Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62006CJ0306
Judgment of the Court (First Chamber) of 3 April 2008.#01051 Telecom GmbH v Deutsche Telekom AG.#Reference for a preliminary ruling: Oberlandesgericht Köln - Germany.#Directive 2000/35/EC - Combating of late payment in commercial transactions - Article 3(1)(c)(ii) - Late payment - Bank transfer - Date on which payment is to be regarded as having been made.#Case C-306/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-3 ta' April 2008.
01051 Telecom GmbH vs Deutsche Telekom AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Köln - il-Ġermanja.
Direttiva 2000/35/KE - Ġlieda kontra ħlasijiet tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali - Artikolu 3(1)(ċ)(ii) - Ħlas tard - Trasferiment bankarju - Data li fiha l-ħlas għandu jiġi kkunsidrat li sar.
Kawża C-306/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-3 ta' April 2008.
01051 Telecom GmbH vs Deutsche Telekom AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Köln - il-Ġermanja.
Direttiva 2000/35/KE - Ġlieda kontra ħlasijiet tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali - Artikolu 3(1)(ċ)(ii) - Ħlas tard - Trasferiment bankarju - Data li fiha l-ħlas għandu jiġi kkunsidrat li sar.
Kawża C-306/06.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:187
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
3 ta’ April 2008 ( *1 )
“Direttiva 2000/35/KE — Ġlieda kontra ħlasijiet tardivi fi tranżazzjonijiet kummerċjali — Artikolu 3(1)(ċ)(ii) — Ħlas tardiv — Trasferiment bankarju — Data li fiha l-ħlas għandu jiġi kkunsidrat li sar”
Fil-Kawża C-306/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Köln (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2006, fil-proċedura
01051 Telecom GmbH
vs
Deutsche Telekom AG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Settembru 2007,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal 01051 Telecom GmbH, minn P. Schmitz, Rechtsanwalt, |
|
— |
għal Deutsche Telekom AG, minn M. Reuter, Rechtsanwalt, |
|
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u A. Günther, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent, |
|
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Schima, bħala aġent, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ)(ii) tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-[Kunsill], tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard [tardivi] fi tranżazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 200, p. 35). |
|
2 |
Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn 01051 Telecom GmbH (iktar ’il quddiem “01051 Telecom”) u Deutshce Telecom AG (iktar ’il quddiem “Deutsche Telekom”) li tirrigwarda l-ħlas ta’ imgħaxijiet ta’ dewmien mitluba fuq il-bażi ta’ ħlas allegatement tard ta’ fatturi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
|
3 |
Id-Direttiva 2000/35 għandha l-għan li tarmonizza ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard [tardivi] fi tranżazzjonijiet kummerċjali. |
|
4 |
Is-seba’, id-disa’, l-għaxar u s-sittax-il premessa ta’ din id-direttiva jipprovdu dan li ġej:
[…]
[…]
|
|
5 |
L-Artikolu 3(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2000/35 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:
|
Id-dritt nazzjonali
|
6 |
L-Artikolu 269 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem: il-“BGB”) jipprovdi li: “1. Meta l-post tal-prestazzjoni ma jkunx iddefinit u lanqas ma jista’ jiġi ddeterminat miċ-ċirkustanzi u, b’mod partikulari, min-natura ta’ l-obbligu, l-eżekuzzjoni tal-prestazzjoni għandha sseħħ fil-post fejn id-debitur kellu d-domiċilju tiegħu fil-mument li fih inħoloq id-debitu. 2. Meta l-obbligu jinħoloq fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali jew industrijali tad-debitur u meta dan ta’ l-aħħar kellu s-sede ta’ l-attività kummerċjali jew industrijali tiegħu f’post differenti minn dak tad-domiċilju tiegħu, il-post ta’ din is-sede jiġi sostitwit għal dak tad-domiċilju. 3. Is-sempliċi ċirkustanza li d-debitur ikun ħa r-responsabbiltà li jħallas l-ispejjeż tat-trasport ma tippermettix li jiġi konkluż li l-post fejn għandha ssir l-ispedizzjoni għandu jkun dak tal-prestazzjoni”. |
|
7 |
L-Artikolu 270 tal-BGB huwa fformulat kif ġej: “1. Fil-każ ta’ dubju, id-debitur għandu jibgħat il-flus fid-domiċilju tal-kreditur u jassumi r-riskju u l-ispejjeż involuti. 2. Meta l-kreditu jinħoloq fil-kuntest ta’ attività kummerċjali jew industrijali tal-kreditur u meta dan ta’ l-aħħar ikollu s-sede ta’ l-attività kummerċjali jew industrijali tiegħu f’post differenti minn dak tad-domiċilju tiegħu, il-post ta’ din is-sede jiġi sostitwit għal dak tad-domiċilju. 3. Meta, minħabba bidla fid-domiċilju jew fis-sede ta’ l-attività kummerċjali jew industrijali tal-kreditur, li tkun saret wara l-ħolqien tad-dejn, jiżdiedu l-ispejjeż jew ir-riskji marbuta ma’ l-ispedizzjoni, il-kreditur għandu jbati ż-żieda fl-ispejjeż fl-ewwel każ u jassumi ż-żieda fir-riskji fit-tieni każ. 4. Dan bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar il-post ta’ l-eżekuzzjoni tal-prestazzjoni”. |
|
8 |
L-Artikolu 286 tal-BGB, fil-verżjoni emendata tiegħu għal finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/35, jipprovdi: “1. Jekk, wara avviż mill-kreditur sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu, liema avviż ikun inħareġ wara l-iskadenza tat-terminu, id-debitur jibqa’ inadempjenti, dan l-avviż iqiegħdu in mora. Il-ftuħ ta’ azzjoni intiża għall-eżekuzzjoni tal-prestazzjoni u n-notifika ta’ inġunzjoni ta’ ħlas fil-kuntest tal-proċedura korrispondenti huma ekwivalenti għal avviż. 2. L-avviż mhuwiex meħtieġ meta:
3. Id-debitur ta’ kreditu jitqiegħed in mora mhux iktar tard minn tletin ġurnata wara l-iskadenza tat-terminu u wara r-riċezzjoni ta’ fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti, sakemm ma jkunx diġà ħallas; dan japplika għad-debitur li huwa wkoll konsumatur biss jekk il-fattura jew it-talba għal ħlas ikun fiha riferiment espliċitu għal din il-konsegwenza. Jekk id-data ta’ riċezzjoni tal-fattura jew tat-talba għal ħlas ma tkunx ċerta, id-debitur, fil-każ li ma jkunx konsumatur, jitqiegħed in mora mhux iktar tard minn tletin ġurnata wara l-iskadenza tat-terminu u wara r-riċezzjoni tal-korrispettiv. 4. Id-debitur ma jitqegħidx in mora meta l-prestazzjoni ma sseħħx minħabba ċirkustanza li ma jkunx responsabbli għaliha”. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
9 |
01051 Telecom u Deutsche Telekom jipprovdu servizzi ta’ telekomunikazzjoni lill-pubbliku u lill-operaturi tan-netwerks. Deutsche Telekom toffri wkoll servizzi ta’ fatturazzjoni lil operaturi oħra bħal 01051 Telecom. |
|
10 |
Sa mill-1998, dawn iż-żewġ kumpanniji ntrabtu b’kuntratt ta’ interkonnessjoni li permezz tiegħu huma jiddebitaw lil xulxin il-prestazzjonijiet mogħtija fl-ambitu ta’ dan il-kuntratt u jikkalkulaw fuq din il-bażi l-ammonti dovuti. Dan il-kuntratt ġie emendat f’diversi okkażjonijiet. Il-verżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2002 ta’ dan il-kuntratt, invokata miż-żewġ partijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, tinkludi l-klawżoli li ġejjin: “17.4 Data tal-ħlas Il-krediti bejn il-partijiet kontraenti jkunu dovuti mar-riċezzjoni tal-fattura. L-ammont fatturat għandu jitħallas fil-kont indikat fil-fattura. 17.5 Dewmien fil-ħlas Ikun hemm dewmien fil-ħlas 30 ġurnata wara li jkun dovut il-ħlas u wara r-riċezzjoni tal-fattura, sakemm id-dewmien ma jkunx diġà ġie stabbilit b’talba għall-ħlas. Jekk wieħed mill-kontraenti jkun fi stat ta’ dewmien fil-ħlas, jiġi kkalkulat kumpens kif ġej:
[…]” |
|
11 |
Fl-2001, 01051 Telecom u Deutsche Telekom ikkonkludew kuntratt ta’ fatturazzjoni u ta’ rkupru ta’ krediti li jipprovdi, fil-punt 8 tiegħu, il-klawżola li ġejja: “Fil-15 jew fl-aħħar tax-xahar ta’ kalendarju, il-kontraenti jista’ jiffattura lil Deutsche Telekom l-ammonti netti rikonoxxuti minn Deutsche Telekom bħala fatturabbli, flimkien mal-VAT, għall-prestazzjonijiet ipprovduti lil Deutsche Telekom. L-ammont iffatturat għandu jiġi akkreditat fil-kont indikat fil-fattura jew paċut fi żmien 30 ġurnata mir-riċezzjoni tal-fattura”. |
|
12 |
Fil-kuntest tar-rikors tagħha quddiem il-Landgericht Bonn, il-qorti ta’ l-ewwel istanza adita minn 01051 Telecom, din ta’ l-aħħar sostniet l-argument li l-klawżola tal-punt 8 tal-kuntratt ta’ fatturazzjoni u ta’ rkupru ta’ krediti għandha tapplika wkoll fil-kuntest tal-kuntratt ta’ interkonnessjoni. Għalhekk, hija ppretendiet mingħand Deutsche Telekom, fil-każijiet fejn tibqa’ somma dovuta wara li din il-kumpannija ta’ l-aħħar tkun wettqet eżerċizzju ta’ tpaċija, il-ħlas ta’ imgħaxijiet ta’ dewmien ikkalkulati fuq perijodu li jiddekorri mit-tletin jum wara r-riċezzjoni tal-fattura in kwistjoni sad-dħul ta’ l-ammont dovut fil-kont ta’ 01051 Telecom. |
|
13 |
Il-Landgericht Bonn laqgħet parzjalment dan ir-rikors filwaqt li ddeċidiet li l-obbligu ta’ Deutsche Telekom ma kienx jikkonsisti biss fil-ħlas tas-somma dovuta, iżda li takkredita l-istess fil-kont bankarju ta’ 01051 Telecom. Din il-konklużjoni titnissel neċessarjament mill-Artikolu 3(1)(ċ)(ii) tad-Direttiva 2000/35, li bis-saħħa tiegħu l-kreditur ikollu dritt, fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas, jitlob l-imgħaxijiet sa fejn “ma jkunx irċieva” fil-ħin is-somma dovuta. B’mod kuntrarju għall-interpretazzjoni prevalenti fil-Ġermanja sa dak iż-żmien, m’hijiex għalhekk l-eżekuzzjoni tardiva ta’ l-ordni tal-ħlas iżda l-fatt li s-somma dovuta tiġi rċevuta tard mill-kreditur li jikkostitwixxi dewmien fil-ħlas. |
|
14 |
Deutsche Telekom appellat mis-sentenza tal-Landgericht Bonn quddiem l-Oberlandesgericht Köln, fejn ikkontestat l-interpretazzjoni tal-qorti ta’ l-ewwel istanza. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li, bħala regola ġenerali, skond l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza predominanti fil-Ġermanja, fil-każ ta’ ħlas permezz ta’ trasferiment bankarju, il-prestazzjoni hija kkunsidrata bħala mwettqa fil-ħin meta, fl-ewwel lok, l-ordni ta’ trasferiment jasal għand l-istabbiliment finanzjarju tad-debitur qabel l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas, fit-tieni lok, il-kont tad-debitur ikun kopert minn jew ikollu l-benefiċċju ta’ faċilità ta’ kreditu suffiċjenti u, fit-tielet lok, dan l-istabbiliment finanzjarju jaċċetta l-ordni ta’ trasferiment fit-terminu msemmi. |
|
15 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li ċerta interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ)(ii) tad-Direttiva 2000/35 tista’ twassal għal soluzzjoni differenti. B’mod partikolari, l-użu fil-verżjoni Ġermaniża, Ingliża u Franċiża ta’ din id-direttiva tat-termini, rispettivament, “erhalten”, “received” u “reçu” jista’ jindika li, sabiex jiġi evitat dewmien fil-ħlas fis-sens ta’ din id-direttiva, l-ammont dovut għandu jiddaħħal fil-kont tal-kreditur qabel l-iskadenza tat-terminu tal-ħlas. |
|
16 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberlandesgericht Köln iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, sabiex ħlas li jsir permezz ta’ trasferiment bankarju jevita li jiskatta dewmien fil-ħlas mid-debitur jew iwaqqaf dan id-dewmien, mhijiex id-data ta’ meta l-ammont jiġi akkreditat fil-kont tal-kreditur […] iżda d-data ta’ l-ordni ta’ trasferiment mogħti mid-debitur u aċċettat mill-bank [li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni], fil-każ li jkollu fondi biżżejjed jew ikollu faċilità ta’ kreditu suffiċjenti, hija konformi ma’ l-Artikolu 3(1)(ċ)(ii) tad-Direttiva 2000/35 […]?” |
Fuq id-domanda għal deċiżjoni preliminari
|
17 |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, fis-sustanza, f’liema mument ħlas permezz ta’ trasferiment bankarju jista’ jiġi kkunsidrat bħala li sar fil-ħin fil-kuntest ta’ tranżazzjoni kummerċjali, b’tali mod li jiġu esklużi għalhekk l-imgħaxijiet ta’ dewmien li l-kreditu jista’ jikkawża skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ)(ii) tad-Direttiva 2000/35. |
|
18 |
01051 Telecom, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li kemm mix-xogħol preparatorju u mill-kliem tad-Direttiva 2000/35 kif ukoll mill-għan ta’ l-istess direttiva jirriżulta li jkun hemm dewmien fil-ħlas meta l-kreditur ma jkunx irċieva l-ammont dovut fit-termini mogħtija, jiġifieri, fil-każ ta’ trasferiment bankarju, meta din is-somma ma tkunx daħlet fil-kont tal-kreditur fl-iskadenza tat-terminu tal-ħlas. Id-data ta’ meta s-somma dovuta tiġi akkreditata fil-kont tal-kreditur hija għalhekk il-mument deċiżiv sabiex jiġi determinat jekk dan ta’ l-aħħar għandux dritt jeżiġi l-ħlas ta’ l-imgħaxijiet ta’ dewmien. |
|
19 |
Min-naħa l-oħra, Deutsche Telekom kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Awstrijakk u l-Gvern Finlandiż jenfasizzaw prinċipalment li d-Direttiva 2000/35 timponi biss rekwiżiti minimi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħlasijiet tardivi fi tranżazzjonijiet kummerċjali, billi tirrikonoxxi fl-ambitu ta’ dan il-għan diskrezzjoni wiesgħa għal-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri. B’mod partikolari l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jħalli lil dawn ta’ l-aħħar il-kompitu li jiddeterminaw il-mument meta ħlas permezz ta’ trasferiment bankarju għandu jitqies li sar fil-ħin billi huwa previst biss, fin-nuqqas ta’ kuntratt, taħt liema kundizzjonijiet u f’liema termini ta’ żmien jistgħu jintalbu l-imgħaxijiet ta’ dewmien. |
|
20 |
F’dan il-kuntest, interpretazzjoni li teżiġi li d-debitur jagħmel it-trasferiment permezz ta’ istituzzjoni finanzjarja fit-termini previsti twassal għal bilanċ adegwat bejn l-interessi tal-kreditur u dawk tad-debitur, meta jitqies partikolarment il-fatt li ż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ trasferiment jiddependi mill-mod kif il-banek jipproċessaw it-tranżazzjoni u mhux mill-azzjoni tad-debitur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx raġonevoli li debitur li jkun aġixxa in bona fide billi għamel il-ħlas fil-ħin, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu tal-ħlas, ikollu jagħmel tajjeb għad-dewmien li jista’ jkun hemm fl-ipproċessar tat-tranżazzjonijiet bankarji. |
|
21 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi mfakkar, b’mod preliminari, li, għalkemm, kif tirrileva d-Deutsche Telekom kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Awstrijakk u l-Gvern Finlandiż, id-Direttiva 2000/35 ma tagħmilx armonizzazzjoni kompleta tar-regoli kollha dwar il-ħlas tardiv fi tranżazzjonjiet kummerċjali, hija madankollu tistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi f’dan il-qasam. Fosthom hemm, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġa ġġudikat, ir-regoli dwar l-imgħaxijiet minħabba ħlas tardiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-302/05, Ġabra p. I-10597, punt 23). |
|
22 |
F’dan ir-rigward, wara li tistabbilixxi fl-Artikolu 3(1)(b)(i) terminu għall-ħlas ta’ tletin jum applikabbli fin-nuqqas ta’ ftehim kuntrattwali, id-Direttiva 2000/35 tipprevedi fl-Artikolu 3(1)(ċ)(ii) li l-kreditur għandu dritt jitlob mingħand id-debitur il-ħlas ta’ l-imgħaxijiet ta’ dewmien sa fejn “ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, [ħlief fil-każ li] id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien”. |
|
23 |
Għalhekk, mill-kliem ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, joħroġ ċar li l-ħlas tad-debitur huwa kkunsidrat tardiv, għall-finijiet ta’ l-eżiġibbiltà ta’ l-imgħaxijiet ta’ dewmien, meta s-somma dovuta ma tkunx disponibbli għall-kreditur fil-ħin. Issa, fil-każ ta’ ħlas magħmul bi trasferiment bankarju, huwa biss id-dħul ta’ l-ammont dovut fil-kont tal-kreditur li jista’ jippermetti li din is-somma tkun disponibbli għall-kreditur. |
|
24 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Direttiva 2000/35, li jirreferu, b’mod inekwivoku, għar-riċezzjoni ta’ l-ammont dovut fit-terminu tal-ħlas. Dan huwa l-każ, partikolarment, fir-rigward tat-termini “neobdržel”, “erhalten”, “received”, “reçu” u “ricevuto” li jidhru rispettivament fil-verżjonijiet tal-lingwa Ċeka, Ġermaniża, Ingliża, Franċiża u Taljana tad-Direttiva 2000/35. |
|
25 |
Barra minn hekk, joħroġ ċar mix-xogħol preparatorju ta’ l-imsemmija direttiva li l-għażla tat-terminu “irċieva” ma saritx b’kumbinazzjoni, iżda minn deċiżjoni maħsuba tal-leġiżlatur Komunitarju. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, matul id-diskussjonijiet li kien hemm fi ħdan il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea qabel ma ġiet adottata l-istess direttiva, dan it-terminu ġie finalment ippreferut minn fost diversi espressjonijiet oħra li huma inqas preċiżi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-mument li fih ħlas għandu jiġi kkunsidrat li sar fit-termini mogħtija fil-kuntest ta’ tranżazzjoni kummerċjali. |
|
26 |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni fis-sens li d-dħul ta’ l-ammont dovut fil-kont tal-kreditur huwa l-kriterju determinanti tal-ħlas, in kwantu tistrieħ fuq il-mument meta s-somma dovuta ssir b’mod ċert disponibbli għal dan il-kreditur, hija sostnuta mill-għan ewlieni tad-Direttiva 2000/35, kif joħroġ partikolarment mis-seba’ u s-sittax-il premessa tagħha, jiġifieri l-protezzjoni tal-pussessuri ta’ krediti finanzjarji. |
|
27 |
Fl-aħħar nett għandu jingħad ukoll li din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ)(ii) ta’ l-imsemmija direttiva tidher li hija kkonfermata mill-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda oqsma oħra tad-dritt Komunitarju. Għalhekk, kif tirrileva 01051 Telecom, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dħul fil-kont tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej jikkostitwixxi l-kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk Stat Membru, li jkun obbligat iqiegħed somma flus għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, ikunx naqas mill-obbligi tiegħu u jekk, bħala konsegwenza ta’ dan, huwa jkunx obbligat iħallas l-imgħaxijiet ta’ dewmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-363/00, Ġabra p. I-5767, punti 42, 43 u 46). |
|
28 |
Għalhekk, il-mument determinanti sabiex jiġi evalwat jekk, fil-kuntest ta’ tranżazzjoni kummerċjali, ħlas permezz ta’ trasferiment bankarju jistax jiġi kkunsidrat bħala li sar fil-ħin, b’tali mod li jiġu esklużi għalhekk l-imgħaxijiet ta’ dewmien li l-kreditu jista’ jikkawża skond it-tifsira ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, huwa d-data ta’ meta s-somma dovuta tiddaħħal fil-kont tal-kreditur. |
|
29 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi ddisturbata mill-argument, sostnut partikolarment mill-Gvern Finlandiż, li tali interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ)(ii) tad-Direttiva 2000/35 tpoġġi fuq id-debitur, b’mod irraġonevoli, ir-riskju marbut mat-termini ta’ żmien ta’ l-ipproċessar tat-tranżazzjonijiet bankarji. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi preċiżament, fl-aħħar parti tagħha, li d-debitur m’għandux ikun miżmum responsabbli għal dewmien li ma jkunx jaħti għalih. Fi kliem ieħor, id-Direttiva 2000/35 stess teskludi l-ħlas ta’ l-imgħaxijiet ta’ dewmien fil-każijiet fejn id-dewmien fil-ħlas ma jkunx il-konsegwenza ta’ l-aġir tad-debitur, li b’mod diliġenti jkun ikkunsidra t-termini ta’ żmien normalment meħtieġa fl-eżekuzzjoni ta’ trasferiment bankarju. |
|
31 |
Fil-fatt, kif josserva l-Gvern Ċek, huwa normali, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali, li dispożizzjonijiet regolamentari jew kuntrattwali jiffissaw it-termini ta’ żmien meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ trasferimenti bankarji, b’tali mod li debitur jista’ jkun jaf minn qabel b’dawn it-termini u għalhekk ikun jista’ jevita l-applikazzjoni ta’ l-imgħaxijiet ta’ dewmien. |
|
32 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li għad-domanda mressqa tingħata r-risposta li l-Artikolu 3(1)(ċ)(ii) tad-Direttiva 2000/35 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li, sabiex ħlas permezz ta’ trasferiment bankarju jeskludi jew iwaqqaf l-applikazzjoni ta’ l-imgħaxijiet ta’ dewmien, is-somma dovuta għandha tiddaħħal fil-ħin fil-kont tal-kreditur. |
Fuq l-ispejjeż
|
33 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 3(1)(ċ)(ii) tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-[Kunsill], tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tardivi fi tranżazzjonijiet kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li, sabiex ħlas permezz ta’ trasferiment bankarju jeskludi jew iwaqqaf l-applikazzjoni ta’ l-imgħaxijiet ta’ dewmien, is-somma dovuta għandha tiddaħħal fil-ħin fil-kont tal-kreditur. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.