EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62003CJ0078

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta' Diċembru 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum eV.
Appell - Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi għall-akkwist ta' artijiet - Skema intiża għall-privatizzazzjoni ta' artijiet u r-ristrutturazzjoni ta' l-agrikoltura fil-Länder ġodda.
Kawża C-78/03 P.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2005:761


SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta' Diċembru 2005 (*)

«Appell – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi għall-akkwist ta' artijiet – Skema intiża għall-privatizzazzjoni ta' artijiet u r-ristrutturazzjoni ta' l-agrikoltura fil-Länder ġodda»

Fil-kawża C-78/03 P,

li għandha bħala suġġett appell imressaq fid-19 ta' Frar 2003 skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn J. Flett u V. Kreuschitz, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, rappreżentata minn M. Lumma, bħala aġent,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum eV, stabbilita f'Borken (il-Ġermanja), rappreżentata mis-Sur Pechstein, professeur,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann u J. Makarczyk, Presidenti ta' Awla, C. Gulmann (Relatur), A. La Pergola, J.-P. Puissochet, P. Kūris, E. Juhász, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' l-24 ta' Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta' Diċembru 2002, Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum vs il-Kummissjoni (T-114/00, Ġabra p. II-5121, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha l-Qorti tal-Prim'Istanza ma laqgħatx l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà li l-Kummissjoni ressqet kontra r-rikors ta' Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum eV (grupp ta' azzjoni dwar id-dritt u l-proprjetà, iktar 'il quddiem "ARE")għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 1999 li awtorizzat għajnuniet mogħtija mill-Istat taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 87 u 88 (ex-Artikoli 92 u 93) tat-Trattat KE (ĠU 2000, C 46, p.2, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kontenzjuża"), u li tirrigwarda skema ta' akkwist ta' artijiet fil-Länder Ġermaniżi l-ġodda.

 Il-kuntest ġuridiku

2       Skond l-Artikolu 87(1) KE:

"Bla ħsara għal kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni."

3       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 88(2) jipprovdi li:

"Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritt mill-Kummissjoni."

4       L-Artikolu 88(3) KE jiddisponi kif ġej:

"Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini ta’ l-Artikolu 87, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5       ARE hija assoċjazzjoni ta' gruppi b'interess fil-problemi marbuta mal-proprjetà fis-settur agrikolu u fis-settur tal-foresti, mal-persuni li kienu spostati u li kellhom il-proprjetà tagħhom esproprjata,mal-vittmi ta' storn fis-setturi ta' l-industrija, ta' l-artiġanat u tal-kummerċ, kif ukoll impriżi ta' daqs żgħir u medju li kellhom is-sede tagħhom fiż-żona li qabel kienet taħt okkupazzjoni Sovjetika jew fl-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża.

6       Wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja matul is-sena 1990, madwar 1.8 miljun ettaru ta' art agrikola u foresti għaddew mill-patrimonju ta' l-Istat tar-Repubblika Demokratika Ġermaniża għall-patrimonju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

7       Skond il-liġi dwar il-kumpensi (Ausgleichsleistungsgesetz), li tikkostitwixxi l-Artikolu 2 tal-liġi dwar l-indennizz u l-kumpensi (Entschädigungs- und Ausgleichsleistungsgesetz, iktar 'il quddiem l-"EALG") u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1994, xi artijiet agrikoli li jinsabu fl-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża u miżmuma mit-Treuhandanstalt, korp stabbilit taħt il-liġi pubblika responsabbli mir-ristrutturazzjoni ta' l-impriżi li kienu ta' l-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża, setgħu jiġu akkwistati minn diversi kategoriji ta' persuni bi prezz ta' inqas min-nofs il-valur monetarju veru tagħhom. F'dawn il-kategoriji, kienu jaqgħu, f'ordni ta' preċedenza u bil-kundizzjoni li kienu residenti fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990 u li fl-1 ta' Ottubru 1996 kienu kkonkludew kuntratt ta' kera għal terminu twil fir-rigward ta' art li qabel kienet il-proprjetà ta' l-Istat u li kellha tiġi privatizzata mit-Treuhandanstalt, dawk il-persuni li kellhom kera agrikola, is-suċċessuri tal-kooperattivi agrikoli ta' qabel, il-persuni li stabbilew ruħhom mill-ġdid wara li l-proprjetà tagħhom kienet ġiet esproprjata bejn l-1945 u l-1949 jew fi żmien ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża u li, minn dak iż-żmien, reġgħu bdew jaħdmu artijiet agrikoli u l-bdiewa deskritti bħala persuni li stabbilew ruħhom reċentement u li qabel ma kellhomx art fil-Länder il-ġodda. Dawn il-kategoriji jinkludu wkoll, fuq bażi sekondarja, proprjetarji preċedenti li kellhom l-art tagħhom esproprjata qabel l-1949, li ma bbenefikawx minn restituzzjoni tal-proprjetà tagħhom u li ma reġgħux bdew jeżerċitaw attività agrikola f'dak il-post. Il-persuni li jaqgħu fil-kategorija ta' l-aħħar jistgħu jakkwistaw biss dawk l-artijiet li ma kienux inxtraw mill-persuni li għandhom preċedenza.

8       Il-liġi msemmija kienet tipprovdi wkoll il-possibbiltà li jiġu akkwistati foresti b'mod preferenzjali kif ukoll kienet tagħti definizzjoni legali tal-kategoriji ta' persuni li jistgħu jagħmlu dan.

9       Wara li tressqu ilmenti minn ċittadini Ġermaniżi u minn ċittadini ta' Stati Membri oħra dwar din l-iskema ta' l-akkwist ta' artijiet, il-Kummissjoni, fit-18 ta' Marzu 1998, fetħet proċedura formali ta’ investigazzjoni skond l-Artikolu 93 (2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(2) KE) (ĠU 1998, C 215, p.7).

10     Il-proċedura formali ta' investigazzjoni wasslet għad-deċiżjoni 1999/268/KE ta' l-20 ta' Jannar 1999 dwar l-akkwist ta' art taħt il-liġi dwar il-kumpens (ĠU L 107, p. 21, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999"), fejn il-Kummissjoni ddikjarat li l-iskema ta' l-akkwist ta' artijiet fuq imsemmija kienet inkompatibbli mas-suq komuni safejn l-għajnuniet mogħtija huma marbuta mal-kundizzjoni ta' residenza fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990 u safejn jaqbżu l-limitu ta' l-intensità ta' għajnuna biex tkun akkwistata art agrikola, liema limitu kien ġie stabbilit bħala 35% fir-rigward ta' artijiet agrikoli li jinsabu f'żoni li mhumiex anqas favoriti fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 950/97 ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar it-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-istrutturi agrikoli (ĠU L 142, p.1). Fir-rigward, b'mod partikolari, tal-kundizzjoni ta' residenza fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990 stabbilita fil-liġi dwar il-kumpensi, il-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej:

"[...] il-liġi tiffavorixxi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi fil-Länder il-ġodda għad-dannu ta' dawk li m'għandhomx is-sede jew ir-residenza tagħhom fil-Ġermanja u għaldaqstant tammonta għal ksur tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni taħt l-Artikoli [43 KE] sa [48 KE].

Għalkemm huwa veru li, fil-liġi, kull ċittadin tal-Komunità seta' jagħti prova li fit-3 ta' Ottubru 1990 ir-residenza prinċipali tiegħu kienet fit-territorju ta' [l-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża], fil-fatt, din il-kundizzjoni setgħet tkun sodisfatta kważi biss minn ċittadini Ġermaniżi, b'mod partikolari dawk li qabel kellhom ir-residenza tagħhom fil-Länder il-ġodda.

Għaldaqstant, din il-kundizzjoni għandha l-effett li teskludi persuni li ma jissodisfawx il-kriterju li r-residenza (prinċipali) għandha tkun fit-territorju ta' [l-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża].

[...]

Il-kriterju 'residenza fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990', li abbażi tiegħu saret id-distinzjoni, jista' biss ikun iġġustifikat jekk huwa kemm meħtieġ u xieraq biex jintlaħaq l-għan tal-leġiżlatur.

[...]

L-għan kien […] li l-persuni kkonċernati jew il-familji ta' persuni tagħhom li kienu għexu u ħadmu għal għexieren ta' snin fir-[Repubblika Demokratika Ġermaniża] jibbenefikaw minn din l-iskema.

[...]

Madankollu, biex jintlaħaq dan il-għan ma kienx ikun meħtieġ li d-data ta' referenza għar-residenza fil-post tkun iffissata bħala t-3 ta' Ottubru 1990. Fil-fatt, taħt l-Artikolu 3(1) tal-liġi dwar il-kumpens, dawn il-persuni li għadhom kemm stabbilew rwieħhom jew dawn il-persuni ġuridiċi kienu awtorizzati biex jipparteċipaw fl-iskema ta' l-akkwist ta' artijiet jekk, sa l-1 ta' Ottubru 1996, huma kienu kkonkludew kuntratt ta' kera għal terminu twil fir-rigward ta' artijiet li qabel kienu il-proprjetà tal-poplu u li kellhom jiġu privatizzati mit-Treuhandanstalt.

Matul din il-proċedura ta' investigazzjoni, persuni interessati ġibdu espressament l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-maġġoranza kbira ħafna tal-kuntratti ta' kera għal terminu twil kienu ġew konklużi ma' Ġermaniżi tal-Lvant […]

Minn dan jirriżulta b'mod ċar li t-twettiq ta' l-għan stabbilit mil-leġiżlatur (jiġifieri, li l-Ġermaniżi tal-Lvant jipparteċipaw fl-iskema ta' l-akkwist ta' artijiet) [, anki jekk il-leġittimità ta' dan il-għan hija rikonoxxuta,] ma kienx, fil-prattika, ħa jiġi kompromess minħabba jekk id-data ta' referenza ma tiġix stabbilita bħala t-3 ta' Ottubru 1990" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11     Permezz ta' l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999, il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-għajnuniet iddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni u li kienu diġà ngħataw u li ma tagħtix għajnuniet ġodda taħt din l-iskema.

12     Id-dispożittiv ta' din l-istess deċiżjoni jipprovdi kif ġej:

"Artikolu 1"

L-iskema ta' l-akkwist ta' artijiet stabbilita fl-Artikolu 3 tal-liġi dwar il-kumpensi ma tinkludix għajnuniet safejn id-dispożizzjonijiet tagħha jikkonċernaw biss kumpensi mogħtija minħabba esproprjazzjonijiet jew għal azzjonijiet assimilabbli ma' esproprjazzjoni [imwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi] u fejn il-benefiċċji mogħtija huma ekwivalenti jew inqas mid-dannu finanzjarju kkawżat minn dawn l-interventi.

Artikolu 2

L-għajnuniet huma kompatibbli mas-suq komuni safejn mhumiex marbutin mal-kundizzjoni tar-residenza fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990 u safejn jirrispettaw l-limitu ta' intensità ta' 35% fir-rigward ta' l-għajnuniet għal art agrikola f'żoni li mhumiex anqas favoriti fis-sens tar-Regolament […] Nru 950/97.

L-għajnuniet marbutin mal-kundizzjoni ta' residenza fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990 kif ukoll dawk li jaqbżu l-limitu ta' intensità ta' 35% fir-rigward ta' l-għajnuniet għal art agrikola f'żoni li mhumiex anqas favoriti fis-sens tar-Regolament […] Nru 950/97, mhumiex kompatibbli mas-suq komuni.

Il-Ġermanja għandha twaqqaf l-għajnuniet imsemmija fit-tieni paragrafu u ma għandhiex tagħti dawn l-għajnuniet fil-futur.

Artikolu 3

Il-Ġermanja għandha tirkupra, f'terminu ta' xahrejn, l-għajnuniet inkompatibbli mas-suq komuni li hija tat skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 2. Il-ħlas lura għandu jsir skond id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri fid-dritt Ġermaniż u għandu jinkludi l-interessi ikkalkulati, mid-data li ngħatat l-għajnuna, abbażi tar-rata ta' referenza użata meta ġew evalwati l-iskemi ta' għajnuna reġjunali.

[...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13     Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999, il-leġiżlatur Ġermaniż ipprepara abbozz ta' liġi li jikkompleta l-liġi dwar ir-radd lura tad-drittijiet patrimonjali (Vermögensrechtsergänzungsgesetz), li jikkanċella u jemenda ċerti metodi previsti fl-iskema ta' l-akkwist ta' artijiet. B'mod partikolari, minn dan l-abbozz jirriżulta li tneħħa r-rekwiżit ta' residenza fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990 u li l-intensità ta' l-għajnuna ġiet stabbilita bħala 35% (jiġifieri il-prezz ta' xiri ta' l-artijiet ikkonċernati kien stabbilit bħala 35% inqas mill-valur reali ta' l-art). Minn hemm 'il quddiem, ir-rekwiżit prinċipali biex ikunu akkwistati artijiet bi prezz imraħħas kellu jkun l-eżistenza ta' kuntratt ta' kera għal terminu twil.

14     Il-Kummissjoni kienet notifikata b'dan l-abbozz ta' liġi ġdid u, mingħajr ma bdiet proċedura ta' investigazzjoni skond l-Artikolu 88(2) KE, hija awtorizzatu permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-punt 123 ta' din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat kif ġej:

"Fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi, il-Kummissjoni kkonstatat, b'mod ċar, l-eżistenza ta' biżżejjed artijiet disponibbli sabiex tiġi korretta kull diskriminazzjoni li setgħat saret mingħajr ma jkunu annullati l-kuntratti konklużi taħt l-EALG [fil-verżjoni oriġinali tagħha]. Safejn il-leġiżlazzjoni l-ġdida fiha wkoll elementi li, bi kriterji li madankollu huma ekwivalenti, jiffavorixxu l-Ġermaniżi tal-Lvant, vantaġġ bħal dan jagħmel parti mill-għan ta' ristrutturazzjoni ta' l-agrikoltura fil-Länder il-ġodda waqt li fl-istess ħin jiggarantixxi wkoll li l-persuni konċernati, jew il-familji tagħhom, li għexu u ħadmu għal għexieren ta' snin fir-Repubblika Demokratika Ġermaniża, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din il-leġiżlazzjoni. Fid-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999, il-Kummissjoni għarfet il-leġittimità ta' dan il-għan u ma kkuntestatux." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15     B'din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni warrbet il-kritika li kienet saritilha minn diversi persuni interessati wara d-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999 li l-iskema ta' l-akkwist ta' artijiet, minkejja n-nuqqas tar-rekwiżit ta' residenza fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990, kienet xorta waħda diskriminatorja minħabba li r-rekwiżit ta' kuntratt ta' kera għal terminu twil kellu l-effett li jżomm fis-seħħ il-kriterju ta' residenza fil-post u li jagħmel l-ammont ta' artijiet liberi biex jiġu akkwistati għal insuffiċjenti.

16     Wara li l-iskema ta' l-akkwist ta' artijiet kienet awtorizzata mid-deċiżjoni kontenzjuża, il-leġiżlatur Ġermaniż adotta l-abbozz ta' liġi intiż biex jikkompleta l-liġi dwar ir-radd lura tad-drittijiet patrimonjali.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

17     Permezz ta' talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' Mejju 2000, ARE ressqet dan ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

18     Permezz ta' att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 ta' Ġunju 2000, il-Kummissjoni ressqet eċċezzjoni ta' inammissibbiltà minħabba li, min-naħa, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tikkonċernax b'mod dirett u individwali lil ARE u, min-naħa l-oħra, minħabba li ARE wettqet abbuż proċedurali.

19     Permezz ta' digriet tad-9 ta' Novembru 2000, il-President tar-Raba' Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' t-talba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex titħalla tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

20     Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni kontra r-rikors.

21     Fil-punt 45 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni kontenzjuża abbażi ta' l-Artikolu 88(3) KE mingħajr ma fetħet il-proċedura formali ta' eżami prevista fil-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva wkoll li ARE għandha għaldaqstant titqies bħala kkonċernata direttament u individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża jekk, l-ewwel nett, ir-rikors tagħha huwa intiż biex jipproteġi d-drittijiet proċedurali previsti fl-imsemmi paragrafu 2 u, it-tieni nett, jekk jidher hija għandha l-kwalità ta' persuna kkonċernata fis-sens ta' din l-aħħar dispożizzjoni.

22     Fil-punt 47 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li "ir-rikorrenti ma allegatx espressament ksur mill-Kummissjoni ta' l-obbligu li tiftaħ il-proċedura [formali ta' eżami] prevista fl-Artikolu 88(2) KE li ostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali previsti f'din id-dispożizzjoni. Madankollu, ir-raġunijiet għal annullament mressqa in sostenn ta' dan ir-rikors u, b'mod partikolari, ir-raġuni bbażata fuq ksur tal-projbizzjoni ta' kull xorta ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, għandhom ikunu interpretati bħala intiżi li jwasslu għall-konstatazzjoni ta' l-eżistenza ta' diffikultajiet serji, imqajma mill-miżuri kontenzjużi fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni, diffikultajiet li jobbligaw lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura formali [ta' investigazzjoni] ". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

23     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 49 tas-sentenza kkontestata, li "għaldaqstant, ir-rikors għandu jkun interpretat bħala li qiegħed iċanfar lill-Kummissjoni talli, minkejja d-diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' l-għajnuniet in kwistjoni, ma fetħitx il-proċedura formali [ta' investigazzjoni] prevista fl-Artikoli 88(2) KE u li huwa intiż, fl-aħħar mill-aħħar, biex jipproteġi d-drittijiet proċedurali mogħtija mill-imsemmi paragrafu". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24     Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ARE għandhiex il-kwalità ta' persuna interessata fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE, il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat, fil-punt 52 tas-sentenza kkontestata, li "minħabba li r-rikorrenti hija assoċjazzjoni, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-membri tagħha għandhomx il-kwalità ta' persuni interessati fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE. Fil-fatt, assoċjazzjoni stabbilita biex tippromovi l-interessi kollettivi ta' kategorija ta' persuni ma tistax titqies, ħlief f'ċirkustanzi partikolari bħal per eżempju r-rwol li seta' kellha fi proċedura [formali ta' investigazzjoni] li wasslet għall-adozzjoni ta' l-att in kwistjoni (ara l-punti 65 et seq, iktar 'il quddiem), bħala kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, minn att li jolqot l-interessi ġenerali ta' din il-kategorija u, għaldaqstant, mhijiex ammessa li tressaq rikors għal annullament f'isem il-membri tagħha meta dawn ma jistgħux jagħmlu dan fuq bażi individwali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Diċembru 1962, Fédération Nationale de la Boucherie en gros et du commerce en gros des viandes et vs il-Kunsill, 19/62 sa 22/62, Ġabra p. 943, u tat-2 ta' April 1998, Greenpeace Council et vs il-Kummissjoni, C-321/95 P, Ġabra p. I-1651, punti 14 u 29; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Diċembru 1997, Sveriges Betodlares u Henrikson vs il-Kummissjoni, C-409/96 P, Ġabra p. I-7531, punt 45; sentenza [tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Marzu 2001,] Hamburger Hafenund Lagerhaus et vs il-Kummissjoni, [T-69/96, Ġabra p. II-1037], punt 49)". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

25     Fil-punt 63 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li ARE "għandha titqies bħala ammessa li tressaq dan ir-rikors għal annullament f'isem il-[membri tagħha] li, bħala persuni interessati fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE setgħu jagħmlu dan fuq bażi individwali". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

26     Il-punti 65 sa 70 tas-sentenza kkontestata jipprovdu kif ġej:

"65      Barra minn hekk, hemm lok li jkun ikkonstatat li r-rikorrenti tista' titqies bħala individwalment kkonċernata mid-deċiżjoni [kontenzjuża] anki fis-sens li hija ssotni li għandha interess tagħha li tieħu azzjoni minħabba l-pożizzjoni tagħha ta' negozjatriċi ġiet milquta mid-deċiżjoni msemmija (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Frar 1988, Van der Kooy et vs il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punti 19 sa 25, u ta' l-24 ta' Marzu 1993, CIRFS et vs il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, punti 29 u 30; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza [tat-12 ta' Diċembru 1996], AIUFFASS u AKT vs il-Kummissjoni, [T-380/94, Ġabra p. II-2169], punt 50, u tad-29 ta' Settembru 2000, CETM vs il-Kummissjoni, T-55/99, Ġabra p. II-3207, punt 23).

66      Fil-fatt, ir-rikorrenti pparteċipat b'mod attiv fil-proċedura formali ta' eżami li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999 u fid-diskussjonijiet informali dwar l-implimentazzjoni tagħha u dan b'mod attiv u divers u billi pprovdiet rapporti xjentifiċi in sostenn tal-pożizzjoni tagħha. Il-Kummissjoni nfisha ammettiet li r-rikorrenti influwenzat il-proċess li wassal għat-teħid ta' deċiżjonijiet u li kienet sors interessanti ta' informazzjoni.

67      Għaldaqstant, ir-rikorrenti kienet tkun ammessa, bħala persuna kkonċernata individwalment fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 65 iktar 'il fuq, biex tressaq rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li temmet l-imsemmija proċedura formali li kieku din id-deċiżjoni kienet kuntrarja għall-interessi li tirrappreżenta r-rikorrenti.

68      Issa, kif ikkonfermat il-Kummissjoni fis-seduta, id-deċiżjoni [kontenzjuża] tikkonċerna 'esklużivament u direttament l-implimentazzjoni ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet diġà tat qabel', jiġifieri d-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999. Għalhekk, id-deċiżjoni [kontenzjuża] hija direttament marbuta mad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999.

69      Għalhekk, fid-dawl ta' din ir-rabta bejn iż-żewġ deċiżjonijiet u fid-dawl tar-rwol li r-rikorrenti kellha bħala interlokutriċi matul il-proċedura formali konkluża bid-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999, l-individwalizzazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta' din l-istess deċiżjoni neċessarjament estendiet fir-rigward tad-deċiżjoni [kontenzjuża] minkejja li r-rikorrenti ma kinitx involuta fl-eżami tal-Kummissjoni li wassal għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni. Il-fatt li, f'dan il-każ, id-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999 ma kinitx, bħala prinċipju, kuntrarja għall-interessi protetti mir-rikorrenti, ma jnaqqas xejn mill-mertu ta' din il-kostatazzjoni.

70      Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li r-rikorrenti hija kkonċernata individwalment fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar 'il fuq." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

27     Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tannulla s-sentenza kkontestata;

–       tiddeċiedi definittivament fuq il-mertu u tiċħad ir-rikors imressaq minn ARE bħala inammissibbli minħabba li din ta' l-aħħar mhijiex ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża fis-sens ta' l-Artikolu 230 (4) KE, jew

–       tirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Prim'Istanza għal deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta' l-ammissibbiltà, u

–       tikkundanna lil ARE tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

28     ARE titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, u

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta' l-appell.

29     Permezz ta' sottomissjoni bil-miktub ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti fil-21 ta' Mejju 2003, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li ma kellhiex osservazzjonijiet oħra x'tippreżenta ħlief dawk li jidhru fl-appell tal-Kummissjoni u li hija kienet qiegħda tirrinunzja għall-preżentata ta' sottomissjonijiet separati bil-miktub.

 Fuq it-talba għall-annullament tas-sentenza kkontestata

30     In sostenn ta' l-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem seba' raġunijiet ibbażati fuq żbalji ta' dritt imwettqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       billi kkonstatat li, minkejja l-portata ġenerali tagħha, id-deċiżjoni kontenzjuża tikkonċerna b'mod individwali lil ARE u tolqotha jew tolqot uħud mill-membri tagħha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta' fatt li tiddistingwihom minn kull persuna oħra;

–       billi bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha fuq il-fatt li, fir-rigward tal-kundizzjoni li r-rikorrenti għandha tkun ikkonċernata individwalment, il-kriterju ta' individwalizzazzjoni, ibbażat fuq relazzjoni ta' kompetizzjoni, jinbidel skond jekk id-deċiżjonijiet ittieħdux taħt l-Artikolu 88(2) KE jew taħt il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu, b'tali mod li kriterji differenti japplikaw fir-rigward ta' l-ammissibbiltà;

–       billi applikat kriterju bbażat fuq relazzjoni ta' kompetizzjoni li jitlob li jkun hemm effett negattiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta' ARE, li huwa differenti u inqas strett minn dak stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja li jitlob li jkun hemm effett negattiv sinifikanti fuq din il-pożizzjoni ;

–       billi, b'inizjattiva tagħha stess u mingħajr ma semgħat lill-Kummissjoni, lill-intervenjenti fl-ewwel istanza jew lil ARE, qajmet raġuni li ma kinitx inkluża fir-rikors;

–       billi kkonstatat li l-pożizzjoni ta' ARE bħala negozjatriċi ntlaqtet u li għaldaqstant hija kellha titqies bħala individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża;

–       billi ma indikatx b'mod ċar biżżejjed ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata is-sentenza kkontestata, u

–       billi kkonstatat b'mod kontradittorju li, min-naħa, fil-kuntest tal-proċeduri applikabbli taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuniet, ARE ma ġietx mismugħa mill-Kummissjoni u li, min-naħa l-oħra, hija nstemgħet sal-punt li akkwistat il-pożizzjoni ta' negozjatriċi.

 Osservazzjonijiet preliminari

31     Qabel jiġu eżaminati r-raġunijiet imressqa in sostenn ta' l-appell, għandhom jiġu mfakkra r-regoli rilevanti dwar il-kwalità li individwu, li mhuwiex l-Istat destinatarju ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuniet mogħtija mill-Istat, għandu jkollu biex jieħu azzjoni kontra din id-deċiżjoni.

32     Skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230, persuna fiżika jew legali ma tistax tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra sakemm din id-deċiżjoni ma tkunx ta' interess dirett u individwali għaliha.

33     Skond ġurisprudenza stabbilita, persuni li mhumiex id-destinatarji ta' deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma konċernati individwalment, salv f'każ li d-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta' fatt li tiddistingwihom minn kull persuna oħra u, minħabba dan, li tindividwalizzawhom b'mod analogu għal mod kif inhu individwalizzat id-destinatarju ta' deċiżjoni bħal din (ara, b'mod partikolari, s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1963, Plaumann vs il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p.197, 223; tad-19 ta' Mejju 1993, Cook vs il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra p. I-2487, punt 20, u tad-29 ta' April 2004, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-298/00 P, Ġabra p. I-4087, punt 36).

34     Fir-rigward ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuniet mill-Istat, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta' kontroll ta' l-għajnuniet mill-Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, min-naħa, il-fażi preliminari ta' l-eżami ta' l-għajnuniet stabbilita fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li għandha biss l-għan tagħha li l-Kummissjoni tkun tista' tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali ta' l-għajnuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta' l-eżami prevista fil-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta' din il-fażi ta' l-ezami, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiġbor informazzjoni kompluta dwar il-fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jobbliga lill-Kummissjoni tagħti intimazzjoni lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi Cook vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22; tal-15 ta' Ġunju 1993, Matra vs il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 16, u tat-2 ta' April 1998, il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 38).

35     Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta' deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċċjarji ta' dawn il-garanziji proċedurali jistgħu biss jassiguraw ir-rispett ta' din il-proċedura jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati Komunitarji (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Cook vs il-Kummissjoni, punt 23; Matra vs il-Kummissjoni, punt 17, u il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, punt 40). Għal dawn ir-raġunijiet, rikors intiż għall-annullament ta' deċiżjoni bħal din, imressaq minn persuna interessata fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE, jiġi ddikjarat ammissibbli meta l-għan tal-persuna li tressaq ir-rikors jkun li b'hekk tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha taħt din l-aħħar dispożizzjoni (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Cook vs il-Kummissjoni, punti 23 sa 26, u Matra vs il-Kummissjoni, punti 17 sa 20).

36     Issa, il-persuni interessati fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE li, b'dan il-mod, jistgħu, skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, iressqu rikors għal annullament, huma l-persuni, l-intrapriżi jew l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jintlaqtulhom l-interessi tagħhom permezz ta' l-għoti ta' għajnuna, jiġifieri, b'mod partikoli, l-intrapriżi li jikkompetu mal-benefiċċjarji ta' din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (ara, b'mod partikolari, s-sentenza il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, iċċitata iktar 'il fuq, punt 41).

37     Mill-banda l-oħra, jekk ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta' evalwazzjoni ta' l-għajnuna nfisha, is-sempliċi fatt li hija tista' titqies bħala persuna interessata fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE mhuwiex biżżejjed biex ir-rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Din il-persuna jkollha tipprova li qiegħda f'pożizzjoni partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza Plaumann vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq. B'mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq tkun milquta sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta' Jannar 1986, Cofaz et vs il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punti 22 sa 25, u d-digriet Sveriges Betodlares u Henrikson vs il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq, punt 45).

38     Huwa fid-dawl ta' dawn l-element ta' dritt li għandhom jiġu eżaminati r-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni in sostenn ta' l-appell tagħha.

39     L-ewwelnett għandhom jiġu eżaminati r-raba' u l-ħames raġunijiet.

 Fuq ir-raba' raġuni

 L-argumenti tal-partijiet

40     Permezz tar-raba' raġuni tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi kkunsidrat li, bir-rikors tagħha, ARE, kellha l-intenzjoni li tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha taħt l-Artikolu 88(2) KE, il-Qorti tal-Prim'Istanza introduċiet argument ġdid dwar il-ksur tar-rekwiżit proċedurali essenzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qatt ma kellha l-opportunità li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha dwar dan il-punt.

41     ARE twieġeb li, billi interpretat ir-rikors tagħha bħala intiż kontra n-nuqqas li tinfetaħ proċedura formali ta' eżami, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrispettat il-prinċipju ta' ekonomija proċedurali. Fil-fatt, hija llimitat, favur il-Kummissjoni, is-suġġett tat-talba inizjali ta' din l-assoċjazzjoni. Din ta' l-aħħar issostni wkoll li l-argumenti kollha tagħha dwar l-illegalità fil-mertu tad-deċiżjoni kontenzjuża juru l-eżistenza ta' "diffikultajiet serji" fil-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà ta' l-għajnuna in kwistjoni mas-suq komuni. F'kull każ, il-qorti Komunitarja tista' teżamina ex officio il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet proċedurali ta' l-imsemmija assoċjazzjoni minħabba n-nuqqas li tinfetaħ il-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni li kienet imċaħħda mill-possibbiltà li tiddefendi lilha nfisha fir-rigward tar-raġuni bbażata fuq in-nuqqas li tinfetaħ proċedura formali ta' eżami, mhuwex rilevanti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkontestat b'mod suffiċjenti l-pożizzjoni tal-membri ta' ARE bħala kompetituri tal-benefiċċjarji ta' l-għajnuna, u għalhekk il-kwalità tagħhom ta' persuni interessati fi proċedura formali ta' eżami, liema kwalità hija deċiżiva fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta' effett individwali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

42     Mill-punti 3, 6, 8, 9, 66 u 68 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li:

–       permezz tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999, li ttieħdet wara l-proċedura formali ta' eżami fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni ddikjarat li l-iskema ta' l-akkwist ta' artijiet prevista mill-EALG kienet inkompatibbli mas-suq komuni safejn l-għajnuniet li hija tagħti huma marbutin mal-kundizzjoni ta' residenza fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990 u safejn kienu jaqbżu l-limitu ta' l-intensità ta' l-għajnuna biex ikunu akkwistati artijiet agrikoli, liema limitu kien stabbilit bħala 35% fir-rigward ta' artijiet agrikoli li jinsabu f'żoni li mhumiex anqas favoriti fis-sens tar-Regolament Nru. 950/97. B'mod partikolari, fir-rigward tal-kundizzjoni ta' residenza fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990 prevista mil-liġi dwar il-kumpens, il-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej:

–       il-liġi tiffavorixxi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi fil-Länder il-ġodda għad-dannu ta' dawk li m'għandhomx is-sede jew ir-residenża fil-Ġermanja u għaldaqstant hija ta' natura li tikser il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni stabbilita mill-Artikoli 43 KE sa 48 KE;

–       għalkemm huwa veru li, de iure, kull ċittadin ta' l-Istati Membri tal-Komunità seta' jagħti prova li, fit-3 ta' Ottubru 1990, ir-residenza prinċipali tiegħu kienet fit-territorju ta' dik li kienet ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża, de facto, din il-kundizzjoni kienet kważi biss sodisfatta minn ċittadini Ġermaniżi li, b'mod partikolari, qabel kellhom ir-residenza tagħhom fit-territorju msemmi;

–       anki jekk il-leġittimità ta' l-għan stabbilit mill-leġiżlatur, jiġifieri,l-parteċipazzjoni tal-Ġermaniżi tal-Lvant fl-iskema ta' l-akkwist ta' artijiet, hija rikonoxxuta, in-nuqqas li tiġi stabbilita d-data ta' referenza tat-3 ta' Ottubru 1990 ma kienx, fil-prattika, ħa jwassal għal perikolu li dan il-għan ma jintlaħaqx;

–       wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999, il-leġiżlatur Ġermaniż ħejja abbozz ta' liġi, intiż biex jikkompleta l-liġi dwar ir-radd lura ta' drittijiet patrimonjali, li minnu jirriżulta, b'mod partikolari, li tneħħa r-rekwiżit ta' residenza fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990 u li l-intensità ta' l-għajnuna ġiet stabbilita bħala 35% (jiġifieri il-prezz biex tinxtara l-art ikkonċernata kien stabbilit bħala 35% inqas mill-valur reali ta' l-art). Minn hwn 'il quddiem, ir-rekwiżit prinċipali biex tkun akkwistata art bi prezz imraħħas għandu jkun l-eżistenza ta' kuntratt ta' kera għal terminu twil, liema rekwiżit huwa diġà wieħed mid-diversi kundizzjonijiet stabbiliti fl-EALG;

–       il-Kummissjoni kienet notifikata b'dan l-abbozz ġdid u, mingħajr ma fetħet il-proċedura formali ta' eżami skond l-Artikolu 88(2) KE, awtorizzatu permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża;

–       ARE kellha rwol attiv fil-proċedura formali ta' eżami li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999 u fid-diskussjonijiet informali dwar l-implimentazzjoni tagħha u dan b'mod attiv u divers u billi pprovdiet rapporti xjentifiċi in sostenn tal-pożizzjoni tagħha. Il-Kummissjoni nfisha ammettiet li ARE influwenzat il-proċess li wassal għat-teħid ta' deċiżjoni u li kienet sors interessanti ta' informazzjoni;

–       id-deċiżjoni kontenzjuża tikkonċerna l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999.

43     Għaldaqstant huwa kostanti li ARE setgħat tissottometti u fil-fatt issottomettiet osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura formali ta' eżami li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999 u li ARE setgħat, f'dan il-kuntest, issostni li l-iskema ta' għajnuna stabbilita fl-EALG kienu inkompatibbli mas-suq komuni, b'mod partikolari minħabba li l-għoti ta' l-għajnuniet kien suġġett għal kundizzjonijiet li setgħu imorru kontra l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni abbażi ta' nazzjonalità. Huwa wkoll kostanti li, permezz ta' din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li l-iskema ta' l-akkwist ta' artijiet prevista mill-EALG kienet inkompatibbli mas-suq komuni, b'mod partikolari safejn l-għajnuniet mogħtija kienu suġġetti għall-kundizzjoni ta' residenza fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990, liema kundizzjoni, min-natura tagħha, tmur kontra l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni abbażi ta' nazzjonalità, u li,sussegwentement għal din id-deċiżjoni, l-abbozz ta' liġi tal-leġiżlatur Ġermaniż, li neħħa, b'mod partikolari, ir-rekwiżit ta' residenza fil-post fit-3 ta' Ottubru 1990, kien awtorizzat mid-deċiżjoni kontenzjuża li kienet tikkonċerna l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999.

44     F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, magħmula fil-punti 47 u 49 tas-sentenza kkontestata, li, anki fin-nuqqas ta' raġuni bbażata b'mod espliċitu fuq il-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, ir-rikors għandu, fid-dawl tar-raġunijiet favur l-annullament invokati in sostenn tiegħu, jiġi interpretat bħala li jakkuża l-Kummissjoni li ma fetħitx, minkejja d-diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' l-għajnuniet ikkonċernati, il-proċedura formali ta' eżami prevista fl-imsemmija dispożizzjoni u bħala li huwa intiż, fl-aħħar mill-aħħar, biex jipproteġi d-drittijiet proċedurali mogħtija minn din id-dispożizzjoni, jidhru li ma huma bbażati fuq l-ebda raġuni oġġettiva.

45     Fil-fatt, interpretazzjoni mill-ġdid bħal din tar-rikors, li twassal għal rikwalifikazzjoni tas-suġġett tiegħu, ma tistax issir fuq i-bażi biss ta' konstatazzjoni, bħal dik magħmula fil-punt 47 tas-sentenza kkontestata, li r-raġunijiet għall-annullament imressqa in sostenn tar-rikors, u b'mod partikolari r-raġuni bbażata fuq ksur tal-projbizzjoni ta' kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, kienu fir-realtà intiżi biex jikkonstataw l-eżistenza ta' diffikultajiet serji, imqajma mill-għajnuniet in kwistjoni, fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni, diffikultajiet li jpoġġu lill-Kummissjoni fl-obbligu tibda l-proċedura formali.

46     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma sostniet bl-ebda mod l-interpretazzjoni tagħha tar-raġunijiet invokati minn ARE, li wasslitha biex tidentifika, kif għamlet, is-suġġett tar-rikors.

47     Issa, żvilupp rigward il-bażi ta' interpretazzjoni bħal din tar-raġunijiet imsemmija kien tkun aktar meħtieġ minħabba li, hekk kif innotat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 39 tas-sentenza kkontestata, fir-rikors tagħha ARE sostniet li kellha interess tagħha proprju fl-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li, fil-każ ta' l-applikazzjoni stretta tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, kienet tiġi imposta distribuzzjoni mill-ġdid ta' l-artijiet u l-membri ta' din l-assoċjazzjoni kien ikollhom opportunità aħjar biex jakkwistawhom, u b'hekk tat x'jinftiehem li r-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-projbizzjoni ta' kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità kienet tikkonċerna l-mertu tad-deċiżjoni kontenzjuża u mhux il-fatt li ma nfetħetx il-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

48     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Kummissjoni, f'dan il-każ, ma ngħatatx l-opportunità biex twieġeb għar-raġuni bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali ta' ARE.

49     Dan ifisser li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta kkunsidrat li ARE kienet ressqet b'mod impliċitu raġuni bbażata fuq il-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' l-obbligu li tiftaħ il-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

50     Għaldaqstant, ir-raba' raġuni mressqa mill-Kummissjoni in sostenn ta' l-appell tagħha għandha tintlaqa'.

 Fuq il-ħames raġuni

 L-argumenti tal-partijiet

51     Fir-rigward tal-punti 65 sa 69 tas-sentenza kkontestata, fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li ARE hija individwalment kkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li din effettwat il-pożizzjoni tagħha ta' negozjatriċi, il-Kummissjoni ssostni, qabel kollox, li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' fatt manifest minħabba li din l-assoċjazzjoni qatt ma invokat dan l-argument kif ukoll żball ta' dritt minħabba li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tattribwixxi lil rikorrent argumenti legali li dan ma jkunx ressaq hui stess. Il-Kummissjoni sussegwentement tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza li minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kontenzjuża, ARE kisbet il-pożizzjoni ta' negozjatriċi b'interess proprju biex tieħu azzjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' fatt u ta' dritt billi kkunsidrat li d-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999 ma kinitx kontra l-interessi ta' ARE.

52     ARE tosserva li, fir-rikors li ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'istanza, hija semmiet il-kwalità tagħha sabiex tieħu azzjoni f'isimha stess u mhux f'isem il-membri tagħha minħabba li hija parti interessata awtonoma, bħala organizzazzjoni professjonali, fil-proċedura formali ta' eżami li ma nfetħetx mill-Kummissjoni. Din l-assoċjazzjoni ssostni wkoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat b'mod raġonevoli l-kunċett ta' negozjatriċi kif jirriżulta mill-ġurisprudenza meta qieset li s-sehem attiv tagħha fil-proċedura formali ta' eżami ta' qabel id-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999 bħala każ ta' applikazzjoni ta' dan il-kunċett.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

53     Fil-punt 40 tas-sentenza kkontestata, hemm indikat li ARE "iżżid li, anki jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li li mhijiex assoċjazzjoni ta' intrapriżi jew ta' operaturi ekonomiċi, hija għandha tqisha bħala individwalment kkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-pożizzjoni tagħha bħala negozjatriċi mal-Kummissjoni u minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura".

54     Issa, skond il-Kummissjoni, ARE qatt ma invokat il-kwalità tagħha bħala negozjatriċi sabiex tkun iddikjarata li hija ammessa sabiex tressaq rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, dan l-argument tal-Kummissjoni mhux ikkontestat b'mod espliċitu minn din l-assoċjazzjoni.

55     F'kull każ, għandu jiġi osservat li l-elementi identifikati mill-Qorti tal-Prim'Istanza bħala li huma ta' natura li jwasslu sabiex ARE titqies bħala persuna individwalment kkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li din laqtet il-pożizzjoni tagħha ta' negozjatriċi, mhumiex biżżejjed biex tiġi stabbilita kwalità bħal din.

56     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li ARE pparteċipat attivament fil-proċedura formali ta' eżami li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999 kif ukoll fid-diskussjonijiet informali dwar l-implimentazzjoni tagħha u dan b'mod attiv u divers u billi pprovdiet rapporti xjentifiċi in sostenn tal-pożizzjoni tagħha, l-fatt li kellha rwol importanti ta' interlokutriċi matul il-proċedura msemmija, il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża hija marbuta direttament mad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999 u li l-Kummissjoni nfisha ammettiet li din l-assoċjazzjoni influwenzat il-proċess li wassal għat-teħid tad-deċiżjoni u li kienet sors ta' informazzjoni interessanti, ma jistgħux jippermettu li ARE titqies bħala negozjatriċi bħal ma tqies il-Landbouwschap fil-kawża li wasslet għas-sentenza Van der Kooy et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, u bħall-Comité international de la rayonne et des fibres synthétiques (CIRFS) fil-kawża li wasslet għas-sentenza CIRFS et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq.

57     Fil-fatt, il-Landbouwschap kien innegozja t-tariffi tal-gass mal-NV Nederlandse Gasunie de Groningen (l-Olanda) fl-interess ta' l-ortikulturisti u kien wieħed mill-firmatarji tal-ftehim li stabbilixxa dawn il-tariffi li tqiesu bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni b'deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet is-suġġett ta' rikors imressaq b'mod partikolari mill-istess Landbouwschap. Fil-każ ta' CIRFS, li kienet assoċjazzjoni li tiġbor il-produtturi internazzjonali prinċipali ta' fibri sintetiċi, hija kienet l-interlokutriċi tal-Kummissjoni u kienet innegozjat magħha l-impożizzjoni tad-"dixxiplina" fil-qasam ta' għajnuniet lis-settur tal-fibri sintetiċi li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni fejn ikkunsidrat li għajnuna partikolari mogħtija minn Stat Membru lil kumpannija partikolari ma kellhiex tkun is-suġġett ta' notifika preliminari, deċiżjoni li kienet ġiet ikkontestata minn CIRFS.

58     Issa, ir-rwol ta' ARE matul il-proċedura formali ta' eżami li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 1999, li ma jmurx oltre l-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali rikonoxxuti fil-każ tal-persuni interessati skond l-Artikolu 88(2) KE, ma jistax jiġi assimilat mar-rwol ta' Landbouwschap jew ta' CIRFS fil-kawżi msemmija fil-punt 56 ta' din is-sentenza, liema rwol huwa biżżejjed biex assoċjazzjoni titqies, bħala tali, ammessa li tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 88(2) jew (3) KE u indirizzata lil persuna li mhijiex din l-assoċjazzjoni.

59     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt meta ġġudikat li ARE hija individwalment kkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża billi hija ssostni li għandha interess proprju li tressaq ir-rikors minħabba li l-pożizzjoni tagħha ta' negozjatriċi intlaqtet minn din id-deċiżjoni.

60     Għaldaqstant, il-ħames raġuni għandha tintlaqa'.

61     Peress li, billi laqgħet ir-raba' u l-ħames raġuni ta' l-appell, jirriżulta l-kundizzjoni għall-ammissibbiltà tar-rikors imressaq minn ARE kontra d-deċiżjoni kontenzjuża li din l-assoċjazzjoni tkun individwalment kkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni, mhijiex sodisfatta, jew, ta' l-inqas, li mhuwiex ippruvat li din hija individwalment ikkonċernata, hemm lok li s-sentenza kkontestata tiġi annullata.

62     Dan ifisser li m'hemmx lok li jiġu eżaminati l-ħames raġunijiet l-oħra ta' l-appell.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

63     Skond it-tieni sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 61 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-Qorti tista', fil-każ ta' l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, taqta' definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

64     Dan huwa l-każ f'din il-kawża.

65     Fil-fatt, huwa stabbilit li ARE ma talbitx espressament l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li tiftaħ il-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE jew minħabba li l-garanziji proċedurali previsti minn din id-dispożizzjoni kienu ġew miksura. Huwa wkoll stabbilit li din l-assoċjazzjoni, matul id-diversi stadji tal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, la invokat il-kwistjoni tal-ftuħ ta' proċedura bħal din u lanqas il-ġurisprudenza li tirreferi għal din il-kwistjoni.

66     Barra minn hekk, huwa importanti li jkun osservat li ARE nfisha tirrikonoxxi, fit-risposta tagħha għall-appell, li l-Qorti tal-Prim'Istanza llimitat is-suġġett tat-talba inizjali tagħha biex tagħti rimedju għal żball ġuridiku li kienet wettqet fir-rigward tal-kwalifikazzjoni proċedurali korretta tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, inizjalment, din l-assoċjazzjoni kienet ikkontestat din id-deċiżjoni minħabba li kkunsidrata bħala deċiżjoni ta' konklużjoni ta' istanza li tikkonferma l-proċedura formali ta' eżami li kienet saret qabel u li tawtorizza definittivament l-iskema emendata ta' għajnuniet. Hija tammetti li l-Qorti tal-Prim'Istanza, ġustament, ikkunsidrat id-deċiżjoni kontenzjuża bħala deċiżjoni li tagħlaq l-eżami preliminari preliminari ta' l-għajnuniet previst fl-Artikolu 88(3) KE. Għaldaqstant, il-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet interpretat it-talba tagħha bħala diretta kontra n-nuqqas ta' ftuħ ta' proċedura formali ta' eżami, kien skond il-prinċipju ta' ekonomija proċedurali.

67     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, bir-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza intiż sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża, ARE ma kellhiex l-intenzjoni li tikkontesta n-nuqqas ta' ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE u b'hekk tipproteġi drittijiet proċedurali li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.

68     Fil-fatt, l-intenzjoni ta' ARE kienet li, permezz tar-rikors tagħha, hija tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-mertu tagħha.

69     Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li ARE tista' titqies bħala persuna interessata fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE mhux biżżejjed biex ir-rikors jintlaqa' bħala ammissibbli. Hija għandha tipprova li qiegħda f'pożizzjoni partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza Plaumann vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq.

70     F'dan il-każ, ARE, li hija assoċjazzjoni mwaqqfa biex tippromwovi l-interessi kollettivi ta' kategorija ta' individwi, ma tistax titqies bħala kkonċernata individwalment fis-sens tal-ġurisprudenza Plaumann vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, ħlief safejn il-pożizzjoni tal-membri tagħha fis-suq intlaqtet b'mod sostanzjali mill-iskema ta' għajnuniet li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta' Jannar 1986, Cofaz et vs il-Kummissjoni, 169/84, iċċitata iktar 'il fuq, punti 22 sa 25, u d-digriet Sveriges Betodlares u Henrikson vs il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq, punt 45).

71     Dan mhuwiex il-każ f'din il-kawża.

72     Fil-fatt, anki jekk wieħed jissupponi li, hekk kif jirriżulta mill-punti 54 u 60 tas-sentenza kkontestata, uħud mill-membri ta' ARE huma operaturi ekonomiċi li jistgħu jitqiesu bħala kompetituri diretti tal-benefiċċjarji ta' l-għajnuniet stabbiliti permezz tal-liġi dwar il-kumpensi u li, għaldaqstant, il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom kienet neċessarjament milquta mid-deċiżjoni kontenzjuża, dan xorta ma jfissirx li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq intlaqtet b'mod sostanzjali permezz ta' l-għoti ta' l-imsemmija għajnuniet minħabba li jidher li li hu ammess, kif jirriżulta mill-punt 55 tas-sentenza kkontestata, li l-agrikolturi kollha ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jitqiesu bħala kompetituri tal-benefiċċjarji mill-iskema ta' l-akkwist ta' artijiet.

73     Għaldaqstant, ARE ma tistax titqies bħala individwalment kkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża.

74     Għaldaqstant, għandha tintlaqa' l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mill-Kummissjoni kontra r-rikors imressaq minn ARE u, konsegwentement, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud.

 Dwar l-ispejjeż

75     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell mhuwiex fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta' l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(2) ta' l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta' appell taħtl-Artikolu 118 tagħhom, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li ARE tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeciedi li:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta' Diċembru 2002, Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum vs il-Kummissjoni (T-114/00), hija annullata.

2)      Ir-rikors imressaq minn Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum eV quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej intiż sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 1999 li awtorizzat għajnuniet mogħtija mill-Istat fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 87 u 88 (ex-Artikoli 92 u 93) tat-Trattat KE, huwa miċħud bħala inammissibbli.

3)      Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum eV hija kkundannata tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq