Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62001CJ0153

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-7 ta' Ottubru 2004.
    ir-Renju ta' Spanja vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    FAEGG - Approvazzjoni ta' kontijiet - Snin finanzjarji 1996 sa 1998 - Deċiżjoni 2001/137/KE.
    Kawża C-153/01.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:589

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    7 ta' Ottubru 2004 (*)

    "FAEGG – Approvazzjoni ta' kontijiet – Snin finanzjarji 1996 sa 1998 – Deċiżjoni 2001/137/KE"

    Fil-kawża C-153/01,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament parzjali skond l-Artikolu 230 KE,

    imressaq fid-9 ta' April 2001,

    Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn S. Ortiz Vaamonde, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrent,

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn S. Pardo Quintillán, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

     IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann, J. N. Cunha Rodrigues, R. Schintgen u F. Macken (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Léger,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet,

    wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' Mejju 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta' Spanja qiegħed jitlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/137/KE, tal-5 ta' Frar, li eskludiet mill- finanzjament Komunitarju ċertu infiq magħmul mill-Istati Membri taħt it-Taqsima "Garanzija" tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) (ĠU L 50, p. 9, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), safejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lilu.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-finanzjament ta' l-infiq taħt il-FAEGG

    2       Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta' April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU L 94, p. 13), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/95, tat-22 ta' Mejju 1995 (ĠU L 125, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 729/70"), jipprovdi, fl-Artikoli 1(2)(b) u 3(1) tiegħu li t-taqsima "garanzija" tal-FAEGG għandha tiffinanzja l-interventi intiżi għar-regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli li jkunu mwettqa skond ir-regoli Komunitarji fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli.

    3       Skond l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/79:

    "Il-Kummissjoni […]

    [...]

    ċ)      għandha tiddeċiedi li nfiq għandu jiġi eskluż mill-finanzjament Komunitarju msemmi fl-Artikoli 2 u 3, meta hija tikkonstata li ma jkunx sar skond ir-regoli Komunitarji.

    Qabel tinħareġ xi deċiżjoni dwar ir-rifjut ta' finanzjament, ir-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni kif ukoll ir-risposti ta' l-Istat Membru kkonċernat għandhom ikunu s-suġġett ta' komunikazzjonijiet bil-miktub u abbażi tagħhom iż-żewġ partijiet għandhom jippruvaw jaslu għal ftehim dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu.

    Fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim, l-Istat Membru jista' jitlob li tinfetaħ proċedura intiża sabiex ikunu rrikonċiljati l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom f'terminu ta' erba' xhur u r-riżultati ta' din il-proċedura għandhom ikunu s-suġġett ta' rapport mibgħut lill-Kummissjoni u eżaminat minnha qabel toħroġ deċiżjoni li tirrifjuta l-finanzjament.

    Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li għandhom jiġu esklużi fid-dawl, b'mod partikolari, tas-serjetà tan-nuqqas ta' konformità kkonstatat. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra n-natura u l-gravità tal-ksur kif ukoll tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Komunità.

    Rifjut ta' finanzjament ma jistax jolqot l-infiq magħmul qabel l-erbgħa u għoxrin xahar ta' qabel il-komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat tar-riżultati tal-verifiki tagħha. […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4       Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 729/70:

    "L-Istati Membri għandhom jieħdu, skond il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, il-miżuri meħtieġa sabiex:

    –       jassiguraw ruħhom li l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi jkunu fil-fatt saru u li jkunu saru b'mod regolari,

    –       jevitaw u jieħdu azzjoni kontra l-irregolaritajiet;

    –       jirkupraw is-somom mitlufa minħabba irregolaritajiet jew minħabba negliġenza." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5       Mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 8(2) ta' l-istess regolament jirriżulta li, fin-nuqqas ta' rkupru totali, il-konsegwenzi finanzjarji ta' l-irregolaritajiet jew tan-negliġenza li jkunu attribwibbli lill-amministrazzjonijiet jew lill-organi ta' l-Istati Membri m'għandhomx ikunu sostnuti mill-Komunità.

    6       Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 729/70, il-Kummissjoni tista' tieħu ċerti miżuri sabiex tivverifika u tikkompleta l-informazzjoni u d-dokumenti pprovduti mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri. Għalhekk hija tista' twettaq verifiki fuq il-post u l-aġenti awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex iwettqu dawn il-verifiki għandu jkollhom aċċess għall-kotba u għad-dokumenti l-oħra kollha li jikkonċernaw l-infiq iffinanzat permezz tal-FAEGG.

    7       Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1663/95, tas-7 ta' Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 729/70 [f'dak] li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar [approvazzjoni] tal-kontijiet tat-Taqsima [tal-]Garanziji tal-FAEGG (ĠU L 158, p. 6), jistabbilixxi, b'mod partikolari, l-obbligi tal-korpi ta' koordinament li huma l-uniċi rappreżentanti ta' l-Istat Membru kkonċernat quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-korpi għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-informazzjoni finanzjarja kollha meħtieġa f'forma tali li s-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jwettqu l-kontrolli meħtieġa.

    8       L-Anness tar-Regolament Nru 1663/95 jistabbilixxi l-proċeduri amministrattivi u ta' kontabbiltà li l-aġenziji tal-ħlas ta' l-Istati Membri għandhom jirrispettaw sabiex jiggarantixxu kontroll effiċjenti ta' l-eliġibbiltà tat-talbiet ta' għajnuniet u tal-konformità tal-ħlasijiet korrispondenti mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

    9       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8(1) ta' l-imsemmi regolament jipprovdi li:

    "Meta, bħala riżultat ta’ […] investigazzjoni, il-Kummissjoni tikkonsidra illi din in-nefqa ma kenitx effettwata skond ir-regoli Komunitarji, [hija] għandha tikkomunika [r-riżultati tagħha] lill-Istat Membru interessat […], [u għandha tindika] il-miżuri korretti[vi] li jridu jittieħdu sabiex jiżguraw il-konformità fil-futur, u evalwazzjoni dwar kull nefqa li hija tista’ tipproponi li teskludi skond l-Artikolu 5 (2) (ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70. Il-komunikazzjoni għandha tagħmel referenza għal dan ir-Regolament. […]"

    10     Id-dokument tal-Kummissjoni Nru VI/5330/97, tat-23 ta' Diċembru 1997 (aktar 'il quddiem id-"dokument Nru VI/5330/97"), jistabbilixxi l-linji ta' gwida li l-Kummissjoni tipproponi li hija stess għandha ssegwi fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' aġġustamenti finanzjarji fil-kuntest tal-proċedura ta' approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG. Skond dawn il-linji ta' gwida, meta l-ammont realit tal-ħlasijiet irregolari ma jkunx jista' jiġi ddeterminat u meta, għaldaqstant ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat l-ammont tat-telf finanzjarju subit mill-Komunità, il-Kummissjoni għandha tapplika aġġustamenti finanzjarji b'rata predeterminata li, b'mod ġenerali, jammontaw għal 2%, 5%, 10% jew 25% ta' l-infiq iddikjarat, skond il-gravità tar-riskju ta' telf.

    11     Kif jirriżulta mill-imsemmi dokument, dawn il-linji ta' gwida jagħmlu distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta' kontrolli segwenti:

    –       "Il-kontrolli ewlenin huma l-kontrolli fiżiċi u amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu vverifikati l-elementi sustantivi, b'mod partikolari, l-eżistenza fir-realtà tas-suġġett tat-talba, il-kwantità u l-kundizzjonijiet kwalitattivi, inkluż ir-rispett tat-termini, ir-rekwiżiti tal-ħsad, it-termini ta' ritenzjoni eċċ. Dawn il-verifiki jsiru fil-lokal u permezz ta' tqabbil ma' informazzjoni indipendenti, bħal ma huma r-reġistri katastali."

    –       "Il-kontrolli sekondarji huma l-operazzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu pproċessati korrettament it-talbiet, bħalma huma l-verifika ta' jekk ġewx irrispettati t-termini għas-sottomissjoni tagħhom, l-identifikazzjoni ta' talbiet doppji fir-rigward ta' l-istess suġġett, l-analiżi tar-riskju, l-applikazzjoni ta' penali u s-sorveljanza adegwata tal-proċeduri."

    12     F'dan ir-rigward, it-tieni anness tad-dokument Nru VI/5330/97 jipprovdi li:

    "Meta kontroll ewlieni jew diversi kontrolli ewlenin ma jkunux imwettqa jew jitwettqu tant ħażin jew tant rarament li jkunu ineffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà ta' talba jew sabiex ikunu evitati l-irregolaritajiet, għandu jiġi applikat aġġustament ta' 10% peress li jkun jista' jiġi raġonevolment konkluż li jeżisti riskju għoli ta' telf sinifikanti għall-FAEGG.

    Meta jkunu twettqu l-kontrolli ewlenin kollha iżda ma jkunux saru skond in-numru, il-frekwenza u d-dettal meħtieġ mir-regolamenti, għandu jiġi applikat aġġustament ta' 5% peress li jkun jista' jiġi raġonevolment konkluż li dawn il-kontrollii ma jipprovdux il-livell mixtieq ta' garanzija ta' regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta' telf għall-FAEGG huwa sinifikanti.

    Meta Stat Membru jwettaq il-kontrolli ewlenin b'mod korrett iżda jonqos kompletament milli jwettaq kontroll jew kontrolli sekondarji, għandu jiġi applikat aġġustament ta' 2% minħabba li r-riskju ta' telf għall-FAEGG ikun anqas u minħabba li l-ksur ikun anqas serju.

    […]

    Madankollu, meta l-implementazzjoni tas-sistema ta' kontroll tkun kompletament nieqsa jew serjament defiċjenti u meta jkun hemm indikazzjonijiet ta' irregolaritajiet frekwenti ħafna u ta' negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiċi irregolari jew frodulenti, għandu jiġi applikat aġġustament ta' 25% peress li l-libertà li jiġu sottomessi talbiet inammissibbli mingħajr ma jkunu ppenalizzati tista' raġonevolment titqies li toħloq telf għoli ħafna għall-FAEGG." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Is-settur tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa

    13     Sabiex jikseb l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikun iddeterminat il-potenzjal tal-Komunità għall-produzzjoni ta' żebbuġ u ta' żejt taż-żebbuġa u sabiex ikun assigurat funzjonament aħjar tas-sistema ta' għajnuna Komunitarja fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġa, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 154/75, tal-21 ta' Jannar 1975, dwar it-twaqqif ta' reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ fl-Istati Membri li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 19, p.1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3788/85, ta' l-20 ta' Diċembru 1985, li jemenda, minħabba l-adeżjoni ta' Spanja u l-Portugall, ċerti regolamenti fis-settur taż-żjut u x-xaħmijiet (ĠU L 367, p.1, aktar il-quddiem ir-"Regolament Nru 154/75").

    14     L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 154/75 jipprovdi li l-Istati Membri li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa għandhom jistabbilixxu reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ li jkopri l-impriżi kollha li jkabbru ż-żebbuġ li jinsabu fit-territorju tagħhom.

    15     Skond it-tieni inċiż tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 1(2) ta' l-imsemmi regolament r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ fi Spanja kellu jitwaqqaf sa' l-1 ta' Novembru 1988.

    16     Barra minn hekk, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 2261/84, tas-17 ta' Lulju 1984, li jistabilixxi regoli dettaljati għall-għoti ta' għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u ta' għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 208, p.3). L-Artikolu 16(1) ta' dan ir-regolament jippreċiża li kull Stat Membru produttur għandu jfassal u jżomm aġġornati fajls permanenti kompjuterizzati b'informazzjoni dwar il-produzzjoni taż-żebbuġ li għandhom jinkludu l-informazzjoni msemmija f'din id-dispożizzjoni.

    17     Skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3061/84, tal-31 ta' Ottubru 1984, li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema ta' għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 288, p.52), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 98/89, tas-17 ta' Jannar 1989 (ĠU L 14, p.14, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 3061/84"), l-Istati Membri għandhom jinserixxu fid-database l-informazzjoni li tkun tinsab fir-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ malli din l-informazzjoni tkun disponibbli.

    18     L-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 3061/84 jipprovdi li d-database għanda tkun operazzjonali qabel il-31 ta' Ottubru 1990.

     Is-settur tal-konsum taż-żejt taż-żebbuġa

    19     Ir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna għall-konsum ta' żejt taż-żebbuġa kienu ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3089/78, tad-19 ta' Diċembru 1978 (ĠU L 369, p. 12), emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3461/87, tas-17 ta' Novembru 1987 (ĠU L 329, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 3089/78"). Skond l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, din l-għajnuna għandha tingħata għaż-żejt taż-żebbuġa prodott fil-Komunità li jissodisfa ċerti kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi regolament.

    20     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3089/78, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' kontroll li tiggarantixxi li l-prodott li fir-rigward tiegħu tkun intalbet l-għajnuna jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jirċievi din l-għajnuna.

    21     Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2677/85, ta' l-24 ta' Settembru 1985 (ĠU L 254, p. 5), jistabbilixxi r-regoli dettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema ta' għajnuna għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa. L-Artikolu 12 ta' dan ir-regolament, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 571/91, tat-8 ta' Marzu 1991 (ĠU L 63, p. 19, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 2677/85"), jikkonċerna l-kontenut tal-kontrolli li jsiru fuq il-post. L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 12(1) jipprovdi li, għall-finijiet tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3089/78, l-Istati Membri għandhom iwettqu verifika ta' l-inventarji ta' l-impriżi approvati kollha.

    22     L-Artikolu 12(6) tar-Regolament Nru 2677/85 jipprovdi li, meta permezz ta' deċiżjoni ta' l-awtorità kompetenti jkun ġie kkonstatat li t-talba għal għajnuna tikkonċerna kwantità akbar minn dik li fir-rigward tagħha kien ġie rikonoxxut id-dritt għall-għajnuna, l-Istat Membru għandu, mingħajr dewmien, jirtira l-approvazzjoni mingħajr ħsara għal sanzjonijiet eventwali oħra.

     Is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

    23     Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92, tat-28 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi imposti addizzjonali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU L 405, p. 1):

    "Għall-seba perjodi konsekuttivi ta’ tnax il-xahar li jibdew mill-1 ta' April 1993, impost addizzjonali għandu jitħallas mill-produtturi tal-ħalib tal-baqar fuq kwantitajiet ta’ ħalib jew ekwivalenti ta' ħalib ikkunsinjat lix-xerrej jew mibjugħ direttament għall-konsum matul […] il-perjodu ta’ tnax il-xahar [in kwistjoni] b'eċċess tal-kwantità li għandha tkun iddeterminata.

    L-impost għandu jkun ta' 115 % tal-[prezz indikattiv tal-]ħalib."

    24     Skond l-Artikolu 2(1) sa (3) tar-Regolament Nru 3950/92:

    "1. L-impost għandu jitħallas fuq il-kwantitajiet kollha tal-ħalib jew l-ekwivalenti ta’ ħalib mibjugħa matul dak il-perjodu ta’ 12 il-xahar in kwistjoni b'eċċess [ta' xi waħda mil]l-kwantit[ajiet] relevanti li hemm referenza dwarh[om] fl-Artikolu 3. [Dan għandu jinqasam] bejn dawk il-produtturi li jkunu kkontribwew għall-ammont b'eċċess.

    B'mod konformi mad-deciżjoni tal-Istat Membru, il-kontribuzzjoni ta’ produtturi lejn l-impost pagabli għandha tkun stabbilita, wara [li jkunu allokati mill-ġdid jew le] dawk il-kwantitajiet ta' referenza li ma jkunux ġew użati, […] jew fil-livell tax-xerrej, fid-dawl tal-eċċess li jkun baqa' wara [li] l-kwantitajiet ta’ referenza mhux użati jkunu ġew allokati proporzjonalment għall-kwantitajiet ta’referenza ta’ kull produttur, jew fil-livell nazzjonali, fid-dawl ta' l-eċċess fil-kwantità ta' referenza għal kull produttur individwali.

    2. Fir-rigward tal-konsenji, qabel data u b'mod konformi ma' regoli dettaljati li għandhom ikunu stabbiliti, ix-xerrej li huwa soġġett li jħallas l-impost [għandu jħallas] lill-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru l-am[m]ont dovut, li […] jkun [żamm] mill-prezz tal-ħalib imħallas lill-produtturi […] responsabbli li jħallsu l-impost u jekk jonq[os] milli jagħm[el] dan, li [jkun ġabar] bi kwalunkwe meżżi xierqa.

    [...]

    3. F'dak li jirrigwardja l-bejgħ dirett, il-produttur għandu jħallas l-impost dovut lill-korp kompetenti tal-Istat Membru qabel data u b'mod konformi mar-regoli li għandhom ikunu stabbiliti."

    25     L-Artikolu 10 ta' l-istess regolament jipprovdi li:

    "L-imposti għandhom ikunu meqjusa bħala intervent biex jistabilizzaw is-suq agrikolu u għandh[om] [j]intuża[w] biex [j]iffinanzja[w] n-nefqa fis-settur tal-ħalib."

    26     Skond il-ħames premessa tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 536/93, tad-9 ta' Marzu 1993, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 57, p. 12):

    "[…] l-esperjenza miksuba wriet li minħabba dewmien sinifikanti fit-trasmissjoni taċ-ċifri ta' ġbir jew ta' bejgħ dirett u fil-ħlas ta' l-imposta, is-sistema ma kinitx kompletament effiċjenti; […] għaldaqstant, jaqbel li mil-lezzjonijiet tal-passat jittieħdu l-konklużjonijiet meħtieġa billi jiġu stabbiliti rekwiżiti stretti fir-rigward tat-termini ta' komunikazzoni u ta' ħlas, li għandhom ikunu akkompanjati b'penali". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    27     Skond l-Artikolu 3(4) ta' dan ir-regolament:

    "Qabel l-1 ta' Settembru ta' kull sena, ix-xerrej li huwa obbligat iħallas l-imposta għandu jħallas lill-awtorità kompetenti l-ammont dovut skond ir-regoli dettaljati stabbililti mill-Istat Membru.

    Jekk it-terminu allokat għall-ħlas ma jkunx irrispettat, is-somom dovuti għandhom jiżdiedu b'interess annwali b'rata stabbiliti mill-Istat Membri li m'għandhiex tkun anqas mir-rata ta' interess applikata fil-każ ta' ħlas lura ta' somom mhux dovuti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    28     L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 536/93 jipprovdi li:

    "L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri addizzjonali meħtieġa sabiex jassiguraw il-ħlas ta' l-imposti dovuti lill-Komunità fit-terminu allokat.

    Fil-każ li mill-inkartament imsemmi fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2776/88 […], li l-Istati Membri għandhom jibagħtu kull xahar lill-Kummissjoni, jirriżulta li dan it-terminu ma kienx irrispettat, il-Kummissjoni għandha tnaqqas, bi proporzjoni ma' l-ammont dovut jew ma' stima ta' l-ammont dovut, il-ħlas bil-quddiem li jsir malli l-infiq agrikolu jitniżżel fil-kontijiet.

    L-interessi mħallsa taħt l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 4(4) għandhom jitnaqqsu, mill-Istati Membri, mill-infiq magħmul fis-settur tal-ħalib." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Is-settur ta' l-uċuħ ta' raba' li jinħarat u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' impożizzjoni ta' twarrib speċjali ta' artijiet

    29     Fir-rigward tas-sistema ta' għajnuniet applikabbli għall-uċuħ ta' raba' li jinħarat u għall-artijiet imwarrba, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1765/92, tat-30 ta' Ġunju 1992, li jistabbilixxi sistema ta' għajnuna għall-produtturi ta' ċerti uċuħ ta' raba' li jinħarat (ĠU L 181, p. 12), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 231/94, ta' l-24 ta' Jannar 1994 (ĠU L 30, p. 2, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1765/92"), jipprovdi li l-produtturi Komunitarji ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat jistgħu japplikaw għal ħlas kumpensatorju skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 13 ta' l-imsemmi regolament.

    30     It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1765/92 jipprovdi li dan il-ħlas kumpensatorju għandu jingħata fir-rigward ta' artijiet iddedikati għat-tkabbir ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat jew ta' artijiet suġġetti għal twarrib u li ma jaqbżux żona bażika reġjonali.

    31     L-istess dispożizzjoni tipprovdi li ż-żona bażika reġjonali għandha tkun stabbilita bħala n-numru medju ta' ettari f'reġjun, li, fl-1989, fl-1990 u fl-1991, kienu ġew iddedikati għat-tkabbir ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat jew, jekk ikun il-każ, kienu mserrħa skond sistema ta' għajnuna pubblika. Hija tippreċiża li l-kelma "reġjun" tirreferi għal Stat Membru jew għal reġjun ġo Stat Membru, skond l-għażla ta' l-Istat Membru kkonċernat.

    32     Iż-żoni bażiċi reġjonali huma ddeterminati fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1098/94, tal-11 ta' Mejju 1994, li jistabbilixxi ż-żoni bażiċi reġjonali applikabbli fil-kuntest tas-sistema ta' għajnuna lill-produtturi ta' ċerti uċuħ ta' raba' li jinħarat u li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 845/93 (ĠU L 121, p. 12). Fir-rigward ta' Spanja, dan l-anness jistabbilixxi, minn naħa, żona bażika reġjonali għal kull komunità awtonoma fir-rigward ta' l-uċuħ ta' raba' bagħli ("secano") u, min-naħa l-oħra, żona bażika reġjonali fuq livell nazzjonali fir-rigward ta' l-uċuħ ta' raba' saqwi ("regadío").

    33     It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1765/92 jipprovdi, finalment, li l-produtturi li jitolbu l-ħlas kumpensatorju taħt is-sistema ġenerali għandhom jingħataw kumpens sabiex iwarrbu parti mill-artijiet maħduma minnhom.

    34     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7(1) ta' l-istess regolament, dan l-obbligu ta' twarrib ta' artijiet għandu, fil-każ ta' żona bażika reġjonali, jiġi stabbilit approporzjon taż-żona ddedikata għat-tkabbir ta' l-uċuħ ta' raba li jinħarat ikkonċernati u li fir-rigward tagħhom saret talba, u taż-żona mħallija mistrieħa.

    35     Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7(1) ta' l-imsemmi regolament, mis-sena kummerċjali 1993/1994, l-obbligu ta' twarrib ta' l-artijiet, li għandu jkun ibbażat fuq rotazzjoni, għandu jkun ta' 15%.

    36     Skond l-Artikolu 7(7) tar-Regolament Nru 1765/92, fl-istess Stat Membru, produttur jista' jittrasferixxi obbligu ta' twarrib lil produttur ieħor. F'ċirkustanzi bħal dawn, ir-rata ta' twarrib imsemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7(1) ta' dan ir-regolament għandha tiżdied b'5 punti perċentwali.

    37     L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2836/93, tat-18 ta' Ottubru 1993, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1765/92 fir-rigward tal-ġestjoni taż-żoni bażiċi reġjonali (ĠU L 260, p. 3), jipprovdi li, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta' jekk iż-żoni bażiċi reġjonali kienux maqbuża, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru għandha tieħu in kunsiderazzjoni, minn naħa, iż-żona bażika reġjonali stabbilita u, min-naħa l-oħra, is-somma taż-żoni li għalihom tressqu talbiet għal għajnuna fir-rigward tar-reġjun in kwistjoni.

    38     Fir-rigward tal-konsegwenzi ta' eċċess bħal dan, l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1765/92, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-talbiet ta' għajnuniet fir-rigward tas-sena kummerċjali 1994/1995, jipprovdi li:

    "[…] meta s-somma ta' l-artijiet individwali li għalihom intalbet l-għajnuna taħt is-sistema għal produtturi ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat […] tkun akbar miż-żona bażika reġjonali, għandhom jiġu applikati l-miżuri segwenti fir-reġjun in kwistjoni:

    —      matul l-istess sena kummerċjali, iż-żona eliġibbli għal kull produttur għandha titnaqqas proporzjonalment fir-rigward ta' l-għajnuniet kollha mogħtija taħt dan it-Titolu,

    —      matul is-sena kummerċjali ta' wara, il-produtturi li jgawdu minn sistema ġenerali huma obbligati jagħmlu, mingħajr ma jirċievu xi kumpens, twarrib speċjali ta' l-artijiet. Il-perċentwali tat-twarrib speċjali għandu jkun daqs il-perċentwali ta' eċċess taż-żona bażika reġjonali. Dan għandu jiżdied ma' l-obbligu ta' twarrib ta' artijiet previst fl-Artikolu 7.

    L-artijiet li jkunu s-suġġett ta' twarrib speċjali skond it-tieni inċiż tal-paragrafu preċedenti m'għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu 2(6)." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    39     L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1422/97, tat-22 ta' Lulju 1997, li jemenda r-Regolament Nru 1765/92 (ĠU L 196, p. 18), żied ma' l-Artikolu 2(6) ta' dan ir-regolament paragrafu ieħor, jiġifieri t-tielet paragrafu, li huwa miktub kif ġej:

    "Fil-każ li kundizzjonijiet klimatiċi eċċezzjonali jolqtu l-produzzjoni f'sena kummerċjali li fir-rigward tagħha ġie kkonstatat eċċess u fil-każ li dawn il-kundizzjonijiet jkollhom l-effett li jnaqqsu l-ħsad għal livell ħafna anqas minn dak normali u li jikkawżaw l-eċċess in kwistjoni, il-Kummissjoni tista', bla ħsara għas-sitwazzjoni baġitarja, […] teżenta totalment jew parzjalment lill-produtturi tar-reġjuni milquta minn waħda jew miż-żewġ miżuri applikabbli taħt dan l-Artikolu 2(6)." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    40     Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1422/97, l-imsemmija emenda għandha tapplika mis-sena kummerċjali 1995/1996.

    41     Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1040/95, ta' l-10 ta' Mejju 1995, li jistabbilixxi miżuri tranżitorji addizjonali fir-rigward tal-ġestjoni ta' żoni bażiċi fi Spanja (ĠU L 106, p. 4), li daħal fis-seħħ fit-12 ta' Mejju 1995, jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu, li:

    "Matul is-sena kummerċjali 1994/1995, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(6) tar-Regolament (KEE) Nru 1765/92 m'għandhomx jiġu applikati għall-artijiet użati għat-tkabbir ta' ċereali, proteini, żerriegħa tal-kittien, għall-artijiet relatati mwarrba b'mod obbligatorju u b'mod voluntarju kkunsidrati għaż-żona bażika reġjonali fir-rigward tar-Regadío fi Spanja, imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 1098/94." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Is-settur ta' l-uċuħ ta' raba' li jinħarat u l-Komunità Awtonoma ta' Andalusia

    42     Is-seba' premessa tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92, tat-23 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema integrata ta' ġestjoni u ta' kontroll dwar ċerti skemi ta' għajnuna Komunitarja (ĠU L 391, p. 36), tipprovdi li:

    "ir-rispett tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuniet Komunitarji għandu jiġi vverifikat b'mod effiċjenti […]".

    43     Skond it-tmien premessa ta' l-istess regolament, għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-użu ta' sorveljanza mill-bogħod permezz ta' mezzi elettroniċi bħala għodda ta' kontroll fuq il-post u għandha ssir provizzjoni li, fil-każ ta' dubju, ikunu meħtieġa kontrolli fiżiċi.

    44     L-Artikolu 6(1) sa (5) ta' l-imsemmi regolament jipprovdi li:

    "1.       Il-kontrolli amministrattivi u fuq il-post għandhom isiru b'mod li tkun assigurata l-verifika effiċjenti tar-rispett tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' l-għajnuniet u ta' primjums.

    2.       Il-kontroll amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3508/92 jinkludi, b'mod partikolari, verifiki permezz ta' tqabbil fir-rigward ta' ġonot ta' art […] iddikjarati sabiex ikun evitat li ma tingħatax għajnuna doppja għall-istess sena kalendarja mingħajr ġustifikazzjoni.

    3.       Il-kontrolli fuq il-post għandhom ikopru minn ta' l-anqas kampjun sinifikanti tat-talbiet. Dan il-kampjun għandu jirrappreżenta, minn ta' l-anqas:

    […]

    —      5% tat-talbiet għal għajnuna fir-rigward ta' "artijiet"; madankollu dan il-perċentwali għandu jitnaqqas għal 3% fir-rigward tat-talbiet għal għajnuna fir-rigward ta' 'artijiet' li jaqbżu s-700,000 għal kull Stat Membru f'sena kalendarja.

    Fil-każ li kontrolli fuq il-post jiżvelaw irregolaritajiet sinifikanti f'reġjun jew f'parti ta' reġjun, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli addizzjonali fis-sena kurrenti u għandhom iżidu l-perċentwali tat-talbiet li għandhom jiġu kkontrollati fis-sena ta' wara għal dak ir-reġjun jew parti ta' reġjun.

    4.       It-talbiet magħżula mill-awtorità kompetenti sabiex ikunu s-suġġett ta' kontrolli fuq il-post għandhom jiġu ddeterminati abbażi, b'mod partikolari, ta' analiżi tar-riskji kif ukoll ta' element ta' rappreżentazzjoni tat-talbiet għal għajnuna magħmula. L-analiżi tar-riskji għandha tikkunsidra:

    —      l-ammonti ta' l-għajnuniet,

    —      in-numru ta' ġonot, ta' l-artijiet [...] li fir-rigward tagħhom intalbet l-għajnuna,

    —      l-iżviluppi meta mqabbla mas-sena ta' qabel,

    —      l-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mill-kontrolli magħmula matul is-snin ta' qabel,

    —      kriterji oħra stabbiliti mill-Istati Membri.

    5.       Il-kontrolli fuq il-post għandhom isiru mingħajr ma jkunu avżati minn qabel u għandhom ikopru l-ġonot agrikoli kollha […] koperti minn talba jew minn diversi talbiet. Madankollu, jista' jingħata avviż minn qabel fir-rigward biss tat-terminu assolutament meħtieġ, liema avviż minn qabel ma jistax, bħala regola ġenerali, jkun ta' aktar minn 48 siegħa.

    […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    45     Finalment, l-Artikolu 7(1) tiegħu jipprovdi li:

    "Fil-każ li l-Istat Membru jiddeċiedi li jikkontrolla permezz ta' sorveljanza mill-bogħod il-kampjun kollu, jew parti minnu, imsemmi fl-Artikolu 6(3) huwa għandu:

    —      jagħmel interpretazzjoni fotografika ta' l-immaġni meħudin bis-satellità jew tar-ritratti meħudin mill-ajru bil-għan li jiġu rikonoxxuti l-artijiet kkultivati u bil-għan li tkun imkejla l-medda tal-ġonot kollha li għandhom jiġu kkontrollati;

    —      jagħmel kontroll fiżiku tat-talbiet li fir-rigward tagħhom l-interpretazzjoni fotografika ma tippermettix li tintlaħaq konklużjoni dwar l-eżattezza tad-dikjarazzjoni b'tali mod li tkun sodisfatta l-awtorità kompetenti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-fatti u l-proċedura

    46     Il-raġunijiet ta' l-irregularità ta' l-operazzjonijiet koperti mid-deċiżjoni kkontestata huma miġburin fil-qosor fir-rapport ta' sintesi tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2000, dwar ir-riżultati tal-kontrolli fir-rigward ta' l-approvazzjoni tal-kontijiet tat-Taqsima "Garanzija" tal-FAEGG għas-snin kummerċjali 1996 sa 1998 (aktar 'il quddiem ir-"rapport ta' sintesi").

    47     Fl-ewwel lok, fir-rigward ta' l-għajnuniet għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, is-servizzi kienu wettqu xi verifiki fi Spanja, b'mod partikolari, f'Extremadura f'Diċembru 1998, f'Castilla-La Mancha f'Marzu 1999 kif ukoll f'Madrid u fil-Catalonia f'Ġunju 1999. Dawn il-verifiki kienu żvelaw, l-ewwel nett, li r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ kien għad għandu difetti sinifikanti, it-tieni nett, li kien għad fadal ħafna xogħol xi jsir fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni tad-differenzi bejn l-imsemmi reġistru u d-dikjarazzjonijiet ta' tkabbir u, fl-aħħar nett, li dan ir-reġistru ma kienx operazzjonali bħala għodda ta' kontroll.

    48     Barra minn hekk, f'Jannar 2000, peress li l-awtoritajiet Spanjoli sostnew il-pożizzjoni tagħhom li r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ kif ukoll id-database kompjuterizzata kienu operazzjonali fil-parti l-kbira tar-reġjuni, is-servizzi tal-Kummissjoni reġgħu għamlu l-kontroll fl-Andalusia, ir-reġjun prinċipali ta' produzzjoni li jirrappreżenta aktar minn 80% tal-produzzjoni totali.

    49     Dan il-kontroll żvela ċertu numru ta' difetti. Per eżempju, f'aktar minn 50% tal-każijiet analizzati, ta' l-anqas ġonta ta' art inkluża fid-dikjarazzjoni korrispondenti ta' tkabbir ta' żebbuġ ma kinitx inkluża fir-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ. Dawn ir-riżultati kienu agħar minn dawk tal-kontrolli mwettqa fl-1999. Dawn ikkonfermaw li d-database kompjuterizzata ma kinitx operazzjonali. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni applikat aġġustament finanzjarju ta' 5% ta' l-infiq iddikjarat għas-snin finanzjarji 1997 u 1998, jiġifieri somma ta' ESP 11,826,116,171.

    50     Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-għajnuniet għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa, il-Kummissjoni, wara stħarriġ imwettaq mis-servizzi tagħha mit-18 sat-22 ta' Novembru 1996, ikkonstatat nuqqasijiet fis-sistemi amministrattivi Spanjoli ta' ħlas u ta' kontroll u fl-applikazzjoni ta' penali f'dan is-settur. Għaldaqstant hija applikat aġġustament finanzjarju ta' 10% fuq l-infiq iddikjarat għas-sena finanzjarja 1996 li kien jammonta għal somma ta' ESP 832,182,856.

    51     Fit-tielet lok, fir-rigward tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, l-aġġustamenti finanzjarji kienu ġew proposti fil-kuntest ta' kontrol imwettaq mill-Kummissjoni li minnu rriżulta li l-eċċess tal-kwota tal-ħalib fi Spanja matul is-sena kummerċjali 1995/1996 kien jammonta għal 136,261,218 litri. Filwaqt li l-ammont ta' imposta addizzjonali fir-rigward ta' din il-kwantità ta' l-aħħar kien jammonta għal ESP 8,020,335,291, peress li ammont totali ta' ESP 7,193,208,113 kien ikkreditat favur il-FAEGG, il-bilanċ li kien għadu dovut kien ta' ESP 827,127,178. Skond il-Kummissjoni kienu dovuti wkoll interessi minħabba l-ħlas tard ta' l-imsemmija imposta addizzjonali. Peress li l-interessi diġa kkreditati lill-FAEGG permezz tad-dikjarazzjonijiet annwali ta' l-1996, 1997, 1998 u 1999 u permezz tad-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar tas-sena 2000 (sax-xahar ta' Awwissu) kienu jilħqu total ta' ESP 22,270,689, l-aġġustament addizzjonali magħmul mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-interessi għal ħlas tard kien stabbilit bħala ESP 2,426,259,870.

    52     Fir-raba' lok, fir-rigward tas-settur ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li fi Spanja, matul is-snin kummerċjali 1994/1995, iż-żoni bażiċi stabbiliti mir-Regolament Nru 1098/94 kienu maqbuża. Dan l-eċċess jikkonċerna, fir-rigward ta' l-uċuħ ta' raba' bagħli, iż-żoni ta' tliet Komunitajiet Awtonomi (Aragon, Castile-León u l-Pajjiż Bask) u, fir-rigward ta' l-uċuħ ta' raba' saqwi, iż-żona bażika reġjonali stabbilita fuq livell nazzjonali. Fl-eventwalità ta' eċċess bħal dan, it-tieni inċiż ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1765/92 jipprovdi li, matul is-sena kummerċjali segwenti, il-produtturi li jgawdu mis-sistema ġenerali għandhom, mingħajr ma jirċievu ebda kumpens, jagħmlu twarrib speċjali ta' l-artijiet. Peress li l-awtoritajiet Spanjoli ma applikawx din il-miżura ta' twarrib speċjali mingħajr kumpens matul is-sena kummerċjali 1995/1996, il-Kummissjoni applikat aġġustament finanzjarju ta' ESP 27,823,775,209.

    53     Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-Komunità Awtonoma ta' Andalusia, il-Kummissjoni applikat aġġustamenti finanzjarji minħabba n-nuqqas ta' rispett ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3887/92 dwar il-kontrolli fuq il-post fir-rigward tas-sistema ta' l-uċuħ ta' raba' li jinħarat. Fir-rigward tas-sena kummerċjali 1995/1996, il-Kummissjoni wettqet aġġustament finanzjarju ta' 5% ta' l-infiq iddikjarat għas-sistema ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat skond ir-Regolament Nru 1765/92, aġġustament immotivat mid-dewmien fl-eżekuzzjoni ta' l-imsemmija kontrolli. Fir-rigward tas-sena kummerċjali 1996/1997, hija għamlet aġġustament finanzjarju ta' 5% tat-talbiet li kienu s-suġġett ta' kontrolli fiżiċi fuq il-post. Dan l-aġġustament kien immotivat mill-persistenza fid-dewmien fl-eżekuzzjoni ta' kontrolli f'ċerti provinċji kif ukoll mill-insuffiċjenza ta' dawk imwettqa b'kollaborazzjoni ma' l-Unità ta' Approvazzjonijiet tal-Kontijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet aġġustament finanzjarju ta' 2% tat-talbiet li kienu s-suġġett ta' kontroll fuq il-post permezz ta' sorveljanza mill-bogħod. L-imsemmi aġġustament kien immotivat mill-fatt li, minkejja li r-rekwiżiti dwar verifikazzjoni permezz ta' sorveljanza mill-bogħol, li huma parti integrali mill-metodi ta' kontroll fiżiku, kienu, b'mod ġenerali, ġew irrispettati, dawn il-kontrolli kienu mwettqa tard. Għalhekk, għal dawn in-nuqqasijiet kollha, il-Kummissjoni applikat aġġustament b'rata predeterminata li kien jammonta għal ESP 2,668,866,704.

    54     Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament Komunitarju l-ammonti msemmija fil-punti 49 sa 53 ta' din is-sentenza minħabba li ma kienux konformi mad-dritt Komunitarju.

    55     Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta' Spanja qiegħed jitlob l-annullament parzjali jew, ta' l-anqas l-emenda, tad-deċiżjoni kkontestata safejn timponilu l-imsemmija aġġustament finanzjarji. Huwa qiegħed jitlob ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż.

    56     Il-Kummissjoni qiegħda titlob li r-rikors jiġi miċħud u li r-Renju ta' Spanja jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż.

     Fuq l-aġġustament fir-rigward ta' l-għajnuniet għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa

     Fuq l-ewwel raġuni bbażata fuq ksur tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70

     L-argumenti tal-partijiet

    57     Il-Gvern Spanjol jikkontesta l-aġġustament finanzjarju tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqasijiet li hija kkonstatat bħalma huma l-ħlasijiet magħmula, l-produzzjoni b'rata predeterminata attribwita lill-produtturi kif ukoll in-nuqqas ta' kontroll tar-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u tal-fajls kompjuterizzati.

    58     Fl-ewwel lok, huwa jibbaża ruħu fuq il-pożizzjoni li ħa fil-kawżi li kienu wasslu għas-sentenzi tal-21 ta' Marzu 2002 u tat-8 ta' Mejju 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-130/99, Ġabra p. I-3005, u C-349/97, Ġabra p. I-3851), li jikkonċernaw is-snin finanzjarji 1993, 1995 u 1996 rispettivament. Huwa jżid li kienu saru xi tibdiliet fir-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ permezz ta' l-implementazzjoni tal-mekkaniżmi previsti fid-Digriet Irjali Nru 1972/1999, tat-23 ta' Diċembru 1999.

    59     Fit-tieni lok, huwa jsostni li l-baġit Komunitarju ma soffra l-ebda dannu. Huwa jenfasizza li l-kwantità totali ta' żejt taż-żebbuġa prodott fi Spanja matul is-snin kummerċjali in kwistjoni kienet daqs jew aktar mill-kwantità taż-żejt li gawda mill-għajnuniet.

    60     Il-Kummissjoni ssostni li l-verifiki tagħha ta' l-1998, 1999 u 2000 kkonfermaw li la r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u lanqas il-fajls kompjuterizzati ma kienu operazzjonali. Hija ssostni li kull għajnuna mogħtija indebitament bilfors tolqot b'mod negattiv lill-baġit Komunitarju. Skondha, in-nuqqasijiet attwali fis-sistema ta' kontrol ta' l-iskema Spanjola ta' għajnuniet għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa ma jippermettux li jkun iggarantit li l-għajnuniet kollha kienu ngħataw b'mod iġġustifikat.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    61     Fl-ewwel lok, jidher illi r-Renju ta' Spanja kien obbligat, minn naħa, li jistabbilixxi r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ sa mhux aktar tard mill-1 ta' Novembru 1999 skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 154/75, u, min-naħa l-oħra, li jimplementa d-database kompjuterizzata bl-informazzjoni dwar it-tkabbir taż-żebbuġ qabel il-31 ta' Ottubru 1990 skond ir-Regolamenti Nri 2261/84 u 3061/84.

    62     Issa, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li t-termini mogħtija għal dan il-għan ma kienux ġew irrispettati peress li r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u d-database kompjuterizzata in kwistjoni kienu għadhom ma tlestewx matul is-snin finanzjarji 1995 u 1996.

    63     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni mhix obbligata li tippreżenta, fir-rigward tas-snin finanzjarji 1997 u 1998 in kwistjoni f'din il-kawża, provi oħra dwar in-nuqqas tar-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u tad-database kompjuterizzata apparti dawk li hija kienet ġabret għal dan il-għan fir-rigward tas-snin finanzjarji 1995 u 1996 (ara s-sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 137 sa 139). Huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jistabblixxi li, minn dawn is-snin finanzjarji lil hawn, huwa effettivament implementa r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u d-database kompjuterizzata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta' Settembru 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-332/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 61).

    64     F'din il-kawża, ir-Renju ta' Spanja ma ressaqx provi bħal dawn. Għall-kuntrarju, kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni, fir-rigward b'mod partikolari tar-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ, il-bidliet previsti mid-Digriet Irjali Nru 1972/1999 juru li l-imsemmi reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ ma kienx għadu kompletament operazzjonali. Għaldaqstant, aġġustament finanzjarju kien iġġustifikat f'dan ir-rigward.

    65     Fir-rigward tan-nuqqasijiet l-oħra fis-sistema ta' kontroll marbutin, b'mod partikolari, mal-ħlasijiet magħmula, mal-produzzjoni b'rata predeterminata attribwita lill-produtturi kif ukoll man-nuqqas ta' kontrolli oħra, il-Gvern Spanjol irrefera biss għall-pożizzjoni li ħa fil-kawżi li kienu wasslu għas-sentenzi, iċċitati aktar il fuq, Spanja vs Il-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed jekk jiġi osservat li l-argumenti mressqa fil-kuntest ta' dawn il-kawżi huma relatati biss mas-snin finanzjarji 1993, 1995 u 1996, filwaqt li din il-kawża tikkonċerna s-snin finanzjarji 1997 u 1998. Fi kwalunkwe każ, fiż-żewġ sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argumenti kollha tal-Gvern Spanjol fir-rigward ta' l-imsemmija nuqqasijiet oħra.

    66     Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-argument tal-Gvern Spanjol li l-baġit Komunitarju ma sofra l-ebda dannu, għandu jiġi osservat li l-FAEGG jiffinanza biss l-interventi mwettqa skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni komunit tas-swieq agrikoli. Il-Kummissjoni mhix obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta' dannu reali iżda tista' sempliċement tippreżenta indikazzjonijiet serji f'dan is-sens. Fir-rigward tal-każijiet diffiċli li fihom l-ammont tad-dannu subit ma jkunx jista' jiġi magħruf bi preċiżjoni, it-telf għall-fondi Komunitarji għandu jiġi ddeterminat permezz ta' evalwazzjoni tar-riskju li għalih ikunu esposti minħabba n-nuqqas tal-kontroll (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' Mejju 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 146).

    67     Minkejja li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta' ksur tar-regoli ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, la darba jkun stabbilit dan il-ksur huwa l-Istat Membru li għandu jipprova, jekk dan ikun il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw minn dan il-ksur. Għalhekk, huwa għandu jippreżenta l-prova l-aktar dettaljata u kompleta possibbli li ċ-ċifri tiegħu huma eżatti u, jekk ikun il-każ, li l-kalkoli tal-Kummissjoni mhumiex eżatti (sentenza tat-8 ta' Mejju 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 147).

    68     F'dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol jibbaża l-kontestazzjoni tiegħu ta' l-eżistenza ta' dannu għall-baġit Komunitarju fuq l-indikazzjoni li jinsabu fl-ittra tiegħu tas-17 ta' Marzu 2000 lill-Kummissjoni kif ukoll fuq l-informazzjoni dettaljata li tinsab fid-dokument tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura Spanjol tas-16 ta' Diċembru 1999 dwar is-snin kummerċjali 1995/1996 u 1996/1997. Skondu, dawn id-dokumenti jipprovaw li l-kwantità totali ta' żejt taż-żebbuġa prodott fi Spanja matul dawn l-aħħar snin kummerċjali kien daqs jew aktar mill-kwantità taż-żejt li rċieva għajnuniet.

    69     Madankollu, dawn id-dokumenti mhumiex ta' natura li jegħlbu l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-kontrolli ta' l-awtoritajiet Spanjoli kienu difettużi. Fin-nuqqas ta' database kompjuterizzata, kif ġie kkonstatat fil-punt 64 ta' din is-sentenza, dawn id-dokumenti ma jipprovawx li ż-żejt li rċieva għajnuniet huwa dak li fil-fatt kien ġie prodott. Minn dan isegwi li d-dokumenti invokati ma jistgħux jegħlbu l-konstatazzjoni li n-nuqqasijiet tas-sistema ta' kontroll implementata mill-awtoritajiet Spanjoli fir-rigward ta' għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa jistabbilixxu l-eżistenza ta' riskju sinifikattiv ta' telf għall-baġit tal-Komunità.

    70     Minn dan jirriżulta li l-ewwel raġuni dwar l-għajnuniet għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

     Fuq it-tieni raġuni bbażata fuq il-karattru inġustifikat ta' l-ammont ta' l-aġġustament finanzjarju

     L-argumenti tal-partijiet

    71     Il-Gvern Spanjol isostni, minn naħa, li, peress li l-Kummissjoni, b'paragun mas-snin finanzjarji ta' qabel, ikkonstatat titjib fis-sistema ta' kontroll u ta' ħlas ta' l-għajnuniet għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, hija kien imissha naqqset il-perċentwali ta' aġġustament finanzjarju minn 5% għal 2%. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li hija ma kinitx ħadet in kunsiderazzjoni l-attivitajiet l-oħra ta' kontroll ta' l-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li jippermettu li jkunu kkumpensati n-nuqqasijiet inevitabbli fl-użu tar-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ, jiġifieri l-verifiki u l-kontrolli li l-Gvern Spanjol wettaq fir-rigward ta' l-imtieħen.

    72     Skond il-Kummissjoni, għalkemm ċerti elementi tas-sistema ta' kontroll kienu sodisfaċenti, it-titjib magħmul, madankollu, ma jiġġustifika l-ebda tnaqqis ta' l-ammont ta' l-aġġustament finanzjarju għas-snin finanzjarji 1997 u 1998. Hija tenfasizza li sakemm iż-żewġ elementi prinċipali ta' kontroll, jiġifieri r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u d-database kompjuterizzata, ma jkunux implementati, ir-riskju ta' telf għall-Komunità jkun wieħed għoli u għaldaqstant l-aġġustamenti jkunu ġustifikati.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    73     Fir-rigward tal-perċentwali ta' 5% applikata mill-Kummissjoni sabiex tikkalkula l-aġġustament fir-rigward ta' l-għajnuniet għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u d-database kompjuterizzata huma elementi fundamentali tas-sistema Komunitarja ta' kontroll ta' l-għajnuniet. Fil-prinċipju, sakemm dawn l-elementi ma jkunux operazzjonali, ikun iġġustifikat li tkun applikata r-rata ta' aġġustament ta' 10% prevista fil-linji ta' gwida tal-Kummissjoni kif stabbiliti fid-dokument tagħha Nru VI/5330/97 (ara s-sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 70).

    74     Madankollu, il-Kummissjoni ammettiet li ċerti elementi tas-sistema ta' kontroll fi Spanja kienu sodisfaċenti għalkemm ma kienux effiċjenti daqs is-sistema ta' kontroll mitluba mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Għaldaqstant, hija dehrilha xieraq li timponi rata ta' aġġustament ta' 5%.

    75     Skond il-linji ta' gwida tal-Kummissjoni, mhux aċċettabbli li r-rata ta' aġġustament titnaqqas aktar minn 5% qabel ma r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u d-database kompjuterizzata jkunu ġew implementati peress li dawn jikkostitwixxu elementi ewlenin tas-sistema ta' kontroll Komunitarja. Għaldaqstant, l-argumenti kuntrarji tal-Gvern Spanjol għandhom jiġu miċħuda.

    76     Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' l-asserzjoni tal-Gvern Spanjol li kienet implementata sistema b'forom oħra ta' kontroll ta' l-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, b'mod partikolari l-verifiki ta' l-imtieħen, huwa biżżejjed jekk jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, meta regolament jistabbilixxi miżuri ta' kontroll speċifiċi, l-Istati Membri huma marbutin li japplikawhom mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi mistħarrġa l-fondatezza tat-teżi tagħhom li sistema ta' kontroll differenti hija aktar effiċjenti (ara s-sentenzi tat-22 ta' Ġunju 1993, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-54/91, Ġabra p. I-3399, punt 38, u tal-21 ta' Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 87).

    77     Għaldaqstant, it-tieni raġuni dwar l-għajnuniet għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    78     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba tal-Gvern Spanjol fir-rigward tar-rifjut li ċertu infiq marbut ma' l-għajnuniet għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa jkun iffinanzjat mill-FAEGG għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

     Fuq l-aġġustament fir-rigward ta' l-għajnuniet għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa

     Fuq l-ewwel raġuni bbażata fuq ksur tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70

     L-argumenti tal-partijiet

    79     Il-Gvern Spanjol jikkonstata li l-Kummissjoni bbażat l-aġġustament finanzjarju in kwistjoni fuq l-istess motivi bħal dawk li fuqhom kienet ibbażat l-aġġustamenti fir-rigward tas-snin finanzjarji 1994 u 1995. Għaldaqstant, huwa jirreferi għar-raġunijiet imressqa fil-kuntest tar-rikors li kien ippreżenta kontra dawn l-aġġustamenti u li kien wassal għas-sentenza tat-13 ta' Settembru 2001, Spanja vs Il-Kummissjoni, (C-374/99, Ġabra p. I-5943).

    80     Il-Kummissjoni tindika li, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċaħdet l-argumenti kollha tal-Gvern Spanjol dwar l-aġġustament finanzjarju magħmul mill-Kummissjoni abbażi tan-nuqqasijiet ikkonstatati fir-rigward tas-snin finanzjarji 1994 u 1995.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    81     Fir-rigward tal-pożizzjoni meħuda mill-Gvern Spanjol fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta' Settembru 2001, Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, ikun biżżejjed jekk jiġi osservat li l-argumenti mqajma mill-Gvern Spanjol f'din il-kawża kienu jikkonċernaw biss is-snin finanzjarji 1994 u 1995 filwaqt li din il-kawża tikkonċerna s-sena finanzjarja 1996. Fi kwalunkwe każ, fil-punt 36 tas-sentenza invokata, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, fl-intier tagħhom, ir-raġunijiet imressqa mill-Gvern Spanjol kontra l-aġġustamenti applikati fil-qasam ta' għajnuna għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa.

    82     Minn dan isegwi li l-ewwel raġuni mqajma għandha tiġi miċħuda.

     Fuq it-tieni raġuni bbażata fuq ksur tal-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70

     L-argumenti tal-partijiet

    83     Fil-kuntest tat-tieni raġuni, l-ewwel ilment tal-Gvern Spanjol huwa li l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta' Novembru 1997 ma tistax titqies bħala l-"komunikazzjoni bil-miktub" tar-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni fis-sens tal-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70. Huwa jsostni li meta din l-ittra ssemmi l-possibbiltà li jiġu applikati aġġustamenti finanzjarji fir-rigward tas-snin finanzjarji 1994 u 1995 hija bl-ebda mod ma tagħmel notifika espressa fir-rigward tas-sena finanzjarja 1996. Barra minn hekk, skond il-Gvern Spanjol, l-imsemmija ittra la tagħmel referenza għar-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni fir-rigward ta' din is-sena finanzjarja u lanqas għar-Regolament Nru 1663/95.

    84     Fil-kuntest ta' din l-istess raġuni, it-tieni lment tal-Gvern Spanjol huwa bbażat fuq il-fatt li l-ittra tas-17 ta' Awwissu 1998 tal-Kummissjoni, li l-Gvern Spanjol irċieva fil-21 ta' Awwissu ta' wara, lanqas ma tammonta għall-"komunikazzjoni bil-miktub", fis-sens tal-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70, minħabba li ma tagħmel l-ebda referenza għar-Regolament Nru 1663/95. Li kieku din l-ittra kellha titqies bħala l-imsemmija komunikazzjoni bil-miktub, hija tkun tista' tikkonċerna biss l-infiq in kwistjoni fir-rigward tas-sena finanzjarja 1996 magħmul fl-24 xahar ta' qabel id-data ta' meta kienet riċevuta, jiġifieri dak magħmul wara l-21 ta' Awwissu 1996.

    85     Il-Kummissjoni twieġeb, minn naħa, li l-ittra tagħha tat-3 ta' Novembru 1997 tikkostitwixxi, fis-sens tal-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70, il-komunikazzjoni bil-miktub tar-riżultati tal-verifiki mwettqa f'Novembru 1996. Hija ssostni li din l-ittra tirreferi għar-riżultati definittivi tal-missjoni ta' kontroll imwettqa bejn it-18 u t-22 ta' Novembru 1996 kif ukoll għall-aġġustamenti finanzjarji li setgħu jiġu proposti. Skondha, l-istess ittra tindika li r-riżultati tal-verifiki jikkonċernaw is-snin finanzjarji 1994 et seq. L-imsemmija ittra allegatament tkopri espressament is-sena finanzjarja 1996. Mill-korrispondenza sussegwentament skambjata bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Spanjol kif ukoll mil-laqgħat bilaterali organizzati jirriżulta li l-ittra in kwistjoni kienet ġiet interpretata f'dan is-sens mill-awtoritajiet Spanjoli.

    86     Min-naħa l-oħra, skond il-Kummissjoni, l-ittra tas-17 ta' Awwissu 1998 ma tikkostitwixxix il-komunikazzjoni bil-miktub imsemmija fid-dispożizzjoni in kwistjoni iżda sempliċement tirrappreżenta l-komunikazzjoni formali tal-konklużjonijiet.

    87     Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tan-nuqqas ta' referenza espliċita għar-Regolament Nru 1663/95, il-Gvern Spanjol huwa kompletament konxju tal-fatt li, sakemm in-nuqqasijiet in kwistjoni jippersistu, l-infiq magħmul minnu jibqa', għall-istess raġunijiet, is-suġġett ta' aġġustamenti finanzjarji. Għaldaqstant, huwa ma jistax jinvoka allegat ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali li l-imsemmi artikolu huwa intenzjonat jipproteġi.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    88     Skond il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70, "rifjut ta' finanzjament ma jistax jolqot l-infiq magħmul qabel l-erbgħa u għoxrin xahar ta' qabel il-komunikazzjoni bil-miktub, mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat, tar-riżultati tal-verifiki tagħha […]".

    89     Ir-Regolament Nru 1663/95, li jimplementa r-Regolament Nru 729/70, jippreċiża, fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8(1) tiegħu, il-kontenut ta' din il-komunikazzjoni bil-miktub. Skond din id-dispożizzjoni, l-imsemmija komunikazzjoni għandha tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex fil-futur ikun iggarantit ir-rispett tar-regoli kkonċernati, kif ukoll evalwazzjoni ta' l-infiq li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li teskludi, u għandha tagħmel referenza għar-Regolament Nru 1663/95.

    90     Għaldaqstant, fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-ittra tat-3 ta' Novembru 1997 tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70 moqri flimkien ma' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

    91     Din l-ittra tippreċiża, l-ewwel nett, li, fil-kuntest ta' l-approvazzjoni tal-kontijiet għas-snin finanzjarji 1994 et seq fir-rigward tas-settur tal-konsum taż-żejt taż-żebbuġa, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu verifika bejn it-18 u t-22 ta' Novembru 1996 li r-riżultati tagħha, li jinsabu fl-anness ta' l-ittra, kienu diġà ġew diskussi mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet Spanjoli. It-tieni nett, l-ittra tosserva li dawn ir-riżultati jenfasizzaw is-sitwazzjoni preokkupanti in kwistjoni li wasslet lill-Kummissjoni biex titlob lill-awtoritajiet Spanjoli jadottaw b'urġenza l-miżuri meħtieġa sabiex jadattaw għad-dispożizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ il-ġestjoni tal-ħlasijiet u tal-kontrolli kif ukoll l-applikazzjoni tal-penali. Fl-aħħar nett hija tindika li l-Kummissjoni rriżervat id-dritt li tippreżenta aktar tard l-aġġustamenti finanzjarji ta' l-infiq iddikjarat mir-Renju ta' Spanja għas-snin finanzjarji 1994 u 1995 kif ukoll għal dak iddikjarat sussegwentament. L-ittra tikkonkludi billi tistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jibagħtu r-risposta tagħhom fuq il-punti mqajma f'terminu ta' sitt ġimgħat, b'mod partikolari fir-rigward tat-talbiet għal informazzjoni magħula fl-anness tagħha.

    92     Fir-rigward ta' l-ilment tal-Gvern Spanjol ibbażat fuq il-fatt li l-ittra tat-3 ta' Novembru 1997 ma tagħmel l-ebda referenza espliċita għar-Regolament Nru 1663/95, għandu jiġi eżaminat jekk din l-ommissjoni hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li din l-ittra ma tammontax għal komunikazzjoni bil-miktub fis-sens ta' l-imsemmi regolament kif ukoll fis-sens ta' l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70.

    93     Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fir-relazzjonijiet tagħha ma' l-Istati Membri, hija marbuta tirrispetta l-kundizzjonijiet li hija tkun rabtet lilha nfisha bihom permezz ta' regolamenti ta' implementazzjoni. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni, pożizzjonijiet purament formalistiċi meta miċ-ċirkustanzi jirriżulta li d-drittijiet tagħhom kienu kompletament protetti. Meta d-dokument in kwistjoni, f'din il-kawża l-ittra tat-3 ta' Novembru 1997, jista' jagħti lill-gvern ikkonċernat għarfien perfett tar-riżervi tal-Kummissjoni u ta' l-aġġustamenti li probabbilment ħa jkunu magħmula fir-rigward tas-settur in kwistjoni, b'tali mod li dan id-dokument jista' jissodisfa l-funzjoni ta' avviż li komunikazzjoni bil-miktub għandha taqdi taħt l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70 u taħt l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, l-uniku nuqqas f'dan id-dokument, jiġifieri n-nuqqas ta' referenza għar-Regolament Nru 1663/95, ma jammontax għal ksur ta' formalità sostanzjali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-24 ta' Jannar 2002, Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C-170/00, Ġabra p. I-1007, punt 34).

    94     Jidher b'mod ċar li l-ittra tat-3 ta' Novembru 1997 tat lill-Gvern Spanjol għarfien perfett tar-riżervi tal-Kummissjoni u ta' l-aġġustamenti li probabbilment kienu ħa jsiru għas-sena finanzjarja 1996 fir-rigward tas-settur tal-konsum taż-żejt taż-żebbuġa. Minn dan isegwi li, anki mingħajr referenza preċiża għar-Regolament Nru 1663/95, din l-ittra ssodisfat il-funzjoni ta' avviż li komunikazzjoni bil-miktub għandha taqdi taħt l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70 u taħt l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

    95     Minn dan jirriżulta li l-ewwel ilment magħmul fil-kuntest tat-tieni raġuni ma jistax jintlaqa'. Għaldaqstant, m'hemmx bżonn li jiġi eżaminat it-tieni lment imressaq fil-kuntest ta' l-istess raġuni.

    96     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba tal-Gvern Spanjol fir-rigward tar-rifjut li ċertu infiq marbut ma' l-għajnuniet għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa jkun iffinanzjat mill-FAEGG għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

     Fuq l-aġġustament fir-rigward ta' l-imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib

     L-argumenti tal-partijiet

    97     Il-Gvern Spanjol jikkonċedi li l-Istati Membri huma obbligati jirkupraw b'mod diliġenti l-imposta addizzjonali li x-xerrejja jew il-produtturi tal-ħalib huma obbligati jħallsu kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-interessi minħabba ħlas tard. Madankollu, skondu, il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tippermettix lill-Kummissjoni li teżiġi l-imsemmija interessi mingħand l-Istat Membru.

    98     Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Istati Membri huma suġġetti għal żewġ obbligi, jiġifieri, l-ewwel nett, li jieħdu l-miżuri adegwati sabiex il-persuni li huma obbligati jħallsu l-imposta jħallsuha fit-terminu preskritt flimkien ma' l-interessi jekk il-ħlas isir tard u, it-tieni nett, li jgħaddu lill-Komunità l-ammont ta' l-imposta addizzjonali fit-terminu stabbilit kif ukoll l-interessi minħabba ħlas tard. It-tnaqqis tal-ħlasijiet bil-quddiem li jikkonċerna dan l-obbligu ta' l-aħħar, ma jġibx fi tmiemu l-obbligu ta' l-Istati Membri li jiġbru mingħand il-persuni li huma obbligati jħallsuha l-imposta addizzjonali u l-interessi minħabba ħlas tard.

    99     Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Spanjol, ma teżisti l-ebda bażi ġuridika li tiġġustifika li l-interessi minħabba ħlas tard ikunu mgħoddija lill-baġit nazzjonali.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    100   Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, bil-għan li jkun assigurat funzjonament regolari tas-sistema ta' imposta addizzjonali, l-Artikoli 3(4) u 5(2) tar-Regolament Nru 536/93 huma intiżi sabiex jittejjeb u jiħaffef il-ħlas ta' l-imposta addizzjonali mill-persuni li huma obbligati jħallsuha lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

    101   Minn qari ta' dawn id-dispożizzjonijiet meħudin flimkien, fid-dawl ta' l-Artikoli 5(2) u 8 tar-Regolament Nru 729/70, ta' l-Artikoli 1(1) u 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 296/96, tas-16 ta' Frar 1996, dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri u l-prenotament ta' kull xahar tan-nefqa ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2776/88, kif ukoll fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/729/KE, tal-31 ta' Ottubru 1994, dwar id-dixxiplina baġitarja (ĠU L 293, p. 14), jirriżulta li, meta ma jkunx irrispettat it-terminu għall-ħlas ta' l-imposta addizzjonali mix-xerrej jew mill-produttur li huwa obbligat iħallasha, il-Kummissjoni għandha timponi fuq l-Istat Membru, bħala penali, it-tnaqqis tal-ħlasijiet bil-quddiem intiżi sabiex ikopru l-infiq fis-settur tal-ħalib, bi proporzjoni ma' l-ammont dovut bħala imposta addizzjonali jew ma' stima ta' dan l-ammont.

    102   Għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 536/93 jistabbilixxi fir-rigward tax-xerrejja u tal-produtturi l-obbligu li jħallsu lill-awtorità kompetenti interessi, li jibdew jgħoddu mill-1 ta' Settembru ta' kull sena, fil-każ ta' dewmien fil-ħlas ta' l-imposta addizzjonali u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 5(2) ta' l-imsemmi regolament jistabbilixxi fir-rigward ta' l-Istati Membri l-obbligu li jnaqqsu l-interessi mħallsa mit-talbiet għal ħlas lura ta' l-infiq fis-settur tal-ħalib li jkunu ġew ippreżentati lill-FAEGG (sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 101, u tat-12 ta' Ġunju 2003, Greċja vs Il-Kummissjoni, C-148/01, Ġabra p. I-5883, punt 52).

    103   F'din il-kawża hemm qbil li l-awtoritajiet Spanjoli ma ġabrux l-interessi minħabba ħlas tard imsemmija f'dawn id-dispożizzjonijiet.

    104   Fil-punt 101 tas-sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet ukoll li l-fatt li ċerti somom dovuti jibqgħu mhux imħallsa jew ikunu tħallsu tard ma jammontax, fih innifsu, għal ksur ta' l-obbligi li d-dritt Komunitarju jistabbilixxi fir-rigward ta' l-Istati Membri.

    105   Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 536/93 ma japplikax f'din il-kawża.

    106   Madankollu, il-Kummissjoni tista', skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 729/70, tagħmel aġġustament meta tkun f'pożizzjoni li tipprova li l-FAEGG soffra telf minħabba n-negliġenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali fil-ġbir ta' l-ammonti kontenzjużi (ara s-sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 102).

    107   Anki jekk il-Kummissjoni, mingħajr ma għamlet referenza espliċita għall-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 729/70, kienet fil-fatt ibbażat l-aġġustament kontenzjuż fuq l-imsemmija dispożizzjoni, hija la identifikat kif l-awtoritajiet Spanjoli kienu kkontribwew permezz ta' l-allegata negliġenza tagħhom għal telf għall-fondi Komunitarji u lanqas ma evalwat ir-riskju li għalih dawn il-fondi setgħu jiġu esposti minħabba din in-negliġenza.

    108   F'din il-kawża, hemm qbil li, minħabba li rreferiet espressament għall-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru. 536/93, il-Kummissjoni bbażat l-aġġustament kontenzjuż fuq din id-dispożizzjoni biss.

    109   Peress li għaldaqstant il-Kummissjoni bbażat l-aġġustament kontenzjuż fuq bażi ġuridika żbaljata, għandha tiġi milqugħa t-talba tal-Gvern Spanjol intiża għall-annullament ta' l-aġġustament finanzjarju li jammonta għal ESP 2,426,259,870 fir-rigward ta' l-interessi dovuti fil-kuntest tas-sistema ta' l-imposta addizzjonali fuq il-prodotti tal-ħalib.

     Fuq l-aġġustament fir-rigward ta' l-għajnuniet fis-settur ta' l-uċuħ ta' raba' li jinħarat u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' impożizzjoni ta' twarrib speċjali ta' artijiet

     Fuq l-ewwel raġuni bbażata fuq ksur tat-tieni inċiż ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1765/92

     L-argumenti tal-partijiet

    110   Preliminarjament, fir-rigward tas-sena kummerċjali 1994/1995, il-Gvern Spanjol jikkonċedi li qabeż iż-żoni ggarantiti għat-tkabbir ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat fi Spanja fir-rigward kemm taż-żona ddedikata għat-tkabbir ta' uċuħ ta' raba' bagħli u kemm taż-żona ddedikata għat-tkabbir ta' uċuħ ta' raba' saqwi. Madankollu, skondu, dan l-eċċess kien ikkawżat minn nixfa serja fi Spanja fl-1994 li allegatament ipprovokat tnaqqis kbir ħafna fil-ħsad. Min-naħa tiegħu, dan imbagħad wassal biex ċerti uċuħ ġew sostitwiti b'oħrajn.

    111   Fil-kuntest ta' l-ewwel raġuni tiegħu, l-ewwel ilment tal-Gvern Spanjol huwa bbażat fuq l-obbligu li jsir twarrib speċjali ta' uċuħ ta' raba' bagħli. Huwa jsostni li, f'ċirkustanzi bħal dawk f'nixfa eċċezzjonali, il-Kummissjoni kien imissha applikat it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1765/92, paragrafu li kien miżjud mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1422/97. Huwa jsostni li, skond din id-dispożizzjoni, fil-każ li kundizzjonijiet klimatiċi eċċezzjonali jolqtu l-produzzjoni f'sena kummerċjali li fir-rigward tagħha kien ġie kkonstatat eċċess, il-Kummissjoni tista' teżenta l-produtturi tar-reġjuni milquta mill-obbligu li jagħmlu twarrib speċjali mingħajr ma jirċievu kumpens. Skondu, l-imsemmija dispożizzjoni tiġġustifika n-nuqqas ta' rispett ta' dan l-obbligu min-naħa tar-Renju ta' Spanja matul is-sena kummerċjali 1995/1996.

    112   Fil-kuntest ta' l-istess raġuni, il-Gvern Spanjol iqajjem it-tieni lment tiegħu li huwa bbażat fuq obbligu li jsir twarrib speċjali ta' uċuħ ta' raba' saqwi u, b'mod partikolari, ta' uċuħ b'żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt. Huwa jressaq il-fatt li minħabba n-nixfa kbira kienet meħtieġa l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-użu ta' ilma għall-irrigazzjoni tar-raba'. Skondu, fuq ir-raba' saqwi, il-prodotti tradizzjonali, bħalma huma r-ross, il-qoton u t-tadam, kienu ġew mibdula bi prodotti li jeħtieġu anqas ilma, b'mod partikolari uċuħ b'żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt. It-tlaqqigħ ta' dawn iċ-ċirkostanzi allegatament kellu l-konsegwenza li ż-żona li kienet is-suġġett ta' talbiet għal ħlasijiet kumpensatorji, inkluż it-twarrib ta' artijiet, kienet aktar miż-żona bażika allokata għall-uċuħ ta' raba' saqwi.

    113   Il-Gvern Spanjol jirrikonoxxi li r-Regolament Nru 1040/95 tal-Kummissjoni jipprovdi li l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1765/92 jeżiġi l-impożizzjoni ta' twarrib speċjali mingħajr kumpens fir-rigward tal-produtturi ta' uċuħ b'żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt biss u mhux fir-rigward tal-produtturi ta' uċuħ ta' raba saqwi oħra. Madankollu, skond ftehim politiku mal-Kummissjoni, dan l-obbligu lanqas ma kellu japplika għall-produtturi ta' uċuħ b'żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt.

    114   Fir-rigward ta' l-ewwel ilment, il-Kummissjoni ssostni li t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1765/92 japplika għal eċċessi wara s-sena kummerċjali 1995/1996. Għaldaqstant dan il-paragrafu mhux applikabbli f'din il-kawża peress li l-eċċess li wassal għall-aġġustament kontenzjuż seħħ matul is-sena kummerċjali 1994/1995.

    115   Fir-rigward tat-tieni lment, il-Kummissjoni ssostni li r-Regolament Nru 1040/95 rabat lill-awtoritajiet Spanjoli, matul is-sena kummerċjali 1995/1996, bl-obbligu li ma japplikawx it-twarrib speċjali fir-rigward biss ta' l-artijiet użati għat-tkabbir ta' ċereali, proteini, żerriegħa tal-kittien, l-artijiet relatati mwarrba b'mod obbligatorju u b'mod voluntarju kkunsidrati għaż-żona bażika reġjonali ta' uċuħ ta' raba' saqwi. Hija tiċħad, u ssostni li hija dejjem ċaħdet, l-eżistenza ta' ftehim mhux miktub ma' l-awtoritajiet Spanjoli li hija kienet aċċettat li l-obbligu li ma jsirtx twarrib speċjali ma kienx japplika lanqas għall-uċuħ b'żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    116   L-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1765/92 jipprovdi li l-produtturi Komunitarji ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat jistgħu, f'ċerti ċirkustanzi, jitolbu ħlas kumpensatorju Dan il-ħlas għandu jingħata fir-rigward ta' artijiet iddedikati għat-tkabbir ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat jew ta' artijiet suġġetti għal twarrib li ma jaqbżux żona bażika reġjonali.

    117   F'dan ir-rigward, l-anness tar-Regolament Nru 1098/94 jistabbilixxi, għal Spanja, minn naħa, żona bażika reġjonali li tikkorrispondi għal kull Komunità Awtonoma fir-rigward ta' l-uċuħ ta' raba' bagħli u, min-naħa l-oħra, żona bażika reġjonali fuq livell nazzjonali fir-rigward ta' l-uċuħ ta' raba' saqwi.

    118   L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2836/93 jipprovdi li, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta' jekk iż-żona bażika reġjonali ġietx maqbuża, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru għandha tieħu in kunsiderazzjoni ż-żona bażika reġjonali stabbilita kif ukoll is-somma taż-żoni li għalihom tressqu talbiet għal għajnuna fir-rigward tar-reġjun in kwistjoni.

    119   Skond it-tieni inċiż ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1765/92, meta s-somma ta' l-artijiet individwali li għalihom intalbet l-għajnuna tkun akbar miż-żona bażika reġjonali, il-produtturi li jgawdu mis-sistema ġenerali huma obbligati li, matul is-sena kummerċjali ta' wara, jagħmlu twarrib speċjali ta' l-artijiet mingħajr l-ebda kumpens.

    120   F'dan ir-rigward, b'referenza għall-ewwel ilment ta' l-ewwel raġuni, il-Gvern Spanjol jammetti li, matul is-sena kummerċjali 1994/1995, fir-rigward ta' l-uċuħ ta' raba' bagħtli, iż-żona bażika reġjonali kienet inqabżet mingħajr ma huwa kien impona fuq il-produtturi ta' l-imsemmija uċuħ l-obbligu li jagħmlu twarrib speċjali mingħajr l-ebda kumpens.

    121   Kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Spanjol, it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1765/92, li jipprovdi li fil-każ li kundizzjonijiet klimatiċi eċċezzjonali jkunu laqtu l-produzzjoni fis-sena kummerċjali li matulha ġie kkonstatat eċċess, il-Kummissjoni tista' teżenta l-produtturi tar-reġjuni milquta mill-obbligu li jagħmlu twarrib speċjali mingħajr l-ebda kumpens, ma japplikax għal eċċess bħal dan ħlief mis-sena kummerċjali 1995/1996 lil hawn. Għaldaqstant, dan il-paragrafu ma jistax jiġi invokat f'din il-kawża li tikkoċnerna eċċess matul is-sena kummerċjali 1994/1995.

    122   Għaldaqstant, l-ewwel ilment imressaq mill-Gvern Spanjol taħt l-ewwel raġuni tiegħu għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    123   Fir-rigward tat-tieni lment ta' l-ewwel raġuni, għandu jiġi mfakkar li l-Gvern Spanjol jammetti wkoll li, fir-rigward ta' l-uċuħ ta' raba' saqwi, inklużi l-uċuħ b'żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt, huwa qabeż, matul is-sena kummerċjali 1994/1995, iż-żona bażika reġjonali mingħajr ma impona fuq il-produtturi l-obbligu li jagħmlu twarrib speċjali mingħajr l-ebda kumpens.

    124   Barra minn hekk, mis-sitt premessa tar-Regolament Nru 1040/95 jirriżulta li:

    –       l-eċċess in kwistjoni kien dovut għal żieda eċċezzjonali fiż-żona ddedikata għat-tkabbir ta' uċuħ b'żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt;

    –       ma ġiet ikkonstatata l-ebda żieda sinifikanti fiż-żona ddedikata għat-tkabbir ta' uċuħ ewlenin oħra;

    –       għalhekk kien jidher xieraq li jkunu ppenalizzati biss il-produtturi ta' uċuħ b'żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt li kienu responsabbli għal dan l-eċċess.

    125   Il-Kummissjoni ġustament tinvoka n-nuqqas ta' rilevanza f'din il-kawża ta l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1040/95 li, minħabba l-eċċess fil-sena kummerċjali 1994/1995, jipprovdi li l-obbligu li jsir twarrib speċjali mingħajr l-ebda kumpens m'għandux japplika għall-artijiet użati għat-tkabbir ta' ċereali, proteini, żerriegħa tal-kittien, għall-artijiet relatati mwarrba b'mod obbligatorju u b'mod volontarju kkunsidrati għaż-żona bażika reġjonali ta' l-uċuħ ta' raba' saqwi, u li għalhekk m'għandu l-ebda effett fuq l-artijiet użati għat-tkabbir ta' uċuħ b'żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt.

    126   Għaldaqstant, f'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Spanjol kien imissu obbliga lill-produtturi ta' l-imsemmija uċuħ b'żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt sabiex iwettqu twarrib speċjali mingħajr l-ebda kumpens.

    127   Fir-rigward ta' l-allegazzjoni min-naħa tal-Gvern Spanjol dwar l-eżistenza ta' ftehim politiku konkluż mal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-obbligu ta' twarrib impost fuq il-produtturi jinsab f'dispożizzjoni Komunitarja. Għaldaqstant, dan l-obbligu ma setgħax jiġi emendat permezz ta' ftehim politiku konkluż bejn il-Kummissjoni u Stat Membru.

    128   Minn dan isegwi li t-tieni lment ta' l-ewwel raġuni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

     Fuq it-tieni raġuni bbażata fuq il-karattru inġustifikat ta' l-ammont ta' l-aġġustament finanzjarju

     L-argumenti tal-partijiet

    129   Fil-kuntest tat-tieni raġuni, il-Gvern Spanjol isostni li, anki jekk il-Kummissjoni kellha d-dritt tapplika t-tieni inċiż ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1765/92, l-ammont ta' l-aġġustament finanzjarju li jirriżulta minn din l-applikazzjoni huwa inkorrett.

    130   Minn naħa, dan il-gvern jirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha d-dritt tirkupra l-ammonti mħallsa indebitament fir-rigward taż-żona ddedikata għat-tkabbir ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat jew għat-twarrib ta' artijiet li fir-rigward tagħha ir-Renju ta' Spanja kien imissu impona l-obbligu li jsir twarrib speċjali mingħajr ħlas. Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol jirrikonoxxi li l-Kummissjoni, meta kkalkulat ir-rata ta' twarrib ta' artijiet li kellha tintlaħaq, iżda li fil-fatt ma ntlaħqitx, l-ewwel nett, żiedet ir-rata tat-twarrib obbligatorju mar-rata tat-twarrib speċjali. It-tieni nett, hija kkunsidrat, bħala tnaqqis, ir-rata fis-sena kummerċjali 1995/1996 tat-twarrib volontarju, tnaqqis li jirrappreżenta l-fatt li ċerti produtturi li kienu għamlu twarrib volontarju jistgħu jagħmlu tajjeb għall-fatt li produtturi oħrajn ma kienu għamlu l-ebda twarrib.

    131   Min-naħa l-oħra, madankollu, dan il-gvern isostni li l-Kummissjoni, fl-imsemmi kalkolu, ma kienx imissha ħadet in kunsiderazzjoni wkoll żieda ta' ħames punti perċentwali applikata għar-rata ta' twarrib obbligatorju ta' art minħabba, l-ewwel nett, it-twarrib ta' ċerti ġonot ta' artijiet li ma jinħadmux b'rotazzjoni, kif previst fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1765/92 u, it-tieni nett, it-trasferiment bejn produtturi ta' l-obbligu ta' twarrib ta' artijiet, kif previst fit-tieni inċiż ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7(7) ta' l-imsemmi Regolament.

    132   Il-Kummissjoni, filwaqt li tirrikonoxxi l-kumplessità tar-regoli dwar il-kalkolu ta' l-aġġustament finanzjarju in kwistjoni, tenfasizza li hija sempliċement applikat il-leġiżlazzoni Komunitarja rilevanti. Hija ssostni, l-ewwel nett, li għandhom jiġu rkuprati l-ħlasijiet magħmula fir-rigward tat-twarrib volontarju ta' artijiet li kien imisshom kienu s-suġġett ta' twarrib speċjali mingħajr kumpens. It-tieni nett, peress li r-rata ta' twarrib volontarju miżjuda ma' dik ta' twarrib obbligatorju magħmul ma tkoprix l-obbligu totali ta' twarrib, huwa meħtieġ li l-ħlasijiet magħmula fir-rigward ta' artijiet ikkultivati jitnaqqsu, fl-istess proporzjon, mill-iżbilanċ fit-twarrib. Fl-aħħar nett, peress li l-probabbiltà li fil-fatt ikun hemm il-korrispondenza meħtieġa bejn ir-rata ta' twarrib volontarju ta' produttur u r-rata korrispondenti tiegħu ta' twarrib speċjali kienet żgħira wisq, kien meħtieġ li jiġi kkunsidrat li t-twarrib ta' ċerti ġonot ta' artijiet ma kienx ġie bbażat fuq sistema ta' rotazzjoni u li kienu seħħew trasferimenti ta' l-obbligu ta' twarrib bejn il-produtturi. Għalhekk, kien hemm lok li jiġi applikat it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1765/92 kif ukoll it-tieni inċiż ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7(7) ta' l-imsemmi regolament.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    133   Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-ġestjoni tal-finanzjament tal-FAEGG hija r-responsabbiltà prinċipalment ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali nkarigati li jassiguraw l-osservazzjoni stretta tar-regoli Komunitarji. Din is-sistema, ibbażata fuq il-fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet Komunitarji, ma tinvolvi l-ebda kontroll sistematiku min-naħa tal-Kummissjoni, li, barra minn hekk, huwa materjalment impossibbli għall-Kummissjoni li tassigura kontroll bħal dan. L-Istat Membru biss jinsab f'pożizzjoni li jagħraf u jiddetermina bi preċiżjoni l-informazzjoni meħtieġa għall-preparazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG peress li l-Kummissjoni ma tgawdix mill-prossimità meħtieġa sabiex tikseb l-informazzjoni li jkollha bżonn mingħand l-operaturi ekonomiċi (sentenzi ta' l-1 ta' Ottubru 1998, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C-238/96, Ġabra p. I-5801, punt 30, u ta' l-24 ta' Jannar 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-118/99, Ġabra p. I-747, punt 37).

    134   L-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Nru 729/70 jippermettu lill-Kummissjoni sabiex tiffinanzja mill-FAEGG dawk l-ammonti biss li jkunu tħallsu skond ir-regoli stabbiliti fid-diversi setturi ta' prodotti agrikoli (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta' Jannar 1992, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-197/90, Ġabra p. I-1, punt 38, u Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 38).

    135   L-ewwel nett, fir-rigward tad-dannu dirett ikkawżat lill-baġit Komunitarju, għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward tas-sistema ta' għajnuniet applikabbli għall-uċuħ ta' raba' li jinħarat u għat-twarrib ta' artijiet, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1765/92 jipprovdi li l-produtturi Komunitarji ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat jistgħu jitolbu ħlas kumpensatorju skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 13 ta' l-imsemmi regolament.

    136   F'dan ir-rigward, ħlas kumpensatorju mogħti lill-produtturi ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat fir-rigward ta' l-artijiet użati għat-tkabbir ta' dawn l-uċuħ jew għat-twarrib, iżda li kien imisshom ġew allokati għat-twarrib speċjali ta' artijiet mingħajr kumpens, huwa kuntrarju għat-tieni inċiż ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1765/92. Skond din id-dispożizzjoni, il-perċentwali tat-twarrib speċjali, u għalhekk il-perċentwali tal-ħlasijiet li ma kienux dovuti, għandha tkun daqs il-perċentwali ta' b'kemm kienet inqabżet iż-żona bażika reġjonali.

    137   Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, Stat Membru ma jistax jitlob lill-Kummissjoni tħallsu lura s-somom imħallsa bi ksur ta' l-imsemmija dispożizzjoni.

    138   Jekk l-Istat Membru sussegwentament jitlob il-ħlas lura ta' somom bħal dawn, il-Kummissjoni għandha d-dritt tapplika aġġustament finanzjarju daqs dawk is-somom.

    139   Dan huwa l-każ f'din il-kawża. Fir-rigward tas-sena kummerċjali 1995/1996, il-Gvern Spanjol jammetti li ma imponiex fuq il-produtturi ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat l-obbligu li jwettqu twarrib speċjali mingħajr kumpens u għamel ħlasijiet kumpensatorji favur il-produtturi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha d-dritt, taħt it-tieni inċiż ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1765/92, li tapplika aġġustament finanzjarju b'ammont daqs il-ħlasijiet magħmula fir-rigward ta' l-artijiet użati għat-tkabbir ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat li, fl-fatt, kien imisshom kienu s-suġġett ta' twarrib speċjali mingħajr kumpens.

    140   Dan id-dritt tal-Kummissjoni ma jistax jiġi kkontestat permezz tal-fatt li jirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li l-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, applikat aġġustament finanzjarju anqas mill-ammont imsemmi.

    141   Minn dan isegwi li t-tieni raġuni tal-Gvern Spanjol għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    142   Għaldaqstant, it-talba tal-Gvern Spanjol dwar l-għajnuniet għas-settur ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat u dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' impożizzjoni tat-twarrib speċjali għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

     Fuq l-aġġustament fir-rigward ta' l-għajnuniet għall-uċuħ ta' raba' li jinħarat fil-Komunità Awtonoma ta' Andalusia

     Fuq l-ewwel raġuni bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati ta' l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 3887/92

     L-argumenti tal-partijiet

    143   Fl-ewwel lok, il-Gvern Spanjol isostni li r-Regolament Nru 3887/92 ma jistabbilixxix, fir-rigward tat-twettiq ta' kontrolli fuq il-post, terminu li n-nuqqas ta' rispett tiegħu jwassal għal aġġustamenti finanzjarji. Skond dan il-gvern, anki li kieku jeżisti terminu bħal dan, huwa jkun applikabbli biss għall-kontrolli inizjali.

    144   Fit-tieni lok, il-Gvern Spanjol isostni li l-kontrolli permezz ta' sorveljanza mill-bogħod implementati għall-ħsad ta' l-1996 u l-1997 kienu twettqu fuq kampjun ta' talbiet akbar mill-kampjun minimu ta' talbiet li skond l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 3887/92 kellu jkun is-suġġett ta' kontrolli fuq il-post. Għaldaqstant, skond dan il-gvern, id-dewmien ikkonstatat fil-kontrolli fuq il-post ma kellu l-ebda konsegwenza.

    145   Fit-tielet lok, il-Gvern Spanjol jallega li, anki wara l-ħsad, l-eżistenza ta' uċuħ tar-raba' u r-rispett ta' obbligu li jitwettaq twarrib ta' artijiet setgħu jkunu s-suġġett ta' kontroll permezz ta' sistema oħra li wkoll hija effiċjenti.

    146   Fir-raba' lok, fir-rigward tar-referenza tal-Kummissjoni għad-diffikultà li biha hija rnexxielha tikseb l-informazzjoni meħtieġa fil-kuntest tal-missjoni ta' kontroll tagħha bejn it-8 u t-12 ta' Settembru 1997 u dwar, b'mod partikolari, it-talbiet ta' kontrolli fuq il-post tal-ħasda ta' l-1997, il-Gvern Spanjol isostni li din id-diffikultà tirriżulta mis-sistema ta' kontroll implementata mill-Consejería de Agricultura y Pesca de la Junta de Andalucía. Huwa jallega li, minħabba li d-delegazzjonijiet provinċjali kompetenti essenzjalment jeżaminaw dawk il-fajls li huma l-aktar probabbli li jqajmu problemi fil-forma ta' irregolaritajiet jew inċidenti, minbarra l-fajls ta' kampjuni orjentati, mhux possibbli li jsiru konklużjonijiet ġenerali jew li jinħarġu xi riżultati mid-dokumenti analizzati fil-kuntest tal-missjoni ta' kontroll.

    147   Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tallega, fl-ewwel lok, li, sabiex jikkontrollaw l-għajnuniet b'mod effiċjenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-kontrolli matul is-sena kurrenti u, bħala prinċipju, qabel il-ħsad. Bl-istess mod, skondha, il-fajls dwar it-twarrib ta' artijiet għandhom ikunu kkontrollati qabel il-31 ta' Awwissu, id-data li fiha jintemm ir-rispett ta' l-obbligu li jitwettaq twarrib ta' artijiet.

    148   Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li, anki jekk il-kontrolluri jaslu fuq il-post wara l-ħsad jew wara li jintemm l-obbligu li jsir twarrib ta' l-artijiet, l-effiċjenza ta' kontrolli alternattivi li jistgħu jkunu mwettqa, bħalma huma l-eżami ta' fatturi dwar il-ħasda, il-fertilizzazzjoni jew il-ħażna, u l-eżami ta' allegati residwi fil-post, ma jistgħux jiġu mqabbla ma' l-effiċjenza tal-kontrolli fuq il-post.

    149   Fl-aħħar lok hija ssostni li, jekk, kif jindikaw l-awtoritajiet Spanjoli stess, il-kontrolli fuq il-lokal jinkludu l-kontrolli fuq il-post, ma jkun hemm l-ebda dubji li l-Consejería de Agricultura y Pesca de la Junta de Andalucía kien imissha kellha din l-informazzjoni sabiex imbagħad tgħaddiha lill-kontrolluri Komunitarji.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    150   Skond is-seba' u d-disa' premessi tiegħu, ir-Regolament Nru 3887/92 huwa intiż sabiex jikkontrolla b'mod effiċjenti r-rispett tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta' għajnuniet Komunitarji kif ukoll sabiex jevita u jippenalizza b'mod effiċjenti l-irregolaritajiet u l-frodi.

    151   L-Artikolu 6(1) ta' l-imsemmi regolament jipprovdi li l-kontrolli fuq il-post għandhom isiru b'mod li jassiguraw il-verifika effiċjenti tar-rispett tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' għajnuniet filwaqt li t-tieni inċiż ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 6(3) jipprovdi li l-imsemmija kontrolli, jiġifieri l-kontrolli inizjali, għandhom minn ta' l-anqas ikopru kampjun sinifikanti ta' talbiet, liema kampjun għandu jirrappreżenta 5% tat-talbiet għal għajnuniet fir-rigward ta' "artijiet". Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 6(3), fil-każ li minn żjajjar fuq il-post jirriżulta li hemm irregolaritajiet sinifikanti f'reġjun jew f'parti ta' reġjun, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu, b'mod partikolari, kontrolli addizzjonali matul is-sena kurrenti.

    152   Għaldaqstant, skond l-għan u l-istruttura tar-Regolament Nru 3887/92, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 6(3) ta' dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontrolli, kemm dawk inizjali u kemm dawk addizzjonali, għandhom jitwettqu meta jkunu għadhom jeżistu provi ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat jew ta' twarrib ta' artijiet fuq iż-żoni li kienu s-suġġett tal-ħlasijiet skond ir-Regolament Nru 1765/92 u, fi kwalunkwe każ, fis-sena kurrenti.

    153   Għal raġunijiet ta' effiċjenza, il-kontrolli fuq l-artijiet użati għat-tkabbir ta' raba' li jinħarat għandhom isiru qabel il-ħsad u dawk fuq l-artijiet użati għat-twarrib ta' artijiet għandhom isiru qabel jintemm dan l-obbligu, jiġifieri l-31 ta' Awwissu tas-sena kurrenti. Fi kwalunkwe każ, aktar ma l-kontrolli jsiru tard, aktar huwa probabbli l-Kummissjoni tista' raġonevolment tikkonkludi li l-imsemmija kontrolli ma joffrux il-livell mistenni ta' garanzija ta' regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta' telf għall-FAEGG ħa jkun sinifikanti.

    154   F'dan ir-rigward, l-ewwel argument tal-Gvern Spanjol, jiġifieri li ma jeżisti l-ebda terminu sabiex jitwettqu l-kontrolli fuq il-post, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    155   Peress li, permezz tat-tieni argument tiegħu, il-Gvern Spanjol għamel biss referenza għall-fatt li l-kampjun tat-talbiet għall-għajnuniet fir-rigward ta' "artijiet" suġġetti għal kontroll kien akbar minn dak mitlub mill-Artikolu 6 tar-RegolamentNru 3887/92, huma ma kkontradixxix il-provi tal-Kummissjoni li ċerti kontrolli magħmula kienu fil-fatt saru meta kien tard wisq sabiex ikun jista' jiġi kkontrollat b'mod effiċjenti jekk id-dispożizzjonijiet fil-qasam ta' għajnuniet Komunitarji kienux ġew irrispettati. Dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat.

    156   Fir-rigward tat-tielet argument tal-Gvern Spanjol, għandu jiġi mfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat fil-punt 76 ta' din is-sentenza, skond ġurisprudenza stabbilita, meta regolament jistabbilixxi miżuri ta' kontroll speċifiċi, l-Istati Membri huma marbutin li japplikawhom mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi mistħarrġa l-fondatezza tat-teżi tagħhom li sistema ta' kontroll differenti hija aktar effiċjenti (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 38, u tal-21 ta' Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 87).

    157   Fir-rigward tar-raba' argument ta' l-istess gvern dwar il-problemi sabiex tingħata l-informazzjoni mitluba lill-kontrolluri tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat, kif għamlet il-Kummissjoni, li problemi bħal dawn ma jistgħux jinvalidaw il-konklużjonijiet li għalihom waslu l-kontrolluri msemmija. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 3887/92 jipprovdi li "[i]t-talbiet magħżula mill-awtorità kompetenti sabiex ikunu s-suġġett ta' kontrolli fuq il-post għandhom jiġu ddeterminati abbażi, b'mod partikolari, ta' analiżi tar-riskji kif ukoll ta' element ta' reppreżentazzjoni tat-talbiet għal għajnuna magħmula". Minn dan isegwi li, peress li l-Kummissjoni għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet tagħha abbażi tal-kampjun magħżul u ppreżentat mill-Gvern Spanjol, dan il-gvern ma jistax isostni li hija żbaljat meta għamlet konklużjonijiet ġenerali jew ħarġet riżultati mill-fajls li kienu ġew analizzati fil-kuntest tal-missjoni ta' kontroll, fajls li, skond l-imsemmi gvern, iqajmu problemi ta' irregolaritajiet jew ta' inċidenti. Għaldaqstant, ir-raba' argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    158   Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, l-ewwel raġuni tal-Gvern Spanjol għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

     Fuq it-tieni raġuni bbażata fuq żball ta' fatt

     L-argumenti tal-partijiet

    159   Fir-rigward ta' l-aġġustament finanzjarju tas-sena finanzjarja dwar is-sena kummerċjali 1996/1997, il-Gvern Spanjol isostni li dan l-aġġustament huwa null minħabba żball li allegatament wettqet il-Kummissjoni meta evalwat l-imsemmija sena kummerċjali abbażi ta' informazzjoni li kienet tikkorrispondi għas-sena kummerċjali ta' qabel, jiġifieri dik ta' l-1995/1996. Barra minn hekk, huwa jsostni li huwa dejjem ikkunsidra li l-aġġustament propost kien jikkonċerna biss is-sena kummerċjali 1995/1996.

    160   Minkejja li l-Kummissjoni taċċetta li uħud mill-komunikazzjonijiet tagħha fihom żball fis-sens li jirriproduċu l-informazzjoni tas-sena kummerċjali 1995/1996 bħala l-informazzjoni tas-sena kummerċjali 1996/1997, hija madankollu ssostni li dan l-iżball sempliċi ma setgħax jinvalida l-evalwazzjoni tagħha ta' din is-sena kummerċjali ta' l-aħħar. Skondha, l-imsemmija evalwazzjoni kienet loġikament ibbażata fuq il-konklużjonijiet tal-missjoni ta' kontroll li saret bejn it-8 u t-12 ta' Settembru 1997, li kkonstataw in-nuqqasijiet dwar dawn is-sentejn kummerċjali kif ukoll fuq l-argumenti u l-informazzjoni sussegwentament mogħtija mir-Renju ta' Spanja fir-risposti tiegħu għall-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    161   Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, għas-sena kummerċjali 1996/1997, l-aġġustamenti finanzjarji in kwistjoni tal-Kummissjoni kienu mmotivati mill-persistenza fid-dewmien biex jitwettqu l-kontrolli f'ċerti provinċji kif ukoll mill-kwalità fqira ta' dawk imwettqa b'kollaborazzjoni mat-taqsima ta' l-approvazzjoni tal-kontijiet. Fit-tieni lok, dawn in-nuqqasijiet jidhru fir-rapport tal-Kummissjoni maħruġ wara l-missjoni ta' kontroll tagħha ta' bejn it-8 u t-12 ta' Settembru 1997 kif ukoll fil-korrispondenza sussegwenti tagħha ma' l-awtoritajiet Spanjoli. Fit-tielet lok, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li, fl-ittra tagħhom lill-Kummissjoni tat-23 ta' Ġunju 1999, l-awtoritajiet Spankoli kienu pprovdew informazzjoni fuq ir-rata tal-kontrolli fuq il-post imwettqa permezz ta' sorveljanza mill-bogħod jew permezz ta' metodi tradizzjonali matul is-sena kummerċjali 1996/1997 kif ukoll fuq ir-rata tal-kontrolli li allegatament seħħew wara l-21 ta' Awwissu 1997.

    162   Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni, wara li kkonkludiet li, għas-sena kummerċjali 1996/1997, uħud mill-kontrolli ma pprovdewx il-livell mistenni ta' garanzija ta' regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta' telf għall-FAEGG kien wieħed sinifikanti, ġustament applikat aġġustament finanzjarju fir-rigward ta' l-infiq in kwistjoni kollu. Il-fatt li, f'uħud mill-komunikazzjonijiet tagħha lill-Gvern Spanjol, il-Kummissjoni għamlet referenza, b'mod żbaljat, għall-informazzjoni tas-sena kummerċjali 1995/1996, żball li l-Kummissjoni rranġat, kif irrikonoxxa l-Gvern Spanjol, ma jistax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    163   Għaldaqstant, it-tieni raġuni tal-Gvern Spanjol għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

     Fuq it-tielet raġuni bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

     L-argumenti tal-partijiet

    164   Il-Gvern Spanjol jakkuża lill-Kummissjoni li imponiet l-aġġustament finanzjarju fir-rigward tas-sena kummerċjali 1996/1997 mingħajr ma tatu l-opportunità li jippreżenta l-argumenti tiegħu.

    165   Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-Gvern Spanjol kien jaf li l-aġġustament propost kien jikkonċerna kemm is-sena kummerċjali 1995/1996 u kemm is-sena kummerċjali 1996/1997. Għaldaqstant, skondha, l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għas-smiegħ huwa infondat. Il-Kummissjoni tallega li l-Gvern Spanjol kellu l-possibbiltà li jikkontesta l-konklużjonijiet tal-missjoni ta' kontroll iżda għamel biss referenza għall-fajls individwali msemmija fir-rapport tal-missjoni ta' kontroll ta' bejn it-8 u t-12 ta' Settembru 1997 u għall-kontrolli permezz ta' sorveljanza mill-bogħod mingħajr ma ppreżenta figuri jew informazzjoni dwar il-kontrolli l-oħra fuq il-post li fuqhom il-Kummissjoni setgħat tibbaża ruħha sabiex temenda l-aġġustament propost għas-sena kummerċjali 1996/1997.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    166   Għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Spanjol kien informat, permezz tar-rapport maħruġ mill-Kummissjoni wara l-missjoni ta' kontroll ta' bejn it-8 u t-12 ta' Settembru 1997, li fir-rigward tas-sena kummerċjali 1996/1997 kienu jeżistu nuqqasijiet fis-sistema ta' kontroll ta' l-uċuħ ta' raba' li jinħarat użata fil-Komunità Awtonoma ta' Andalusia. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dan il-gvern stess għadda lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-imsemmija kontrolli. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal ksur ta' drittijiet tad-difiża.

    167   Minn dan isegwi li t-tielet raġuni tal-Gvern Spanjol għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

     Fuq ir-raba' raġuni bbażata fuq il-karattru inġustifikat ta' l-ammont ta' l-aġġustament finanzjarju

     L-argumenti tal-partijiet

    168   Il-Gvern Spanjol jallega li, peress li dan l-aġġustament kien ibbażat fuq id-dewmien fit-twettiq tal-kontrolli, il-Kummissjoni ma kienx imissha applikat aġġustament finanzjarju ta' 5% ta' l-infiq iddikjarat fir-rigward ta' l-artijiet użati għat-tkabbir ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat jew għat-twarrib ta' artijiet matul is-snin finanzjarji in kwistjoni, iżda biss fir-rigward ta' l-artijiet li kienu użati għat-twarrib ta' artijiet li kienu kkontrollati tard.

    169   Il-Kummissjoni tenfasizza li l-kontrolli mwettqa wara l-ħsad rispettivi fis-snin kummerċjali in kwistjoni kienu ineffiċjenti fir-rigward mhux biss tal-verifika tar-rispett ta' l-obbligu ta' twarrib ta' artijiet iżda wkoll fir-rigward tal-verifiki meħtieġa dwar l-artijiet użati għat-tkabbir ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat. Għaldaqstant, skondha, l-aġġustament finanzjarju kellu japplika għal dawn l-artijiet kollha.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    170   Skond id-dokument Nru VI/5330/97, meta l-livell reali tal-ħlasijiet irregolari ma jkunx jista' jiġi ddeterminat u meta, għaldaqstant, ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat l-ammont tat-telf finanzjarju subit mill-Komunità, il-Kummissjoni għandha tapplika aġġustamenti finanzjarji b'rata predeterminata li, b'mod ġenerali, jammontaw għal 2%, 5%, 10% jew 25% ta' l-infiq iddikjarat, skond il-gravità tar-riskju ta' telf.

    171   Minn dan isegwi li, f'din il-kawża, il-Kummissjoni, meta ġustament ikkonkludiet li l-kontrolli fuq il-post fir-rigward ta' l-artijiet użati għat-tkabbir ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat ma kienux ipprovdew il-livell mistenni ta' garanzija ta' regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta' telf għall-FAEGG kien wieħed sinifikanti, kellha d-dritt tapplika aġġustament bir-rata ta' 5% ta' l-infiq iddikjarat kollu.

    172   Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fil-punt 135 ta' din is-sentenza, il-ħlasijiet kumpensatorji li jkunu s-suġġett ta' l-infiq iddikjarat jingħataw, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 sa 13 tar-Regolament Nru 1765/92, fir-rigward ta' l-artijiet użati kemm għat-tkabbir ta' uċuħ ta' raba' li jinħarat u kemm għat-twarrib ta' artijiet. Għaldaqstant, aġġustament finanzjarju ma jistax, f'ċirkustanzi bħal dawk f'din il-kawża, jiġi applikat biss għall-artijiet suġġetti għal twarrib.

    173   Għaldaqstant, ir-raba' raġuni tal-Gvern Spanjol għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    174   Konsegwentament, it-talba tal-Gvern Spanjol dwar l-għajnuniet għall-uċuħ ta' raba' li jinħarat fil-Komunità Awtonoma ta' l-Andalusia għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    175   Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn teskludi mill-finanzjament Komunitarju s-somma ta' ESP 2,426,259,870 li tirrappreżenta l-interessi dovuti fil-kuntest tas-sistema ta' imposta addizzjonali fuq il-prodotti tal-ħalib u li l-bqija tar-rikors għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    176   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(3) ta' l-istess Regoli jipprevedi li jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. F'din il-kawża, peress li kull parti talbet li l-parti l-oħra tiġi ordnata tbati l-ispejjeż u peress li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward ta' wieħed biss mill-aġġustamenti finanzjarji kkontestati mir-Renju ta' Spanja, dan għandu jiġi kkundannat ibati tmenin fil-mija ta' l-ispejjeż u l-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tbati għoxrin fil-mija ta' l-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

    1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/137/KE, tal-5 ta' Frar 2001, li eskludiet minn finanzjament Komunitarju ċertu infiq magħmul mill-Istati Membri taħt it-Taqsima "Garanzija" tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), hija annullata safejn tapplika għar-Renju ta' Spanja aġġustament finanzjarju li jammonta għas-somma ta' ESP 2,426,259,870 li tirrappreżenta l-interessi dovuti fil-kuntest tas-sistema ta' imposta addizzjonali fuq il-prodotti tal-ħalib.

    2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

    3)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati tmenin fil-mija ta' l-ispejjeż.

    4)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati għoxrin fil-mija ta' l-ispejjeż.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Fuq