uħud minnhom, bħad-drittijiet tal-awtur u d-dritt għal proprjetà industrijali, l-aspetti ekonomiċi huma protetti kemm mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kif ukoll mid-dritt tal-Unjoni kontra kontravenzjonijiet kummerċjali.

(ara l-punti 34-36)

2.        Mill-kliem tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jirriżulta li dan, meta jagħmel riferiment għas-sitwazzjoni fejn dritt preċedenti jippermetti li l-użu mit-trade mark Komunitarja jiġi pprojbit, jiddistingwi b’mod ċar żewġ ipoteżi, skont jekk id-dritt preċedenti huwiex protett mil-leġiżlazzjoni Komunitarja “jew” mid-dritt nazzjonali.

Fir-rigward tas-sistema proċedurali ddefinita fir-Regolament Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94, fil-każ ta’ talba ppreżentata taħt l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94, abbażi ta’ dritt preċedenti protett fil-kuntest legali nazzjonali, ir-regola 37 tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li huwa minn jagħmel it-talba li għandu jipprovdi lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) mhux biss l-elementi li juru li huwa jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħha huwa jitlob l-applikazzjoni, sabiex jipprova jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark Komunitarja abbażi ta’ dritt preċedenti, iżda wkoll l-elementi li jistabbilixxu l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni.

Fil-każ fejn talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja hija bbażata fuq dritt preċedenti protett minn liġi nazzjonali, huma, fl-ewwel lok, l-istanzi kompetenti tal-Uffiċċju li għandhom jeżaminaw l-awtorità u l-portata tal-elementi ppreżentati minn min jagħmel it-talba sabiex jistabbilixxu l-kontenut tal-imsemmija liġi. Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94, rikors jista’ jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell quddiem il-Qorti Ġenerali għal ksur tat-Trattat, tar-Regolament Nru 40/94 jew ta’ kull liġi oħra relatata mal-applikazzjoni tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex twettaq stħarriġ sħiħ tal-legalità tal-evalwazzjonijiet li l-Uffiċċju għamel fuq l-elementi ppreżentati minn min jagħmel it-talba sabiex tistabbilixxi l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħha huwa jinvoka l-protezzjoni.

F’dak li jirrigwarda l-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-konstatazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali għamlet fir-rigward tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżamina, l-ewwel nett, jekk il-Qorti Ġenerali, abbażi tad-dokumenti u tal-atti l-oħra li ġew ippreżentati quddiema, żnaturatx il-kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali relatata magħhom jew inkella d-dutrina legali li titrattahom, it-tieni nett, jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, konstatazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tagħhom, u, fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-elementi kollha, tatx lil wieħed minn dawn l-elementi, sabiex tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma tixraqlux meta mqabbel mal-elementi l-oħra, sa fejn dan jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess.

(ara l-punti 48-53)

3.        L-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali twettaq skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja huwa stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni). Il-Qorti Ġenerali tista’ tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors biss jekk, meta din ittieħdet, din kienet ivvizzjata minn waħda mir-raġunijiet ta’ annullament jew ta’ bdil previsti fl-Artikolu 63(2) ta’ dan ir-regolament.

Minn dan isegwi li s-setgħa ta’ bdil mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex bħala effett li tagħti lill-din il-qorti s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal-Appell u lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell għadu ma ddeċidiex. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bdil għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta.

(ara l-punti 71, 72)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Lulju 2011 (*)

“Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 52(2)(a) – Trade mark Komunitarja verbali ELIO FIORUCCI – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq id-dritt għall-isem skont id-dritt nazzjonali – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali – Setgħa tal-Qorti Ġenerali li tbiddel id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell – Limiti”

Fil-Kawża C‑263/09 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fl-14 ta’ Lulju 2009,

Edwin Co. Ltd, stabbilita f’Tokyo (il-Ġappun), irrappreżentata minn D. Rigatti, M. Bertani, S. Verea, K. Muraro u M. Balestriero, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Montalto, L. Rampini, u J. Crespo Carrillo, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Elio Fiorucci, residenti f’Milano (l-Italja), irrappreżentat minn A. Vanzetti u A. Colmano, avukati,

rikorrent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, K. Schiemann u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, T. von Danwitz, M. Berger (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiũnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Novembru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha Edwin Co. Ltd titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropew [li issa saret il-Qorti Ġenerali], tal-14 ta’ Mejju 2009, Fiorucci vs UASI – Edwin (ELIO FIORUCCI) (T‑165/06, Ġabra p. II‑1375, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din laqgħet parzjalment ir-rikors ippreżentat minn E. Fiorucci, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-6 ta’ April 2006 (Każ R 238/2005-1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ta’ revoka bejn E. Fiorucci u Edwin (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja

2        L-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi:

“Appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Jista’ jkun ibbażat fuq motivi ta’ l-inkompetenza tal-Qorti Ġenerali, ta’ ksur tal-proċedura quddiemha li tagħmel ħsara lill-interessi ta’ l-appellant kif ukoll il-ksur tad-dritt ta’ l-Unjoni mill-Qorti Ġenerali.

L-appell ma jistax isir biss fuq l-ammont ta’ l-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom.”

 Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenereali

3        L-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell.

 Ir-Regolament (KE) Nru 40/94

4        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), ġie abrogat u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1). Madankollu, ir-Regolament Nru 40/94, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 422/2004, tad-19 ta’ Frar 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”), jibqa’ applikabbli għal din il-kawża.

5        L-Artikolu 50(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 kien jipprovdi, taħt it-titolu “Raġunijiet għal revoka”:

“Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-[UASI] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

[…]

c)      jekk, bħala konsegwenza ta’ l-użu li jkun sar minnha mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata, it-trade mark aktarx tista’ tqarraq bil-pubbliku, partikolarment fir-rigward tax-xorta, tal-kwalita jew ta’ l-oriġini ġeografika ta’ dawk l-prodotti jew servizzi.”

6        Taħt it-titolu “Raġunijiet relattivi ta’ invalidità”, l-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“Trade-mark tal-Komunità għandha wkoll tkun iddikjarata invalida ma l-applikazzjoni lejn l-[UASI] jew fuq il-bażi ta’ kontra-talba fil-proċedimenti tal-ksur meta l-użu ta’ tali trade-mark jista’ jkun ipprojbit bis-saħħa ta’ dritt aktar kmieni [preċedenti], u partikolarment:

a)      dritt għall-isem;

b)      dritt għall-preżentazzjoni personali;

c)      id-dritt ta’ l-awtur;

d)      id-dritt għal proprjetà industrijali;

skond il-leġislazzjoni tal-Komunità jew ta’ liġi nazzjonali li tirregola l-protezzjoni.”

7        L-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, dwar il-kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kien jipprovdi:

“1.      Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell dwar appelli.

2.      Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.

3.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata

[…]

6.      L-[UASI] huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 2868/95

8        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287M, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), jistabbilixxi b’mod partikolari r-regoli applikabbli għall-iżvolġiment quddiem il-UASI tal-proċedimenti ta’ revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Kommunitarja.

9        F’dan ir-rigward ir-regola 37(b)(iii) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li l-verżjoni oriġinali tiegħu ma ġietx emendata, jipprovdi:

“Applikazzjoni lill-[UASI] għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità […] għandu jkun fiha:

[…]

b)      f’dak li għandu x’jaqsam mar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni.

[…]

iii)      fil-każ ta’ applikazzjoni skond Artikolu 52(2) tar-Regolament, dettalji tal-jedd li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u dettalji li juru li l-applikant huwa l-proprjetarju ta’ jedd preċedenti kif imsemmi f’Artikolu 52(2) tar-Regolament jew li huwa intitolat taħt il-liġi nazzjonali applikabbli li jagħmel pretensjoni għal dak il-jedd.”

 Id-dritt nazzjonali

10      Fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, l-Artikolu 8(3) tal-kodiċi tal-proprjetà industrijali Taljan (Codice della Proprietà Industriale, iktar il-quddiem il-“KPI”) kien jipprovdi.

“Jekk huma famużi, huma jistgħu jiġu rreġistrati bħala trade mark biss mill-proprjetarju, jew bil-kunsens ta’ dan tal-aħħar, jew tal-persuni msemmija fl-Artikolu 8(1): l-ismijiet tal-persuni, is-sinjali użati fil-qasam artistiku, litterarju, xjentifiku, politiku jew sportiv, id-denominazzjonijiet u akronimi u dawk ta’ korpi u assoċazzjonijiet mingħajr qligħ, kif ukoll l-emblemi karatteristiċi tagħhom.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

11      Fiorucci SpA, kumpannija rregolata mid-dritt Taljan u komposta minn E. Fiorucci, stilist li fis-snin 70 akkwista ġewwa l-Italja ċerta reputazzjoni, fil-21 ta’ Diċembru 1990 ttrasferiet lill-appellanti l-“patrimonju kreattiv” kollu tagħha, u dan inkluż it-trade marks kollha li kienu proprjetà tagħha, fosthom diversi trade marks li jinkludu l-element “FIORUCCI”.

12      Fis-6 ta’ April 1999, fuq applikazzjoni tal-appellanti, it-trade mark verbali “ELIO FIORUCCI” ġiet irreġistrata mill-UASI għal serje ta’ prodotti fil-klassijiet 3, 18 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

13      Fit-3 ta’ Frar 2003, E. Fiorucci ppreżenta talba għar-revoka u talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark, ibbażati rispettivament fuq l-Artikolu 50(1)(ċ) u l-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2004, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, minħabba li, minn naħa, skont l-Artiklu 8(3) tal-KPI, kien meħtieġ il-kunsens ta’ E. Fiorucci sabiex ismu jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunsens ma kienx ingħata. L-imsemmija Diviżjoni kkunsidrat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx neċessarju li tiddeċiedi fuq it-talba għal revoka.

15      L-appellanti appellat minn din id-deċiżjoni. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità magħmula minn E. Fiorucci, il-Bord tal-Appell iddeċieda li l-każ ta’ dan tal-aħħar ma kienx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-KPI, li l-għan tiegħu huwa li jostakola l-użu, għal finijiet kummerċjali, minn terzi ta’ isem persuna li saret famuża f’settur mhux kummerċjali, u li, għalhekk, E. Fiorucci ma setax jinvoka dritt għall-isem abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, it-talba għar-revoka magħmula minn E. Fiorucci, il-Bord tal-Appell, wara li fakkar li l-Artikolu 50(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 għandu l-għan li jipproteġi l-aspettattivi tal-pubbliku, iddeċieda li la t-trade mark inkwistjoni fiha nnifisha u lanqas l-użu li kien isir minnha ma kienu ta’ natura tali li jqarrqu bil-pubbliku.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ġunju 2006, E. Fiorucci ppreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

17      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment dan ir-rikors.

18      Wara li fil-punti 21 sa 25 il-Qorti Ġenerali ċaħdet diversi motivi bħala inammissibbli għaliex ġodda, hija kkonstatat, fil-punt 27 tal-imsemmija sentenza, li E. Fiorucci kien qiegħed essenzjalment jinvoka żewġ motivi bbażati fuq il-ksur, rispettivament, tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 50(1)(ċ) tal-istess Regolament.

19      Il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel nett it-tieni motiv, dwar it-talba għal revoka, u kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell billi ddeċidiet, fil-punti 33 sa 35 tas-sentenza appellata, li t-trade mark E. Fiorucci ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li tqarraq bill-pubbliku fuq l-oriġini tal-merkanzija li tkopri fis-sens tal-Artikolu 50(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn hekk hija kkonstatat, fil-punti 36 u 37 tal-imsemmija sentenza, li, fin-nuqqas ta’ prova li tistabbilixxi xi użu mit-trade mark inkwistjoni, ma hemm ebda kwistjoni dwar użu li jista’ jqarraq lill-pubbliku. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv.

20      Wara dan, il-Qorti Ġenerali għaddiet għall-eżami tal-ewwel motiv, dwar t-talba għal dikjarazzjoni ta’invalidità, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li skont l-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94, il-UASI jista’ jiddikjara l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja fuq talba tal-persuna kkonċernata, fil-każ fejn l-użu tagħha jista’ jiġi pprojbit, b’mod partikolari, permezz ta’ dritt għall-isem protett minn liġi nazzjonali. Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-KPI, il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, ċaħdet l-analiżi magħmula mill-Bord tal-Appell. F’dan ir-rigward hija ddeċidiet:

“50      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-[KPI], bħalma sostna l-Bord tal-Appell, ma hijiex ikkonfermata bil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li ssemmi l-ismijiet ta’ persuni magħrufa mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-qasam li din ir-reputazzjoni nkisbet fih

      […]

53      Fit-tieni lok, bil-kontra ta’ dak li jagħti x’jifhem il-Bord tal-Appell fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata anki fil-każ fejn l-isem ta’ persuna famuża jkun diġà ġie rreġistrat jew użat bħala trade mark de facto, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(3) tal-[KPI], ma hijiex superfluwa jew mingħajr sens.

      […]

55      [Fil-fatt], ma huwiex eskluż li isem ta’ persuna famuża, irreġistrat jew użat bħala trade mark għal ċerti prodotti jew servizzi, jista’ jiġi reġistrat mill-ġdid għal prodotti jew servizzi differenti li ma għandhom l-ebda xebh ma’ dawk koperti mir-registrazzjoni preċedenti. […]

      […]

57      Fit-tielet lok, is-siltiet mill-parti tad-duttrina ċċitata fil-punti 41 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, l-anqas ma jippermettu li jiġi konkluż li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-[KPI] hija korretta kif sostnut mill-Bord tal-Appell fid-deċizjoni kkontestata.

58      Bl-istess mod, Vanzetti, li […], kiteb il-ktieb iċċitat fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, deher bħala avukat [għal E. Fiorucci] fis-seduta u ddikjara li t-teżi adottata mill-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma tirriżulta minn dak li huwa kiteb fil-ktieb inkwistjoni, […].

59      Skont il-Bord tal-Appell, fir-rigward ta’ Ricolfi, […], huwa jagħmel riferiment għar-“reputazzjoni” [ta’ isem persuna] li tirriżulta minn użu ewlieni li ħafna drabi jkun ta’ natura mhux intraprenditorjali”, li b’edba mod ma jeskludi r-reputazzjoni li tirriżulta minn użu “intraprenditorjali”, anki meta dan ikun inqas frekwenti.

60      Huwa biss Ammendola, […], li jsemmi użu f’“qasam barra s-suq”, mingħajr madankollu ma jikkonkludi espressament li l-Artikolu 8(3) tal-[KPI] ma jistax jiġi invokat sabiex jiġi protett isem ta’ persuna li ma akkwistatx ir-reputazzjoni tagħha f’qasam tali. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fuq il-bażi ta’ opinjoni ta’ awtur wieħed biss, tissuġġetta l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni għal kundizzjoni li ma tirriżultax mid-diċitura tagħha.”

21      Fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu (3) tal-KPI u li għalhekk kien żbaljat meta skarta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-każ ta’ E. Fiorucci.

22      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ippreżentat sussidjarjament mill-appellanti u mill-UASI, li jgħid li t-trade mark “ELIO FIORUCCI” kienet inkluża fit-trasferiment, li E. Fiorucci kien għamel lill-appellanti, tat-trade marks kolha tiegħu, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Bord tal-Appell ma kienx eżamina dawn l-argumenti u li fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija għandha twettaq, hija ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument bħala ineffettiv.

23      Għall-istess raġuni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba ta’ E. Fiorucci intiża għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark “ELIO FIORUCCI”. Filwaqt li astjeniet ruħha milli tuża s-setgħa tagħha li tibdel id-deċiżjoni, fil-punt 67 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

24      Id-dispożittiv tas-sentenza appellata jipprovdi:

“1)      Id-deċiżjoni [kkontestata] hija annullata peress li fiha żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-[KPI].

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti minn Elio Fiorucci.

4)      Edwin Co. Ltd għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll terz ta’ dawk sostnuti minn Elio Fiorucci.”

 It-talbiet tal-partijiet

25      L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        Prinċipalment, tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, għall-motivi kollha esposti fl-appell tagħha.

–        sussidjarjament, tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni,

–        iktar sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata minħabba ċaħda ta’ ġustizzja jew ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94,

–        tordna lill-Bord tal-Appell tal-UASI jeżamina l-argument sostnut fl-ipoteżi ta’ annullament sussidjarji, u fl-aħħar nett,

–        tordna li jiġu kompletament rimborsati lilha l-ispejjeż relatati kemm mal-proċeduri tal-ewwel istanza kif ukoll ma dawk tal-appell, jew minn tal-inqas li jiġi ordnat il-kumpens integrali tal-ispejjeż.

26      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami ulterjuri tal-elementi kkontestatai li żbaljatament ma ġewx eżaminati, u

–        tikkundanna lill-E. Fiorucci għall-ispejjeż.

27      E. Fiorucci jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u b’dan il-mod tikkonferma l-punti 1, 3 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata,

–        tbiddel il-punti 33 sa 35 tas-sentenza appellata, u

–        tordna r-imbors tal-ispejjeż sostnuti matul l-Appell.

 Fuq l-appell

28      Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi fuq il-mertu kif ukoll ħames motivi relatati mat-tqassim tal-ispejjeż.

29      Fir-rigward tal-motivi fuq il-mertu, għandha fl-ewwel lok tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq l-iżball li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 u sussegwentement, fit-tieni lok għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-ewwel parti tal-ewwel motiv u t-tieni motiv, li permezz tagħhom ir-rikorrenti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(3) tal-KPI, u dan fl-opinjoni tagħha jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94. Fit-tielet u l-aħħar lok għandhom jiġu eżaminati flimkien it-tielet u r-raba’ motivi, li permezz tagħhom ir-rikorrenti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha u li wettqet ċaħda ta’ ġustizzja.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

30      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94, peress li jagħmel riferiment għad-“dritt għall-isem”, jikkonċerna attribut tal-personalità. Issa, id-dritt previst fl-Artikolu 8(3) tal-KPI ma huwiex dritt intiż sabiex jipproteġi attribut tal-personalià iżda huwa intiż sabiex jipproteġi interessi purament patrimonjali relatati mal-isfruttament ekonomiku ta’ reputazzjoni miksuba lil hinn mill-qasam kummerċjali. Billi ddeċidiet li r-rekwiżit meħtieġ għall-applikazzjoni tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 kien sodisfatt, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant kisret din id-dispożizzjoni.

31      Skont E. Fiorucci, dan l-argument huwa infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem u l-istruttura tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94.

33      Fir-rigward tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi osservat li l-kliem “dritt għall-isem” bl-ebda mod ma jsostni l-interpretazzjoni restrittiva proposta mir-rikorrenti, li tgħid li din tikkonċerna biss dan id-dritt inkwantu attribut tal-personalità u ma tkoprix l-isfruttament patrimonjali tal-isem.

34      L-istruttura tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94, min-naħa tagħha, tmur kontra tali interpretazzjoni. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-invalidità ta’ trade mark Kommunitarja tista’ tiġi deċiża fuq talba ta’ persuna kkonċernata li tinvoka “dritt aktar kmieni [preċedenti]”. Sabiex tippreċiża n-natura ta’ tali dritt preċedenti, l-imsemmija dispożizzjoni telenka erba’ drittijiet, filwaqt li tindika, permezz tal-użu tal-avverbju “partikolarment”, li din il-lista ma hijiex eżawrjenti. Fost l-eżempji mogħtija hemm, minbarra d-dritt għall-isem u d-dritt għall-preżentazzjoni personali, id-drittijiet tal-awtur u d-dritt għal proprjetà industrijali.

35      Minn din l-elenkazzjoni mhux eżawrjenti jirriżulta li d-drittijiet imsemmija bħala eżempju huma intiżi sabiex jipproteġu interessi ta’ natura differenti. Għandu jiġi osservat li għal uħud minnhom, bħad-drittijiet tal-awtur u d-dritt għal proprjetà industrijali, l-aspetti ekonomiċi huma protetti kemm mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kif ukoll mid-dritt tal-Unjoni kontra kontravvenzjonijiet kummerċjali [ara, b’mod partikolari, id-Direttiva 2004/48 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32)].

36      Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-kliem u l-istruttura tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 ma jippermettux, fil-każ fejn jiġi invokat dritt għall-isem, li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tiġi limitata biss għal każijiet fejn ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tkun tikkuntrasta ma’ dritt li huwa esklużivament intiż għall-protezzjoni tal-isem inkwantu attribut tal-personalità tal-persuna kkonċernata.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94.

38      Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv u fuq it-tieni motiv, ibbażati fuq ksur tal-Artikoli 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 u 8(3) tal-KPI

 L-argumenti tal-partijiet

39      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Generali kienet żbaljata meta qieset li r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 kienu sodisfatti. Hija ssostni li l-Artikolu 8(3) tal-KPI ma jagħtix lill-E. Fiorucci, biss minħabba l-fatt li dan huwa l-proprju isem patrinomiku tiegħu, id-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ ismu bħala trade mark, iżda jatih biss id-dritt li jitlob ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark. Issa, skont ir-rikorrenti, E. Fiorucci ma jistax iktar jeżerċità dan id-dritt peress li huwa diġà rreġistra trade marks li jinkludu l-element “FIORUCCI” u peress li huwa diġà ttrasferixxa dawn it-trade marks lil ħaddieħor.

40      Permezz tat-tieni motiv tagħha r-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni manifestament żbaljata tal-Artikolu 8(3) tal-KPI, li japplika biss fir-rigward ta’ ismijiet li kisbu reputazzjoni lil hinn mill-qasam kummerċjali. Billi ddeċidiet, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 8(3) tal-KPI jirrigwarda l-ismijiet ta’ persuni magħrufa, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont il-qasam li fih inkisbet din ir-reputazzjoni, il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni.

41      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li billi ddeċidiet, fil-punti 53 u 55 tas-sentenza appellata, li l-protezzjoni li l-Artikolu 8(3) tal-KPI jagħti lill-isem ta’ persuna magħrufa tista’ tkun ikbar minn dik mogħtija mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark magħrufa, peress li din tista’ tapplika għal prodotti u servizzi differenti, il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin ukoll il-portata ta’ din id-dispożizzjoni. Ir-rikorrenti tikkritika lill-Qorti Ġenerali wkoll talli, f’dan ir-rigward, injorat kompletament jew interpretat b’mod manifestament ineżatt id-duttrina legali dwar din id-dispożizzjoni, kif din ġiet ippreżentata lilha.

42      L-UASI jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 8(3) tal-KPI ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali eżawriment tad-dritt previst minn din id-dispożizzjoni, eżawriment li f’din il-kawża rriżulta mir-reġistrazzjoni tat-trade marks li jinkludu l-element “FIORUCCI” minn E. Fiorucci u mit-trasferiment tagħhom lir-rikorrenti. Sa fejn l-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 jagħmel riferiment għad-dritt nazzjonali, applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjoni Taljana tista’ tikkostitwixxi ksur tal-imsemmi Artikolu 52. Madankollu, l-UASI jqis li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-applikazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet tad-dritt nazzjonali għandu jkun limitat għall-ivverifikar li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball manifest abbażi tad-dokumenti u tal-elementi li hija kellha.

43      E. Fiorucci jsostni li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat tal-Artikolu 8(3) tal-KPI huma konformi kemm mal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mal-interpretazzjoni li d-dutrina legali Taljana tagħti tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tagħmel riferiment għal-liġi nazzjonali ma jistax ikollu bħala konsegwenza li din tal-aħħar għandha tiġi kkunsidrata bħala inkorporata fid-dritt tal-Unjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44      Mill-argumenti tal-partijiet jirriżulta li dawn la jaqblu fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-liġi nazzjonali applikata fil-mertu tal-kawża min-naħa tal-Qorti Ġenerali u lanqas fuq l-eżistenza ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina tali ksur.

45      Konsegwentement għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandiex effettivament tali kompetenza.

46      Il-kompetenza li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha meta tkun qed tiddeċiedi appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hija definita mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE. Dan jindika li l-istħarriġ għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi u li għandu jsir “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut.” F’lista enumerattiva tal-motivi li jistgħu jiġu invokati f’dan il-kuntest, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jippreċiża li l-appell jista’ jkun ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali.

47      Fil-kawża preżenti, il-ligi li r-rikorrenti qed tallega li nkisret hija liġi tad-dritt nazzjonali li hija applikabbli għal-kawża minħabba r-riferiment magħmul minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

48      Mill-kliem tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li dan, meta jagħmel riferiment għas-sitwazzjoni fejn dritt preċedenti jippermetti li l-użu mit-trade mark Komunitarja jiġi pprojbit, jiddistingwi b’mod ċar żewġ ipoteżi, skont jekk id-dritt preċedenti huwiex protett mil-leġiżlazzjoni Komunitarja “jew” mid-dritt nazzjonali.

49      Fir-rigward tas-sistema proċedurali ddefinita fir-Regolament ta’ implementazzjoni fil-każ ta’ talba ppreżentata taħt l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94, abbażi ta’ dritt preċedenti protett fil-kuntest legali nazzjonali, ir-regola 37 tar-Regolament ta’ implementazzjoni tipprovdi, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża preżenti, li huwa minn jagħmel it-talba li għandu jipprovdi elementi li juru li huwa jista’, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jinvoka dan id-dritt.

50      Din ir-regola tqiegħed fuq min jagħmel it-talba l-oneru li jippreżenta lill-UASI mhux biss l-elementi li juru li huwa jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħha huwa jitlob l-applikazzjoni, sabiex jipprova jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark Komunitarja abbażi ta’ dritt preċedenti, iżda wkoll l-elementi li jistabbilixxu l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni.

51      Fil-każ fejn, bħal fil-kawża preżenti, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja hija bbażata fuq dritt preċedenti protett minn liġi nazzjonali, huma, fl-ewwel lok, l-istanzi kompetenti tal-UASI li għandhom jeżaminaw l-awtorità u l-portata tal-elementi ppreżentati minn min jagħmel it-talba sabiex jistabbilixxu l-kontenut tal-imsemmija liġi.

52      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94, rikors jista’ jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell quddiem il-Qorti Ġenerali għal ksur tat-Trattat, tar-Regolament Nru 40/94 jew ta’ kull liġi oħra relatata mal-applikazzjoni tagħhom. Minn dan jirriżulta, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 sa 67 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex twettaq stħarriġ sħiħ tal-legalità tal-evalwazzjonijiet li l-UASI għamel fuq l-elementi ppreżentati minn min għamel it-talba sabiex tistabbilixxi l-kontenut tal-leġiżlazzjoni li tagħha huwa jinvoka l-protezzjoni.

53      F’dak li jirrigwarda l-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-konstatazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali għamlet fir-rigward tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżamina, l-ewwel nett, jekk il-Qorti Ġenerali, abbażi tad-dokumenti u tal-atti l-oħra li ġew ippreżentati quddiema, żnaturatx il-kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali relatata magħhom jew inkella d-dutrina legali li titratthom, it-tieni nett, jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, konstatazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tagħhom, u, fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-elementi kollha, tatx lil wieħed minn dawn l-elementi, sabiex tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma tixraqlux meta mqabbel mal-elementi l-oħra, sa fejn dan jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess.

54      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti sostniet li l-Qorti Ġenerali għamlet interpretazzjoni li la taqbel mat-termini tal-Artikolu 8(3) tal-KPI u lanqas mad-dutrina legali dwar din id-dispożizzjoni li ġiet ippreżentata quddiemha. Għandu jiġi eżaminat jekk l-argumeti tagħha jirrigwardawx żbalji tal-Qorti Ġenerali, allegatament imwettqa matul il-konstatazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li jistgħu jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

55      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegazzjoni li tgħid li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li l-Artikolu 8(3) tal-KPI jagħti lill-proprjetarju ta’ isem id-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ dan l-isem bħala trade mark, tat interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li ma taqbilx mal-kliem tagħha, għandu jitfakkar li, skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, l-ismijiet ta’ persuni magħrufa jistgħu jiġu rreġistrati bħala trade mark “biss mill-proprjetarju, jew bil-kunsens ta’ dan tal-aħħar”. Peress li l-kliem tal-Artikolu 8(3) tal-KPI jissuġġetta r-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ ismijiet ta’ persuni magħrufa għall-kunsens tal-proprjetarju tal-isem, minn dan il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma tiżnatura dan it-test, tiddeduċi li l-proprjetarju ta’ isem magħruf għandu d-dritt li jopponi l-użu ta’ dan l-isem bħala trade mark meta huwa jsostni li ma tax il-kunsens tiegħu għar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark.

56      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-ilment li jgħid li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li l-Artikolu 8(3) tal-KPI huwa applikabbli indipendentement mill-qasam li fih inkisbet ir-reputazzjoni tal-isem inkwistjoni, tat interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li ma taqbilx mal-kliem tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn jirrigwarda l-ismijiet ta’ persuni magħrufa, ma jagħmilx distinzjoni skont il-qasam li fih inkisbet din ir-reputazzjoni. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali lanqas ma żnaturat il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni meta ddeċidiet, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li ma teżisti ebda raġuni li tiġġustifika l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-KPI fil-każ fejn l-isem ta’ persuna magħrufa diġà ġie rreġistrat jew użat bħala trade mark. Fil-fatt, kif tosserva l-Qorti Ġenerali, din id-dispożizzjoni timponi biss ir-rekwiżit li l-isem tal-persuna kkonċernata għandu jkun igawdi minn reputazzjoni.

57      F’dak li jirrigwarda d-dutrina legali, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità, ivverifikat l-evalwazzjoni li l-Bord tal-Appell kien għamel ta’ din id-dutrina. Mill-punti 58 sa 60 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma injoratx il-fatt li ċerti pożizzjonijiet li fuqhom ibbaża ruħu l-Bord tal-Appell setgħu jservu ta’ sostenn għall-argumenti tar-rikorrenti. Madankollu l-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 58 tal-imsemmija sentenza, li l-interpretazzjoni li l-Bord tal-Appell ta tax-xogħol ta’ M. Vanzetti, inkwantu awtur ta’ xogħol, ġiet ikkontestata mill-awtur innifsu matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn huwa kien preżenti bħala avukat ta’ E. Fiorucci. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 59 tal-istess sentenza, li t-termini li Ricolfi uża fil-kitbiet tiegħu, b’mod partikolari r-riferiment għar-“reputazzjoni [ta’ isem persuna] li tirriżulta minn użu ewlieni li ħafna drabi jkun ta’ natura mhux intraprenditorjali” ma humiex ċari biżżejjed sabiex isostnu interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 8(3) tal-KPI. Fil-każ ta’ Ammendola, imsemmi fil-punt 60 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-opinjoni esposta minn dan l-awtur ma kelliex, waħedha, awtorità suffiċjenti sabiex tissuġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-KPI għal rekwiżit li ma jirriżultax mill-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tiġi meqjusa li żnaturat dawn l-elementi li ġew ippreżentati quddiemha.

58      Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv u t-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq it-tielet u r-raba’ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u fuq ċaħda ta’ ġustizzja

 L-argumenti tal-partijiet

59      Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tfakkar li, fin-nota ta’ intervent tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hija sostniet li huwa E. Fiorucci li għandu jipprova li huwa kien irrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark “ELIO FIORUCCI”. Billi naqset milli tirrispondi għal dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjoni tagħha.

60      F’dan ir-rigward E. Fiorucci jqis li l-motivazzjoni invokata fil-punt 64 tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti. Barra minn hekk, il-motiv huwa totalment infondat.

61      Permezz tar-raba’ motiv tagħha r-rikorrenti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma eżaminatx l-argument li hija ppreżentat b’mod sussidjarju, li jgħid li t-trade mark “ELIO FIORUCCI” kienet inkluża fit-trasferiment, imwettaq mill-istess E. Fiorucci, tat-trade marks kollha tiegħu, u talli f’dan ir-rigward illimitat ruħha li tikkonstata li l-Bord tal-Appell ma kienx iddeċieda fuq din il-kwistjoni. Il-Qorti Ġenerali kellha tuża s-setgħa tagħha li tbiddel, billi teżamina u tilqa’ dan l-argument, ħaġa li kellha twassalha sabiex tikkonferma d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li tbiddel il-motivazzjoni tagħha. Minn tal-inqas, il-Qorti Ġenerali messha rrinvijat espliċitament l-eżami ta’ dan l-argument quddiem il-Bord tal-Appell. Billi naqset milli tiddeċiedi b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 u wettqet ċaħda ta’ ġustizzja.

62      E. Fiorucci josserva li, skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Bordijiet tal-Appell, jekk il-miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell jinkludu eżami mill-ġdid tal-kawża, din il-kawża tiġi awtomatikament irrinvijata quddiem Bord tal-Appell.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63      Il-kwistjoni, mqajjma fil-kuntest tat-tielet motiv, ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex insuffiċjenti tikkostitwixxi punt ta’ liġi li jista’ jiġi, inkwantu tali, invokata fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 90, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, C‑47/07 P, Ġabra p. I‑9761, punt 76).

64      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni, li l-Qorti Ġenerali għandha taħt l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u taħt l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma jimponix fuq din tal-aħħar l-obbligu li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, l-argumenti kollha magħmulin mill-partijiet fil-kawża u għalhekk il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita sakemm din tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqax l-argumenti tagħhom u li l-Qorti tal-Ġusitzzja jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċità l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, Ġabra p. I‑6413, ġunt 135).

65      Min-nota ta’ intervent ippreżentata mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li hija żviluppat, sussidjarjament, argument li huwa essenzjalment ibbażat, kif miġbur fil-qosor mill-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata, fuq id-dikjarazzjoni li tgħid li t-trade mark “ELIO FIORUCCI” kienet inkluża fit-trasferiment, imwettaq minn E. Fiorucci favur ir-rikorrenti, tat-trade marks u tas-sinjali distintivi kollha tiegħu. Fost l-argumenti esposti fil-kuntest ta’ din l-argumentazzjoni sussidjarja, ir-rikorrenti, fost l-oħrajn, sostniet, hekk kif fakkret permezz tat-tielet motiv tagħha, li kien E. Fiorucci li kellu jipprova li kien irrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark “ELIO FIORUCCI”.

66      Għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettiva l-argumentazzjoni kollha ppreżentata b’mod sussidjarju, mingħajr ma eżaminata fil-fond.

67      Madankollu, dan ir-rifjut seħħ wara t-tmiem ta’ raġunament li jinvolvi żewġ fażijiet. Fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Bord tal-Appell ma kienx immotiva d-deċiżjoni tiegħu li jiċħad it-talba għal annullament ippreżentata minn E. Fiorucci abbażi tar-raġunijiet esposti sussidjarjament mir-rikorrenti. Fil-punt 65 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kompliet tgħid li, meta tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-istanzi tal-UASI, hija ma tistax, fl-ebda każ, tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għall-dik tal-istanza kompetenti tal-UASI li hija l-awtriċi tal-att ikkontestat.

68      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti sa fejn din tippermetti li r-rikorrenti tkun taf ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħha u li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha.

69      Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

70      Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkuntesta l-fondatezza tal-motivazzjoni pprovduta mill-Qorti Ġenerali, sa fejn hija ssostni li r-rifjut tal-Qorti Ġenerali li teżamina l-argumentazzjoni sussidjarja tagħha u li tbiddel il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 u ċaħda ta’ ġustizzja.

71      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta fakkret li l-istħarriġ li hija twettaq skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 huwa stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI u li hija tista’ tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors biss jekk, meta din ittieħdet, din kienet ivvizzjata minn waħda mir-raġunijiet ta’ annullament jew ta’ bdil previsti fl-Artikolu 63(2) ta’ dan ir-regolament (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, Ġabra p. I‑10053, punt 123).

72      Minn dan isegwi li s-setgħa ta’ bdil mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma għandiex bħala effett li tagħti lill-din il-qorti s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal-Appell u lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell għadu ma ddeċidiex. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bdil għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta.

73      Fil-kawża preżenti, il-Bord tal-Appell ibbaża l-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni biss fuq il-konstatazzjoni li E. Fiorucci, skont l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 8(3) tal-KPI, ma setax jinvoka dritt għall-isem fis-sens tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma ddeċidiex fuq l-effett li jista’ jkollu, fil-konfront tal-validità tat-trade mark ikkontestata, l-allegat trasferiment ta’ din it-trade mark lir-rikorrenti permezz ta’ kuntratt.

74      F’dawn iċ-ċirkostanzi l-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta ma wettqitx l-eżami ta’ din il-parti tal-argument żviluppat b’mod sussidjarju mir-rikorrenti.

75      Sa fejn ir-rikorrenti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma rrinvijatx espliċitament l-eżami ta’ din l-argumentazzjoni quddiem il-Bord tal-Appell, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell, l-UASi huwa obbligat, skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, li jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, billi enfasizzat, fil-punt 67 tas-sentenza appellata u permezz ta’ riferiment espliċitu għall-punt 64 tal-imsemmija sentenza, li din l-argumentazzjoni ma ġietx eżaminata mill-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali tat lill dan il-Bord indikazzjoni ċara fir-rigward tal-miżuri li huwa għandu jieħu.

76      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, dwar il-kundanna għall-ispejjeż

77      Ir-rikorrenti ssostni li l-kundanna tagħha għall-ispejjeż kollha min-naħa tal-Qorti Ġenerali, li ma hijiex ekwa, għandha tiġi annullata b’konsegwenza tal-annullament tas-sentenza appellata. Fil-każ li l-appell jiġi miċħud, l-ispejjeż għandhom, minn tal-inqas, jinqasmu bejn il-partijiet.

78      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ fejn il-motivi l-oħra kollha ta’ appell ġew miċħuda, it-talbiet dwar l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li appell ma jistax ikun jirrigwarda biss l-attribuzzjoni u l-ammont tal-ispejjeż (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1, C‑302/99 P u C‑308/99 P, Ġabra p. I‑5603, punt 31, kif ukoll tal-15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C‑485/08 P, p. I‑3009, punt 111).

79      Minn dan isegwi li, sa fejn il-motivi l-oħra kollha tal-appell tar-rikorrenti huma miċħuda, l-aħħar motiv dwar it-tqassim tal-ispejjeż għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

80      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-Appell tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba għal emenda tas-sentenza appellata ppreżentata minn E. Fiorucci

 L-argumenti tal-partijiet

81      Fir-risposta tiegħu, E. Fiorucci jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja temenda l-punti 33 sa 35 tas-sentenza appellata. Huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ddeċidiet, fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal revoka, li t-trade mark “ELIO FIORUCCI” ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura tali li tqarraq bil-pubbliku dwar l-oriġini tal-merkanzija li hija tindika.

82      Ir-rikorrenti toġġezzjona li din it-talba għal emenda ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 116 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha konsegwentement tiġi ddikjarata inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83      Skont l-Artikolu 116 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-risposta għandhom ikunu intiżi għaċ-ċħid totali jew parzjali tal-appell, jew għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jew inkella sabiex tiġi milqugħha talba ppreżentata fl-ewwel istanza. L-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jimponi l-istess rekwiżiti f’dak li jirrigwarda t-talbiet ta’ appell.

84      Issa, fil-kawża preżenti t-talba ta’ E. Fiorucci ma hijiex intiża għall-ksib ta’ annullament, anki jekk parzjali, tas-sentenza appellata iżda hija intiża sabiex tiġi emendata konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tagħha tat-tieni motiv invokat minn E. Fiorucci, motiv li barra minn hekk hija ċaħdet.

85      Għaldaqstant din it-talba tista’ biss tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

87      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti tilfet fuq il-motivi kollha tagħha, ħlief fir-rigwarda tat-talba għal emenda tas-sentenza ppreżentata minn E. Fiorucci. L-UASI tilef fuq il-kapi kollha. It-talbiet ta’ E. Fiorucci kollha ġew milqugħin ħlief għat-talba tiegħu għal emenda tas-sentenza.

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti u l-UASI għandhom ibatu rispettivament l-ispejjeż tagħhom kif ukoll, in solidum, tliet kwarti mill-ispejjeż ta’ E. Fiorucci. E. Fiorucci għandu jbati kwart tal-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      It-talba għal emenda tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Mejju 2009, Fiorucci vs UASI – Edwin (ELIO FIORUCCI)(T‑165/06), ippreżentata minn E. Fiorucci hija miċħuda.

3)      Edwin Co. Ltd u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll, in solidum, tliet kwarti tal-ispejjeż ta’ E. Fiorucci.

4)      E. Fiorucci għandu jbati kwart tal-ispejjez tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq