Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62005CJ0279

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-11 ta' Jannar 2007.
Vonk Dairy Products BV vs Productschap Zuivel.
Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
Agrikoltura - Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Ġobon - Artikoli 16 sa 18 tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87 - Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ddifferenzjati - Esportazzjoni mill-ġdid kważi immedjata mill-pajjiżi ta' importazzjoni - Prova ta' prassi abbużiva - Ħlas lura ta' indebitu - Subparagrafu 2 ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 - Irregolarità kontinwata jew ripetuta.
Kawża C-279/05.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:18

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta' Jannar 2007(*)

"Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Ġobon – Artikoli 16 sa 18 tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87 - Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ddifferenzjati – Esportazzjoni mill-ġdid kważi immedjata mill-pajjiżi ta' importazzjoni – Prova ta' prassi abbużiva - Ħlas lura ta' indebitu – Subparagrafu 2 ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Irregolarità kontinwata jew ripetuta"

Fil-kawża C-279/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta' Deċiżjoni tat-30 ta' Ġunju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta' Lulju 2005, fil-proċedura

Vonk Dairy Products BV

vs

Productschap Zuivel,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, J.N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta' Marzu 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Vonk Dairy Products BV, minn J.H. Peek, advocaat,

–       għar-Renju ta' l-Olanda, minn H.G. Sevenster u M. de Mol, bħala aġenti,

–       għar-Repubblika Ellenika, minn I. Chalkias u S. Papaioannou, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Cattabriga u M. van Heezik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta' Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 16 sa 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, p. 1).

2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta' kawża bejn Vonk Dairy Products BV u Productschap Zuivel (grupp professjonali ta' l-industrija tal-ħalib) dwar l-irtirar u l-irkupru, b'żieda ta' 15%, ta' rifużjoni fuq l-esportazzjoni ddifferenzjata rċevuta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

 Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Ir-Regolament Nru 3665/87

3       L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3665/87 jipprevedi li:

"Dan ir-Regolament jistabbilixxi, bla ħsara għad-derogi previsti fil-leġiżlazzjoni komunitarja applikabbli għal ċerti prodotti, il-metodi komuni ta' applikazzjoni ta’ l-iskema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni iktar 'il quddiem magħrufa bħala rifużjonijiet, istitwiti jew previsti minn:

[…]

- l-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 (ħalib u prodotti tal-ħalib),

[…]" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       L-Artikoli 4 sa 6 ta' l-istess Regolament jipprovdu li:

"Artikolu 4

1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 16, il-ħlas tar-rifużjoni huwa suġġett għall-prova li l-prodotti, li tagħhom tkun ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni, ikunu, mhux aktar tard mit-terminu ta' sittin jum minn din l-aċċettazzjoni, telqu mit-territorju tal-Komunità fl-istat oriġinali tagħhom.

[…]

Artikolu 5

"1. Il-ħlas tar-rifużjoni ddifferenzjata jew mhux differenzjata huwa suġġett, barra mill-kundizzjoni li l-prodott ikun telaq mit-territorju doganali tal-Komunità, għall-kundizzjoni li l-prodott kien […] importat f'pajjiż terz u, fejn ikun il-każ, f'pajjiż terz iddeterminat fit-tnax-il xahar wara d-data ta' aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni:

a) meta jkun hemm dubji serji fir-rigward tad-destinazzjoni reali tal-prodott jew

[…]

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17(3) u ta' l-Artikolu 18 huma applikabbli għall-każijiet indikati fl-ewwel subparagrafu.

Barra minn hekk, id-dipartimenti kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu jeżiġu provi addizzjonali li juru lill-awtoritajiet kompetenti, b'mod sodisfaċenti, li l-prodott kien effettivament imqiegħed fis-suq ta' pajjiż terz ta' importazzjoni fl-istat oriġinali tiegħu.

[…]

Meta jkun hemm dubji serji fir-rigward tad-destinazzjoni reali tal-prodotti, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri japplikaw d-dispożizzjonijiet ta' paragrafu 1.

[…]

Artikolu 6

Jekk, qabel ma jitlaq mit-territorju doganali tal-Komunità, prodott li għalih id-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni tkun ġiet aċċettata jgħaddi minn territorji komunitarji barra minn dak ta' l-Istat Membru li għat-territorju tiegħu din id-dikjarazzjoni tkun ġiet aċċettata, il-prova li dan il-prodott telaq mit-territorju doganali tal-Komunità għandha tingħata permezz ta’ l-oriġinali tal-formula ta’ verifika T25 debitament iffirmata prevista fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 2823/87.

[…]" [traduzzjoni mhux ufficjali]

5       L-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament 3665/87 jipprovdu li:

"Artikolu 16

1.      Fil-każ ta' differenzjazzjoni fir-rati tar-rifużjoni skond id-destinazzjoni, il-ħlas tar-rifużjoni huwa suġġett għall-kundizzjonijiet supplementari ddefiniti fl-Artikoli 17 u 18.

[…]

Artikolu 17

1.      Il-prodott irid ikun ġie importat fl-istat oriġinali tiegħu fil-pajjiż terz jew f'wieħed mill-pajjiżi terzi li għalihom ir-rifużjoni hija prevista fit-tnax-il xahar wara d-data ta' aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni; […]

3.      Il-prodott jitqies li huwa importat meta l-formalitajiet doganali sabiex jitqiegħed għall-konsum fil-pajjiż terz jiġu kkompletati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-Artikolu 18 ta' l-istess Regolament fih lista eżawrjenti tal-provi kollha dokumentarji li l-esportaturi għandhom jipprovdu sabiex juru li l-prodott kien suġġett għall-formalitajiet doganali kollha tat-tqegħid għall-konsum. F'numru ta' provi meħtieġa minn din id-dispożizzjoni tidher kopja ta' dokument ta' trasport.

7       Saru diversi emendi ta' dan l-Artikolu 18, matul il-perijodu li fih seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, imma ma għandhom l-ebda rilevanza għal din il-kawża prinċipali.

8       L-Artikolu 23 tar-Regolament 3665/87 jipprovdi li:

"1.      Meta l-ammont imħallas akkont ikun akbar mill-ammont effettivament dovut għall-esportazzjoni in kwistjoni jew għal esportazzjoni ekwivalenti, l-esportatur għandu jħallas lura d-differenza bejn iż-żewġ ammonti b'żieda ta' 15%.

[…]" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir-Regolament Nru 2988/95

9       L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi li:

"1      Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta' verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x'jaqsmu ma' l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.      Irregolarità għandha tfisser kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta' operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta' nefqa mhux ġustifikata."

10     Skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95:

"Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta' erba' snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f'Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F'każ ta' irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f'kull każ jibqa' jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11     L-Artikolu 9 tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-qasam ta' l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-beni (Wet houdende een regeling op het gebied van de invoer en de uitvoer van goederen), tal-5 ta' Lulju 1962 (Stb. 1962, Nru 295), kif emendata mil-liġi ta' l-4 ta' Ġunju 1992 (Stb. 1992, Nru 422) tipprovdi li:

"1.      Il-Ministru kompetenti jista' jannulla kull awtorizzazzjoni, rifużjoni, sussidju jew eżenzjoni meta l-informazzjoni li tkun ingħatat bil-għan li dawn jinkisbu tirriżulta f'dak il-mument ineżatta jew inkompleta tant li d-deċiżjoni fuq it-talba kienet tkun differenti kieku ċ-ċirkustanzi eżatti kienu jkunu magħrufa sew waqt l-eżami tagħhom.

2.      Kull sussidju jew rifużjoni mogħti fil-kuntest ta' l-eżekuzzjoni ta' regolament adottat minn istituzzjoni tal-Komunitajiet Ewropej jistgħu wkoll jiġu annullati jekk jirriżulta minn dispożizzjoni applikabbli adottata minn tali istituzzjoni li l-benefiċjarju tagħhom ma kellux dritt għalihom."

12     Skond l-Artikoli 1, 85 u 118, kif ukoll l-Anness I tar-Regolament dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli (Regeling in- en uitvoer landbouwgoederen), tad-9 ta' Marzu 1981 (Stcrt. 1981, Nru 50), dispożizzjonijiet adottati abbażi ta' l-Artikolu 11 tal-liġi msemmija fil-punt preċedenti ta' din is-sentenza, il-Productschap Zuivel huwa kompetenti li jagħti u jannulla r-rifużjonijiet applikabbli f'dak li jirrigwarda l-ġobon.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13     Mill-1988 sa 1994, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali esportat kull sena lejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika 300 lottijiet ta' ġobon Taljan "pecorino", b’total ta' 2100 lottijiet.

14     Għal dawn l-esportazzjonijiet, hija rċeviet mingħand il-konvenut fil-kawża prinċipali r-rifużjonijiet iddifferenzjati mogħtija abbażi tar-Regolament Nru 3665/87, li saru definittivi wara r-rilaxx tal-garanziji stabbiliti meta l-konvenut fil-kawża prinċipali jkun irċieva d-dokumenti li juru li dawn il-lottijiet kienu rrilaxxati għal ċirkulazzjoni ħielsa fl-Istati Uniti.

15     L-ammont ta' dawn ir-rifużjonijiet għal ġobon ikkonċernat kien ogħla għall-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti minn dawk lejn il-Kanada.

16     Jirriżulta mill-inkartament sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Algemene Inspectiedienst (id-dipartiment ġenerali ta' ispezzjoni, iktar 'il quddiem l-"AID") tal-Ministeru van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij (il-Ministeru ta' l-Agrikoltura, tan-Natura u tas-Sajd) beda l-ewwel investigazzjoni dwar l-esportazzjonijiet tal-ġobon in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

17     Billi din l-investigazzjoni rrivelat irregolaritajiet fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-AID talbet lill-US customs (l-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Uniti) ta' New York jiftħu investigazzjoni amministrattiva fuq l-imsemmija esportazzjonijiet matul il-perijodu ta' l-1988 sa l-1994.

18     Din it-tieni investigazzjoni rrilevat li, matul dan il-perijodu, 75 lottijiet ta' ġobon (madwar 1.47 miljun kilogrammi) kienu ġew esportati mill-ġdid kważi immedjatament lejn il-Kanada minn Orlando Food Corporation, intermedjarja fl-Istati Uniti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, f'ħafna mill-każijiet diretti lil National Cheese & Food Company, impriża stabbilita f'Ontario. L-istess investigazzjoni wkoll uriet li r-rwol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kienx biss li tesporta l-lottijiet tal-ġobon ikkonċernati lejn l-Istati Uniti, peress li minn din l-investigazzjoni ħarġet informazzjoni dwar trasferimenti lejn il-Kanada u li hija kienet ukoll implikata fil-bejgħ ta' dawn il-lottijiet f'dan il-pajjiż. Barra minn hekk, kienet ġiet skambjata korrispondenza f'dan ir-rigwrad bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-impriża National Cheese & Food Company.

19     Wara din it-tieni investigazzjoni, l-Uffiċjal (prosekutur) ta' Roermond (l-Olanda) fetaħ investigazzjoni ġudizzjarja kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u r-responsabbli tiegħu għal falsifikazzjoni ta’ dokumenti, peress li t-talbiet għall-rifużjonijiet iddifferenzjati ġew preżunti li jikkostitwixxu falsifikazzjoni minħabba li huma semmew l-Istati Uniti bħala destinazzjoni għall-konsum, filwaqt li ċerti lottijiet ta' ġobon intbagħatu l-Kanada fejn ġew ikkummerċjalizzati. L-AID ikkunsinnat ir-riżultati ta' l-ewwel investigazzjoni fi proċess verbali tal-5 ta' Marzu 1997.

20     Bl-ittra tat-18 ta' Settembru 1997, il-konvenut fil-kawża prinċipali għarraf lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li huwa rċeva l-proċess verbali msemmi fil-punt preċedenti ta' din is-sentenza, li tiegħu kopja ġiet annessa ma' din l-ittra.

21     B’deċiżjoni tat-18 ta' April 2001, il-konvenut fil-kawża prinċipali rrefera għad-deċiżjonijiet ta' għoti tar-rifużjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-75 lottijiet ikkontestati u talab ir-rimbors tas-somma ta' 2795841.72 NLG, li tikkorrispondi għad-differenza bejn ir-rifużjonijiet iddifferenzjati applikabbli, minn naħa, għall-Istati Uniti u, min-naħa l-oħra, għall-Kanada, b'żieda ta' 15%.

22     Peress li l-konvenut fil-kawża prinċipali ċaħad bħala mhux fondata t-talba mressqa kontra din id-deċiżjoni mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din ta’ l-aħħar ressqet appell quddiem il-qorti tar-rinviju. In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li hija ssodisfat il-kundizzjonijiet kollha preskritti mill-Artikoli 4, 17(3), u 18 tar-Regolament Nru 3665/87 għall-kisba tar-rifużjonijiet iddifferenzjati għal-lottijiet tal-ġobon ikkonċernat u li l-esportazzjoni mill-ġdid sussegwenti ta’ xi wħud minn dawn il-lottijiet lejn il-Kanada ma kellhom l-ebda konsegwenza għall-għoti ta' dawn ir-rifużjonijiet. F'dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, Ġabra p. I‑11569), filwaqt li tqis li l-konvenut fil-kawża prinċipali ma stabbilixxix l-eżistenza, fil-kap ta’ akkuża tiegħu, ta' prassi abbużiva fis-sens ta' l-imsemmija sentenza. Għalhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li r-rifużjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġewx indebitament mħallsa lilha u saru definittivi wara li hija pproduċiet il-prova ta' l-importazzjoni kif ukoll tal-prova tar-rilaxx għall-konsum fl-Istati Uniti.

23     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni wkoll li l-irregolarità li hija ġiet akkużata biha la hija kontinwa u lanqas ripetittiva, għaliex il-biċċa l-kbira tal-lottijiet li hija esportat fl-Istati Uniti ma reġgħux ġew esportati mill-ġdid, u billi ddeduċiet li t-terminu tal-preskrizzjoni ma kienx ġie interrott. Fil-fatt, l-investigazzjoni ġudizzjarja kienet tirrigwarda falsifikazzjonijiet ta’ dokumenti, u mhux l-annullament tar-rifużjonijiet jew it-talba għar-rimbors. Barra minnhekk, din l-investigazzjoni kienet twettqet minn awtoritajiet oħra li mhumiex il-konvenut fil-kawża prinċipali, b'tali mod li din ma setgħatx titqies li huwa att li jista' jinterrompi. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tgħid ukoll li la l-proċess verbali tal-5 ta' Marzu 1997 u lanqas l-ittra tal-konvenut fil-kawża prinċipali tat-18 ta' Settembru 1997 ma jippreċiżaw l-atti li fuqhom kien hemm is-suspetti.

24     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li l-konvenut fil-kawża prinċipali ma setax jibbaża d-deċiżjoni tiegħu li jżid b' 15% l-ammont ta' rimbors fuq ir-Regolament Nru 3665/87, għaliex ir-rifużjoni ddifferenzjata ġiet biss stabbilita għal motivi politiċi.

25     Il-konvenut fil-kawża prinċipali jqis ir-rikors mhux fondat. Huwa jsostni li huwa essenzjali, għall-ħlas tar-rifużjonijiet iddifferenzjati, li l-prodotti li huma koperti effettivament jilħqu s-suq tad-destinazzjoni tagħhom. Huwa jiddeduċi li l-fatt li ċerta kwantità ta' ġobon ġiet esportata mill-ġdid lejn il-Kanada timplika r-rimbors tar-rifużjonijiet iddifferenzjati fil-kawża prinċipali. B'riferiment għas-sentenza tal-31 ta' Marzu 1993, Möllmann-Fleisch (C‑27/92, Ġabra p. I‑1701), huwa jqis li d-dokumenti ta' importazzjoni jikkostitwixxu biss indikazzjoni juris tantum f'dak li jirrigwarda l-għoti tar-rifużjonijiet iddifferenzjati fis-sens tar-Regolament Nru 3665/87. Għalhekk iqis li dawn ir-rifużjonijiet ġew indebitament imħallsa

26     Fir-rigward tal-preskrizzjoni, il-konvenut fil-kawża prinċipali jqis li d-deċiżjoni tat-18 ta' April 2001, li biha huwa talab ir-rimbors, ingħatat fit-terminu mitlub mir-Regolament Nru 2988/95. Fil-fatt, dan it-terminu beda jiddekorri biss wara l-aħħar operazzjoni ta' esportazzjoni, li, skond id-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni, seħħet fit-28 ta' Settembru 1994. It-terminu ta' preskrizzjoni wara ġie interrott fix-xahar ta' Lulju 1997, minħabba tfittxijiet li seħħew f'dan iż-żmien fil-kuntest ta' l-investigazzjoni ġudizzjarja, kif ukoll fit-18 ta' Settembru 1997, meta ntbagħat il-proċess verbali lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-5 ta' Marzu 1997.

27     F'dan il-kuntest, le Collège van Beroep voor het bedrijfsleven ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikoli 16 sa 18 tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87, hekk kif inhuma applikabbli fil-mument rilevanti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk rifużjonijiet iddifferenzjati jkunu tħallsu b'mod definittiv wara aċċettazzjoni tad-dokumenti ta' importazzjoni, huwa biss fil-każ ta' prassi abbużiva ta' l-esportatur li l-esportazzjoni mill-ġdid tal-merkanzija, li tirriżulta sussegwentement, tista' tirrendi indebitu l-ħlas ta' dawn ir-rifużjonijiet?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħatalha risposta negattiva, liema huma l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat f'liema ċirkustanzi l-esportazzjoni mill-ġdid tal-merkanziji jirrendu indebiti r-rifużjonijiet iddifferenzjati li tħallsu b'mod definittiv?

3)      Liema huma l-kriterji li jippermettu li jiġi evalwat jekk l-irregolarità hijiex kontinwa jew ripetuta skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE, Euratom) nru 2988/95? B'mod [i]ktar partikolari, […] l-irregolarità tkun kontinwa u ripetuta meta hija tirrigwarda parti relattivament żgħira mill-operazzjonijiet kollha [effettwati matul] perijodu determinanti u li l-operazzjonijiet li għalihom irregolarità hija kkonstatata dejjem jirrigwardaw lottijiet differenti?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28     Bl-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment trid tkun taf jekk, fil-kuntest ta' proċedura ta' rtirar u ta' rkupru tar-rifużjonijiet iddifferenzjati li tħallsu b'mod definittiv abbażi tar-Regolament Nru 3665/87, il-konstatazzjoni tan-natura indebita ta' dawn ir-rifużjonijiet jinneċessitax li tingħata l-prova ta' prassi abbużiva ta' l-esportatur.

29     Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-għoti ta' rifużjonijiet iddifferenzjati huma suġġetti għall-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 3665/87, li huma stipolati fl-Artikoli 4 sa 6, minn naħa, u 16 sa 18, minn naħa l-oħra. Issa, jirriżulta mill-inkartament sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssodisfat fuq livell formali l-kundizzjonijiet kollha previsti minn dan ir-Regolament, b'tali mod li r-rifużjonijiet in kwistjoni tħallsu lilha b'mod definittiv. B'mod partikolari, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-konvenut fil-kawża prinċipali ma għamilx użu mill-fakultà, prevista fir-raba' subartikolu ta' l-Artikolu 5(1)(a) u l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 3665/87, li jitlob, qabel ma r-rifużjonijiet in kwistjoni jsiru definittivi, provi supplementari li juru li l-prodotti kkonċernati kienu effettivament tqiegħdu fis-suq ta' pajjiż terz ta' importazzjoni fl-istat oriġinali tagħhom.

30     Għandu jiġi rrilevat li, skond id-deċiżjoni tar-rinviju, id-deċiżjoni li jintalab ir-rimbors ta' dawn ir-rifużjonijiet mhijiex bbażata fuq in-natura vvizzjata ta-dokumenti ta' importazzjoni mgħoddija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, imma fuq iċ-ċirkustanza li ċerti lottijiet ta' ġobon ġew esportati mill-ġdid lejn pajjiżi oħra terzi kważi immedjatament wara l-importazzjoni tagħhom fl-Istati Uniti.

31     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li l-applikazzjoni tar-regolamenti komunitarji m’għandhomx jiġu estiżi li jkopru l-prassi abbużivi ta' l-operaturi ekonomiċi (sentenzi tal-11 ta' Ottubru 1977, Cremer, 125/76, Ġabra p. 1593, punt 21, u Emsland-Stärke, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51).

32     Il-konstatazzjoni tan-natura indebita tar-rifużjonijiet iddifferenzjati mogħtija b'mod definittiv skond ir-Regolament Nru 3665/87 għalhekk teżiġi, meta parti mill-prodotti kollha kkonċernati tkun ġiet kważi immedjatament esportata mill-ġdid lejn pajjiż terz ieħor, il-prova ta' prassi abbużiva fir-rigward ta' l-esportatur.

33     Din il-prova teħtieġ, min-naħa, ġabra ta' ċirkustanzi oġġettivi li minnha jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni komunitarja, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni komunitarja filwaqt li artifiċjalment joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb (sentenza tal-21 ta' Lulju 2005, Eichsfelder Schlachtbetrieb, C‑515/03, Ġabra p. I‑7355, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-eżistenza ta' dan l-element suġġettiv tista' tiġi stabbilita, b'mod partikolari, mill-prova ta' kollużjoni bejn l-esportatur, benefiċjarju tar-rifużjonijiet, u l-importatur tal-prodott f'pajjiż terz minbarra l-pajjiż ta' importazzjoni.

34     Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-elementi kostituttivi ta' tali prassi abbużiva jinsabux fil-kawża prinċipali skond ir-regoli tal-preżentata ta' provi tad-dritt nazzjonali, safejn id-dritt komunitarju ma jiġix ipprivat mill-effikaċja tiegħu (sentenzi Emsland-Stärke, iċċitata iktar 'il fuq, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Eichsfelder Schlachtbetrieb, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).

35     Il-Gvern Olandiż isostni, f'dan ir-rigward, li l-prova ta' prassi abbużiva fis-sens tas-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar 'il fuq, ta' l-esportatur għandha tintwera biss fil-każ fejn il-kundizzjonijiet kollha formali għall-għoti tar-rifużjonijiet jiġu sodisfatti, ħaġa li mhijiex il-każ fil-kawża prinċipali, għaliex il-lottijiet ta' ġobon esportati mill-ġdid lejn il-Kanada ma ġewx irrilaxxati għall-konsum fis-suq ta' l-Istati Uniti, peress li l-kundizzjoni ta' rilaxx għall-konsum fil-pajjiż terz skond l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 3665/87 ma ġietx sodisfatta.

36     Dan l-argument m'għandux jiġi milqugħ. Fil-fatt, jirriżulta, minn naħa, fil-punt 28 ta' din is-sentenza, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssodisfat fuq livell formali l-kundizzjonijiet kollha previsti mir-Regolament Nru 3665/87 għall-għoti tar-rifużjonijiet iddifferenzjati in kwistjoni fil-kawża prinċipali, inklużi dawk previsti mill-Artikolu 17(3) ta' dan ir-Regolament, b'tali mod li r-rifużjonijiet tħallsu lilha b'mod definittiv mingħajr ma d-dipartimenti kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat iddeċidew li huwa meħtieġ li jeżiġu, preliminarjament, abbażi tar-raba' subartikolu ta' l-Artikolu 5(1)(a) ta' dan ir-Regolament, provi supplementari li l-prodott fl-istat oriġinali tiegħu effettivament tqiegħed fis-suq ta' pajjiż terz ta' importazzjoni tal-prodott fl-istat oriġinali tiegħu. Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 32 ta' din is-sentenza, l-Istat Membru kkonċernat fil-kawża prinċipali mhuwiex iġġustifikat li jeżiġi r-rimbors tar-rifużjonijiet definittivament imħallsa, sakemm ma tiġix stabbilita prassi abbużiva fir-rigward ta' l-esportatur.

37     Bl-istess mod, il-Gvern Grieg jenfasizza li ċ-ċirkustanza li ma ġietx sodisfatta l-kundizzjoni tar-rilaxx għall-konsum fis-suq tal-pajjiż terz ta' importazzjoni f'dan il-każ fil-kawża prinċipali jimplika li r-rimbors tar-rifużjonijiet iddifferenzjati mħallsa indebitament jista' jintalab abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2988/95 mingħajr ma huwa meħtieġ li tintwera prassi abbużiva ta' l-esportatur. Dan l-argument m'għandux jiġi milqugħ, għaliex, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 32 ta' din is-sentenza, ir-rimbors tar-rifużjonijiet iddifferenzjati indebitament imħallsa f'dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali li jammontaw għall-perijodu bejn 1988 u 1994 jeżiġu l-prova ta' prassi abbużiva fir-rigward ta' l-esportatur. Konsegwentement, il-kunċett ta' irregolarità skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 m'għandux jittieħed in kunsiderazzjoni f'dan ir-rigward.

38     Fid-dawl taċ-ċirkustanzi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda mressqa għandha tkun li, fil-kuntest ta' proċedura ta' rtirar u ta' rkupru tar-rifużjonijiet iddifferenzjati mħallsa b'mod definittiv abbażi tar-Regolament Nru 3665/87, il-konstatazzjoni tan-natura indebita ta' dawn ir-rifużjonijiet għandha tiġi sostnuta mill-prova ta' prassi abbużiva ta' l-esportatur, imressqa skond ir-regoli tad-dritt nazzjonali.

 Fuq it-tieni domanda

39     Fid-dawl tar-riposta affermattiva mogħtija fl-ewwel domanda, mhuwiex neċessarju li titwieġeb it-tieni domanda.

 Fuq it-tielet domanda

40     Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tixtieq tkun taf liema huma l-kriterji li jippermettu li jitqies jekk irregolarità għandhiex tiġi kkunsidrata bħala kontinwa jew ripetuta skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Din il-qorti tagħmel din id-domanda, b'mod partikolari, fir-rigward ta' sitwazzjoni fejn l-irregolarità tirrigwarda parti relattivament żgħira ta' l-operazzjonijiet kollha mwettqa fuq perijodu ddeterminat u li dejjem tirrigwarda lottijiet differenti.

41     Hekk kif sostanzjalment enfassizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tagħha, irregolarità hija kontinwa u ripetuta, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, meta din titwettaq minn operatur komunitarju li għandu vantaġġi ekonomiċi mill-operazzjonijiet kollha simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tad-dritt komunitarju.

42     F'dan ir-rigward huwa mingħajr effett il-fatt li, bħal f'dan il-każ, l-irregolarità tirrigwarda parti relattivament żgħira mill-operazzjonijiet kollha rrealizzati f'perijodu determinat u li l-operazzjonijiet li tagħhom l-irregolarità tiġi kkonstatata dejjem tikkonċerna lottijiet differenti. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi mhumiex determinanti biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta' irregolarità kontinwa jew ripetuta dan taħt piena li tħeġġeġ lill-operaturi jfittxu li jevadu mill-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 billi jwettqu diviżjoni artifiċjali ta' l-operazzjonijiet tagħhom.

43     Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, skond ir-regoli tal-provi ta' dritt nazzjonali, sakemm ma tiġix ippreġudikata l-effikaċja tad-dritt komunitarju, jekk l-elementi kostituttivi ta' irregolarità kontinwa jew ripetuta jinsabux miġbura flimkien fil-kawża prinċipali.

44     Fir-rigward ta' dak kollu li ntqal, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda mressqa tkun li, skond it-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, irregolarità hija kontinwa jew ripetuta meta din titwettaq minn operatur komunitarju li jieħu vantaġġi ekonomiċi mill-operazzjonijiet kollha simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tad-dritt komunitarju. Il-fatt li l-irregolarità tirrigwarda parti relattivament żgħira ta' l-operazzjonijiet kollha rrealizzati f'perijodu determinat u li l-operazzjonijiet li tagħhom l-irregolarità hija konstatata dejjem jirrigwardaw lottijiet differenti hija mingħajr effett f'dan ir-rigward.

 Fuq l-ispejjeż

45     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Fil-kuntest ta' proċedura ta' rtirar u ta' rkupru tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ddifferenzjata mħallsa b'mod definittiv abbażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agricoli, il-konstatazzjoni tan-natura indebita ta' dawn ir-rifużjonijiet għandha tiġi sostnuta mill-prova ta' prassi abbużiva ta' l-esportatur, imressqa skond ir-regoli tad-dritt nazzjonali.

2)      Skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, irregolarità hija kontinwa jew ripetuta meta titwettaq minn operatur komunitarju li jieħu vantaġġi ekonomiċi mill-operazzjonijiet kollha simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tad-dritt komunitarju. Il-fatt li l-irregolarità tirrigwarda parti relattivament żgħira ta' l-operazzjonijiet kollha f'perijodu determinat u li l-operazzjonijiet li tagħhom l-irregolarità tiġi kkonstatata dejjem jirrigwardaw lottijiet differenti hija mingħajr effett f'dan ir-rigward.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq