Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0019

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tad-29 ta' Jannar 2009.
    Migrationsverket vs Edgar Petrosian et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Kammarrätten i Stockholm - Migrationsöverdomstolen - l-Iżvezja.
    Dritt għal ażil - Regolament (KE) Nru 343/2003 - Teħid lura minn Stat Membru ta’ applikant għal ażil li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda u li jinsab fi Stat Membru ieħor fejn huwa ppreżenta applikazzjoni ġdida għal ażil - Bidu tat-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment tal-applikant għal ażil - Proċedura ta’ trasferiment li hija s-suġġett ta’ rikors li jista’ jkollu effett sospensiv.
    Kawża C-19/08.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:41

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    29 ta’ Jannar 2009 ( *1 )

    “Dritt għal ażil — Regolament (KE) Nru 343/2003 — Teħid lura minn Stat Membru ta’ applikant għal ażil li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda u li jinsab fi Stat Membru ieħor fejn huwa ppreżenta applikazzjoni ġdida għal ażil — Dekorrenza tat-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment tal-applikant għal ażil — Proċedura ta’ trasferiment li hija s-suġġett ta’ rikors li jista’ jkollu effett sospensiv”

    Fil-Kawża C-19/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68(1) KE u 234 KE, imressqa mill-Kammarrätten i Stokkolma, Migrationsöverdomstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-, fil-proċedura

    Migrationsverket

    vs

    Edgar Petrosian,

    Nelli Petrosian,

    Svetlana Petrosian,

    David Petrosian,

    Maxime Petrosian,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

    għall-Gvern Grieg, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

    għall-Gvern Ungeriż, minn R. Somssich, J. Fazekas u K. Borvölgyi, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

    għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

    għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

    għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

    għall-Gvern Norveġiż, minn M. Emberland u S. Gudbrandsen, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou-Durande u J. Enegren, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1)(d) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU L 50, p. 1).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn E. u M. Petrosian, kif ukoll it-tlett uliedhom (iktar ’il quddiem, il-“membri tal-familja Petrosian”), ta’ ċittadinanza Armena (bl-eċċezzjoni ta’ N. Petrosian, ta’ ċittadinanza Ukraina), u l-Migrationsverket (Uffiċċju nazzjonali tal-emigrazzjoni), li huwa responsabbli għall-kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni u inkarigat li jipproċessa l-applikazzjoni għal ażil tal-persuni kkonċernati, rigward id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li tordna t-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor, fejn ġiet miċħuda l-ewwel applikazzjoni għal ażil tagħhom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    Il-Premessa 4 tar-Regolament Nru 343/2003 tipprovdi:

    “[Metodu ċar u li jiffunzjona sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil] għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. Huwa għandu, b’mod partikolari, jagħmel possibbli li jkun iddeterminat bil-ħeffa l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri li jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat u ma jkunx kompromess l-għan ta’ l-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-ażil.”

    4

    Il-Premessa 15 ta’ dan ir-regolament tipprovdi kif ġej:

    “Ir-Regolament josserva d-drittijiet u prinċipji fundamentali li huma rrikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1)]. B’mod partikulari, huwa jfittex li jiżgura osservanza sħiħa tad-dritt ta’ l-ażil iggarantit bl-Artikolu 18.”

    5

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz.”

    6

    L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.”

    7

    L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “1.   Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

    […]

    5.   Persuna tfittex l-ażil li hija preżenti fi Stat Membru ieħor u hemm tiddepożita applikazzjoni għall-ażil wara li tirtira l-applikazzjoni tagħha matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandha tittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil.

    […]”

    8

    Fi ħdan il-kapitolu V tar-Regolament Nru 343/2003, li jikkonċerna t-teħid ta’ inkarigu u t-teħid lura tal-applikant għal ażil, l-Artikolu 16 jipprovdi kif ġej:

    “1.   L-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

    […]

    e)

    jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda u li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess.

    […]”

    9

    L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:

    “1.   Persuna tfittex l-ażil għandha tittieħed lura skond l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 16(1)(c), (d) u (e) kif ġej:

    a)

    it-talba għall-applikant biex jittieħed lura għandu jkun fiha informazzjoni li tagħmel possibbli għall-Istat Membru li saritlu t-talba li jikkontrolla li huwa responsabbli;

    b)

    l-Istat Membru mitlub biex jieħu lura l-applikant għandu jkun obbligat jagħmel il-kontrolli meħtieġa u jwieġeb għat-talba indirizzata lilu kemm jista’ jkun malajr u taħt ebda ċirkostanzi ma jeċċedi perjodu ta’ xahar mir-referenza. Meta t-talba tkun ibbażata fuq data miksuba mis-sistema Eurodac, dan il-limitu ta’ żmien jitnaqqas għal ġimagħtejn;

    ċ)

    fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba ma jikkomunikax id-deċiżjoni tiegħu fil-perjodu ta’ xahar jew fil-perjodu ta’ ġimagħtejn imsemmi fis-subparagrafu (b), għandu jkun ikkonsidrat li jkun qabel li jieħu lura l-persuna tfittex l-ażil;

    d)

    Stat Membru li jaqbel li jieħu lura persuna tfittex l-ażil għandu jkun obbligat li jdaħħal mill-ġdid dik il-persuna fit-territorju tiegħu. It-trasferiment għandu jkun eżegwit skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru li jagħmel it-talba, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, kemm jista’ jkun prattikament possibbli, u l-iktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba biex jittieħed inkarigu minn Stat Membru ieħor jew mid-deċiżjoni wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv;

    e)

    L-Istat Membru li jkun għamel it-talba għandu jinnotifika lill-persuna tfittex l-ażil bid-deċiżjoni dwar il-fatt li jittieħed lura mill-Istat Membru responsabbli. Id-deċiżjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Hi għandu jkun fiha dettalji tal-limitu ta’ żmien dwar l-eżekuzzjoni tat-trasferiment u għandu, jekk meħtieġ, jkun fiha informazzjoni dwar il-post u d-data li fihom l-applikant għandu jidher, jekk qiegħed jivvjaġġa għall-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħu stess. Din id-deċiżjoni hija suġġetta għal appell jew reviżjoni. Appell jew reviżjoni dwar din id-deċiżjoni m’għandux jissospendi l-implimentazzjoni tat-trasferiment ħlief meta l-qrati jew il-korpi kompetenti jiddeċiedu li jsir hekk fuq il-bażi ta’ każ b’każ jekk il-leġislazzjoni nazzjonali tippermetti dan.

    Jekk meħtieġ, il-persuna tfittex l-ażil għandha tingħata mill-Istat Membru li jagħmel it-talba laissez passer ta’ l-għamla adottata skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 27(2).

    L-Istat Membru responsabbli għandu jgħarraf lill-Istat Membru li jagħmel it-talba, kif xieraq, bil-wasla salva tal-persuna tfittex l-ażil jew bil-fatt li ma dehritx fil-limitu tal-ħin stabbilit.

    2.   Fejn it-trasferiment ma jsirx [f]il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur, ir-responsabbilta għandha tkun ta’ l-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment jew l-eżami ta’ l-applikazzjoni ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna tfittex l-ażil jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jew il-persuna tfittex l-ażil tkun ħarbet.

    […]”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    10

    L-Artikolu 9 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi 2005:716 dwar il-persuni barranin [utlänningslagen (2005:716)] jipprovdi li d-dispożizzjonijiet dwar id-deportazzjoni tal-applikanti għal ażil stabbiliti f’din il-liġi japplikaw ukoll mutatis mutandis għad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment meħuda skont ir-Regolament Nru 343/2003.

    11

    L-Artikolu 6 tal-Kapitolu 4, kif ukoll l-Artikoli 4 u 7 tal-Kapitolu 8 ta’ din il-liġi jipprovdu li d-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat politiku u d-deportazzjoni tal-applikanti għal ażil għandhom jittieħdu mill-Migrationsverket.

    12

    Skont l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 14 tal-imsemmija liġi, id-deċiżjoni tal-Migrationsverket tista’ tkun is-suġġett ta’ appell fl-ewwel istanza ppreżentat quddiem il-Migrationsdomstol (qorti amministrattiva dipartimentali li tiddeċiedi fil-qasam tal-immigrazzjoni), b’mod partikolari jekk din id-deċiżjoni tordna d-deportazzjoni tal-applikant għal ażil.

    13

    L-Artikolu 9(1) u (3) tal-Kapitolu 16 ta’ din il-liġi jipprovdi li s-sentenzi tal-migrationsdomstol huma appellabbli quddiem il-Migrationöverdomstol (qorti amministrattiva tal-appell li tiddeċiedi fil-qasam tal-immigrazzjoni), li s-sentenzi tagħha mhumiex appellabbli.

    14

    L-Artikolu 28 tal-liġi 1971:291 dwar il-proċedura amministrattiva [förvaltningsprocesslagen (1971:291)] jipprovdi li l-qorti li quddiemha ġie ppreżentat rikors tista’, minn naħa, tordna li d-deċiżjoni kkontestata, jekk tkun eżegwibbli immedjatament, ma tiġix applikata sakemm ma jinħariġx digriet ġdid, u, min-naħa l-oħra, tadotta miżuri provviżorji oħra relatati mal-kawża.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    15

    Fit-22 ta’ Marzu 2006, il-membri tal-familja Petrosian ippreżentaw applikazzjonijiet għal ażil fl-Isvezja, fejn kienu jinsabu dak iż-żmien.

    16

    Mill-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet irriżulta li l-persuni kkonċernati kienu diġà ppreżentaw applikazzjonijiet oħra, b’mod partikolari, fi Franza. Għalhekk, il-Migrationsverket talab lill-awtoritajiet Franċiżi, skont l-Artikolu 16(1)(e) tar-Regolament Nru 343/2003, sabiex jieħdu lura l-membri tal-familja Petrosian.

    17

    L-imsemmija awtoritajiet ma tawx tweġiba lill-Migrationsverket fit-terminu pprovdut fl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 343/2003. Għalhekk, il-Migrationsverket indikalhom li, skont l-Artikolu 20(1)(ċ) tar-regolament, ir-Repubblika Franċiża kellha titqies bħala li aċċettat t-teħid lura tal-membri tal-familja Petrosian.

    18

    Sussegwentement, l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw mal-Migrationsverket li huma kienu jaċċettaw li jieħdu lura lill-persuni kkonċernati. Fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet, fl-1 ta’ Awwissu 2006, il-Migrationsverket iddeċieda li jittrasferixxi lill-membri tal-familja Petrosian lejn Franza, fuq il-bażi tal-Artikolu 20(1)(d) u (e) tar-Regolament Nru 343/2003.

    19

    Il-membri tal-familja Petrosian ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2006 li tordna l-imsemmi trasferiment, quddiem il-Länsrätten i Skåne län, migrationsdomstolen (qorti amministrattiva dipartimenti tal-iSkanja li tiddeċiedi fil-qasam tal-immigrazzjoni), u talbu li l-applikazzjonijiet għal ażil tagħhom jiġu eżaminati fl-Isvezja.

    20

    Fit-23 ta’ Awwissu 2006, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-eżekuzzjoni tat-trasferiment tal-membri tal-familja Petrosian lejn Franza, sakemm tkun ingħatat deċiżjoni finali fuq il-mertu jew sakemm jiġi deċiż mod ieħor. Fit-, l-imsemmija qorti tat deċiżjoni fuq il-mertu, li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors tal-membri tal-familja Petrosian u, konsegwentement, temmet is-sospensjoni tat-trasferiment ta’ dawn tal-aħħar lejn Franza.

    21

    Il-membri tal-familja Petrosian ippreżentaw appell mis-sentenza tal-länsrätten i Skåne län, migrationsdomstolen, quddiem il-Kammarätten i Stockholm, Migrationsöverdomstolen (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Stockholm li tiddeċiedi fil-qasam tal-immigrazzjoni), minħabba difett proċedurali, u talbu l-annullament tad-deċiżjoni li tordna t-trasferiment tagħhom lejn Franza u, sussidjarjament, li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-länsrätten i Skåne län.

    22

    Fl-10 ta’ Mejju 2007, il-Kammarrätten i Stockholm, Migrationsöverdomstolen, iddeċidiet li tissospendi t-trasferiment tal-membri tal-familja Petrosian lejn Franza, sakemm tkun ingħatat deċiżjoni finali fuq il-mertu jew sakemm jiġi deċiż mod ieħor.

    23

    Fis-16 ta’ Mejju 2007, din il-qorti tat sentenza finali li tannulla s-sentenza tal-länsrätten i Skåne län, migrationsdomstolen, u bagħtet lura l-kawża quddiem din tal-aħħar, u dan minħabba motiv proċedurali bbażat fuq l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-ġudikaturi li ddeċidew dwar il-kawża. Il-Kammarrätten i Stockholm, Migrationsöverdomstolen ordnat ukoll is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta-deċiżjoni li tordna t-trasferiment tal-familja Petrosian lejn Franza, sakemm il-länsrätten i Skåne län, migrationsdomstolen tiddeċiedi fuq il-mertu jew tiddeċiedi mod ieħor.

    24

    Din l-aħħar qorti ddeċidiet mill-ġdid dwar il-kawża fid-29 ta’ Ġunju 2007 u annullat id-deċiżjoni tal-Migrationsverket li tordna t-trasferiment tal-membri tal-familja Petrosian lejn Franza. Hija rrinvijat il-kawża quddiem il-Migrationsverket għal eżami mill-ġdid. Fil-motivi tas-sentenza tagħha, il-länsrätten i Skåne län, migrationsdomstolen, irreferiet għas-sentenza importanti tal-Kammarrätten i Stockholm, Migrationsöverdomstolen, tal-, li fiha din tal-aħħar stabbilixxiet li l-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003, li jipprovdi li t-trasferiment għandu jseħħ, l-iktar tard, fi żmien sitt xhur b’effett mill-aċċettazzjoni tat-talba biex jittieħed inkarigu minn Stat Membru ieħor jew mid-deċiżjoni wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment għandu jibda jiddekorri b’effett mid-deċiżjoni provviżorja li tissospendi l-eżekuzzjoni tat-trasferiment.

    25

    Peress li l-länsrätten i Skåne län, migrationsdomstolen, iddeċidiet favur din is-sospensjoni fit-23 ta’ Awwissu 2006, it-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment intemm, skont din il-qorti, fl-, b’effett minn meta, minn naħa, ir-Renju tal-Isvezja sar kompetenti sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet għal ażil tal-membri tal-familja Petrosian, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 343/2003 u, min-naħa l-oħra, il-persuni kkonċernati ma setgħux iktar jiġu ttrasferiti lejn Franza.

    26

    Il-Migrationsverket ippreżenta appell mis-sentenza tal-länsrätten i Skåne län, migrationsdomstolen, quddiem il-Kammarrätten i Stockholm, Migrationsöverdomstolen, fid-9 ta’ Lulju 2007. Quddiem din il-qorti huwa sostna li wara li ġiet adottata d-deċiżjoni sospensiva, it-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment kien sospiż b’mod li jiddekorri matul sitt xhur b’effett mill-jum li fih id-deċiżjoni sospensiva terġa’ ssir eżegwibbli mill-ġdid.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammarrätten i Stockholm, Migrationsöverdomstolen, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 20(1)(d) u (2) tar-Regolament […] Nru 343/2003 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil tgħaddi għal fuq l-Istat Membru fejn tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni jekk it-trasferiment ma jsirx fi żmien sitt xhur wara li tkun ittieħdet deċiżjoni temporanja sabiex jiġi sospiż it-trasferiment u irrispettivament minn meta tittieħed id-deċiżjoni finali dwar jekk it-trasferiment għandux isir?”

    Fuq id-domanda preliminari

    28

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 20(1)(d) u (2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn, fil-kuntest tal-proċedura ta’ trasferiment ta’ applikant għal ażil, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru rikorrenti tipprovdi għall-effett sospensiv ta’ rikors, it-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment jibdiex jiddekorri diġà b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja li tissospendi l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment, jew inkella, li dan it-terminu jibda jiddekorri biss b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-proċedura u li ma tistax tostakola iżjed din l-implementazzjoni.

    L-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    29

    It-tmien Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-kawża preżenti, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, jikkunsidraw li l-Artikolu 20(1)(d) u (2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ effett sospensiv tar-rikors intiż kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, it-terminu ta’ sitt xhur li fih għandu jiġi eżegwit dan it-trasferiment jibda jiddekorri biss b’effett mid-deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors u mhux b’effett mid-deċiżjoni li tordna s-sospensjoni tal-imsemmi trasferiment.

    30

    Skont dawn il-Gvernijiet u l-Kummissjoni, mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 343/2003 jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi sistema fejn ma jistax jiġi eżegwit trasferiment qabel ma tkun ingħatat deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors. Fil-fatt, is-soluzzjoni kuntrarja timplika li l-qrati u l-awtoritajiet kompetenti jkunu marbuta b’terminu massimu li fih ikollhom jiddeċiedu fuq ir-rikorsi relatati mad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, ħaġa li l-leġiżlatur Komunitarju mhuwiex kompetenti li jipprovdi. Barra minn dan, l-eżami tas-sitwazzjonijiet individwali li jaqgħu taħt dan ir-regolament jeħtieġu deliberazzjonijiet kumplessi li diffiċilment jistgħu jintemmu fi żmien sitt xhur.

    31

    Barra minn hekk, numru minn dawn il-Gvernijiet isostnu li, minn perspettiva prattika, il-fatt li l-qrati nazzjonali jiġu obbligati li jiddeċiedu fi żmien sitt xhur jiffavorixxi l-preżentata abużiva ta’ rikorsi mill-applikanti għal ażil, peress li, fl-Istati Membri li fihom hemm ħafna każijiet pendenti, dan it-terminu jiskadi ta’ sikwit u konsegwentement, l-Istat Membru rikorrent isir sistematikament responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal ażil.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    32

    Skont l-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003, it-trasferiment ta’ applikant għal ażil lejn l-Istat Membru li huwa marbut li jaċċettah lura, għandu jseħħ minn meta jkun materjalment possibbli, u l-iktar tard, fi żmien sitt xhur b’effett mill-approvazzjoni tal-applikazzjoni għall-finijiet tat-teħid lura minn Stat Membru ieħor jew mid-deċiżjoni fuq ir-rikors jew ir-reviżjoni fil-każ ta’ effett sospensiv. Skont l-Artikolu 20(2), meta trasferiment ma jseħħx fi żmien sitt xhur, ir-responsabbiltà għandha tkun tal-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata.

    33

    Il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettix, fihom infushom, li jiġi ddeterminat jekk it-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment jibdiex jiddekorri diġà b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja li tissospendi l-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ trasferiment jew biss b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-imsemmija proċedura.

    34

    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2000, KVS International, C-301/98, Ġabra p. I-3583, punt 21, u tat-, ZVK, C-300/05, Ġabra p. I-11169, punt 15).

    35

    Skont l-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1)(c), hemm tliet sitwazzjonijiet li jistgħu, skont iċ-ċirkustanzi, jagħtu bidu għat-terminu ta’ sitt xhur li l-Istat Membru rikorrenti għandu sabiex jittrasferixxi l-applikant għal ażil. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jkunu, l-ewwel nett, il-każ fejn l-Istat Membru mitlub jiddeċiedi li jieħu lura l-applikant għal ażil, it-tieni nett, il-każ fejn jiskadi, mingħajr suċċess, it-terminu ta’ xahar mogħti lill-Istat Membru mitlub sabiex jiddeċiedi fuq it-talba tal-Istat Membru rikorrenti li jieħu lura lill-applikant għal ażil, u t-tielet nett, fil-każ ta’ deċiżjoni fuq ir-rikors jew ir-reviżjoni fil-każ ta’ effett sospensiv fl-Istat Membru rikorrenti.

    36

    Dawn it-tliet sitwazzjonijiet għandhom jiġu analizzati skont jekk hemmx jew le, fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru rikorrenti, rikors li jista’ jkollu effett sospensiv, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li għalih ir-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment.

    37

    F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet.

    38

    Kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003, fl-ewwel sitwazzjoni, fil-każ fejn mhemm ebda rikors li jista’ jkollu effett sospensiv, it-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment jibda jiddekorri b’effett mid-deċiżjoni, espliċita jew impliċita, li permezz tagħha l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu lura l-persuna kkonċernata, indipendentement mill-inċertezzi li huwa suġġett għalihom ir-rikors li l-applikant għal ażil seta’, eventwalment, ippreżenta kontra d-deċiżjoni li ordnat it-trasferiment tiegħu, quddiem il-qrati tal-Istat Membru rikorrenti.

    39

    Għalhekk, jifdal biss li jiġu stabbiliti l-modalitajiet tat-trasferiment u, b’mod partikolari, li tiġi stabbilita d-data ta’ dan tal-aħħar.

    40

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003 jagħti lill-Istat Membru rikorrenti terminu ta’ sitt xhur sabiex iwettaq it-trasferiment. Għalhekk, dan it-terminu għandu bħala għan, fid-dawl tal-kumplessità prattika u tad-diffikultajiet ta’ organizzazzjoni li huma marbuta mal-implementazzjoni tat-trasferiment, li jagħti l-possibbiltà liż-żewġ Stati Membri kkonċernati li jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jitwettaq dan it-trasferiment, u b’mod partikolari, li l-Istat Membru rikorrenti jistabbilixxi l-modalitajiet għat-twettiq tat-trasferiment, li għandu jseħħ skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat.

    41

    Minbarra dan, mill-espożizzjoni tal-motivi mehmuża mal-proposta tar-regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ippreżentata mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2001 [COM(2001) 447 finali, p. 5, 19 u 20] li huwa tabilħaqq sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet prattiċi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fil-proċedura tat-trasferiment, li l-Kummissjoni pproponiet li testendi t-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment. Dan it-terminu, li ġie stabbilit għal xahar fil-Konvenzjoni dwar id-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għal eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata f’Dublin fil- (ĠU 1997, C 254, p. 1), li ġiet sostitwita bir-Regolament Nru 343/2003, sussegwentement ġie estiż, skont l-imsemmija proposta ta’ regolament, għal sitt xhur fl-Artikolu 20(1)(d) tal-istess regolament.

    42

    Fit-tieni sitwazzjoni, meta Stat Membru rikorrenti jipprovdi rikors li jista’ jkollu effett sospensiv u meta l-qorti ta’ dan l-Istat Membru tagħti tali effett lid-deċiżjoni tagħha, l-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi li t-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment jibda jiddekorri b’effett mid-“deċiżjoni wara appell jew reviżjoni”.

    43

    F’din it-tieni sitwazzjoni, għalkemm id-dekorrenza tat-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment huwa differenti minn dak stabbilit fl-ewwel sitwazzjoni msemmija, xorta jibqa l-fatt li kull wieħed miż-żewġ Stati Membri kkonċernati għandu, sabiex jorganizza t-trasferiment, jaffaċċja l-istess diffikultajiet prattiċi u, għalhekk, għandu jkollu l-istess terminu ta’ sitt xhur sabiex iwettaq dan it-trasferiment. Fil-fatt, mhemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003 li jissuġġerixxi li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jittratta dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet b’mod differenti.

    44

    Minn dan jirriżulta li, fit-tieni sitwazzjoni msemmija, fid-dawl tal-għan imfittex mill-iffissar ta’ terminu, fir-rigward tal-Istati Membri, id-dekorrenza ta’ dan it-terminu għandu jiġi ddeterminat b’tali mod li l-Istati Membri jkollhom, l-istess bħal fl-ewwel sitwazzjoni, terminu ta’ sitt xhur li huma għandhom, suppost, jisfruttaw b’mod sħiħ sabiex jistabbilixxu l-modalitajiet tekniċi tat-twettiq tat-trasferiment.

    45

    Għalhekk, it-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment jibda jiddekorri biss minn meta t-trasferiment futur ikun, bħala prinċipju, ġie miftiehem u ggarantit, u meta jkun għad fadal biss li jiġu stabbiliti l-modalitajiet tal-imsemmi trasferiment. Għalhekk, dan it-twettiq ma jistax jitqies bħala ggarantit jekk qorti ta’ Stat Membru rikorrenti, li quddiemha ġie ppreżentat rikors, ma ddeċidietx fuq il-mertu ta’ din il-kwistjoni, iżda llimitat ruħha li tiddeċiedi dwar it-talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    46

    Minn dan jirriżulta li, fit-tieni sitwazzjoni msemmija, sabiex jiġi ppriżervat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003 li jistabbilixxu t-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment, dan it-terminu għandu jibda jiddekorri, mhux b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja li tissospendi l-implementazzjoni tal-proċedura tat-trasferiment, iżda biss b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-proċedura u li ma tistax iktar tostakola din l-implementazzjoni.

    47

    Tali konklużjoni hija kkorroborata minn żewġ serje oħra ta’ kunsiderazzjonijiet ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-osservanza tal-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita minn Stat Membru u, it-tieni waħda, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

    48

    L-ewwel nett, għandu neċessarjament jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur Komunitarju ma kellux l-intenzjoni li jissagrifika, f’isem ir-rekwiżit tal-ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ażil, il-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita mill-Istati Membri li l-qrati tagħhom jistgħu jissospendu l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, u għaldaqstant jippermettu li l-applikant għal ażil ikun jista’ validament jikkontesta d-deċiżjonijiet li jkun is-suġġett tagħhom.

    49

    Fil-fatt, l-Istati Membri li xtaqu jistabbilixxu rimedji ġudizzjarji li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet li jkollhom effett sospensiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ trasferiment ma jistgħux, f’isem l-osservanza tar-rekwiżit tal-ħeffa, jitpoġġew f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li jinsabu fiha dawk l-Istati Membri li ma qisux li tali rimedju kien neċessarju.

    50

    Għalhekk, l-Istat Membru li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ trasferiment, iddeċieda li jistabbilixxi rimedji ġudizzjarji li, skont il-każ, jkollhom effett sospensiv, u fejn, konsegwentement, it-terminu li huwa jkollu sabiex jipproċedi għad-deportazzjoni tal-applikant għal ażil, jiġi mnaqqas biż-żmien li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jagħtu deċiżjoni fuq il-mertu, isib ruħu f’sitwazzjoni skomda, sa fejn, fin-nuqqas li jasal sabiex jorganizza t-trasferiment tal-applikant għal ażil matul it-terminu qasir wisq li jissepara d-deċiżjoni fuq il-mertu tal-qorti mill-iskadenza tat-terminu għall-eżekuzzjoni ta’ trasferiment, huwa jidħol fir-riskju, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 343/2003, li jipprovdi li ladarba jiskadi t-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment, l-approvazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat Membru mitlub tiddekadi, li jkun maħtur, definittivament, bħala dak responsabbli mill-ipproċessar tal-applikazzjoni għal ażil.

    51

    Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003, li jistabbilixxu d-dekorrenza tat-terminu mogħti lil Stat Membru rikorrenti sabiex jipproċedi bit-trasferiment tal-applikant għal ażil, ma tistax twassal għal konklużjoni li, f’isem l-osservanza tad-dritt Komunitarju, l-Istat rikorrenti għandu jinjora l-effett sospensiv tad-deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja meħuda fil-kuntest ta’ rikors li jista’ jkollu tali effett, li madankollu huwa xtaq li jistabbilixxi fid-dritt intern tiegħu.

    52

    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-osservanza tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, għandu jiġi rrilevat li, jekk tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003 li tipprovdi li t-terminu għall- eżekuzzjoni tat-trasferiment jibda jiddekorri diġà b’effett mid-deċiżjoni provviżorja li jkollha effett sospensiv, il-qorti nazzjonali li tkun trid tirrikonċilja l-osservanza ta’ dan it-terminu ma’ dak ta’ deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja li jkollha effett sospensiv tkun mitluba li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-proċedura ta’ trasferiment qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu, permezz ta’ deċiżjoni li, skont il-każ, minħabba nuqqas ta’ żmien neċessarju mogħti lill-qrati, ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni b’mod ġust il-karattru kumpless tal-kawża. Kif jenfasizzaw korrettament ċerti Gvernijiet u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tali interpretazzjoni tmur kontra l-imsemmi prinċipju, kif stabbilit mill-ġurisprudenza Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero, C-13/01, Ġabra p. I-8679, punt 49, u tat-, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 39).

    53

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari hija li l-Artikolu 20(1)(d) u (2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru rikorrenti tipprovdi għall-effett sospensiv ta’ rikors, it-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment jibda jiddekorri, mhux b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja li tissospendi l-implementazzjoni tal-proċedura tat-trasferiment, iżda biss b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-proċedura u li ma tistax tostakola iżjed din l-implementazzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    54

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

     

    L-Artikolu 20(1)(d) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru rikorrenti tipprovdi għall-effett sospensiv ta’ rikors, it-terminu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment jibda jiddekorri, mhux b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja li tissospendi l-implementazzjoni tal-proċedura tat-trasferiment, iżda biss b’effett mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-proċedura u li ma tistax tostakola iżjed din l-implementazzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

    Fuq