Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62002CJ0420

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-18 ta' Novembru 2004.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Depożitu illegali ta' skart fuq is-sit ta' 'Péra Galini' - Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart, emendata mid-Direttiva 91/156/KEE - Artikoli 4 u 9.
    Kawża C-420/02.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:727

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    18 ta' Novembru 2004 (*)

    "Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Depożitu illegali ta' skart fuq is-sit ta' 'Péra Galini' – Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart, emendata mid-Direttiva 91/156/KEE – Artikoli 4 u 9"

    Fil-kawża C-420/02,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226 KE,

    ippreżentat fil-21 ta' Novembru 2002,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Konstantinidis, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E. Skandalou, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

     IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), K. Lenaerts, S. von Bahr u K. Schiemann, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

    Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-24 ta' Ġunju 2004,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Lulju 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tassigura li l-iskart iddepożitat fis-sit ta' "Péra Galini", li jinsab fit-territorju tal-prefettura ta' Heraklion (il-Greċja), jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma tkun ipperikolata saħħet il-bniedem, mingħajr ma jinħolqu riskji għall-ilma, l-arja, il-ħamrija, il-fawna u l-flora u mingħajr ma jkunu kkawżati inkonvenjenzi permezz ta' l-istorbju jew l-irwejjaħ, u billi ħarġet permess għall-ġestjoni ta' dan l-impjant li ma jinkludix l-informazzjoni meħtieġa, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32, aktar 'il quddiem id-"Direttiva").

     Il-kuntest ġuridiku

    2       L-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi li:

    "L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u b’ mod partikolari:

    –       mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-pjanti u l-annimali,

    –       mingħajr ma jikkawżaw irritazzjoni permezz tal-ħsejjes u bl-irwejjaħ,

    –       mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kampanja u l-postijiet ta’ interess speċjali.

    L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart."

    3       L-Artikolu 9 tad-Direttiva jipprovdi li:

    "1. Għall-għanijiet biex jiġu implimentati l-Artikoli 4, 5 u 7, kull stabbiliment jew impriża li jwettqu x-xogħlijiet speċifikati fl-Anness II A għandhom jiksbu permess mingħand l-awtorità kompetenti [msemmija] fl-Artikolu 6.

    Dan il-permess għandu jkopri:

    –       it-tipi u l-kwantitajiet ta’ l-iskart,

    –       il-ħtiġiet tekniċi,

    –       il-prekawzjonijiet tas-sigurtà li jridu jittieħdu,

    –       il-post tar-rimi,

    –       il-metodu tat-trattament.

    2. Il-permessi jistgħu jingħataw għal perjodu speċifikat ta’ żmien, jistgħu jiġġeddu, jistgħu ikunu soġġetti għal kondizzjonijiet u obbligi, jew, [b'mod partikolari], jekk il-metodu maħsub għar-rimi ma jkunx aċċettabbli mil-lat tal-ħarsien ta’ l-ambjent, jistgħu jiġu rrifjutati."

     Il-proċedura prekontenzjuża

    4       Wara li l-Parlament Ewropew irċieva diversi petizzjonijiet dwar id-depożitu illegali ta' skart fis-sit ta' "Péra Galini", li jinsab fit-territorju tal-prefettura ta' Heraklion, il-Kummissjoni, fit-23 ta' Frar 2000, talbet lill-Gvern Grieg informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta' ġestjoni ta' l-impjant in kwistjoni u dwar il-progress tal-pjan għall-ġestjoni ta' l-skart f'din il-prefettura.

    5       Fir-risposta tagħhom ta' l-10 ta' Mejju 2000, l-awtoritajiet Griegi għamlu riferiment għall-implementazzjoni, f'diversi żoni tal-prefettura msemmija, ta' proġetti tat-tip "XYTA", ta' kostruzzjoni ta' siti fejn jintrema l-iskart. Huma indikaw li jeżisti proġett bħal dan għas-sit ta' "Péra Galini" u li l-lokalizzazzjoni tiegħu kienet ġiet approvata minn deċiżjoni ta' Marzu 1995. Huma ppreċiżaw li l-ordni ministerjali konġunta għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet ambjentali għal dan il-proġett kienet għadha ma ġietx adottata.

    6       F'Mejju 2000, il-Kummissjoni saret taf dwar deċiżjoni meħuda fit-22 ta' Diċembru 1998 mill-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Heraklion li, filwaqt li kkonstatat l-ġestjoni illegali ta' l-impjant u r-riskji għall-ambjent u għall-bniedem li kienu qegħdin jirriżultaw minn din il-ġestjoni, ordnat li jitwaqqaf id-depożitu ta' skart fis-sit ta' "Péra Galini".

    7       Matul laqgħat li nżammu fit-13 u l-14 ta' Diċembru 2000, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni li l-pjan għall-ġestjoni ta' l-iskart fil-prefettura ta' Heraklion kien għadu ma ġiex adottat u li l-istima ta' l-impatt fuq l-ambjent ta' l-impjant il-ġdid fis-sit ta' "Péra Galini" kienet għadha ma tlestietx.

    8       F' ittra ta' l-20 ta' Marzu 2001, huma informaw lill-Kummissjoni li l-ewwel fażi tal-pjan għall-ġestjoni ta' l-iskart fir-reġjun ta' Kreta kienet tlestiet. Huma għamlu wkoll referenza għal perizja intiża sabiex teżamina l-kundizzjonijiet tal-ġestjoni ta' l-impjant eżistenti fis-sit ta' "Péra Galini". Huma żiedu li dan is-sit kien adattat għall-kostruzzjoni ta' l-impjant il-ġdid għall-ġestjoni ta' l-iskart.

    9       Peress li dehrilha li r-Repubblika Ellenika kienet naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 9 tad-Direttiva, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra ta' l-24 ta' April 2001, intimat lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

    10     Fir-risposta tagħhom tas-16 ta' Novembru 2001, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni li l-Kunsill Reġjonali ta' Kreta kien approva, fis-16 ta' Lulju 2001, l-istudju tal-pjan għall-ġestjoni ta' l-iskart fir-reġjun ta' Kreta. Huma sostnew li l-implementazzjoni ta' dan il-pjan, permezz ta' l-adozzjoni ta' pjan ta' riabilitazzjoni għas-sit ta' "Péra Galini", kienet ser tikkontribwixxi b'mod deċiżiv sabiex tiġi riżolta l-problema. Barra minn hekk, huma semmew diversi miżuri implementati f'dan is-sit sabiex ikunu limitati l-konsegwenzi negattivi fuq l-ambjent u r-riskji għas-saħħa tal-bniedem. F'dan is-sens, inbena lqugħ madwar is-sit, ġiet stabbilita sistema ta' sigurtà 24 siegħa kuljum, inħolqot żona sabiex jitwaqqfu n-nirien, inbniet triq asfaltata li tagħti aċċess għas-sit sabiex jitnaqqas it-trab, inbniet fossa li tilqa' l-ilma tax-xita, liema ilma mbagħad jiġi kkontrollat u rriċiklat fuq il-post, u s-sit inkesa bir-ramel. Barra minn hekk, skond l-awtoritajiet Griegi, il-blat fir-reġjun huwa impermeabbli.

    11     Peress li kkunsidrat li l-miżuri msemmija kienu insuffiċjenti, il-Kummissjoni, fil-21 ta' Diċembru 2001, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Ellenika fejn stednitha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma' din l-opinjoni f'terminu ta' xahrejn min-notifika tagħha.

    12     Fir-risposti tagħhom tas-17 ta' April u tas-7 ta' Ġunju 2002, l-awtoritajiet Griegi reġgħu għamlu riferiment għall-konklużjoni tal-qafas tal-pjan għall-ġestjoni ta' l-iskart fir-reġjun ta' Kreta, li jagħmel parti minnu l-pjan għall-prefettura ta' Heraklion, u fakkru l-miżuri li kienu ttieħdu fis-sit ta' "Péra Galini". Huma ppreċiżaw li l-istudji kollha mwettqa mir-reġjun ta' Kreta dwar il-ġestjoni ta' l-iskart kellhom ikunu lesti f'Lulju 2002, b'tali mod li l-proġetti jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati matul din l-istess sena. Il-pjan jipprovdi għall-ħolqien u l-ġestjoni, fis-sit ta' "Péra Galini", ta' impjant modern, tat-tip "XYTA", fejn jintrema l-iskart li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-prefetturi ta' Heraklion, Rethymnon u Lassithi.

    13     Peress li dehrilha li s-sitwazzjoni kienet għadha mhijiex sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     Fuq l-ewwel ilment bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva

    L-argumenti tal-partijiet

    14     Il-Kummissjoni tosserva li, skond spezzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fil-11 ta' Frar 1998, il-ġestjoni tal-landfill fis-sit ta' "Péra Galini" huwa l-kawża ta' tniġġis ta' l-ambjent u joħloq riskji għas-saħħa ta' l-abitanti.

    15     Hija tikkonstata li, fir-risposti tagħhom għall-ittra ta' intimazzjoni u għall-opinjoni motivata, l-awtoritajiet Griegi jirrikonoxxu li l-ġestjoni tal-landfill ma kinitx twaqqfet. Hija ssostni li l-miżuri li kienu ttieħdu fuq is-sit mhumiex biżżejjed sabiex jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb tal-landfill u sabiex jiġu evitati r-riskji kollha għall-ambjent naturali u uman, fis-sens ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva. Skondha, il-bini ta' fosos għall-ilqugħ ta' l-ilma għandu jkun akkumpanjat minn studji idroġeoloġiċi u minn informazzjoni dwar l-impermeabbiltà tal-ħamrija. Barra minn hekk, ma kienet ippjanata l-ebda miżura għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ħamrija u ta' l-ilma ta' taħt l-art, bħal, per eżempju, il-kostruzzjoni ta' ħajt ta' iżolazzjoni ġeoloġika, l-istabbiliment ta' sistema ġdida għall-ġbir ta' l-ilma li jnixxi mill-iskart u ta' sistema ġdida ta' impermeabbiltà, kontrolli fuq il-post minn żmien għal żmien, analiżi tal-kwalità ta' l-ilma jew il-ġabra u l-ġestjoni tal-gass bijoloġiku.

    16     Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li, skond rapport ta' żjara maħruġ fit-23 ta' Jannar 2002 mid-Diviżjoni tas-Saħħa ta' l-Amministrazzjoni tal-Prefettura ta' Heraklion, l-ilma li jnixxi mill-iskart ma jinġabarx u jgħaddi minn ġo nixxiegħa qabel ma jispiċċa fil-baħar. Fir-rigward ta' l-impermeabbiltà tal-blat ta' taħt is-sit tal-landfill din ma ġietx stabbilita u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta' miżuri intiżi għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ħamrija u ta' l-ilma ta' taħt l-art. Fl-aħħar nett, il-miżuri tal-pjan reġjonali għall-ġestjoni ta' l-iskart, previsti sabiex tiġi riżolta l-problema tal-ġestjoni ta' l-iskart fi Kreta, għadhom biss fl-istadju ta' l-istudji.

    17     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ssostni li, safejn il-landfill ta' "Péra Galini" ilu jintuża għar-rimi mill-1994 u għadu jintuża sal-lum, ir-Repubblika Ellenika qabżet il-marġni ta' diskrezzjoni li jagħtiha l-Artikolu 4 tad-Direttiva.

    18     Il-Gvern Grieg isostni li ma qabiżx il-limiti tad-diskrezzjoni li l-Artikolu 4 tad-Direttiva jagħti lill-Istati Membri. Huwa jidhirlu li, fid-dawl tal-miżuri meħudin fis-sit ta' "Péra Galini", il-funzjonament attwali tal-landfill ma joħloqx perikolu għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent.

    19     F'dan ir-rigward, huwa jsostni wkoll kif ġej:

    –       fil-kuntest tal-pjan il-ġdid għall-ġestjoni ta' l-iskart, is-sit ikkonċernat huwa s-suġġett ta' studju ta' riabilitazzjoni;

    –       it-tieni fażi tal-pjan għall-ġestjoni ta' l-iskart fir-reġjun ta' Kreta tlestiet;

    –       il-pjan u l-programm ta' l-investimenti u tal-funzjonament tas-sistema ta' riċiklaġġ tal-materjali ta' ippakkjar, approvati mill-Ministru għall-Ambjent, għandhom jibdew joperaw/jidħlu fis-seħħ matul is-sena 2004;

    –       fl-2003 għandha ssir applikazzjoni sabiex tingħata għajnuna mill-Fondi Strutturali bil-għan li tkun iffinanzjata l-kostruzzjoni tas-sit ċentrali "XYTA" u r-riabilitazzjoni tas-sit ta' "Péra Galini".

    20     Fir-rigward tar-rapport ta' Jannar 2002, li għalih tirreferi l-Kummissjoni, il-Gvern Grieg isostni li dan tħejja wara żjara magħmula fi żmien ta' kundizzjonijiet partikolarment diffiċli minħabba xita kontinwa. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Griegi jindikaw li minn rapport maħruġ fit-12 ta' Marzu 2003 jirriżulta li, minbarra f'każijiet eċċezzjonali, l-ilma li jnixxi mill-iskart jinġabar fi tliet tankijiet magħluqa u jkun irriċiklat fuq il-post. Barra minn hekk, l-istima ta' l-impatt fuq l-ambjent li tikkonċerna r-riabilitazzjoni tal-landfill ta' "Péra Galini" ġiet ippreżentata fl-10 ta' Frar 2003 bl-approvazzjoni tagħha prevista għal April 2003. Fir-rigward ta' l-impermeabbiltà tal-blat tar-reġjun, din kienet provata permezz ta' analiżi ġeoloġika mwettqa għall-ħtiġijiet ta' l-implementazzjoni tal-pjan għall-ġestjoni ta' l-iskart. L-awtoritajiet Griegi jindikaw ukoll li mill-kontrolli tal-kwalità ta' l-ilma mwettqa mis-servizzi kompetenti ma rriżultax li l-limiti awtorizzati kienu nqabżu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    21     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li għalkemm l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva ma jippreċiżax il-kontenut konkret tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jassiguraw li l-iskart ikun mormi mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jsir dannu lill-ambjent, dan il-paragrafu xorta waħda jorbot lill-Istati Membri fir-rigward ta' l-għan li għandu jintlaħaq filwaqt li jħallilhom marġni ta' diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta' miżuri bħal dawn (sentenza tad-9 ta' Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 67).

    22     Għaldaqstant, fil-prinċipju, mhuwiex possibbli li, abbażi ta' sitwazzjoni ta' fatt li ma tkunx konformi ma' l-għanijiet stabbiliti fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva, jiġi direttament konkluż li l-Istat Membru kkonċernat neċessarjament naqas mill-obbligi tiegħu taħt din id-dispożizzjoni, jiġifieri, li jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jassigura li l-iskart ikun mormi mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jsir dannu lill-ambjent. Madankollu, il-persistenza ta' sitwazzjoni fattwali bħal din, b'mod partikolari, meta tinvolvi degradazzjoni sinjifikanti ta' l-ambjent matul perijodu twil mingħajr intervent min-naħa ta' l-awtoritajiet kompetenti, tista' tindika li l-Istati Membru qabżu l-marġni ta' diskrezzjoni li tagħtihom din id-dispożizzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 68).

    23     Għandu jiġi wkoll mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' kif kienet is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu seħħew wara m'għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-24 ta' Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-455/00, Ġabra p. I-9231, punt 21, u tat-2 ta' Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-348/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 7).

    24     Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilietx, b'mod suffiċjenti f'għajnejn il-liġi, li, fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Ellenika kienet naqset, matul perijodu twil, milli tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tassigura li l-iskart iddepożitat fis-sit ta' "Péra Galini" jkun irkuprat jew mormi mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jkunu użati proċessi jew metodi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent.

    25     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Gvern Grieg ma jikkontestax il-preżenza, fis-sit ta' "Péra Galini", ta' skart li jippreżenta perikolu għas-saħħa tal-bniedem u li jista' jagħmel ħsara lill-ambjent.

    26     Għandu jiġi wkoll osservat li, diġà fl-1998, il-konklużjonijiet ta' spezzjoni magħmula fuq is-sit ikkonċernat żvelaw li l-ġestjoni tal-landfill fis-sit ta' "Péra Galéni" kien il-kawża ta' tniġġis ta' l-ambjent u kien joħloq riskji għas-saħħa ta' l-abitanti.

    27     Fl-istess sena, deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Heraklion li kkonstatat il-ġestjoni illegali ta' l-impjant u ordnat li jitwaqqaf id-depożitu ta' skart fis-sit ta' "Péra Galini", semmiet ir-riskji għall-ambjent u għall-bniedem li kienu qegħdin jirriżultaw minn din il-ġestjoni.

    28     Barra minn hekk, mir-rapport ta' żjara maħruġ fit-23 ta' Jannar 2002 jirriżulta li, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Griegi, l-ilma li jnixxi mill-iskart ma kienx qiegħed jinżamm mill-ħajt ta' protezzjoni mibni sabiex iwaqqfu u kien qiegħed jispiċċa fil-baħar wara li jgħaddi minn ġo nixxiegħa.

    29     Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li din iż-żjara kienet saret matul perijodu meta kienet niżlet xita qawwija. Bl-istess mod, il-Gvern Grieg ma jistax jargumenta abbażi tal-konklużjonijiet tar-rapport maħruġ wara ż-żjara tat-12 ta' Marzu 2003 peress li din iż-żjara kienet saret wara li ntemm it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri wara l-20 ta' Frar 2002.

    30     Fir-rigward tal-pjanijiet u ta' l-istudji intiżi sabiex jittejjeb l-ipproċessar ta' l-iskart fir-reġjun ta' Kreta invokati mill-Gvern Grieg, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jammontawx għall-miżuri meħtieġa sabiex jiġi assigurat li l-iskart iddepożitat fis-sit ta' "Péra Galini" jkun irkuprat jew mormi mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jkunu użati proċessi jew metodi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent.

    31     Min-naħa l-oħra, dawn il-pjani u studji ma jipprovdu l-ebda element li, abbażi tiegħu, tista' tiġi ddeterminata d-data li fiha l-operazzjonijiet ta' rkupru jew ta' rimi ta' l-iskart li jinsab fis-sit ikkonċernat ser ikunu, jekk ikun il-każ, implementati. Għall-kuntrarju, huma jiżvelaw li, fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, dawn l-operazzjonijiet ma kinux twettqu.

    32     Barra minn hekk, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza stess ta' dawn il-pjanijiet u studji timplika li l-awtoritajiet Griegi jirrikonoxxu t-theddida li l-landill ta' "Péra Galini" tirrappreżenta fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent.

    33     Għaldaqstant, il-Kummissjoni pprovat, b'mod suffiċjenti f'għajnejn il-liġi, li l-awtoritajiet Griegi naqsu, matul perijodu twil, milli jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li l-iskart iddepożitat fis-sit ta' "Péra Galini" jkun irkuprat jew mormi mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jkunu użati proċessi u metodi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent.

    34     Minn dan isegwi li l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva, hija fondata.

     Fuq it-tieni lment bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva

    35     Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Qorti tikkonstata li, billi ħarġet permess għall-ġestjoni tas-sit ta' "Péra Galini" li ma fihx l-informazzjoni meħtieġa, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva.

    36     Il-Kummissjoni ssostni li l-landill ta' "Péra Galini" topera mingħajr ma huma sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Griega fis-seħħ. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni jidhrilha li huwa a fortiori inkontestabbli li l-imsemmija landfill topera mingħajr permess konformi mal-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva.

    37     Il-Gvern Grieg mhuwiex qiegħed jikkontesta din l-allegazzjoni. Għaldaqstant, u fin-nuqqas ta' provi kuntrarji prodotti mill-Gvern Grieg, għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni lment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva, huwa fondata.

    38     Fid-dawl ta' dak kollu li għadu kemm intqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tassigura li l-iskart iddepożitat fis-sit ta' "Péra Galini", li jinsab fit-territorju tal-prefettura ta' Heraklion, ikun irkuprat jew mormi mingħajr ma tkun ipperikolata saħħet il-bniedem, mingħajr ma jinħolqu riskji għall-ilma, l-arja, il-ħamrija, il-fawna u l-flora u mingħajr ma jkunu provokati inkonvenjenzi bħal l-istorbju jew l-irwejjaħ, u billi ħarġet permess għall-ġestjoni ta' dan l-impjant li ma jinkludix l-informazzjoni meħtieġa, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 9 tad-Direttiva.

     Fuq l-ispejjeż

    39     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

    1)      Billi naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tassigura li l-iskart iddepożitat fis-sit ta' "Péra Galini", li jinsab fit-territorju tal-prefettura ta' Heraklion, ikun irkuprat jew mormi mingħajr ma tkun ipperikolata saħħet il-bniedem, mingħajr ma jinħolqu riskji għall-ilma, l-arja, il-ħamrija, il-fawna u l-flora u mingħajr ma jkunu provokati inkonvenjenzi bħal l-istorbju jew l-irwejjaħ, u billi ħarġet permess għall-ġestjoni ta' dan l-impjant li ma jinkludix l-informazzjoni meħtieġa, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva 91/156/KEE.

    2)      Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Fuq