EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0378

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-23 ta' April 2009.
Kiriaki Angelidaki et. vs Organismos Nomarchiakis Autodioikisis Rethymnis (C-378/07), Charikleia Giannoudi vs Dimos Geropotamou (C-379/07) u Georgios Karabousanos u Sofoklis Michopoulos vs Dimos Geropotamou (C-380/07).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Monomeles Protodikeio Rethymnis - il-Greċja.
Direttiva 1999/70/KE - Klawżoli 5 u 8 tal-Ftehim Qafas dwar kuntratti għal terminu fiss - Kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss fis-settur pubbliku - L-ewwel kuntratt jew kuntratt wieħed biss - Kuntratti suċċessivi - Miżuri legali ekwivalenti - Tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema - Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-abbuż - Sanzjonijiet - Projbizzjoni assoluta tal-bidla tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss f’kuntratti għal żmien indefinit fis-settur pubbliku - Konsegwenzi ta’ traspożizzjoni żbaljata ta’ direttiva - Interpretazzjoni konformi.
Każijiet Magħquda C-378/07 sa C-380/07.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:250

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

23 ta’ April 2009 ( *1 )

“Direttiva 1999/70/KE — Klawżoli 5 u 8 tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku — L-ewwel jew l-uniku kuntratt — Kuntratti suċċessivi — Miżuri legali ekwivalenti — Tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema — Miżuri intiżi li jipprevjenu l-abbużi — Sanzjonijiet — Projbizzjoni assoluta li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu f’kuntratti għal żmien indeterminat fis-settur pubbliku — Konsegwenzi ta’ traspożizzjoni żbaljata ta’ direttiva — Interpretazzjoni konformi”

Fil-Kawżi magħquda C-378/07 sa C-380/07,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Monomeles Protodikeio Rethymnis (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-19, 20 u 23 ta’ Lulju 2007, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Awwissu 2007, fil-proċeduri

Kiriaki Angelidaki (C-378/07),

Anastasia Aivali,

Aggeliki Vavouraki,

Chrysi Kaparou,

Manina Lioni,

Evaggelia Makrygiannaki,

Eleonora Nisanaki,

Christiana Panagiotou,

Anna Pitsidianaki,

Maria Chalkiadaki,

Chrysi Chalkiadaki

vs

Organismos Nomarchiakis Autodioikisis Rethymnis,

u

Charikleia Giannoudi (C-379/07),

Georgios Karabousanos (C-380/07),

Sofoklis Michopoulos

vs

Dimos Geropotamou,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. Angelidaki et, minn I. Koutsourakis, F. Dermitzaki u K. Tokatlidis, dikigoroi,

għall-Organismos Nomarchiakis Autodioikisis Rethymnis, minn M. Drymakis, dikigoros,

għal C. Giannoudi, minn I. Zouridis, F. Dermitzaki u K. Tokatlidis, dikigoroi,

għal G. Karabousanos u S. Michopoulos, minn I. Zouridis u M.-M. Tsipra, dikigoroi,

għal Dimos Geropotamou, minn N. Michelakis, dikigoros,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Samoni, E. Mamouna u M. Michelogiannaki, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Patakia u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-klawżoli 5(1) u (2) kif ukoll 8(3) tal-ftehim qafas dwar kuntratti għal terminu fiss [żmien determinat] konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jidher bħala anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn K. Angelidaki u tlettax-il impjegat ieħor kontra min iħaddimhom, rispettivament, l-Organismos Nomarchiakis Autodioikisis Rethymnis (amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Rethymnon) u l-Organismos Topikis Autodioikisis Rethymnis imsejjaħ “Dimos Geropotamou” (Muniċipalità ta’ Geropotamos), dwar il-kwalifika tal-kuntratti tax-xogħol li jorbtuhom ma’ dawn tal-aħħar u dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-imsemmija kuntratti.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Id-Direttiva 1999/70 hija bbażata fuq l-Artikolu 139(2) KE u skont l-Artikolu 1 tagħha, l-iskop tagħha huwa “li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas […] konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP)”.

4

Mill-premessi 3, 6, 7, 13 sa 15, u 17 tal-imsemmija Direttiva, kif ukoll mill-ewwel sat-tielet subparagrafi tal-Preambolu u mill-punti 3, 5 sa 8 u 10 tal-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali tal-ftehim qafas jirriżulta li:

il-kompletazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-għejxien u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea permezz ta’ approssimazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet waqt li jinżamm it-titjib, fir-rigward ta’ forom partikolari ta’ impjieg ta’ xort’oħra minn impjieg b’kuntratti mingħajr terminu determinat, sabiex jintlaħaq l-aħjar ekwilibriju bejn il-flessibbiltà tal-ħinijiet ta’ xogħol u s-sigurtà tal-ħaddiema;

dawn l-objettivi ma jistgħux jitwettqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, b’tali mod li kien ikkunsidrat ġust li tintuża miżura Komunitarja li torbot legalment, żviluppata permezz ta’ kollaborazzjoni fil-qrib mal-imsieħba soċjali rappreżentattivi;

il-partijiet għall-ftehim qafas jirrikonoxxu li, minn naħa, il-kuntratti għal żmien indeterminat huma, u jibqgħu jkunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg, peress illi jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u għat-titjib tax-xogħol tagħhom, imma li, min-naħa l-oħra, il-kuntratti ta’ xogħol għal terminu determinat jirrispondu, f’ċerti ċirkustanzi, għall-bżonnijiet kemm ta’ min jimpjega kif ukoll tal-ħaddiema;

dan il-ftehim qafas jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet minimi li jirrelataw għax-xogħol ta’ terminu determinat, billi jistabbilixxi, b’mod partikolari, kuntest ġenerali ddestinat sabiex jassigura l-ugwaljanza ta’ trattament għall-ħaddiema għal terminu determinat billi jipproteġihom kontra d-diskriminazzjoni kif ukoll sabiex jipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu determinat suċċessivi, filwaqt li jirreferi għall-Istati Membri u għall-imsieħba soċjali għad-definizzjoni tal-arranġamenti ddettaljati ta’ applikazzjoni tal-imsemmija prinċipji u preskrizzjonijiet, sabiex jieħu inkunsiderazzjoni r-realtajiet tas-sitwazzjonijiet speċifiċi nazzjonali, settorjali u staġonali;

kien permezz ta’ dan li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkunsidra li l-istrument xieraq għall-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim qafas huwa Direttiva, peress illi hija torbot l-Istati Membri għal dak li jikkonċerna r-riżultat li għandu jintlaħaq, imma tħallilhom l-għażla tal-forma u tal-mezzi;

fir-rigward b’mod iktar partikolari tat-termini użati fil-ftehim qafas, imma li mhumiex definiti fih b’mod speċifiku, id-Direttiva 1999/70 tippermetti lill-Istati Membri li jippreċiżawhom skont id-dritt u/jew il-prattika nazzjonali, bil-kundizzjoni li huma josservaw il-ftehim qafas, u

skont il-partijiet firmatarji tal-ftehim qafas, l-użu tal-kuntratti ta’ xogħol għal terminu determinat ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi, jikkostitwixxi mezz ta’ prevenzjoni tal-abbuż għad-dannu tal-ħaddiema.

5

Skont il-klawżola 1 tal-ftehim qafas:

“[…] l-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

a)

li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss [detreminat] billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

b)

li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

6

Il-klawżola 2 tal-ftehim qafas tipprovdi:

“1.

Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.

2.

L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jipprovdu li dan il-ftehim ma japplikax għal:

a)

relazzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u skemi ta’ apprendIstat tal-bidu;

b)

kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg li kienu konklużi fil-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ tal-pubbliku u ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid.”

7

Il-klawżola 3 tal-istess ftehim qafas tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem:

1.

‘ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]’ ifisser persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kundizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

2.

‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifisser ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit [indeterminat], fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika.”

8

Il-klawżola 4 tal-ftehim qafas tipprovdi:

“1.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

2.

Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.

[…]”

9

Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas tipprovdi:

“1.

Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat], wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit [indeterminat].”

10

Il-klawżola 8 tal-ftehim qafas tipprovdi:

“1.

L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għal ħaddiema milli kif stabbilit f’dan il-ftehim.

[…]

3.

L-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim m’għandhiex tikkostitwixxi bażijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam tal-ftehim.

[…]

5.

Il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ kwisjonijiet u lmenti ikkawżati mill-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim għandhom iseħħu skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kolletiv u l-prattika.

[…]”

11

Skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-10 ta’ Lulju 2001, jew għandhom jiżguraw li, sa dik id-data mill-inqas, l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji skond il-ftehim, u l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

L-Istati Membri għandhom massimu ta’ sena oħra, jekk neċessarju, u wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali, biex jieħdu kont tad-diffikultajiet speċjali jew implementazzjoni permezz ta’ ftehim kollettiv. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih b’dawn iċ-ċirkustanzi.”

12

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-leġiżlazzjoni intiża li tittrasponi d-Direttiva 1999/70

13

Il-Gvern Elleniku informa lill-Kummissjoni li huwa kellu l-intenzjoni li jagħmel użu mill-possibbiltà, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, għall-finijiet li jiddisponi minn terminu addizzjonali għall-bżonnijiet tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-Direttiva, liema terminu kien jiskadi fl-10 ta’ Lulju 2002 minħabba din il-proroga.

14

L-ewwel miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 fis-sistema legali Ellenika, jiġifieri d-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003, rigward dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ħaddiema reklutati fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (FEK A’ 77/2.4.2003) daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ April 2003. Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan id-digriet, dan japplika għall-ħaddiema impjegati fuq il-bażi ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat.

15

Sussegwentement, dan id-digriet ġie emendat permezz tad-Digriet Presidenzjali 180/2004 (FEK A’ 160/23.8.2004), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Awwissu 2004. L-Artikolu 2(1) tad-Digriet Presidenzjali 81/2003 ġie mibdul bit-test segwenti:

“[Id-digriet] japplika għall-ħaddiema impjegati fis-settur privat fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat.”

16

It-tieni miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 fis-sistema legali Ellenika daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2004. Fil-fatt, id-Digriet Presidenzjali 164/2004, li jipprovdi dispożizzjonijiet dwar il-ħaddiema reklutati fuq il-bażi ta’ kuntratti għal żmien determinat fis-settur pubbliku (FEK A’ 134/19.7.2004), ittraspona d-Direttiva 1999/70 fil-leġiżlazzjoni Ellenika applikabbli għall-persunal tal-Istat u tas-settur pubbliku f’sens wiesa’.

17

Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi Digriet Presidenzjali:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet japplikaw għall-persunal tas-settur pubbliku […] kif ukoll għall-persunal tal-impriżi komunali u muniċipali impjegat fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat jew fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ impriża jew ta’ kull forma oħra ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol li taħbi rabta ta’ subordinazzjoni.”

18

L-Artikolu 5 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 jipprovdi hekk:

“Kuntratti suċċessivi

1.   Huma projbiti l-kuntratti suċċessivi konklużi u eżegwiti bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess ħaddiem, fi speċjalità professjonali identika jew simili u taħt kundizzjonijiet ta’ xogħol identiċi jew simili, għal intervalli inferjuri għal tliet xhur.

2.   Bħala eċċezzjoni, il-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti hija leċita meta tkun iġġustifikata minħabba raġuni oġġettiva. Ikun hemm raġuni oġġettiva meta l-kuntratti li jsegwu l-kuntratt inizjali huma konklużi sabiex jirrispondu għall-bżonnijiet partikolari tal-istess tip direttament jew indirettament konnessi mal-forma, man-natura jew ma’ l-attività tal-impriża.

[…]

4.   Fl-ebda każ m’għandu jkun hemm iktar minn tliet kuntratti suċċessivi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 tal-Artikolu segwenti.”

19

L-Artikolu 6 tal-imsemmi digriet jipprovdi:

“Terminu massimu

1.   Il-kuntratti suċċessivi konklużi u eżegwiti bejn l-istess persuna li tħaddem u l-istess ħaddiem, fi speċjalità professjonali identika jew simili u taħt kundizzjonijiet ta’ xogħol identiċi jew simili, ma jistgħux jaqbżu terminu totali ta’ impjieg ta’ erbgħa u għoxrin xahar, kemm jekk ikunu konklużi skont l-artikolu preċedenti jew skont dispożizzjonijiet oħrajn fis-seħħ.

2.   Terminu totali ta’ impjieg li jaqbeż l-erbgħa u għoxrin xahar huwa awtorizzat biss fil-każ ta’ kategoriji ta’ ħaddiema speċjali minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom kif imsemmi fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ, bħal uffiċjali maniġerjali, ħaddiema reklutati fil-kuntest ta’ programmi speċifiċi ta’ riċerka jew ta’ programmi ssussidjati jew iffinanzjati, kif ukoll ħaddiema reklutati biex iwettqu inkarigi għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt ftehimiet ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.”

20

L-Artikolu 7 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004 jipprovdi:

“Sanzjonijiet għal ksur

1.   Kull kuntratt konkluż bi ksur tal-Artikoli 5 u 6 ta’ dan id-digriet huwa null ipso jure.

2.   Meta l-kuntatt null ikun ġie eżegwit, parzjalment jew fit-totalità tiegħu, il-ħaddiem għandu jitħallas l-ammonti dovuti; l-ammonti li jkunu tħallsu ma jistgħux jintalbu lura. Il-ħaddiem jista’ jitlob, bħala kumpens, l-ammont li kien ikollu dritt jirċievi ħaddiem ekwivalenti impjegat għal żmien indeterminat, f’każ li jintemm il-kuntratt tiegħu. Meta jkun hemm iktar minn kuntratt null wieħed, il-perijodu li jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal-kumpens huwa t-terminu totali tal-impjieg abbażi tal-kuntratti nulli. L-ammonti mħallsa minn min iħaddem lill-ħaddiem għandha tagħmel tajjeb għalihom il-parti responsabbli.

3.   Kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6 ta’ dan id-digriet huwa suġġett għal piena ta’ priġunerija […]. Meta r-reat ikun ġie mwettaq b’negliġenza, il-persuna responsabbli hija suġġetta għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sena. Barra minn hekk, dan il-ksur jikkostitwixxi offiża dixxiplinari serja.”

21

L-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004 jikkontjeni d-dispożizzjonijiet tranżitorji li ġejjin:

“1.   Kemm-il darba jkunu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet u jkunu għadhom applikabbli fil-mument ta’ dak id-dħul fis-seħħ, il-kuntratti suċċessivi skont l-Artikolu 5(1) minn issa ’l quddiem jinbidlu f’kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi stipulati iktar ’il quddiem jiġu ssodisfati:

a)

it-terminu totali tal-kuntratti suċċessivi jkun ekwivalenti għal mill-inqas 24 xahar qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, indipendentement min-numru ta’ tiġdidiet, jew jekk ikunu ġew imġedda għal mill-inqas 3 darbiet wara d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt inizjali skont l-Artikolu 5(1) [ta’ dan id-digriet] b’terminu ta’ impjieg totali ta’ mill-inqas 18-il xahar f’perijodu ta’ 24 xahar mill-kuntratt inizjali;

b)

it-terminu totali ta’ impjieg imsemmi fil-paragrafu a) jrid ikun sar mal-istess istituzzjoni, fl-istess kwalità jew fi kwalità simili, u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk fil-kuntratt ta’ impjieg inizjali, jew taħt kundizzjonijiet simili għal dawk stipulati fil-kuntratt inizjali; […]

ċ)

il-kuntratt irid ikollu bħala suġġett attivitajiet relatati direttament u immedjatament mal-bżonnijiet permanenti u fit-tul tal-istituzzjoni inkwistjoni, skont kif dawk il-bżonnijiet ikunu ddefiniti mill-interess pubbliku li bih tkun inkarigata dik l-istituzzjoni;

d)

it-terminu totali tal-impjieg għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet preċedenti jrid ikun tlesta fuq bażi full-time jew part-time u l-inkarigi mwettqa jridu jkunu identiċi jew simili għal dawk indikati fil-kuntratt inizjali. […]

2.   Sabiex jiġi kkonstatat jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, il-ħaddiem għandu jindirizza lill-korp kompetenti, f’terminu perentorju ta’ xahrejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, talba li telenka l-elementi li jippruvaw li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet imsemmija iktar’il fuq. L-opinjoni mmotivata li tevalwa, f’kull każ, jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, għandha tinħareġ mill-kunsill tal-promozzjonijiet jew minn korp ekwivalenti u, fin-nuqqas, il-kunsill amministrattiv jew il-korp ta’ direzzjoni — jew il-korp ekwivalenti skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ — tal-persuna ġuridika kkonċernata. Fir-rigward ta’ impriżi muniċipali jew komunali, il-korp kompetenti huwa neċessarjament il-kunsill muniċipali jew komunali tal-lokalità territorjali kkonċernata, li għandhom jaġixxu fuq rakkomandazzjoni tal-kunsill amministrattiv jew il-korp ta’ direzzjoni tal-impriża. Il-korp kompetenti msemmi hawn fuq għandu jevalwa barra minn hekk jekk hemmx kuntratti ta’ xogħlijiet jew kuntratti u relazzjonijiet oħrajn li fir-realtà huma relazzjoni ta’ impjieg. L-opinjoni tal-imsemmi korp kompetenti għandha tingħata sa mhux iktar tard minn ħames xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet.

3.   L-opinjonijiet, pożittivi jew negattivi, mogħtija b’mod konformi mal-paragrafu 2 mill-korpi kompetenti għandhom jintbagħtu minnufih lill-Kunsill Superjuri għall-Għażla tal-Persunal [Anotato Symvoulio Epilogis Prosopikou, iktar ’il quddiem, l-‘ASEP’], li għandu jagħti deċiżjoni fi żmien tliet xhur minn meta jirċevihom.

4.   Huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu l-ħaddiema tas-settur pubbliku […] kif ukoll il-ħaddiema tal-impriżi muniċipali […].

5.   Huma wkoll suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu l-kuntratti li kienu skadew matul it-tliet xhur li kienu ppreċedew id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet; dawn il-kuntratti huma kkunsidrati bħala kuntratti suċċessivi li baqgħu applikabbli sad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet. Il-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu għandha tiġi sodisfatta fid-data ta’ skadenza tal-kuntratt.

[…]”

Il-leġiżlazzjonijiet l-oħra rilevanti li jirrigwardaw il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.

— Id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali

22

L-Artikolu 103 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika jipprovdi hekk:

“[…]

2.   Ħadd ma jista’ jinħatar f’impjieg mal-Istat li mhuwiex previst mil-liġi. Liġi speċjali tista’ tipprevedi reklutaġġ bħala eċċezzjoni ta’ persunal bil-kuntratt taħt id-dritt privat għal żmien determinat, bil-għan li jiġu sodisfatti bżonnijiet imprevisti u urġenti.

[…]

8.   Il-liġi tiddefinixxi l-kundizzjonijiet u t-tul tar-relazzjonijiet ta’ impjieg taħt id-dritt privat mal-Istat u mas-settur pubbliku f’sens wiesa’, bħal dak definit f’kull każ, sabiex jiġu koperti […] bżonnijiet kemm provviżorji kif ukoll imprevisti u urġenti skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2. Il-liġi tistabbilixxi wkoll il-funzjonijiet li l-persunal imsemmi fis-subparagrafu preċedenti jistgħu jeżerċitaw. Huwa pprojbit li jiġi titolizzat b’mezzi leġiżlattivi persunal li jaqa’ taħt l-ewwel subparagrafu jew li l-kuntratti tagħhom jinbidlu f’kuntratti għal żmien indeterminat. Il-projbizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu jgħoddu wkoll għall-persuni impjegati permezz ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet.”

23

L-Artikolu 103(8) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika daħal fis-seħħ fis-7 ta’ April 2001, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70, iżda qabel l-iskadenza kemm tat-terminu normali tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-10 ta’ Lulju 2001, kif ukoll tat-terminu supplementari previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-10 ta’ Lulju 2002.

— Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi

24

L-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 dwar it-tmiem obbligatorju tal-kuntratt tax-xogħol tal-impjegati tas-settur privat (FEK B’ 11/18.3.1920) jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi japplikaw ukoll għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, meta dan iż-żmien ma jkunx iġġustifikat min-natura tal-kuntratt iżda jkun ġie ffissat intenzjonalment sabiex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi dwar it-terminazzjoni obbligatorja tal-kuntratti tax-xogħol.”

25

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta mill-Artikolu 8(3) tal-liġi 2112/1920, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza Ellenika, li kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat huwa kkunsidrat li huwa għal żmien indeterminat meta ebda raġuni oġġettiva ma tkun tiġġustifika l-limitazzjoni taż-żmien, li huwa l-każ meta kuntratt bħal dan ikun intiż sabiex jissodisfa bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ min iħaddem. Din id-dispożizzjoni tapplika mhux biss meta jkunu ġew konklużi numru ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, iżda wkoll fil-każ tal-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat.

26

Barra minn hekk, mill-atti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz ta’ sentenza 18/2006, l-Areios Pagos (Qorti tal-Kassazzjoni) ddeċidiet li l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 jammonta għal “miżuri legali ekwivalenti” skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, peress li dan jippermetti l-kwalifika mill-ġdid b’effett retroattiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, kemm fis-settur privat kif ukoll dak pubbliku, f’kuntratti għal żmien indeterminat, u dan minkejja l-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 103 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika, li kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jiġi ttrasformat b’mezz leġiżlattiv f’kutratt għal żmien indeterminat, peress li din il-projbizzjoni ma timpedixxix li tiġi rikonoxxuta n-natura reali ta’ kuntratt. Min-naħa l-oħra, permezz tas-sentenzi 19/2007 u 20/2007 tagħha, mogħtija fil-11 ta’ Ġunju 2007, l-Areios Pagos iddeċidiet li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma jistgħux, fid-dawl tal-imsemmi Artikolu 103, jiġu kkonvertiti f’kuntratti għal żmien indeterminat, anki jekk ikopru bżonnijiet permanenti u fit-tul.

27

L-Artikolu 21 tal-Liġi 2190/1994, li tistabbilixxi awtorità indipendenti responsabbli mill-għażla tal-persunal u milli tirregola l-kwistjonijiet amministrattivi (FEK A’ 28/3.3.1994) jipprovdi:

“1.   Is-servizzi pubbliċi u l-persuni ġuridiċi […] jistgħu jimpjegaw persunal fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol ta’ dritt privat għal żmien determinat, sabiex ilaħħqu mal-bżonnijiet staġjonali, perijodiċi jew provviżorji, fil-kundizzjonijiet u skont il-proċedura prevista iktar ’il quddiem.

2.   It-tul ta’ żmien ta’ impjieg tal-persunal imsemmi fil-paragrafu 1 ma jistax jaqbeż it-tmien xhur matul perijodu totali ta’ tnax-il xahar. Meta persunal ikun reklutat b’mod provviżorju sabiex jintlaħqu, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, bżonnijiet urġenti, minħabba n-nuqqas tal-persunal jew ta’ impjiegi vakanti, it-tul ta’ żmien ta’ impjieg ma jistax jaqbeż l-erba’ xhur għall-istess persuna. Il-proroga jew konklużjoni ta’ kuntratt ġdid matul l-istess sena, kif ukoll it-tibdil f’kuntratt għal żmien indeterminat huma nulli.”

28

L-Artikolu 6(1) tal-Liġi 2527/1997 jipprovdi li l-konklużjoni minn servizzi u persuni ġuridiċi fis-settur pubbliku ta’ kuntratti ta’ xogħol ma’ persuni fiżiċi jeħtieġ l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni ministerjali li għandha, b’mod partikolari, tindika li x-xogħol ma jinkludix funzjonijiet normali tal-aġenti tal-organizzazzjoni kkonċernata kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom ix-xogħol ma jistax jitwettaq mill-aġenti ta’ din l-organizzazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, kull kuntratt ta’ xogħol li jkopri bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ min iħaddem huwa ipso jure null fit-totalità tiegħu.

29

L-Artikolu 1 tal-Liġi 3250/2004 (FEK A’124/7.7.2004) jipprovdi hekk:

“1.   L-Istat, l-awtoritajiet lokali tal-ewwel u tat-tieni grad kif ukoll il-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku jistgħu jirreklutaw persunal permezz ta’ kuntratti tad-dritt privat għal żmien determinat u part-time, sabiex ilaħħqu mal-bżonnijiet tagħhom biex jipprovdu servizzi ta’ natura soċjali liċ-ċittadini.

2.   Ir-reklutaġġi msemmija hawn fuq huma intiżi esklużivament biex ilaħħqu ma’ bżonnijiet addizzjonali biex jiġu pprovduti servizzi liċ-ċittadini; dawn ma jaffettwawx l-istruttura tal-persunal titolari tal-entitajiet previsti fil-paragrafu preċedenti.

[…]”

30

L-Artikolu 2 ta’ din l-istess liġi jipprovdi:

“1.   Meta jsir reklutaġġ permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol taħt id-dritt privat għal żmien determinat u part-time, il-persuni reklutati jappartjenu għall-kategoriji soċjali u jissodisfaw il-kriterji tas-selezzjoni previsti fl-Artikolu 4.

2.   It-tul ta’ dan il-kuntratt ma jistax jeċċeddi perijodu ta’ tmintax-il xahar. Kuntratt ġdid jista’ jiġi konkluż mal-istess impjegat biss wara perijodu ta’ mill-inqas erba’ xhur wara l-iskadenza tal-kuntratt preċedenti. Iż-żmien tax-xogħol ta’ kull aġent kuntrattwali ma jistax jaqbeż għoxrin siegħa fil-ġimgħa.”

31

Skont l-Artikolu 3(1) tal-liġi msemmija:

“Huma kkunsidrati bħala servizzi ta’ natura soċjali dawk li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kura u l-assistenza fid-djar, il-ħarsien tal-bini tal-iskejjel, is-sigurtà fit-toroq tat-tfal tal-iskola, l-integrazzjoni soċjali tal-immigrati, il-bżonnijiet urġenti tal-protezzjoni ċivili, il-manifestazzjonijiet kulturali, ir-rispons għal emerġenzi ambjentali, l-informazzjoni tal-pubbliku, kif ukoll il-programmi ta’ natura soċjali ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C-378/07

32

Mid-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża jirriżulta li matul is-sena 2005, kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkluda mal-Organismos Nomarchiakis Autodioikisis Rethymnis, awtorità lokali li, skont id-dritt Elleniku, tifforma parti mis-settur pubbliku, kuntratt ta’ xogħol taħt id-dritt privat ta’ terminu ta’ 18-il xahar, li kien ikkwalifikat bħala kuntratt “għal żmien determinat u part-time” skont il-Liġi 3250/2004. L-ebda wieħed minn dawn il-kuntratti ma ġie estiż jew imġedded fit-tmiem tat-terminu tal-validità tiegħu.

33

Peress li qiesu li l-attività eżerċitata fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti kienet tissodisfa bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ min iħaddimhom, dawn ir-rikorrenti, fit-3 ta’ Novembru 2006, resqu quddiem il-Monomeles Protodikeio Rethymnis (Qorti Ċivili b’kompetenzi ġenerali b’Imħallef wieħed ta’ Rethymnon) sabiex tikkwalifika dawn il-kuntratti bħala kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat u tobbliga lill-awtorità lokali konvenuta fil-kawża prinċipali sabiex timpjeghom abbażi ta’ tali kuntratti.

34

F’dan ir-rigward, l-imsemmija rikorrenti jinvokaw l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 li, interpretat b’mod konformi mad-Direttiva 1999/70, jammonta, hekk kif kienet iddeċidiet l-Areios Pagos fis-sentenza tagħha 18/2006, għall-“miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas. L-Artikolu 103(8) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika ma jipprekludix dan, sa fejn il-projbizzjoni tat-trasformazzjoni, fis-settur pubbliku, ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat tapplika biss għall-kuntratti li jissodisfaw realment bżonn proviżorju, imprevist jew urġenti ta’ min iħaddem.

35

B’hekk, fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, bl-esklużjoni mill-protezzjoni kontra l-abbużi, prevista mid-Digriet Presidenzjali 164/2004, tal-persuni li kkonkludew kuntratt wieħed biss ta’ xogħol għal żmien determinat, il-leġiżlatur Elleniku għamilx traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 1999/70, sa fejn din l-esklużjoni tista’ tammonta, bi ksur tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, għal tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat, hekk kif ġie definit minn “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-klawżola 5(1) ta’ dan il-ftehim, l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 li japplika kemm għall-ewwel jew l-uniċi kuntratti kif ukoll għall-kuntratti suċċessivi.

36

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li din l-aħħar dispożizzjoni tista’ tiġi applikata għall-kawża prinċipali, din il-qorti tqis li barra minn hekk, minn naħa, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt nazzjonali jistax jiġi applikat b’tali mod li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jitqies bħala bbażat fuq raġuni oġġettiva meta dan ikun sar taħt liġi speċifika sabiex ikopri bżonnijiet speċjali, kumplementari, soċjali, urġenti u provviżorji filwaqt li, fir-realtà, dawn huma “permanenti u fit-tul”. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk is-setgħa tal-interpretazzjoni tal-qorti nazzjonali tistax f’dan ir-rigward tiġi limitata minn regola kostituzzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut, fis-settur pubbliku, it-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Monomeles Protodikeio Rethymnis iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-klawżola 5 u l-klawżola 8(1) u (3) tal-[ftehim qafas], li jagħmel parti mid-[Direttiva 1999/70], għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt Komunitarju jipprekludi (għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-imsemmi ftehim qafas) l-adozzjoni mill-Istat Membru ta’ miżuri, meta:

a)

qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, tkun teżisti diġà, fis-sistema legali interna, miżura legali ekwivalenti, skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas?

b)

il-miżuri adottati għall-implementazzjoni tal-ftehim qafas iwasslu għal tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat?

2)

Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, fil-każijiet fejn ma jeżistux diversi kuntratti suċċessivi, iżda kuntratt ta’ xogħol wieħed għal żmien determinat li fil-verità jkollu bħala għan li jimpjega lill-ħaddiem sabiex jiġu koperti mhux bżonnijiet provviżorji, eċċezzjonali jew urġenti ta’ min iħaddem, iżda fir-realtà bżonnijiet “permanenti u fit-tul”, it-tnaqqis tal-protezzjoni ggarantita hija marbuta mal-implementazzjoni tal-ftehim qafas u tal-imsemmija direttiva? Għaldaqsatant, tali tnaqqis fil-protezzjoni huwa pprojbit jew awtorizzat fir-rigward tad-dritt Komunitarju?

3)

Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, sa fejn kienet teżisti, qabel id-dħul fis-seħħ tad-[Direttiva 1999/70], miżura ekwivalenti skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħad-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920, l-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva minħabba l-implementazzjoni tal-ftehim qafas — bħall-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 li huwa d-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ — tikkostitwixxi tnaqqis mhux aċċettabbli fis-sistema legali interna tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat, skont il-klawżola 8(1) u (3) tal-ftehim qafas:

a)

meta din il-miżura leġiżlattiva ta’ implementazzjoni tal-ftehim qafas hija applikabbli biss għall-każijiet ta’ numru ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, bl-eċċezzjoni tal-każijiet ta’ aġenti kuntrattwali li jkunu kkonkludew kuntratt wieħed biss (u mhux numru ta’ kuntratti suċċessivi) għal żmien determinat sabiex ikopru l-bżonnijiet “permanenti u fit-tul” ta’ min iħaddem, filwaqt li l-miżura legali li diġà kienet teżisti tirrigwarda l-każijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kollha, inklużi dawk li fihom il-ħaddiema kienu kkonkludew kuntratt wieħed biss għal żmien determinat, iżda li fil-fatt kellha bħala għan li tkopri permezz tas-servizzi tal-ħaddiem bżonnijiet li mhumiex provviżorji, eċċezzjonali jew urġenti, iżda fir-realtà “permanenti u fit-tul”?

b)

meta l-imsemmija miżura leġiżlattiva ta’ implementazzjoni tal-ftehim qafas tipprevedi, bħala effett ġuridiku intiż sabiex jipproteġi lill-ħaddiema impjegati għal żmien determinat u sabiex isservi bħala prevenzjoni kontra l-abbużi, skont il-ftehim qafas, il-kwalifika mill-ġdid ex nunc tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, filwaqt li l-miżura legali li diġà kienet teżisti kienet tipprovdi l-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat mid-data inizjali tal-konklużjoni tagħhom (ex tunc)?

4)

Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, f’każ fejn kienet teżisti, qabel id-dħul fis-seħħ tad-[Direttiva 1999/70], miżura ekwivalenti skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920 li hija d-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ, minn naħa, l-għażla tal-leġiżlatur Grieg li jeskludi mill-protezzjoni tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 imsemmi iktar ’il fuq il-każijiet ta’ abbuż li fihom il-ħaddiem ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol wieħed biss għal żmien determinat, li madankollu huwa intiż fir-realtà sabiex ikopri bżonnijiet mhux provviżorji, eċċezzjonali jew urġenti, iżda fil-realtà “permanenti u fit-tul”, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-leġiżlatur Grieg naqas milli jadotta miżura simili, speċifika għal-tali każ u effiċjenti — li toħloq effetti ġuridiċi li jipproteġu lill-ħaddiema f’tali każ ta’ abbuż u li tmur lil hinn mill-protezzjoni ġeneralment prevista, fil-każ ta’ impjieg fil-kuntest ta’ kuntratt null, permezz tad-dritt komuni tax-xogħol tas-sistema legali Griega (mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-abbuż skont il-ftehim qafas) li permezz tiegħu l-ħaddiem jista’ jitlob il-ħlas tas-salarju tiegħu kif ukoll kumpens minħabba tkeċċija, kemm jekk il-kuntratt kien validu jew le — jikkostitwixxu tnaqqis mhux aċċettabbli fis-sistema legali interna tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat, skont il-klawżola 8(1) u (3) tal-ftehim qafas, b’kunsiderazzjoni tal-fatt:

a)

li l-obbligu li jitħallas is-salarju u l-kumpens, previst mid-dritt nazzjonali għal kull tip ta’ relazzjoni tax-xogħol mhuwiex intiż partikolarment sabiex jipprevjeni l-abbuż skont il-ftehim qafas, u

b)

li l-implementazzjoni tal-miżura legali ekwivalenti li diġà kienet teżisti għandha bħala effett ġuridiku l-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratt tax-xogħol wieħed biss għal żmien determinat bħala kuntratt għal żmien indeterminat?

5)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għad-domandi preċedenti, meta tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha fid-dawl tad-[Direttiva 1999/70], il-qorti nazzjonali għandha twarrab id-dispożizzjonijiet inkompatibbli magħha li kienu ġew adottati minħabba l-implementazzjoni tal-ftehim qafas, iżda li jagħtu lok għal tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni fid-dritt intern tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat — bħad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li jeskludu, b’mod impliċitu iżda ċar, mill-protezzjoni tagħhom, il-każijiet ta’ abbuż li fihom il-ħaddiema kkonkludew biss kuntratt wieħed għal żmien determinat, iżda li fil-fatt kellu bħala għan li jkopri permezz tas-servizzi tal-ħaddiem bżonnijiet mhux provviżorji, eċċezzjonali jew urġenti, iżda fir-realtà “permanenti u fit-tul” — u għandha tapplika minflok dawn, id-dispożizzjonijiet tal-miżura legali ekwivalenti nazzjonali li kienu diġà jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, bħad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920?

6)

Meta l-qorti nazzjonali tqis li għandha tapplika — bħala prinċipju — fir-rigward ta’ kawża fuq xogħol għal żmien determinat, dispożizzjoni (f’dan il-każ, l-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920) li tikkostitwixxi miżura legali ekwivalenti skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas u skont liema l-konstatazzjoni li kuntratt tax-xogħol, anki jekk wieħed biss, ġie konkluż għal żmien determinat mingħajr ma ġiet iġġustifikata minn raġuni oġġettiva relatata man-natura jew mal-karatteristiċi tal-kuntratt jew tal-attività, timplika l-kwalifika mill-ġdid ta’ dan il-kuntratt bħala kuntratt għal żmien indeterminat:

a)

interpretazzjoni u implementazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qorti nazzjonali skont liema l-fatt li l-konklużjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku kienet legalment ibbażata fuq liġi dwar ix-xogħol għal żmien determinat sabiex tkopri bżonnijiet soċjali speċjali, kumplimentari, urġenti jew provviżorji (f’dan il-każ, fuq il-Liġi 3250/2004), anki meta dawn il-bżonnijiet huma fir-realtà permanenti u fit-tul, tikkostitwixxi f’kull każ raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat, hija kumpatibbli mad-dritt Komunitarju?

b)

id-dritt Komunitarju jipprekludi interpretazzjoni u implementazzjoni tad-dritt nazzjonali min-naħa tal-qorti nazzjonali, li permezz tagħha dispożizzjoni li tipprojbixxi l-bdil ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi fis-settur pubbliku f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat għandu jiġi interpretat fis-sens li fis-settur pubbliku, il-bidla ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat hija totalment projbita, anki meta dan il-kuntratt ġie konkluż għal żmien determinat b’mod abbużiv (jiġifieri meta l-bżonnijiet li ġew sodisfatti kienu fir-realtà permanenti u fit-tul), u li f’tali każ, il-qorti nazzjonali ma tistax tevalwa n-natura reali tar-relazzjoni ta’ xogħol ikkontestata sabiex tikkwalifikaha korrettement bħala kuntratt għal żmien indeterminat? Jew il-projbizzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tkun limitata biss għall-kuntratti għal żmien determinat li ġew realment konklużi sabiex ikopru bżonnijiet provviżorji, mhux previsti, urġenti, eċċezzjonali jew simili, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti konklużi sabiex ikopru bżonnijiet li huma fil-fatt permanenti u fit-tul?”

Kawża C-379/07

38

Mill-atti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ta’ din il-kawża kkonkludiet mad-Dimos Geropotamou, awtorità lokali li tifforma parti mis-settur pubbliku taħt id-dritt Elleniku, tliet kuntratti għal żmien determinat suċċessivi li kienu kkwalifikati bħala “kuntratti ta’ xogħol” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Liġi 2527/1997. Dawn il-kuntratti kienu fis-seħħ, rispettivament, mill-1 ta’ Diċembru 2003 sat-30 ta’ Novembru 2004, mill-1 ta’ Diċembru 2004 sat-30 ta’ Novembru 2005 u mill-5 ta’ Diċembru 2005 sal-4 ta’ Diċembru 2006.

39

Peress li qieset li l-attività eżerċitata fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti kienet fil-fatt tissodisfa bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ min jimpjegaha, fl-10 ta’ Novembru 2006, din ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Monomeles Protodikeio Rethymnis, sabiex dawn il-kuntratti jiġu kkwalifikati bħala kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat u sabiex id-Dimos Geropotamou tiġi obbligata timpjegaha abbażi ta’ dawn il-kuntratti.

40

Peress li r-rikorrenti msemmija tinvoka l-istess argumenti bħal dawk imressqa mir-rirkorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C-378/07, li saret referenza għalihom fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fid-deċiżjoni tagħha, jekk id-Digriet Presidenzjali 164/2004 jikkostitwixxix ukoll tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat, hekk kif definit mill-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, għall-motivi segwenti:

minn naħa, fir-rigward tal-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li abbażi ta’ dispożizzjoni tranżitorja jippermetti l-bidla ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu rationae temporis huwa limitat biss għal ċerti kuntratti eżistenti jew skaduti, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kumulattivi tiegħu huma iktar stretti fir-rigward tat-tul tal-perijodu li jissepara żewġ kuntratti u fir-rigward tat-terminu totali minimu tal-kuntratti u, fl-aħħar, l-imsemmija trasformazzjoni sseħħ mingħajr effett retroattiv, u

min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li abbażi ta’ dispożizzjoni permanenti jipprevedi l-ħlas tas-salarju u ta’ kumpens għat-tkeċċija, jimponi sanzjonijiet identiċi għal dawk previsti mid-dritt komuni tax-xogħol minbarra f’każ ta’ abbuż mingħajr ma jippermetti l-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat.

41

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 jista’ jiġi applikat għall-kawża prinċipali, din il-qorti tqajjem l-istess domandi bħal dawk imressqa fil-kawża C-378/07, li saret referenza għalihom fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, dwar il-kunċett ta’ “raġuni oġġettiva” u l-effett fuq is-setgħat tal-qorti nazzjonali tal-projbizzjoni assoluta li fis-settur pubbliku, il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jiġu ttrasformati f’kuntratti għal żmien indeterminat.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Monomeles Protodikeio Rethymnis iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-klawżola 5 u l-klawżola 8(1) u (3) tal-[ftehim qafas], li jagħmel parti mid-[Direttiva 1999/70] għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt Komunitarju jipprekludi (għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-imsemmi ftehim qafas) l-adozzjoni mill-Istat Membru ta’ miżuri, meta:

a)

qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva, tkun teżisti diġà, fis-sistema legali interna, miżura legali ekwivalenti, skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas?

b)

il-miżuri adottati għall-implementazzjoni tal-ftehim qafas iwasslu għal tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat?

2)

F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, sa fejn qabel id-dħul fis-seħħ tad-[Direttiva 1999/70] kienet teżisti, fis-sistema legali nazzjonali, miżura ekwivalenti skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħad-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, għandu jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv sabiex jiġi implementat il-Ftehim qafas — bħad-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ tal-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004 — tikkostitwixxi tnaqqis inaċċettabbli fis-sistema legali nazzjonali tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat, skont il-Klawżola 8(1) u (3) tal-ftehim qafas:

a)

meta l-imsemmija miżura leġiżlattiva ta’ implementazzjoni tal-ftehim qafas tiġi adottata wara li jkun skada t-terminu għat-traspożizzjoni tad-[Direttiva 1999/70], iżda li ratione temporis tapplika biss għall-kuntratti u għar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat li kienu validi qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura jew li kienu skadew f’perijodu determinat qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura, iżda wara d-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, filwaqt li l-applikazzjoni tal-miżura legali ekwivalenti li kienet diġà teżisti mhiex limitata fiż-żmien u tirrigwarda l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat kollha konlużi, validi jew li jkunu skadew, meta daħlet fis-seħħ din id-direttiva u meta jkun skada t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha?

b)

meta fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija miżura leġiżlattiva jidħlu biss il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat li, sabiex jitqiesu bħala suċċessivi, għandhom b’mod kumulattiv: i) ma jkunux separati minn intervalli li jeċċedu t-tliet xhur u ii) jkollhom terminu totali ta’ mill-inqas erba’ u għoxrin xahar qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura msemmija, indipendentement min-numru ta’ tiġdidiet kuntrattwali, jew li qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura msemmija kellhom terminu ta’ mill-inqas tmintax-il xahar fuq total ta’ erba’ u għoxrin, bil-kundizzjoni li l-kuntratt ikun iġġedded mill-inqas tliet darbiet, minbarra l-kuntratt inizjali, filwaqt li l-miżura legali ekwivalenti li kienet diġà teżisti ma tkunx timponi tali kundizzjonijiet, iżda tapplika għall-kuntratti ta’ xogħol kollha (suċċessivi) għal żmien determinat, indipendentement mit-tul ta’ żmien minimu ta’ impjieg u min-numru minimu ta’ tiġdidiet?

ċ)

meta l-imsemmija miżura leġiżlattiva li timplementa l-Ftehim qafas, sabiex tipproteġi lill-ħaddiema impjegati part-time u sabiex tipprevjeni l-abbuż skont il-ftehim qafas, toħloq il-konsegwenza legali li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat jiġu kkwalifikati bħala kuntratti għal żmien indeterminat ex nunc, filwaqt li l-miżura legali ekwivalenti li kienet diġà teżisti tipprevedi li din il-kwalifika mill-ġdid għandha ssir b’mod retroattiv (ex tunc)?

3)

F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, sa fejn qabel id-dħul fis-seħħ tad-[Direttiva 1999/70] kienet teżisti miżura ekwivalenti skont il-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħad-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ tal-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920, l-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva għall-implementazzjoni tal-ftehim qafas bħad-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ tal-Artikolu 7 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 — li bħala l-unika protezzjoni kontra l-abbuż tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat timponi fuq min iħaddem l-obbligu li jħallas il-pagi u kumpens għat-tkeċċija mix-xogħol, f’każ ta’ impjieg abbużiv permezz ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi — tikkostitwixxi tnaqqis inaċċettabbli, fis-sistema legali interna, tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat, skont il-Klawżola 8(1) u (3) tal-ftehim qafas, fid-dawl tal-fatt:

a)

li l-obbligu ta’ min iħaddem li jħallas il-pagi u kumpens għat-tkeċċija mix-xogħol huwa previst mid-dritt nazzjonali għall-każijiet kollha ta’ relazzjoni ta’ xogħol u mhuwiex speċifikatament intiż sabiex jipprevjeni l-abbuż fis-sens tal-ftehim qafas; u

b)

li l-applikazzjoni tal-miżura legali ekwivalenti li kienet diġà teżisti għandha bħala konsegwenza legali li l-kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat jiġu kkwalifikati mill-ġdid bħala kuntratti għal żmien indeterminat?

4)

Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domandi preċedenti, meta tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha fid-dawl tad-[Direttiva 1999/70], il-Qorti nazzjonali għandha teskludi d-dispożizzjonijiet li ma jkunux kumpatibbli mad-Direttiva li jkunu ġew adottati minħabba l-implementazzjoni tal-ftehim qafas, iżda li jwasslu għal tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni fid-dritt nazzjonali tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat — bħad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7 u 11 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004 — u tapplika, minflok dawn, id-dispożizzjonijiet tal-miżura legali ekwivalenti nazzjonali li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, bħad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920?

5)

Meta l-qorti nazzjonali kompetenti tiddeċiedi li — bħala prinċipju — f’kawża dwar impjieg għal żmien determinat, tkun applikabbli, dispożizzjoni (f’dan il-każ l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920) li tikkostitwixxi miżura legali ekwivalenti skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas u li abbażi tagħha l-konstatazzjoni li xi kuntratti ta’ xogħol ġew konklużi għal żmien determinat mingħajr ma jkunu ġġustifikati minn xi raġuni oġġettiva li tirrigwarda n-natura jew il-karatteristiċi tal-kuntratt jew l-attività, jimplika l-kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-kuntratt f’kuntratt għal żmien indeterminat:

a)

interpretazzjoni u implementazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qorti nazzjonali bis-saħħa ta’ liema l-fatt li l-konklużjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku kien legalment ibbażat fuq liġi li tirrigwarda l-impjieg għal żmien determinat sabiex jiġu koperti bżonnijiet soċjali speċjali, kumplimentari, urġenti jew provviżorji, anki meta dawn il-bżonnijiet ikunu fir-realità “permanenti u dewwiema”, jikkostitwixxu f’kull każ raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat, hija kumpatibbli mad-dritt Komunitarju?

b)

id-dritt Komunitarju jipprekludi interpretazzjoni u implementazzjoni tad-dritt nazzjonali min-naħa tal-qorti nazzjonali, bis-saħħa ta’ liema dispożizzjoni li tipprojbixxi li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi fis-settur pubbliku jinbidlu f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat tiġi interpretata fis-sens li, fis-settur pubbliku, it-tibdil ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat hija totalment ipprojbita, anki meta dan il-kuntratt ikun ġie konkluż għal żmien determinat b’mod abbużiv (jiġifieri meta l-bżonnijiet li ġew sodisfatti kienu fir-realtà permanenti u dewwiema), u li f’tali każ, il-qorti nazzjonali ma tistax tevalwa iktar in-natura reali tar-relazzjoni ta’ xogħol ikkontestata sabiex tipproċedi għall-kwalifika korretta tagħha bħala kuntratt għal żmien indeterminat? Jew inkella, il-projbizzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tillimita ruħha biss għall-kuntratti għal żmien determinat li jkunu ġew realment konklużi sabiex ikopru bżonnijiet proviżorji, mhux previsti, urġenti, eċċezzjonali jew simili, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti konklużi sabiex ikopru bżonnijiet li fil-fatt huma permanenti u dewwiema?”

Kawża C-380/07

43

Mill-atti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal din il-kawża kkonkludew, mad-Dimos Geropotamou, kif ukoll mal-persuna ġuridika taħt id-dritt privat magħrufa bħala “O Geropotamos”, impriża muniċipali, tliet kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, fejn l-ewwel wieħed, li jikkwalifika bħala “kuntratt ta’ xogħol” skont il-Liġi 2190/1994, kien japplika mill-1 ta’ Lulju 2004 sal-1 ta’ Diċembru 2004 u tnejn sussegwenti, li jikkwalifikaw bħala “kuntratti ta’ xogħolijiet” skont l-Artikolu 6 tal-Liġi 2527/1997, kienu rispettivament japplikaw mid-29 ta’ Diċembru 2004 sat-28 ta’ Diċembru 2005 u mit-30 ta’ Diċembru 2005 sad-29 ta’ Diċembru 2006.

44

Peress li fl-10 ta’ Novembru 2006 tressqet kawża essenzjalment identika għall-Kawża C-379/07, il-Monomeles Protodikeio Rethymnis iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istess domandi preliminari bħal dawk li saru f’din l-aħħar kawża.

45

Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Novembru 2007, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad dawn it-tliet kawżi għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

46

Bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kkontestaw, jew poġġew fid-dubju b’diversi modi, in-natura rilevanti tad-domandi magħmula, u b’hekk, l-ammissibbiltà tagħhom.

47

Fl-ewwel lok, il-Gvern Elleniku jqis li l-interpretazzjoni mfittxija għall-klawżoli 5(1) u 8(3) tal-ftehim qafas mgħandhiex rabta mal-kawżi prinċipali. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat b’mod żbaljat u, b’hekk, b’mod ipotetiku li l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 jikkostitwixxi kuntest leġiżlattiv alternattiv ta’ implementazzjoni tal-imsemmi ftehim qafas. Issa, din il-liġi, b’mod partikolari bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 103(8) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika u 21 tal-Liġi 2190/1994, ma tapplikax għas-settur pubbliku, hekk kif jenfasizzaw ukoll b’ċerta qawwa l-konvenuti fil-kawża prinċipali. Wara kollox, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 ġiet ikkonfermata mis-sentenzi 19/2007 u 20/2007 tal-Areios Pagos. Barra minn hekk, mingħajr ma titqiegħed indiskussjoni b’mod espliċitu l-ammissibbiltà tad-domandi li saru, il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jikkontestaw ukoll, skont il-każ, li din id-dispożizzjoni kienet għadha fis-seħħ fl-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 u li hija tippermetti l-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratti inkwistjoni f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mhix responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, tiddeċiedi fuq l-interpretazzoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta. Fil-fatt, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati Komunitarju u nazzjonali, il-kuntest fattwali u regolatorju li jidħlu fih id-domandi preliminari, hekk kif definit mid-deċiżjoni tar-rinviju (ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42; tal-14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C-244/06, Ġabra p. I-505, punt 19, u tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra, C-330/07, Ġabra p. I-9099, punt 17; ara wkoll f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Ġunju 2008, Vassilakis et, C-364/07, punti 134 u 143).

49

Issa, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, jekk it-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 permezz tad-Digriet Presidenzjali 164/2004, sa fejn din teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha lill-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u ma tippermettix li, fis-settur pubbliku, kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jiġu kwalifikati mill-ġdid f’kuntratti għal żmien indeterminat jew tissuġġetta lil din il-kwalifika għal kundizzjonijiet restrittivi, tammontax għal “tnaqqis” fis-sens tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, meta mqabbel mal-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920. Għal dan il-għan, hija tikkunsidra b’mod espliċitu, billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza nazzjonali, li din l-aħħar dispożizzjoni tapplika għas-settur pubbliku u, konsegwentement, hija tibbaża ruħha fuq il-premessa li tgħid li d-dispożizzjoni msemmija, minn naħa, kienet fis-seħħ matul it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 u, min-naħa l-oħra, kienet tippermetti tali kwalifika mill-ġdid.

50

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali tnaqqis jista’ biss jiġi kkunsidrat jekk, hekk kif osservat il-Kummissjoni u hekk kif tissuponi l-qorti tar-rinviju, l-imsemmi Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, għalkemm għadu fis-seħħ, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma japplikax b’mod parallel mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet il-Ftehim qafas, kemm jekk minħabba, per eżempju, il-fatt stess tal-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni sussegwenti, tal-emenda tal-Artikolu 103(8) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika jew tat-tibdil fil-ġurisprudenza mwettaq mill-Areios Pagos fis-sentenzi tagħha 19/2007 u 20/2007 dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 8(3).

51

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, ikun xi jkun in-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u l-kritiki li saru kontra dak li ntqal mill-qorti tar-rinviju, l-eżami ta’ dawn id-domandi għandu jsir fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li saret minn din tal-aħħar. B’hekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Elleniku fuq dan il-punt għandha tiġi miċħuda.

52

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li t-tielet sas-sitt domandi magħmula fil-Kawża C-378/07 huma mingħajr skop. Fil-fatt, mis-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981, punti 41 sa 43), hekk kif josservaw ukoll il-Gvern Elleniku u l-Gvern Taljan, jirriżulta li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas għandu biss l-għan li jipprekludi l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi u b’hekk ma tapplikax meta l-kuntratt inkwistjoni jkun l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn il-partijiet.

53

Din l-oġġezzjoni ma tistax tiġi milqugħa.

54

Fil-fatt, id-domandi msemmija iktar ’il fuq, li jirrigwardaw mhux il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, iżda l-klawżola 8(3) tiegħu, huma essenzjalment intiżi sabiex jistabbilixxu jekk it-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 mid-Digriet Presidenzjali 164/2004 tammontax għal “tnaqqis” fis-sens ta’ din l-aħħar klawżola, f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ protezzjoni mogħti mill-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 lill-ħaddiema li kkonkludew kuntratt wieħed biss ta’ xogħol għal żmien determinat u, fl-affermattiv, sabiex jiġu ppreċiżati l-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan għall-kawżi prinċipali.

55

Issa, dawn id-domandi bl-ebda mod ma huma mingħajr skop, iżda jqajmu, b’mod partikolari, l-punt dwar jekk, hekk kif isostnu l-Gvern Elleniku u l-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni, il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas hijiex inapplikabbli meta jkun ġie konkluż kuntratt wieħed biss ta’ xogħol għal żmien determinat.

56

Barra minn hekk, f’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li fis-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ddeċidiet fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, li l-interpretazzjoni tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas kienet irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża li kellha quddiema l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża peress li din kienet tikkonċerna l-ewwel u l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, irrispondiet, fil-punti 44 sa 54 tal-imsemmija sentenza, għad-domanda supplementari li kienet ippreżentata lilha minn din il-qorti fil-kuntest ta’ din il-kawża rigward l-interpretazzjoni tal-klawżola 8(3) ta’ dan il-ftehim.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li t-tielet sas-sitt domandi tal-Kawża C-378/07 jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, u peress li din ma tidhirx b’mod manifest li hija mingħajr rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi li jinsabu quddiem il-qorti tar-rinviju, li evidentement mhumiex ta’ natura ipotetika, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta, skont ġurisprudenza kostanti, li tirrispondi għal dawn id-domandi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punti 41 u 42, u tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C-238/05, Ġabra p. I-11125, punti 15 sa 17, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 42 sa 44).

58

Fit-tielet lok, il-Gvern Taljan isostni li t-tieni domanda preliminari magħmula fil-kawżi C-379/07 u C-380/07 hija inammissibbli, peress li d-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li huma s-suġġett ta’ din id-domanda, ma japplikawx għall-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li dawn jiffurmaw parti, bil-kontra, mis-sistema ġenerali stabbilita mill-Artikoli 5 sa 7 tal-imsemmi digriet. B’hekk, din id-domanda mgħandha l-ebda rabta mal-kawżi prinċipali.

59

Din l-oġġezzjoni lanqas ma tista’ tiġi aċċettata. Fil-fatt, peress li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, matul id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali 164/2004, jiġifieri fid-19 ta’ Lulju 2004, il-kuntratti għal żmien determinat inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’dawn il-kawżi kienu għadhom fis-seħħ, l-imsemmija kuntratti kienu jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 ta’ dan id-digriet.

60

Ċertament, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju f’dawn il-kawżi jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni sabiex il-kuntratti tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkwalifikati mill-ġdid bħala kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

61

Madankollu, permezz tat-tieni domanda tagħha fil-kawżi msemmija, il-qorti tar-rinviju trid preċiżament tistabbilixxi jekk dawn il-kundizzjonijiet, li wasslu għall-esklużjoni tal-imsemmija kuntratti mis-sistema tranżitorja stabbilita mill-Artikolu 11 tad-Digriet 164/2004 jammontawx għal “tnaqqis” fis-sens tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, b’tali mod li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’dawn il-kawżi jistgħu jiksbu mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim qafas id-dritt li jiksbu l-kwalifika mill-ġdid ta’ dawn il-kuntratti f’kuntratti għal żmien indeterminat, hekk kif kien previst, skont dawn, permezz ta’ “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-klawżola 5(1) ta’ dan il-ftehim, jiġifieri l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920.

62

Konsegwentement, u hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju għat-tieni domanda fil-kawżi C-379/07 u C-380/07 mgħandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju, li evidentement mhumiex ta’ natura ipotetika.

63

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, id-domandi li saru għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli.

Fuq il-mertu

64

Permezz tal-ewwel grupp ta’ domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi għall-interpretazzjoni tal-klawżoli 5(1) u 8(3) tal-ftehim qafas, bil-għan li jiġi evalwat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux lil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari lid-Digriet Presidenzjali 164/2004 adottat b’mod speċifiku sabiex dan il-Ftehim qafas jiġi traspost fis-settur pubbliku. Għal dan il-għan, din il-qorti tqajjem domandi fuq dawn il-punti li ġejjin:

fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-miżuri preventivi tal-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi previsti fil-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, fuq is-setgħa diskrezzjonali li jgawdu l-Istati Membri sabiex jittrasponu din il-klawżola meta jeżistu diġà fid-dritt intern “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-klawżola msemmija (l-ewwel domandi fil-kawżi C-378/07 sa C-380/07) u fuq il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” skont din il-klawżola [sitt domanda taħt (a) fil-kawża C-378/07 u l-ħames domanda taħt (a) fil-kawżi C-379/07 u C-380/07];

fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “tnaqqis” fis-sens tal-klawżola 8(3) tal-imsemmi ftehim, jekk l-imsemmija klawżola tapplika għall-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat (it-tieni domanda fil-Kawża C-378/07) u tipprekludi emendi li saru mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni meta pparagunat mad-dritt intern preeżistenti (it-tielet u r-raba’ domandi fil-kawża C-378/07, kif ukoll it-tieni u t-tielet domandi fil-kawżi C-379/07 u C-380/07), u

fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda s-sanzjonijiet fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, jekk il-Ftehim qafas jipprekludix il-projbizzjoni assoluta, fis-settur pubbliku, tat-trasformazzjoni ta’ dawn il-kuntratti f’kuntratti għal żmien indeterminat [is-sitt domanda taħt (b) fil-Kawża C-378/07 u l-ħames domanda taħt (b) fil-kawżi C-379/07 u C-380/07].

65

Barra minn hekk, permezz tal-aħħar domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tippreċiża l-konsegwenzi li jirriżultaw, għall-qrati nazzjonali, minn inkompatibbiltà tad-Digriet Presidenzjali 164/2004 meta pparagunat mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim qafas (il-ħames domanda fil-kawża C-378/07 kif ukoll ir-raba’ domanda fil-kawżi C-379/07 u C-380/07).

66

Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fl-ordni ddefinit fil-punti 64 u 65, filwaqt li jiġi ppreċiżat mill-bidu li, sa fejn din il-qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tad-Digriet Presidenzjali 164/2004 mal-Ftehim qafas, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE, mhix ir-responsabbiltà ta’ din li tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni relatati ma’ din il-liġi li jistgħu jippermettulha li tevalwa din il-kompatibbiltà għal ġudizzju tal-kawżi li għandha quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana, C-145/06 u C-146/06, Ġabra p. I-5869, punt 30).

Fuq il-miżuri preventivi tal-abbuż fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas

— Fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri meta jkunu jeżistu “miżuri legali ekwivalenti” fid-dritt intern

67

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas għandiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li, sabiex titrasponi speċifikament id-Direttiva 1999/70 bil-għan li tapplika d-dispożizzjonijiet tagħha fis-settur pubbliku, tipprevedi l-implementazzjoni tal-miżuri preventivi tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi msemmija fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, meta fid-dritt intern diġà jkunu jeżistu “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-imsemmija klawżola, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920.

68

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, li għandha l-għan li tistabbilixxi s-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri sabiex jittrasponu l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, għandha l-ewwel nett tiġi ppreċiżata l-portata tal-kunċett ta’ “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens ta’ din il-klawżola.

69

Kemm il-Gvern Elleniku kif ukoll il-Kummissjoni josservaw li l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 ma jammontax għal tali miżura peress li l-għan tiegħu huwa differenti minn dak tal-imsemmija klawżola. Fil-fatt, din il-liġi, li tirrigwarda t-tmiem tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, ma tinkludix dispożizzjonijiet li għandhom bħala għan il-prevenzjoni tal-konklużjoni abbużiva ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, iżda tippermetti biss li tiġi rrikonoxxuta n-natura ta’ kuntratt bħala kuntratt għal żmien indeterminat fil-kuntest tat-tmiem tiegħu. F’kull każ, skont il-Gvern Elleniku, il-possibbiltà li kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jiġi kkwalifikat mill-ġdid f’kuntratt għal żmien indeterminat ma jkollha l-ebda effett dissważiv fuq il-konklużjoni ta’ kuntratti suċċessivi fis-settur pubbliku, peress li l-konsegwenzi finanzjarji ta’ tali kwalifika mill-ġdid jiġu assunti mill-kollettività kollha u mhux neċessarjament, kutrarjament għas-sitwazzjoni fis-settur privat, mill-persuna li tħaddem ikkonċernata.

70

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li għalkemm, hekk kif ġie mfakkar fil-punti 48 sa 51 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali, jiġifieri, fil-każ preżenti, l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 u li, b’hekk, sabiex tingħata risposta għad-domandi li saru, għandu jiġi ammess li din id-dispożizzjoni, hekk kif ikkonstatat l-imsemmija qorti, tippermetti l-kwalifika mill-ġdid fis-settur pubbliku ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat, xorta jibqa’ l-fatt li l-kunċett ta’ “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, kunċett tad-dritt Komunitarju li għandu jirċievi interpretazzjoni uniformi f’kull Stat Membru.

71

Huwa ċertament eżatt f’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, li l-Ftehim qafas iħalli lill-Istati Membri kif ukoll lill-imsieħba soċjali l-kompitu li jiddefinixxu l-metodi detaljati ta’ implementazzjoni tal-prinċipji u tar-regoli li huwa jistabbilixxi, sabiex jigarantixxu l-konformità tagħhom mad-dritt u/jew mal-prattiċi nazzjonali u sabiex jiġi ggarantit li jkunu debitament ikkunsidrati d-dettalji tas-sitwazzjonijiet konkreti (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 87).

72

Madankollu, sakemm, skont il-premessa 17 tad-Direttiva 1999/70, f’dan ir-rigward il-Ftehim qafas ma jħallix f’idejn l-Istati Membri, il-kontenut tal-imsemmija prinċipji u regoli ma jistgħux ivarjaw skont id-dritt nazzjonali tagħhom peress li, skont il-premessa 14 tal-imsemmija direttiva u l-preambolu tal-imsemmi ftehim qafas, dan għandu bħala għan li jistabbilixxi fil-livell Komunitarju qafas ġenerali għall-użu tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.

73

F’dan il-każ, peress li l-kunċett ta’ “miżuri legali ekwivalenti” mhuwiex definit mill-Ftehim qafas, għandu jiġi osservat li fin-nuqqas ta’ referenza għal-liġi tal-Istati Membri, il-klawżola 5(1) ta’ dan il-ftehim għandha bħala għan li timplementa wieħed mill-għanijiet imħaddna minn dan il-ftehim, jiġifieri li tidentifika l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, ikkunsidrat bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jiġu stabbiliti ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni minima intiżi sabiex tiġi evitata l-inċertezza tas-sitwazzjoni tal-impjegati (ara s-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 84).

74

B’hekk, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas timponi fuq l-Istati Membri, bil-għan li ssir “prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien fiss [determinat]”, li tiġi adottata miżura jew miżuri stabbiliti minnha, meta d-dritt intern tagħhom ma jinkludix “miżuri legali ekwivalenti” bil-għan li jiġu pprevenuti tali abbużi. Il-miżuri stabbiliti b’dan il-mod fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jammontaw għal tlieta, jitrattaw rispettivament, ir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol, it-terminu massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi u n-numru ta’ tiġdid ta’ dawn (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 69, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 80).

75

Mill-kliem stess użat fl-imsemmija klawżola jirriżulta b’mod inekwivoku li l-miżuri differenti previsti minnha huma maħsuba bħala “ekwivalenti” (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).

76

Konsegwentement, jirriżulta li, permezz tal-espressjoni “miżuri legali ekwivalenti”, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas għandha l-effett li tkopri kull miżura tad-dritt nazzjonali li, bħal fil-każ tal-miżuri stabbiliti mill-imsemmija klawżola, għandha bħala effett li tipprevjeni b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

77

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li l-miżura tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 f’dan il-każ, ma tipprovdix il-miżuri partikolari stabbiliti fil-klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tal-ftehim qafas jew li hija ma ġietx adottata speċifikament sabiex tipproteġi lill-ħaddiema kontra l-abbużi fil-qasam ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jew inkella li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jkunx limitat għal dawn il-kuntratti biss. Fil-fatt, peress li dan l-artikolu jista’, skont il-każ, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt intern, jikkontribwixxi wkoll għal prevenzjoni effettiva tal-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, dan għandu jitqies bħala ekwivalenti għall-miżuri elenkati fil-klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tal-ftehim qafas.

78

Għaldaqstant, fil-kawżi prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn il-possibbiltà, skont hi prevista fl-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, li fis-settur pubbliku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jiġi kkwalifikat mill-ġdid f’kuntratt għal żmien indeterminat, meta fir-realtà dan ikun ikopri bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ min iħaddem, tista’ tikkontribwixxi għal tali prevenzjoni effettiva tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Fis-sitwazzjoni fejn l-imsemmija qorti tasal għall-konklużjoni li din id-dispożizzjoni għandha tali effett, din id-dispożizzjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas.

79

Imbagħad, fir-rigward tal-punt jekk, f’każ bħal dan, l-eżistenza ta’ “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens ta’ din il-klawżola tostakolax l-adozzjoni mill-Istat Membru kkonċernat ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħad-Digriet Presidenzjali 164/2004, tipprovdi fl-Artikoli 5 sa 7 u 11 tagħha, sabiex titrasponi d-Direttiva 1999/70, miżuri speċifiċi li għandhom l-għan li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, għandu jitfakkar li, billi tippreskrivi l-adozzjoni effettiva u limitata ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li hija telenka u li għandha l-għan li tipprevjeni l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu limitata suċċessivi meta d-dritt nazzjonali ma jkunx diġà jinkludi miżuri legali ekwivalenti, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas tassenja għan ġenerali lill-Istati Membri, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbużi, filwaqt li tħalli f’idejhom l-għażla tal-mezzi sabiex jaslu għal dan (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Isegwi li bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jibbenefikaw minn setgħa diskrezzjonali sabiex jilħqu dan l-għan, madankollu bil-kundizzjoni li jigarantixxu r-riżultat impost mid-dritt Komunitarju, hekk kif dan jirriżulta mhux biss mit-tielet sub-paragrafu tal-Artikolu 249 KE, iżda wkoll mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, moqri fid-dawl tal-premessa 17 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 87).

81

Konsegwentement, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jifforma parti mis-setgħa diskrezzjonali li jgawdu minnha l-Istati Membri taħt il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas li, sabiex jassiguraw il-prevenzjoni effettiva tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, jgħamlu użu minn waħda jew iktar mill-miżuri msemmija f’din il-klawżola, jew inkella minn miżuri legali ekwivalenti eżistenti, u dan kollu filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tas-setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (ara s-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

82

B’hekk, għalkemm, fin-nuqqas ta’ miżura legali ekwivalenti fid-dritt intern tiegħu, sabiex jintlaħaq dan l-għan, Stat Membru għandu neċessarjament jadotta waħda jew iktar mill miżuri preventivi elenkati fil-klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tal-ftehim qafas, sabiex tiġi trasposta b’mod korrett id-Direttiva 1999/70 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 65, u Impact, punti 69 u 70, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 80), min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tali miżura legali ekwivalenti ma tistax, mingħajr ma tostakola kull evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti, iċċaħad lil dan l-Istat mill-possibbiltà li barra minn hekk jadotta waħda jew iktar mill-miżuri elenkati fl-imsemmija klawżola 5(1)(a) sa (ċ) bil-għan, b’mod partikolari, hekk kif essenzjalment ammettew il-partijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub, li tinbidel jew tiġi kompletata l-protezzjoni li tirriżulta mill-imsemmija miżura legali ekwivalenti.

83

Madankollu, għandu jitfakkar li s-setgħa diskrezzjonali hekk mogħtija lill-Istati Membri mhix illimitata u li, b’mod partikolari, din qatt ma’ tista’ twassal sabiex jitqiegħed indiskussjoni l-għan jew l-effett utli tal-ftehim qafas (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).

84

B’hekk, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas li, hekk kif jirriżulta mill-punti 73 sa 77 u 79 ta’ din is-sentenza, għandha l-għan li tobbliga lill-Istati Membri li jassiguraw, fid-dritt intern tagħhom, il-prevenzjoni effettiva tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, l-adozzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni ma jistax ikollha l-effett li ddgħajjef in-natura effettiva tal-imsemmija prevenzjoni hekk kif kienet tirriżulta preċedentement minn “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-imsemmija klawżola 5(1). F’dan ir-rigard, huwa b’mod partikolari importanti li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta mid-diversi miżuri eżistenti fid-dritt nazzjonali jkunu suffiċjentement preċiżi u ċari, b’tali mod li l-individwi jkunu f’pożizzjoni li jkunu jafu bid-drittijiet kollha tagħhom u, jekk ikun il-każ, li jirrikorru għalihom quddiem il-qrati nazzjonali.

85

Barra minn hekk, is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri fil-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas għandha wkoll tiġi eżerċitata fl-osservanza tad-dritt Komunitarju, u, b’mod partikolari, tal-prinċipji ġenerali tiegħu kif ukoll tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 sa 54 u 63 sa 65).

86

F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi enfasizzat li meta d-dritt intern diġà jkun jinkludi fih dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipprevjenu b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi li jistgħu jammontaw għal “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ waħda jew iktar mill-miżuri preventivi speċifiċi elenkati fl-imsemmija klawżola 5(1)(a) sa (ċ) ta’ dan il-ftehim ma tistax tikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema fil-qasam kopert mill-imsemmi ftehim qafas fis-sens tal-klawżola 8(3) tiegħu, li hija s-suġġett tad-domandi eżaminati fil-punti 108 sa 178 ta’ din is-sentenza.

87

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li, bil-għan li tittrasponi speċifikament id-Direttiva 1999/70 sabiex id-dispożizzjonijiet tagħha jiġu applikati għas-settur pubbliku, tipprevedi l-implementazzjoni tal-miżuri preventivi tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, meta diġà jkunu jeżisti fid-dritt intern, ħaġa li għandha tivverifika l-qorti tar-rinviju, “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-imsemmija klawżola, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, sa fejn, madankollu, l-imsemmija leġiżlazzjoni, minn naħa, ma taffettwax in-natura effettiva tal-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat hekk kif jirriżulta mill-imsemmija miżuri legali ekwivalenti u, min-naħa l-oħra, sa fejn hija tosserva d-dritt Komunitarju, u, b’mod partikolari, il-klawżola 8(3) ta’ dan il-ftehim.

— Fuq il-bżonn ta’ “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas

88

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas għandiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekudi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun applikata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat b’tali mod li l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku, kemm jekk ikun l-ewwel jew l-uniku kuntratt jew kuntratti suċċessivi, titqies bħala ġġustifikata minn “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-klawżola msemmija, għar-raġuni biss li dawn il-kuntratti huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali li jippermettu l-konklużjoni jew it-tiġdid tagħom sabiex jissodisfaw ċerti bżonnijiet provviżorji, filwaqt li, fir-realtà, l-imsemmija bżonnijiet huma “permanenti u fit-tul”.

89

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li dawn id-domandi saru mill-qorti li kellha quddiema l-kawżi prinċipali peress li tali applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ tkun ta’ ostaklu għas-setgħa li jagħtiha l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, deskritt minnha bħala “miżura legali ekwivalenti”, li tikkwalifika mill-ġdid kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat. Fil-fatt, din il-kwalifika mill-ġdid tkun eskluża, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, meta ż-żmien determinat ikun iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

90

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-Ftehim qafas ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw miżura li teħtieġ li kull l-ewwel jew uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikun iġġustifikat minn tali raġunijiet oġġettivi. Fil-fatt, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, tali kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma jaqgħux taħt il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, li tirrigwarda biss il-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, peress li r-raġunijiet oġġettivi previsti fil-punt 1(a) tal-klawżola msemmija jirrigwardaw biss it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet (ara s-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 sa 43).

91

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, għandu jitfakkar li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, li għandha l-għan speċifiku li tipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu tagħhom, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jintroduċu fis-sistemi legali tagħhom waħda jew iktar mill-miżuri elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) tagħha, sakemm ma jkunux diġà jeżistu fl-Istat Membru kkonċernat dispożizzjonijiet legali ekwivalenti intiżi sabiex jipprekludu b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ dan it-tip ta’ kuntratti ta’ xogħol. Fost l-imsemmija miżuri, il-klawżola 5(1)(a) tipprevedi r-“raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet” (ara s-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 sa 66).

92

Hekk kif jirriżulta mill-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas, il-partijiet firmatarji tiegħu fil-fatt ikkunsidraw li l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ibbażat fuq raġunijiet oġġettivi huwa mezz ta’ prevenzjoni tal-abbużi (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 86).

93

Madankollu, hekk kif ġie osservat fil-punti 79 sa 82 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali għall-implementazzjoni tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, peress li għandhom l-għażla li jirrikorru għal waħda jew iktar mill-miżuri msemmija fil-punt 1(a) sa (ċ), ta’ din il-klawżola, jew inkella għal miżuri legali eżistenti ekwivalenti.

94

Isegwi li, għall-finijiet ta’ din l-implementazzjoni, Stat Membru jista’ leġittimament jagħżel li ma jadottax il-miżura prevista fil-punt 1(a) tal-imsemmija klawżola, li tikkonsisti f’li jiġi meħtieġ li t-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jkun iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. B’mod kuntrarju, huwa jista’ jippreferi jadotta waħda mill-miżuri jew iż-żewġ miżuri previsti fil-punt 1(b) u (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jirrigwardaw, rispettivament, it-terminu massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi u n-numru ta’ tiġdid tagħom, jew inkella jgħażel li jżomm miżura legali eżistenti ekwivalenti, u dan sa fejn, tkun xi tkun il-miżura magħżula, il-prevenzjoni effettiva tal-użu abbużiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat tkun iggarantita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101).

95

Madankollu, meta Stat Membru, bil-għan li jimplemental-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, jagħżel li jadotta l-miżura prevista fil-punt (1)(a) tal-imsemmija klawżola li tikkonsisti f’li jiġi meħtieġ li t-tiġdid tal-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jkun iġġustifikati minn raġunijiet oġġettivi, huwa marbut li jiggarantixxi r-riżultat impost mid-dritt Komunitarju, hekk kif jirriżulta mhux biss mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 249 KE, iżda wkoll mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, moqri flimkien mal-premessa 17 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 87).

96

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas għandu jinftiehem, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala li jkopri ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività determinata u, b’hekk, ta’ natura li f’dan il-kuntest partikolari jiġġustifika l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, minn natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenzi Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 69 u 70, u tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, Ġabra p. I-7109, punt 53, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punti 88 u 89).

97

Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha sabiex tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt permezz ta’ regola leġiżlattiva jew regolament, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi mhix konformi mar-rekwiżiti hekk kif ippreċiżati fiż-żewġ punti preċedenti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 71, u Del Cerro Alonso, punt 54, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 90).

98

Fil-fatt, tali dispożizzjoni, ta’ natura purament formali u li ma tiġġustifikax b’mod speċifiku l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi permezz tal-eżistenza ta’ fatturi oġġettivi relatati mal-karatteristiċi tal-attività kkonċernata u mal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tiegħu, tinvolvi riskju reali li jsir użu abbużiv minn dan it-tip ta’ kuntratti u b’hekk mhix kumpatibbli mal-għan u mal-effett utili tal-ftehim qafas (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 91).

99

B’hekk, il-fatt li jiġi ammess li dispożizzjoni nazzjonali tista’, ipso jure u mingħajr iktar detalji, tiġġustifika kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jammonta għal ksur tal-għan tal-ftehim qafas, li huwa dak li jipproteġi lill-ħaddiema kontra l-instabbilità tal-impjieg, u jxejjen il-prinċipju li jgħid li l-kuntratti għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 92).

100

B’mod iktar partikolari, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fuq il-bażi biss ta’ dispożizzjoni legali jew regolamentari ġenerali, mingħajr konnessjoni mal-kontenut konkret tal-attività kkunsidrata, ma jippermettix li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti effettivament iweġibx għal bżonn veru u adattat sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u neċessarju għal dan l-iskop (sentenzi ċċitati Adeneler et, punt 74, u Del Cerro Alonso, punt 55, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 93).

101

Madankollu, mill-atti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprevedix iktar li l-fatt li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat hija imposta minn liġi jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika ipso jure t-tiġdid illimitat ta’ tali kuntratt. Min-naħa l-oħra, jidher li din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi ċ-ċikustanzi preċiżi u konkreti li fihom kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jistgħu jiġu konklużi fis-settur pubbliku. Fil-fatt, l-użu ta’ tali kuntratti huwa permess, skont il-każ, taħt l-Artikolu 5(2) tad-Digriet Presidenzjali 164/2004, sabiex iwieġbu għal “bżonnijiet partikolari” li huma “konnessi mal-forma, man-natura jew mal-attività tal-impriża”, jew, taħt l-Artikolu 1 tal-Liġi 3250/2004, sabiex jipprovdu għall-“bżonnijiet addizzjonali” li jirrigwardaw il-provviżjoni liċ-ċittadin ta’ “servizzi ta’ natura soċjali”, jew, skont l-Artikolu 6(1) tal-Liġi 2527/1997, għat-twettiq ta’ xogħolijiet li ma jidħlux taħt “funzjonijiet normali tal-uffiċjali”, jew inkella, skont l-Artikolu 21(1) tal-Liġi 2190/1994, sabiex jipprovdu għal “bżonnijiet staġjonali jew bżonnijiet oħra perijodiċi jew provviżorji”.

102

Hekk kif osservat il-qorti tar-rinviju stess fid-domandi tagħha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti b’hekk il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat sabiex tissodisfa, essenzjalment, bżonnijiet provviżorji. Issa, għandu jiġi ammess li bżonnijiet ta’ dan it-tip jistgħu jammontaw għal “raġunijiet oġġettivi” għat-tiġdid ta’ tali kuntratti fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas.

103

Madankollu, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 106 u 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, imur kontra l-għan tal-klawżola msemmija, li għandha l-iskop li tipprevjeni b’mod effettiv l-użu abbużiv tal-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, msemmija fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxu bażi tat-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet filwaqt li, fir-realtà, il-bżonnijiet koperti minn dawn ikollhom fil-fatt natura mhux provviżorja iżda għal kuntrarju, “permanenti u fit-tul” (ara, b’analoġija, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 110).

104

Fil-fatt, użu bħal dan tal-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat imur direttament kontra l-premessa li fuqha huwa bbażat il-Ftehim qafas, jiġifieri, hekk kif jirriżulta mill-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, filwaqt li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċerti setturi jew għal ċerti xogħolijiet u attivitajiet (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 61, u Impact, punt 86, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 82).

105

Konsegwentement, il-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa maħsub bħala element ewlieni tal-protezzjoni tal-ħaddiema (ara s-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64), filwaqt li, hekk kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas u mill-punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim, huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jwieġbu għall-bżonnijiet kemm ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 62, u Impact, punt 87, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 83).

106

B’hekk, peress li skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jintlaħaq ir-riżultat previst minn din kif ukoll id-dmir tagħhom, taħt l-Artikolu 10 KE, li jieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari kollha xierqa sabiex jigarantixxu l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri inkluż fosthom, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C-106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8; tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 40, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 110), l-awtoritajiet kollha tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jassiguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-osservanza tal-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas, billi jivverifikaw b’mod konkret li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tiġdid, fis-settur pubbliku, ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi li għandhom ikopru bżonnijiet provviżorji ma tkunx fil-fatt użata sabiex tissodisfa bżonnijiet permanenti u fit-tul.

107

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li l-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi applikata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat b’tali mod li t-tiġdid ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, fis-settur pubbliku, jitqies li huwa ġustifikat minħabba “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-imsemmija klawżola għar-raġuni biss li dawn il-kuntratti jkunu bbażati fuq dispożizzjonijiet legali li jippermettu t-tiġdid tagħom sabiex jissodisfaw ċerti bżonnijiet provviżorji, filwaqt li fir-realtà, l-imsemmija bżonnijiet ikunu permanenti u fit-tul. Min-naħa l-oħra, din l-istess klawżola ma tapplikax għall-konklużjoni tal-ewwel jew l-uniku kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat.

Fuq il-kunċett ta’ “tnaqqis” fis-sens tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas

— Fuq it-tnaqqis fir-rigward tal-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat

108

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li t-“tnaqqis” previst minn din il-klawżola għandux jiġi eżaminat biss fir-rigward tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni li kienet applikabbli, fl-Istat Membru kkonċernat, għall-ħaddiema li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-protezzjoni applikabbli għall-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat.

109

Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-378/07 jirriżulta li din id-domanda saret fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li, fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, timplementa miżuri ta’ protezzjoni kontra l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat meta dawn ikollhom natura suċċessiva biss, filwaqt li d-dritt intern preċedenti li jirriżulta mill-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 japplika wkoll meta l-kuntratt ikun l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat konkluż bejn il-partijiet.

110

Għandu jitfakkar li, skont il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, “[l]-implementazzjoni ta’ dan ma tikkostitwixxix bażijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam tal-[imsemmi] ftehim”.

111

Issa, fir-rigward tal-qasam kopert mill-Ftehim qafas, għandu jiġi osservat li l-preambolu ta’ dan il-ftehim, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, jindika li l-imsemmi ftehim għandu l-għan li jikkontribwixxi għal “bilanċ aħjar bejn ‛flessibiltà fil-ħin tax-xogħol u sigurtà għall-ħaddiema’”. Skont il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70, li essenzjalment tirriproduċi t-tielet subparagrafu tal-imsemmi preambolu, dan il-Ftehim qafas jipprovdi f’dan ir-rigward “[i]l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti [u relazzjonijiet] ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat]”. Il-ħames subparagrafu tal-itess preambolu jindika wkoll li l-imsemmi ftehim “jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta’ impjieg għal ħaddiema ta’ termini fissi”.

112

B’hekk, il-Ftehim qafas, u b’mod partikolari l-klawżola 8(3) tiegħu, għandhom għan li jikkontribwixxi għall-għanijiet fundamentali inklużi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 136 KE bl-istess mod bħat-tielet subparagrafu tal-preambolu tat-Trattat KE u bħall-punt 7 u l-ewwel subparagarfu tal-punt 10 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema tal-1989 li għaliha tirreferi d-dispożizzjoni msemmija tat-Trattat, u li huma marbuta mat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u ta’ xogħol, li jippermettu l-ugwaljanza fil-progress tagħhom, kif ukoll l-eżistenza ta’ protezzjoni soċjali adegwata tal-ħaddiema, f’dan il-każ tal-ħaddiema għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112).

113

Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv.

114

Issa, skont il-kliem stess tal-klawżola 2 tal-ftehim qafas, dan japplika għal kull ħaddiem għal żmien determinat li jkollu kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol iddefinit mil-leġiżlazzjoni, mill-ftehim kollettivi jew mill-prattiċi fis-seħħ f’kull Stat Membru.

115

Taħt il-klawżola 3 tal-imsemmi ftehim qafas, il-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” ikopri “persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”.

116

Konsegwentement, jirriżulta b’mod ċar kemm mill-għan imfittex mid-Direttiva 1999/70 u mill-Ftehim qafas kif ukoll mill-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu li, kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostnu l-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni, il-qasam kopert minn dan il-ftehim mhuwiex limitat biss għall-ħaddiema li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, iżda li b’mod kuntrarju l-imsemmi ftehim japplika għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi bi ħlas fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg partikolari li jorbothom ma’ min iħaddimhom (sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28), u dan, ikun xi jkun in-numru ta’ kuntratti għal żmien determinat konkluż minn dawn il-ħaddiema.

117

B’hekk għandu jiġi osservat li l-klawżola 4 tal-ftehim qafas tipprovdi li l-ħaddiema għal żmien determinat ma jiġux trattati b’mod inqas favorevoli, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg, mill-ħaddiema għal żmien indeterminat għall-unika raġuni li huma jaħdmu għal żmien determinat, mingħajr ma tiġi limitata l-portata ta’ din il-projbizzjoni għal kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi biss.

118

Ċertament, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, li f’dan ir-rigward timplementa l-klawżola 1(b) tiegħu, tirrigwarda biss, minn naħa tagħha, l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

119

Madankollu, dawn l-aħħar żewġ klawżoli ma jistabbilixxux il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, u b’hekk ma jistax ikollhom l-effett li jillimitaw il-portata tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, li, inkluża f’taqsima separata tal-ftehim qafas iddedikata għall-implementazzjoni tiegħu, ma tirreferi la għall-klawżola 1(b) tal-ftehim qafas u lanqas għall-klawżola 5(1) tiegħu.

120

Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “tnaqqis” fis-sens tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas għandha sseħħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt intern ta’ Stat Membru dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-qasam tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.

121

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li l-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li t-“tnaqqis” previst minn din il-klawżola għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni li kien applikabbli, fl-Istat Membru kkonċernat, kemm għall-ħaddiema li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, kif ukoll għall-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt għal żmien determinat.

— Fuq l-emendi li saru mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni fir-rigward tad-dritt intern eżistenti

122

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li, diversament minn regola tad-dritt intern preċedenti, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, li tikkostitwixxi, skont din il-qorti, “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-klawżola 5(1) ta’ dan il-ftehim, minn naħa, ma tipprovdix iktar, meta jsir użu abbużiv minn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku, il-kwalifika mill-ġdid ta’ dawn il-kuntratti f’kuntratti ta’ xogħol għall-żmien indeterminat jew tissuġġetta din għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet kumulattivi u restrittivi u, min-naħa l-oħra, teskludi mill-benefiċċju tal-miżuri ta’ protezzjoni li dan jipprovdi lill-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat.

123

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu l-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ “tnaqqis”, fis-sens tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, ma għandhiex tiġi evalwata biss fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni applikabbli għall-ħaddiema għal żmien determinat hekk kif jirriżulta minn “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-klawżola 5(1) ta’ dan il-ftehim.

124

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 116 sa 121 ta’ din is-sentenza, kemm mill-għan imfittex mid-Direttiva 1999/70 u mill-Ftehim qafas kif ukoll mill-kliem tal-klawżola 8(3) ta’ dan il-ftehim jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “tnaqqis” fis-sens tal-imsemmija klawżola għandha sseħħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt intern dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu jew le “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-imsemmi ftehim, peress li l-klawżola 8(3) tiegħu ma tgħamilx riferenza, barra minn hekk, għal din l-aħħar klawżola.

125

Imbagħad, f’dak li jirrigwarda l-portata tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, għandu jitfakkar li mill-kliem stess ta’ din il-klawżola jirriżulta li l-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim ma jistax jikkostitwixxi, għall-Istati Membri, raġuni valida sabiex isir tnaqqis fil-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-ħaddiema ggarantit qabel fis-sistema legali interna fil-qasam kopert mill-imsemmi ftehim (sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

126

Minn dan jirriżulta li tnaqqis tal-protezzjoni ggarantita lill-ħaddiema fil-qasam tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mhuwiex minnu nnifshu pprojbit mill-Ftehim qafas, iżda li, sabiex jidħol taħt il-projbizzjoni stabbilita mill-klawżola 8(3) ta’ dan, dan it-tnaqqis għandu min-naħa waħda jkun marbut mal-“implementazzjoni” tal-ftehim qafas u, min-naħa l-oħra, għandu jirrigwarda l-“livell ġenerali ta’ protezzjoni” tal-ħaddiema għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

127

F’dan il-każ, mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tnaqqis invokat mill-qorti tar-rinviju u allegat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol suċċessivi, jirriżulta mill-fatt li, diversament mill-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, li, skont il-qorti tar-rinviju, kien jippermetti, meta kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikun ġie konkluż sabiex ikopri bżonnijiet permanenti u fit-tul, il-kwalifika mill-ġdid awtomatika tal-kuntratt, b’effett retroattiv, f’kuntratt għal żmien indeterminat, l-Artikoli 5 sa 7 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004 li ttrasponew id-Direttiva 1999/70 ma jipprovdux iktar, f’dak li jirrigwarda s-settur pubbliku, tali possibbiltà ta’ kwalifika mill-ġdid, filwaqt li l-Artikolu 11 ta’ dan id-digriet jissuġġetta din il-possibbiltà, prevista biss bħala miżura tranżitorja għal ċerti kuntratti suċċessivi eżistenti matul id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, għall-osservanza ta’ diversi kundizzjonijiet restrittivi u mingħajr effett retroattiv.

128

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, it-tnaqqis jikkonsisti fil-fatt li dawn il-ħaddiema, li huma koperti mill-miżuri ta’ protezzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet Presidenzjali 164/2004.

129

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, peress li hija r-responsabbiltà esklussiva tal-qrati nazzjonali, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li jinterpretaw id-dritt nazzjonali, huma dawn li għandhom jistabbilixxu sa fejn l-emendi msemmija iktar ’il fuq, introdotti mid-Digriet Presidenzjali 164/2004 fir-rigward tad-dritt nazzjonali eżistenti, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, wasslu għal tnaqqis tal-protezzjoni tal-ħaddiema li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, billi jipparagunaw, għal dan il-għan, il-livell ta’ protezzjoni mogħti rispettivament minn kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

130

Min-naħa l-oħra, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, permezz ta’ deċiżjoni preliminari, tagħti indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju bil-għan li tgħin lil din fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk dan it-tnaqqis eventwali tal-protezzjoni tal-ħaddiema li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jammontax għal “tnaqqis” fis-sens tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas. Għal dan il-għan, għandu jiġi evalwat sa fejn l-emendi introdotti mill-leġiżlazzjoni nazzjonali intiżi sabiex jittrasponu d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas jistgħu jitqiesu, minn naħa, bħala marbuta mal-“implementazzjoni” ta’ dan il-ftehim u, min-naħa l-oħra, li jirrigwardaw il-“livell ġenerali ta’ protezzjoni” tal-ħaddiema fis-sens tal-klawżola 8(3) tiegħu.

131

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kundizzjoni dwar ir-rabta mal-“implementazzjoni” tal-ftehim qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din l-aħħar espressjoni, użata mingħajr iktar preċiżazzjonijiet fil-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, ma tistax tirreferi biss għat-traspożizzjoni inizjali tad-Direttiva 1999/70 u, b’mod partikolari, tal-anness tagħha li jikkontjeni l-Ftehim qafas, iżda għandha tkopri kull miżura nazzjonali intiża sabiex tiggarantixxi li l-għan imfittex minnu jkun jista’ jintlaħaq, inkluż fosthom dawk li, wara l-hekk imsejħa traspożizzjoni, jikkompletaw jew jemendaw ir-regoli nazzjonali diġà adottati (sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

132

Isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li jikkostitwixxi t-tieni miżura ta’ traspożizzjoni adottata mill-Istat Membru kkonċernat bil-għan li jiġu trasposti d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas, tista’ tkun koperta mill-klawżola 8(3) ta’ dan il-ftehim.

133

Madankollu, tali leġiżlazzjoni ma tistax titqies li tmur kontra l-imsemmija klawżola jekk it-tnaqqis li tinvolvi bl-ebda mod ma huwa marbut mal-implementazzjoni tal-ftehim qafas. Dan ikun il-każ jekk dan it-tnaqqis ikun iġġustifikat mhux minn neċessità li jiġi implementat il-Ftehim qafas, iżda minn dik li jiġi promoss għan ieħor distint ta’ din l-implementazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 53).

134

F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, tal-emenda dwar il-possibbiltà tal-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, jidher li mill-1994, jiġifieri bejn wieħed u ieħor ħames snin qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas, l-Artikolu 21(2) tal-Liġi 2190/1994 kien diġà jipprovdi, b’mod assolut u taħt piena ta’ nullità, il-projbizzjoni ta’ kull kwalifika mill-ġdid f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat meta dawn ikunu ġew konklużi fis-settur pubbliku fuq il-bażi ta’ din il-liġi (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).

135

Tali dispożizzjoni tista’ timplika li l-fatt li d-Digriet Presidenzjali 164/2004 ma jipprovdix għall-possibbiltà tal-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, jew jissuġġetta lil din il-kwalifika mill-ġdid għal ċerti kundizzjonijiet, huwa ġġustifikat mhux minn neċessità li jiġi implementat il-Ftehim qafas, iżda min-neċessità, hekk kif sostnew il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Elleniku, li tiġi ggarantita l-osservanza, fis-settur pubbliku, tal-proċeduri tar-reklutaġġ permezz ta’ konkors u li b’hekk jiġi ppreżervat ir-regolamenti tal-aġenti tas-servizz pubbliku Elleniku.

136

Madankollu, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta wkoll li, skont il-qorti li għandha quddiema l-kawżi prinċipali, li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali, l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 li, skont din, jippermetti tali kwalifika mill-ġdid, inkluż fis-settur pubbliku, tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat meta dawn ma jkunux iġġustifikati minn raġuni oġġettiva, kien għadu fis-seħħ waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas.

137

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Direttiva 1999/70, l-adozzjoni ta’ din u tal-ftehim qafas għandhom l-oriġini tagħhom f’żewġ proposti għal direttivi ppreżententati mill-Kummissjoni matul is-sena 1990 fuq ir-relazzjonijiet ta’ impjieg fejn għandhom x’jaqsmu l-kundizzjonijiet tax-xogħol [Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar ċerti relazzjonijiet ta’ impjieg fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU 1990, C 224, p. 4)] u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni [Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar ċerti relazzjonijiet ta’ impjieg fejn għandhom x’jaqsmu distorzjonijiet tal-kompetizzjoni (ĠU 1990, C 224, p. 6), kif emendata (ĠU 1990, C 305, p. 8)], li l-Kunsill ma kienx f’pożizzjoni li jiddeċiedi fuqhom. Issa, għandu jiġi osservat li din l-aħħar proposta kienet diġà tipprovdi, fl-Artikolu 4 tagħha, l-obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu ċerti miżuri sabiex jiġi evitat li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu jistgħu jiġu destinati sabiex ikopru post ta’ xogħol eżistenti u permanenti.

138

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż, liema ħaġa madankollu għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, li l-fatt li d-Digriet Presidenzjali 164/2004 ma jipprevedix il-kwalifika mill-ġdid, fis-settur pubbliku, tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat, jew jissuġġetta lil din il-kwalifika mill-ġdid għal ċerti kundizzjonijiet, huwa marbut mal-implementazzjoni tal-ftehim qafas. B’mod partikolari, jista’ jkun il-każ li, hekk kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 103(8) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika ġie emendat sabiex jipprojbixxi, b’mod assolut, it-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat fis-settur pubbliku wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70 u qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tagħha.

139

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-emenda li tirriżulta fl-esklużjoni tal-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat mill-protezzjoni li tirriżulta mid-Digriet Presidenzjali 164/2004, għandu jiġi ammess li din tista’ tkun marbuta mal-implementazzjoni tal-ftehim qafas peress li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-378/07, dawn il-ħaddiema kienu jibbenefikaw, fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 1999/70 u ta’ dan il-ftehim, mill-miżuri ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920. Barra minn hekk, minn ebda element fl-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li, meta stabbilixxa din l-esklużjoni, il-leġiżlatur nazzjonali kellu l-għan li jippromwovi għan distint minn dak tal-implementazzjoni tal-ftehim qafas, liema ħaġa madankollu għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

140

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni skont liema dan it-tnaqqis għandu jirrigwarda l-“livell ġenerali ta’ protezzjoni” tal-ħaddiema għal żmien determinat, din timplika li huwa biss tnaqqis ta’ daqs tali li jista’ jaffettwa globalment il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jista’ jaqa’ taħt il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas.

141

Issa, f’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-emenda li tirriżulta fl-esklużjoni tal-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet Presidenzjali 164/2004, jidher li din l-emenda ma taffettwax lill-ħaddiema kollha li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, iżda biss lil dawk li, minn naħa, jaqgħu taħt is-settur pubbliku u, min-naħa l-oħra, mhumiex partijiet f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

142

Sa fejn dawn l-aħħar ħaddiema ma jirrappreżentawx parti sinjifikanti mill-ħaddiema impjegati għal żmien determinat fl-Istat Membru kkonċernat, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, it-tnaqqis fil-protezzjoni li tibbenefika minnu tali kategorija limitata ta’ ħaddiema ma jistax, fih innfisu, jaffettwa globalment il-livell ta’ protezzjoni applikabbli fis-sistema legali interna għall-ħaddiema marbuta b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat.

143

Fir-rigward tal-emenda dwar il-possibbiltà tal-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat, għandu jiġi osservat li d-Digriet Presidenzjali 164/2004, għalkemm ċertament ma jipprevedix din il-kwalifika mill-ġdid jew jissuġġettaha għal kundizzjonijiet restrittivi, mhux biss japplika għall-ħaddiema tas-settur pubbliku biss, iżda, barra minn hekk, jimplementa f’dan is-settur il-miżuri kollha intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv tal-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi elenkati fil-klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tal-ftehim qafas.

144

Issa, l-adozzjoni ta’ tali miżuri ta’ prevenzjoni tal-abbużi, sa fejn dawn ikunu, totalment jew parzjalment, ġodda fis-sistema legali interna (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100), liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, hija ta’ natura li tikkumpensa t-tnaqqis tal-protezzjoni li jirriżulta mit-tneħħija jew mill-limitazzjoni tas-sanzjoni applikabbli preċedentement meta jkun twettaq abbuż, li jikkonsisti fil-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni f’kuntrat għal żmien indeterminat.

145

Tali evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, fis-sens ta’ tisħiħ tal-miżuri preventivi tal-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, hija b’hekk konformi mal-għan imfittex mill-Ftehim qafas. Fil-fatt, minn naħa, dan il-ftehim għandu preċiżament l-għan li jistabbilixxi, hekk kif jirriżulta mill-klawżoli 1(b) u 5(1) tiegħu, qafas sabiex jiġu pprevenuti l-abbużi tal-użu ta’ dawn il-kuntratti (sentenzi Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C-53/04, Ġabra p. I-7213, punt 43). Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Ftehim qafas ma jipprevedix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ fejn ikunu ġew ikkonstatati abbużi, u, b’mod partikulari, ma jistabbilixxix obbligu ġenerali fuq l-Istati Membri sabiex jipprevedu l-kwalifika mill-ġdid f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat tal-kuntratti għal żmien determinat, hekk kif ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet preċiżi li fihom jista’ jsir użu minn dawn (ara s-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 91 u 94), u b’hekk iħalli ċerta setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri f’dan ir-rigward (sentenza Marrosu u Sardino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). B’hekk, il-klawżola 5(2)(b) tal-imsemmi ftehim tillimita ruħha sabiex tipprevedi li l-Istati msemmija għandhom, “meta approprjat”, jistabbilixxu taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat “għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit [indeterminat]”.

146

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li l-emendi li saru permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha l-għan li tittrasponi d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas, ma jidhrux li jammontaw għal “tnaqqis” fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat fis-sens tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, peress li, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, dawn jirrigwardaw kategorija limitata ta’ ħaddiema li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jew jistgħu jkunu kkumpensati mill-adozzjoni ta’ miżuri preventivi tal-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

147

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-implementazzjoni tal-ftehim qafas għandha seħħ fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan il-ftehim.

148

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas, dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u r-regoli minimi dwar ix-xogħol għal żmien determinat. B’hekk, il-klawżola 8(1) tal-ftehim qafas tawtorizza b’mod ċar lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali sabiex iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat minn dawk previsti fl-imsemmi ftehim.

149

Minn dan jirriżulta li l-implementazzjoni tal-ftehim qafas ma tistax twassal sabiex il-protezzjoni li kienet preċedentement applikabbli fis-sistema legali interna għall-ħaddiema għal żmien determinat tonqos għal-livell iktar baxx minn dak stabbilit mid-dispożizzjonijiet minimi ta’ protezzjoni previsti mill-Ftehim qafas sabiex jiġi evitat l-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-impjegati (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 63, u Impact, punt 88; ara wkoll, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda l-klawżola 4 tal-ftehim qafas, is-sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

150

Għaldaqstant, fir-rigward b’mod partikolari tal-ħaddiema li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, l-implementazzjoni tal-ftehim qafas għandha tkun konformi mar-regoli stabbiliti fil-klawżola 5 tal-imsemmi ftehim qafas li huwa intiż sabiex jiġu pprevenuti l-abbużi fl-użu ta’ dawn il-kuntratti.

151

F’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri għall-prevenzjoni tal-abbużi, għandu jitfakkar li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas timponi fuq l-Istati Membri l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri elenkati f’din id-dispożizzjoni, sakemm id-dritt nazzjonali ma jkunx diġà jinkludi miżuri ekwivalenti (ara s-sentenzi Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101; Marrosu u Sardino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassalo, C-180/04, Ġabra p. I-7251, punt 35, u Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 124).

152

Issa, f’dan il-każ, jinsab stabbilit li l-Artikoli 5 u 6 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004 jimplementaw, fis-settur pubbliku, il-miżuri kollha intiżi għall-prevenzjoni tal-użu abbużiv tal-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi elenkati fl-imsemmija klawżola 5(1)(a) sa (ċ).

153

Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali josservaw li, peress li l-imsemmi digriet jagħraf biss bħala li għandhom natura “suċċessiva” lil dawk il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat separati minn perijodi ta’ inqas minn tliet xhur, dan ma jassigurax prevenzjoni effettiva tal-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għalhiex, fil-Greċja, dawn il-kuntratti huma, ġeneralment, separati minn perijodi ta’ erba’ xhur.

154

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Ftehim qafas jelenka, b’mod partikolari fil-klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tiegħu, diversi miżuri intiżi sabiex jiġu pprevenuti dawn l-abbużi, u l-Istati Membri huma marbuta li jintroduċu mill-inqas waħda minn dawn il-miżuri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Mill-bqija, bħala prinċipju, il-punt 2 tal-klawżola msemmija jħalli f’idejn l-Istati Membri l-fakoltà li jistabbilixxu liema huma l-kundizzjonijiet li fihom il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat huma kkunsidrati, minn naħa, bħala suċċessivi u, min-naħa l-oħra, bħala konklużi għal żmien indeterminat (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 80 u 81, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punti 103 u 104).

155

Jekk tali referenza għall-awtoritajiet nazzjonali għall-iskop tad-definizzjoni tal-metodi konkreti ta’ applikazzjoni tat-termini “suċċessivi” u “għal żmien indefinit [indeterminat]” fis-sens tal-ftehim qafas jista’ jiġi spjegat mix-xewqa li tiġi rrispettata d-diversità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam, għandu madankollu jitfakkar li s-setgħa diskrezzjonali hekk mogħtija lill-Istati Membri mhix illimitata, peress li din fl-ebda każ ma tista’ twassal sabiex jitpoġġa fid-dubju l-għan jew l-effett prattiku tal-ftehim qafas (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 105).

156

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li dispożizzjoni nazzjonali li tqis biss bħala suċċessivi lil dawk il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li huma separati minn perijodu ta’ żmien ta’ 20 jum ta’ xogħol jew inqas għandha titqies bħala ta’ natura li tikkomprometti l-għan, il-finalità kif ukoll l-effett prattiku tal-ftehim qafas. Fil-fatt, definizzjoni daqstant riġida u restrittiva tan-natura suċċessiva ta’ numru ta’ kuntratti ta’ xogħol sussegwenti tippermetti li jiġu impjegati ħaddiema b’mod prekarju għal xi snin, peress li, fil-prattika, il-ħaddiem normalment ma jkollu l-ebda għażla oħra milli jaċċetta l-interruzzjonijiet ta’ 20 jum ta’ ħidma fil-kuntest ta’ sensiela ta’ kuntratti li jorbtuh ma’ min iħaddmu (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 84 u 85, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punti 107 u 108).

157

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tirrikonoxxi biss li għandhom natura “suċċessiva” il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat separati minn perijodi ta’ inqas minn tliet xhur, fiha nnifsha ma tidhirx daqshekk riġida u ta’ natura daqstant restrittiva. Fil-fatt, tali perijodu ta’ żmien jista’, b’mod ġenerali, jitqies bħala suffiċjenti sabiex jinterrompi kull relazzjoni ta’ xogħol eżistenti u, konsegwentement, jagħmel mezz li kull kuntratt eventwali ffirmat wara ma jkunx ikkunsidrat bħala suċċessiv. Isegwi li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħala prinċipju, ma tipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipal. Madankollu, huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li huma responsabbli mill-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas, u b’hekk għandhom jiddeċiedu fuq il-kwalifika ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, li jeżaminaw, f’kull każ, iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, billi jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru tal-imsemmija kuntratti suċċessivi konklużi mal-istess persuna jew għall-finijiet tat-twettiq tal-istess xogħol, sabiex jipprekludu li xi relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu użati b’mod abbużiv minn min iħaddem (ara d-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punti 115 sa 117).

158

F’dak li jirrigwarda mbagħad it-tnaqqis tal-abbużi, għandu jitfakkar li meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt Komunitarju ma jipprevedix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ fejn madankollu jkunu ġew ikkonstatati abbużi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri xierqa sabiex tiġi affrontata tali sitwazzjoni, miżuri li għandhom ikollhom natura mhux biss proporzjonata, iżda wkoll effettiva u dissważiva bizzejjed sabiex jiggarantixxu l-effettivtà sħiħa tar-regoli addotati mill-Ftehim qafas (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Adeneler et, punt 94; Marrosu u Sardino, punt 51, u Vassallo, punt 36, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 125).

159

Għalkemm, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam, il-metodi ta’ implementazzjoni ta’ tali regoli jirriżultaw mis-sistema legali interna tal-Istati Membri abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tagħhom, madankollu dawn m’għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju tal-ekwivalenza) u lanqas jgħamlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 95; Marrosu u Sardino, punt 52, u Vassallo, punt 37, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 126).

160

Isegwi li, meta jkun sar użu abbużiv mill-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tagħti garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex tissanzjona b’mod xieraq dan l-abbuż u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, skont il-kliem stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri għandhom “jieħdu [il-]miżuri [kollha] neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b[l-imsemmija] Direttiva” (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 102; Marrosu u Sardino, punt 53, u Vassallo, punt 38, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 127).

161

Minn dan jirriżulta li għalkemm Stat Membru, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’, hekk kif jirriżulta mill-punt 144 ta’ din is-sentenza, ma jipprevedix, bħala sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza tal-miżuri preventivi imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, il-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat, madankollu għandu jassigura li s-sanzjonijiet l-oħra adottati minn din l-istess leġiżlazzjoni jkollhom natura effettiva u dissważiva bizzejjed sabiex jiggarantixxi l-effettività sħiħa ta’ dawn il-miżuri preventivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 105; Marrosu u Sardino, punt 49, u Vassallo, punt 34, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 123).

162

Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali josservaw, fl-ewwel lok, li s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004 ma jistgħux jitqiesu li għandhom tali natura effettiva u dissważiva. Fil-fatt, minn naħa, il-ħlas tas-salarju u l-ħlas ta’ kumpens għat-tkeċċija mix-xogħol, previsti fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, bl-ebda mod ma huma intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, iżda jikkostitwixxu s-sanzjoni prevista mid-dritt komuni tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, is-sanzjonijiet penali u dixxiplinari, previsti fil-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 7, jeżistu diġà u barra minn hekk huma totalment ineffettivi fil-Greċja. Barra minn hekk, fil-prattika, dawn is-sanzjonijiet ma jiġux applikati fil-konfront ta’ diversi kategoriji ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat, bħal dawk marbuta b’kuntratti ta’ xogħulijiet jew kuntratti ta’ xogħol konklużi abbażi tal-Liġi 2190/1994.

163

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, għaliex dan huwa r-responsabbiltà esklussiva tal-qorti tar-rinviju jew, jekk ikun il-każ, tal-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jistabbilixxu jekk ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 158 sa 160 ta’ din is-sentenza humiex sodisfatti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Vassallo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 134).

164

B’hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa b’liema mod il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jistabbilixxu miżura adegwata sabiex tissanzjona l-użu abbużiv min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Vassallo, punt 41, u Marrosu u Sardino, punt 56, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 135).

165

F’dan ir-rigward, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklujonijiet tiegħu, hija b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju li għandha tassigura ruħha li l-ħaddiema li sofrew abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, kif jissuġġerixxu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mhumiex dissważi, fl-isperanza li jkomplu jiġu impjegati fis-settur pubbliku, li jinvokaw quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, inkluż fosthom dawk ġudizzjarji, id-drittijiet li huma rrikonoxxuti lilhom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li jirriżultaw mill-implementazzjoni permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni tal-miżuri preventivi kollha previsti fil-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas.

166

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura ruħha li l-ħaddiema kollha li huma impjegati “għal żmien fiss [determinat]” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-ftehim qafas jistgħu japplikaw, fir-rigward ta’ min iħaddimhom, is-sanzjonijiet previsti mid-Digriet Presidenzjali 164/2004 meta jkunu sofrew abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti suċċessivi, u dan, tkun xi tkun il-kwalifika tal-kuntratt tagħhom fid-dritt intern.

167

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li jipprevedi l-possibbiltà, bħala dispożizzjoni tranżitorja, li jiġu ttrasformati f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat ċerti kuntratti għal żmien determinat suċċessivi li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet jew li kienu skadew matul perijodu ta’ tliet xhur qabel dan id-dħul fis-seħħ, ma jikkostitwixxix sanzjoni adegwata, fid-dawl tan-natura restrittiva u kumulattiva tal-kundizzjonijiet imposti minn din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, l-imsemmija rikorrenti jqajmu wkoll diversi problemi dwar il-funzjonament tal-proċedura quddiem l-ASEP, li hija l-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq talba ta’ trasformazzjoni. Dawn id-diffikultajiet jirriżultaw, b’mod partikolari, mit-termini ta’ żmien imposti fuq l-ASEP sabiex tieħu d-deċiżjonijiet tagħha u mill-fatt li l-intervent tal-qrati amministrattivi fil-kawżi dwar l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 11, li jirriżulta mill-kompetenza tal-ASEP, iqiegħed indiskussjoni l-kompetenza stess tal-qrati ċivili sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920.

168

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004 jissuġġetta l-possibbiltà tat-trasformazzjoni tal-kuntratti għal żmien determinat, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-ħtieġa ta’ perijodu ta’ inqas minn tliet xhur bejn tali kuntratti, diġà ġie kkonstatat fil-punt 157 ta’ din is-sentenza li, bħala prinċipju, ħtieġa bħal din ma tmurx kontra l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas.

169

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet imposti mill-imsemmi Artikolu 11 dwar it-terminu totali minimu tal-kuntratti u n-numru ta’ tiġdid tagħhom, ma jirriżultax b’mod ċar mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja b’liema mod dawn jistgħu jolqtu l-għan imfittex mill-Ftehim qafas. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt biss li t-trasformazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni ma sseħx b’effett retroattiv ma jidhirx, fih innifsu, li jista’ jċaħħad lil din is-sanzjoni min-natura effettiva tagħha peress li din twassal, f’kull każ, sabiex relazzjoni għal żmien determinat tiġi sostitwita b’relazzjoni għal żmien indeterminat, u b’hekk, sabiex jintemm stat prekarju favur stabbiltà ikbar fir-relazzjonijiet ta’ xogħol.

170

Sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali josservaw li, minħabba l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti mill-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004, ċerti kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi jew imġedda b’mod abbużiv fis-settur pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi digriet jevitaw kull sanzjoni, għandu jitfakkar li, f’tali sitwazzjoni, miżura li għandha garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għandha tkun tista’ tiġi applikata sabiex tissanzjona b’mod xieraq lil dawn l-abbużi u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt Komunitarju. Konsegwentement, sa fejn is-sistema legali interna tal-Istat Membru kkonċernat ma tinkludix, għal dan il-perijodu, miżuri oħra effettivi għal dan il-għan, pereżempju, minħabba l-fatt li s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-digriet imsemmi ma japplikawx rationae temporis, il-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat abbażi tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 tista’, hekk kif isostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C-379/07, tammonta għal tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 98 sa 105, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punti 129 sa 137).

171

Madankollu, huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, li huma responsabbli mill-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas, u għalhekk imsejħa sabiex jiddeċiedu fuq il-kwalifika ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, li għandhom, f’kull każ, jeżaminaw, abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, jekk il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali 164/2004 humiex adattati sabiex jissanzjonaw b’mod xieraq l-eventwali użi abbużivi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet u sabiex b’hekk jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt Komunitarju.

172

Fir-rigward tal-proċedura prevista għal dan il-għan mid-dritt nazzjonali, għandu jiġi osservat li, abbażi tal-klawżola 8(5) tal-ftehim qafas, il-prevenzjoni kif ukoll ir-regolamentazzjoni tal-kawżi u tal-ilmenti, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, huma trattati b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni, mal-ftehim kollettiv u mal-prattiċi nazzjonali (digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 140).

173

B’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam, hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qrati kompetenti u li għandha tirregola l-metodi proċedurali ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt Komunitarju (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 141).

174

Hekk kif jirriżulta mill-punti 158 u 159 ta’ din is-sentenza, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom li jadottaw miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli applikati taħt il-Ftehim qafas. Il-metodi ta’ implementazzjoni ta’ dawn ir-regoli, li jiffurmaw parti mis-sistema legali interna tal-Istati Membri abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali nazzjonali, għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tal-ekwivalenza u tal-effettività (digriet Vassilakis, et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 142).

175

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li awtorità amministrattiva indipendenti, bħall-ASEP, hija kompetenti sabiex eventwalment tikkwalifika mill-ġdid kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat tidher, prima face, li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti (digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 144).

176

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tivverifika li l-Istat Membru inkwistjoni adotta d-dispożizzjonijiet kollha neċessarji li jippermettulu, minn naħa, li f’kull ħin ikun f’pożizzjoni li jiggarantixxi r-riżultati imposti mid-Direttiva 1999/70 u, min-naħa l-oħra, li jipprevedi li l-metodi ta’ implementazzjoni tar-regoli applikati taħt il-Ftehim qafas, li jirriżultaw mis-sistema legali interna tiegħu abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, jiżguraw il-garanzija tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-osservanza tal-prinċipju tal-effettività u tal-ekwivalenza (ara, b’mod partikolari, id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177

Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li l-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li, diversament minn regola tad-dritt intern preċedenti, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, minn naħa, ma tipprevedix iktar, meta jkun sar użu abbużiv minn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku, għall-kwalifika mill-ġdid ta’ dawn f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jew tissuġġetta lil din il-kwalifika mill-ġdid għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet kumulattivi u restrittivi u, min-naħa l-oħra, teskludi mill-benefiċċju tal-miżuri ta’ protezzjoni li tipprevedi għall-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, meta tali emendi, li għandhom jiġu vverifikati mill-imsemmija qorti, jirrigwardaw kategorija limitata ta’ ħaddiema li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jew huma kkumpensati permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-imsemmi ftehim qafas.

178

Madankollu, l-implementazzjoni tal-ftehim qafas permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Presidenzjali 164/2004, ma tistax twassal għal tnaqqis fil-protezzjoni li kienet preċedentement applikabbli fis-sistema legali interna għall-ħaddiema għal żmien determinat għal livell inferjuri minn dak stabbilit mid-dispożizzjonijiet minimi ta’ protezzjoni previsti mill-Ftehim qafas. B’mod partikolari, l-osservanza tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas teħtieġ li tali leġiżlazzjoni tipprevedi, f’dak li jirrigwarda l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, miżuri effettivi u vinkolanti ta’ prevenzjoni ta’ tali użu abbużiv kif ukoll sanzjonijiet li għandhom natura effettiva u dissważiva bizzejjed sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa ta’ dawn il-miżuri preventivi. B’hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti.

Fuq il-projbizzjoni assoluta li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jiġu trasformati f’kuntratti għal żmien indeterminat fis-settur pubbliku

179

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, fis-settur pubbliku, it-trasformazzjoni f’kuntratti għal żmien indeterminat tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li, fir-realtà, għandhom l-għan li jkopru l-bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ min iħaddem.

180

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, skont il-qorti li għandha quddiema l-kawżi prinċipali, din il-projbizzjoni assoluta ta’ kull konverżjoni issa hija prevista, mhux biss fl-Artikolu 21 tal-Liġi 2190/94, iżda wkoll fl-Artikolu 103(8) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika, kif emendata fis-7 ta’ April 2001.

181

Tkun xi tkun in-natura tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Elleniku li jipprojbixxu t-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi f’kuntratti għal żmien indeterminat, għandu l-ewwel nett jiġi osservat, sa fejn din id-domanda tirrigwarda l-konklużjoni tal-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, li, hekk kif diġà jirriżulta mill-punt 90 ta’ din is-sentenza, il-Ftehim qafas ma jimponix fuq l-Istati Membri li jadottaw miżuri sabiex jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ tali kuntratt li jirriżulta mill-fatt li fir-realtà, dan ikopri bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ min iħaddem. Fil-fatt, l-imsemmi kuntratt ma jaqax taħt il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, li jitratta biss fuq il-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 sa 43).

182

Sa fejn id-domanda tirrigwarda l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, għandu jiġi osservat li din id-domanda hija identika għal domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuqa fis-sentenza Adeneler et (iċċitata iktar ’il fuq, punti 91 sa 105) u li elementi utli oħra li jippermettu li tingħata risposta għal din id-domanda jirriżultaw mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Marrosu u Sardino (punti 44 sa 57) kif ukoll Vassallo (punti 33 sa 42), u mid-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq (punti 120 sa 137).

183

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, peress li l-klawżola 5 tal-ftehim qafas ma tistabbilixxi l-ebda obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprevedu t-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat, hekk kif lanqas ma tippreskrivi l-kundizzjonijiet preċiżi li fihom jista’ jsir użu mill-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91), din tagħti ċertu setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam lill-Istati Membri (sentenza Marrosu u Sardino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 121).

184

Madankollu, hekk kif diġà jirriżulta mill-punt 161 ta’ din is-sentenza, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi b’mod assolut, fis-settur pubbliku, it-trasformazzjoni ta’ sensiela ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li, fil-fatt, kellhom l-għan li jkopru bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ min iħaddem, f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, tkun tista’ titqies bħala konformi mal-Ftehim qafas, is-sistema legali interna tal-Istat Membru kkonċernat għandha tinkludi, fl-imsemmi settur, miżura effettiva oħra sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 105; Marrosu u Sardino, punt 49, u Vassallo, punt 34, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 123).

185

Għandu jitfakkar, hekk kif b’mod partikolari jirriżulta mill-punti 79 sa 82 u 93 ta’ din is-sentenza, li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas timponi fuq l-Istati Membri l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri elenkati f’din id-dipożizzjoni u li huma intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, meta d-dritt nazzjonali ma jkunx diġà jinkludi miżuri ekwivalenti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Marrosu u Sardino, punt 50, u Vassallo, punt 35, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 124).

186

Barra minn hekk, meta bħal f’dan il-każ, id-dritt Komunitarju ma jipprevedix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ fejn madankollu jkunu ġew ikkonstatati abbużi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu ta’ natura mhux biss proporzjonata, iżda wkoll effettiva u dissważiva bizzejjed sabiex jiggarantixxi l-effettività sħiħa tar-regoli adottati b’applikazzjoni tal-ftehim qafas, b’mod konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-punti 158 sa 160 ta’ din is-sentenza (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 94; Marrosu u Sardino, punt 51, u Vassallo, punt 36, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 125).

187

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipal tipprevedi regoli obbligatorji dwar it-tul ta’ żmien u t-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat intiżi sabiex jiggarantixxu l-implementazzjoni tat-tliet miżuri preventivi elenkati fil-klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tal-ftehim qafas. Din tipprevedi wkoll li, meta jkun ġie kkonstatat użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, il-ħaddiem milqut għandu d-dritt li jitħallas is-salarju dovut u għall-ħlas ta’ kumpens għat-tkeċċija mix-xogħol, filwaqt li l-persuna li wettqet il-ksur tista’ tkun is-suġġett ta’ sanzjonijiet kriminali u dixxiplinari. Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni tipprovdi wkoll li ċerti kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jew li jkunu skadew ftit qabel din id-data jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġu ttrasformati f’kuntratti għal żmien indeterminat.

188

Għalkemm tali leġiżlazzjoni tista’ tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punti 158 sa 160 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Marrosu u Sardino, punt 55, u Vassallo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40; kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 128), madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 162 sa 176 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jagħmlu lil din il-leġiżlazzjoni miżura adegwata sabiex tipprevjeni u, jekk ikun il-każ, tissanzjona l-użu abbużiv mill-amministrazzjoni pubblika ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Vassallo, punt 41, u Marrosu u Sardino, punt 56, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 135).

189

B’hekk ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta s-sistema legali interna tal-Istat Membru kkonċernat tinkludi, fis-settur ikkunsidrat, miżuri effettivi oħra sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-sens tal-klawżola 5(1) ta’ dan il-ftehim, dan ma jostakolax l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali li tipprekludi b’mod assolut, fis-settur pubbliku biss, li jiġu ttrasformati f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat sensiela ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li, peress li kellhom l-għan li jkopru bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ min iħaddem, għandhom jitqiesu li huma abbużivi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jagħmlu lil din il-leġiżlazzjoni miżura adegwata sabiex tipprevjeni u, jekk ikun il-każ, tissanzjona l-użu abbużiv mill-amministrazzjoni pubblika ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

190

Min-naħa l-oħra, peress li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas ma tapplikax għall-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, din id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet meta, fir-realtà, tali kuntratt ikun ikopri bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ min iħaddem.

Fuq il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tal-klawżoli 5(1) u 8(1) tal-ftehim qafas għall-qrati nazzjonali

191

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk hijiex marbuta, abbażi tad-dritt Komunitarju, li tinjora l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Presidenzjali 164/2004 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk din tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-ftehim qafas, u minflok tapplika “miżuri legali ekwivalenti”, bħal dik prevista fl-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920.

192

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi l-oħra, din id-domanda għandha natura utili għall-qorti tar-rinviju fil-każ fejn din, b’mod konformi ma’ dak li ġie deċiż fil-punti 103 sa 106 kif ukoll 147 sa 176 ta’ din is-sentenza, tasal għall-konklużjoni li tgħid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, jekk ikun il-każ, hekk kif interpretata jew applikata mill-awtoritajiet nazzjonali, ma tinkludix, bi ksur tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, miżuri effettivi intiżi sabiex jevitaw u, jekk ikun il-każ, jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi minn min iħaddem fis-settur pubbliku, kif ukoll, jekk ikun il-każ, fil-każ fejn din il-qorti, b’mod konformi ma’ dak li ġie deċiż, b’mod partikolari, fil-punti 138 u 139 kif ukoll 146 tas-sentenza preżenti, tikkonkludi li d-Digriet Presidenzjali 164/2004 jammonta, bi ksur tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, għal tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat li ġie ġustifikat min-neċessità tal-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim.

193

Sabiex tingħata risposta għad-domanda li saret, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru li huma, mill-lat tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijet u preċiżi bizzejjed, l-individwi huma ġustifikati li jinvokawhom kontra l-Istat, b’mod partikolari fil-kapaċità tiegħu bħala persuna li tħaddem (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punti 46 u 49, kif ukoll tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer, C-187/00, Ġabra p. I-2741, punti 69 u 71).

194

Skont il-ġurisprudenza, dan huwa l-każ fis-sitwazzjonijiet kollha fejn is-sempliċi applikazzjoni ta’ din id-direttiva mhix effettivament iggarantita, jiġifieri mhux biss f’każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni jew ta’ traspożizzjoni żbaljata ta’ din id-direttiva, iżda wkoll fil-każ fejn il-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-imsemmija direttiva b’mod korrett mhumiex applikati b’mod li jilħqu r-riżultat imfittex minnha (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 27).

195

Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa permess li din il-ġurisprudenza tiġi trasposta għall-ftehim li, bħall-Ftehim qafas, bdew minn djalogu li sar, abbażi tal-Artikolu 139(1) KE, bejn imsieħba soċjali fil-livell Komunitarju u li ġew implementati, b’mod konformi mal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, permezz ta’ direttiva tal-Kunsill, li b’hekk jiffurmaw parti sħiħa minnha (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

— Fuq il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas

196

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas ma tidhirx li hija, mill-lat tal-kontenut tagħha, mingħajr kundizzjoni u preċiża bizzejjed sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwu quddiem qorti nazzjonali. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa diskrezzjonali li jagħmlu użu, sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, minn waħda jew iktar mill-miżuri msemmija f’din il-klawżola, jew inkella minn miżuri legali ekwivalenti eżistenti, u dan kollu filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema. Barra minn hekk, mhuwiex possibbli li tiġi stabbilita b’mod suffiċjenti l-protezzjoni minima li għandha, f’kull każ, tiġi implementata taħt il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71, 78 u 79).

197

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta japplikaw il-liġi interna, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawha, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u, b’hekk, tikkonforma ruħha mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 249 KE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jirrigwarda d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali, kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti għad-direttiva inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 108, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 56).

198

Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali hija effettivament inerenti għas-sistema tat-Trattat għaliex din tippermetti lill-qrati nazzjonali li jiggarantixxu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt Komunitarju meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 57).

199

Ċertament, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta din tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, u b’mod partikolari minn dawk taċ-ċertezza legali u tan-non-retroattività, u din id-direttiva ma tistax isservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 110, u Impact, punt 100, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 58).

200

Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 111, u Impact, punt 101, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 59).

201

Hekk kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 115 tas-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, f’każ ta’ traspożizzjoni tard ta’ direttiva, l-obbligu ġenerali, li jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali, tal-interpretazzjoni tad-dritt intern b’mod konformi mad-direttiva jeżisti biss minn meta jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha (ara, ukoll, id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 63).

202

Barra minn hekk, fil-każ fejn ir-riżultat stabbilit minn direttiva ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ interpretazzjoni, għandu jitfakkar li, skont is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 39), id-dritt Komunitarju jobbliga lill-Istati Membri li jħallsu d-danni li huma kkawżaw lill-individwi minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, kemm-il darba jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet. Qabel kollox, id-direttiva inkwistjoni għandha jkollha bħala skop l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi. Il-kontenut ta’ dawn id-drittijiet għandu, imbagħad, ikun jista’ jiġi identifikat abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Fl-aħħar, għandu jkun hemm rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-Istat Membru u d-dannu subit (ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C-91/92, Ġabra p. I-3325, punt 27, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 60).

203

Konsegwentement, f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, sa fejn huwa possibbli u meta jkun seħħ użu abbużiv minn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, interpretazzjoni u applikazzjoni sabiex jiġi ssanzjonat dan l-abbuż b’mod xieraq u sabiex jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt Komunitarju. F’dan il-kuntest, hija l-imsemmija qorti li għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 jistgħux, jekk ikun il-każ, japplikaw għall-finijiet ta’ din l-interpretazzjoni konformi.

204

Fir-rigward tal-impatt, f’dan ir-rigward, tal-fatt li l-Artikolu 103(8) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika ġie emendat wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70 u qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, sabiex tiġi pprojbita b’mod assolut, fis-settur pubbliku, it-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat, huwa bizzejjed li jitfakkar li direttiva tipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward tal-Istat Membru destinatarju — u, b’hekk, fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali –, skont il-każ, wara l-pubblikazzjoni tagħha jew sa mid-data tan-notifika tagħha (ara s-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 67).

205

F’dan il-każ, id-Direttiva 1999/70 tindika, fl-Artikolu 3 tagħha, li din tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri l-10 ta’ Lulju 1999.

206

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-applikazzjoni magħquda kemm tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10 KE u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 249 KE tad-direttiva inkwistjoni, jirriżulta li, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha għandhom iżommu lura milli jadottaw dispożizzjonijiet li jistgħu jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat stabbilit minn din id-direttiva (sentenzi Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45; tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C-14/02, Ġabra p. I-4431, punt 58, u Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67). F’dan ir-rigward, ftit jimporta li d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, adottata wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva kkonċernata, tirrigwardax jew le t-traspożizzjoni tagħha (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 121, kif ukoll id-digriet Vassilakis et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 69).

207

Isegwi li l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri huma suġġetti għall-obbligu li jiggarantixxu l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi Francovich et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz, C-453/00, Ġabra p. I-837, punt 20, kif ukoll Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 111), inkluż meta l-imsemmija awtoritajiet jemendaw il-Kostituzzjoni tagħhom.

— Fuq il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas

208

Fir-rigward tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 126 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija klawżola ma tipprekludix kull tnaqqis fil-protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat, iżda biss dak li, minn naħa, huwa ġġustifikat mill-ħtieġa tal-“implementazzjoni” ta’ dan il-ftehim u, min-naħa l-oħra, dak li jirrigwarda l-“livell ġenerali ta’ protezzjoni” tal-ħaddiema għal żmien determinat.

209

Fl-ewwel lok, minn dan jirriżulta li l-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas tirrigwarda biss l-“implementazzjoni” ta’ dan il-ftehim mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali, li jkollhom l-obbligu li jittrasponu lil dan il-ftehim fis-sistema legali interna, billi tipprojbixxi lil dawn, hekk kif ġie osservat fil-punt 133 ta’ din is-sentenza, milli jiġġustifikaw, matul din it-traspożizzjoni, tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, minn neċessità tal-implementazzjoni tal-imsemmi ftehim qafas.

210

Fit-tieni lok, il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, peress li tillimita ruħha sabiex tipprekludi, skont il-kliem tagħha stess, it-“tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam ta’ [dan il-]ftehim”, timplika, hekk kif jirriżulta mill-punt 140 ta’ din is-sentenza, li huwa biss tnaqqis ta’ ċertu daqs li jista’ jolqot globalment il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Issa, minn tali projbizzjoni, l-individwi ma jistgħu jiddeduċu l-ebda dritt li l-kontenut tiegħu jkun ċar, preċiż u inkondizzjonat bizzejjed.

211

Isegwi li l-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tipproduċi effett dirett.

212

F’dan il-kuntest, huma l-qrati nazzjonali li għandom jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kemm jista’ jkun b’mod li jkunu jistgħu jingħataw applikazzjoni li tkun konformi mal-għan imfittex mill-Ftehim qafas (ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 197 sa 200 ta’ din is-sentenza).

213

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li, hija għandha, kemm jista’ jkun tagħti interpretazzjoni konformi mal-klawżoli 5(1) u 8(3) tal-ftehim qafas lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, kif ukoll tistabbilixxi, f’dan il-kuntest, jekk “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn il-klawżoli, bħal dik stabbilita fl-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, għandhomx jiġu applikati għall-kawżi prinċipali minflok ċerti dispożizzjonijiet oħra tad-dritt intern.

Fuq l-ispejjeż

214

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jidher bħala anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix l-adozzjoni, minn naħa ta’ Stat Membru, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li jipprovdi dispożizzjonijiet dwar il-ħaddiema reklutati fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku, li, bil-għan li tittrasponi speċifikament id-Direttiva 1999/70 sabiex id-dispożizzjonijiet tagħha jiġu applikati għas-settur pubbliku, tipprevedi l-implementazzjoni tal-miżuri preventivi tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, meta diġà jkunu jeżisti fid-dritt intern, ħaġa li għandha tivverifika l-qorti tar-rinviju, “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-imsemmija klawżola, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 dwar it-tmiem obbligatorju tal-kuntratt tax-xogħol tal-impjegati tas-settur privat, sa fejn, madankollu, l-imsemmija leġiżlazzjoni, minn naħa, ma taffettwax in-natura effettiva tal-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat hekk kif jirriżulta mill-imsemmija miżuri legali ekwivalenti u, min-naħa l-oħra, sa fejn hija tosserva d-dritt Komunitarju, u, b’mod partikolari, il-klawżola 8(3) ta’ dan il-ftehim.

 

2)

Il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [determinat] għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi applikata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat b’tali mod li t-tiġdid ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, fis-settur pubbliku, jitċies li huwa ġustifikat minħabba “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-imsemmija klawżola għar-raġuni biss li dawn il-kuntratti jkunu bbażati fuq dispożizzjonijiet legali li jippermettu t-tiġdid tagħom sabiex jissodisfaw ċerti bżonnijiet provviżorji, filwaqt li fir-realtà, l-imsemmija bżonnijiet ikunu permanenti u fit-tul. Min-naħa l-oħra, din l-istess klawżola ma tapplikax għall-konklużjoni tal-ewwel jew l-uniku kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat.

 

3)

Il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat għandha tiġi interpretata fis-sens li t-“tnaqqis” previst minn din il-klawżola għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni li kien applikabbli, fl-Istat Membru kkonċernat, kemm għall-ħaddiema li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, kif ukoll għall-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt għal żmien determinat.

 

4)

Il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [determinat] għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Presidenzjali 164/2004, li, diversament minn regola tad-dritt intern preċedenti, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, minn naħa, ma tipprevedix iktar, meta jkun sar użu abbużiv minn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku, il-kwalifika mill-ġdid tagħhom f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jew tissuġġetta lil din il-kwalifika mill-ġdid għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet kumulattivi u restrittivi u, min-naħa l-oħra, teskludi mill-benefiċċju tal-miżuri ta’ protezzjoni li tipprevedi lill-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, meta tali emendi, li għandhom jiġu vverifikati mill-imsemmija qorti, jirrigwardaw kategorija limitata ta’ ħaddiema li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jew huma kkumpensati permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-imsemmi ftehim qafas.

Madankollu, l-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim qafas permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Presidenzjali 164/2004, ma tistax twassal għal tnaqqis fil-protezzjoni li kienet preċedentement applikabbli fis-sistema legali interna għall-ħaddiema għal żmien determinat għal livell inferjuri minn dak stabbilit mid-dispożizzjonijiet minimi ta’ protezzjoni previsti mill-istess Ftehim qafas. B’mod partikolari, l-osservanza tal-klawżola 5(1) tal-imsemmi ftehim qafas teħtieġ li tali leġiżlazzjoni tipprevedi, f’dak li jirrigwarda l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, miżuri effettivi u vinkolanti ta’ prevenzjoni ta’ tali użu abbużiv kif ukoll sanzjonijiet li għandhom natura effettiva u dissważiva bizzejjed sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa ta’ dawn il-miżuri preventivi. B’hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti.

 

5)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta s-sistema legali interna tal-Istat Membru kkonċernat tinkludi, fis-settur ikkunsidrat, miżuri effettivi oħra sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-sens tal-klawżola 5(1) ta’ dan il-ftehim, dan il-fatt ma jostakolax l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali li tipprekludi b’mod assolut, fis-settur pubbliku biss, li jiġu trasformati f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat sensiela ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li, peress li kellhom l-għan li jkopru bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ min iħaddem, għandhom jitqiesu li huma abbużivi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jagħmlu lil din il-leġiżlazzjoni miżura adegwata sabiex tipprevjeni u, jekk ikun il-każ, tissanzjona l-użu abbużiv mill-amministrazzjoni pubblika ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

Min-naħa l-oħra, peress li l-klawżola 5(1) tal-imsemmi ftehim qafas ma tapplikax għall-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, din id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet meta, fir-realtà, tali kuntratt ikun ikopri bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ min iħaddem.

 

6)

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, kemm jista’ jkun, tagħti interpretazzjoni konformi mal-klawżoli 5(1) u 8(3) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, kif ukoll tistabbilixxi, f’dan il-kuntest, jekk “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn il-klawżoli, bħal dik stabbilita fl-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, għandhomx jiġu applikati għall-kawżi prinċipali minflok ċerti dispożizzjonijiet oħra tad-dritt intern.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Fuq