Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CJ0199

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' Frar 2008.
    Centre d’exportation du livre français (CELF) u Ministre de la Culture et de la Communication vs Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE).
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d’État - Franza.
    Għajnuna mill-Istat -Artikolu 88(3), KE - Qrati nazzjonali- Irkupru ta’ għajnuna mogħtija illegalment - Għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.
    Kawża C-199/06.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:79

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    12 ta’ Frar 2008 ( *1 )

    “Għajnuna mill-Istat — Artikolu 88(3) KE — Qrati nazzjonali — Irkupru ta’ għajnuna mogħtija illegalment — Għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni”

    Fil-Kawża C-199/06,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, mressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Mejju 2006, fil-proċedura

    Centre d’exportation du livre français (CELF),

    Ministre de la Culture et de la Communication

    vs

    Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, G. Arestis, U. Lõhmus u L. Bay Larsen (Relatur), Presidenti ta’ l-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, J. Klučka u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2007,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjo ippreżentati:

    Għal Centre d’exportation du livre français (CELF), minn J. Molinié, O. Schmitt, P. Guibert u A. Tabouis, avocats,

    għal Société internationale de diffusion u d’édition (SIDE), minn N. Coutrelis u V. Giacobbo, avocats,

    għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Ramet, bħala aġenti,

    għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn P. Biering u K. Lundgaard Hansen, advokater,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Schulze-Bahr u M. Lumma, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, bħala aġent,

    għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u P. P. J. van Ginneken, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Di Bucci u J.-P. Keppenne, bħala aġenti,

    għall-Autorité de surveillance AELE, minn M. Sánchez Rydelski u B. Alterskjær, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-24 ta’ Mejju 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 88(3) KE.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Centre d’exportation du livre français (CELF) (iktar ’il quddiem “CELF”) u l-Ministre de la Culture et de la Communication u, min-naħa l-oħra, Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE) (iktar ’il quddiem “SIDE”), rigward l-għajnuna mogħtija lil CELF mill-Istat Franċiż.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali u l-proċeduri Komunitarji

    3

    CELF, kumpannija kooperattiva b’responsabbiltà limitata, teżerċita attività ta’ aġent għall-esportazzjoni.

    4

    Skond l-istatuti tagħha, hija għandha l-kompitu li tieħu ħsieb direttament ordnijiet lejn pajjiżi oħra kif ukoll lejn it-territorji u d-dipartimenti Franċiżi tat-territorji extra Ewropej, ta’ kotba, ta’ fuljetti u ta’ kull mezz ieħor ta’ komunikazzjoni u, b’mod iktar ġenerali, twettaq kull operazzjoni intiża, b’mod partikolari, biex tiżviluppa l-promozzjoni tal-kultura Franċiża madwar id-dinja permezz ta’ l-imsemmija mezzi.

    5

    Hija tiġbor flimkien l-ordnijiet żgħar ta’ kotba, u b’dan il-mod tippermetti lil klijenti barranin jindirizzaw interlokutur wieħed minflok diversi fornituri, filwaqt li jibbenefikaw mill-ikbar għażla possibbli. Hija tissodisfa t-talbiet kollha ta’ l-operaturi mingħajr ma tikkunsidra l-ammont ta’ l-ordnijiet, anki jekk dawn ta’ l-aħħar ma jħallux qligħ.

    6

    L-obbligi ta’ CELF ġew affermati mill-ġdid fi ftehim konklużi mal-Ministeru Franciż għall-Kultura u l-Komunikazzjoni.

    7

    Mill-1980 sa l-2002, CELF ibbenefikat minn sussidji għal ġestjoni mogħtija mill-Istat Franċiż biex jagħmlu tajjeb għall-ispiża addizzjonali involuta fil-ġestjoni ta’ ordnijiet żgħar magħmula minn bejjiegħa ta’ kotba stabbiliti barra mill-pajjiż.

    8

    Matul is-sena 1992, SIDE, li hija f’kompetizzjoni ma’ CELF, saqsiet lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jekk l-għajnuna mogħtija lilha kinitx ġiet innotifikata jew le skond l-Artikolu 93(3) KE tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE).

    9

    Il-Kummissjoni talbet u kisbet informazzjoni mingħand il-Gvern Franċiż fuq il-mizuri li bbenefikat minnhom CELF.

    10

    Hija kkonfermat lil SIDE l-eżistenza ta’ għajnuna u informatha li l-miżuri in kwistjoni ma kinux ġew innotifikati.

    11

    Bid-Deċiżjoni NN 127/92 tat-18 ta’ Mejju 1993, li avviż tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-25 ta’ Ġunju 1993 taħt it-titolu “Għajnuna lill-esportaturi ta’ kotba bil-Franċiż” (ĠU C 174, p. 6), hija kkunsidrat li, fid-dawl tal-kompetizzjoni fis-settur tal-kotba u ta’ l-għan kulturali tas-sistemi ta’ għajnuna in kwistjoni, id-deroga prevista fl-Artikolu 92(3)(d), tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 87(3)(c) KE] kienet applikabbli għalihom.

    12

    SIDE ressqet rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

    13

    B’sentenza tat-18 ta’ Settemrbu 1995, SIDE vs Il-Kummissjoni (T-49/93, Ġabra p. II 2501), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat l-imsemmija deċiżjoni safejn kienet tirrigwarda s-sussidju mogħti esklużivament lil CELF biex jagħmel tajjeb għall-ispiża addizzjonali involuta fil-ġestjoni ta’ ordnijiet żgħar minn bejjiegħa ta’ kotba stabbiliti barra mill-pajjiż.

    14

    Hija kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha twettaq eżami ddettaljat tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-settur ikkonċernat qabel ma tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq komuni. Għaldaqstant il-Kummissjoni kellha tibda l-proċedura inter partes prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(2) KE).

    15

    Fit-30 ta’ Lulju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti bidu għal proċedura formali ta’ eżami ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

    16

    Fit-tmiem ta’ l-istħarriġ tagħha, hija adottat id-Deċiżjoni 1999/133/KE, ta’ l-10 ta’ Ġunju 1998, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-Coopérative d’exportation du livre français (CELF) (ĠU L 44, p. 37), li fiha, minn naħa, hija kkonstatat l-illegalità ta’ l-għajnuna, minħabba l-fatt li dawn ma kinux ġew innotifikati lilha, u, min-naħa l-oħra, iddikjarat l-imsemmija għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni, minħabba li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 92(3)(d) tat-Trattat.

    17

    Żewġ rikorsi għal annullament ġew ippreżentati kontra din id-deċiżjoni.

    18

    L-ewwel rikors, imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mir-Repubblika Franċiża minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet eskludiet l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 90(2) tat-Trattat KE, (li sar l-Artikolu 86(2) KE) ġie miċħud permezz tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2000, Franza vs Il-Kummissjoni (C-332/98, Ġabra p. I-4833).

    19

    It-tieni rikors, imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza minn SIDE, ġie milqugħ permezz tas-sentenza tat-28 ta’ Frar 2002, SIDE vs Il-Kummissjoni (T-155/98, Ġabra p. II-1179), li filwaqt li ddeċidiet li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-suq rilevanti, annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni safejn hija tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni.

    20

    Wara dan l-annullament, il-Kummissjoni reġgħet iddikjarat l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 2005/262/KE, ta’ l-20 ta’ April 2004, dwar l-għajnuna mogħtija minn Franza lill-Coopérative d’exportation du livre français (CELF) (ĠU L 85, p. 27).

    21

    SIDE ressqet rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Din il-proċedura bħalissa tinsab pendenti quddiem din il-qorti (kawża T-348/04).

    Il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

    22

    Fl-istess żmien tal-proċeduri Komunitarji, xi proċeduri nbdew quddiem l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali.

    23

    Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, SIDE talbet lill-Ministru għall-Kultura u għall-Komunikazzjoni biex itemm il-ħlas ta’ l-għajnuna lil CELF u jirkupra l-għajnuna li kienet diġà tħallset lil din ta’ l-aħħar.

    24

    Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 1996.

    25

    SIDE ressqet rikors għall-annullament ta’ l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi [tribunal administratif de Paris].

    26

    B’sentenza tas-26 ta’ April 2001, din il-qorti annullat id-deċiżjoni kkontestata.

    27

    Il-Ministru għall-Kultura u għall-Komunikazzjoni kif ukoll CELF appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi.

    28

    B’sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, il-Qorti Amministrattiva ta’ l-Appell ta’ Pariġi kkonfermat is-sentenza appellata u ordnat lill-Istat Franċiż sabiex jipproċedi għall-irkupru tal-flus imħallsa lil CELF bħala kumpens għall-ordnijiet żgħar ta’ kotba magħmula minn bejjiegħa tal-kotba stabbiliti barra mill-pajjiż, fi żmien tliet xhur min-notifikazzjoni tas-sentenza, taħt piena ta’ multa ta’ EUR 1000 għal kull jum ta’ dewmien.

    29

    CELF u l-Ministru għall-Kultura u għall-Komunikazzjoni appellaw quddiem il-Conseil d’État għall-annullament ta’ din is-sentenza kif ukoll tas-sentenza tal-Qorti Amministrattiva ta’ Appell ta’ Pariġi.

    30

    Fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, ir-rikorrenti sostnew, b’mod partikolari, li l-Qorti Amministrattiva ta’ Appell kienet wettqet żball ta’ liġi u żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika billi ma ddeċidietx, fil-każ preżenti, li l-fatt li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni jostakola l-obbligu ta’ irkupru tagħhom, li jirriżulta, bħala regola ġenerali, mill-illegalità marbuta ma’ l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat Membru bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) KE.

    31

    Billi qies li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi fuq interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    L-Artikolu 88 [KE] jippermetti lil Stat li jkun ta għajnuna illegalment lil impriża, u li l-qrati ta’ dak l-Istat ikunu sabu li hija illegali minħabba li l-Kummissjoni Ewropea ma kinitx ġiet innotifikata biha minn qabel […] hekk kif mitlub taħt l-Artikolu 88(3) KE, li ma jirkuprax din l-għajnuna mill-operatur ekonomiku li jkun irċeviha għar-raġuni li l-Kummissjoni, wara li tkun irciviet ilment minn terz, tkun iddikjarat din l-għajnuna bħala kompatibbli mar-regoli tas-suq komuni, u b’hekk effettivament eżerċitat id-dritt esklużiv tagħha li tistabbilixxi jekk hijiex kompatibbli jew le?

    2)

    Fit-tieni lok, jekk dan l-obbligu ta’ restituzzjoni ta’ l-għajnuna jiġi kkonfermat, hemm lok li għall-finijiet tal-kalkolu tas-somom li għandhom jitħallsu lura jittieħdu in kunsiderazzjoni l-perijodi li matulhom l-għajnuna in kwistjoni ġiet iddikjarata mill-Kummissjoni Ewropea bħala kompatibbli mar-regoli tas-suq komuni, qabel ma dawn id-deċiżjonijiet ġew annullati mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    32

    Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali hija marbuta li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, ladabra l-Kummissjoni adottat deċiżjoni finali li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ l-imsemmija għajnuna mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 87 KE.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE tistabilixxi, għall-Istati Membri, obbligu ta’ notifikazzjoni tal-proġetti intiżi biex jistabilixxu jew jemendaw għajnuna.

    34

    Skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE, jekk il-Kummissjoni tqis li proġett innotifikat mhuwiex kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 87 KE, hija għandha tibda mingħajr dewmien il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

    35

    Skond l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE, l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jagħti għajnuna ma jistax jimplementa l-miżuri ppjanati qabel ma l-imsemmija proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

    36

    Il-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni hija intiża biex tiggarantixxi li l-effetti ta’ għajnuna ma jippreżentawx ruħhom qabel ma l-Kummissjoni jkollha terminu raġjonevoli sabiex teżamina l-proġett fid-dettal, u, jekk ikun il-każ, tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (is-sentenza ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Boussac Saint Frères”, C-301/87, Ġabra p. I-307, punt 17).

    37

    L-Artikolu 88(3) KE jistabbilixxi b’dan il-mod kontroll ta’ prevenzjoni fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġodda (is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, Ġabra p. 1471, punt 2).

    38

    Filwaqt li l-Kummissjoni hija marbuta teżamina l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna ppjanata mas-suq komuni, anki fil-każ fejn l-Istat Membru jinjora l-projbizzjoni ta’ implementazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna, il-qrati nazzjonali jħarsu biss, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, id-drittijiet ta’ l-individwi kontra ksur eventwali, mill-awtoritajiet Statali, tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 88(3) KE (is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, imsejħa “FNCE”, C-354/90, Ġabra p. I-5505, punt 14). Fil-fatt, huwa importanti li jiġu mħarsa l-partijiet affettwati mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għoti ta’ l-għajnuna illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich et, C-368/04, Ġabra p. I-9957, punt 46).

    39

    Il-qrati nazzjonali għandhom, bħala regola ġenerali, jilqgħu talba għall-ħlas lura ta’ għajnuna mogħtija bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 70).

    40

    Fil-fatt, id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, m’għandhiex bħala konsegwenza li tissana, a posteriori, l-atti ta’ eżekuzzjoni li kienu invalidi minħabba li ġew adottati bi ksur tal-projbizzjoni prevista minn dan l-Artikolu. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal biex tiffavorixxi n-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE mill-Istat Membru kkonċernat u ċċaħħadha mill-effett utli tagħha (is-sentenza FNCE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

    41

    Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali għandhom jiggarantixxu li jinġibdu l-konsegwenzi kollha ta’ ksur ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE, skond id-dritt nazzjonali tagħhom, f’dak li jirrigwarda kemm il-validità ta’ l-atti ta’ eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kif ukoll l-irkupru ta’ l-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, FNCE, punt 12, u SFEI et, punt 40, kif ukoll is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et, C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I-12249, punt 64, u Transalpine Ölleitung in Österreich et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    42

    Madankollu, jista’ jkun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn ma jkunx xieraw li jiġi ordnat il-ħlas lura ta’ l-għajnuna (is-sentenza SFEI et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

    43

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni finali negattiva, li l-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali, li fuq il-bażi tagħhom seta’ jkollu aspettattivi leġittimi rigward il-legalità ta’ l-għajnuna u konsegwentement li jikkontesta l-ħlas lura tagħha ma tistax tiġi eskluża. F’każ bħal dan, hija l-qorti nazzjonali eventwalment adita, li għandha tevalwa, jekk ikun il-każ wara li tkun għamlet id-domandi preliminari dwar interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċirkustanzi in kwistjoni (is-sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-5/89, Ġabra p. I-3437, punt 16).

    44

    F’dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1), jipprovdi b’mod espliċitu li, fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, hija ma teżiġix l-irkupru ta’ l-għajnuna jekk, b’dan il-mod, hija tmur kontra l-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.

    45

    F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn domanda bbażata fuq l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE hija eżaminata wara li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni pożittiva, il-qorti nazzjonali, minkejja l-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-għajnuna in kwistjoni, għandha tiddeċiedi fuq il-validità ta’ l-atti ta’ eżekuzzjoni u fuq l-irkupru tas-sostenn finanzjarju mogħti.

    46

    F’każ bħal dan, id-dritt Komunitarju jobbligaha tordna miżuri xierqa għal rimedju effettiv ta’ l-effetti ta’ l-illegalità. Madankollu, anki fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, m’hemmx l-obbligu ta’ irkupru totali ta’ l-għajnuna illegali.

    47

    Fil-fatt, l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE hija bbażata fuq l-għan ta’ konservazzjoni li jiġi ggarantit li għajnuna li mhijiex kompatibbli qatt ma tiġi implementata. Dan l-għan jintlaħaq inizjalment, b’mod temporanju, permezz tal-projbizzjoni li hija tistabbilixxi, u, imbagħad, b’mod definittiv, permezz tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, li, meta tkun negattiva, tostakola fil-ġejjieni l-implementazzjoni tal-proġett ta’ għajnuna nnotifikata.

    48

    Għaldaqstant, il-prevenzjoni organizzata b’dan il-mod hija intiża sabiex biss l-għajnuna kompatibbli tiġi implementata. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-implementazzjoni ta’ proġett ta’ għajnuna tiġi sospiża sakemm id-dubbji fuq il-kompatibbiltà tiegħu jitneħħew permezz tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

    49

    Għaldaqstant jidher li, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni pożittiva, l-għan previst fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza ma jiġix kontradett mill-għoti qabel iż-żmien ta’ l-għajnuna.

    50

    F’dan il-każ, mill-perspettiva ta’ l-operaturi minbarra l-benefiċjarju ta’ tali għajnuna, l-illegalità ta’ din jkollha bħala effett, minn naħa, li tesponihom għar-riskju, li fil-fatt ma seħħx, ta’ implementazzjoni ta’ għajnuna li mhijiex kompatibbli, u min-naħa l-oħra, li ġġiegħlhom jbatu jekk ikun il-każ, iktar kmieni milli kellu jkun il-każ, fir-rigward tal-kompetizzjoni, l-effetti ta’ għajnuna kompatibbli.

    51

    Mill-perspettiva tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, il-vantaġġ indebitu jikkonsisti, minn naħa, fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-interessi li huwa kellu jħallas fuq l-ammont in kwistjoni ta’ l-għajnuna kompatibbli, li kieku huwa kellu jissellef dan l-ammont fis-suq sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, fit-titjib tal-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fil-konfront ta’ l-operaturi l-oħra fis-suq sakemm damet fis-seħħ l-illegalità.

    52

    F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali hija għaldaqstant marbuta, b’applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, li tordna lill-benefiċjarju ta’ l-għajnuna jħallas l-interessi għall-perijodu ta’ illegalità.

    53

    Fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tagħha, hija tista’, jekk ikun il-każ, tordna l-irkupru ta’ l-għajnuna illegali, bla ħsara għad-dritt ta’ l-Istat Membru li jerġa jimplementaha, sussegwentement. Hija tista’ wkoll tiġi mwassla sabiex tilqa’ talba għal kumpens għad-dannu kkawżat minħabba n-natura illegali ta’ l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, SFEI et, punt 75, u Transalpine Ölleitung in Österreich et, punt 56).

    54

    Fir-rigward ta’ l-għajnuna nfisha, għandu jingħad ukoll li miżura li tikkonsisti biss f’obbligu ta’ irkupru bla interessi ma tkunx xierqa, bħala regola ġenerali, bħala rimedju għall-effetti ta’ l-illegalità fil-każ fejn l-Istat Membru jerġa’ jimplementa l-imsemmija għajnuna wara d-deċiżjoni finali pożittiva tal-Kummissjoni. Fil-fatt, ladarba l-perijodu ta’ żmien li għadda bejn l-irkupru u l-implementazzjoni ġdida jkun inqas minn dak li għadda bejn l-ewwel implementazzjoni u d-deċiżjoni finali, il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna jbati, jekk ikollu jissellef l-ammont imħallas lura, interessi ta’ ammont inqas għoli minn dak li kien iħallas kieku, mill-bidu, kien ikollu jissellef l-ekwivalent ta’ l-għajnuna mogħtija illegalment.

    55

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda li saret għandha tkun li l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali m’għandhiex l-obbligu li tordna l-irkupru ta’ għajnuna implementata bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-Kummissjoni adottat deċiżjoni finali li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ l-imsemmija għajnuna mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 87 KE. B’applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, hija għandha l-obbligu li tordna lill-benefiċjarju ta’ l-għajnuna sabiex iħallas l-interessi għall-perijodu ta’ illegalità. Fil-kuntest tad-dritt nazzjonali hija tista’, jekk ikun il-każ, tordna, barra minn hekk, l-irkupru ta’ l-għajnuna illegali, bla ħsara għad-dritt ta’ l-Istat Membru li jerġa’ jimplementa l-għajnuna, sussegwentement. Hija tista’ wkoll tiġi mwassla sabiex tilqa talbiet għal kumpens minħabba n-natura illegali ta’ l-għajnuna.

    Fuq it-tieni domanda

    56

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti għar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’sitwazzjoni proċedurali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu, li jirriżulta mill-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE, ta’ rimedju għall-effetti ta’ l-illegalità ta’ għajnuna huwiex ukoll estiż, għall-finijiet tal-kalkolu tas-somma li għandha titħallas mill-benefiċjarju, għall-perijodu ta’ żmien li jgħaddi bejn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni u l-annullament ta’ l-imsemmija deċiżjoni mill-qorti Komunitarja.

    57

    Din id-domanda tirrigwarda kemm l-għajnuna eventwalment implementata bejn iż-żewġ dati in kwistjoni kif ukoll l-interessi, jekk il-konsegwenza li jiġbed id-dritt nazzjonali mill-illegalità ta’ għajnuna, anki jekk jinstab li hija kompatibbli mas-suq komuni, hija l-irkupru ta’ l-imsemmija għajnuna, kemm l-interessi biss fuq l-għajnuna rċevuta waqt l-istess perijodu, jekk l-irkupru ta’ għajnuna illegali kompatibbli mhuwiex previst mid-dritt nazzjonali.

    58

    Il-kawża prinċipali tirrigwarda żewġ perijodi, inklużi bejn id-deċizjonijiet adottati mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Mejju 1993 u fl-10 ta’ Ġunju 1998 u, rispettivament, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ddikjaraw l-annullament tagħhom fit-18 ta’ Settembru 1995 u fit-28 ta’ Frar 2002 (ara l-punti 11 sa 21 ta’ din is-sentenza).

    59

    Id-domanda magħmula tintroduċi, minn naħa, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, u, min-naħa l-oħra, ir-regola stabbilita mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 231 KE.

    60

    Il-preżunzjoni ta’ legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji timplika li dawn jipproduċu effetti ġuridiċi sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-475/01, Ġabra p. I-8923, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    61

    Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 231 KE, meta rikors għal annullament huwa fondat, il-qorti Komunitarja għandha tiddikjara l-att ikkontestat bħala null. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ annullament tal-qorti Komunitarja twassal għat-tħassir retroattiv tad-deċiżjoni kkontestata fil-konfront ta’ l-individwi kollha [is-sentenza ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C-442/03 P u C-471/03 P, Ġabra p. I-4845, punt 43].

    62

    F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-preżunzjoni ta’ legalità u r-regola tar-retroattività ta’ annullament japplikaw suċċessivament.

    63

    Huwa preżunt li l-għajnuna implementata wara d-deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni hija legali sad-deċiżjoni ta’ annullament tal-qorti Komunitarja. Imbagħad, fid-data ta’ din id-deċiżjoni ta’ l-aħħar, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 231 KE, jiġi preżunt li l-għajnuna in kwistjoni ma ġietx iddikjarata bħala kompatibbli mid-deċiżjoni annullata, b’tali mod li l-implementazzjoni tagħha għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali.

    64

    Għaldaqstant jidher li, f’dan il-każ, ir-regola li tirriżulta mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 231 KE ittemm, b’mod retroattiv, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ legalità.

    65

    Wara l-annullament ta’ deċizjoni pożittiva ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna implementata illegalment, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali, ta’ għajnuna li jinvokaw ċirkustanzi eċċezzjonali li fuq il-bażi tagħhom seta’ jkollu aspettattivi leġittimi rigward il-legalità ta’ l-għajnuna u konsegwentement li jikkontesta l-ħlas lura tagħha ma tistax tiġi eskluża (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16, f’dak li jirrigwarda deċiżjoni finali negattiva tal-Kummissjoni).

    66

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni kienet inizjalment iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra għajnuna kkontestata, li tali sitwazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala waħda li tista’ tagħti lok għal aspettativa leġittima ta’ l-impriża benefiċjarja, peress li din id-deċiżjoni kienet ġiet ikkontestata fit-termini preskritti għal rikors, u wara ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenza ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-169/95, Ġabra p. I-135, punt 53).

    67

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni fejn tapprova l-għajnuna, u saħansitra sakemm it-terminu sabiex tinfetaħ il-kawża kontra dik id-deċiżjoni jkun għadu ma skadiex, il-benefiċjarju ma jkollux ċertezza dwar il-legalità ta’ l-għajnuna proposta, li hija l-unika li tista’ tagħti lok għal aspettattiva leġittima (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-91/01, Ġabra p. I-4355, punt 66).

    68

    Għandu jiġi kkonstatat, fl-istess ħin, li fejn jiġi ppreżentat rikors għal annullament, il-benefiċjarju ma jistax ikollu tali ċertezza sakemm il-qorti Komunitarja tkun għadha ma tatx deċiżjoni b’mod definittiv.

    69

    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li, f’sitwazzjoni proċedurali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu li jirriżulta mill-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE, ta’ rimedju għall-effetti ta’ illegalità ta’ għajnuna jestendi wkoll, għall-finijiet tal-kalkolu tas-somom li għandhom jitħallsu mill-benefiċjarju, u bl-eċċezzjoni ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, għall-perijodu ta’ żmien li jgħaddi bejn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni u l-annullament ta’ l-imsemmija deċiżjoni mill-qorti Komunitarja.

    Fuq l-ispejjeż

    70

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali m’għandhiex l-obbligu li tordna l-irkupru ta’ għajnuna implementata bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-Kummissjoni adottat deċiżjoni finali li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ l-imsemmija għajnuna mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artiklu 87 KE. B’applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, hija għandha l-obbligu li tordna lill-benefiċjarju ta’ l-għajnuna sabiex iħallas l-interessi għall-perijodu ta’ illegalità. Fil-kuntest tad-dritt nazzjonali hija tista’, jekk ikun il-każ, tordna, barra minn hekk, l-irkupru ta’ l-għajnuna illegali, bla ħsara għad-dritt ta’ l-Istat Membru li jerġa’ jimplementa l-għajnuna, sussegwentement. Hija tista’ wkoll tiġi mwassla sabiex tilqa talbiet għal kumpens minħabba n-natura illegali ta’ l-għajnuna.

     

    2)

    F’sitwazzjoni proċedurali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu li jirriżulta mill-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE, ta’ rimedju għall-effetti ta’ illegalità ta’ għajnuna jestendi wkoll, għall-finijiet tal-kalkolu tas-somom li għandhom jitħallsu mill-benefiċjarju, u bl-eċċezzjoni ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, għall-perijodu ta’ żmien li jgħaddi bejn deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni u l-annullament ta’ l-imsemmija deċiżjoni mill-qorti Komunitarja.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq