Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0165

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-26 ta' Mejju 2011.
Stichting Natuur en Milieu et. vs College van Gedeputeerde Staten van Groningen (C-165/09) u College van Gedeputeerde Staten van Zuid-Holland (C-166/09 u C-167/09).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - l-Olanda.
Ambjent - Direttiva 2008/1/KE - Permess għall-bini u t-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija - Direttiva 2001/81/KE - Limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ xi sustanzi li jniġġsu l-atmosfera - Setgħa tal-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju - Effett dirett.
Każijiet Magħquda C-165/09 sa C-167/09.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:348

Kawżi magħquda C-165/09 sa C-167/09

Stichting Natuur en Milieu et

vs

College van Gedeputeerde Staten van Groningen

u

College van Gedeputeerde Staten van Zuid-Holland

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State)

“Ambjent – Direttiva 2008/1/KE – Permess għall-bini u t-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija – Direttiva 2001/81/KE – Limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ xi sustanzi li jniġġsu l-atmosfera – Setgħa tal-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju – Effett dirett”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Ambjent — Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis — Direttiva 2008/1 — Kundizzjonijiet tal-permess għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali — Obbligu li l-Istati Membri jqisu, fost il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-permess, il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx stabbiliti bid-Direttiva 2001/81 — Assenza

(Direttiva tal-Kunsill 96/61, kif ikkodifikata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/1, Artikolu 9(1),(3) u (4))

3.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2001/81 — Limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ xi sustanzi li jniġġsu l-atmosfera — Obbligi ta’ astensjoni tal-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju

(Arikolu 4(3) TUE; it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/81, Artikolu 4)

4.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2001/81 — Limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ xi sustanzi li jniġġsu l-atmosfera — Obbligi ta’ astensjoni tal-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju

(Arikolu 4(3) TUE; it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/81, Artikolu 4)

5.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2001/81 — Limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ xi sustanzi li jniġġsu l-atmosfera — Obbligi li l-Istati Membri jaġixxu matul il-perijodu tranżitorju

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/81, Artikoli 4, 6, 7(1) u (2), u 8(1) u (2))

6.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2001/81 — Limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ xi sustanzi li jniġġsu l-atmosfera — Obbligi tal-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/81, Artikolu 4)

7.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2001/81 — Effett dirett matul il-perijodu tranżitorju

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/81, Artikoli 4 u 6)

1.        Fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi.

(ara l-punt 47)

2.        L-Artikolu 9(1), (3) u (4) tad-Direttiva 96/61/KE, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, fil-verżjoni oriġinali tagħha kif ukoll f’dik ikkodifikata bid-Direttiva 2008/1, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jinħareġ permess ambjentali għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali, l-Istati Membri ma humiex marbuta li jqisu, fost il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-permess, il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx stabbiliti bid-Direttiva 2001/81, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, filwaqt li għandhom josservaw l-obbligu li jinsilet minn din id-direttiva li jadottaw jew jipprevedu, fil-kuntest ta’ programmi nazzjonali, politiki u miżuri xierqa u koerenti, adattati biex inaqqsu, komplessivament, l-emissjonijiet b’mod partikolari ta’ dawn is-sustanzi li jniġġsu għal kwantitajiet li ma jaqbżux il-limiti indikati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2010.

(ara l-punt 76 u d-dispożittiv 1)

3.        Matul il-perijodu tranżitorju mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, l-Artikolu 4(3) TUE, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll id-Direttiva 2001/81 jimponu l-obbligu fuq l-Istati Membri li ma jadottawx miżuri li jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id-direttiva.

(ara l-punti 78, 79, 91 u d-dispożittiv 2)

4.        Matul il-perijodu tranżitorju mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżura speċifika fir-rigward ta’ sors wieħed ta’ SO2 u ta’ NOx ma thidirx li tista’, fiha nnifisha, tikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id-direttiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fir-rigward ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ permess ambjentali għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali.

(ara l-punti 80-83, 91 u d-dispożittiv 2)

5.        Matul il-perijodu tranżitorju mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 6, 7(1) u (2) kif ukoll 8(1) u (2) tad-Direttiva 2001/81, minn naħa, jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jfasslu, jaġġornaw u jirrevedu, jekk ikun meħtieġ, programmi ta’ tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ SO2 u ta’ Nox, li huma għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati permezz ta’ informazzjoni ċara, komprensibbli u aċċessibbli faċilment, u għandhom ukoll jibagħtuhom lill-Kummissjoni Ewropea fit-termini previsti, u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jaġġornaw kull sena inventarji nazzjonali tal-imsemmija emissjonijiet, kif ukoll l-istimi nazzjonali għas-sena 2010, li huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fit-termini previsti.

(ara l-punti 87, 91 u d-dispożittiv 2)

6.        Matul il-perijodu tranżitorju mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u d-Direttiva 2001/81 stess la jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jirrifjutaw jew li jillimitaw il-ħruġ ta’ permess ambjentali għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali, u lanqas li jadottaw miżuri kumpensatorji speċifiċi għal kull permess ta’ dan it-tip li jinħareġ, u dan anki f’każ li jinqabżu jew li jkun hemm riskju li jinqabżu l-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx.

(ara l-punti 90, 91 u d-dispożittiv 2)

7.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, ma huwiex inkondizzjonat u preċiż biżżejjed biex ikun jista’ jiġi invokat minn individwi quddiem il-qrati nazzjonali qabel il-31 ta’ Diċembru 2010.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/81 jagħti lill-individwi kkonċernati direttament drittijiet li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali sabiex ikun jista’ jiġi pretiż li, matul il-perijodu tranżitorju bejn is-27 ta’ Novembru 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri jadottaw jew jipprevedu, fil-kuntest ta’ programmi nazzjonali, politiki u miżuri, xierqa u koerenti, li jkunu adattati biex inaqqsu, komplessivament, l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu msemmija b’mod li jikkonformaw ruħhom mal-limiti nazzjonali previsti fl-Anness I tal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2010, u għandhom iqiegħdu l-programmi mfasslin għal dan il-għan għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati permezz ta’ informazzjoni ċara, komprensibbli u aċċessibbli faċilment.

(ara l-punti 98-104 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Mejju 2011(*)

“Ambjent – Direttiva 2008/1/KE – Permess għall-bini u t-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija – Direttiva 2001/81/KE – Limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ xi sustanzi li jniġġsu l-atmosfera – Setgħa tal-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju – Effett dirett”

Fil-Kawżi magħquda C‑165/09 sa C‑167/09,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ April 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2009, fil-proċeduri

Stichting Natuur en Milieu (C‑165/09),

Stichting Greenpeace Nederland,

Konjuġi B. Meijer,

E. Zwaag,

F. Pals

vs

College van Gedeputeerde Staten van Groningen,

u

Stichting Natuur en Milieu (C‑166/09),

Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie,

Stichting Greenpeace Nederland,

Vereniging van Verontruste Burgers van Voorne

vs

College van Gedeputeerde Staten van Zuid-Holland,

u

Stichting Natuur en Milieu (C‑167/09),

Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie,

Stichting Greenpeace Nederland,

Vereniging van Verontruste Burgers van Voorne

vs

College van Gedeputeerde Staten van Zuid-Holland,

fil-preżenza ta’

RWE Eemshaven Holding BV, li kienet RWE Power AG (C‑165/09),

Electrabel Nederland NV (C‑166/09),

College van Burgemeester en Wethouders Rotterdam (C‑166/09 u C‑167/09),

E.On Benelux NV (C‑167/09),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, J.‑J. Kasel, E. Levits, M. Safjan, u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Stichting Natuur en Milieu, minn J. G. Vollenbroek, bħala aġent,

–        għal Stichting Greenpeace Nederland, minn J. G. Vollenbroek, bħala aġent u B. N. Kloostra, avukat,

–        għal Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, minn J. G. Vollenbroek, bħala aġent,

–        għall-College van Gedeputeerde Staten van Groningen, minn A. Ayal u W. J. W. Snippe, bħala aġenti,

–        għall-College van Gedeputeerde Staten van Zuid-Holland, minn B. J. M. Verras, bħala aġent,

–        għal RWE Eemshaven Holding BV, li kienet RWE Power AG, minn D. N. Broerse u J. J. Peelen, avukat, kif ukoll minn M. Werner, Rechtsanwalt,

–        għal E.On Benelux NV, minn J. M. Osse, J. C. A. Houdijk, u A. A. Freriks, advocaten, kif ukoll minn E. Broeren, avukat,

–        għal Electrabel Nederland NV, minn P. Wytinck, M. van der Woude u M. M. Kaajan, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels, B. Koopman, M. A. M. de Ree, kif ukoll minn Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen, kif ukoll minn R. Holdgaard u C. Vang, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn S. Menez, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Alcover San Pedro u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), fil-verżjoni oriġinali tagħha, kif ukoll f’dik ikkodifikata bid‑Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (ĠU L 24, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Direttiva IPPC”), u tad-dispożizzjonijiet rilevanti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tad-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 320, iktar ’il quddiem id-“Direttiva NEC”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, fil-Kawża C-165/09, minn naħa waħda, il-fondazzjonijiet Stichting Natuur en Milieu (iktar ’il quddiem “Natuur en Milieu”) u Stichting Greenpeace Nederland (iktar ’il quddiem “Greenpeace”) kif ukoll erba’ persuni fiżiċi u, min-naħa l-oħra, il-College van Gedeputeerde Staten van Groningen (il-gvern tal-provinċja ta’ Groningen) fir-rigward ta’ deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar ħareġ favur il-kumpannija RWE Eemshaven Holding BV, li kienet RWE Power AG (iktar ’il quddiem “RWE”) permess għall-bini u t-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija (power station) fit-territorju tal-provinċja ta’ Groningen, u, fil-Kawżi C‑166/09 u C‑167/09, minn naħa waħda, il-fondazzjonijiet Natuur en Milieu, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie (iktar ’il quddiem “Milieufederatie”), Greenpeace kif ukoll l‑assoċjazzjoni Vereniging van Verontruste Burgers van Voorne (assoċjazzjoni taċ-ċittadini ta’ Voorne inkwetati minħabba l-emissjonijiet noċivi, iktar ’il quddiem “VVBV”) u, min-naħa l-oħra, il-College van Gedeputeerde Staten van Zuid-Holland (il-gvern tal-provinċja ta’ Zuid‑Holland) fir-rigward tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom dan tal-aħħar ħareġ favur il-kumpanniji Electrabel Nederland N.V. (iktar ’il quddiem “Electrabel”) u E.On Benelux N.V. (iktar ’il quddiem “E.On”) rispettivament, permessi sabiex jinbnew u jitħaddmu żewġ impjanti tal-enerġija fit-territorju tal-provinċja ta’ Zuid-Holland.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva IPPC

3        Peress li d-Direttiva IPPC ikkodifikat u ssostitwiet id-Direttiva 96/61, id‑dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar ser jiġu riprodotti iktar ’il quddiem fil-verżjoni kkonsolidata tagħhom, li ma tbiddilx il-kontenut.

4        Il-premessi 3 u 9 tad-Direttiva IPPC jispeċifikaw:

“(3) Il-Ħames Programm ta’ Azzjoni Ambjentali […] ta prijorita lill-kontroll integrat tat-tniġġis bħala parti importanti mill-mixja lejn bilanċ aktar sostenibbli bejn l-attivita umana u l-iżvilupp soċjo-ekonomiku, min-naħa l-waħda, u r-riżorsi u l-kapaċita riġenerattiva tan-natura, mill-oħra.

(9) L-għan ta’ approċċ integrat li jwassal għal kontroll ta’ tniġġis huwa l‑prevenzjoni ta’ emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija kulfejn dan ikun prattiku, waqt li jitqies l-immaniġġar ta’ l-iskart, u, meta dan ma jkunx il-każ, li jitnaqqsu sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu.”

5        L-Artikolu 2(7) tad-Direttiva IPPC jiddefinixxi l-istandard ta’ kwalità ambjentali bħala “s-sett ta’ rekwiżiti li għandhom jitwettqu fi żmien partikolari minn ambjent partikolari jew parti partikolari minnu, kif stabbilit fil-leġislazzjoni tal-Komunità”.

6        Skont l-Artikolu 2(12) ta’ din id-direttiva, “‘l-aħjar teknika disponibbli’ tfisser l‑istadju l-aktar effettiv u avanzat fl-iżvilupp ta’ attivitajiet u l-metodi tagħhom ta’ operazzjoni li jindikaw l-adattabbiltà prattika ta’ teknika partikolari li tipprovdi fil-prinċipju l-bażi għall-valuri ta’ limiti ta’ emissjonijiet maħsuba sabiex jiġu evitati u, fejn dan ma jkunx prattiku, jitnaqqsu b’mod ġenerali l-emissjonijiet u l‑impatt fuq l-ambjent kollu kemm hu”.

7        L-Artikolu 4 tad-Direttiva IPPC jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li ebda installazzjoni ġdida ma tiġi operata mingħajr ma jkun inħareġ permess skond din id-Direttiva […]”.

8        L-Artikolu 9 tad-Direttiva IPPC jistipula:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-permess ikun jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għall-konformita mar-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 3 u 10 għall-għoti ta’ permessi sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu permess tal-protezzjoni ta’ l-arja, l-ilma u l-art.

[…]

3. Il-permess għandu jinkludi l-limiti tal-valuri ta’ emissjoni għal sustanzi li jniġġżu, b’mod partikolari dawk elenkati fl-Anness III, li x’aktarx joħorġu mill-installazzjoni konċernata fi kwantitajiet sinifikanti, wara li tkun ikkunsidrata n‑natura u l-potenzjal tagħhom li jitrasferixxu t-tniġġis minn mezz għal ieħor (ilma, arja u art). Jekk ikun meħtieġ, il-permess għandu jinkludi rekwiżiti adatti li jiżguraw il-protezzjoni tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art u miżuri li jikkonċernaw l‑immaniġġar ta’ l-iskart ġenerat mill-installazzjoni. Fejn xieraq, il-limiti tal-valuri jistgħu jiġu supplimentati jew mibdula b’parametri ekwivalenti jew miżuri tekniċi.

[…]

4. Bla ħsara għall-Artikolu 10, il-valuri tal-limiti ta’ emissjoni u l-parametri ekwivalenti u l-miżuri tekniċi msemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jiġu bażati fuq l-aħjar teknika disponibbli, mingħajr ma jiġi preskritt l-użu ta’ xi teknika jew teknoloġija speċifika, iżda billi jkunu meqjusa l-karatteristiċi tekniċi ta’ l‑installazzjoni konċernata, il-lokazzjoni ġeografika tagħha, u l-kundizzzjonijiet lokali ambjentali. Fiċ-ċirkostanzi kollha, il-kundizzjonijiet tal-permess għandu jkun fihom dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis ta’ tniġġis f’distanzi fit-tul jew bejn il-fruntieri u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu.

[…]

7. Il-permess jista’ jkun fih kundizzjonijiet speċifiċi oħra għall-għanijiet ta’ din id‑Direttiva skond kif l-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti jqisuh xieraq.

8. Bla ħsara għall-obbligu li tkun implimentata proċedura ta’ permess skond din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu ċerti rekwiżiti għal ċerti kategoriji ta’ installazzjonijiet b’regoli li jorbtu b’mod ġenerali minflok li jinkluduhom fil-kundizzjonijiet tal-permessi individwali, sakemm ikun hemm approċċ integrat u jiġi żgurat livell għoli ekwivalenti ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu”.

9        L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jipprovdi dan li ġej:

“Meta l-livell [standard] ta’ kwalità ambjentali jeħtieġ kundizzjonijiet aktar stretti minn dawk li jistgħu jinkisbu bl-użu ta’ l-aħjar teknika disponibbli, għandhom b’mod partikolari ikunu meħtieġa, fil-permess, miżuri addizzjonali, bla ħsara għal miżuri oħra li jistgħu jittieħdu sabiex jitħarsu l-livelli ta’ kwalità ambjentali”.

10      L-Artikolu 19(2) tad-Direttiva IPPC jistipula:

“Fin-nuqqas ta’ valuri Komunitàrji dwar limiti ta’ emissjonijiet definiti skond din id-Direttiva, il-valuri tal-limiti rilevanti ta’ emissjonijiet li jinsabu fid-Direttivi elenkati fl-Anness II u f’leġislazzjoni oħra Komunitàrja għandhom jiġu applikati bħala l-valuri minimi ta’ limiti ta’ emissjonijiet skond din id-Direttiva għall-installazzjonijiet elenkati fl-Anness I”.

11      L-Anness II tad-Direttiva IPPC jelenka l-lista tad-direttivi li ġejjin:

“1.       Direttiva tal-Kunsill 87/217/KEE tad-19 ta’ Marzu 1987 dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ tniġġis ambjentali mill-asbestos

2.       Direttiva tal-Kunsill 82/176/KEE tat-22 ta’ Marzu 1982 dwar il-valuri ta’ limiti u għanijiet ta’ kwalità għall-hruġ ta’ merkurju mill-industrija ta’ elettroliżi chlor-alkali

3.       Direttiva tal-Kunsill 83/513/KEE tas-26 ta’ Settembru 1983 dwar il-valuri ta’ limiti u għanijiet ta’ kwalità għall-hruġ ta’ kadmju

4.       Direttiva tal-Kunsill 84/156/KEE tat-8 ta’ Marzu 1984 dwar il-valuri ta’ limiti u għanijiet ta’ kwalità għall-ħruġ ta’ merkurju minn setturi għajr l-industrija ta’ elettroliżi chlor-alkali

5.       Direttiva tal-Kunsill 84/491/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1984 dwar il-valuri ta’ limiti u għanijiet ta’ kwalità għall-ħruġ ta’ hexachlorocyclohexane

6.       Direttiva tal-Kunsill 86/280/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-valuri ta’ limiti u l-għanijiet ta’ kwalità għall-ħruġ ta’ ċerti sustanzi perikolużi inklużi fil-Lista I ta’ l-Anness mad-Direttiva 76/464/KEE

7.       Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ħruq ta’ skart

8.       Direttiva tal-Kunsill 92/112/KEE tal-15 Diċembru 1992 dwar proċeduri għall-armonizzazzjoni tal-programmi għat-tnaqqis u l-eliminazzjoni eventwali ta’ tniġġis ikkawżat minn skart ta’ l-industrija tad-diossidu tat-titanju

9.       Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ ċerti oġġetti li jniġġżu l-arja minn impjanti kbar ta’ kombustjoni

10.       Direttiva 2006/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi mormija fl-ambjent akwatiku tal-Komunità

11.       Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart

12.       Direttiva tal-Kunsill 75/439/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1975 dwar ir-rimi ta’ skart taż-żjut

13.       Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar skart perikoluż

14.       Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar l-irdim ta’ skart”.

Id-Direttiva NEC

12      Il-premessi 11 u 12 tad-Direttiva NEC jistipulaw:

“(11) Sett ta’ limiti nazzjonali għal kull Stat Membru għall-emissjonijiet ta’ sulfidju tal-kubrit, nitrogen oxides, volatile organic compounds u ammonja hu mod cost-effective biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali temporanji. Dawk il-limiti ta’ emissjonijiet ser jippermettu lill-Komunità u lill-Istati Membri l-flessibilità biex jistabbilixxu kif għandhom jaderixxu magħhom.

(12)      L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biex jimplimentaw il-miżuri biex jaderixxu mal-limiti nazzjonali dwar l-emissjonijiet. Ikun meħtieġ li jiġi evalwat il-progress dwar kemm kien hemm konformità mal-limiti ta’ emissjonijiet. Għandhom għalehkk jitfasslu programmi nazzjonali dwar it-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet u rraportati lill-Kummissjoni u għandhom jinkludu l-informazzjoni dwar il-miżuri adottati jew maħsuba biex jikkonformaw mal-limiti ta’ l-emissjonijiet”.

13      Il-premessa 19 tad-Direttiva NEC tistipula dan li ġej:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jgħoddu mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni tal-Komunità li tirregola l-ħruġ ta’ dawk l-inkwinanti minn sorsi speċifiċi u għad-disposizzjonijiet tad-[Direttiva 96/61] dwar il-valuri tal-limiti tal-emissjonijiet u l-użu ta' l-aqwa metodi ta’ teknika disponibbli”.

14      L-Artikolu 1 tad-Direttiva NEC jistipula li din għandha l-għan li jiġu limitati l‑emissjonijiet ta’ inkwinanti aċidifikanti u ewtrofiċi u l-prekursuri tal-ożonu sabiex tkun imtejba l-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem kontra r-riskji tal-effetti ħżiena minn aċidifikazzjoni, ewtrofikazzjoni tal-ħamrija u ożonu fil-livell tal-art.

15      L-Artikolu 4 tad-Direttiva NEC, intitolat “Limiti nazzjonali ta’ emissjonijiet”, jipprovdi:

“1.      Sa mhux aktar tard mis-sena 2010, l-Istati Membri għandhom jagħmlu limitu fuq l-emissjonijiet annwali nazzjonali tagħhom ta’ inkwinanti permezz tad-dijossidju tal-kubrit (SO2), nitrogen oxides (NOx), komposti organiċi volatili (VOC) u ammonja (NH3) għal ammonti li ma jkunux aktar mil-limitu ta’ emissjoni stabbilit fl-Anness I, billi jkunu kkunsidrati xi modifiki magħmula permezz tal-miżuri tal-Komunità adottati wara r-rapporti msemmija fl-Artikolu 9.

2.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-limiti ta’ emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I ma jkunux maqbuza f’xi sena wara l-2010”.

16      Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva:

“1. L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2002, jiddisinjaw programmi għat-tnaqqis progressiv ta’ l-emissjonijiet nazzjonali ta’ l‑inkwinanti msemmija fl-Artikolu 4 bil-għan li jkun hemm konformità mill-inqas mal-limiti nazzjonali ta’ l-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I sa mhux aktar tard mill-2010.

2. Il-programmi nazzjonali għandhom jinkludu l-informazzjoni dwar politika adottata u dik maħsuba u l-miżuri u stimi kwantifikati ta’ l-effett ta’ dawn il‑politiki u l-miżuri dwar emissjonijiet ta’ l-inkwinanti fl-2010. Bidliet sinifikanti antiċipati fid-distribuzzjoni ġeografika ta’ l-emissjonijiet nazzjonali għandhom ikunu indikati.

3. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw u jirrevedu l-programmi nazzjonali kif meħtieġ sa l-1 ta’ Ottubru 2006.

4. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku u lill-organizzazzjonijiet xierqa bħalma huma organizzazzjonijiet ambjentali il-programmi magħmula skond il-paragrafi 1, 2 u 3. L-informazzjoni magħmula disponibbli lill-pubbliku u lill-organizzazzjonijiet skond dan il-paragrafu għandha tkun ċara, komprensibbli u faċli biex tkun aċċessibbli”.

17      L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva NEC jistipula dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għadhom jippreparaw u jaġġornaw kull sena l-inventarji nazzjonali ta’ l-emissjoni u l-projettazzjonijiet ta’ l-emissjoni għall-2010 għall-inkwinanti msemmija fl-Artikolu 4.

2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-inventarji ta’ l-emissjonijiet tagħhom u l-projettazzjonijiet bl-użu ta’ metodoloġiji speċifikati fl-Anness III”.

18      L-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom kull sena, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru, jirrapportaw l-inventarji nazzjonali tagħhom dwar l-emissjonijiet u l‑projettazzjonijiet tagħhom dwar l-emissjonijiet għall-2010 stabbiliti skond l‑Artikolu 7 lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ambjentali Ewropea. Dawn għandhom jirrapportaw l-inventarji finali tagħhom ta’ l-emissjonijiet għas-sena preċedenti nieqes waħda u l-inventarji proviżorji tagħhom dwar l-emissjonijiet għas-sena preċedenti. Projettazzjonijiet dwar l-emissjonijiet għandhom jinkludu l‑informazzjoni biex jippermettu għarfien kwantitattiv ta’ l-assunzjonijiet soċjo-ekonomiċi prinċipali użati fil-preparazzjoni tagħhom.

2. L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2002, jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-programmi magħmula skond l-Artikolu 6(1) u (2).

L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2006, jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-programmi aġġornati magħmula skond l-Artikolu 6(3)”.

19      L-Anness I tad-Direttiva NEC jipprovdi, għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, limitu tal-emissjonijiet ta’ 50 kilotunnellata ta’ SO2 u ta’ 260 kilotunnellata ta’ NOx li għandu jintlaħaq sa mhux iktar tard mis-sena 2010.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

20      It-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva 96/61, kif ukoll tad‑Direttiva IPPC, saret billi ġew emendati ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi fuq il‑ġestjoni tal-ambjent (Wet Milieubeheer, iktar ’il quddiem il-“WMB”). B’mod konformi mal-Artikolu 8.1(1)(b) tal-WMB, sakemm ma jkunx hemm permess għal dan, huwa pprojbit li installazzjoni koperta bid-Direttiva 96/61, imbagħad bid-Direttiva IPPC, tinbidel jew jinbidel l-użu tagħha.

21      B’mod partikolari, l-Artikolu 8.10 tal-WMB jipprovdi li l-permess għall-bini u t‑tħaddim ta’ tali installazzjoni jista’ jiġi rrifjutat biss fl-interess tal-protezzjoni tal-ambjent. Il-paragrafu 2(1)(a) tal-istess artikolu jispeċifika, f’dan ir-rigward, li fi kwalunkwe każ, il-permess għandu jiġi rrifjutat jekk, meta jingħata, ma jistax jiġi ggarantit li ser jintużaw l-aħjar tekniki disponibbli fl-installazzjoni inkwistjoni.

22      Skont l-Artikolu 8.11(2) tal-WMB, permess jista’ jinkludi restrizzjonijiet meta l‑interess tal-protezzjoni tal-ambjent jeżiġi dan.

23      Fir-rigward tad-Direttiva NEC, sabiex din tiġi implementata u trasposta, l‑awtoritajiet Olandiżi adottaw diversi inizjattivi u miżuri.

24      B’mod konformi mal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, is-Segretarju tal-Istat għad-Djar, l-Ippjanar tat-territorju u l-Ambjent (Staatssecretaris van Volkshuisvesting, Ruimtelijk Ordening en Milieubeheer) fl-2002, fassal u nnotifika lill-Kummissjoni r-rapport dwar il-programm nazzjonali fuq il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet dwar l-aċidifikazzjoni u t-tniġġis tal-atmosfera fuq skala kbira (“Rapportage emissieplafonds verzuring en grootschalige luchtverontreiniging 2002”). Fl-2003, ħejja l-memorandum ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-limiti tal-emissjonijiet dwar l-aċidifikazzjoni u t-tniġġis tal-atmosfera fuq skala kbira (“Uitvoeringsnotitie emissieplafonds verzuring en grootschalige luchtverontreiniging 2003 Erop of eronder”, li jiddeskrivi l-miżuri previsti u jqassam il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet skont is-settur.

25      Fis-6 ta’ Lulju 2005, daħlu fis-seħħ il-liġi tas-16 ta’ Ġunju 2005 li temenda l-liġi fuq it-tniġġis tal-arja (l-implementazzjoni tad-Direttiva KE dwar il-limiti nazzjonali massimi tal-emissjonijiet) [Wet van 16 juni 2005 tot wijziging van de Wet inzake de luchtverontreiniging (utivoering EG-richtlijn nationale emissieplafonds), kif ukoll id-digriet li implementa d-Direttiva KE dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet (Besluit uitvoering EG-richtlijn nationale emissieplafonds).

26      B’mod konformi mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva NEC, fl-2006, il-programm nazzjonali tal-politika ambjentali ġie rivedut u aġġornat. Għal dan il-għan, il‑Ministru għad-Djar, l-Ippjanar tat-territorju u l-Ambjent (Minister van Volkshuisvesting, Ruimtelijke Ordening en Milieubeheer, iktar ’il quddiem il‑“Ministru”) adotta rapport fuq il-limiti tal-emissjonijiet fir-rigward tal-aċidifikazzjoni u t-tniġġis tal-atmosfera fuq skala kbira (“Uitvoeringsnotitie emissieplafonds verzuring en grootschalige luchtverontreiniging 2006”), li kien jinkludi sensiela ta’ rekwiżiti legali, miżuri fiskali u ftehim vinkolanti previsti sabiex jiġu osservati, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010, il-limiti tal-emissjonijiet stabbiliti għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

27      Fit-28 ta’ Ġunju 2007, wara l-memorandum ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-limiti tal-emissjonijiet dwar l-aċidifikazzjoni u t-tniġġis tal-atmosfera fuq skala kbira mfassal mis-Segretarju tal-Istat għad-Djar, l-Ippjanar tat-territorju u l‑Ambjent, il-Ministru stabbilixxa l-limitu settorjali tal-emissjonijiet ta’ SO2 fir-rigward tas-settur tal-enerġija għal total ta’ 13.5 kilotunnellati fis-sena, indipendentement mill-istabbiliment ta’ impjanti tal-enerġija ġodda. Ftehim vinkolanti u eżekuttiv dwar is-SO2 ġie konkluż fis-26 ta’ Ġunju 2008 bejn l‑awtoritajiet provinċjali (fosthom dawk ta’ Zuid‑Holland u ta’ Groningen) u l‑kumpanniji kollha tal-elettriku, sabiex l-osservanza ta’ dan il-limitu tal-emissjonijiet jiġi reż vinkolanti fis-settur tal-enerġija għall-firmatarji kollha matul perijodu li għandu jagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2019.

28      Fil-kuntest tal-limitu nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ NOx, min-naħa l-oħra, l‑awtoritajiet Olandiżi stabbilew sistema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni, abbażi ta’ objettiv ta’ 55 kilotunnellata ta’ emissjonijiet ta’ NOx fl-2010 għall-installazzjonijiet industrijali l-kbar tagħhom.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

29      Fil-Kawża C‑165/09, permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007, il-College van Gedeputeerde Staten van Groningen ħareġ permess lil RWE għall-bini u t‑tħaddim, fiż-żona industrijali ta’ Eemshaven f’Eemsmond, ta’ impjant tal-enerġija li jaħdem bit-trab tal-faħam u l-bijomassa.

30      L-emissjonijiet totali annwali prodotti minn din l-installazzjoni, malli kellha tibda titħaddem, jiġifieri l-iktar kmieni matul is-sena 2012, kellhom ikunu ta’ 1454 tunnellata ta’ SO2, ammont li jikkostitwixxi madwar 2.9 % tal-limitu nazzjonali tal-emissjonijiet għal din is-sustanza li tniġġes.

31      Natuur en Milieu, Greenpeace, il-konjuġi Meijer, kif ukoll E. Zwaag u F. Pals ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Raad van State.

32      Fil-Kawża C‑166/09, fil-11 ta’ Marzu 2008, il-College van Gedeputeerde Staten van Zuid-Holland ħareġ permess għall-proġett ta’ Electrabel fir-rigward tal-bini u t-tħaddim fil-Missouriweg f’Rotterdam ta’ impjant tal-enerġija li jaħdem bit-trab tal-faħam u l-bijomassa.

33      Dan l-impjant tal-enerġija, li ma huwiex ser jibda jitħaddem qabel l-2013, ser jipproduċi kwantità ta’ emissjonijiet annwali ta’ 580 tunnellata ta’ SO2 u 730 tunnellata ta’ NOx, jiġifieri 1.2 % u 0.3 % tal-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet stabbiliti għas-SO2 u għall-NOx rispettivament.

34      Natuur en Milieu, Milieufederatie, Greenpeace u VVBV ikkontestaw id-deċiżjoni li permezz tagħha nħareġ dan il-permess quddiem ir-Raad van State.

35      Fil-Kawża C‑167/09, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2007, il-College van Gedeputeerde Staten van Zuid-Holland ħareġ favur E.On permess għal reviżjoni parzjali għal installazzjoni ġdida li tipproduċi l-elettriku bil-kombustjoni, b’mod partikolari tal-faħam, stabbilita fi Coloradoweg, fiż-żona industrijali ta’ Rotterdam.

36      L-ammont totali annwali ta’ emissjonijiet previst minn meta tibda titħaddem, mhux iktar kmieni mis-sena 2012, għandu jkun ta’ 923 tunnellata ta’ SO2 u 1535 tunellata ta’ NOx, li jikkostitwixxu rispettivament iċ-ċifri ta’ 1.8 % u 0.6 % li jikkorrispondu għal-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet għas-SO2 u għall-NOx.

37      Natuur en Milieu, Milieufederatie, Greenpeace u VVBV ippreżentaw rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni li permezz tagħha nħareġ il-permess quddiem ir‑Raad van State.

38      Fil-kuntest ta’ dawn it-tliet rikorsi, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali sostnew essenzjalment li, fid-dawl tal-fatt li l-limiti tal-emissjonijiet stabbiliti għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mid-Direttiva NEC ma humiex ser jiġu osservati fi tmiem is‑sena 2010, l-awtoritajiet kompetenti ma jmisshomx ħarġu l-imsemmija permessi jew imisshom, għall-inqas, inkludew kundizzjonijiet iktar stretti fil-permessi.

39      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-Raad van State qablet mal-idea li, fid-data meta nħarġu l-imsemmija permessi, il-politiki u l-miżuri adottati ma kinux biżżejjed biex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jkun jista’ jilħaq, sa tmiem is-sena 2010, l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva NEC.

40      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mir-rapport fuq il-limiti tal-emissjonijiet fir-rigward tal-aċidifikazzjoni u t-tniġġis tal-atmosfera fuq skala kbira mfassal mill-Ministru, mir-rapport imħejji fix-xahar ta’ Marzu 2008 mill-AEA Energy & Environment fuq l-evalwazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ppreżentati taħt id-Direttiva NEC, kif ukoll mill-Istat tal-Ambjent fl-2008 (“Milieubalans 2008”), adottat mill-Planbureau voor de Leefomgeving (Aġenzija tal-Evalwazzjoni tal-Ambjent tal-Pajjiżi l-Baxxi), il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx, skont l-istimi u fin-nuqqas ta’ tibdil fil-politika, x’aktarx jinqabżu fl-2010 fil-Pajjiżi l-Baxxi.

41      B’hekk, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali differenti, il-qorti tar-rinviju kellha tikkunsdira ċerti aspetti tad-dritt tal-Unjoni, f’termini identiċi ħlief għal dan li ġej:

–        Fil-Kawża C‑165/09, hemm kwistjoni biss dwar il-limitu tal-emissjonijiet ta’ SO2 stabbilit mid-Direttiva NEC, filwaqt li l-Kawżi C-166/09 u C-167/09 jirrigwardaw ukoll il-limitu ta’ NOx kopert minn din id-direttiva;

–        fid-dawl taż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawżi prinċipali, l-ewwel domanda preliminari magħmula fil-Kawżi C-165/09 u C-167/09 tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 96/61, filwaqt li fil-Kawża C‑166/09 din id-domanda tirreferi għall-istess dispożizzjoni, li kliemha ma nbidilx, fil-verżjoni tagħha kkodifikata mid-Direttiva IPPC.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-direttiva jimplika li l-obbligi tad-Direttiva [96/61] (attwalment id-Direttiva [IPPC]) [Kawżi C-165/09 u C‑167/09] [jew] tad-Direttiva [IPPC] [Kawża C-166/09)], trasposti fil-[WMB], jistgħu u għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta jkollha tittieħed deċiżjoni fuq applikazzjoni għal permess ambjentali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-livell massimu ta’ emissjonijiet ta’ SO2 [(Kawża C-165/09)] [jew] tal-livelli massimi ta’ emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx (Kawżi C-166/09 u C-167/09)] tad-Direttiva [NEC], b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-obbligi tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva [IPPC]?

2)      a)       L-obbligu li Stat Membru għandu li jastjeni milli jadotta miżuri li jistgħu jikkompromettu b’mod serju t-twettiq tar-riżultat stabbilit minn direttiva, japplika wkoll għall-perijodu mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva NEC?

      b)      Matul il-perijodu mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, jeżistu obbligi pożittivi tal-Istati Membri kkonċernati, minbarra dan indipendentement mill-obbligu ta’ astensjoni tagħhom jew minfloku, peress illi jkun hemm qbiż tal-livell nazzjonali ta’ produzzjoni ta’ SO2 u/jew ta’ NOx jew meta jkun hemm ir-riskju li din il-produzzjoni tinqabeż fi tmiem il‑perijodu inkwistjoni?

      c)      Sabiex tingħata risposta għad-domandi 2(a) u 2(b), huwa neċessarju li mill-applikazzjoni għal permess ambjentali, li jkun jirrigwarda installazzjonijiet li jikkontribwixxu jew li hemm riskju li jikkontribwixxu għall-qbiż tal-livell nazzjonali massimu tal-emissjonijiet ta’ SO2 u/jew ta’ NOx tad-Direttiva NEC, ikun jirriżulta li l-installazzjonijiet awtorizzati sejrin ikunu mħaddma mhux qabel l‑2011?

3)      a)       L-obbligi msemmija fid-domanda 2 għandhom il-konsegwenza li l‑Istat Membru kkonċernat għandu jiċħad il-permess ambjentali li ntalab jew għandu jinkludi fih preskrizzjonijiet jew restrizzjonijiet, jekk xejn ma jkun jippermetti li jiġi ggarantit li l-installazzjonijiet li għalihom il-permess ġie mitlub mhumiex ser jikkontribwixxu jew m’hemmx riskju li jikkontribwixxu għall-qbiż tal-livell nazzjonali massimu ta’ emissjonijiet ta’ SO2 u/jew ta’ NOx tad-Direttiva NEC? Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn l-installazzjonijiet inkwistjoni ser jikkontribwixxu jew hemm riskju li jikkontribwixxu għal dan il-qbiż tal-livell?

      b)       Jew inkella, b’mod kuntrarju, jirriżulta mid-Direttiva NEC li Stat Membru, anki f’każ li jinqabeż jew f’riskju li jinqabeż il-livell nazzjonali massimu ta’ emissjonijiet ta’ SO2 u/jew ta’ NOx, għandu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiżgura li jintlaħqu l-għanijiet previsti mid-direttiva, u b’hekk jista’ ma jirrifjutax l-għoti tal-awtorizzazzjoni jew ma jinkludix fiha preskrizzjonijiet jew restrizzjonijiet, iżda minflok jadotta miżuri oħra, bħal miżuri ta’ kumpens?

4)      Individwu jista’, peress li huma imposti fuq l-Istati Membri l-obbligi msemmija fid-domandi 2 u 3, jinvoka l-osservanza tal-imsemmija obbligi quddiem il-qorti nazzjonali?

5)      a)      Individwu jista’ jinvoka direttament l-Artikolu 4 tad-Direttiva NEC?

      b)      Jekk iva, dan l-individwu jista’ jinvoka dan l-Artikolu mis-27 ta’ Novembre 2002, jew mill-31 ta’ Diċembru 2010 biss? Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa neċessarju li mill-applikazzjoni għal permess ambjentali jirriżulta li l-installazzjonijiet awtorizzati sejrin ikunu mħaddma mhux qabel l-2011?

6)      Individwu, b’mod partikolari, meta l-għoti ta’ permess ambjentali u/jew ta’ miżuri oħra li jikkontribwixxu għall-qbiż tal-livell nazzjonali massimu ta’ emissjonijiet ta’ SO2 u/jew ta’ NOx tad-Direttiva NEC, jew li hemm riskju li jikkontribwixxu għal dan il-qbiż, jista’ jinvoka abbażi tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva:

a)      dritt ġenerali li jiġu adottati mill-Istat Membru kkonċernat, numru ta’ miżuri li permezz tagħhom, mhux iktar tard mill-2010, l-emissjonijiet nazzjonali annwali ta’ SO2 u/jew ta’ NOx ma jilħqux livell ogħla minn dak tal-livell nazzjonali massimu ta’ emissjonijiet tad-Direttiva NEC jew, jekk dan ma jseħħx, numru ta’ miżuri li permezz tagħhom dawn l-emissjonijiet ikunu, fl-inqas żmien possibbli wara din id-data, limitati għal dan il-livell;

b)      dritt konkret sabiex jiġu adottati mill-Istat Membru kkonċernat, miżuri speċifiċi fir-rigward ta’ installazzjonijiet partikolari – pereżempju taħt forma ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ żieda ta’ preskrizzjonijiet jew restrizzjonijiet supplementari ma’ din l-awtorizzazzjoni – li jikkontribwixxu sabiex, sa mhux iktar tard mill-2010, l-emissjonijiet nazzjonali annwali ta’ SO2 u/jew ta’ NOx ma jilħqux livell ogħla minn dak tal-livell nazzjonali massimu ta’ emissjonijiet tad-Direttiva NEC jew, jekk dan ma jseħħx, numru ta’ miżuri speċifiċi li jikkontribwixxu sabiex dawn l-emissjonijiet ikunu, fl-iqsar żmien possibbli wara din id-data, limitati għal dan il-livell?

c)      Huwa neċessarju, sabiex tingħata risposta għad-domandi 6(a) u 6(b), li jkun magħruf sa fejn l-installazzjonijiet inkwistjoni ser jikkontribwixxu għal dan il-qbiż jew għal dan ir-riskju ta’ qbiż?”

43      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2009, il‑Kawżi C-165/09 sa C-167/09 ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq l-ammissibbiltà

44      RWE, Electrabel u E.On jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula.

45      B’mod partikolari, dawn il-kumpanniji jsostnu li d-domandi magħmula, minn naħa, inkwantu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva NEC, ma għandhomx x’jaqsmu mas-suġġett tal-kawżi prinċipali, li jikkonċernaw il-ħruġ ta’ permess ambjentali taħt ir-regoli nazzjonali li ttrasponew fid-dritt nazzjonali d-Direttiva IPPC u, min-naħa l-oħra, huma ta’ natura ipotetika, inkwantu l-programmi nazzjonali adottati jippermettu lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex ma jaqbiżx, wara l-31 ta’ Diċembru 2010, il-limiti tal-emissjonijiet stabbiliti għas-SO2 u għall-NOx.

46      E.On tirrileva, barra minn hekk, li r-Raad van State setgħet issolvi l-kawżi prinċipali abbażi ta’ ġurisprudenza diġà eżistenti u stabbilita li ma tħalli ebda dubju fir-rigward tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat.

47      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l‑fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il‑kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir‑rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara s-sentenzi tat-12 ta’ April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 33; tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C‑11/07, Ġabra, p. I-6845, punti 27 u 32).

48      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta tagħti deċiżjoni b’mod partikolari meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mal-għan tal-kawża prinċipali, jew meta l‑problema hija ta’ natura ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39, u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 25).

49      Dan ma huwiex l-każ għal dak li jirrigwarda dawn il-proċeduri.

50      Fil-fatt, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-Raad van State, minn naħa, tistaqsi preċiżament jekk l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva IPPC, u b’mod partikolari mill-Artikolu 9 tagħha, jimponux fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jinħareġ permess taħt din id-direttiva (iktar ’il quddiem il‑“permess ambjentali”), il-limiti nazzjonali ta’ SO2 u ta’ NOx stabbiliti bid-Direttiva NEC. Konsegwentement, ma jistax jiġi affermat li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma għandhiex x’taqsam mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

51      Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar il-portata tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 4 tad-Direttiva NEC kif ukoll mid-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha, b’mod partikolari fil-każijiet fejn jeżistu riskji li dawn l-Istati ma josservawx il-limiti nazzjonali ta’ SO2 u ta’ NOx stabbiliti minn din id-direttiva. Peress li l-partijiet kollha ma jaqblux mal-evalwazzjoni tal-informazzjoni teknika u tad-data xjentifika li għalihom tirreferi r-Raad van State u peress li tali riskji ma jistgħux jiġu esklużi, ma jidhirx, għall-inqas b’mod ċar, li d-domandi magħmula huma ipotetiċi fid-dawl tad-deċiżjonijiet li l-imsemmija qorti nazzjonali qed tintalab tagħti fil-kawżi prinċipali.

52      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ E.ON li d-domandi magħmula f’dawn il-kawżi jirrigwardaw interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tirriżulta b’mod pjuttost ċar minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE dejjem jippermetti lil qorti nazzjonali, jekk jidhrilha li dan ikun opportun, tirrinvija domandi dwar interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et, 28/62 sa 30/62, Ġabra p. 59, 76; tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415, punt 15, kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, Ġabra p. I-09391, pun  31).

53      Għaldaqstant, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jitqiesu bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

54      Fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il‑qorti tar-rinviju ssemmi kemm id-Direttiva 96/61 kif ukoll id-Direttiva IPPC, fid-dawl taż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali.

55      Madankollu, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttivi 96/61 u IPPC koperti mill-ewwel domanda preliminari fihom kliem identiku u b’hekk għandhom jiġu interpretati bl-istess mod, (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembre 2002, Concordia Bus Finland, C‑513/99, Ġabra p. I‑7213, punt 91, kif ukoll tal-24 ta’ Novembre 2005, ATI EAC e Viaggi di Maio et, C‑331/04, Ġabra p. I‑10109, punt 20), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi billi tirreferi biss għall-verżjoni kkonsolidata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq l-ewwel domanda

56      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, ir-Raad van State tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1), (3) u (4) tad-Direttiva IPPC għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta jinħareġ permess ambjentali għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhomx iqisu, fost il‑kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-permess, il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx stabbiliti bid-Direttiva NEC.

57      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif sostnew ukoll l‑Istati Membri kollha li intervjenew f’dawn il-proċeduri, l-ebda wieħed mill-imsemmija paragrafi tal-Artikolu 9 tad-Direttiva IPPC ma jirreferi, espressament jew b’mod impliċitu, għal dawn il-limiti ta’ emissjonijiet.

58      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 9(1), dan ma jirreferix għall-imsemmija limiti ta’ emissjonijiet meta jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw ruħhom li l-permess ambjentali jinkludi l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġu sodisfatti l‑kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva IPPC. Fil-fatt, dan sempliċement jipprovdi, minn naħa, li l-installazzjoni għandha titħaddem b’mod li jittieħdu l-miżuri preventivi xierqa sabiex ma jiġi kkawżat ebda tniġġis sinjifikattiv, b’mod partikolari billi jiġu applikati l-aħjar tekniki disponibbli u, min-naħa l-oħra, li l-produzzjoni ta’ skart tiġi evitata jew limitata sabiex jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent, li l-enerġija tintuża b’mod effiċjenti u li jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu evitati aċċidenti u jiġu limitati l-konsegwenzi tagħhom kif ukoll li jiġi evitat kull riskju ta’ tniġġis u li s-sit tal-operazzjoni jerġa’ lura għal stat sodisfaċenti meta l-attivitajiet jitwaqqfu b’mod definittiv.

59      Lanqas ma jsir riferiment għall-imsemmija limiti mill-paragrafu (1) tal-Artikolu 9 tad-Direttiva IPPC, moqri flimkien mal-paragrafu (4) tiegħu, inkwantu jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li josservaw ukoll, jekk ikun hemm bżonn, il-kundizzjonijiet għall-permess imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id‑direttiva

60      Fil-fatt, l-Artikolu msemmi l-aħħar jipprovdi, b’mod partikolari, li għandhom jiġu imposti kundizzjonijiet addizzjonali mill-imsemmi permess jekk “[standards] ta’ kwalità ambjentali” jirrikjedu kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk li jistgħu jintlaħqu bl-użu tal-aħjar tekniki disponibbli.

61      Madankollu, mill-kliem tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva IPPC jirriżulta li dawn l‑istandards jikkostitwixxu regoli li jistabbilixxu “rekwiżiti li għandhom jitwettqu fi żmien partikolari minn ambjent partikolari jew parti partikolari minnu”, u b’hekk huma marbutin mal-karatteristiċi kwalitattivi tal-elementi protetti.

62      Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tagħha, il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet previsti mid-Direttiva NEC ma għandhomx dawn il‑karatteristiċi, inkwantu jirreferu għall-kwantità totali ta’ sustanzi li jniġġsu li jistgħu jiġu lliberati fl-atmosfera u mhux għal rekwiżiti konkreti ta’ natura kwalitattiva, li jirrigwardaw il-konċentrazzjonijiet f’sustanzi li jniġġsu, li għandhom jiġu sodisfatti f’mument partikolari minn dan l-ambjent partikolari.

63      Bl-istess mod, ma jirriżulta ebda riferiment għal-limiti tal-emissjonijiet inkwistjoni mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva IPPC. Fil-fatt, ċertament, skont din id‑dispożizzjoni, kull permess ambjentali għandu jinkludi valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet għas-sustanzi li jniġġsu li jistgħu jemettu l-installazzjonijiet ikkonċernati, fosthom b’mod partikolari is-SO2 u l-NOx.

64      Madankollu, l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva IPPC jipprovdi f’dan ir-rigward li, fin-nuqqas ta’ valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet Komunitarji, huma l-valuri stabbiliti “fid-Direttivi elenkati fl-Anness II u f’leġislazzjoni oħra Komunitarja” li huma applikabbli għal dawn l-installazzjonijiet bħala valuri ta’ limitu minimi tal-emissjonijiet.

65      Għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva NEC, minn naħa, ma hijiex inkluża fost dawk elenkati fl-imsemmi Anness II. Min-naħa l-oħra, inkwantu tipprovdi għal limiti nazzjonali tal-emissjonijiet għal sustanzi li jniġġsu lliberati fl-atmosfera minn diversi sorsi u attivitajiet mhux speċifikati, din id-direttiva lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala “leġislazzjoni oħra Komunitarja” li tistabbilixxi valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet inkwantu dawn jikkostitwixxu, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva IPPC, “il-massa, espressa f’termini ta’ ċerti parametri speċifiċi, konċentrament u/jew livell ta’ emissjoni, li ma jistgħux jinqabżu matul perijodu wieħed jew aktar ta’ żmien […] normalment [applikabbli] fil-punt meta l-emissjonijiet iħallu l‑installazzjoni”.

66      Fl-aħħar nett, fl-Artikolu 9(4), ma hemm ebda riferiment impliċitu għal-limiti msemmija fid-Direttiva IPPC. Fil-fatt, minn naħa, l-ewwel sentenza ta’ din id‑dispożizzjoni sempliċiment tipprovdi li l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-applikazzjoni tal-aħjar teknika disponibbli, mingħajr ma jiġi preskritt l-użu ta’ xi teknika jew teknoloġija speċifika, iżda billi jkunu meqjusa l-karatteristiċi tekniċi tal-installazzjoni konċernata, il-post ġeografiku tagħha, u l-kundizzzjonijiet lokali ambjentali.

67      Min-naħa l-oħra, l-obbligu, impost fit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-permess għandu jkun fihom dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis ta’ tniġġis f’distanzi fit-tul jew bejn il-fruntieri u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu jista’ jiġi interpretat biss fil-kuntest tas-sistema stabbilita mid-Direttiva IPPC stess u b’mod partikolari tal-imsemmija regola, stipulata fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu, li tgħid li l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet għandhom bilfors ikunu bbażati fuq l-aħjar teknika disponibbli.

68      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li d-Direttiva IPPC, adottata abbażi tal-Artikolu 175(1) KE sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-prinċipji tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent imsemmija fl-Artikolu 174 KE, ma tikkontemplax armonizzazzjoni sħiħa. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jżommu l-fakultà, fis-sens tal-Artikolu 9(7) u (8) ta’ din id-direttiva, li jipprovdu kundizzjonijiet speċifiċi oħra għall-permessi, li jistgħu jkunu kundizzjonijiet imsaħħin, kif ukoll li jistabbilixxu obbligi partikolari għal ċerti kategoriji ta’ installazzjonijiet f’dispożizzjonijiet vinkolanti ġenerali, sakemm jiggarantixxu approċċ integrat u livell għoli ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.

69      Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li lanqas ma hemm xi dispożizzjoni fid-Direttiva NEC li tistabbilixxi obbligi fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jikkunsdiraw, bħala kundizzjoni għall-permess, il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx, meta joħorġu permess ambjentali.

70      Għall-kuntrarju, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espressament, fil-premessa 19 tad-Direttiva NEC, li din għandha tapplika “mingħajr preġudizzju għa[d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva IPPC] dwar il-valuri tal-limiti tal-emissjonijiet u l‑użu ta’ l-aqwa metodi ta’ teknika disponibbli”, u ta x’wieħed jifhem li l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri mid-Direttiva NEC ma jistgħux jaffettwaw direttament dawk li jinsiltu, b’mod partikolari, mill-Artikolu 9 tad-Direttiva IPPC.

71      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, fl-aħħar nett, mill-għan differenti u l‑istruttura ġenerali ta’ kull waħda miż-żewġ direttivi inkwistjoni.

72      Fil-fatt, l-għan tad-Direttiva IPPC, kif iddefinit mill-Artikolu 1 tagħha, huwa li jinkisbu prevenzjoni u kontroll integrati tat-tniġġis permezz tal-implementazzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jiġu evitati u, jekk dan ikun impossibbli, jitnaqqsu l‑emissjonijiet li jinħolqu mill-attivitajiet elenkati fiha fl-arja, l-ilma u l-art, sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu. Dan l-approċċ integrat iseħħ permezz ta’ koordinazzjoni xierqa tal-proċedura u tal-kundizzjonijiet għall-permessi għall-installazzjonijiet industrijali li l-potenzjal ta’ tniġġis tagħhom huwa kbir (ara, f’dan is-sens, għad-Direttiva 96/61, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2009, Association nationale pour la protection des eaux et rivières u OABA, C‑473/07, Ġabra p. I‑319, punti 25 u 26).

73      Għal dawn il-finijiet, hekk kif qalet il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha ppreżentata fil-21 ta’ Diċembru 2007 lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn politika mtejba dwar l-emissjonijiet industrijali [KUMM(2007) 844 finali], id-Direttiva IPPC tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-għoti tal-permessi u l-kontroll tal-installazzjonijiet industrijali l-kbar, ibbażati fuq approċċ integrat u fuq l‑applikazzjoni tal-aħjar tekniki disponibbli, li huma t-tekniki l-iktar effettivi biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, fid-dawl tal-ispejjeż u l‑benefiċċji.

74      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva NEC għandha l-għan, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 2 tagħha, li tillimita l-emissjonijiet, prodotti minn kull sors, tas-sustanzi li jniġġsu aċidifikanti u ewtrofiċi u l-prekursuri tal-ożonu sabiex tkun imtejba l-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, bl-għan fit-tul li ma jinqabżux il-livelli u l-loads kritiċi.

75      Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 4 u mill-premessi 11 u 12 tad-Direttiva NEC, din hija bbażata fuq approċċ purament programmatiku, li permezz tiegħu l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għal dak li jirrigwarda l-għażla tal-politiki u tal-miżuri li għandhom jiġu adottati jew previsti, fil-kuntest ta’ programmi nazzjonali li jikkonċernaw is-sorsi li jniġġsu kollha, sabiex jitnaqqsu progressivament, b’mod strutturat, l-emissjonijiet b’mod partikolari ta’ SO2 u ta’ NOx fi kwantitajiet li ma jaqbżux, sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2010, il-limiti tal-emissjonijiet indikati fl-Anness I ta’ din id‑direttiva. Minn dan isegwi li t-twettiq tal-għanijiet stabbiliti minnha ma jistgħux jinfluwixxu direttament fuq il-proċeduri tal-għoti ta’ permess ambjentali.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1), (3) u (4) tad-Direttiva IPPC għandu jiġi intepretat fis-sens li, meta jinħareġ permess ambjentali għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-Istati Membri ma humiex marbuta li jqisu, fost il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il‑permess, il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx stabbiliti bid-Direttiva NEC, filwaqt li għandhom josservaw l-obbligu li jinsilet mill-imsemmija direttiva NEC li jadottaw jew jipprevedu, fil-kuntest ta’ programmi nazzjonali, politiki u miżuri xierqa u koerenti, adattati biex inaqqsu, komplessivament, l‑emissjonijiet b’mod partikolari ta’ dawn is-sustanzi li jniġġsu għal kwantitajiet li ma jaqbżux il-limiti indikati fl-Anness I ta’ din id-direttiva sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2010.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

77      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, x’obbligi għandhom l-Istati Membri skont id-Direttiva NEC matul il-perijodu bejn is-27 ta’ Novembru 2002, it-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, u l-31 ta’ Diċembru 2010, id-data sa meta l‑imsemmija Stati Membri kellhom josservaw il-limiti tal-emissjonijiet stabbiliti minnha. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk, fid-dawl ta’ dawn l-obbligi, l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħux ikunu marbuta jirrifjutaw jew jillimitaw il-ħruġ ta’ permess ambjentali jew jadottaw miżuri kompensatorji speċifiċi f’każ li jinqabżu jew li jkun hemm riskju li jinqabżu l-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx tad-Direttiva NEC.

 Fuq l-obbligu li ma jitteħdux miżuri li jistgħu jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq mid-direttiva

78      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha ma għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet li serjament jikkompromettu l-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id-direttiva (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I‑7411, punt 45; tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C-14/02, Ġabra p. I‑4431, punt 58, u tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra p. I‑2949, punt 38). Peress li dan l-obbligu ta’ astensjoni huwa impost fuq l‑awtoritajiet nazzjonali kollha (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, C‑212/04, Adeneler et, Ġabra p. I‑6057, punt 122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), huwa għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-adozzjoni ta’ kull miżura, ġenerali u speċifika, li tista’ tipproduċi tali effett kompromettenti.

79      Dan l-obbligu ta’ astensjoni huwa impost fuq l-Istati Membri, skont l-Artikolu 4(3) TUE u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE moqrija flimkien, anki matul perijodu tranżitorju li matulu huma awtorizzati jkomplu japplikaw is-sistemi nazzjonali tagħhom, għalkemm ma jkunux konformi mad-direttiva inkwistjoni (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2005, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, C‑316/04, Ġabra p. I‑9759, punt 42, u tal-14 ta’ Settembru 2006, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, C‑138/05, Ġabra p. I‑8339, punt 42).

80      Għaldaqstant, l-osservanza ta’ tali obbligu tapplika wkoll matul il-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva NEC, li matulu l-Istati Membri huma awtorizzati li ma josservawx il-kwantitajiet annwali tal-emissjonijeit nazzjonali indikati fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan l-obbligu ġiex osservat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u l‑miżuri li hija inkarigata biex teżamina l-legalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

81      F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi rrilevat li tali verifika għandha neċessarjament issir abbażi ta’ evalwazzjoni globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-politiki u l-miżuri kollha adottati fit-territorju nazzjonali kkonċernat.

82      Fil-fatt, fid-dawl tas-sistema stabbilita mid-Direttiva NEC u b’mod partikolari tal-approċċ programmatiku li tipprovdi, kif tfakkar fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, il‑kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id-direttiva tista’ titfixkel serjament mill-Istati Membri biss bl-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ numru ta’ politiki u miżuri li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-effetti konkreti tagħhom kif ukoll ta’ kemm idumu fis-seħħ, jittolleraw jew joħolqu sitwazzjoni kritika fir-rigward tal‑kwantità totali tal-emissjonijiet illiberati fl-atmosfera mis-sorsi li jniġġsu kollha b’tali mod li neċessarjament tiġi kompromessa, fi tmiem is-sena 2010, l‑osservanza tal-limiti indikati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 49).

83      Minn dan isegwi li ma jidhirx li sempliċi miżura speċifika fir-rigward ta’ sors wieħed ta’ SO2 u ta’ NOx, li tikkonsisti fid-deċiżjoni li jinħareġ permess ambjentali għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali, tista’, fiha nnifisha, tikkomprometti serjament ir-riżultat li jrid jintlaħaq mid-Direttiva NEC, jiġifieri li l-emissjonijiet ta’ dawn is-sorsi li jniġġsu fl-atmosfera jiġu limitati għal kwantitajiet totali annwali li ma jaqbżux l-imsemmija limiti nazzjonali sa mhux ikatr tard mill-2010. Din il-konklużjoni tapplika a fortiori meta, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, l-installazzjoni inkwistjoni għandha tibda titħaddem l‑iktar kmieni matul is-sena 2012.

 Fuq l-obbligi pożittivi imposti fuq l-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju bejn is-27 ta’ Novembru 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2010

84      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk jeżistux u, jekk ikun il-każ, liema huma l-obbligi pożittivi imposti fuq l-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju bejn is-27 ta’ Novembru 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2010, għandu jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ Stat Membru li jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jilħaq ir-riżultat previst minn direttiva huwa obbligu vinkolanti impost mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u mid-direttiva stess (sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 48, tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 55 kif ukoll Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

85      Minn dan l-obbligu jirriżulta li, matul il-perijodu għat-traspożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li r-riżultat previst mid-direttiva jkun intlaħaq fi tmiem dan il-perijodu (sentenza Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). Dan japplika wkoll għal dak li jirrigwarda perijodu tranżitorju, bħal dak previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva NEC.

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva NEC stess timponi ċerti obbligi pożittivi fuq l-Istati Membri matul dan il-perijodu, fir-rigward b’mod partikolari tad-definizzjoni tal-istrateġiji ta’ intervent fuq il-livell globali bil-għan li jitnaqqsu progressivament, sa, l-iktar tard, tmiem is-sena 2010, l-emissjonijiet annwali tas-sustanzi li jniġġsu kkonċernati għal kwantitajiet li ma jaqbżux il-limiti stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

87      B’mod iktar preċiż, skont l-Artikoli 6 u 8(2) tad-Direttiva NEC, l-Istati Membri għandhom ifasslu sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2002, imbagħad jaġġornaw u jirrevedu, jekk ikun meħtieġ, sal-1 ta’ Ottubru 2006, programmi ta’ tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet inkwistjoni. Għandhom iqiegħdu dawn il-programmi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati permezz ta’ informazzjoni ċara, komprensibbli u aċċessibbli faċilment, u għandhom ukoll jibagħtuhom lill-Kummissjoni fit-termini previsti. L-Artikoli 7(1) u (2) kif ukoll 8(1) tad-Direttiva NEC jobbligaw lill-Istati Membri wkoll iħejju u jaġġornaw kull sena inventarji nazzjonali tal-imsemmija emissjonijiet, kif ukoll l-istimi nazzjonali għas-sena 2010. L-inventarji definittivi għas-sena ta’ qabel tal-aħħar u l-inventarji provviżorji għas-sena li tkun għaddiet, u l-istimi nazzjonali għas-sena 2010 għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent kull sena, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru (ara, f'dan is-sens, is‑sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑273/08, punti 2 u 11).

88      Għal dak li jirrigwarda l-kontenut konkret ta’ dawn il-programmi nazzjonali, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, hekk kif tfakkar fil-punt 75 ta’ din is‑sentenza, il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mogħtija lill-Istati Membri mid-Direttiva NEC ma tħallix li jiltaqgħu ma’ limiti fit-twettiq ta’ dawn il-programmi u li b’hekk ikunu obbligati jadottaw jew ma jadottawx miżuri jew inizjattivi speċifiċi għal raġunijiet li ma humiex marbutin ma’ evalwazzjonijiet ta’ natura strateġika li jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod ġenerali, iċ-ċirkustanzi fattwali u l‑interessi pubbliċi u privati differenti involuti.

89      L-impożizzjoni ta’ eventwali rekwiżiti f’dan is-sens tmur kontra r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li ried b’mod partikolari jippermetti lill-Istati Membri jiżguraw ċertu ekwilibriju bejn l-interessi differenti involuti. Barra minn hekk, dan iwassal biex jinħolqu obbligi eċċessivi għall-imsemmija Stati u b’hekk imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità stipulat fl-Artikolu 5 TUE, li jitfakkar b’mod espress fil-premessa 13 tad-Direttiva NEC, li jeżiġi li l‑miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi li jilħqu l-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħquhom (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C-11/04, C-12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 68 u l‑ġurisprudenza ċċitata tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, li Ġabra p. I‑04999, punt 51).

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta minn dan li matul il-perijodu tranżitorju mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u d-Direttiva NEC stess ma jimponux obbligu fuq l-Istati Membri jew li jirrifjutaw jew li jillimitaw il-ħruġ ta’ permess ambjentali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jew li jadottaw miżuri kompensatorji speċifiċi għal kull permess ta’ dan it-tip li jinħareġ, u dan anki f’każ li jinqabżu jew li jkun hemm riskju li jinqabżu l-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx.

91      Fid-dawl tal-argumenti kollha suesposti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u t-tielet domandi hija li, matul il-perijodu tranżitorju mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva NEC:

–        l-Artikolu 4(3) TUE u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u d-Direttiva NEC jimponu l-obbligu fuq l-Istati Membri li ma jadottawx miżuri li jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id‑direttiva;

–        ma jidhirx li l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżura speċifika fir-rigward ta’ sors wieħed ta’ SO2 u ta’ NOx tista’, fiha nnifisha, tikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq mid-Direttiva NEC. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan ikunx il-każ fir-rigward ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet li permezz tagħhom jinħareġ permess ambjentali għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali;

–        it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 6, 7(1) u (2) u 8(1) u (2) tad-Direttiva NEC, minn naħa, jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jfasslu, jaġġornaw u jirrevedu, jekk ikun meħtieġ, programmi ta’ tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ SO2 u ta’ NOx. Għandhom iqiegħdu dawn il-programmi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati permezz ta’ informazzjoni ċara, komprensibbli u aċċessibbli faċilment, u għandhom ukoll jibagħtuhom lill-Kummissjoni fit-termini previsti. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjonijiet jimponu l-obbligu fuq l-Istati Membri li jħejju u jaġġornaw kull sena inventarji nazzjonali tal-imsemmija emissjonijiet, kif ukoll l-istimi nazzjonali għas-sena 2010. Dawn għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fit-termini previsti;

–        it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u d-Direttiva NEC stess ma jimponux obbligu fuq l-Istati Membri jew li jirrifjutaw jew li jillimitaw il‑ħruġ ta’ permess ambjentali għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jew li jadottaw miżuri kompensatorji speċifiċi għal kull permess ta’ dan it-tip li jinħareġ, u dan anki f’każ li jinqabżu jew li jkun hemm riskju li jinqabżu l-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx.

 Fuq ir-raba’ sas-sitt domandi

92      Permezz tar-raba’ sas-sitt domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn individwu jista’ jinvoka direttament quddiem il-qrati nazzjonali l-obbligi imposti mill-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva NEC.

93      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom kontra l-Istat Membru, jew meta dan ikun naqas milli jittrasponi d‑direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti, jew meta dan ikun ittrasponiha b’mod inkorrett (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 sa C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 11 ; tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 25, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 103).

94      Fil-fatt, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet, ikun inkompatibbli man-natura vinkolanti li l-paragrafu 3 tal-Artikolu 288 TFUE jagħti lid-direttiva jekk jiġi eskluż, fil-prinċipju, li l-obbligu li hija timponi jista’ jiġi invokat mill-persuni kkonċernati. Din il-kunsiderazzjoni tapplika b’mod partikolari għal direttiva li l-għan tagħha huwa li tikkontrolla u tnaqqas it-tniġġis atmosferiku u li hija intiża, għalhekk, sabiex tipproteġi s-saħħa pubblika (ara s‑sentenza tal-25 ta’ Lulju  008, Janecek, C‑237/07, Ġabra p. I‑6221, punt 37).

95      Madankollu, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward, li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija inkondizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl‑implementazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għat-teħid ta’ xi miżura mill‑istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ April 1968, Molkerei-Zentrale Westfalen, 28/67, Ġabra p. 211, kif ukoll tat-23 ta’ Frar 1994, Comitato di coordinamento per la difesa della cava et, C‑236/92, Ġabra p. I‑483, punt 9).

96      Fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-Direttiva NEC, għandu jiġi kkonstatat li dan l‑artikolu ma għandux il-karatteristiċi deskritti iktar ’il fuq.

97      Fil-fatt, ikkunsidrat fil-kuntest tiegħu, dan l-artikolu huwa ta’ natura purament programmatika, inkwantu sempliċiment jistipula għan li għandu jintlaħaq u jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-miżuri li jistgħu jiġu implementati biex jintlaħaq l-għan.

98      Minn dan isegwi li, billi l-Artikolu 4 tad-Direttiva NEC ma jistipula ebda obbligu inkondizzjonat u preċiż biżżejjed li jimponi l-adozzjoni ta’ politiki u miżuri speċifiċi u partikolari intiżi sabiex ikun jista’ jinkiseb ir-riżultat stabbilit, l‑individwi ma jistgħux jinvokawh direttament quddiem qorti nazzjonali sabiex jippretendu, qabel il-31 ta’ Diċembru 2010, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrifjutaw jew jillimitaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha jinħareġ permess ambjentali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jew jieħdu miżuri kompensatorji speċifiċi wara l-ħruġ ta’ tali permess.

99      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6 tad-Direttiva NEC huwa ta’ natura inkondizzjonata u preċiża biżżejjed inkwantu f’termini ċari, jimponi fuq l-Istati Membri, minn naħa, skont il-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, l-obbligu li jfasslu programmi nazzjonali ta’ tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet nazzjonali b’mod partikolari ta’ SO2 u ta’ NOx sabiex jikkonformaw ruħhom mal-limiti indikati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2010 u, min-naħa l-oħra, fis-sens tal-paragrafu 4 tiegħu, l-obbligu li jqiegħdu dawn il-programmi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati, bħall‑organizzazzjonijiet ambjentali, permezz ta’ informazzjoni ċara, komprensibbli u aċċessibbli faċilment.

100    Minn dan isegwi li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati direttament għandhom ikunu jistgħu jiksbu mingħand l-awtoritajiet kompetenti, jekk ikun hemm bżonn billi jadixxu lill-qrati nazzjonali, l-osservanza u l-implementazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni.

101    Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tal-programmi li għandhom jitfasslu, għalkemm huwa minnu li, hekk kif jirriżulta mill-punt 88 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla tal-inizjattivi speċifiċi li għandhom jimplementaw, huwa veru wkoll li ma humiex obbligati jadottaw politiki u miżuri tali li permezz tagħhom il-limiti ma jinqabżu b’ebda mod qabel ma tintemm is-sena 2010.

102    Madankollu, mill-Artikolu 6 tad-Direttiva NEC u mill-istuttura ta’ din id-direttiva, li timmira għal tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet nazzjonali tas-sustanzi li jniġġsu indikati espressament, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, matul il‑perijodu tranżitroju bejn is-27 ta’ Novembru 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2010, jadottaw jew jipprevedu politiki u miżuri, xierqa u koerenti, li jkunu adattati biex inaqqsu, komplessivament, l-emissjonijiet ta’ dawn is-sustanzi li jniġġsu b’mod li jikkonformaw ruħhom mal-limiti nazzjonali previsti fl-Anness I tal-imsemmija direttiva.

103    Minn din il-perspettiva, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Istati Membri għalhekk għandhom setgħa diskrezzjonali, l-Artikolu 6 tad-Direttiva NEC jipprovdi limiti għall-eżerċizzju tagħha, li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali fir-rigward tal-idoneità tal-politiki u l-miżuri adottati jew previsti, fil-kuntest tal-programmi nazzjonali rispettivi, għall-imsemmi għan li, sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2010, l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu jiġu limitati għal kwantitajiet li ma jaqbżux il-limiti stabbiliti għal kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Janecek, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet suesposti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ sas-sitt domandi hija li:

–        L-Artikolu 4 tad-Direttiva NEC ma huwiex inkondizzjonat u preċiż biżżejjed biex ikun jista’ jiġi invokat minn individwi quddiem il-qrati nazzjonali qabel il-31 ta’ Diċembru 2010.

–        L-Artikolu 6 tad-Direttiva NEC jagħti lill-individwi kkonċernati direttament drittijiet li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali sabiex ikun jista’ jiġi pretiż li, matul il-perijodu tranżitorju bejn is-27 ta’ Novembru 2002 u l‑31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri għandhom jadottaw jew jipprevedu, fil-kuntest ta’ programmi nazzjonali, politiki u miżuri, xierqa u koerenti, li jkunu adattati biex inaqqsu, komplessivament, l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu msemmija b’mod li jikkonformaw ruħhom mal-limiti nazzjonali previsti fl-Anness I tal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2010, u għandhom iqiegħdu l-programmi mfasslin għal dan il-għan għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati permezz ta’ informazzjoni ċara, komprensibbli u aċċessibbli faċilment.

 Fuq l-ispejjeż

105    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 9(1), (3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, fil-verżjoni oriġinali tagħha kif ukoll f’dik ikkodifikata mid-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis, għandu jiġi intepretat fis-sens li, meta jinħareġ permess ambjentali għall-bini u t‑tħaddim ta’ installazzjoni industrijali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-Istati Membri ma humiex marbuta li jqisu, fost il‑kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-permess, il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx stabbiliti bid-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il‑livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, filwaqt li għandhom josservaw l-obbligu li jinsilet mill-imsemmija Direttiva 2001/81 li jadottaw jew jipprevedu, fil-kuntest ta’ programmi nazzjonali, politiki u miżuri xierqa u koerenti, adattati biex inaqqsu, komplessivament, l-emissjonijiet b’mod partikolari ta’ dawn is-sustanzi li jniġġsu għal kwantitajiet li ma jaqbżux il-limiti indikati fl-Anness I ta’ din id-direttiva sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2010.

2)      Matul il-perijodu tranżitorju mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81:

–        l-Artikolu 4(3) TUE u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u d-Direttiva 2001/81 jimponu l-obbligu fuq l-Istati Membri li ma jadottawx miżuri li jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id-direttiva;

–        ma jidhirx li l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżura speċifika fir-rigward ta’ sors wieħed ta’ SO2 u ta’ NOx tista’, fiha nnifisha, tikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq mid-Direttiva 2001/81. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan ikunx il-każ fir-rigward ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet li permezz tagħhom jinħareġ permess ambjentali għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali;

–        it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 6, 7(1) u (2) u 8(1) u (2) tad-Direttiva 2001/81, minn naħa, jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jfasslu, jaġġornaw u jirrevedu, jekk ikun meħtieġ, programmi ta’ tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ SO2 u ta’ NOx. Għandhom iqiegħdu dawn il‑programmi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati permezz ta’ informazzjoni ċara, komprensibbli u aċċessibbli faċilment, u għandhom ukoll jibagħtuhom lill-Kummissjoni fit-termini previsti. Min-naħa l‑oħra, l-imsemmija dispożizzjonijiet jimponu l-obbligu fuq l-Istati Membri li jħejju u jaġġornaw kull sena inventarji nazzjonali tal-imsemmija emissjonijiet, kif ukoll l-istimi nazzjonali għas-sena 2010. Dawn għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fit-termini previsti;

–        it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u d-Direttiva 2001/81 stess ma jimponux obbligu fuq l-Istati Membri jew li jirrifjutaw jew li jillimitaw il-ħruġ ta’ permess ambjentali għall-bini u t‑tħaddim ta’ installazzjoni industrijali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jew li jadottaw miżuri kompensatorji speċifiċi għal kull permess ta’ dan it-tip li jinħareġ, u dan anki f’każ li jinqabżu jew li jkun hemm riskju li jinqabżu l-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx.

3)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81 ma huwiex inkondizzjonat u preċiż biżżejjed biex ikun jista’ jiġi invokat minn individwi quddiem il-qrati nazzjonali qabel il-31 ta’ Diċembru 2010.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/81 jagħti lill-individwi kkonċernati direttament drittijiet li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali sabiex ikun jista’ jiġi pretiż li, matul il-perijodu tranżitorju bejn is-27 ta’ Novembru 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri għandhom jadottaw jew jipprevedu, fil-kuntest ta’ programmi nazzjonali, politiki u miżuri, xierqa u koerenti, li jkunu adattati biex inaqqsu, komplessivament, l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu msemmija b’mod li jikkonformaw ruħhom mal-limiti nazzjonali previsti fl-Anness I tal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2010, u għandhom iqiegħdu l-programmi mfasslin għal dan il-għan għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati permezz ta’ informazzjoni ċara, komprensibbli u aċċessibbli faċilment.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq