Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0540

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta' Novembru 2010.
    Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag GmbH & Co. KG vs "Österreich"-Zeitungsverlag GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
    Direttiva 2009/29/KE - Prattiki kummerċjali żleali - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi projbizzjoni bħala prinċipju tal-prattiki kummerċjali li jissuġġettaw l-offerta ta’ premji lill-konsumaturi għax-xiri ta’ beni jew servizzi.
    Kawża C-540/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-10909

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:660

    Kawża C-540/08

    Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag GmbH & Co. KG

    vs

    “Österreich”-Zeitungsverlag GmbH

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)

    “Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi projbizzjoni bħala prinċipju tal-prattiki kummerċjali li jissuġġettaw l-għoti ta’ premji lill-konsumaturi għax-xiri ta’ beni jew servizzi”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi — Direttiva 2005/29

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29)

    2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi — Direttiva 2005/29

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29, Artikolu 5(2)(a) u (b))

    1.        Id-Direttiva 2005/29, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni ġenerali tal-bejgħ bi premji u li ma hijiex intiża biss sabiex tipproteġi l-konsumaturi iżda tħaddan ukoll għanijiet oħra.

    Fil-fatt, id-Direttiva 2005/29 tipproċedi għal armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli relatati mal-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi u tistabbilixxi, fl-Anness I tagħha, lista eżawrjenti ta’ 31 prattika kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, huma kkunsidrati bħala żleali f’kull ċirkustanza. Konsegwentement, kif tippreċiża b’mod speċifiku l-premessa 17 tal-imsemmija direttiva, huma biss dawn il‑prattiki kummerċjali li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala żleali mingħajr ma jkunu suġġetti għal evalwazzjoni każ b’każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad‑Direttiva. Issa, prattiki li jikkonsistu f’li jingħataw lill-konsumaturi premji assoċjati max-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizzi ma jinsabux fl-Anness I tad-Direttiva. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jiġu pprojbiti f’kull ċirkustanza, iżda biss wara analiżi speċifika li tippermetti li tiġi stabbilita n-natura żleali ta’ dawn il-prattiki.

    (ara l-punti 27, 34, 35, 41 u d-dispożittiv 1)

    2.        Il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni bi premju, marbuta max-xiri ta’ ġurnal, ma tikkostitwixxix prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern, minħabba s-sempliċi fatt li din il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’logħba tirrappreżenta, għall-inqas għal parti mill-pubbliku kkonċernat, il-motiv determinanti li jwassalhom sabiex jixtru dan il-ġurnal.

    (ara l-punt 47 u d-dispożittiv 2)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    9 ta’ Novembru 2010 (*)

    “Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi projbizzjoni bħala prinċipju tal-prattiki kummerċjali li jissuġġettaw l-għoti ta’ premji lill-konsumaturi għax-xiri ta’ beni jew servizzi”

    Fil-Kawża C‑540/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Diċembru 2008, fil‑proċedura

    Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag GmbH & Co. KG

    vs

    “Österreich”-Zeitungsverlag GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, P. Lindh u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag GmbH & Co. KG, minn S. Korn u G. Korn, Rechtsanwälte,

    –        għal “Österreich”-Zeitungsverlag GmbH, minn P. Zöchbauer, Rechtsanwalt, u W. Zekert, Geschäftsführer,

    –        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u A. Posch, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, kif ukoll minn S. Unzeitig, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher u W. Wils, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Marzu 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) u 5(2) u (5) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis‑suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Mediaprint”) u “Österreich”-Zeitungsverlag GmbH, impriżi ta’ pubblikazzjonijet, dwar il-legalità jew le ta’ bejgħ bi premji organizzat mill-konvenuta fil-kawża prinċipali.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dirtt tal-Unjoni

    3        Il-premessi 6, 8, 9 u 17 tad-Direttiva jipprovdu:

    “(6) Din id-Direttiva [...] tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill‑interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din id-Direttiva tħares lill-konsumaturi mill-konsegwenzi ta’ prattiċi kummerċjali żleali bħal dawn fejn ikunu sostanzjali iżda tagħraf li f’ċerti każijiet l-impatt fuq il-konsumatur jista’ jkun negliġibbli. Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill‑interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja, jekk jagħżlu li jagħmlu dan. […]

    […]

    (8) Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. […]

    (9) Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet individwali miġjuba minn dawk li sofrew ħsara minn prattika kummerċjali żleali. Hija wkoll mingħajr preġudizzju għal regoli Komunitarji u nazzjonali dwar il-liġi kontrattwali, dwar id-drittijiet ta’ proprjeta intellettwali, dwar l-aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti, dwar il-kondizzjonijiet ta’ stabbiliment u reġimi ta’ awtorizzazzjoni, inklużi dawk ir-regoli li, konformement mal-liġi Komunitarja, huma konnessi ma’ attivitajiet tal-logħob ta’ l-azzard, u għar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni u għad‑dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentawhom. B’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew idaħħlu restrizzjonijiet u projbizzjonijiet ta’ prattiċi kummerċjali għal raġunijiet tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi fit‑territorju, ikun fejn ikun ibbażat il-kummerċjant, per eżempju, fir-rigward ta’ l‑alkoħol, tat-tabakk jew tal-farmaċewtiċi. […]

    […]

    (17) Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L‑Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il‑prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

    4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas‑suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l‑liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal‑konsumaturi.”

    5        L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva jipprevedi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    d)      “prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “prattiċi kummerċjali”) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.

    6        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva:

    “1 Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott

    2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt.

    3. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji jew nazzjonali konnessi ma’ aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti.

    […]”

    7        L-Artikolu 4 tad-Direttiva jistabbilixxi:

    “L-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil‑qasam approssimat minn din id-Direttiva.”

    8        L-Artikolu 5 tad-Direttiva, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”, huwa hekk ifformulat:

    “1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

    2.      Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

    a)      hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

    u

    b)      toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl‑imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

    [...]

    4.      B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:

    a)      jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

    jew

    b)      jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

    5.      Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkustanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

     Id-dritt nazzjonali

    9        L-Artikolu 9a(1) tal-liġi Awstrijaka kontra l-kompetizzjoni żleali tal-1984 (Bundesgesetz gegen den unlauteren Wettbewerb 1984) (BGBl. I, 448/1984), fil‑verżjoni li tirriżulta mill-BGBl. I, 136/2001 (iktar ’il quddiem l-“UWG”) huwa fformulat hekk:

    “1) Kull min, fit-twettiq ta’ attività kummerċjali kompetittiva,

    1. iħabbar, f’avviżi pubbliċi jew f’komunikazzjonijiet oħrajn intiżi għal numru sostanzjali ta’ persuni, li ser jagħti lill-konsumaturi benefiċċji b’xejn (premji) marbuta ma’ prodotti jew servizzi, jew li joffri, iħabbar jew jagħti lill-konsumaturi benefiċċji b’xejn (premji) b’rabta ma’ pubblikazzjonijiet perjodiċi jew

    2. jipproponi, iħabbar jew jagħti lil impriżi benefiċċji b’xejn (premji) assoċjati ma’ prodotti jew servizzi,

    jista’ jkun suġġett għal azzjoni ta’ inibizzjoni jew għad-danni u l-interessi. Dan japplika wkoll meta l-fatt li dak il-benefiċċju jkun b’xejn ikun moħbi permezz ta’ prezzijiet globali għal prodotti jew servizzi, prezzijiet fittizji għal premju jew bi kwalunkwe mod ieħor.

    2) Is-subparagrafu hawn fuq ma għandux japplika meta l-benefiċċju jikkonsisti:

    1. f’aċċessorju li fl-istess waqt jintuża b’assoċjazzjoni mal-prodott jew servizzi aċċessorji ta’ prattika kurrenti;

    2. kampjuni;

    3. oġġetti pubbliċitarji li huma kkaratterizzati minn indikazzjoni viżibbli ħafna u li tibqa’ sew tal-impriża li qed tirriklama;

    4. benefiċċji ta’ ftit valur (premji) jew oġġetti żgħar ta’ ftit valur bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar ma humiex intiżi sabiex jifformaw flimkien xi ħaġa li l-valur tagħha jaqbeż is-somma tal-valuri tal-oġġetti individwali differenti mogħtija;

    5. somma ta’ flus partikolari jew li għandha tiġi kkalkolata b’mod partikolari, li ma hijiex ikkombinata mal-prodott;

    6. kwantità partikolari – jew li hija kkalkolata sempliċiment permezz ta’ frazzjoni – tal-istess prodott;

    7. il-fornitura ta’ informazzjoni jew kunsilli jew

    8. l-għoti ta’ dritt ta’ parteċipazzjoni għal kompetizzjoni (logħob promozzjonali) li fiha l-valur (li jirriżulta mill-valur totali tal-premji mqiegħda fil-logħob meta mqabbla mal-numru ta’ biljetti ta’ parteċipazzjoni mqassma) tal-biljett ta’ partiċpazzjoni individwali ma jaqbiżx EUR 0,36 u l-valur totali tal-premju mqiegħed fil-logħob ma jaqbiżx EUR 21 600; dan jista’ jsir biss permezz tal-biljetti ta’ parteċipazzjoni ta’ minn qed jirriklama stess. Il-punt 8 ma għandux japplika għall-benefiċċji li jkunu mal-perjodiċi.”

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10      Mill-25 ta’ Novembru u s-6 ta’ Diċembru 2007, il-ġurnal ta’ kuljum “Österreich”, li tiegħu hija l-proprjetarja l-konvenuta fil-kawża prinċipali, organizza l-għażla tal-“futboler tas-sena” u stieden lill-pubbliku sabiex jipparteċipa f’din il‑kompetizzjoni, permezz tal-internet jew ta’ kupun ta’ vot li kien jinsab fil‑ġurnal. Il-parteċipazzjoni għall-imsemmija kompetizzjoni kienet tippermetti li tintrebaħ ikla mal-futboler magħżul.

    11      Billi qieset li din il-possibbiltà ta’ rebħ, suġġetta għax-xiri tal-ġurnal, tikkostitwixxi premju illegali fis-sens tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, Mediaprint talbet lill-Handelsgericht Wien (Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) sabiex tordna lill‑konvenuta fil-kawża prinċipali sabiex tieqaf mill-imsemmija prattika. Filwaqt li din il-qorti laqgħat it-talba tagħha, l-Oberlandesgericht Wien (Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna), li quddiemha dehret il-kawża fl-appell, iddeċidiet, min-naħa l-oħra, li l-projbizzjoni tal-bejgħ ma’ premji tista’ tapplika biss jekk ir-rebħ iddikjarat seta’ jinċita lill-pubbliku sabiex jixtri l-ġurnal. Issa, skont il-qorti tal‑appell, ma hemmx tali “effett ta’ attrazzjoni” f’dan il-każ fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-pubbliku seta’ jipparteċipa għall-kompetizzjoni wkoll mill‑internet.

    12      Mediaprint għalhekk ressqet appell għal “Reviżjoni” minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din il-qorti tippreċiża, qabel kollox, li l-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG jipprevedi projbizzjoni ġenerali tal-bejgħ bi premji, li hija intiża sabiex jiġu żgurati kemm il-protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll iż-żamma ta’ kompetizzjoni effikaċi. Wara li dan ġie ppreċiżat, hija ssaqsi jekk id-Direttiva, li min-naħa l-oħra għandha bħala għan l‑protezzjoni tal-konsumaturi u tirregola b’mod esklużiv ir-rapporti bejn dawn tal‑aħħar u l-impriżi, tipprekludix tali dispożizzjoni.

    13      Billi kkunsidrat li d-deċiżjoni li għandha tittieħed tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)      Dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, bl-esklużjoni ta’ eċċezzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti, l-avviż, l-offerta jew l-għoti ta’ benefiċċji mingħajr ħlas f’perjodiċi kif ukoll ir-riklamar ta’ benefiċċji mingħajr ħlas assoċjati ma’ prodotti jew servizzi oħra, mingħajr l-obbligu li jiġi vverifikat każ b’każ il‑karattru qarrieqi, aggressiv jew żleali ta’ tali prattika kummerċjali, tikser l‑Artikoli 3(1) u 5(5) tad-[Direttiva] jew dispożizzjonijiet oħra tal-istess direttiva, anki meta d‑dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha bħala skop mhux biss il‑ħarsien tal-konsumatur, iżda anki għanijiet oħra li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-imsemmija direttiva, bħal pereżempju, iż-żamma tal‑pluraliżmu tal‑istampa jew il-protezzjoni tal-kompetituri iktar dgħajfa?

    2)      F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni bi premju, marbuta mal-akkwist ta’ ġurnal, hija prattika kummerċjali żleali skont l-Artikolu 5(2) tad-[Direttiva], minħabba l-fatt biss li din il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’logħba tirrappreżenta, għall-inqas għal parti mill-pubbliku kkonċernat, għalkemm mhux l-uniku motiv, iżda ċertament il-motiv determinanti li jwassalhom sabiex jixtru l-ġurnal?”

    14      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2009, il-gvern Awstrijak talab, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 44(3) tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kawża tiġi deċiża mill-Awla Manja.

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    15      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni ġenerali tal-bejgħ bi premji u li ma hijiex intiża biss sabiex tipproteġi l-konsumaturi, iżda tħaddan ukoll għanijiet oħra, bħal pereżempju ż-żamma tal-pluraliżmu tal-istampa u l-protezzjoni tal-kompetituri l‑iktar dgħajfa.

    16      Sabiex tingħata r-risposta għal din id-domanda, jaqbel, l-ewwel nett, li jiġi ddeterminat jekk il-bejgħ bi premji li huwa suġġett għall-projbizzjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxix prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad‑Direttiva 2005/29 u huwiex, għalhekk, suġġett għar-regoli stabbiliti minn din tal-aħħar.

    17      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva jiddefinixxi, billi juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ prattika kummerċjali bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inklużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.

    18      Issa, il-kampanji promozzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jissuġġettaw il-parteċipazzjoni b’xejn tal-konsumatur f’lotterija għax-xiri ta’ ċerta kwantità ta’ prodotti jew ta’ servizzi, jaqgħu b’mod ċar fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u huma direttament intiżi għall-promozzjoni u għaż‑żieda fil-bejgħ ta’ dan. Minn dan isegwi li dawn jikkostitwixxu prattiki kummerjċali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva u, għalhekk, jaqgħu taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft, C-304/08, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    19      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-osservazzjonijiet ifformulati minn Mediaprint kif ukoll mill-gvern Awstrijak u dak Belġjan, li skonthom il-promozzjonijiet ta’ bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex koperti mid-Direttiva minħabba l-fatt li huma espressament is-suġġett ta’ proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [KUMM (2001) 546 finali], proposta li ġiet emendata [KUMM (2002) 585 finali]. F’dan ir‑rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-fatt waħdu ma jistax jeskludi, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija proposta ġiet irtirata fl-2006 u li għalhekk ma wasslitx għall-adozzjoni ta’ regolament, li dawn il-prattiki jistgħu jikkostitwixxu, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, prattiki kummerċjali żleali fis‑sens ta’ din id-direttiva u jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (sentenza Plus Warenhandelsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

    20      Dan stabbilit, għandu wkoll jiġi eżaminat jekk dispożizzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva minkejja l-fatt li, kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju, din għandha finalità iktar estiża minn dik tad-Direttiva peress li ma hijiex intiża biss sabiex tipproteġi l-konsumaturi, iżda tħaddan ukoll għanijiet oħra.

    21      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva tiddistingwi ruħha minħabba kamp ta’ applikazzjoni materjali partikolarment wiesa’ li jinkludi kull prattika kummerċjali li għandha rabta diretta mal-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista ta’ prodott lill‑konsumaturi. Huma biss esklużi mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva, il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara “unikament” lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li jikkonċernaw xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti.

    22      Issa, dan ma huwiex manifestament il-każ tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    23      Fil-fatt, hekk kif issostni l-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 9a(1)(1) tal-UWG huwa intiż speċifikament għall-protezzjoni tal-konsumaturi u mhux biss għal dik tal‑kompetituri u ta’ atturi oħra fis-suq.

    24      Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-UWG, li tikkostitwixxi l-liġi nazzjonali fuq il-kompetizzjoni żleali, ġiet emendata bil-liġi tat-13 ta’ Diċembru 2007 (BGBl. I, 79/2007), mingħajr manadkollu ma ġie emendat l-Artikolu 9a, speċifikament sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-Awstrija. Konsegwentement, il-leġiżlatur nazzjonali kkunsidra li din il-liġi setgħet tiggarantixxi l-konformità tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva u, għaldaqstant, tippermetti, hekk kif tipprevedi l-premessa 8 tagħha, li jiġu protetti “direttament l‑interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur” u tiżgura, hekk kif jistabbilixxi b’mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha, “livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur”.

    25      F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi mfakkar li, waqt is-seduta, il-gvern Awstrijak sostna li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva peress li hija tħaddan essenzjalment iż‑żamma tal-pluraliżmu tal-istampa fl-Awstrija. Huwa b’hekk ma jaqbilx mal‑evalwazzjonijiet tal-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni, imwettqa mill-qorti tar‑rinviju, hekk kif din l-evalwazzjoni tirriżulta fil-punti 12 u 20 ta’ din is‑sentenza.

    26      Issa, anki jekk huwa minnu li d-dispożizzjoni nazzjonali tħaddan essenzjalment iż-żamma tal-pluraliżmu tal-istampa fl-Awstrija, huwa importanti li jiġi osservat li l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jżommu jew jistabbilixxu fit-territorji tagħhom miżuri li għandhom bħala għan jew bħala effett li jikklassifikaw prattiki kummerċjali bħala żleali għal raġunijiet relatati maż-żamma tal-pluraliżmu tal‑istampa ma tinsabx fost id-derogi tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva msemmija fil-premessi 6 u 9 kif ukoll fl-Artikolu 2 tagħha.

    27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva tipproċedi għal armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli relatati mal-prattiċi kummerċjali żleali tal-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi.

    28      Għaldaqstant, il-gvern Awstrijak ma jistax b’mod validu jafferma li l‑Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva peress li huwa jħaddan għanijiet għaż-żamma tal-pluraliżmu tal-istampa.

    29      Dan stabbilit, hemm lok li jiġi vverifikat jekk id-Direttiva tipprekludix projbizzjoni ta’ bejgħ bi premji, hekk kif prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG.

    30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li peress li d-Direttiva twassal għal armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal‑impriżi fil-konfronti tal-konsumaturi, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw, kif jipprevedi espressament l-Artikolu 4 tagħha, miżuri iktar restrittivi minn dawk stabbiliti mill-imsemmija direttiva, anki għall-finijiet li jiġi żgurat livell iktar għoli tal-protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza Plus Warenhandelsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31      Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 5 tad-Direttiva, li jipprovdi għall-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata tali natura żleali.

    32      B’hekk, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, prattika kummerċjali hija żleali jekk hija kuntrarja għall-ħtiġijiet tad-diliġenza professjonali u tbiddel jew hija tista’ tbiddel b’mod sostanzjali l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju fil‑konfronti tal-prodott.

    33      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva jiddefinixxi żewġ kategoriji preċiżi ta’ prattiki kummerċjali żleali, jiġifieri l-“prattiċi qarrieqa” u l-“prattiċi aggressivi” li jirrispondu għall-kriterji speċifiċi rispettivament tal-Artikoli 6 u 7 kif ukoll 8 u 9 tad-Direttiva.

    34      Fl-aħħar nett, id-Direttiva tistabbilixxi, fl-Anness I tagħha, lista eżawrjenti tal-31 prattika kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, huma kkunsidrati bħala żleali “f’kull ċirkostanza”. Konsegwentement, kif tippreċiża b’mod speċifiku l-premessa 17 tal-imsemmija direttiva, huma biss dawn il-prattiki kummerċjali li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala żleali mingħajr ma jkunu suġġetti għal evalwazzjoni każ b’każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad‑Direttiva.

    35      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li prattiki li jikkonsistu f’li jingħataw lill-konsumaturi premji assoċjati max-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizzi li ma jinsabux fl-Anness I tad-Direttiva. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jiġu pprojbiti f’kull ċirkustanza, iżda biss wara analiżi speċifika li tippermetti li tiġi stabbilita n-natura żleali ta’ dawn il-prattiki.

    36      Mandankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG jipprojbixxi kull tranżazzjoni kummerċjali li torbot l-għoti ta’ premji max-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizzi. F’termini oħra, din it-tip ta’ tranżazzjoni hija pprojbita b’mod ġenerali, mingħajr ma jkun neċessajru li jiġi ddeterminat, fir-rigward tal-kuntest fattwali ta’ kull każ, jekk it-tranżazzjoni kummerċjali inkwistjoni għandhiex natura “żleali” fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva.

    37      Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi miżuri iktar restrittivi minn dawk previsti mid-Direttiva, tmur kontra l-kontenut tal-Artikolu 4 tagħha li espressament jipprojbixxi lill-Istati Membri li jżommu jew li jadottaw miżuri, anki jekk tali miżuri huma intiżi sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni iktar għoli tal‑konsumaturi.

    38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Direttiva tipprekludi projbizzjoni tal-offerti kummerċjali li jikkombinaw ix-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizzi mal-għoti ta’ premji, bħal dik prevista mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    39      Il-fatt li l-Artikolu 9a(2) tal-UWG jipprevedi ċertu numru ta’ eċċezzjonijiet għall‑imsemmija projbizzjoni ta’ bejgh bi premji ma jistax iqiegħed inkwistjoni tali konklużjoni.

    40      Fil-fatt, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk dawn l‑eċċezzjonijiet jistgħu jirrestrinġu l-portata tal-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali li jikkonsistu fl-għoti ta’ premju kkombinat max-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizzi, jibqa’ madankollu l-fatt li din ma tistax, minħabba n-natura limitata u stabbilita minn qabel tagħha, tissostitwixxi l-analiżi, li għandha neċessarjament issir fir-rigward tal-kuntest fattwali ta’ kull każ, tan-natura “żleali” ta’ prattika kummerjċali fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad‑Direttiva, peress li din hija, bħal fil-kawża prinċipali, prattika li ma hijiex imsemmija fl-Anness I tagħha (ara s-sentenza Plus Warenhandelsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni ġenerali tal-bejgħ bi premji u li ma hijiex intiża biss sabiex tipproteġi l-konsumaturi, iżda tħaddan ukoll għanijiet oħra.

     Fuq it-tieni domanda

    42      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, jekk il-bejgħ bi premji għandux jiġi kkunsidrat bħala prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad‑Direttiva, minħabba l-fatt biss li din il-possibbiltà ta’ rebħ tirrappreżenta, għall-inqas għal parti mill-pubbliku kkonċernat, il-motiv determinanti li jwassalhom sabiex jixtru l-prodott prinċipali.

    43      Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, meta prattika kummerċjali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ma tidhirx fl-Anness I tagħha, din il-prattika tista’ tiġi kkunsidrata żleali, u b’hekk ipprojbita, biss wara analiżi speċifika, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva.

    44      Issa, il-fatt li l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni tirrapreżenta, għall‑inqas għal parti mill-pubbliku kkonċernat, il-motiv determinanti li jwassalhom sabiex jixtru l-ġurnal jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazjoni fil-kuntest ta’ tali analiżi.

    45      Fil-fatt dan il-fatt jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra li l‑prattika kummerċjali inkwistjoni toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika tal-konsumatur medju, fis-sens tal‑Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva.

    46      Mandankollu, bl-ebda mod dan il-fatt waħdu ma jippermetti li bejgħ bi premju jiġi kkunsidrat bħala prattika kummerċjali żleali fis-sens tad-Direttiva. Għal dan l‑għan, għandu wkoll jiġi vverifikat jekk il-prattika inkwistjoni hijiex kuntrarja għall-ħtiġijiet tad-diliġenza professjonali, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad‑Direttiva.

    47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l‑possibbiltà ta’ parteċipazzjoni għal logħba-kompetizzjoni bi premju, marbuta max-xiri ta’ ġurnal, ma tikkostitwixxix prattika kummerċjali żleali fis-sens tal‑Artikolu 5(2) tad-Direttiva, minħabba l-fatt biss li din il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’logħba tirrappreżenta, għall-inqas għal parti mill-pubbliku kkonċernat, il-motiv determinanti li jwassalhom sabiex jixtru dan il-ġurnal.

     Fuq l-ispejjeż

    48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal‑konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni ġenerali tal-bejgħ bi premji u li ma hijiex intiża biss sabiex tipproteġi l‑konsumaturi, iżda tħaddan ukoll għanijiet oħra.

    2)      Il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni għal logħba-kompetizzjoni bi premju, marbuta max-xiri ta’ ġurnal, ma tikkostitwixxix prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29, minħabba l-fatt biss li din il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’logħba tirrappreżenta, għall-inqas għal parti mill-pubbliku kkonċernat, il-motiv determinanti li jwassalhom sabiex jixtru dan il-ġurnal.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq