Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62005CJ0011
Judgment of the Court (Third Chamber) of 11 May 2006.#Friesland Coberco Dairy Foods BV v Inspecteur van de Belastingdienst/Douane Noord/kantoor Groningen.#Reference for a preliminary ruling: Gerechtshof te Amsterdam - Netherlands.#Community Customs Code - Arrangements for processing under customs control - Refusal by the national customs authorities of an application for authorisation for processing under customs control - Binding nature of the conclusions of the Customs Code Committee - None - Jurisdiction of the Court to rule on the validity of those conclusions in the context of Article 234 EC - None - Interpretation of Article 133(e) of the Customs Code - Interpretation of Articles 502(3) and 504(4) of Regulation (EEC) No 2454/93 - Overall assessment of all the circumstances of the application for authorisation.#Case C-11/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-11 ta' Mejju 2006.
Friesland Coberco Dairy Foods BV vs Inspecteur van de Belastingdienst/Douane Noord/kantoor Groningen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Gerechtshof te Amsterdam - l-Olanda.
Kodiċi Doganali Komunitarju - Proċedura ta' pproċessar taħt il-kontroll doganali - Rifjut mill-awtoritajiet doganali nazzjonali għal talba għal awtorizzazzjoni ta' pproċessar taħt il-kontroll doganali - Natura obbligatorja tal-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali - Nuqqas - Kompetenza tal-Qorti biex tiddeċiedi fuq il-validità ta' l-imsemmija konklużjonijiet fil-kuntest ta' l-Artikolu 234 KE - Nuqqas - Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali - Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 502(3), u l-Artikolu 504(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 - Evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi kollha tat-talba għall-awtorizzazzjoni.
Kawża C-11/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-11 ta' Mejju 2006.
Friesland Coberco Dairy Foods BV vs Inspecteur van de Belastingdienst/Douane Noord/kantoor Groningen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Gerechtshof te Amsterdam - l-Olanda.
Kodiċi Doganali Komunitarju - Proċedura ta' pproċessar taħt il-kontroll doganali - Rifjut mill-awtoritajiet doganali nazzjonali għal talba għal awtorizzazzjoni ta' pproċessar taħt il-kontroll doganali - Natura obbligatorja tal-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali - Nuqqas - Kompetenza tal-Qorti biex tiddeċiedi fuq il-validità ta' l-imsemmija konklużjonijiet fil-kuntest ta' l-Artikolu 234 KE - Nuqqas - Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali - Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 502(3), u l-Artikolu 504(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 - Evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi kollha tat-talba għall-awtorizzazzjoni.
Kawża C-11/05.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:312
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
11 ta’ Mejju 2006 (*)
"Kodiċi Doganali Komunitarju – Proċedura ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali – Rifjut mill-awtoritajiet doganali nazzjonali għal talba għal awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali – Natura obbligatorja tal-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali – Nuqqas – Kompetenza tal-Qorti biex tiddeċiedi fuq il-validità ta’ l-imsemmija konklużjonijiet fil-kuntest ta’ l-Artikolu 234 KE – Nuqqas – Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali – Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 502(3), u l-Artikolu 504(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi kollha tat-talba għall-awtorizzazzjoni"
Fil-kawża C‑11/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (L-Olanda), permezz ta’ Deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Jannar 2005, fil-proċedura
Friesland Coberco Dairy Foods BV, li topera taħt l-isem "Friesland Supply Point Ede"
vs
Inspecteur van de Belastingdienst/Douane Noord/kantoor Groningen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. Malenovský, J.‑P. Puissochet, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2005,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Friesland Coberco Dairy Foods BV, minn J. G. Olive u J. P. Scholten, adviseurs,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn I. Chalkias u S. Papaioannou, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux, bħala aġent, assistita minn Y. van Gerven, Avukat,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 133(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali [Komunitarju] (ĠU L 302, p. 1), kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU L 311, p. 17, iktar ’il quddiem il-"Kodiċi Doganali"), kif ukoll ta’ l-Artikoli 502(3), u 504(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 993/2001 ta’ l-4 ta’ Mejju 2001 (ĠU L 141, p. 1, iktar ’il quddiem ir-"regolament ta’ applikazzjoni").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Olandiża Friesland Coberco Dairy Foods BV (iktar ’il quddiem "Coberco Dairy Foods") u l-inspecteur van de Belastingdienst/Douane Noord/Kantoor Groningen (Spettur ta’ l-amministrazzjoni tat-taxxi/dwana tat-tramuntana/uffiċċju ta’ Groningen, iktar ’il quddiem l-"ispettur"), rigward talba għal ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-ipproċessar taħt il-kontroll doganali (iktar ’il quddiem it-"talba").
Il-kuntest ġuridiku
Il-Kodiċi Doganali
3 Il-Kodiċi Doganali jistabbilixxi ċertu numru ta’ sistemi doganali ekonomiċi, fosthom, fl-Artikoli 130 sa 136 tiegħu, dik tal-"Proċessar taħt il-kontroll doganali".
4 L-Artikolu 130 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi hekk:
"Il-proċedura ta’ l-ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandha tippermetti li merkanziji mhux tal-Komunità jintużaw fit-territorju doganali tal-Komunità f’operazzjonijiet li jbiddlu n-natura jew l-istat tagħhom, mingħajr ma jiġu suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni jew miżuri ta’ politika kummerċjali, u għandha tippermetti li l-prodotti li jirriżultaw minn dawk l-operazzjonijiet jinħelsu għal ċirkolazzjoni libera bir-rata ta’ dazju fuq l-importazzjoni applikabbli għalihom. Dawk il-prodotti għandhom jissejjħu prodotti proċessati."
5 Skond l-Artikolu 132 ta’ l-imsemmi kodiċi:
"L-awtorizzazzjoni għall-ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandha tingħata fuq talba tal-persuna li twettaq l-ipproċessar jew tagħmel l-arranġamenti biex jitwettaq."
6 L-Artikolu 133 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:
"L-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss:
[…]
e) meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex il-proċedura tgħin biex tinħoloq jew tinżamm attività ta’ l-ipproċessar fil-Komunità mingħajr ma tolqot ħażin l-interessi essenzjali ta’ produtturi tal-Komunità li jipproduċu merkanzija simili (kondizzjonijiet ekonomiċi). Il-każi fejn il-kondizzjonijiet ekonomiċi jitqiesu bħala mwettqa jistgħu jiġu stabbiliti bi qbil mal-proċedura tal-kumitat."
7 Skond l-Artikoli 247 sa 249 tal-Kodiċi Doganali, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali (iktar ’il quddiem il-"Kumitat"), taħt il-kundizzjonijiet preskritti fl-imsemmija Artikoli.
8 Għal dak li jirrigwarda l-imsemmi Kumitat, l-Artikolu 249 ta’ l-imsemmi kodiċi jipprovdi:
"Il-kumitat jista’ jeżamina kull kwistjoni li tirrigwarda l-leġislazzjoni doganali li titqajjem mill-president tiegħu, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba ta’ rappreżentant ta’ Stat Membru."
Ir-regolament ta’ applikazzjoni
9 L-Artikolu 496 tar-regolament ta’ applikazzjoni jiddefinixxi "awtorizzazzjoni" bħala permess mill-awtoritajiet doganali biex [tintuża l-proċedura].
10 L-Artikolu 502 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
"1. Ħlief fejn il-kondizjonijiet ekonomiċi jitqiesu li jkunu mwettqa skond il-Kapitolu 3, 4 jew 6, l-awtorizazzjoni ma għandhiex tingħata mingħajr eżami tal-kondizjonijiet ekonomiċi mill-awtoritajiet doganali.
2. Għall-arranġamenti ta’ l-ipproċessar ’l ġewwa (il-Kapitolu 3), l-eżami għandu jistabilixxi n-nuqqas ta’ vijabilità ekonomika bl-użu ta’ sorsi tal-Komunità waqt li jingħata kont b’mod partikolari tal-kriterji li ġejjin, li d-dettalji tagħhom huma preskritti fit-Taqsima B ta’ l-Anness 70:
a) in-nuqqas ta’ dispon[i]bilità ta’ oġġetti manifatturati fil-Komunità li jaqsmu l-istess kwalità u karatteristiċi tekniċi bħal l-oġġetti maħsuba biex jiġu importati għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar maħsuba;
b) differenzi fil-prezz bejn l-oġġetti manifatturati fil-Komunità u dawk maħsuba biex jiġu importati;
ċ) obbligi kuntrattwali.
3. Għall-ipproċessar taħt arranġamenti ta’ kontroll doganali (il-Kapitolu 4), l-eżami għandu jistabilixxi jekk l-użu ta’ sorsi mhux tal-Komunità jippermettix li attivitajiet ta’ pproċessar jinħolqu jew jiġu mantenuti fil-Komunità.
[…]"
11 Skond l-Artikolu 503 ta’ l-imsemmi regolament :
"Eżami tal-kondizzjonijiet ekonomiċi li jinvolvu l-Kummissjoni jistgħu jsiru:
a) jekk l-awtoritajiet doganali konċernati jixtiequ jikkonsultaw qabel jew wara l-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni;
b) jekk amministrazzjoni doganali oħra toġġezzjona għall-awtorizazzjoni maħruġa;
ċ) fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni."
12 L-Artikolu 504 tar-regolament ta’ applikazzjoni jipprovdi:
"1. Fejn ikun inbeda eżami skond l-Artikolu 503, il-każ għandu jintbagħat lill-Kummissjoni. Għandu jkollu fih ir-riżultati ta’ l-eżami diġ[à] mwettaq.
2. Il-Kummisjoni għandha tibagħat konferma li tkun irċeviet jew notifika lill-awtoritajiet doganali konċernati meta taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess. Għandha tistabbilixxi b’konsultazzjoni magħhom jekk ikunx meħtieġ eżami tal-kondizjonijiet ekonomiċi fil-Kumitat.
3. Fejn il-każ jiġi sottomess lill-Kumitat, l-awtoritajiet doganali għandhom jinformaw lill-applikant, jew lid-detentur, li din il-proċedura tkun ġiet mibdija u, jekk il-maneġġ ta’ l-applikazzjoni ma tkunx intemm, li l-limiti ta’ żmien imniżżla fl-Artikolu 506 ikunu ġew sospiżi.
4. Il-konklużjoni tal-Kumitat għandu jingħata kont tagħha mill-awtoritajiet doganali konċernati u mill-awtoritajiet doganali l-oħrajn li jittrattaw ma’ awtorizzazzjonijiet jew applikazzjonijiet simili.
[…]"
13 Għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 551(1) tar-regolament ta’ applikazzjoni tipprovdi:
"L-arranġamenti għal ipproċessar taħt kontroll doganali għandhom japplikaw għal oġġetti li l-ipproċessar tagħhom iwassal li l-prodotti li huma suġġetti għal ammont iktar baxx ta’ dazji ta’ importazzjoni minn dawk applikabbli għall-oġġetti [i]mportati."
14 Skond l-Artikolu 552 ta’ l-imsemmi regolament :
"1. Għat-tipi ta’ oġġetti u operazzjonijiet imsemmija fl-Anness 76, it-Taqsima A, il-kondizzjonijiet ekonomiċi għandhom jitqiesu bħala mwettqa.
Għal tipi oħra ta’ oġġetti u operazzjonijiet l-eżami tal-kondizzjonijiet ekonomiċi għandu jsir.
2. Għat-tipi ta’ oġġetti u operazzjonijiet imsemmija fl-Anness 76, Taqsima B u mhux koperti mit-Taqsima A, l-eżami tal-kondizzjonijiet ekonomiċi għandu jseħħ fil-Kumitat. L-Artikolu 504 (3) u (4) għandu japplika."
15 L-Anness 76, parti B, tar-regolament ta’ applikazzjoni jinkludi l-merkanzija kollha suġġetti għal miżuri ta’ politika agrikola.
Ir-Regolament (KE) Nru 1260/2001
16 Sabiex tintlaħaq il-politika agrikola komuni u b’mod partikolari sabiex il-produtturi tal-pitravi u taz-zokkor tal-kannamiela tal-Komunità jkollhom il-garanziji neċessarji għal dak li jirrigwarda l-impjieg tagħhom u l-livell tagħhom ta’ għajxien, ġew stabbiliti miżuri speċifiċi sabiex jistabilizzaw is-suq taz-zokkor permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 178, p. 1).
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 Coberco Dairy Foods tipproduċi xorb mill-meraq tal-frott, fejn tuża bħala materja prima konċentrat tal-meraq tal-frott, żokkor, ħwawar, minerali u vitamini, li huma mixtrija, xi wħud minn kumpanniji stabbiliti f’xi Stati Membri u oħrajn f’pajjiżi terzi. Il-produzzjoni tikkonsisti l-aktar fit-taħlit ta’ meraq tal-frott ma’ l-ilma u maz-zokkor, fl-ippastorizzazzjoni tal-prodott u wara fl-ippakkjar tiegħu.
18 Fit-23 ta’ Lulju 2002, in applikazzjoni ta’ l-Artikolu 132 tal-Kodiċi Doganali, din il-kumpannia introduċiet talba quddiem l-awtoritajiet doganali Olandiżi għall-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali li tkopri tliet prodotti: meraq tat-tuffieħ biz-zokkor miżjud, meraq tal-larinġ biz-zokkor miżjud u zokkor abjad, kif ukoll iz-zokkor tal-kannamiela. Fl-imsemmija talba kien indikat, abbażi tal-kundizzjonijiet ekonomiċi, li r-rikors kien jippermetti li jseħħu attivitajiet ta’ pproċessar fi ħdan il-Komunità fil-konfront ta’ materjali provenjenti minn pajjiżi terzi.
19 Il-Merkanzija u l-ipproċessar previst fl-Anness 76, parti B, tar-regolament ta’ applikazzjoni, u l-fajl ġew ippreżentati lill-Kumitat sabiex jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi kinux sodisfatti.
20 Fit-22 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni ddepożitat quddiem il-Kumitat dokument ta’ ħidma li minnu rriżulta li Coberco Dairy Foods ippreżentat it-talba tagħha għal awtorizzazzjoni minħabba l-kompetizzjoni ħarxa tal-produtturi ta’ l-Ewropa Ċentrali u orjentali. Huwa kien jirrigwarda investiment inizjali ta’ madwar 750000 EUR fil-kostruzzjoni ta’ installazzjoni ta’ pproċessar li kellha tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ madwar żewġ impjiegi. Mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali, Coberco Dairy Foods kienet probabbilment tiddeċiedi li tittrasforma l-prodotti fl-Ewropa Ċentrali jew orjentali minflok fl-Olanda.
21 Il-Kumitat eżamina dan id-dokument waqt il-laqgħa tiegħu tat-18 ta’ Settembru 2003. Ir-rendikont ta’ din il-laqgħa jindika li rappreżentant tad-Direttorat Ġenerali ta’ l-Agrikoltura tal-Kummissjoni kien informa lill-Kumitat, minn naħa, tat-tnaqqis tal-garanziji tal-provvista taz-zokkor bil-għan li jiġu rrispettati l-impennji internazzjonali tal-Komunità u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-produtturi Komunitarji taz-zokkor kienu "taħt pressjoni" u li l-importazzjoni "eżenti mid-dazju" fil-kuntest tal-proċedura ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali żżid din il-pressjoni. B’konsegwenza ta’ dan, l-imsemmi Direttorat Ġenerali ma jappoġġax id-domanda. Konsegwentement, il-Kumitat iddeċieda li l-kundizzjonijiet ekonomiċi ma kinux irrispettati f’dan il-każ partikolari.
22 Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 Ottubru 2003, l-awtoritajiet doganali Olandiżi bbażaw ruħhom fuq il-konklużjonijiet tal-Kumitat sabiex jirrifjutaw id-domanda ta’ Coberco Dairy Foods. L-ilment ippreżentat minn din ta’ l-aħħar ġie rrifjutat mill-ispettur fit-2 ta’ April 2004.
23 Għalhekk, Coberco Dairy Foods ippreżentat rikors fl-10 ta’ Mejju 2004 quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam.
24 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Gerechtshof te Amsterdam, permezz ta’ Digriet tat-28 ta’ Diċembru 2004, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) Kif għandhom jiġu interpretati t-termini ‘mingħajr ma tolqot ħażin l-interessi essenzjali ta’ produtturi tal-Komunità li jipproduċu merkanzija simili’ ta’ l-Artikolu 133(e) tal-[Kodiċi Doganali]? Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat biss is-suq tal-prodott lest jew trid tiġi eżaminata wkoll is-sitwazzjoni ekonomika tal-materji primi fil-kuntest ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali?
2) Sabiex tiġi evalwata l-espressjoni ‘tinħoloq jew tinżamm attività ta’ l-ipproċessar prevista fl-Artikolu 502(3) tar-[regolament ta’ applikazzjoni], iridu jittieħdu in kunsiderazzjoni ċertu numru ta’ postijiet tax-xogħol maħluqa, bħala minimu, mill-attivitajiet maħsuba? Xi kriterji oħra jridu jiġu applikati sabiex jiġi interpretat it-test tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq?
3) Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina l-validità tal-konklużjonijiet tal-Kumitat fil-kuntest ta’ proċedura għal domanda preliminari?
4) Fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-konklużjonijiet adottati f’dan il-każ partikolari huma validi, kemm għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tagħhom kif ukoll l-argumenti ekonomiċi invokati?
5) Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex f’pożizzjoni li tevalwa l-validità tal-konklużjonijiet, x’interpretazzjoni trid tagħti għat-terminu ‘il-konklużjoni tal-Kumitat għandu jingħata kont tagħha (mill-awtoritajiet doganali)’ ta’ l-Artikolu 504(4) tar-[regolament ta’ applikazzjoni] jekk l-awtoritajiet doganali, fl-ewwel lok, u/jew l-imħallef nazzjonali, fi stadju ta’ appell, iqis li l-konklużjonijiet tal-kumitat ma jippermettux li jkun hemm lok ta’ deċiżjoni għal rifjut ta’ talba għal awtorizzazzjoni tal-proċedura ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali?"
Fuq il-ħames domanda
25 Permezz tal-ħames domanda, li teħtieġ li tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju ssaqsi dwar l-interpretazzjoni tat-termini "il-konklużjoni tal-Kumitat għandu jingħata kont tagħha mill-awtoritajiet doganali" li tinsab fl-Artikolu 504(4) tar-regolament ta’ applikazzjoni. Hija essenzjalment issaqsi jekk din id-dispożizzjoni timplikax li l-konklużjonijiet tal-Kumitat għandhom natura obbligatorja fuq l-awtoritajiet doganali nazzjonali li jkunu qed jiddeċiedu fuq talba għall-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali.
26 Fl-ewwel lok jeħtieġ li jiġi rrilevat li ma jirriżultax mill-kliem ta’ l-Artikolu 504(4) tar-regolament ta’ applikazzjoni li l-konklużjonijiet tal-Kumitat għandhom natura obbligatorja fuq l-awtoritajiet doganali nazzjonali. Skond l-istess termini ta’ dik id-dispożizzjoni, il-konklużjonijiet tal-Kumitat iridu jittieħdu biss in kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet doganali kkonċernati permezz tat-talba, kif ukoll mill-awtoritajiet doganali l-oħra kollha li jkunu qed jipproċessaw awtorizzazzjonijiet jew talbiet simili għall-awtorizzazzjoni.
27 Din id-dispożizzjoni ma timponix fuq l-awtoritajiet doganali nazzjonali li awtomatikament iridu jsegwu l-konklużjonijiet tal-Kumitat. Dawn jistgħu jiddevjaw minn konklużjonijiet adottati mill-Kumitat jekk huma jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.
28 Din l-evalwazzjoni ta’ natura legali tal-konklużjonijiet tal-Kumitat u tal-livell ta’ l-obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet doganali waqt it-teħid in kunsiderazzjoni minn dawn tal-konklużjonijiet tagħhom hija ġġustifikata mill-għan imħaddan bit-twaqqif tal-Kumitat. Kif jirriżulta mis-seba’ premessa ta’ l-imsemmi kodiċi, it-twaqqif ta’ dan il-Kumitat għandu sempliċement l-għan li jiggarantixxi kollaborazzjoni stretta u effikaċi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qasam ikkonċernat mill-Kodiċi Doganali. Għal dak li jirrigwarda t-talbiet ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali, din il-kollaborazzjoni tista’ u, kull tant, trid isseħħ permezz ta’ eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi previsti fl-Artikoli 133(e) tal-Kodiċi Doganali u 502 tar-regolament ta’ applikazzjoni, u permezz ta’ konsultazzjoni tal-kumitat qabel ma’ l-awtoritajiet doganali kkonċernati jkunu taw awtorizzazzjoni jew wara l-għoti ta’ dik l-awtorizzazzjoni.
29 Jekk il-konklużjonijiet tal-kumitat li għandhom l-għan li jinformaw lill-awtoritajiet doganali fir-rigward tal-kundizzjonijiet ekonomiċi in kwistjoni, hekk kif il-Kodiċi Doganali u r-regolament ta’ applikazzjoni jipprevedu, ma jirriżulta xejn mill-kliem tar-regolament ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 504(4) ta’ dan ir-regolament, u lanqas mir-rwol tal-Kumitat, u lanqas mill-għan imħaddan mill-konsultazzjoni ta’ dan l-aħħar imsemmi, li l-awtoritajiet doganali kkonċernati huma b’hekk marbuta bil-konklużjonijiet tal-kumitat.
30 Minbarra dan, kemm l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali, li jipprovdi li l-każijiet li fihom il-kundizzjonijiet ekonomiċi huma kkunsidrati bħala sodisfatti jistgħu jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat, kif ukoll l-Artikolu 249 ta’ l-istess kodiċi, li jipprovdi li l-Kumitat jista’ jeżamina t-talbiet kollha dwar il-leġiżlazzjoni doganali, jikkonfermaw li r-rwol tal-kumitat jikkonsisti, in ġenerali, f’li jiffaċilita t-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mhux sabiex jiġu imposti limiti fuq dawn ta’ l-aħħar.
31 Din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 504(4) tar-regolament ta’ applikazzjoni, li tgħid li l-konklużjonijiet tal-Kumitat huma nieqsa minn natura obbligatorja, ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, f’ċerti ċirkustanzi, b’mod partikolari meta, bħal fil-kawża prinċipali, hija kkonċernata merkanzija suġġetta għall-miżuri ta’ politika agrikola, il-konsultazzjoni tal-kumitat huwa obbligatorju skond l-Artikolu 552(2) tar-regolament ta’ applikazzjoni. Issa, anki f’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu biss in kunsiderazzjoni l-konklużjoni ta’ dan il-kumitat u mhumiex marbuta minnhom. Fil-fatt, ma jistax jiġi mqabbel obbligu ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat ma’ obbligu li jiġu eżegwiti l-konklużjonijiet li huwa jagħti.
32 Fir-rigward tal-prattika mwettqa minn ċerti Stati Membri, b’mod partikolari r-Renju ta’ l-Olanda, li skond dan, l-awtoritajiet doganali kkonċernati awtomatikament isegwu l-konklużjonijiet tal-Kumitat meta dawn huma negattivi, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Doganali u tar-regolament ta’ applikazzjoni, l-imsemmija awtoritajiet huma madankollu ħielsa li jadottaw pożizzjoni differenti minn dik tal-Kumitat wara li jevalwaw iċ-ċirkustanzi u wara li jimmotivaw suffiċjentement id-deċiżjoni tagħhom f’dan ir-rigward.
33 F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ħames domanda li l-konklużjonijiet tal-kumitat m'għandhomx natura obbligatorja fuq l-awtoritajiet doganali nazzjonali li jiddeċiedu fuq talba għall-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali.
Fuq it-tielet u r-raba’ domanda
34 Permezz tat-tielet domanda tagħha, li jeħtieġ li tiġi eżaminata wara, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk il-konklużjonijiet tal-Kumitat mogħtija bis-saħħa ta’ l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżami ta’ validità fil-kuntest ta’ l-Artikolu 234 KE. Fil-każ fejn il-Qorti tikkunsidra li hija kompetenti tipproċedi għal eżami bħal dan, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, permezz tar-raba’ domanda tagħha, fuq il-validità tal-konklużjonijiet tal-kumitat in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tagħhom kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-argumenti ekonomiċi invokati fihom.
35 L-Artikolu 234 KE jipprovdi li l-Qorti hija kompetenti tiddeċiedi, preliminarjament, fuq l-interpretazzjoni tat-Trattat KE u fuq il-validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti maħruġa mill-istituzzjonijiet tal-Komunità u mill-Bank Ċentrali Ewropew.
36 Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Qorti l-kompetenza tiddeċiedi, preliminarjament, fuq il-validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti maħruġa mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, mingħajr ebda eċċezzjoni (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C‑322/88, Ġabra p. 4407, punt 8).
37 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li mhux ikkontestat aktar li l-konklużjonijiet tal-Kumitat jistgħu jiġu attribwiti lill-Kummissjoni. Peress li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu u, xi drabi, iridu jikkonsultaw il-Kumitat fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ talba għall-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali, il-konklużjonijiet ta’ l-imsemmi kumitat ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu atti maħruġa mill-istituzzjonijiet fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza. Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll mill-għan imħaddan mit-twaqqif tal-Kumitat, li jipprovdi sempliċement li jiggarantixxi kollaborazzjoni stretta u effikaċi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qasam ikkonċernat mill-Kodiċi Doganali.
38 Fir-rigward tan-natura legali tal-konklużjonijiet tal-Kumitat, fl-ewwel lok jeħtieġ li jiġi mfakkar, kif jirriżulta wkoll mill-punti 26 sa 33 tas-sentenza preżenti, li dawn m’għandhomx natura obbligatorja fuq l-awtoritajiet doganali nazzjonali li jiddeċiedu talba għall-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali.
39 Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti dwar tipi oħra ta’ avviż, ta’ tip simili, bħalma huma, b’mod partikolari, l-avviżi tal-kumitat tan-nomenklatura tat-tariffa doganali komuni stabbilita permezz tar-Regolament (KEE) Nru 97/69 tal-Kunsill, tas-16 ta’ Jannar 1969, dwar il-miżuri li jridu jittieħdu għall-applikazzjoni uniformi tan-nomenklatura tat-tariffa doganali komuni (ĠU L 14, p. 1) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jeħtieġ li jiġi rrilevat għal dak li jirrigwarda l-konklużjonijiet tal-kumitat li jekk dawn jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi tal-Kodiċi Doganali mill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri u jistgħu, fihom infushom, ikunu kkunsidrati bħala mezzi validi għall-interpretazzjoni ta’ l-imsemmi kodiċi, huma m’għandhomx forza obbligatorja skond il-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 1977, Dittmeyer, 69/76 u 70/76, Ġabra p. 231, punt 4; tal-11 ta’ Lulju 1980, Chem‑Tec, 798/79, Ġabra p. 2639, punti 11 u 12, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 1994, Develop Dr. Eisbein, C‑35/93, Ġabra p. I‑2655, punt 21).
40 Peress li l-Kumitat ġie mwaqqaf sabiex jiggarantixxi kollaborazzjoni stretta u effikaċi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qasam ikkonċernat mill-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri biss huma marbuta li jieħdu in kunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tagħha u mhumiex marbuta li jsegwuhom waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Hija fil-fatt din l-aħħar deċiżjoni li trid, jekk meħtieġ, tkun l-oġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-imħallef nazzjonali.
41 Jeħtieġ li konsegwentement tingħata risposta għat-tielet domanda li l-konklużjonijiet tal-kumitat mogħtija skond l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżami ta’ validità fil-kuntest ta’ l-Artikolu 234 KE.
42 Fir-rigward tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.
Fuq l-ewwel domanda
43 Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi dwar l-interpretazzjoni tat-terminu "mingħajr ma tolqot ħażin l-interessi essenzjali ta’ produtturi tal-Komunità li jipproduċu merkanzija simili" ta’ l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali. Hija essenzjalment tipprova tiskopri, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ talba għall-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali in applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jekk iridx jittieħed in kunsiderazzjoni mhux biss is-suq tal-prodotti lesti, iżda wkoll is-sitwazzjoni ekonomika tas-suq tal-materji primi użati għall-produzzjoni ta’ l-imsemmija prodotti.
44 Coberco Dairy Foods tqis li l-kunċett ta "interessi essenzjali ta’ produtturi tal-Komunità li jipproduċu merkanzija simili" ta’ l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali jrid jiġi interpretat bħala li jinkludi biss evalwazzjoni ta’ l-interessi tal-produtturi Komunitarji tal-prodotti pproċessati, jiġifieri, tal-prodotti lesti.
45 Il-Gvern Grieg u Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni, iqisu li, fir-rigward tat-termini, tal-kuntest u ta’ l-għanijiet ta’ l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali, eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi jimplika li jittieħdu in kunsiderazzjoni kemm l-interessi tal-produtturi tal-prodotti pproċessati kif ukoll dawk tal-produtturi tal-merkanzija jippreżentaw similarità ma’ dawk użati fil-proċess ta’ pproċessar.
46 Il-Gvern Taljan, fl-ewwel lok, isostni li l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi jrid ikopri l-materji primi, peress li, minn naħa, huma dawn li jibbenefikaw mill-proċedura ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali u, min-naħa l-oħra, huwa għal dawn il-prodotti li ġew previsti l-miżuri ta’ protezzjoni tal-proċedura favorevoli. Fit-tieni lok u għall-istess finijiet, dan l-eżami għandu jitwettaq in kunsiderazzjoni tas-suq Komunitarju. Fit-tielet lok, id-deċiżjoni li b’hekk tittieħed għandha tiġi applikata bl-istess mod fl-Istati Membri kollha.
47 Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-kliem ta’ l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali, li jirreferu għall-"interessi essenzjali ta’ produtturi tal-Komunità li jipproduċu merkanzija simili" mingħajr ma jippreċiża jekk ikoprix il-produtturi tal-prodotti lesti jew anki jekk jinkludix ukoll il-produtturi tal-materji primi użati sabiex jiġu prodotti l-imsemmija prodotti, ma jagħtux risposta ċara għad-domanda magħmula, b’mod li hemm lok li jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-proċedura doganali ekonomika li għaliha din tapplika, u l-għanijiet ta’ din il-proċedura.
48 Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 130 tal-Kodiċi Doganali, il-proċedura ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali tippermetti li jiġu implementati, fit-territorju doganali Komunitarju, merkanziji mhux komunitarji sabiex ikunu suġġetti għal proċessi li jimmodifikaw it-tip jew l-istat u mingħajr ma jkunu suġġetti għal dazju fuq importazzjoni lanqas għal miżuri ta’ politika kummerċjali, u li jqiegħdu fi prattika ħielsa mid-dazju fuq importazzjoni dovuti fuqhom il-prodotti li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet. Din il-proċedura hija applikabbli, skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 551(1) tar-regolament ta’ applikazzjoni, għall-merkanzija fejn l-ipproċessar iwassal għall-ksib ta’ prodotti li għalihom japplika ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni inferjuri għall-ammont applikabbli għall-merkanzija ta’ importazzjoni.
49 Il-proċedura ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali ġie previst sabiex jevita l-konsegwenzi negattivi għall-attivitajiet ta’ pproċessar fil-Komunità ta’ applikazzjoni awtomatika tat-tariffa doganali Komunitarja. Madankollu, bil-għoti ta’ vantaġġ lill-proċessuri komunitarji, dawn mhumiex, fil-kuntest tal-proċedura, marbuta li jħallsu d-dazju tad-dwana fuq il-merkanzija importata mill-pajjiż terz, madankollu l-imsemmija proċedura tista’ tippreġudika l-interessi essenzjali tal-produtturi komunitarji eventwali tal-materji primi użati fil-proċess ta’ pproċessar.
50 Meta wieħed jikkunsidra l-kunflitt possibbli ta’ interessi, huwa ċar li l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi previsti fl-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali għandu l-għan li jieħu in kunisderazzjoni l-interessi differenti, prinċipalment dawk tal-proċessuri ta’ materja prima u dawk tal-produtturi Komunitarji tal-merkanziji simili. Kif tgħid il-Kummissjoni, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni tikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-vantaġġi ta’ awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali għall-attivitajiet ta’ pproċessar fir-rigward tal-konsegwenzi possibbli ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni bħal din fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi Komunitarji tal-merkanzija li tippreżenta similarità ma’ dawk li huma s-suġġett ta’ l-ipproċessar.
51 Din l-interpretazzjoni ta’ l-għan ta’ l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali, li tgħid li l-interessi tal-produtturi Komunitarji kollha jridu jiġu protetti, jiġifieri kemm dawk tal-produtturi tal-prodotti lesti kif ukoll dawk tal-produtturi tal-materja prima użata għall-produzzjoni ta’ l-imsemmija prodotti, barra minn hekk, jikkostitwixxi l-unika li tista’ tieħu in kunsiderazzjoni l-eżiġenzi tal-politika komuni Komunitarja, inklużi dawk tal-politika agrikola komuni, kif meħtieġ mit-tielet u r-raba’ premessi tal-Kodiċi Doganali.
52 Konsegwentement, jeħtieġ ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hi li, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ talba għall-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali skond l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali, irid jiġi kkunsidrat mhux biss is-suq tal-prodott lest iżda wkoll is-sitwazzjoni ekonomika tas-suq tal-materji primi użati għall-produzzjoni ta’ l-imsemmija prodotti.
Fuq it-tieni domanda
53 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi x’inhuma l-kriterji li jridu jiġu applikati sabiex tiġi interpretata l-espressjoni "tinħoloq jew tinżamm attività ta’ l-ipproċessar", prevista fl-Artikolu 502(3) tar-regolament ta’ applikazzjoni, u jekk, b’mod partikolari, hemmx lok li jittieħed in kunsiderazzjoni l-ħolqien, mill-fatt ta’ l-attivitajiet ta’ pproċessar previst, ta’ numru minimu ta’ impjiegi.
54 Skond Coberco Dairy Foods, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprovdi ebda limitu fir-rigward tan-numru ta’ postijiet tax-xogħol li jridu jinżammu jew li jridu jiġu maħluqa, għalhekk dan in-numru ta’ postijiet ma jikkostitwixxix kriterju rilevanti.
55 Qabel ma tingħata awtorizzazzjoni għall-ipproċessar taħt il-kontroll doganali, l-awtoritajiet doganali nazzjonali huma marbuta, bis-saħħa, b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali, u l-Artikolu 502(3) tar-regolament ta’ applikazzjoni, li jeżaminaw jekk ċerti kundizzjonijiet ekonomiċi humiex sodisfatti, b’mod partikolari fil-każ ta’ merkanzija suġġetta għal miżuri ta’ politika agrikola, bħalma hu z-zokkor.
56 Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali, dan l-eżami jrid jippermetti li jiġi vverifikat jekk l-awtorizzazzjoni għal ipproċessar taħt il-kontroll doganali jistax jikkontribwixxi sabiex jiffavorixxi l-ħolqien jew li tinżamm attività ta’ pproċessar tal-merkanzija fil-Komunità mingħajr ma tolqot ħażin l-interessi essenzjali ta’ produtturi tal-Komunità li jipproduċu merkanzija simili. Il-kundizzjoni li biha l-imsemmija awtorizzazzjoni tista’ tiffavorixxi l-ħolqien jew iż-żamma ta’ attività ta’ pproċessar fil-Komunità tinsab fl-Artikolu 502(3) tar-regolament ta’ applikazzjoni.
57 Jekk dawn id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni komunitarja applikabbli għall-proċedura ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali ma jispeċifikawx il-kriterji differenti li jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ekonomiċi li huma jipprovdu, jeħtieġ li jiġu mfakkra l-għanijiet ippersegwiti mill-imsemmija proċedura, spjegati fil-punti 50 sa 52 tas-sentenza preżenti, u l-fatt li l-eżami ta’ l-imsemmija kundizzjonijiet għandu l-għan li jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi differenti tal-proċessuri tal-materja prima u ta’ dak tal-produtturi Komunitarji ta’ merkanzija simili, u dan kollu b’osservanza tal-ħtiġijiet tal-politika komuni.
58 Fir-rigward għal dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ li bħal fil-każ tal-Gvern Olandiż u tal-Gvern Grieg kif ukoll tal-Kummissjoni, jingħad li l-kundizzjonijiet ekonomiċi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu evalwati skond l-elementi kollha bħal valur ta’ l-investiment imwettaq, il-permanenza ta’ l-attività u l-vijabbiltà tagħha, it-tul ta’ l-impjiegi maħluqa, kif ukoll kull element ieħor rilevanti li jirreferi għall-ħolqien jew għaż-żamma ta’ attività ta’ pproċessar. Jekk il-ħolqien, mill-fatt ta’ l-attivitajiet ta’ pproċessar previsti, ta’ numru minimu ta’ impjiegi jikkostitwixxi element rilevanti fil-kuntest ta’ l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi meħtieġa mill-Kodiċi Doganali u r-regolament ta’ applikazzjoni tiegħu, mhux neċessarjament jikkostitwixxi biss l-element li jrid jittieħed in kunsiderazzjoni. Fil-fatt, il-kriterji li jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni waqt l-imsemmi eżami jiddependu minn natura ta’ l-attività ta’ pproċessar ikkonċernat u kull eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi jrid jitwettaq b’attenzjoni għaċ-ċirkustanzi konkreti tas-sitwazzjoni.
59 Konsegwentment, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda fis-sens li l-kriterji li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-fatt li "tinħoloq jew tinżamm attività ta’ l-ipproċessar" skond l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali u ta’ l-Artikolu 502(3) tar-regolament ta’ applikazzjoni jistgħu jinkludu l-kriterju dwar il-ħolqien, minħabba l-fatt ta’ l-attivitajiet ta’ pproċessar previsti, ta’ numru minimu ta’ impjegati, iżda ma jillimitax ruħhu għal dan. L-imsemmija kriterji fil-fatt jiddependu fuq in-natura ta’ l-attività ta’ pproċessar ikkonċernata u l-awtorità doganali nazzjonali responsabbli mill-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi abbażi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet trid tevalwa in ġenerali l-elementi kollha rilevanti, inklużi dawk li jirreferu għan-numru ta’ impjiegi maħluqa, għall-valur ta’ l-investiment imwettaq jew għall-permanenza ta’ l-attività prevista.
Fuq l-ispejjeż
60 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ talba għall-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali skond l-Artikolu 133(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 Novembru 2000, irid jittieħed in kunsiderazzjoni mhux biss is-suq tal-prodotti lesti, iżda wkoll is-sitwazzjoni ekonomika tas-suq tal-materji primi użati għall-produzzjoni ta’ l-imsemmija prodotti.
2) Il-kriterji li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-fatt li "tinħoloq jew tinżamm attività ta’ l-ipproċessar" skond l-Artikolu 133(e) tar-Regolament Nru 2913/92 kif emendat mir-Regolament Nru 2700/2000 u ta’ l-Artikolu 502(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 993/2001 ta’ l-4 ta’ Mejju 2001, jistgħu jinkludu l-kriterju dwar il-ħolqien, minħabba l-fatt ta’ l-attivitajiet ta’ pproċessar previsti, ta’ numru minimu ta’ impjegati, iżda ma jillimitax ruħhu għal dan. L-imsemmija kriterji fil-fatt jiddependu min-natura ta’ l-attività ta’ pproċessar ikkonċernata u l-awtorità doganali nazzjonali responsabbli mill-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi abbażi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet trid tevalwa in ġenerali l-elementi kollha rilevanti, inklużi dawk li jirreferu għan-numru ta’ impjiegi maħluqa, għall-valur ta’ l-investiment imwettaq jew għall-permanenza ta’ l-attività prevista.
3) Il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali mogħtija skond l-Artikolu 133(e) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat mir-Regolament Nru 2700/2000, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżami ta’ validità fil-kuntest ta’ l-Artikolu 234 KE.
4) Il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali m’għandhomx natura obbligatorja fuq l-awtoritajiet doganali nazzjonali li jiddeċiedu talba għall-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.