Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62002CJ0278

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-24 ta' Ġunju 2004.
Herbert Handlbauer GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Berufungssenat I der Region Linz bei der Finanzlandesdirektion für Oberösterreich - l-Awstrija.
Agrikoltura - Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Laħam taċ-ċanga - Rifużjoni fuq l-esportazzjoni - Ħlas lura ta' ammonti riċevuti meta mhux dovuti - Proċeduri legali dwar irregolaritajiet - Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 - Effett dirett - Terminu ta' preskrizzjoni - Ksur tal-preskrizzjoni.
Kawża C-278/02.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:388

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

24 ta' Ġunju 2004 (*)

"Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Laħam taċ-ċanga – Rifużjoni fuq l-esportazzjoni – Ħlas lura ta' ammonti riċevuti meta mhux dovuti – Proċeduri legali dwar irregolaritajiet – Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Effett dirett – Terminu ta' preskrizzjoni – Ksur tal-preskrizzjoni"

Fil-kawża C-278/02,

li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 234 KE, mill-Berufungssenat I der Region Linz bei der Finanzlandesdirektion für Oberösterreich (l-Awstrija) għal deċiżjoni preliminari fil-kawża mressqa quddiemu minn

Herbert Handlbauer GmbH,

dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunit[ajiet] Ewrope[j] (ĠU L 312, p. 1),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues, R. Schintgen (Relatur) u N. Colneric, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

- għal Herbert Handlbauer GmbH, minn L. Harings, Rechtsanwalt,

- għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun u M. Niejahr, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta' Herbert Handlbauer GmbH, irrappreżentata minn  L. Harings, tal-Gvern Awstrijak, irrappreżentat minn  H. Bauer u H. Schauer, bħala aġenti, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn T. Eicke, barrister, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn M. Niejahr,  fis-seduta ta' l-4 ta' Novembru 2003,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-15 ta' Jannar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' digriet tal-11 ta' Lulju 2002, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Lulju ta' wara, il-Berufungssenat I der Region Linz bei der Finanzlandesdirektion für Oberösterreich ressaq, taħt l-Artikolu 234 KE, żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euroatom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunit[ajiet] Ewrope[j] (ĠU L 312, p.1).

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kawża bejn Herbert Handlbauer GmbH (iktar 'il quddiem "Handlbauer") u z-Zollamt Salzburg/Erstattungen (uffiċċju doganali ta' Salzbourg/rifużjonijiet, iktar 'il quddiem iz-"Zollamt") dwar l-obbligu li jitħallas lura ammont imħallas bil-quddiem bħala rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta' konsenja ta' laħam taċ-ċanga li ngħatat fl-1996.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej

3       L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi li:

"1.      Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunit[ajiet] Ewrope[j], qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta' verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x'jaqsmu ma' l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.      ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas [ommissjoni] ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunit[ajiet] jew il-budget immexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunit[ajiet], jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata."

4       Skond l-Artikolu 3 ta' l-istess Regolament:

"1.      I[t-terminu ta' preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta' erba' snin minn meta l-irregolarità li ssir imsemmija fl-Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal [terminu] iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F'każ ta' irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-[preskrizzjoni] għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannw[al]i, it-terminu tal-[preskrizzjoni] għandu f'kull każ jibqa' jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

It-terminu tal-[preskrizzjoni] għandu jiġi interrott bi kwalisiasi att ta' l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwistjoni, li jkollha x'taqsam ma' l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

Madankollu, il-[preskrizzjoni] għandha ssir effettiva mhux aktar tard mill-jum li fih [terminu] li jkun id-doppju [tat-terminu tal-preskrizzjoni] jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond l-Artikolu 6(1).

2.      I[t-terminu] għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena amministrattiva għandu jkun ta' tliet snin. Dan i[t-terminu] għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali.

Każijiet ta' interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali.

3.      L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibbiltà li japplikaw [terminu] li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament."

5       L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95 jitkellem kif ġej dwar l-irkupru ta' vantaġġi miksuba meta mhux dovuti:

"1.      Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b'mod skorrett:

–       permezz ta' obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b'mod skorrett,

–       bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall-vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta' l-aċċettazzjoni ta' ħlas antiċipat.

2.      L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

3.      L-atti li [fir-rigward tagħhom] jiġi stabbilit li [għandhom] bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ, għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu.

4.      Il-miżuri [previsti] f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali."

6       L-Artikolu 5 ta' l-istess Regolament jelenka s-sanzjonijiet amministrattivi li għalihom jistgħu jwasslu l-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk ikkawżati minħabba negliġenza, b'mod partikolari, il-ħlas ta' multa amministrattiva jew it-tneħħija totali jew parzjali ta' vantaġġ.

7       Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2988/95 jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri ta' verifika meħtieġa biex jassiguraw rwieħhom dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, il-kwalità u l-frekwenza tal-kontrolli u tal-verifiki fuq il-post, kif ukoll il-metodi ta' kif jiġu implementati, liema metodi għandhom ikunu stabbiliti, skond il-bżonn, minn leġiżlazzjoni settorjali sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi tal-miżuri in kwistjoni.

 Is-sistema ta' rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli

8       L-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87 tas-27 ta' Novembru 1987 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1) [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2945/94 tat-2 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 310, p.57), jipprovdi li:

"1.       Meta jinstab li l-esportatur, bil-ħsieb li jingħata rifużjoni fuq l-esportazzjoni, jkun talab rifużjoni li teċċedi r-rifużjoni applikabbli, ir-rifużjoni dovuta għall-esportazzjoni relevanti għandha tkun dik applikabbli għall-prodotti attwalment esportati, imnaqqsa b'ammont ekwivalenti għal:

a)       nofs id-differenza bejn ir-rifużjoni mitluba u dik applikabbli għall-esportazzjoni li attwalment seħħet;

b)      […]." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9       Skond il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu:

"Bla ħsara għall-obbligu li jitħallas l-ammont negattiv msemmi fir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 1, f'każ ta' ħlas ta' rifużjoni li ma kinitx dovuta, il-benefiċjarju għandu jħallas lura l-ammonti riċevuti meta ma kinux dovuti - li jinkludu kull penali applikabbli skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 - u l-imgħax ikkalkolat fuq iż-żmien li jkun għadda bejn il-pagament u l-ħlas lura.[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10     Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4045/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq tranżazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta' finanzjament mis-sezzjoni ta' Garanziji tal-Gwida Agrikola u tal-Fond ta' Garanziji ta' l-Unjoni Ewropea u li qed iħassar id-Direttiva Nru 77/435/KEE (ĠU L 388, p.18) jobbliga, fl-Artikolu 2 tiegħu, lill-Istati Membri biex kull sena jagħmlu verifiki fir-rigward ta' ċertu numru ta' impriżi li jagħmlu tranżazzjonijiet taħt is-sistema ta' finanzjament imsemmija. In-numru ta' impriżi huwa stabbilit skond, b'mod partikolari, l-importanza ta' l-impriżi u skond fatturi oħra ta' riskju ta' irregolaritajiet.

Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità

11     L-Artikolu 221(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p.1, iktar 'il quddiem il-"KDK") jipprovdi li:

""Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta' dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa."

12     Skond l-Artikolu 221(3):

"Komunikazzjoni lid-debitur m'għandhiex issir wara l-għeluq ta' perijodu ta' tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors. Iżda, fejn ikun bħala riżultat ta' att li jista' jagħti lok għal proċeduri tal-qorti kriminali li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt legalment dovut, komunikazzjoni bħal dik tista', sakemm id-dispożizzjonijiet fis-seħħ hekk jippermettu, issir wara l-għeluq ta' dak il-perijodu ta' tliet snin."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13     L-Ausfuhrerstattungsgesetz (liġi dwar ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, BGB1. 1994/660, iktar 'il quddiem l-"AEG") tipprevedi, fl-Artikolu 5 tagħha, l-irkupru ta' rifużjonijiet mogħtija meta ma kinux dovuti. Għalkemm din il-liġi ma tistabbilixxix b'mod dirett it-terminu tal-preskrizzjoni għal dan il-ħlas lura, l-Artikolu 1(5) tagħha jagħmel referenza dwar dan il-punt għad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam doganali.

14     F'dan ir-rigward, l-Artikolu 74(2) taż-Zollrechts-Durchführungsgesetz (liġi li timplimenta d-dritt doganali, BGB1. I, 1998/13, iktar 'il quddiem iż-"ZollR-DG"), fil-verżjoni tagħha applikabbli meta seħħew il-fatti, jipprovdi li:

"Fir-rigward tad-dazji fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni, it-terminu ta' preskrizzjoni huwa ta' tliet snin li jibdew jiddekorru mill-jum li fih jiġi inkors id-dejn. Fir-rigward tad-dazji fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni li, b'mod illegali, ma jkunux tħallsu, dan it-terminu huwa ta' għaxar snin bil-kundizzjoni, madankollu, li l-awtoritajiet tad-dwana, minħabba delitt finanzjarju li jista' jitressaq biss quddiem qorti jew bord ta' l-appell, ma jkunux jistgħu jidentifikaw jew ma jkunux jistgħu jidentifikaw eżattament id-dejn fit-tliet snin wara li jkun ġie inkors id-dejn. Fir-rigward ta' ħlasijiet oħra fi flus kontanti, it-terminu ta' preskrizzjoni huwa stabbilit skond id-dispożizzjonijiet komuni fil-qasam ta' dazji."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15     Fit-3 ta' Settembru 1996, Handlbauer esportat lejn l-Ungerija konsenja ta' 958 biċċa ta' laħam taċ-ċanga ffriżata b'piż totali ta' 19,912.36 kilo. Għal din it-tranżazzjoni, Handlbauer ibbenefikat, fl-24 ta' Settembru 1996, minn ħlas bil-quddiem fuq rifużjoni ta' 202,769 ATS. Il-garanzija mogħtija għal dan il-ħlas bil-quddiem inħelset fit-12 ta' Diċembru 1996.

16     Fl-20 ta' Diċembru 1999, Handlbauer ġiet informata li s-servizz ta' verifika estern u ta' verifika ta' impriżi tal-Hauptzollamt (uffiċċju doganali prinċipali) Linz (l-Awstrija) kien ħa jwettaq verifika ta' l-esportazzjonijiet tas-sena 1996 fil-qasam ta' l-organizzazzjonijiet tas-swieq tal-laħam taċ-ċanga u tal-laħam tal-majjal. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li Handlbauer kienet inkluża fost l-impriżi li kellha ssirilhom verifika taħt ir-Regolament 4045/89 minħabba li diversi irregolaritajiet kienu diġà dehru fl-esportazzjonijiet tas-sena 1995.

17     Waqt dawn il-verifiki, li saru fis-sena 2000, instab li, f'diversi każijiet, l-oriġini Komunitarja tal-laħam esportat fis-sena 1996 ma kinitx ġiet stabbilita.

18     Konsegwentement, permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 2001, iz-Zollamt, b'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet, meħudin flimkien, ta' l-Artikolu 5 ta' l-AEG u ta' l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87, ordna lil Handlbauer il-ħlas lura tal-ħlas li kien sar bil-quddiem fuq ir-rifużjoni u imponielha penali ta' 101,384 ATS, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 11(1)(a) ta' l-istess Regolament.

19     Wara li nċaħad ir-rikors amministrattiv tagħha kontra din id-deċiżjoni, Handlbauer ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fejn invokat l-iskadenza tat-terminu ta' preskrizzjoni ta' tliet snin, imsemmi kemm fl-Artikolu 221(3) tal-KDK kif ukoll fl-Artikolu 74(2) taz-ZollR-DG. Din is-sitwazzjoni ma nbidlitx mir-Regolament Nru 2988/95 li jammonta biss għal leġiżlazzjoni ġenerali għall-Istati Membri li la tista' tipproduċi direttament effetti mhux favorevoli għall-operaturi u lanqas tammonta għal bażi ġuridika għal sanzjonijiet.

20     Skond Handlbauer, it-terminu ta' preskrizzjoni beda jiddekorri fl-24 ta' Settembru 1996, id-data ta' meta ngħatat ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, jew saħansitra fit-12 ta' Diċembru 1996, id-data meta nħelset il-garanzija. Issa, il-ħlas lura ta' l-imsemmija rifużjoni fuq l-esportazzjoni u l-penali korrispondenti kienu ġew deċiżi fl-20 ta' Jannar 2001.

21     Bħala tweġiba, iz-Zollamt irrefera għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li huwa direttament applikabbli u li jipprevedi terminu ta' preskrizzjoni ta' erba' snin li jista' jinkiser permezz ta' verifiki bħal dawk magħmula fir-rigward ta' Handlbauer.

22     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Berufungssenat I der Region Linz bei der Finanzlandesdirektion für Oberösterreich iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"""1)      Meta jkun hemm irregolaritajiet, ir-Regolament […] Nru 2988/95 […] huwa direttament applikabbli fl-Istati Membru, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-organizzazzjonijiet tas-suq (rifużjoni fuq l-esportazzjoni)?

         L-Artikolu 3(1) tar-Regolament iċċitat iktar 'il fuq, li jistabbilixxi terminu ta' preskrizzjoni ta' erba' snin fir-rigward ta' proċeduri mibdija kontra l-irregolaritajiet, huwa direttament applikabbli mill-awtoritajiet tad-dwana ta' l-Istati Membri?

2)      In-notifika ta' verifika doganali ta' impriża lill-persuni responsabbli minn din l-impriża, hija att li jirrigwarda l-investigazzjoni jew għall-bidu ta' proċeduri legali kontra irregolarità li tikser it-terminu ta' preskrizzjoni ta' erba' snin imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolamet iċċitat iktar 'il fuq, meta l-verifika ssir skond ir-Regolament (KEE) Nru 4045/89 minħabba r-riskju ġeneralment magħruf jew il-frekwenza ta' atti b'effett negattiv fuq l-interessi finanzjarji tal-Komunità, imwettqa fl-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni?"  

23     Matul il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet informata li, b'riżultat tad-dħul fis-seħħ ta' l-Abgaben-Rechtsmittel-Reformgesetz (liġi li wettqet riformi fir-rimedji legali fil-qasam fiskali, BGB1. 2002/97), l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Klagenfurt, (l-Awstrija) issa kienet il-qorti kompetenti fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ewwel domanda

24     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha li, maqsuma f'żewġ partijiet li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwiex direttament applikabbli fl-Istati Membri, inkluż fil-qasam tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli, minkejja l-eżistenza ta' dispożizzjonijiet nazzjonali doganali li jipprevedu terminu ta' preskrizzjoni iqsar.

25     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, kemm minħabba n-natura tagħhom u minħabba l-funzjoni tagħhom fl-iskema tas-sorsi tad-dritt Komunitarju, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, ġeneralment, effett immedjat fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta' applikazzjoni (sentenza tas-17 ta' Mejju 1972, Leonesio, 93/71, Ġabra p.287, punt 5).

26     Minkejja dan, huwa veru li wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jeħtieġu, sabiex jiġu implimentati, l-adozzjoni ta' miżuri ta' applikazzjoni min-naħa ta' l-Istati Membri (sentenza tal-11 ta' Jannar 2001, Monte Arcosu, C-403/98, Ġabra p. I-103, punt 26).

27     Madankollu, dan mhux il-każ fir-rigward ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 li, minħabba li jistabbilixxi, fir-rigward ta' proċeduri legali, terminu ta' preskrizzjoni ta' erba' snin li jibda jiddekorri minn meta sseħħ l-irregolarità, ma jħalli l-ebda marġni ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri u lanqas ma jirrikjedi l-adozzjoni ta' miżuri ta' implementazzjoni min-naħa tagħhom.

28     Il-fatt li leġiżlazzjoni settorjali tista', skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, tipprovdi għal termini ta' preskrizzjoni iqsar, sakemm dawn ma jkunux iqsar minn tliet snin, jew li l-Istati Membri jistgħu, skond l-Artikolu 3(3), jipprovdu termini itwal, mhux tali li joħloq dubju dwar l-applikabbiltà immedjata ta' l-Artikolu 1(1) ta' l-imsemmi Regolament preċiżament fis-sitwazzjoni fejn regoli ta' deroga bħal dawn ma jkunux preżenti fil-leġiżlazzjoni settorjali Komunitarja jew f'dik nazzjonali.

29     Issa, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, l-ebda dispożizzjoni settorjali Komunitarja ma kienet tipprovdi, fil-qasam tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli, terminu ta' preskrizzjoni iqsar fir-rigward tal-ħlas lura ta' ammonti li ma kinux dovuti. Bl-istess mod, mill-proċess jirriżulta li l-ebda dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma kienet tipprovdi, f'dan l-istess żmien, terminu ta' preskrizzjoni itwal minn erba' snin.

30     Madankollu, skond Handlbauer u l-Kummissjoni, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma jikkonċernax l-irkupru ta' vantaġġi finanzjarji riċevuti meta ma kinux dovuti. Skond Handlbauer, din id-dispożizzjoni tikkonċerna esklużivament is-sanzjonijiet penali li għandhom jingħataw f'każ ta' irregolarità, filwaqt li, skond il-Kummissjoni din tkopri biss il-miżuri li jipprovdu għal sanzjoni amministrattiva taħt l-Artikolu 5 ta' l-istess Regolament.

31     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jintroduċi "regoli ġenerali fir-rigward ta' verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x'jaqsmu ma' l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità", u dan sabiex, hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa ta' l-imsemmi Regolament, "atti li huma ta' ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunit[ajiet] […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha".

32     L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi, fir-rigward ta' proċeduri legali, terminu ta' preskrizzjoni li jiddekorri minn meta ssir l-irregolarità li, skond l-Artikolu 1(2) ta' l-istess Regolament, tkopri "kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas [ommissjoni] ta' operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunit[ajiet] […]".

33     Hekk kif osservaw il-Gvern Awstrijak u l-Gvern tar-Renju Unit, definizzjoni bħal din tkopri kemm l-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk ikkawżati minħabba negliġenza li, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95, jistgħu jwasslu għal penali amministrattiva, kif ukoll l-irregolaritajiet li jinvolvu biss l-irtirar, skond l-Artikolu 4 ta' l-istess Regolament, tal-vantaġġ riċevut meta ma kienx dovut.

34     Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 japplika kemm għall-irregolaritajiet koperti mill-Artikolu 5, kif ukoll għal dawk koperti mill-Artikolu 4 ta' l-imsemmi Regolament, li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.

35     Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri, inkluż fil-qasam tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni settorjali Komunitarja li tipprovdi għal terminu iqsar, iżda mhux iqsar minn tliet snin, jew ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi terminu ta' preskrizzjoni itwal.

 Fuq it-tieni domanda

36     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li n-notifika ta' verifika doganali fir-rigward ta' l-impriża kkonċernata tammonta għal att ta' investigazzjoni jew ta' proċedura legali dwar l-irregolarità ta' natura tali li jikser it-terminu ta' preskrizzjoni previst fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3(1).

37     Skond Handlbauer, il-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi jirrikjedu li l-atti ta' investigazzjoni u ta' proċedura legali bbażati fuq suspett konkrett ta' irregolarità biss jistgħu jiksru l-preskrizzjoni taħt it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Min-naħa l-oħra, il-verifiki fis-sens ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2988/95, li jinkludu l-verifiki magħmula fir-rigward ta' l-impriżi taħt ir-Regolament Nru 4045/98, ma jistax ikollhom dan l-effett. L-iktar li dawn jistgħu jwasslu huwa sabiex jittieħdu atti ta' investigazzjoni u ta' proċeduri legali li jiksru l-preskrizzjoni.

38     Il-Gvern Awstrijak huwa ta' l-opinjoni li, f'dan il-każ, il-preskrizzjoni, f'kull każ, inkisret, skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, mill-verifiki magħmula fir-rigward ta' Handlbauer.

39     Skond il-Kummissjoni, in-notifika ta' verifika taħt ir-Regolament Nru 4045/89, intiż biex jinkixfu xi irregolaritajiet speċifiċi li jista' jkun hemm, diġà tammonta, fiha nfisha, għal att li jikser il-preskrizzjoni. Fil-fatt, it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma jeżiġix li l-att ta' investigazzjoni jkun jikkonċerna irregolarità speċifika peress li din tista' biss tiġi kkonstatata fi tmiem il-verifika.

40     F'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li ġeneralment, it-termini ta' preskrizzjoni jservu biex jassiguraw iċ-ċertezza legali (ara s-sentenza tal-15 ta' Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 19). Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-funzjoni ma tkunx kompletament imwettqa jekk it-terminu ta' preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jkun jista' jinkiser minn kull att ġenerali ta' verifika ta' l-amministrazzjoni nazzjonali mingħajr rabta ma' suspetti ta' irregolaritajiet li jirrigwardaw tranżazzjonijiet iddefiniti b'dettalji preċiżi biżżejjed.

41     Mill-proċess jirriżulta li, f'dan il-każ, in-notifika magħmula lil Handlbauer dwar id-deċiżjoni li ssir verifika taħt ir-Regolament Nru 4045/89 kienet tikkonċerna, mingħajr l-ebda distinzjoni, l-esportazzjonijiet kollha li din il-kumpannija kienet wettqet fl-1996 fil-qasam ta' l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq tal-laħam taċ-ċanga u tal-laħam tal-majjal. Notifika bħal din, li ma kienet tinkludi l-ebda indikazzjoni dwar suspetti ta' irregolaritajiet identifikati b'mod suffiċjenti, ma tistax, fiha nfisha, tikser it-terminu ta' preskrizzjoni għall-ħlas lura tar-rifużjoni mogħtija fl-24 ta' Settembru 1996.

42     Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-atti magħmula sussegwentement mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest jew fi tmiem il-verifika nnotifikata fl-20 ta' Diċembru 1999 kinux jikkonċernaw irregolarità jew irregolaritajiet speċifiċi fir-rigward ta' l-esportazzjonijiet li għalihom ingħatat ir-rifużjoni in kwistjoni u li, għaldaqstant, ma kinux jistgħu jiksru t-terminu ta' preskrizzjoni fir-rigward tal-ħlas lura ta' din ir-rifużjoni.

43     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-notifika ta' verifika doganali lill-impriża kkonċernata ma tammontax għal att ta' investigazzjoni jew ta' proċedura legali fil-konfront ta' l-irregolarità ta' natura tali li jikser it-terminu ta' preskrizzjoni msemmi fl-ewwel paragrafu ta' l-istess Artikolu 3(1) ħlief jekk t-tranżazzjonijiet li fir-rigward tagħhom ikun hemm suspetti ta' irregolarità jkunu ddefiniti mill-att b'dettalji preċiżi biżżejjed.

 Fuq l-ispejjeż

44     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Awstrijak u mill-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni, għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

b'risposta għad-domandi magħmula lilha mill-Berufungssenat I der Region Linz bei der Finanzlandesdirektion für Oberösterreich permezz ta' digriet tal-11 ta' Lulju 2002, taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunit[ajiet] Ewrope[j] huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri, inkluż fil-qasam tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni settorjali Komunitarja li tipprovdi għal terminu iqsar, iżda mhux iqsar minn tliet snin, jew ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi terminu ta' preskrizzjoni itwal.

2)      It-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-notifika ta' verifika doganali lill-impriża kkonċernata ma tammontax għal att ta' investigazzjoni jew ta' proċedura legali fil-konfront ta' l-irregolarità ta' natura tali li jikser it-terminu ta' preskrizzjoni msemmi fl-ewwel paragrafu ta' Artikolu 3(1) ħlief meta t-tranżazzjonijiet li fir-rigward tagħhom ikun hemm suspetti ta' irregolarità jkunu ddefiniti fl-att b'dettalji preċiżi biżżejjed.

Timmermans

Cunha Rodrigues

Puissochet

Schintgen

 

Colneric

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-24 ta' Ġunju 2004

Reġistratur

 

Il-President tat-Tieni Awla

R. Grass

 

C. W. A. Timmermans


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq