Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0406

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-28 ta' Jannar 2010.
    Uniplex (UK) Ltd vs NHS Business Services Authority.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division - ir-Renju Unit.
    Direttiva 89/665/KEE- Proċedura ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi - Terminu għall-preżentata ta’ rikors - Data minn meta jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata tar-rikors.
    Kawża C-406/08.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:45

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    28 ta’ Jannar 2010 ( *1 )

    “Direttiva 89/665/KEE — Proċedura ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Data minn meta jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors”

    Fil-Kawża C-406/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Settembru 2008, fil-proċedura

    Uniplex (UK) Ltd

    vs

    NHS Business Services Authority,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Settembru 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Uniplex (UK) Ltd, minn M. Sheridan, barrister, u A. Stanic, solicitor,

    għal NHS Business Services Authority, minn R. Williams, barrister,

    għall-gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao, bħala aġent, assistit minn K. Smith, barrister,

    għall-gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistita minn A. Collins, SC,

    għall-Kummissjoni Ewropea tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. White u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1 p. 246), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), fir-rigward tad-data minn meta jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    2

    Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Uniplex (UK) Ltd (iktar ’il quddiem “Uniplex”) u NHS Business Services Authority (iktar ’il quddiem “NHS”) dwar il-konklużjoni ta’ ftehim qafas.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttiv[a] [tal-Kunsill] 71/305/KEE [tas-26 ta’ Lulju 1971, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] u [d-Direttiva tal-Kunsill] 77/62/KEE [tal-21 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti (ĠU 1977, L 13, p. 1),] u [d-Direttiva 92/50/KEE,] id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.”

    4

    Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex:

    (a)

    jieħdu, ma’ l-ewwel opportunità u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri interim bl-iskop li jikkoreġu l-ksur allegat jew jipprevienu aktar ħsara għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri biex jissospendu jew jiżguraw is-sospensjoni tal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ xi deċiżjoni meħuda mill-awtorità li tagħmel il-kuntratt;

    (b)

    jew iwarrbu jew jiżguraw it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluża t-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji diskriminatorji fl-invit għal offerta, fid-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li jirrelata għall-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt;

    (ċ)

    jagħtu kumpens lill-persuni milquta minn ksur.”

    5

    L-Artikolu 41(1) u (2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] jipprevedi:

    “1.   Awtoritajiet kontrattwanti [awtoritajiet kontraenti] għandhom kemm fis possibli jinfurmaw kandidati u dawk li jkunu xeħtu offerta bid-deċiżjonijiet milħuqa li jikkonċernaw il-konklużjoni ta’ kwadru ta’ ftehim, l-għoti tal-kuntratt jew dħul f'sistema ta’ xiri dinamiku, inklużi raġunijiet għal kull deċiżjoni biex ma jiġix konkluż xi kwadru ta’ ftehim jew għotja ta’ xi kuntratt li għalihom tkun saret sejħa għal kompetizzjoni jew biex tinbeda mill-ġdid il-proċedura jew implimentazzjoni ta’ sistema ta’ xiri dinamiku; dik l-informazzjoni għandha tkun mogħtija bil-miktub fuq talba lill-awtoritajiet kontrattwanti.

    2.   Fuq talba mingħand parti konċernata, l-awtorità kontrattwanti għandha malajr kemm jista’ jkun tinforma:

    lil kull kandidat li ma jkunx irnexxielu dwar ir-raġunijiet għala l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata,

    lil kulmin ikun xeħet offerta u ma rnexxiex, ir-raġunijiet għala l-offerta tiegħu ġiet rifjutata, inklużi, għall-każi li saret referenza għalihom fl-Artikolu 23, paragrafi 4 u 5, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha ta’ non-ekwivalenza jew id-deċiżjoni tagħha li x-xogħlijiet, fornimenti jew servizzi ma jilħqux il-livell ta’ twettiq jew ħtiġijiet funzjonali,

    lil kulmin ikun xeħet offerta u li jkun għamel offerta ammissibli tal-karatterisitiċi u l-vantaġġi relativi ta’ l-offerta magħżula kif ukoll ta’ l-isem ta’ min ikun xeħet offerta u rnexxa jew il-partijiet fil-kwadru ta’ ftehim.

    Iż-żmien meħud ma jista’ taħt l-ebda ċirkonstanza jeċċedi l-15-il ġurnata mill-wasla tat-talba bil-miktub.”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    6

    L-Artikolu 47(7)(b) tar-Regolament dwar il-kuntratti pubbliċi tal-2006 (Public Contracts Regulations 2006, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2006”), adottat bl-għan li tiġi trasposta d-Direttiva 89/665 fil-liġi interna, jipprovdi:

    “Ma għandux isir rikors abbażi ta’ dan l-artikolu sakemm

    […]

    b)

    dan ir-rikors ma jiġix ippreżentat malajr kemm jista’ jkun u f’kull każ f’terminu ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-motivi għall-preżentata ta’ rikors ikunu dehru għall-ewwel darba, sakemm il-High Court ma tqisx li hemm raġuni valida li jiġi estiż it-terminu għall-preżentata ta’ rikors.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    7

    Uniplex, kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, hija d-distributur esklużiv f’dan l-Istat Membru ta’ emostasi prodotti minn Gelita Medical BV, kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    8

    NHS tagħmel parti min-National Health Service, dipartiment tas-saħħa pubblika fir-Renju Unit li jagħmel parti mill-Istat u huwa użat minnu. Hija tikkostitwixxi awtorità kontraenti fis-sens tad-Direttiva 2004/18.

    9

    Fis-26 ta’ Marzu 2007, NHS organizzat proċedura ristretta għall-għoti ta’ kuntratt għall-konklużjoni ta’ ftehim qafas għall-provvista ta’ emostasi. Sejħa għal offerti ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Marzu 2007.

    10

    Fit-13 ta’ Ġunju 2007, NHS stiednet lil ħamsa mill-fornituri li kienu esprimew interess għal dan il-ftehim qafas, inkluż Uniplex, sabiex jitfgħu l-offerti tagħhom. L-offerti kellhom jintefgħu qabel id-19 ta’ Lulju 2007.

    11

    Il-kriterji għall-għoti u l-evalwazzjoni tagħhom, imsemmija fil-fajl tas-sejħa għal offerti mibgħuta lill-offerenti, kienu dawn li ġejjin, il-prezz u l-fatturi l-oħra ta’ qligħ, 30%, il-kwalità u l-aċċettazzjoni klinika, 30%, is-sostenn għall-prodott u t-taħriġ, 20%, il-kapaċitajiet u l-kapaċità ta’ provvista, 10%, il-firxa ta’ prodotti u l-iżvilupp tagħha, 5%, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, 5%.

    12

    Uniplex tefgħet l-offerta tagħha fit-18 ta’ Lulju 2007.

    13

    Fit-22 ta’ Novembru 2007, NHS bagħtet ittra lil Uniplex fejn indikat li hija kienet iddeċidiet li tikkonkludi ftehim qafas ma’ tliet offerenti. Uniplex ġiet informata li hija ma kinitx ser tibbenefika minn ftehim qafas, peress li kisbet l-inqas punti mill-ħames offerenti li kienu ġew mistiedna biex jitfgħu l-offerti tagħhom u li kienu tefgħu l-offerti. Din l-ittra fakkret il-kriterji ta’ għoti bil-bilanċ korrispettiv u kkomunikat l-ismijiet tal-offerenti li ngħataw il-kuntratt, il-medda tal-punti mogħtija lill-offerti aċċettati u l-punti mogħtija lill-offerta ta’ Uniplex.

    14

    Skont din l-istess ittra, il-medda ta’ punti mogħtija lill-offerti aċċettati kienet bejn 905.5 u 971.5, filwaqt li l-punti mogħtija lil Uniplex kienu 568.

    15

    L-ittra tat-22 ta’ Novembru 2007 informat ukoll lil Uniplex bid-dritt tagħha li tikkontesta d-deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim qafas inkwistjoni, bil-perijodu vinkolanti ta’ sospensjoni ta’ għaxart ijiem qabel il-konklużjoni tal-kuntratt li jibda jgħodd mid-data minn meta din id-deċiżjoni ġiet innotifikata u bid-dritt tagħha għal rendikont addizzjonali.

    16

    Uniplez talbet rendikont tali b’ittra elettronika tat-23 ta’ Novembru 2007.

    17

    B’ittra tat-13 ta’ Diċembru 2007, NHS tat informazzjoni iktar dettaljata rigward il-mod kif hija kienet evalwat il-kriterji ta’ għoti fid-dawl tal-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerti aċċettati meta mqabbla mal-offerta ta’ Uniplex.

    18

    Din l-ittra uriet b’mod partikolari li, minn naħa, Uniplex ma rċevitx punti għall-kriterju tal-prezz u fatturi oħra ta’ qligħ, għax hija kienet ippreżentat il-prezzijiet tagħha kif jinsabu fil-katalogu. L-offerenti l-oħra kollha kienu pproponew tnaqqis meta mqabbla mal-prezzijiet tagħhom fil-katalogu. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-kriterju tal-kapaċitajiet u tal-kapaċità ta’ provvista, l-offerenti kollha li ma kinux għadhom attivi fuq is-suq tal-emostasi fir-Renju Unit ma rċevewx punti għas-subkriterju dwar il-bażi ta’ klijentela fir-Renju Unit.

    19

    Fit-28 ta’ Jannar 2008, Uniplex bagħtet ittra ta’ notifika lil NHS, fejn allegat numru ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-2006. Uniplex iddikjarat f’din l-ittra li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors beda jiddekorri biss mit-13 ta’ Diċembru 2007. Uniplex talbet lil NHS tirrispondi qabel it-13 ta’ Frar 2008, iżda żiedet li, għalkemm NHS qieset li dan it-terminu beda jiddekorri biss minn din id-data, NHS kien imissha tirrispondi mhux iktar tard mis-6 ta’ Frar 2008.

    20

    B’ittra tal-11 ta’ Frar 2008, NHS għarfet lil Uniplex li kien hemm bdil taċ-ċirkustanzi. Ġie żvelat li l-offerta ta’ Assut (UK) Ltd ma kinitx konformi u li B. Braun UK Ltd, li ġiet ikklassifikata fir-raba’ pożizzjoni matul l-evalwazzjoni tal-offerti, daħlet fil-ftehim qafas minflok Assut (UK) Ltd.

    21

    NHS irrispondiet għall-ittra ta’ notifika ta’ Uniplex b’ittra tat-13 ta’ Frar 2008, billi ċaħdet id-diversi allegazzjonijiet imressqa minn Uniplex. F’din l-ittra, NHS iddikjarat ukoll, b’mod preliminari, li l-avvenimenti abbażi tal-ilment ta’ Uniplex ma kinux marru oltrè t-22 ta’ Novembru 2007, data minn meta d-deċiżjoni li Uniplex ma ġietx inkluża fil-ftehim qafas ġiet ikkomunikata lilha. NHS sostniet li t-22 ta’ Novembru 2007 kienet id-data minn meta t-terminu għall-preżentata ta’ rikors beda jiddekorri għall-għanijiet tal-Artikolu 47(7)(b) tar-Regolament tal-2006.

    22

    Uniplex irrispondiet b’ittra tas-26 ta’ Frar 2008. F’din l-ittra, hija kompliet issostni li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors skont ir-Regolament tal-2006 beda jiddekorri biss mit-13 ta’ Diċembru 2007.

    23

    Fit-12 ta’ Marzu 2008, Uniplex ippreżentat rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, bl-għan, b’mod partikolari, li jiġi ddikjarat il-ksur tar-regoli applikabbli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u sabiex jinkiseb kumpens għal dan.

    24

    Il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Meta operatur ekonomiku jikkontesta, fi proċeduri nazzjonali, l-għoti ta’ ftehim qafas minn awtorità kontraenti wara proċedura għall-għoti ta’ kuntratt li fiha huwa kien offerent u li kellha ssir b’mod konformi mad-Direttiva 2004/18 (u d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implementazzjoni), u jitlob, f’dawk il-proċeduri, il-konstatazzjoni u l-kumpens għall-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-kuntratti pubbliċi fir-rigward ta’ din il-proċedura u dan l-għoti:

    1)

    dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 47(7)(b) tal-Regolament tal-2006, li tistipula li dan ir-rikors għandu jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun u f’kull każ f’terminu ta’ mhux iktar tard minn tliet xhur minn meta ngħata lok għall-motivi li wasslu għall-bidu tal-proċeduri, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax li hemm raġuni valida għall-proroga ta’ dan it-terminu, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 89/665, u tal-prinċipju tad-dritt Komunitarju ta’ ekwivalenza, tar-rekwiżit tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u/jew tal-prinċipju ta’ effettività, u billi jittieħed inkunsiderazzjoni kull prinċipju rilevanti ieħor tad-dritt Komunitarju, fis-sens li tagħti lill-offerent dritt suġġettiv u inkundizzjonat fil-konfront tal-awtorità kontraenti b’tali mod li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors li jikkontesta tali proċedura għall-għoti ta’ kuntratt u għoti tali jibda jiddekorri minn meta l-offerent kien jaf, jew kellu jkun jaf, li l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku kisru r-regoli Komunitarji f’dan il-qasam, jew mill-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli?

    2)

    f’kull każ, kif għandha l-qorti nazzjonali tapplika (i) kull rekwiżit sabiex ir-rikors jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun u (ii) kull setgħa diskrezzjonali sabiex tipproroga t-terminu ta’ dekadenza nazzjonali sabiex jiġi ppreżentat tali rikors?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    25

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 jirrikjedix li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors li huwa intiż sabiex jikkonstata ksur tar-regoli għal proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew għall-kisba tad-danni minħabba l-ksur ta’ dawn ir-regoli jibda jiddekorri mill-ksur tal-imsemmija regoli jew minn meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf b’dan il-ksur.

    26

    Id-Direttiva 89/665 għandha bħala għan li tiżgura l-eżistenza ta’ rimedji effettivi f’każ ta’ ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi jew ta’ regoli nazzjonali li jimplementaw dan id-dritt, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-direttivi li jikkoordinaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Hija ma tinkludix madankollu ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-kundizzjonijiet tat-terminu dwar ir-rimedji li hija għandha l-għan li tistabbilixxi. Hija għalhekk is-sistema ġuridika interna ta’ kull Stat Membru li għandha tistabbilixxi dawn il-kundizzjonijiet ta’ terminu (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C-470/99, Ġabra p. I-11617, punt 71).

    27

    Il-metodi proċedurali ta’ rikors skont il-liġi intiżi sabiex jiżguraw id-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju għall-kandidati u għall-offerenti milquta ħażin mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jippreġudizzjaw l-effett utli tad-Direttiva 89/665 (sentenza Universale-Bau et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

    28

    Għalhekk jeħtieġ jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-finalità ta’ din id-direttiva, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippreġudikax id-drittijiet mogħtija lill-individwi permezz tad-dritt Komunitarju (sentenza Universale-Bau et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

    29

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jorbot lill-Istati Membri bl-obbligu li jiżguraw li d-deċiżjonijiet illegali tal-awtoritajiet kontraenti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors kemm jista’ jkun effettiv u mgħaġġel (sentenza Universale-Bau et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

    30

    Il-fatt li kandidat jew offerent isir jaf li l-applikazzjoni jew l-offerta tiegħu ġiet miċħuda ma jimplikax li r-rikors tiegħu ser jirnexxi. Informazzjoni tali hija insuffiċjenti sabiex tippermetti lill-kandidat jew lill-offerent li jinduna bl-eżistenza eventwali ta’ illegalità li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors.

    31

    Huwa biss wara li kandidat jew offerent ikkonċernat ikun ġie informat bil-motivi li minħabba fihom huwa ġie eskluż mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt li jkun jista’ jifforma konvinzjoni ċara dwar l-eżistenza probabbli ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli u dwar l-opportunità li jippreżenta rikors.

    32

    Minn dan isegwi li l-għan, stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ rikorsi effettivi kontra l-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jista’ jintlaħaq biss jekk it-termini imposti għal preżentata ta’ dawn ir-rikorsi jibdew jiddekorru biss minn meta r-rikorrent kien jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, sentenza Universale-Bau et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

    33

    Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll bil-fatt li l-Artikolu 41(1) u (2) tad-Direttiva 2004/18, li kien fis-seħħ meta ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali, jimponi fuq l-awtoritajiet kontraenti sabiex jikkomunikaw lill-kandidati u lill-offerenti esklużi l-motivi tad-deċiżjoni li jikkonċernawhom. Dispożizzjonijiet tali huma koerenti ma’ sistema ta’ termini ta’ dekadenza li abbażi tagħha dawn it-termini jibdew jiddekorru minn meta r-rikorrent kien jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    34

    Din l-istess konklużjoni hija wkoll sostnuta bl-emendi magħmula lid-Direttiva 89/665 permezz tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU L 335, p. 31), minkejja li t-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva beda jiddekorri biss wara li seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 89/665, introdott bid-Direttiva 2007/66, jipprevedi li d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti għandha tkun ikkomunikata lil kull wieħed mill-offerenti jew kandidati u akkumpanjata b’rapport fil-qosor tar-raġunijiet rilevanti, u li t-termini għall-preżentata ta’ rikors jistgħu jibdew jiddekorru biss wara ċertu numru ta’ jiem minn dik il-komunikazzjoni.

    35

    Jeħtieġ għalhekk li tingħata risposta għall-ewwel domanda fis-sens li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jirrikjedi li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors intiż sabiex jikkonstata ksur tar-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew jinkiseb kumpens għad-danni għall-ksur ta’ dawn ir-regoli jibda jiddekorri minn meta r-rikorrent kien jaf jew kellu jkun jaf b’dan il-ksur.

    Fuq it-tieni domanda

    36

    It-tieni domanda tinkludi żewġ partijiet. L-ewwel waħda tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 89/665 f’relazzjoni ma’ rekwiżit, impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li r-rikors għandu jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun. It-tieni waħda tikkonċerna l-effetti li jirriżultaw minn din id-direttiva fir-rigward ta’ setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta lill-qorti nazzjonali sabiex tipproroga t-termini għall-preżentata ta’ rikors.

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda

    37

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 89/665 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni, bħal dik fl-Artikolu 47(7)(b) tar-Regolament tal-2006, li jirrikjedi li rikors jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun.

    38

    Kif imfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedji effettivi u kemm jista’ jkun mgħaġġla. Sabiex jiġi mwettaq l-għan tal-għaġla segwit minn din id-direttiva, huwa mistenni li l-Istati Membri jimponu termini għall-preżentata ta’ rikors sabiex l-operaturi jkunu obbligati jikkontestaw f’termini qosra l-miżuri preparatorji jew id-deċiżjonijiet intermedjarji adottati fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, sentenzi Universale-Bau et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 75 sa 79; tat-12 ta’ Frar 2004, Grossmann Air Service, C-230/02, Ġabra p. I-1829, punti 30 u 36 sa 39, u kif ukoll tal-11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl, C-241/06, Ġabra p. I-8415, punti 50 u 51).

    39

    L-għan ta’ għaġġla mfittex mid-Direttiva 89/665 għandu jiġi implementat fid-dritt nazzjonali billi jiġu osservati r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jimplementaw sistema ta’ termini suffiċjentement preċiża, ċara u previdibbli sabiex jippermettu lill-individwi li jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom (ara, f’dan is-sens, sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-361/88, Ġabra p. I-2567, punt 24, u tas-7 ta’ Novembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-221/94, Ġabra p. I-5669, punt 22).

    40

    Barra minn dan, l-għan ta’ għaġġla mfittex mid-Direttiva 89/665 ma jippermettix lill-Istati Membri sabiex jeskludu l-prinċipju ta’ effettività li jipprovdi li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tat-termini ta’ dekadenza nazzjonali ma għandhomx jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-interessati jgawdu minnhom taħt id-dritt Komunitarju, prinċipju li huwa inerenti għall-għan tal-effettività tar-rikors, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva.

    41

    Dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 47(7)(b) tar-Regolament tal-2006, li tistipula li rikors ma għandux jiġi ppreżentat sakemm “dan ir-rikors ma jiġix ippreżentat malajr kemm jista’ jkun u f’kull każ f’terminu ta’ tliet xhur” tinkludi element ta’ inċertezza. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li dispożizzjoni tali tippermetti lill-qrati nazzjonali li jiċħdu rikors bħala dekadenti anki qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, jekk huma jqisu li r-rikors ma ġiex ippreżentat “malajr kemm jista’ jkun” fis-sens ta’ dan l-artikolu.

    42

    Kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, terminu ta’ dekadenza li t-tul tiegħu hija fid-diskrezzjoni tal-qorti kompetenti ma huwiex previdibbli inkwantu t-tul tiegħu. B’dan il-mod, dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu tali ma tiżgurax traspożizzjoni effettiva tad-Direttiva 89/665.

    43

    Jirriżulta minn dak li jippreċedi li, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda fis-sens li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil qorti nazzjonali li tiċħad bħala dekadenti rikors intiż sabiex jikkonstata ksur tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew jinkiseb kumpens għad-danni għall-ksur ta’ dawn ir-regoli skont il-kriterju, evalwat b’mod diskrezzjonali, li rikors tali għandu jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun.

    Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda

    44

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effetti li jirriżultaw mid-Direttiva 89/665 fir-rigward ta’ setgħa diskrezzjonali li hija rrikonoxxuta lill-qorti nazzjonali sabiex tipproroga t-termini għall-preżentata ta’ rikors.

    45

    Fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw direttiva, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretaw dawn id-dispożizzjonijiet sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha (ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, 14/83, Ġabra p. 1891, punt 26, u kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 113).

    46

    F’dan il-każ, meta tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali, il-qorti nazzjonali għandha, sakemm ikun possibbli, tinterpretahom b’mod li jkun konformi mal-għan tad-Direttiva 89/665 (ara, f’dan is-sens, sentenzi tas-27 ta’ Frar 2003, Santex, C-327/00, Ġabra p. I-1877, punt 63, u Lämmerzahl, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

    47

    Bl-għan li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li jinsabu fir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, il-qorti nazzjonali li għandha l-każ quddiemha, għandha, sakemm ikun possibbli, tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-terminu għall-preżentata ta’ rikors b’mod li tiżgura li dan it-terminu jibda jiddekorri biss minn meta r-rikorrent kien jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur tar-regoli applikabbli għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku kkonċernat.

    48

    Meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jiġux interpretati b’dan il-mod, din il-qorti jkollha, billi tuża’ s-setgħa diskrezzjonali tagħha, tipproroga t-terminu għall-preżentata ta’ rikors b’mod li tiżgura lir-rikorrent terminu ekwivalenti għal dak li kien jiddisponi minnu li kieku t-terminu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli beda jiddekorri minn meta kien jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    49

    F’kull każ, meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors ma jistgħux jiġu interpretati b’mod konformi mad-Direttiva 89/665, il-qorti nazzjonali tkun obbligata li ma tapplikahomx, sabiex tapplika integralment id-dritt Komunitarju u tħares id-drittijiet li dan tal-aħħar jagħti lill-individwi (ara, f’dan is-sens, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Santex, punt 64, u Lämmerzahl, punt 63).

    50

    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li d-Direttiva 89/665 tordna lill-qorti nazzjonali li tipproroga, billi tuża s-setgħa diskrezzjonali tagħha, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors b’mod li tiżgura lir-rikorrenti terminu ekwivalenti għal dak li kien ikollu li kieku t-terminu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli beda jiddekorri minn meta kien jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors ma jistgħux jingħataw interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 89/665, il-qorti nazzjonali tkun obbligata ma tapplikahomx, sabiex tapplika integralment id-dritt Komunitarju u tħares id-drittijiet li dan tal-aħħar jagħti lill-individwi.

    Fuq l-ispejjeż

    51

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

     

    1)

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, jirrikjedi li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors intiż sabiex jikkonstata ksur tar-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew sabiex jinkiseb kumpens għad-danni għall-ksur ta’ dawn ir-regoli jibda jiddekorri minn meta r-rikorrent kien jaf jew kellu jkun jaf b’dan il-ksur.

     

    2)

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 92/50, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil qorti nazzjonali li tiċħad bħala dekadenti rikors intiż sabiex jikkonstata ksur tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew sabiex jinkiseb kumpens għad-danni għall-ksur ta’ dawn ir-regoli skont il-kriterju, evalwat b’mod diskrezzjonali, li rikors tali għandu jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun.

     

    3)

    Id-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 92/50, tordna lill-qorti nazzjonali li tipproroga, billi tuża s-setgħa diskrezzjonali tagħha, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors b’mod li tiżgura lir-rikorrenti terminu ekwivalenti għal dak li kien ikollu li kieku t-terminu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli beda jiddekorri minn meta kien jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors ma jistgħux jingħataw interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 92/50, il-qorti nazzjonali tkun obbligata ma tapplikahomx, sabiex tapplika integralment id-dritt Komunitarju u tħares id-drittijiet li dan tal-aħħar jagħti lill-individwi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq