Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62005CJ0039
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 1 July 2008.#Kingdom of Sweden and Maurizio Turco v Council of the European Union.#Appeals - Access to documents of the institutions - Regulation (EC) No 1049/2001 - Legal opinion.#Joined cases C-39/05 P and C-52/05 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta' Lulju 2008.
ir-Renju ta' l-Iżvezja u Maurizio Turco vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Appell - Aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Pariri legali.
Każijiet Magħquda C-39/05 P u C-52/05 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta' Lulju 2008.
ir-Renju ta' l-Iżvezja u Maurizio Turco vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Appell - Aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Pariri legali.
Każijiet Magħquda C-39/05 P u C-52/05 P.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:374
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
1 ta’ Lulju 2008 ( *1 )
“Appell — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Pariri legali”
Fil-Kawżi magħquda C-39/05 P u C-52/05 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati rispettivament fil-31 ta’ Jannar u l-4 ta’ Frar 2005,
Ir-Renju tal-Iżvezja, irrappreżentat minn K. Wistrand u A. Falk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Maurizio Turco, residenti f’Pulsano (l-Italja), irrappreżentat minn O. Brouwer u C. Schillemans, advocaten,
rikorrenti,
sostnuti minn:
Ir-Renju tal-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u C. M. Wissels kif ukoll minn M. de Grave, bħala aġenti,
intervenjent fl-appell,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-C. Piris, M. Bauer u B. Driessen, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn B. Weis Fogh, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski u J. Heliskoski, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn V. Jackson, S. Nwaokolo u T. Harris, bħala aġenti, assistiti minn J. Stratford, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Petite, C. Docksey u P. Aalto, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, A. Tizzano, G. Arestis u U. Lõhmus, Presidenti tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap ta’dipartiment,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Settembru 2007,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appelli tagħhom, ir-Renju tal-Iżvezja (Kawża C-39/05) u M. Turco (Kawża C-52/05 P) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-23 ta’ Novembru 2004, Turco vs Il-Kunsill (T-84/03, Ġabra p. II-4061, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) sa fejn din ċaħdet ir-rikors ta’ M. Turco intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Diċembru 2002 li ċaħditlu l-aċċess għal parir tas-servizz legali tal-Kunsill dwar proposta ta’ direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards minimi sabiex jintlaqgħu l-applikanti għal asil fl-Istati Membri (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Minbarra dan, ir-Renju tal-Iżvezja talab lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi hija stess dwar dan ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
2 |
L-aggravji mqajma mir-rikorrenti fl-appelli jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-portata u l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għall-obbligu ta’ żvelar ta’ dokumenti previst, fil-każ ta’ preġudizzju għall-ħarsien ta’ pariri legali, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43). |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
L-Artikolu 255 KE jiżgura, b’mod partikolari għal kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea, dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, suġġett għall-prinċipji u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. |
4 |
Ir-Regolament Nru 1049/2001 ġie adottat mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 255(2) KE. |
5 |
L-ewwel sar-raba’, is-sitt u l-ħdax-il-premessi ta’ dan ir-regolament huma miktuba kif ġej:
[…]
[…]
|
6 |
Taħt it-titolu “Għan”, l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li dan huwa intiż “li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘l-istituzzjonijiet’) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”. |
7 |
Taħt it-titolu “Benefiċjarji u skop”, l-Artikolu 2(1) ta’ dan l-istess Regolament jirrikonoxxi lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, “bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament”. |
8 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprovdi: “[…] 2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef [jippreġudika] il-ħarsien ta’: […]
[…] jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu. 3. Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef [jippreġudika] il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu. Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet [pariri] għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef [jippreġudika] il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu. […] 6. Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati. 7. L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena […]” |
9 |
L-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li dokumenti miktuba jew irċevuti waqt proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti vinkolanti ġo jew għall-Istati Membri, għandhom, bla ħsara lill-Artikoli 4 u 9, ikunu direttament aċċessibbli. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
10 |
Fit-22 ta’ Ottubru 2002, M. Turco talab lill-Kunsill l-aċċess għad-dokumenti msemmija fl-aġenda tal-laqgħa tal-Kunsill “Ġustizzja u Affarijiet Interni” li saret fil-Lussemburgu fl-14 u l-15 ta’ Ottubru 2002, li fosthom kien hemm, bin-Numru ta’ dokument 9077/02, opinjoni tas-servizz legali tal-Kunsill dwar proposta għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards minimi sabiex jintlaqgħu l-applikanti għal asil fl-Istati Membri. |
11 |
Fir-rigward ta’ din l-opinjoni, il-Kunsill irrifjuta l-aċċess għaliha fil-5 ta’ Novembru 2002, filwaqt li bbaża fuq l-Artikoklu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan ir-rifjut ġie mmotivat kif ġej: “Id-Dokument [Nru] 9077/02 huwa opinjoni tas-servizz legali tal-Kunsill dwar proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi sabiex jintlaqgħu l-applikanti għal asil fl-Istati Membri. Fid-dawl tal-kontenut tiegħu, l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika l-ħarsien ta’ pariri legali interni tal-Kunsill, previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament [Nru 10419/2001]. Fin-nuqqas ta’ xi motiv speċifiku li jindika li hemm interess pubbliku superjuri partikolari fl-aċċess għal dan id-dokument, is-Segretarjat Ġenerali kkonkluda, wara li qies l-interessi taż-żewġ naħat, li l-interess tal-ħarsien tal-pariri legali interni għandu prijorità fuq l-interess pubbliku u, għaldaqstant, iddeċieda li jirrifjuta l-aċċess għal dan id-dokument, skont l-Artikolu 4(2) ta’ [dan ir-]Regolament. Din l-eċċezzjoni tkopri l-kontenut kollu kemm hu tad-dokument. Konsegwentement, mhuwiex possibbli li jingħata aċċess parzjali għal dan id-dokument skont l-Artikolu 4(6) ta’ [dan ir-]Regolament.” |
12 |
Fit-22 ta’ Novembru 2002, M. Turco ippreżenta applikazzjoni konfermatorja sabiex dan jirrivedi l-pożizzjoni tiegħu, billi sostna li l-Kunsill kien applika bi żball l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet previsti fl-Artikoli 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u sostna li l-prinċipju ta’ demokrazija u ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess leġiżlattiv jikkostitwixxi interess pubbliku akbar li jiġġustifika l-iżvelar, b’mod partikolari, tal-parir legali inkwistjoni. |
13 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill, fir-rigward ta’ dan il-parir, aċċetta li jiżvela l-paragrafu introduttiv, li fih kien indikat li din tinkludi l-parir tas-servizz legali tal-Kunsill fuq il-kwistjoni tal-kompetenza Komunitarja fir-rigward tal-aċċess ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għas-suq tax-xogħol, iżda għall-bqija, dan irrifjuta li jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu. Huwa ġġustifika l-konferma tar-rifjut ta’ aċċess essenzjalment fuq il-fatt, minn naħa, li l-pariri tas-servizz legali tiegħu jeħtieġu protezzjoni partikolari peress li dawn jikkostitwixxu strument importanti li jippermettulu li jkun ċert dwar il-kumpatibbiltà tal-atti tiegħu mad-dritt Komunitarju u sabiex tkun tista’ ssir diskussjoni dwar l-aspetti legali inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, l-iżvelar tagħhom jista’ joħloq inċertezza dwar il-legalità tal-atti leġiżlattivi adottati fuq il-bażi ta’ dawn l-pariri, u b’hekk tista’ tiġi ppreġudikata ċ-ċertezza legali u l-istabbiltà tas-sistema legali Komunitarja. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess pubbliku akbar invokat minn M. Turco, il-Kunsill sostna li: “Il-Kunsill jikkunsidra li interess pubbliku superjuri bħal dan mhuwiex magħmul biss mill-fatt li l-aċċess għal dawn id-dokumenti li fihom il-parir tas-servizz legali dwar kwistjonijiet legali li jqumu matul id-dibattitu dwar inizjattivi leġiżlattivi huwa fl-interess ġenerali li tiżdied it-trasparenza u l-ftuħ tal-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjoni tal-istituzzjoni. Fil-fatt, dan il-kriterju jista’ jiġi applikat għall-pariri bil-miktub kollha jew għal dokumenti simili tas-servizz legali, fatt li jagħmel prattikament impossibbli għall-Kunsill li jirrifjuta l-aċċess għal kwalunkwe parir tas-servizz legali skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kunsill jikkunsidra li riżultat bħal dan huwa manifestament kuntrarju għar-rieda tal-leġiżlatur, kif espressa fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li jċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effettività kollha tagħha.” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
14 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Frar 2003, M. Turco ppreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. In sostenn ta’ dan ir-rikors, huwa invoka, għal dak li jikkonċerna r-rifjut ta’ aċċess għall-parir legali inkwistjoni, motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, maqsum fi tliet partijiet. |
15 |
L-ewwel nett, prinċipalment, huwa rrefera għal żball fir-rigward tal-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-pariri legali stabbiliti fil-kuntest tal-eżami ta’ proposti leġiżlattivi jaqgħu, skont huwa, taħt l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u mhux taħt dik li tinsab fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, li tkopri biss il-pariri legali mogħtija fil-kuntest ta’ proċedimenti fil-qrati. |
16 |
Din l-interpretazzjoni ġiet miċħdua mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li ddeċidiet li tmur kontra l-kliem tal-Artikolu 4(2), li ma fihx restrizzjoni simili, u li jwasslu sabiex iċaħdu minn kull effettività ir-referenza għall-pariri legali fost l-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001, peress illi l-leġiżlatur Komunitarju kien xtaq, għal din id-dispożizzjoni, li jistabbilixxi eċċezzjoni dwar il-pariri legali distinta minn dik dwar il-proċedimenti fil-qrati. Fil-fatt, il-pariri mogħtija mis-servizz legali tal-Kunsill fil-kuntest ta’ proċedimenti fil-qrati kienu diġà msemmija mill-eċċezzjoni dwar il-ħarsien ta’ proċedimenti fil-qrati. Konsegwentement, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, seta’ validament jibbaża ruħu fuq l-eċċezzjoni dwar il-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex jiddetermina jekk huwa kellux jagħti lir-rikorrent aċċess għall-parir legali inkwistjoni. |
17 |
It-tieni nett, M. Turco invoka, sussidjarjament, applikazzjoni żbaljata ta’ dan l-Artikolu 4(2), peress li l-Kunsill kien ikkunsidra b’mod żbaljat li l-pariri maħruġa mis-servizz legali tiegħu jeħtieġu, min-natura tagħhom, il-ħarsien li din id-dispożizzjoni tiggarantixxi. Minbarra dan, il-Kunsill m’għandux jibbaża ruħu fuq preżunzjonijiet ta’ ordni ġenerali u ma jistax jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni kkonċernata ħlief każ b’każ, wara eżami konkret ta’ kull parir legali li jkun intalab jiżvela. M. Turco jikkontesta wkoll ir-rilevanza tal-bżonn ta’ ħarsien tal-parir legali inkwistjoni allegat mill-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata. |
18 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-iżvelar tal-opinjoni bħall-parir legali inkwistjoni jista’, minn naħa, jħalli dubju dwar il-legalità tal-atti leġiżlattiv inkwistjoni li dwarhom jitrattaw dawn il-pariri u jista’, min-naħa l-oħra, iqajjem dubju dwar l-indipendenza tal-pariri tas-servizz legali tal-Kunsill, b’mod li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li jeżisti interess ġenerali għall-ħarisen tal-pariri legali bħal dawk inkwistjoni. Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li l-motivazzjoni tar-rifjut parzjali ta’ aċċess għall-parir legali inkwistjoni kif ukoll id-deċiżjoni li jiġi żvelat il-paragrafu introduttiv juru li l-Kunsill kien eżamina l-kontenut ta’ dan il-parir. Din esprimiet ruħha, f’dan ir-rigward, fil-punti 69 sa 80 tas-sentenza appellata, fit-termini li ġejjin:
|
19 |
Fit-tielet lok, M. Turco sostna, dejjem sussidjarjament, li l-prinċipju ta’ trasparenza jikkostitwixxi “interess pubbliku akbar” skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li l-parir legali inkwistjoni, f’kull każ, kellu jiġi żvelat skont dan il-prinċipju. |
20 |
Fir-rigward tat-tieni parti tal-motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fil-punti 82 sa 85 tas-sentenza appellata li l-Kunsill kien iġġustifikat li jikkunsidra li l-interess pubbliku akbar seta’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument għandu, bħala regola ġenerali, ikun distint mill-prinċipji invokati minn M. Turco, li jsostnu r-Regolament Nru 1049/2001 fl-intier tiegħu, u dan fit-termini li ġejjin:
|
21 |
B’konsegwenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors sa fejn jirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għall-parir legali inkwistjoni. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
22 |
Permezz tal-appelli tagħhom, ir-Renju tal-Iżvezja u minn M. Turco jitolbu l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn din ċaħdet lil M. Turco l-aċċess għall-parir legali inkwistjoni. Minbarra dan, ir-Renju tal-Iżvezja jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex hija stess tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, M. Turco jitlob li, jekk jirriżulta neċessarju, li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiġi deċiża mill-ġdid. |
23 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2005, iż-żewġ appelli ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza. |
24 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2005, ir-Renju tal-Olanda ġie awtorizzat sabiex jintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. |
25 |
Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Olanda u r-Repubblika tal-Finlandja jitolbu li l-appelli jintlaqgħu. |
26 |
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-appelli jiġu miċħuda. |
Fuq l-appelli
27 |
L-appelli jqajmu ħames aggravji, fostom l-ewwel tlieta jirreferu għat-tliet partijiet tal-motiv invokat minn M. Turco fl-ewwel istanza. |
28 |
Fl-ewwel lok, M. Turco, sostnut mir-Renju tal-Olanda, invoka żball ta’ interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li b’mod mhux korrett qieset li l-pariri legali dwar proposti leġiżlattivi jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li huwa biss l-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regoplament li jista’ japplika għal tali opinjoni. |
29 |
Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Iżvezja u M. Turco, sostnuti mir-Renju tal-Olanda u r-Repubblika tal-Finlandja, isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet applikazzjoni żbaljata tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi ddeċidiet li l-pariri legali tas-servizz legali tal-Kunsill li jirrigwardaw proposti leġiżlattivi huma, min-natura tagħhom, koperti mill-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. |
30 |
Fit-tielet lok, M. Turco, sostnut mir-Renju tal-Olanda u r-Repubblika tal-Finlandja, jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li interpretat b’mod mhux preċiż u applikat il-kunċett ta’ interess pubbliku akbar li jista’, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument li bħala prinċipju huwa kopert mill-eċċezzjoni ta’ kunfidenzjalità prevista f’din l-istess dispożizzjoni għall-pariri legali. |
31 |
L-aħħar żewġ aggravji mqajma minn M. Turco jinvokaw, rispettivament, prinċipju li jgħid li s-sistema legali Komunitarja hija fondata fuq ir-regola ta’ dritt u insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. |
Osservazzjonijiet preliminari
32 |
Qabel ma jiġu kkunsidrati l-aggravji invokati insostenn tal-appell, għandhom jiġu mfakkra r-regoli rilevanti dwar, minn naħa, l-eżami li għandu jiġi effettwat mill-Kunsill meta jintalab jiżvela ta’ opinjoni tas-servizz legali tiegħu dwar proċessi leġiżlattivi kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-motivazzjoni li huwa għandu jipprovdi sabiex jiġġustifika eventwali rifjut ta’ żvelar. |
L-eżami li għandu jsir mill-istituzzjoni
33 |
Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, bħal ma jindikaw ir-raba’ premessa tiegħu u l-Artikolu 1 tiegħu, dritt ta’ aċċess lill-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li huwa l-iktar wiesa’ possibbli. |
34 |
Skont l-ewwel premessa tiegħu, dan ir-regolament jistipula r-rieda espressa fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Trattat UE, li jinsab fit-Trattat ta’ Amsterdam, li jiġi mħaddan stadju ġdid fil-proċess ta’ ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-iktar mod miftuħ, u eqreb lejn iċ-ċittadin, possibbli. Kif tfakkar it-tieni premessa ta’ dan ir-regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar. |
35 |
Meta l-Kunsill jintalab jiżvela dokument, dan għandu l-obbligu li jevalwa, f’kull każ in eżami, jekk dan id-dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. |
36 |
B’kunsiderazzjoni tal-għanijiet segwiti minn dan ir-regolament, dawn l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, l-Iżvezja vs Il-Kummissjoni et, C-64/05, Ġabra p. I-11389, punt 66). |
37 |
Fir-rigward tal-eċċezzjoni relatata ml-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eżami li għandu jsir mill-Kunsill meta jintalab jiżvela dokument għandu neċessarjament iseħħ fi tliet partijiet, li jikkorrispondu għat-tliet kriterji li jisabu f’din id-dispożizzjoni. |
38 |
Fl-ewwel lok, il-Kunsill għandu jiżgura li d-dokument li qed jintalab jiżvela jikkonċerna sew parir legali u, fl-affermattiv, jiddetermina liema huma l-partijiet effettivament ikkonċernati u, b’hekk, li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni. |
39 |
Fil-fatt, mhuwiex minħabba li dokument ġie intitolat “parir legali” li għandu awtomatikament jibbenefika mill-ħarsien tal-pariri legali ggarantit mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Lil hinn mid-denominazzjoni tiegħu, huwa l-obbligu tal-istituzzjoni li tiżgura li dan id-dokument jikkonċerna fil-verità tali parir. |
40 |
Fit-tieni lok, il-Kunsill għandu jeżamina jekk l-iżvelar tal-partijiet mid-dokumenti inkwistjoni identifikati bħala li jikkonċernaw pariri legali “jistgħux idgħajjfu [jippreġudikaw]” lil dawn tal-aħħar. |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la r-Regolament Nru 1049/2001 u lanqas ix-xogħlijiet preparatorji tiegħu ma jagħmlu kjarifiki dwar il-portata tal-kunċett ta’ “ħarsien” tal-pariri legali. B’hekk, hemm lok li dan jiġi interpretat skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħha jikkostitwixxi element. |
42 |
Konsegwentement hemm lok li l-eċċezzjoni dwar il-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tiġi interpretata bħala intiża sabiex tħares l-interess ta’ istituzzjoni sabiex titlob pariri legali u sabiex tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti. |
43 |
Ir-riskju li jkun ippreġudikat dan l-interess għandu, sabiex ikun jista’ jiġi invokat, ikun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku. |
44 |
Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, jekk il-Kunsill jikkunsidra li l-iżvelar ta’ dokument jippreġudika l-ħarsien tal-pariri legali hekk kif huwa ddefinit, huwa għandu obbligu li jivverifika li ma jeżistix interess pubbliku akbar li jiġġustifika dan l-iżvelar minkejja l-ħsara li tirriżulta minn hekk għall-kapaċità tiegħu li jitlob pariri legali u li jirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti. |
45 |
F’dan il-kuntest, il-Kunsill għandu obbligu li jwieżen l-interess speċifiku li għandu jiġi protett permezz tan-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod paritkolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva t-tieni premessa tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza addizzjonali, jiġifieri, sehem aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll amministrazzjoni li tgawdi iktar leġittimità u tkun iktar effettiva u responsabbli fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika |
46 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma, ovvjament, ta’ rilevanza li hija għal kollox partikolari meta l-Kunsill jaġixxi bħala leġiżlatur, kif jirriżulta mis-sitt premessa tar-Regolament Nru 1049/2001 li tgħid li għandu jingħata iktar aċċess għad-dokumenti f’każ bħal dan. It-trasparenza f’dan ir-rigward tikkontribwixxi sabiex issaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini li jikkontrollaw l-informazzjoni kollha li tkun ikkostitwixxiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv. Fil-fatt, il-possibbiltà, għaċ-ċittadini, li jsiru jafu l-bażi tal-azzjonijiet leġiżlattivi hija kundizzjoni tal-eżerċizzju effettiv, minn dawn tal-aħħar, tad-drittijiet demokratiċi tagħhom. |
47 |
Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 207(3), il-Kunsill għandu l-obbligu li jiddefinixxi l-każijiet li fihom għandu jitqies li jkun jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu, bil-ħsieb li jħalli aċċess akbar għad-dokumenti f’tali każijiet. B’mod simili, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirrikonoxxi l-partikolarità tal-proċessi leġiżlattivi billi jipprovdi li d-dokumenti miktuba jew irċevuti waqt proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti vinkolanti ġo jew għall-Istati Membri, għandhom ikunu direttament aċċessibbli. |
Il-motivazzjoni meħtieġa
48 |
Kull deċiżjoni tal-Kunsill fid-dawl tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi motivata. |
49 |
Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jirrifjuta li jagħti l-aċċess għal dokument li jkun intalab jiżvela, huwa għandu l-obbligu li jipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif, l-ewwel nett, l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li din l-istituzzjoni tinvoka u, fit-tieni lok, fl-ipoteżijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk jeżistix interess pubbliku akbar li madankollu jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat. |
50 |
Bħala prinċipju huwa possibbli għall-Kunsill li jibbaża, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura. Madankollu huwa għandu l-obbligu li jivverifika f’kull każ jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari huma effettivament applikabbli għal dokument partikolari li jkun intalab jiżvela. |
51 |
Huwa fir-rigward ta’ dawn l-elementi ta’ dritt li hemm lok li jiġu eżaminati l-aggravjji invokati mir-rikorrenti insostenn tal-appelli tagħhom. |
52 |
L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat it-tieni aggravju. |
Fuq it-tieni aggravju
53 |
It-tieni aggravju jinqasam fi tliet partijiet, fejn it-tlieta huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma osservatx din id-dispożizzjoni billi ma vverifikatx korrettament jekk il-Kunsill kienx eżamina d-dokument inkwistjoni b’mod suffiċjentement iddettaljat qabel ma rrifjutalu l-iżvelar. Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li aċċettat motivazzjoni ta’ rifjut imfassla fuq termini ġenerali dwar il-pariri legali kollha tas-servizz legali tal-Kunsill dwar atti leġiżlattivi, u mhux speċifikatament fuq il-parir legali inkwistjoni. Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret din id-dispożizzjoni billi ammettiet l-eżistenza ta’ bżonn ġenerali ta’ kunfidenzjalità f’dak li jikkonċerna l-pariri legali dwar kwistjonijiet leġiżlattivi. |
54 |
Il-Kunsill huwa tal-fehma li l-ewwel u t-tieni parti ta’ dan l-aggravju huma bbażati fuq konfużjoni bejn, minn naħa, il-prinċipju li kull dokument għandu jiġi evalwat skont il-kontenut tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jiġu invokati motivi ta’ ordni ġenerali. F’dak li jikkonċerna t-tielet parti ta’ dan l-aggravju, il-Kunsill iżomm il-pożizzjoni li huwa kien sostna quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, jiġifieri li jeżisti bżonn ġenerali ta’ kunfidenzjalità f’dak li jikkonċerna l-pariri legali dwar kwistjonijiet leġiżlattivi peress illi, minn naħa, l-iżvelar ta’ tali pariri jista’ jħalli dubju dwar il-legalità tal-att leġiżlattiv ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, l-indipendenza tas-servizz legali tiegħu tiġi kkontestata minn żvelar sistematiku ta’ dawn il-pariri. |
55 |
F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet validament tiddeduċi mill-fatt li l-Kunsill, minn naħa, aċċetta li jiżvela l-paragrafu introduttiv tal-parir legali inkwistjoni u, min-naħa l-oħa, irrifjuta l-aċċess għall-bqija ta’ dan il-parir billi invoka l-protezzjoni tal-pariri legali, li din l-istituzzjoni kienet effettivament eżaminat it-talba ta’ żvelar ta’ dan il-parir legali fir-rigward tal-kontenut tiegħu u b’hekk kien wettqet tal-anqas l-ewwel fażi tal-eżami deskritt fil-punti 37 sa 47 ta’ din is-sentenza. B’konsegwenza, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda. |
56 |
F’dak li jikkonċerna t-tieni parti tiegħu, il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat il-kunsiderazzjoni, mill-Kunsill, ta’ motivi ta’ ordni ġenerali sabiex jiġġustifika r-rifjut parzjali tal-aċċess għall-parir legali inkwistjoni, mhuwiex, kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ din is-sentenza, minnu nnifsu ta’ natura li jinvalida l-eżami ta’ dan ir-rifjut mill-Qorti tal-Prim’Istanza. |
57 |
Madankollu għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li din ma rrikjeditex mill-Kunsill li dan ikun ivverifika jekk il-motivi ta’ ordni ġenerali li fuqhom jibbaża kinux effettivament applikabbli għall-parir legali li jkun intalab jiżvela. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet segwenti dwar it-tielet parti ta’ dan l-aggravju, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat b’mod żbaljat li jeżisti bżonn ġenerali ta’ kunfidenzjalità f’dak li jikkonċerna l-pariri tas-servizz legali tal-Kunsill dwar kwistjonijiet leġiżlattivi. |
58 |
Fil-fatt, ebda wieħed miż-żewġ argumenti mqajma f’dan ir-rigward mill-Kunsill u adottat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 78 u 79 tas-senteza kkonstata ma jistgħu jsostnu din l-affermazzjoni. |
59 |
F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-preokkupazzjoni espressa mill-Kunsill li l-iżvelar ta’ opinjoni tas-servizz legali tiegħu dwar proposta leġiżlattiva jista’ jħalli dubju dwar il-legalità tal-att leġiżlattiv ikkonċernat, hemm lok li jiġi rrilevat li hija preċiżament it-trasparenza f’dan ir-rigward li, billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu diskussi fil-miftuħ, tikkontribwixxi sabiex tagħti lill-istituzzjonijiet leġittimità dejjem akbar f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej u sabiex iżżid il-fiduċja tagħhom. Fil-fatt, huwa pjuttost in-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ dibattitu li jistgħu jqajmu dubji f’moħħ iċ-ċittadini, mhux biss fir-rigward tal-legalità ta’ att iżolat, iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċedimenti fil-qrati fl-intier tagħhom. |
60 |
Barra minn hekk, ir-riskju li dubji jitqajmu f’moħħ iċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-legalità ta’ att adottat mil-leġiżlatur Komunitarju mill-fatt li s-servizz legali tal-Kunsill kien ħareġ parir mhux favorevoli fir-rigward ta’ dan l-att l-iktar spiss ma jitwettaqx jekk il-motivazzjoni ta’ dan l-att kienet ġiet imsaħħa b’mod li turi r-raġunijiet li għalihom dan il-parir mhux favorevoli ma kienx ġie segwit. |
61 |
Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li, billi jiġi invokat b’mod ġenerali u astratt ir-riskju li l-iżvelar tal-pariri legali dwar il-proċedimenti legali jista’ joħloq dubji dwar il-legalità ta’ atti leġiżlattivi ma jistax ikun biżżejjed sabiex jikkaratterizza preġudizzju lill-ħarsien tal-pariri legali skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u b’konsegwenza ma jistax isostni rifjut ta’ żvelar ta’ dawn il-pariri. |
62 |
F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-argument tal-Kunsill li l-indipendenza tas-servizz legali tiegħu titqiegħed f’dubju minn żvelar possibbli tal-pariri legali maħruġa minn dan tal-aħħar fil-kuntest ta’ proċessi leġiżlattivi, għandu jiġi kkonstatat li din il-biża’ hija fil-qalba stess tal-interessi protetti mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, din l-eċċezzjoni hija intiża fil-fatt preċiżament sabiex tipproteġi l-interess ta’ istituzzjoni sabiex titlob pariri legali u sabiex tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti. |
63 |
Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kunsill, f’dan ir-rigward, ibbaża, kemm quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq sempliċi affermazzjonijiet, li ebda waħda minnhom ma hija sostnuta minn argumenti dettaljati. Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jsegwu, ma jidher ebda riskju veru, raġonevolment prevedibbi, u mhux purament ipotetiku ta’ ħsara għal dan l-interess. |
64 |
Fir-rigward ta’ eventwali pressjonijiet eżerċitati sabiex jiġi influwenzat il-kontenut tal-pariri espressi mis-servizz legali tal-Kunsill, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, anki jekk jiġi presuppost li l-membri ta’ dan is-servizz legali jissubixxu pressjonijiet illeġittimi għal dan il-għan, ikunu dawn il-pressjonijiet, u mhux il-possibbiltà ta’ żvelar tal-pariri legali, li jqajmu dubji dwar l-interess ta’ din l-istituzzjoni sabiex tirċievi pariri legali sinċieri, oġġettivi u kompluti, u huwa l-Kunsill li ovvjament ikollu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex itemm dan. |
65 |
F’dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li jista’ jkun diffiċli għas-servizz legali ta’ istituzzjoni li jkun l-ewwel nett esprima parir negattiv dwar att leġiżlattiv matul adozzjoni, li jiddefendi sussegwentement il-legalità ta’ dan l-att jekk dan il-parir ikun ġie ippubblikat, għandu jiġi kkonstatat li argument ta’ ordni daqshekk ġenerali ma jistax jiġġustifika eċċezzjoni għat-trasparenza prevista mir-Regolament Nru 1049/2001. |
66 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jidher li mhemm ebda riskju, raġonevolament prevedibbli, u mhux purament ipotetiku, li l-iżvelar tal-pariri tas-servizz legali tal-Kunsill mogħtija fil-kuntest ta’ proċessi leġiżlattivi huwa ta’ natura li jippreġudika l-ħarsien tal-pariri legali skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
67 |
F’kull każ, sa fejn dan l-iżvelar jista’ jippreġudika l-interess għall-ħarsien tal-indipendenza tas-servizz legali tal-Kunsill, dan ir-riskju għandu jiġi bbilanċjat mill-interessi pubbliċi akbar li jirreferi għalihom ir-Regolament Nru 1049/2001. Jikkostitwixxi tali interess pubbliku akbar, kif ġie mfakkar fil-punti 45 sa 47 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-iżvelar tad-dokumenti li jinkludu l-opinjoni tas-servizz legali ta’ istituzzjoni fuq kwistjonijiet legali li tqajmu matul id-dibattitu dwar inizjattivi leġiżlattivi huwa ta’ natura li jżid it-trasparenza u l-ftuħ tal-proċessi leġiżlattivi u li jsaħħaħ id-dritt demokratiku taċ-ċittadini Ewropej li jikkontrollaw l-informazzjoni li kkostitwiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv, hekk kif imsemmi, b’mod partikolari, fit-tieni u s-sitt premessa ta’ dan ir-regolament. |
68 |
Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li r-Regolament Nru 1049/2001 jimponi, bħala prinċipju, obbligu ta’ żvelar tal-pariri tas-servizz legali tal-Kunsill dwar proċess leġiżlattiv. |
69 |
Madankollu din il-konstatazzjoni ma tipprekludix li l-iżvelar ta’ parir legali speċifiku, mogħti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv, iżda li għandu natura partikolarment sensittiva, jew portata partikolarment wiesgħa li tmur lil hinn mill-kuntest tal-proċess leġiżlattiv inkwistjoni, jista’ jiġi rrifjutat fid-dawl tal-ħarsien tal-pariri legali. F’każ bħal dan, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha timmotiva r-rifjut b’mod dettaljat. |
70 |
F’dan il-kuntest, għandu wkoll jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, eċċezzjoni tista’ tapplika biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. |
71 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha, jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punti 77 sa 80 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata setgħet tiġi legalment immotivata u ġġustifikata minn bżonn ġenerali ta’ kunfidenzjalità li huwa marbut mal-pariri legali dwar kwistjonijiet leġiżlattivi. |
72 |
Isegwi li t-tieni u t-tielet partijiet ta’ dan l-aggravju huma fondati. F’dawn il-kundizzjonijiet, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn tirreferi għar-rifjut ta’ aċċess għall-parir legali inkwistjoni u sa fejn tikkundanna lil M. Turco u lill-Kunsill sabiex ibatu kull wieħed nofs l-ispejjeż. |
Fuq it-tielet aggravju
73 |
Jirriżulta mill-kundizzjonijiet dwar it-tieni aggravju li t-tielet aggravju huwa wkoll fondat, hekk kif jiġġustifika wkoll l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn din tikkonċerna r-rifjut ta’ aċċess għall-parir legali inkwistjoni u sa fejn tikkundanna lil M. Turco u lill-Kunsill sabiex ibatu kull wieħed nofs l-ispejjeż. |
74 |
Hekk kif ġie deċiż fil-punti 44 sa 47 kif ukoll 67 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi ddeċidiet li l-interess pubbliku akbar li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument għandu, bħala regola ġenerali, ikun distint mill-prinċipji li jirreferi għalihom dan ir-regolament. |
75 |
Fil-fatt, il-prinċipji li jistabbilixxu att leġiżlattiv huma ovvjament dawk li fid-dawl tagħhom għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tiegħu. |
Fuq l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames aggravji
76 |
Peress illi t-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni aggravji kif ukoll it-tielet aggravju kienu ġew milqugħa u ġġustifikaw l-annullament tas-sentenza kkontestata sa fejn tirrigwarda l-aċċess għall-parir legali inkwistjoni u fuq l-ispejjeż ta’ M. Turco u tal-Kunsill relatati mar-rikors, mhemmx lok li jiġu eżaminati l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames aggravji ppreżentati minn M. Turco in sostenn tal-appelli tiegħu, peress illi dawn ma jistgħux iwasslu għal annullament iktar wiesa’ ta’ din is-sentenza. |
Fuq il-konsegwenzi tal-annullament parzjali tas-sentenza appellata
77 |
B’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ fil-kawża inkwistjoni. |
78 |
Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq il-bażi ta’ żball doppju, f’dak li jikkonċerna, minn naħa, l-eżistenza ta’ bżonn ġenerali ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tal-pariri legali dwar proċessi leġiżlattivi, imħarsa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u, min-naħa l-oħra, l-opinjoni li l-prinċipji li għalihom jirreferi dan ir-regolament ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “interess pubbliku akbar” skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. |
79 |
Madankollu, jirriżulta mill-punti 40 sa 47, 56 sa 68 kif ukoll 74 u 75 ta’ din is-sentenza li huma fondati l-motivi invokati minn M. Turco fl-ewwel istanza li jgħidu li, minn naħa, il-Kunsill ikkunsidra b’mod żbaljat li jeżisti bżonn ġenerali ta’ kunfidenzjalità dwar il-pariri tas-servizz legali tiegħu dwar proċessi leġiżlattivi, imħares mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, il-Kunsill ma vverifikax leglament l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ interess pubbliku akbar. |
80 |
B’konsegwenza, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. |
Fuq l-ispejjeż
81 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tagħhom, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu li l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 69 jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
82 |
Peress li l-appelli ġew milqugħa, hemm lok li l-Kunsill jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż relatati ma’ dawk esposti mir-Renju tal-Iżvezja u minn M. Turco, konformi mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. |
83 |
Il-Kunsill u l-partijiet l-oħra fil-proċedura ta’ appell għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati magħha. |
84 |
Barra minn hekk peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors ippreżentat minn M. Turco quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hemm lok ukoll li l-Kunsill ibati l-ispejjeż li M. Turco sostna fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza, skont it-talbiet tar-rikors tiegħu. |
85 |
Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.