Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62002CJ0299

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-14 ta' Ottubru 2004.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' l-Olanda.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 43 KE u 48 KE - Miżuri nazzjonali li jeżiġu n-nazzjonalità Komunitarja jew taż-ŻEE ta' l-azzjonisti, ta' l-amministraturi u tal-persuni fiżiċi responsabbli mill-ġestjoni ta' kuljum ta' kumpannija Komunitarja proprjetarja tal-vapur - Miżuri nazzjonali li jeżiġu li l-amministratur ta' kumpannija ta' vapuri għandu jkun ta' nazzjonalità Komunitarja jew taż-ŻEE u għandu jkollu r-residenza Komunitarja jew taż-ŻEE.
    Kawża C-299/02.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:620

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    14 ta' Ottubru 2004 (*)

    "Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 43 KE et 48 KE – Miżuri nazzjonali li jeżiġu n-nazzjonalità Komunitarja jew taż-ŻEE ta' l-azzjonisti, ta' l-amministraturi u tal-persuni fiżiċi responsabbli mill-ġestjoni ta' kuljum ta' kumpannija Komunitarja proprjetarja tal-vapur – Miżuri nazzjonali li jeżiġu li l-amministratur ta' kumpannija ta' vapuri għandu jkun ta' nazzjonalità Komunitarja jew taż-ŻEE u għandu jkollu r-residenza Komunitarja jew taż-ŻEE"

    Fil-kawża C-299/02,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226KE,

    ippreżentat fit-23 ta' Awwissu 2002,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn  K. H. I. Simonsson u H. M. H. Speyart, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    Ir-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u  S. Terstal, bħala aġenti,

    konvenut

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, A. Rosas u R. Silva de Lapuerta, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P . Léger,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' Mejju 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permess tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adotta u żamm fil-leġiżlazzjoni tiegħu l-Artikolu 31 tal-Wetboek van Koophandel (il-Kodiċi tal-Kummerċ) u l-Artikolu 8:169 tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili) li permezz tagħhom ġew stabbiliti kundizzjonijiet għal dak li jikkonċerna:

    –       in-nazzjonalità ta' l-azzjonisti u ta' l-amministraturi ta' kumpanniji li huma proprjetarji ta' vapur li huma jkunu jixtiequ jirreġistraw fl-Olanda, kif ukoll;

    –       in-nazzjonalità u r-residenza ta' l-amministraturi ta' kumpanniji ta' vapuri rreġistrati fl-Olanda u persuni fiżiċi responsabbli mill-ġestjoni ta' kuljum ta' l-istabbiliment minn fejn l-attività ta' navigazzjoni marittima li hija neċessarja għar-reġistrazzjoni ta' vapur fir-reġistri Olandiżi hija eżerċitata fl-Olanda,

    Ir-Renju ta' l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikoli 43 KE u 48 KE.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

    2       L-Artikolu 91(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ta' l-10 ta' Diċembru 1992, li l-Komunità ffirmat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta' Marzu 1998 (ĠU L 179, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Montego Bay") jipprovdi li "kull Stat jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom huwa jissuġġetta l-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-vapuri, il-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni tal-vapuri fuq it-territorju tiegħu u l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex huma jkollhom id-dritt li jtajru l-bandiera tiegħu. […] Għandha teżisti rabta sustanzjali bejn l-Istat u l-vapur". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    3       L-Artikolu 94 tal-Konvenzjoni ta' Montego Bay jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li "kull Stat jeżerċita effettivament il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fl-oqsma amministrativi, tekniċi u soċjali fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu" [traduzzjoni mhux uffiċjali], u jelenka, fil-paragrafi segwenti, sensiela ta' miżuri li l-Istat tal-bandiera għandu l-obbligu li jieħu għal dan l-iskop.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    4       Skond l-Artikolu 311(1) u (3) tal-Wetboek van Koophandel:

    "1.      Vapur għandu n-nazzjonalità Olandiża meta l-kundizzjonijiet segwenti huma milħuqa:

    a)      il-vapur jappartjeni għall-anqas għal żewġ terzi lil persuna jew diversi persuni fiżiċi jew kumpanniji li għandhom in-nazzjonalità ta' Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej [iktar 'il quddiem in-"nazzjonalità Komunitarja"] jew ta' Stat Membru ieħor tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [iktar 'il quddiem in-"nazzjonalità ŻEE"];

    b)      il-persuna jew il-persuni msemmija fil-punt a) li jeżerċitaw l-attività ta' navigazzjoni marittima fl-Olanda permezz ta' impriża li hija stabbilita f'dan il-pajjiż jew li għandha stabbiliment sekondarju fih […] u li jassiguraw il-ġestjoni tal-vapur prinċipalment mill-Olanda;

    c)      il-ġestjoni ta' kuljum ta' l-istabbiliment imsemmi fil-punt b) hija assigurata minn persuna jew diversi persuni fiżiċi li għandhom in-nazzjonalità [Komunitarja] jew [ŻEE];

    d)      il-persuna jew persuni fiżiċi msemmija fil-punt c) jkollhom setgħat ta' rappreżentazzjoni għall-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ġestjoni tal-vapur u li jikkonċernaw il-vapur, il-kaptan tiegħu u l-membri l-oħra ta' l-ekwipaġġ. […]

    3.     Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, persuna ġuridika tfisser persuna li għandha n-nazzjonalità [Komunitarja] jew [ŻEE] bħala persuna ġuridika ikkostitwita skond il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej jew minn Stat Membru ieħor tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea […] li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, l-amministrazzjoni ċentrali tagħha jew l-istabbiliment ewlieni tagħha fit-territorju ta' Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej jew ta' Stat Membru ieħor tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, bil-kundizzjoni li:

    a)      azzjonijiet li jirrappreżentaw ta' l-anqas żewġ terzi tal-kapital irreġistrat jiġu stabbiliti f'isem persuni fiżiċi li għandhom in-nazzjonalità [Komunitarja] jew [ŻEE] jew kumpanniji skond dan il-paragrafu ab initio, u li l-maġġoranza ta' l-amministraturi jkollhom in-nazzjonalità [Komunitarja] jew [ŻEE]; jew li

    b)      l-amministraturi kollha jkollhom in-nazzjonalità [Komunitarja] jew [ŻEE]."

    5       Skond l-Artikolu 8:160 tal-Burgerlijk Wetboek, kumpannija ta' vapuri hija forma speċifika ta' koproprjetà ta' vapur li tippermetti li persuni fiżiċi jkunu koproprjetarji ta' vapur mingħajr ma jgħaddu minn persuna ġuridika bħala intermedjarju.

    6       L-Artikolu 8:163 tal-Burgerlijk Wetboek jipprovdi li "kull kumpannija ta' vapur tista' timpjega kontabbli [amministratur]".

    7       L-Artikolu 8:169(1) tal-Burgerlijk Wetboek jipprovdi li "l-funzjoni ta kontabbli [amministratur] tieqaf jekk […] huwa ma jkollux aktar in-nazzjonalità [Komunitajra] jew [ŻEE] jew jekk huwa jistabbilixxi r-residenza tiegħu barra mit-territorju ta' Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej [iktar 'il quddiem ir-"residenza Komunitarja"] jew ta' Stat Membru ieħor tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [iktar 'il quddiem ir-"residenza ŻEE"]".

     Il-proċedura prekontenzjuża

    8       Wara li tat l-opportunità lir-Renju ta' l-Olanda jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni indirizzatlu opinjoni motivata fis-27 ta' Jannar 2000, li fiha rrilevat li ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rigward ir-reġistrazzjoni u l-ġestjoni tal-vapuri kienu jidhrulha li huma inkompatibbli ma' l-Artikolu 43 KE, moqri ma' l-Artikolu 48 KE. Għaldaqstant, hija stiednet lil dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu li joħorġu mit-Trattat KE fi żmien xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni motivata. Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi permezz ta' ittra tat-8 ta' Mejju 2000, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq ir-rikors preżenti.

     Fuq ir-rikors

    9       Il-Kummissjoni tqajjem tliet ilmenti sabiex issostni, fis-sustanza, ir-rikors tagħha dwar il-kundizzjonijiet mitluba mir-Renju ta' l-Olanda sabiex vapur ikun jista' jiġi rreġistrat f'dan l-Istat Membru (iktar 'il quddiem is-"sistema ta' reġistrazzjoni tal-vapuri in kwistjoni"). Dawn l-ilmenti jirrigwardaw l-inkompatibbiltà ma' l-Artikolu 43 KE tal-kundizzjoni li

    –       wieħed mill-azzjonisti ta' kumpannija Komunitarja proprjetarja ta' vapur għandu jkun ta' nazzjonalità Komunitarja jew ŻEE;

    –       l-amministraturi ta' kumpannija Komunitarja proprjetarja tal-vapur għandhom ikunu ta' nazzjonalità Komunitarja jew ŻEE; u/jew

    –       il-persuni fiżiċi responsabbli mill-ġestjoni ta' kuljum ta' l-istabbiliment Olandiż (iktar 'il quddiem ir-"rappreżentanti fuq il-post") ta' proprjetarju Komunitarju tal-vapur għandhom ikunu ta' nazzjonalità Komunitarja jew ŻEE.

    10     Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinvoka żewġ ilmenti dwar il-kundizzjonijiet mitluba mir-Renju ta' l-Olanda għall-ġestjoni tal-vapuri minn kumpannija ta' vapuri (iktar 'il quddiem is-"sistema ta' ġestjoni tal-vapuri in kwistjoni"). Dawn l-ilmenti jirrigwardaw l-inkompatibbiltà ma' l-Artikolu 43 KE tal-kundizzjoni li

    –       l-amministratur ta' kumpannija ta' vapuri għandu jkun ta' nazzjonalità Komunitarja jew ŻEE; u

    –       l-amministratur ta' kumpannija ta' vapuri għandu jkollu residenza Komunitarja jew ŻEE.

     Fuq l-ewwel tliet ilmenti

     L-argumenti tal-partijiet

    11     Skond il-Kummissjoni, is-sistema ta' reġistrazzjoni tal-vapuri in kwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment.

    12     Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, jekk din is-sistema tista' tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet ta' interess ġenerali marbuta ma' l-eżerċizzju ta' kontroll effettiv, din għandha tiġi kkunsidrata bħala sproporzjonata għall-iskop imfittex.

    13     Il-Gvern Olandiż isostni li s-sistema ta' reġistrazzjoni ta' vapuri in kwistjoni ma tirrestrinġix id-dritt għall-istabbiliment liberu.

    14     Barra minn hekk, dan il-Gvern isostni li, anki jekk wieħed jissupponi li din is-sistema hija restrittiva għal-libertà ta' stabbiliment, din hija ġġustifikata minħabba raġunijiet ta' interess ġenerali dwar in-neċessità li teżerċita kontroll u ġurisdizzjoni effettiva fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera Olandiża.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    15     Skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 43 KE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anke jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward ta' nazzjonalità, hija suxxettibbli li tfixkel jew li tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, minn ċittadini Komunitarji, tal-libertà ta' stabbiliment, iggarantit mit-Trattat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta' Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32).

    16     Jirriżulta mill-Artikolu 48 KE li d-dritt għal-libertà ta' stabbiliment huwa assigurat mhux biss għaċ-ċittadini Komunitarju imma wkoll għall-kumpanniji kkostitwiti skond il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru u li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment ewlieni tagħhom ġewwa l-Komunità (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta' Settembru 1988, Daily Mail and General Trust PLC, 81/87, Ġabra p. 5483, tad-9 ta' Marzu 1999, Centros, C-212/97, Ġabra p. I-1459, punt 18, u tal-5 ta' Novembru 2002, Überseering, C-208/00, Ġabra p. I-9919, punt 56).

    17     Madankollu, il-libertà ta' stabbiliment tista', fin-nuqqas ta' miżuri Komunitarji ta' armonizzazzjoni, tiġi limitata minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun iġġustifikata bir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 46(1) KE jew minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta' April 1977, Thieffry, 71/76, Ġabra p. 765, punti 12 u 15, kif ukoll Kraus, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32).

    18     F'dan il-kuntest, huma l-Istati Membri li jiddeċiedu fuq il-livell li bih huma għandhom l-intenzjoni jassiguraw il-protezzjoni ta' l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 46(1) KE, u ta' l-interess ġenerali kif ukoll il-mod li bih dan il-livell irid jintlaħaq. Madankollu huma ma jistgħux jagħmlu dan ħlief fil-limiti indikati mit-Trattat u, b'mod partikolari, fir-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità, li jeżiġi li l-miżuri adottati jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta' l-għan li huma jfittxu u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-20 ta' Mejju 1992, Ramrath, C-106/91, Ġabra p. I-3351, punti 29 u 30, kif ukoll Kraus, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32).

    19     F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema ta' reġistrazzjoni tal-vapuri in kwistjoni għandha bħala effett li tirrestrinġi l-libertà ta' stabbiliment tal-proprjetarji ta' dawn il-vapuri. Fil-fatt, meta l-kumpanniji proprjetarji li jkollhom l-intenzjoni li jirreġistraw il-vapuri tagħhom fl-Olanda ma jirrispondux għall-kundizzjonijiet in kwistjoni, huma m'għandhomx alternattiva oħra, sabiex jipproċedu għal din ir-reġistrazzjoni, ħlief li jbiddlu konsegwentement l-istruttura tal-kapital azzjonarju tagħhom jew tal-korpi ta' amministrazzjoni tagħhom – tibdiliet li jistgħu jimplikaw taqlib kbir ġewwa kumpannija kif ukoll it-twettiq ta' bosta formalitajiet li mhumiex mingħajr konsegwenzi finanzjarji. Bl-istess mod, il-proprjetarji tal-vapuri jkollhom jadattaw il-politika ta' impjieg tagħhom sabiex jeskludu bħala rappreżentanti fuq il-post kull ċittadin minn Stat terz għall-Komunità jew għaż-ŻEE.

    20     F'dan ir-rigward, l-argument invokat mill-Gvern Olandiż li, b'differenza ta' kundizzjoni ta' nazzjonalità marbuta ma' Stat Membru, kundizzjoni ta' nazzjonalità Komunitarja jew ŻEE ma tistax tikkostitwixxi "restrizzjoni" skond l-Artikolu 43 KE, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, fin-nuqqas ta' regola armonizzata valida għall-Komunità kollha, kundizzjoni ta' nazzjonalità Komunitarja jew ŻEE tista', l-istess bħal kundizzjoni ta' nazzjonalità ta' Stat Membru speċifiku, tikkostitwixxi xkiel għal-libertà ta' stabbiliment.

    21     Restrizzjoni bħal dik in kwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet ta' l-eżerċizzju ta' kontroll u ta' ġurisdizzjoni effettiva fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera ta' l-Olanda. Is-sistema Olandiża ta' reġistrazzjoni tal-vapuri mhijiex tali li tiggarantixxi li l-għanijiet tagħha jintlaħqu u tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom. Fil-fatt, huwa diffiċli li wieħed jifhem kif l-istruttura tal-kapital azzjonarju jew tal-korpi ta' amministrazzjoni tal-kumpanniji proprjetarji tal-vapur jew ukoll in-nazzjonalità tar-rappreżentant fuq il-post jistgħu jeffettwaw l-eżerċizzju ta' kontroll effettiv ta' l-Istat tal-bandiera fuq il-vapur. Dawn iċ-ċirkustanzi huma ta' ftit rilevanza għall-adozzjoni ta' miżuri bħall-ispezzjoni tal-vapur, ir-reġistrazzjoni ta' l-informazzjoni li tikkonċernah, il-verfika tal-kwalifika u tal-kundizzjonijiet ta' xogħol ta' l-ekwipaġġ, kif ukoll il-ftuħ u t-tmexxija ta' inkjesta fil-każ ta' aċċident jew ta' inċident ta' navigazzjoni barra l-ibħra territorjali.

    22     F'dan ir-rigward, l-argument żviluppat mill-Gvern Olandiż sabiex jistabbilixxi n-natura proporzjonata ta' din is-sistema ma jistax jiġi aċċettat.

    23     Fir-rigward ta' l-argument li r-Renju ta' l-Olanda jkun obbligat li jadotta s-sistema in kwistjoni skond l-Artikolu 91(1) u 94(1) tal-Konvenzjoni ta' Montego Bay, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, bħal ma wera l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq ta' l-imsemmija Konvenzjoni ma fihomx dan l-obbligu għar-Renju ta' l-Olanda.

    24     Dwar l-argument li l-Komunità stess uriet din l-eżiġenza fid-dritt derivat tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, jekk kundizzjonijiet ta' nazzjonalità Komunitarja jew ŻEE jistgħu jiġu ammessi fil-kuntest ta' sistema Komunitarja armonizzata, huma ma jistgħux jiġu stabbiliti unilateralment minn Stati Membri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

    25     Fir-rigward ta' l-argument li, sabiex jiġi ggarantit kontroll effettiv, huwa neċessarju li tiġi assigurata rabta mal-proprjetarju effettiv (l-aħħar persuna li għandha dritt fil-proprjetà tal-vapur), għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet ta' tali kontroll, huwa biżżejjed li jiġi previst li l-ġestjoni tal-vapur għandha tiġi assigurata mill-istabbiliment li jinsab fl-Olanda minn persuna li għandha s-setgħa ta' rappreżentazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta' Lulju 1991, Factortame et, C-221/89, Ġabra p. I-3905, punt 36). B'hekk, l-Istat Membru jkun jista' jintervjeni direttament kontra r-rappreżentant tal-proprjetarju tal-vapur.

    26     Għal dak li jikkonċerna l-argument li l-kundizzjoni ta' nazzjonalità żżid kunsiderevolment il-possibbiltajiet li l-ġurisdizzjoni tiġi effettivament eżerċitata, għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà għal Stat li jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq persuna tiddependi fuq kollox mill-aċċessibbiltà prattika tagħha u mhux min-nazzjonalità tagħha. Issa, dan il-kriterju huwa diġà sodisfatt meta l-ġestjoni tal-vapur tiġi assigurata mill-istabbiliment li jinsab fl-Olanda minn persuna li għandha setgħa ta' rappreżentazzjoni tal-proprjetarju tal-vapur.

    27     F'dawn iċ-ċirkustanzi l-ewwel tliet ilmenti huma fondati.

     Fuq ir-raba' u l-ħames ilment

     L-argumenti tal-partijiet

    28     Skond il-Kummissjoni, is-sistema ta' ġestjoni tal-vapuri in kwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment.

    29     Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li, jekk din is-sistema tista' tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet ta' interess ġenerali marbuta ma' l-eżerċizzju ta' kontroll effettiv, din għandha tiġi kkunsidrata bħala disproporzjonali għall-iskop imfittex.

    30     Il-Gvern Olandiż isostni li s-sistema ta' ġestjoni tal-vapuri in kwistjoni ma tirrestrinġix il-libertà ta' istabbiliment.

    31     Fi kwalunkwe każ, skond dan il-Gvern, anke jekk jiġi meqjus li din is-sistema fiha restrizzjoni, din tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet ta' interess ġenerali relatati man-neċessità li teżerċita kontroll u ġurisdizzjoni effettiva fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera Olandiża.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    32     F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema ta' ġestjoni ta' vapuri in kwistjoni għandha bħala effett li tirrestrinġi l-libertà ta' stabbiliment tal-proprjetarji ta' dawn il-vapuri. Fil-fatt, iċ-ċittadini Komunitarji li jixtiequ joperaw taħt forma ta' kumpannija ta' vapuri b'amministratur li huwa ċittadin ta' Stat terz jew residenti f'pajjiż terz ma jistgħux jagħmlu dan.

    33     Restrizzjoni bħal din ma tistax tiġi ġġustifikata minħabba n-neċessità li jiġi eżerċitat kontroll u ġurisdizzjoni effettiva fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera ta' l-Olanda. Is-sistema Olandiża ta' ġestjoni tal-vapuri mhijiex adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta' dawn l-għanijiet u tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom. Fil-fatt, huwa diffiċli li wieħed jifhem kif in-nazzjonalità u r-residenza ta' l-amministratur ta' kumpannija ta' vapuri li hija proprjetarja tal-vapur jistgħu jeffettwaw l-eżerċizzju ta' kontroll effettiv ta' l-Istat tal-bandiera fuq il-vapur.

    34     F'dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni ta' nazzjonalità, jirriżulta mill-punti 23 sa 26 ta' din is-sentenza li l-argumenti żviluppati mill-Gvern Olandiż sabiex jistabbilixxi n-natura proporzjonata ta' din is-sistema għandhom jiġu miċħuda.

    35     Fir-rigward tal-kundizzjoni ta' residenza, l-argument imqajjem mill-Gvern Olandiż ma jistax jiġi aċċettat.

    36     Fir-rigward ta' l-argument li l-kundizzjoni ta' residenza żżid kunsiderevolment il-possibbiltajiet li l-ġurisdizzjoni tiġi effettivament eżerċitata, għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà għal Stat li jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq persuna tiddependi fuq kollox mill-aċċessibbiltà prattika tagħha u mhux mir-residenza tagħha. Issa, dan il-kriterju huwa diġà sodisfatt meta l-ġestjoni tal-vapur għandha tiġi assigurata mill-istabbiliment li jinsab fl-Olanda minn persuna li għandha setgħa ta' rappreżentazzjoni tal-proprjetarju tal-vapur.

    37     Għal dak li jikkonċerna l-argument li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeografika ta' l-Olanda, persuna li għandha r-residenza tagħha barra mill-Komunità jew minn wieħed mill-Istati Membri tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ma tistax tieħu b'mod korrett il-ġestjoni ta' kuljum imposta fuq l-amministratur ta' kumpannija ta' vapuri, għandu jiġi mfakkar għal darb'oħra li l-possibbiltà għal Stat sabiex jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq persuna tiddependi fuq kollox mill-aċċessibbiltà prattika tagħha u mhux mir-residenza tagħha. F'dan il-kuntest, huwa biżżejjed li jiġi mitlub li l-ġestjoni tal-vapur tiġi assigurata mill-istabbiliment li jinsab fl-Olanda minn persuna li għandha s-setgħa ta' rappreżentazzjoni tal-proprjetarju ta' dan il-vapur.

    38     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba' u l-ħames ilmenti huma fondati.

    39     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li, meta adotta u żamm fil-leġiżlazzjoni tiegħu l-Artikolu 311 tal-Wetboek van Koophandel u l-Artikolu 8:169 tal-Burgerlijk Wetboek, li permezz tagħhom huma stabbiliti l-kundizzjonijiet għal dak li jikkonċerna

    –       in-nazzjonalità ta' l-azzjonijisti ta' kumpanniji proprjetarji ta' vapur li jixtiequ jirreġistraw fl-Olanda;

    –       in-nazzjonalità ta' l-amministraturi ta' kumpanniji proprjetarji ta' vapur li jixtiequ jirreġistraw fl-Olanda;

    –       in-nazzjonalità tal-persuni fiżiċi responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum ta' l-istabbiliment minn fejn tibda l-attività ta' navigazzjoni marittima li hija neċessarja għar-reġistrazzjoni ta' vapur fir-reġistri Olandiżi hija eżerċitata fl-Olanda;

    –       in-nazzjonalità ta' l-amministraturi ta' kumpanniji ta' vapuri rreġistrati fl-Olanda, u

    –       ir-residenza ta' l-amministraturi ta' kumpanniji ta' vapuri rreġistrati fl-Olanda,

    ir-Renju ta' l-Olanda naqas mill-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 43 CE u 48 CE,

     Fuq l-ispejjeż


    40     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' l-Olanda tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Meta adotta u żamm fil-leġiżlazzjoni tiegħu l-Artikolu 311 tal-Wetboek van Koophandel, u l-Artikolu 8: 169 tal-Burgerlijk Wetboek, li permezz tagħhom huwa stabbilixxa l-kundizzjonijiet għal dak li jikkonċerna:

    –       in-nazzjonalità ta' l-azzjonisti ta' kumpanniji proprjetarji ta' vapur li jixtiequ jirreġistraw fl-Olanda;

    –       in-nazzjonalità ta' l-amministraturi ta' kumpanniji proprjetarji ta' vapur li jixtiequ jirreġistraw fl-Olanda;

    –       in-nazzjonalità tal-persuni fiżiċi responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum ta' l-istabbiliment minn fejn tibda l-attività ta' navigazzjoni marittima li hija neċessarja għar-reġistrazzjoni ta' vapur fir-reġistri Olandiżi hija eżerċitata fl-Olanda;

    –       in-nazzjonalità ta' l-amministraturi ta' kumpanniji ta' vapuri rreġistrati fl-Olanda, u

    –       ir-residenza ta' l-amministraturi ta' kumpanniji ta' vapuri rreġistrati fl-Olanda,

    ir-Renju ta' l-Olanda naqas mill-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 43 KE u 48 KE.

    2)      Ir-Renju ta' l-Olanda għandu jbati l-ispejjeż.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Fuq