Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 61964CJ0056

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Lulju 1966.
    Établissements Consten S.à.R.L. u Grundig-Verkaufs-GmbH vs Il-Kummissjoni tal-Komunità Ekonomika Ewropea.
    Każijiet Magħquda 56 u 58-64.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:1966:41

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    13 ta' Lulju 1966 (*)


    Fil-kawżi magħquda 56/64 u 58/64,

    li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 1964, dwar proċedura taħt l-Artikolu 85 tat-Trattat (iv/a-00004-03344 'Grundig - Consten');

    Etablissements Consten sarl, li għandha s-sede tagħha f'Courbevoie (Seine), parti rikorrenti fil-kawża 56/64, irrappreżentata minn J.J.Lassier, avukat tal-cour d'appel, Pariġi, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-uffiċċju ta' J.Welter, avocat-avoue, 6 rue Willy-Goergen,

    u

    Grundig-verkaufs-gmbh, kumpannija ta' responsabbiltà limitata, li għandha s-sede tagħha f'Fuerth (Bavarja), parti rikorrenti fil-kawża 58/64, irrappreżentata mid-Direttur Amministrattiv tagħha, Max Grundig, assistit minn H.Hellmann u K.Pfeiffer, ta' l-avukatura ta' Kolonja, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-uffiċċju ta' A.Neyens, avocat-avoue, 9 rue des Glacis,

    rikorrenti

    sostnuti minn

    Il-gvern tar-Repubblika Taljana, irrappreżentat minn A.Maresca, Ministru Plenipotenzjarju u assistent kap tad-dipartiment tal-kontenzjuż diplomatiku tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, assistit minn P. Peronaci, Deputat Avukat-Ġenerali ta' l-Istat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-Ambaxxata Taljana, 5 rue Marie-Adelaide, parti intervenjenti fiż-żewġ kawżi,

    Il-gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentat minn U.Everling, ministerialrat, u H.G. Peters, regierungsrat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fil-kanċellerija ta' l-Ambaxxata tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, 3 Boulevard Royal, parti intervenjenti fil-kawża 58/64,

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunità Ekonomika Ewropea, irrappreżentata mill-konsulenti legali, G. le Tallec (kawża 56/64) u J.Thiesing (kawża 58/64), bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fis-segretarjat tas-servizz ġuridiku ta' l-Eżekuttivi Ewropej, 2 Place de Metz,

    konvenuta

    sostnuta minn

    Willy Leissner, kumpannija pubblika, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Strasburgu, irrappreżentata minn C. Lapp, mill-avukatura ta' Strasburgu, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-uffiċċju ta' H.Glaesener, nutar, 20 rue Glaesener

    Glaesener, Nutar, ta' 20 Rue Glesener,

    UNEF, kumpannija b'responsabbiltà limitata taħt il-liġi Franċiża, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f'Pariġi, irrappreżentata minn R. Collin, avukat tal-cour d' appel, Pariġi, u minn P.A. Franck, avukat tal-cour d'appel, Brussell, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-uffiċċju ta' E. Arendt, avocat-avoue, 6 rue Willy-Goergen,

    Partijiet intervenjenti,

    Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    komposta minn Ch. L. Hammes, President, L. Delvaux u W. Strauβ, Presidenti ta' Awla, M. Donner, A. Trabucchi (Relatur), R. Lecourt u R. Monaco, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: K. Roemer,

    Reġistratur: A. Van Houtte,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Fuq l-ilment li jirrigwarda l-kwalifika ta' l-att ikkontestat, ir-rikorrenti Consten tqajjem l-eċċezzjoni tal-ksur ta' dispożizzjonijiet proċedurali essenzjali, peress li t-test ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali jikkwalifika l-att ikkontestat bħala Direttiva, meta tali att ma jistax ikun dirett lill-individwi.

    Peress illi l-każ jirrigwarda att dirett lejn intrapriżi speċifikament imsemmija, huwa t-test biss li jiġi nnotifikat lid-destinatarji li huwa awtentiku. It-test għandu l-formulazzjoni “il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni preżenti”. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni mhijiex fondata.

    Fuq l-ilment li jirrigwarda l-vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża

    Ir-rikorrenti Consten tikkuntesta lill-Kummissjoni li wettqet vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża billi naqset li tikkomunikalha l-kontenut kollu ta' l-inkartament. Ir-rikorrenti Grundig ressqet l-istess kontestazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' żewġ noti mill-awtoritajiet Franċiżi u Ġermaniżi li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħha;

    Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, li tirrigwarda l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat, hija proċedura amministrattiva li timplika li dawk interessati jitqegħdu fil-pożizzjoni, qabel id-deċiżjoni, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ilmenti li l-Kummissjoni tikkunsidra li għandhom jitressqu kontra tagħhom. Għal dak l-iskop, huma għandhom ikunu informati bil-fatti li dwarhom dawn l-ilmenti huma bbażati. Madankollu m'huwiex meħtieġ li l-kontenut kollu ta' l-inkartament jiġi żvelat lilhom peress li, fil-każ preżenti, jidher li l-istqarrija tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Diċembru 1963 tinkludi l-fatti kollha li t-tagħrif dwarhom huwa meħtieġ biex ikun aċċertat liema mill-ilmenti kienu ġew ikkunsidrati. Ir-rikorrenti għalhekk debitament irċevew kopja ta' dik l-istqarrija u setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom kemm bil-kitba u kemm oralment. Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata biss fuq l-ilmenti li kienu s-suġġett ta' dawk il-proċedimenti.

    Ir-rikorrenti Consten issostni li d-deċiżjoni hija wkoll ivvizjata bil-vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża billi din ma ħadetx in kunsiderazzjoni l-argumenti ewlenija mressqa minnha quddiem il-Kummissjoni, b'mod partikolari tat-talbiet intiżi li jiksbu l-kompletament ta' l-istruttorja.

    F'tali proċedura mhux ġudizzjarja, l-amministrazzjoni mhijiex marbuta li tagħti l-motivi għaċ-ċaħda tas-sottomissjonijiet tal-partijiet.

    Ma jidhirx għalhekk li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet kienu ġew miksura ma tul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni.

    Din l-eċċezzjoni hija infondata.

    Fuq l-ilment li jikkonċerna l-inklużjoni tal-parti operattiva tad-deċiżjoni tal-konstatazzjoni tal-ksur

    Il-gvern Ġermaniż isostni l-allegazzjoni ta' ksur ta' rekwiżit essenzjali proċedurali minħabba li l-konstatazzjoni tal-ksur ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE kellha tidħol fil-parti operattiva u mhux fid-dispożittiv tad-deċiżjoni.

    Din il-konstatazzjoni tikkostwixxi l-bażi ta' l-obbligu tal-partijiet li jwaqqfu l-ksur. L-effetti tagħha fuq is-sitwazzjoni legali ta' l-intrapriżi kkonċernati ma jiddependux mill-pożizzjoni tagħha fid-deċiżjoni. Għaldaqstant dan l-ilment huwa nieqes mill-interess legali li jeħtieġ protezzjoni u għandu konsegwentement jiġi miċħud.

    Fuq l-ilmenti li jikkonċernaw l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 85(1) għall-kuntratti ta' distribuzzjoni esklużiva

    Ir-rikorrenti jissottomettu li l-projbizzjoni fl-Artikolu 85(1), tapplika biss għall-hekk imsejħa ftehim orizzontali. Il-gvern Taljan isostni, barra minn hekk, li kuntratti ta' distribuzzjoni esklużiva ma jikkonstitwixxux "ftehim bejn intrapriżi" fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, la darba l-partijiet mhumiex fuq bażi ta' ugwaljanza. Fir-rigward ta' dawn il-kuntratti, il-libertà tal-kompetizzjoni tista' biss tkun protetta bis-saħħa ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat.

    La l-kliem ta' l-Artikolu 85 u lanqas dak ta' l-Artikolu 86 ma jagħti xi bażi ta' speċjalizzazzjoni ta' wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ Artikoli skond il-livell fl-ekonomija li fiha l-intrapriżi joperaw. L-Artikolu 85, meta jirreferi b'mod ġenerali għall-ftehim kollha li jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni, ma stabbilixxa l-ebda distinzjoni bejn dawk il-ftehim, skond jekk jiġu konklużi bejn operaturi kompetituri fl-istess livell fil-proċess ekonomiku jew bejn operaturi mhux f'kompetizzjoni f'livelli differenti. Bħala regola, wieħed ma għandu jagħmel l-ebda distinzjoni meta t-Trattat stess ma jagħmel l-ebda distinzjoni.

    Barra minn hekk, il-possibbiltà ta' l-applikazzjoni eventwali ta' l-Artikolu 85 għal kuntratt ta' distribuzzjoni esklużiva ma tistax tiġi skartata, għar-raġuni li l-konċedent u l-konċessjonarju ma kinux f'kompetizzjoni bejnithom u mhumiex fuq bażi ta' ugwaljanza. Il-kompetizzjoni tista' tiġi mgħawġa fis-sens ta' l-Artikolu 85(1), mhux biss bi ftehim li jillimitawha bejn il-partijiet, imma wkoll bi ftehim li jipprekludu jew jillimitaw il-kompetizzjoni li tista' wkoll isseħħ bejn wieħed minnhom u partijiet terzi. Għal dan l-iskop, l-fatt jekk il-partijiet fil-ftehim humiex jew le fuq bażi ta' ugwaljanza f'dak li jirrigwarda l-pożizzjoni tagħhom u r-rwol ekonomiku tagħhom huwa irrilevanti. Dan għandu għaldaqstant japplika aktar, għax bi ftehim bħal dan, il-partijiet jistgħu jfittxu, billi jipprekludu jew jillimitaw il-kompetizzjoni ta' partijiet terzi fuq dawk il-prodotti, li joħolqu jew jiggarantixxu favurihom vantaġġ mhux iġġustifikat a spejjeż tal-konsumatur jew ta' l-utent, kontra l-għanijiet ġenerali ta' l-Artikolu 85. Huwa għalhekk possibbli li, mingħajr ma jinvolvi abbuż ta' pożizzjoni dominanti, ftehim bejn operaturi ekonomiċi f'livelli differenti jista' jeffettwa l-kummerċ bejn l-istati membri u fl-istess waqt ikollu bħala għan jew l-effett tiegħu l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew it-tgħawwiġ ta' kompetizzjoni, u b'hekk jaqa' taħt il-projbizzjoni ta' l-Artikolu 85(1).

    Barra minn hekk, huwa inutli li wieħed iqabbel, minn naħa waħda, is-sitwazzjoni, li għaliha huwa applikabbli l-Artikolu 85, ta' produttur li huwa marbut bi ftehim ta' distribuzzjoni esklużiva mad-distributur tal-prodotti tiegħu, ma', min-naħa l-oħra, dik tal-produttur li jinkludi fl-intrapriża tiegħu d-distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu stess b'xi mezzi, per eżempju, permezz ta' rappreżentanti kummerċjali, li għalihom l-Artikolu 85 mhux applikabbli. Dawn is-sitwazzjonijiet huma distinti fil-liġi u, barra minn hekk, iridu jiġu evalwati b'mod differenti, għaliex żewġ organizzazzjonijiet kummerċjali, li waħda minnhom tkun integrata fl-intrapriża tal-manifattur waqt li l-oħra ma tkunx, mhux bilfors ikollhom l-istess effiċjenza.

    Il-kliem ta' l-Artikolu 85 iġiegħel il-projbizzjoni tkun applikabbli, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra jkunu milħuqha, għal ftehim bejn diversi intrapriżi. Din mhijiex applikabbli meta intrapriża unika tintegra l-qafas ta' distribuzzjoni tagħha fl-organizzazzjoni tan-negozju tagħha. Għalhekk ma jsegwix, madankollu, li s-sitwazzjoni kuntrattwali bbażata fuq kuntratt bejn il-manifattur u impriża ta' distribuzzjoni ssir legalment aċċettabbli bi proċess sempliċi ta' analoġija ekonomika, ħaġa li fi kwalunkwe każ mhijiex kompluta u tikkontradixxi l-imsemmi Artikolu.

    Barra minn hekk, għalkemm fl-ewwel każ it-Trattat ried fl-Artikolu 85 li jħalli l-organizzazzjoni interna ta' intrapriża intatta u li jirrendiha suġġetta li tissejjaħ in kwistjoni, permezz ta' l-Artikolu 86, biss fil-każijiet li tilħaq dak il-grad ta' gravità tali li jammonta għal abbuż ta' pożizzjoni dominanti, l-istess riżerva ma tistax tkun applikabbli meta l-impedimenti għal kompetizzjoni jirriżultaw minn ftehim bejn żewġ intrapriżi differenti li bħal regola ġenerali sempliċement jeħtieġ li jkun ipprojbit.

    Fl-aħħar, ftehim bejn produttur u distributur li jista' joħloq mill-ġdid diviżjonijiet nazzjonali fil-kummerċ bejn stati membri jista' jkun tali li jfixkel l-għanijiet komunitarji l-aktar fundamentali. It-Trattat, li l-preambolu u l-kontenut tiegħu għandhom l-għan li jabolixxu l-barrieri bejn l-istati, u li diversi dispożizzjonijiet jagħtu xhieda ta' atteġġament iebes fir-rigward tad-dehra tagħhom mill-ġdid, ma setax jippermetti lill-intrapriżi li jibnu mill-ġdid dawn il-barrieri. L-Artikolu 85(1) huwa intiż li jilħaq dan il-għan, anki fil-każ ta' ftehim bejn intrapriżi li jinsabu f'livelli differenti fil-proċess ekonomiku.

    L-eċċezzjonijiet ippreżentati hawn fuq huma konsegwentement infondati.

    Fuq l-ilment ibbażat fuq ir-Regolament nru 19/65 tal-Kunsill.

    Ir-rikorrenti Grundig tqajjem il-kwistjoni jekk il-projbizzjoni fl-Artikolu 85(1) kinitx applikabbli għall-ftehim f'dan il-każ qabel l-adozzjoni tar-Regolament nru 19/65 tal-Kunsill, li jikkonċerna l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 85(3) għal ċerti kategoriji ta' ftehim.

    Din is-sottomissjoni ġiet invokata mir-rikorrenti għall-ewwel darba fir-risposta. Il-fatt li dan ir-regolament ġie adottat wara r-rikors kien ġie ppreżentat ma jiġġustifikax dan id-dewmien. Fil-fatt, din is-sottomissjoni verament tammonta għal allegazzjoni li qabel l-adozzjoni tar-Regolament il-Kummissjoni ma kellhiex tapplika l-Artikolu 85(1), għaliex ma kellhiex il-poteri li tawtorizza eżenzjonijiet skond il-kategoriji ta' ftehim.

    Minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni in kwistjoni kienet teżisti qabel ma r-Regolament nru 19/65 ġie adottat, ir-Regolament ma jistax jikkostitwixxi argument ġdid, fis-sens ta' l-Artikolu 41 tar-regoli tal-Proċedura, li jista' jiġġustifika d-dewmien li biha ġiet indikata.

    L-ilment għaldaqstant huwa inammissibbli.

    Fuq l-ilmenti li jirrigwardaw il-kunċett ta' “ftehim...li jistgħu jeffettwaw il-kummerċ bejn stati membri”

    Ir-rikorrenti u l-gvern Ġermaniż isostnu li l-Kummissjoni straħet fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta' ftehim li jista' jeffettwa l-kummerċ bejn stati membri u ma wrietx li dan il-kummerċ kien ikun akbar mingħajr il-ftehim ikkontestat.

    Il-konvenuta twieġeb li din il-ħtieġa fl-Artikolu 85(1) hija sodisfatta meta l-kummerċ bejn stati membri jiżviluppa, bħala riżultat tal-ftehim, b'mod differenti mill-mod li kien jgħamel dan mingħajr ir-restrizzjoni li tirriżulta mill-ftehim, u meta l-influwenza tal-ftehim fuq il-kundizzjonijiet tas-suq jilħqu ċertu grad. Dan huwa l-każ hawnhekk, skond il-konvenuta, partikolarment minħabba l-impedimenti li jirriżultaw fis-suq komuni minn ftehim ikkontestat f'dak li jirrigwarda l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' prodotti Grundig lejn u minn Franza.

    Il-kunċett ta' “ftehim...li jista' jeffettwa l-kummerċ bejn stati membri” huwa intiż li jiddefinixxi, fil-liġi li tirregola l-akkordji, il-limitu bejn l-oqsma rispettivament koperti b'liġi komunitarja u liġi nazzjonali. Huwa biss sal-limitu li fih il-ftehim jista' jeffettwa l-kummerċ bejn stati membri li d-deterjorament fil-kompetizzjoni kkawżata mill-ftehim tidħol taħt il-projbizzjoni tad-dritt komunitarju li tinstab fl-Artikolu 85. Jekk le, din ma taqax taħt il-projbizzjoni.

    F'dan il-kuntest dak li huwa partikolarment importanti huwa jekk il-ftehim ikunx jista' jikkostitwixxi theddida, diretta jew indiretta, reali jew potenzjali, għal libertà ta' kummerċ bejn stati membri f'forma li tista' tgħamel ħsara għall-kisba ta' l-għanijiet ta' suq uniku bejn stati. B'hekk il-fatt li ftehim jinkoraġġixxi żieda, anki waħda kunsiderevoli, fil-volum ta' kummerċ bejn stati mhuwiex biżżejjed biex jeskludi l-possibbiltà li l-ftehim jista' “jeffettwa” tali kummerċ bil-mod imsemmija hawn fuq.

    Il-każ preżenti, il-kuntratt bejn Grundig u Consten, minn naħa waħda, billi jipprekludi intrapriżi oħra apparti minn Consten milli jimportaw prodotti Grundig ġewwa Franza, u, min-naħa l-oħra, billi ma jippermettix lil Consten li tesporta mill-ġdid dawk il-prodotti lejn pajjiżi oħra tas-suq komuni jeffettwa, mingħajr dubju, il-kummerċ bejn stati membri. Dawn il-limitazzjonijiet fil-libertà fil-kummerċ, kif ukoll dawk li jistgħu jirriżultaw minn partijiet terzi mir-reġistrazzjoni fi Franza minn Consten tat-trade mark gint, li Grundig iqiegħed fuq il-prodotti kollha tiegħu, huma biżżejjed biex jissodisfaw ir-rekwiżit in kwistjoni.

    Konsegwentement, l-ilmenti mqajma f'dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq l-ilmenti li jirrigwardaw il-kriterju ta' restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni

    Ir-rikorrenti u l-gvern Ġermaniż isostnu li peress li l-Kummissjoni limitat l-eżami tagħha biss għal prodotti ta' Grundig, id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq kunċett falz ta' kompetizzjoni u tar-regoli tal-projbizzjoni li jinstabu fl-Artikolu 85(1), għax dan il-kunċett japplika partikolarment għal kompetizzjoni bejn prodotti simili ta' marki differenti. Il-Kummissjoni, qabel ma tiddikjara li l-Artikolu 85(1) għandu jkun applikabbli, kellha, billi tibbaża lilha nnifisha fuq ir-“regola tar-raġuni”, tikkunsidra l-effetti ekonomiċi tal-kuntratt ikkontestat fuq il-kompetizzjoni bejn id-diversi marki.

    Hemm preżunzjoni li ftehim ta' distribuzzjoni vertikali esklużivi mhumiex ta' ħsara għal kompetizzjoni u li fil-każ preżenti m'hemm xejn li jinvalida dil il-preżunzjoni. Bil-kontra, il-kuntratt f'dan il-każ żied il-kompetizzjoni bejn prodotti simili ta' marki differenti.

    Il-prinċipju ta' libertà ta' kompetizzjoni jikkonċerna l-varji stadji u manifestazzjonijiet tal-kompetizzjoni. Għalkemm kompetizzjoni bejn produtturi ġeneralment tidher aktar milli dik bejn distributuri ta' prodotti ta' l-istess marka, ma jsegwix b'daqs hekk li ftehim li għandu t-tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni tat-tip ta' l-aħħar ma jaqax taħt il-projbizzjoni ta' l-Artikolu 85(1), sempliċement minħabba li jista' joħloq żieda f'din ta' qabel.

    Barra minn hekk, għall-iskop ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(1), mhemm l-ebda ħtieġa li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti konkreti ta' ftehim meta dan ikollu bħala għan tiegħu l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.

    Għalhekk l-assenza fid-deċiżjoni kkontestata ta' xi analiżi ta' l-effetti tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni bejn prodotti simili ta' marki differenti ma toħloqx, minnha nnifisha, difett fid-deċiżjoni.

    Għalhekk jibqa li jiġi kkunsidrat jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx korretta meta ħolqot il-projbizzjoni tal-ftehim ikkontestat permezz ta' l-Artikolu 85(1) fuq ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni maħluqa biss minn prodotti ta' Grundig. Il-ksur li ġie kkonstatat bid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta mill-protezzjoni territorjali assoluta li ħoloq l-imsemmi kuntratt favur Consten abbażi tal-liġi Franċiża. Ir-rikorrenti b'hekk riedu jeliminaw kull possibbiltà ta' kompetizzjoni fil-livell ta' bejgħ bl-ingrossa ta' prodotti ta' Grundig fir-territorju speċifikat fil-kuntratt essenzjalment b'żewġ metodi.

    L-ewwel nett, Grundig intrabtet li ma tikkunsinnax, lanqas indirettament, lejn partijiet terzi, prodotti intiżi għaż-żona koperta mill-kuntratt. In-natura restrittiva ta' dak l-impenn hija ovvja jekk tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni li kienet imposta mhux biss fuq Consten, imma wkoll fuq il-konċessjonarji uniċi l-oħra ta' Grundig, kif ukoll fuq il-grossisti Ġermaniżi.

    It-tieni nett, ir-reġistrazzjoni fi Franza, minn Consten, tat-trade mark gint, li Grundig twaħħal fuq il-prodotti kollha tagħha hija intiża li żżid il-protezzjoni li hija parti integrali fil-ftehim ikkontestat, kontra r-riskju ta' importazzjoni parallela fi Franza ta' prodotti Grundig, billi żżid il-protezzjoni li tirriżulta mil-liġi dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali. B'hekk l-ebda parti terza ma kienet tista' timporta prodotti Grundig minn stati membri oħra komunitarji għal bejgħ mill-ġdid fi Franza mingħajr ma tidħol għal riskji serji.

    Il-konvenuta ġustament ħadet in kunsiderazzjoni s-sistema sħiħa tad-distribuzzjoni kif stabbilita minn Grundig. Sabiex tasal għal rappreżentazzjoni vera tal-pożizzjoni kuntrattwali, il-kuntratt għandu jitqiegħed fil-kuntest ekonomiku u legali li fih kien ġie konkluż mill-partijiet. Proċedura bħal din m'għandhiex tiġi meqjusa bħala indħil mhux iġġustifikat fit-tranżazzjonijiet legali jew ċirkustanzi li ma kinux is-suġġett tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni.

    Is-sitwazzjoni kif aċċertata hawn fuq twassal għall-iżolament tas-suq Franċiż u tagħmilha possibbli li jintalbu prezzijiet għall-prodotti in kwistjoni, li huma protetti minn kull kompetizzjoni effettiva.

    Barra minn hekk, iktar ma l-produtturi jirnexxu fl-isforzi tagħhom li jirrendu l-marki tal-prodotti tagħhom individwalment distinti f'għajnejn il-konsumatur, iktar tonqos l-effettività tal-kompetizzjoni bejn il-produtturi. Minħabba l-impatt kunsiderevoli ta' l-ispejjeż tad-distribuzzjoni fil-medja tan-nefqa fil-prezz, jidher li huwa importanti li l-kompetizzjoni bejn in-negozjanti għandha wkoll tkun stimulata. L-isforzi tan-negozjant huma stimulati bil-kompetizzjoni bejn distributuri ta' prodotti ta' l-istess marka. La dan il-ftehim għandu għaldaqstant l-għan li jiżola s-suq Franċiż għal prodotti Grundig u li jżomm artifiċjalment, għal prodotti ta' marka magħrufa ħafna, swieq nazzjonali separati fil-komunità, huwa għalhekk tali li jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq komuni.

    Id-deċiżjoni kkontestata kienet għalhekk korretta meta qalet li l-ftehim jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 85(1). L-ebda kunsiderazzjonijiet oħra, kemm ta' data ekonomika (differenzi fil-prezzijiet bejn Franza u l-Ġermanja, natura rappreżentattiva tat-tip ta' apparat meqjus, livell ta' spejjeż ġenerali sostnuti minn Consten) kemm tal-korrezzjonijiet tal-kriterji li fuqhom il-Kummissjoni mxiet meta qabblet is-swieq Franċiżi ma dawk Ġermaniżi, u l-ebda effetti favorevoli possibbli tal-ftehim f'aspetti oħra, jistgħu jwasslu, fid-dawl tar-restrizzjonijiet imsemmija hawn fuq, għal soluzzjoni differenti taħt l-Artikolu 85(1).

    Fuq l-ilmenti li jirrigwardaw il-portata tal-projbizzjoni

    Ir-rikorrenti Grundig u l-gvern Ġermaniż ilmentaw li l-Kummissjoni ma eskludietx mill-projbizzjoni, fil-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, dawk il-klawżoli tal-kuntratt li fir-rigward tagħhom ma kien instab l-ebda effett li seta' jnaqqas il-kompetizzjoni, u li din naqset milli tiddefinixxi l-ksur.

    Jidher ċar mid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mill-Artikolu 3 tagħha, li l-ksur iddikjarat li jeżisti bl-Artikolu 1 tal-parti operattiva m'għandux jinsab fl-impenn ta' Grundig li ma tagħmilx kunsinni diretti lejn Franza ħlief lil Consten. Dan il-ksur jirriżulta mill-klawżoli li, flimkien ma din il-konċessjoni ta' drittijiet esklużivi, huma intiżi li jwaqqfu, billi jistrieħu fuq liġi nazzjonali, importazzjoni parallela ta' prodotti Grundig ġewwa Franza billi jistabbilixxu protezzjoni territorjali assoluta favur il-konċessjonarju uniku.

    Id-dispożizzjoni fl-Artikolu 85(2), li ftehim ipprojbiti bis-saħħa ta' l-Artikolu 85 għandhom awtomatikament ikunu nulli, hija applikabbli biss għal dawk il-partijiet tal-ftehim li huma suġġetti għall-projbizzjoni, jew għal ftehim kollu jekk dawk il-partijiet ma jidhrux li jistgħu jiġu mifruda mill-ftehim innifsu. Il-Kummissjoni kellha, għaldaqstant, jew tillimita ruħha fil-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata li tiddikjara li ksur kien jeżisti f'dawk il-partijiet biss tal-ftehim li jaqgħu taħt il-projbizzjoni, jew kellha tindika fil-preambolu tad-deċiżjoni r-raġunijiet għalfejn dawk il-partijiet ma jkunux jidhru li jistgħu jitneħħew mill-ftehim kollu.

    Isegwi, madankollu, mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni li l-ksur kien intsab li qiegħed fil-ftehim fl-intier tiegħu, għalkemm il-Kummissjoni ma stqarrietx adegwatament ir-raġunijiet għalfejn kien meħtieġ li l-ftehim kollu jiġi annullat meta mhuwiex stabbilit li l-klawżoli kollha kisru d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1). Is-sitwazzjoni li ġiet ikkonstatata li ma kinitx kompatibbli ma l-Artikolu 85(1) toħroġ minn ċerti klawżoli speċifiċi tal-kuntratt ta' l-1 ta' April 1957, li jikkonċerna l-protezzjoni territorjali assoluta, u mill-ftehim addizjonali dwar it-trade mark gint aktar milli mill-operazzjoni konġunta tal-klawżoli kollha tal-ftehim, jiġifieri, mit-totalità ta' l-effetti tagħha.

    L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu għalhekk ikun annullat safejn dan jannulla, mingħajr raġuni valida, il-klawżoli kollha tal-ftehim bis-saħħa ta' l-Artikolu 85(2).

    Fuq is-sottomissjonijiet li jikkonċernaw il-konstatazzjoni ta' ksur f'dak li jirrigwarda l-ftehim tat-trade mark gint

    Ir-rikorrenti lmentaw li l-Kummissjoni kisret l-artikoli 36, 222 u 234 tat-Trattat KEE u, aktar minn hekk, eċċediet il-limiti tal-poteri tagħha billi ddikjarat li l-ftehim tar-reġistrazzjoni fi Franza tat-trade mark gint serviet biex tassigura l-protezzjoni territorjali assoluta favur Consten u billi eskludiet, b'hekk, fl-Artikolu 3 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, xi possibbiltà li Consten jikkonferma d-drittijiet tiegħu permezz tal-liġi nazzjonali dwar it-trade marks, sabiex jopponi importazzjoni parallela.

    Ir-rikorrenti jsostnu, b'mod iktar partikolari, li l-effett ikkritikat fuq il-kompetizzjoni mhuwiex dovut għall-ftehim imma għar-reġistrazzjoni tat-trade mark skond il-liġi Franċiża, li tagħti bidu għad-dritt oriġinali li jappartjeni lid-detentur tat-trade mark li minnha toħroġ il-protezzjoni territorjali assoluta mil-liġi nazzjonali.

    Id-dritt ta' Consten taħt il-kuntratt għall-użu esklużiv fi Franza tat-trade mark gint, li tista' tintuża b'manjera simili f'pajjiżi oħra, huwa intiż li tippermettilha tissorvelja u li tkun ta' ostaklu għall-importazzjonijiet paralleli.

    B'hekk, il-ftehim li bih Grundig, bħala detentriċi tat-trade mark bis-saħħa ta' reġistrazzjoni internazzjonali, awtorizzat lil Consten tirreġistra fi Franza, f'isimha stess, huwa tali li jillimita l-kompetizzjoni.

    Għalkemm Consten hija, bis-saħħa tar-reġistrazzjoni tat-trade mark gint, meqjusa skond il-liġi Franċiża bħala d-detentriċi oriġinali tad-drittijiet li jirrigwardaw dik it-trade mark, b'dana kollu l-fatt jibqa li kien bis-saħħa tal-ftehim ma Grundig li hi setgħet teffettwa r-reġistrazzjoni.

    Dak il-ftehim huwa għalhekk wieħed li jista' jaqa' taħt il-projbizzjoni ta' l-Artikolu 85(1). Il-projbizzjoni tkun ineffettiva jekk Consten tkompli tuża t-trade mark biex tilħaq l-istess għan bħal dawk segwiti bil-ftehim li huwa meqjus illegali.

    L-Artikoli 36, 222 u 234 tat-Trattat, li huma ċċitati mir-rikorrenti, ma jeskludux kwalunkwe influwenza tal-liġi komunitarja fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet nazzjonali ta' proprjetà industrijali.

    L-Artikolu 36, li jillimita l-iskop tar-regoli dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jinstab fit-titolu I, kapitolu 2, tat-Trattat, ma jistax jillimita l-qasam ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85. L-Artikolu 222 sempliċement jistqarr li t-“Trattat m'għandu bl-ebda mod ikun ta' ħsara għar-regoli fi stati membri li jirregolaw is-sistema ta' proprjetà privata”. L-inġunzjoni, li tinstab fl-Artikolu 3 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, mill-użu tad-drittijiet skond il-liġi nazzjonali tat-trade mark sabiex tostakola l-importazzjoni parallela ma teffettwax l-għoti ta' dawk id-drittijiet imma tillimita biss l-eżerċizzju tagħhom sa fejn meħtieġ biex jingħata effett għall-projbizzjoni skond l-Artikolu 85(1). Il-poteri tal-Kummissjoni li toħroġ inġunzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament nru 17/62 tal-Kunsill jikkorrispondi man-natura tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni li għandhom effett immedjat u li direttament jorbtu fuq l-individwi.

    Ġabra ta' regoli bħal dawn, minħabba n-natura tagħhom kif deskritta hawn fuq u l-funzjonijiet tagħhom, ma tippermettix lill-importatur l-użu tad-drittijiet skond xi liġi nazzjonali tat-trade mark biex ifixkel il-liġi komunitarja dwar akkordji.

    L-Artikolu 234, li għandu l-għan li jipproteġi d-drittijiet ta' pajjiżi terzi, mhuwiex applikabbli fil-preżenti każ.

    Is-sottomissjonijiet imsemmija hawn fuq huma għaldaqshekk infondati.

    Fuq l-ilmenti li jikkonċernaw in-nuqqas ta' smigħ ta' partijiet terzi kkonċernati

    Ir-rikorrenti u l-gvern Ġermaniż jistqarru li l-Artikolu 3 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata huwa applikabbli fil-fatt għad-distribuzzjoni kollha tal-prodotti Grundig fis-suq komuni. Meta għamlet hekk il-Kummissjoni eċċediet il-poteri tagħha u ċaħdet id-drittijiet ta' dawk kollha kkonċernati li jiġu mismugħa.

    Il-projbizzjoni imposta fuq Grundig mill-Artikolu 3, imsemmi hawn fuq, li jwaqqaf id-distributuri u l-konċessjonarji uniċi tagħha milli jesportaw lejn Franza, jikkostitwixxi l-korollarju għall-projbizzjoni tal-protezzjoni territorjali assoluta li kienet ġiet stabbilta favur Consten. Din il-projbizzjoni għalhekk ma teċċedix il-limiti tal-proċeduri, li kkulminaw fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(1), għall-ftehim bejn Grundig u Consten. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma teffettwax direttament il-validita legali tal-ftehim konkluż bejn Grundig u l-grossisti u l-konċessjonarji apparti minn Consten, imma sempliċement tirrestrinġi l-libertà ta' azzjoni ta' Grundig f'dak li jirrigwarda l-importazzjoni parallela tal-prodotti tagħha fi Franza.

    Għalkemm huwa preferibbli li l-Kummissjoni testendi l-inkjesti tagħha lill hinn kemm huwa possibbli lejn dawk li jistgħu jiġu effettwati mid-deċiżjonijiet tagħha, l-interess sempliċi li jitwaqqaf ftehim li ma jkunux parti minnu milli jiġi ddikjarat illegali sabiex ikunu jistgħu jżommu l-benefiċċji li huma jiksbu de facto mis-sitwazzjoni li tirriżulta mill-ftehim, ma jistax jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għal l-istabbilment ta' dritt għall-konċessjonarji l-oħra ta' Grundig li jissejħu awtomatikament mill-Kummissjoni biex jieħdu parti fil-proċedura li jikkonċernaw il-relazzjonijiet bejn Consten u Grundig.

    Konsegwentement din is-sottomissjoni hija infondata.

    Fuq l-ilmenti li jikkonċernaw l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 85(1) għall-kundizzjonijiet ta' applikabbiltà

    Ir-rikorrenti, sostnuti fuq diversi punti mill-gvern Ġermaniż, jallegaw, inter alia, li l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni ta' l-eżenzjoni, li l-eżistenza tagħhom mhijiex irrikonoxxuta fid-deċiżjoni kkontestata, huma sodisfatti fil-każ preżenti. Il-konvenuta tibda mill-premessa li huma l-intrapriżi kkonċernati li għandhom jippruvaw li l-kundizzjonijiet meħtieġa għal l-eżenzjoni huma sodisfatti.

    L-intrapriżi huma intitolati għal eżami xieraq mill-Kummissjoni tat-talbiet tagħhom għall-applikabbiltà ta' l-Artikolu 85(3). Għal dan l-iskop il-Kummissjoni ma tistax tillimita lilha nnifisha li tkun teħtieġ mill-intrapriżi prova tat-twettieq tal-ħtiġijiet għall-għoti ta' l-eżenzjoni, imma għandha, bħala amministratur tajjeb, tagħmel il-parti tagħha, billi tuża l-mezzi disponibbli għaliha, biex taċċerta l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti.

    Barra minn hekk, l-eżerċizzju tal-poteri tal-Kummissjoni neċessarjament jimplikaw evalwazzjonijiet kumplessi f'materji ekonomiċi. Stħarriġ ġudizzjarju ta' dawn l-evalwazzjonijiet għandu jieħu in kunsiderazzjoni n-natura tagħhom billi jillimita lilu nnifisu għal eżami tar-rilevanza tal-fatti u tal-konsegwenzi legali li l-Kummissjoni toħroġ minnhom id-deduzzjonijiet tagħha. Dan l-istħarriġ għandu l-ewwel nett jiġi mwettaq fir-rigward tar-raġunijiet mogħtija għad-deċiżjoni, li għandhom jesponu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom l-imsemmija evalwazzjonijiet huma bbażati.

    Id-deċiżjoni kkontestata tgħid li r-raġuni ewlenija għar-rifjut ta' eżenzjoni tinsab fil-fatt li l-ħtieġa prevista fis-subinċiż (a) ta' l-Artikolu 85(3) mhijiex sodisfatta.

    Il-gvern Ġermaniż ilmenta li l-imsemmija deċiżjoni ma tweġibx il-mistoqsija dwar jekk ċerti fatturi, speċjalment l-ordnijiet bil-quddiem u l-garanzija u s-servizzi ta' wara l-bejgħ, li l-effetti favorevoli tagħhom kienu ġew irrikonoxxuti mill-Kummissjoni, jkunux jistgħu jinżammu intatti fin-nuqqas ta' protezzjoni territorjali assoluta.

    Id-deċiżjoni kkontestata tammetti biss bħala ipoteżi li l-kuntratt ta' distribuzzjoni esklużiva f'dan il-każ jikkontribwixxi għal titjib fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata wara teżamina l-kwistjoni “jekk titjib fid-distribuzzjoni ta' oġġetti bis-saħħa tal-ftehim ta' distribuzzjoni esklużiva jkunx jista' jintlaħaq aktar jekk importazzjoni parallela tiġi ammessa”.

    Wara li eżaminat l-argumenti li jikkonċernaw l-ordnijiet bil-quddiem, l-osservazzjoni tas-swieq u l-garanzija u s-servizzi ta' wara l-bejgħ, id-deċiżjoni kkonkludiet li “l-ebda raġuni oħra li tiġġustifika l-ħtieġa għal protezzjoni territorjali esklużiva ma kienet ġiet ippreżentata jew aċċennata”.

    Il-kwistjoni jekk hemmx titjib fil-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta' l-oġġetti in kwistjoni, li hija meħtieġa għall-għoti ta' l-eżenzjoni, għandha tingħatalha tweġiba fl-ispirtu ta' l-Artikolu 85. L-ewwel nett, dan it-titjib ma jistax jiġi identifikat mal-vantaġġi kollha li l-partijiet tal-ftehim jiksbu minnu fl-attivitajiet tagħhom tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni. Dawn il-vantaġġi huma ġeneralment indiskutibbli u juru l-ftehim fl-aspetti kollha indispensabbli għal titjib kif mifhum f'dan is-sens. Dan il-metodu suġġettiv, li jirrendi l-kontenut tal-kunċett ta' “titjib” dipendenti mill-fatturi speċjali tar-relazzjonijiet kuntrattwali f'dan il-każ, mhux konsistenti ma l-għanijiet ta' l-Artikolu 85.

    Barra minn hekk, il-fatt stess li t-Trattat jipprovdi li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni għandha tkun “indispensabbli” għat-titjib f'dan il-każ kjarament jindika l-importanza li dan ta' l-aħħar għandu jkollu. Dan it-titjib għandu b'mod partikolari juri vantaġġi oġġettivi apprezzabli ta' tali natura li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li jikkawżaw fil-qasam tal-kompetizzjoni.

    L-argument tal-gvern Ġermaniż, ibbażat fuq il-premessa li dawk il-karatteristiċi kollha tal-ftehim li jiffavorixxu t-titjib kif maħsub mill-partijiet fil-ftehim għandhom jinżammu intatti, jippreżupponi li l-kwistjoni dwar jekk dawn il-karatteristiċi kollha mhux biss huma favorevoli imma wkoll indispensabbli għat-titjib tal-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta' l-oġġetti f'dan il-każ diġà ġiet riżolta pożittivament. Minħabba f'hekk, l-argument mhux biss għandu t-tendenza li jxejjen il-ħtieġa ta' indispensabbiltà imma wkoll, fost konsegwenzi oħra, li jħawwad is-solleċitudni ta' l-interessi speċifiċi tal-partijiet mat-titjib oġġettiv kif ikkontemplat mit-Trattat.

    Fl-evalwazzjoni tagħha ta' l-importanza relattiva tal-fatturi varji ppreżentati għal kunsiderazzjoni tagħha, il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, kellha tiġġudika l-effettività tagħhom permezz ta' riferiment għal titjib oġġettivament verifikabbli fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-oġġetti, u tiddeċiedi jekk il-benefiċċju li jirriżulta jkunx biżżejjed biex isostni l-konklużjoni li r-restrizzjonijiet konsegwenti fuq il-kompetizzjoni huwa indispensabbli. L-argument ibbażat fuq il-ħtieġa li jinżammu intatti l-arranġamenti kollha tal-partijiet sa fejn dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib imfittex ma jistax ikun irrikonċiljat mal-fehma proposta fl-aħħar sentenza. Għaldaqstant, l-ilment tal-gvern federali, ibbażat fuq premessi żbaljati, mhux tali li jkun jista' jannulla l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ammissjoni ta' importazzjoni parallela timplika li r-rappreżentant uniku ma jkunx aktar f'pożizzjoni li jinvolvi ruħu fi ppjanar bil-quddiem.

    Ċertu grad ta' inċertezza huwa parti integrali mit-tbassir ta' possibbiltajiet ta' bejgħ futur. Dan it-tbassir għandu fil-fatt ikun ibbażat fuq serje ta' fatturi varjabbli u inċerti. L-ammissjoni ta' importazzjoni parallela tista' fil-fatt tinvolvi riskji miżjuda għall-konċessjonarju li jagħmel ordnijiet ċerti bil-quddiem għal kwantitajiet ta' oġġetti li hu jikkunsidra li jkun jista' jbiegħ. Madankollu, dan ir-riskju jifforma parti integrali mill-attività kollha kummerċjali u b'hekk ma jistax jiġġustifika protezzjoni speċjali fuq dan il-punt.

    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma kkunsidratx, abbażi ta' fatti konkreti, jekk huwiex possibbli li tiġi pprovduta garanzija u servizzi ta' wara l-bejgħ mingħajr protezzjoni territorjali assoluta. Huma jenfasizzaw b'mod partikolari l-importanza tar-reputazzjoni ta' l-isem ta' Grundig għall-provvista korretta ta' dawn is-servizzi għal magni Grundig kollha li jitqiegħdu fuq is-suq. Ir-rilaxx ta' importazzjonijiet paralleli jkun ġiegħel lil Consten li tirrifjuta dawn is-servizzi għal magni impurtati mill-kompetituri tiegħu li ma jkunux huma nfushom wettqu sodisfaċentement dawn is-servizzi. Tali rifjut imur ukoll kontra l-interessi tal-konsumaturi.

    F'dak li jirrigwarda s-servizz ta' garanzija, id-deċiżjoni tgħid li xerrej jista' normalment jinforza d-dritt tiegħu għal garanzija bħal din biss kontra l-fornitur tiegħu imma suġġett għal kundizzjonijiet mifthiema miegħu. Il-partijiet rikorrenti ma kkuntestawx serjament dak li ntqal.

    Il-biżat li jikkonċernaw il-ħsara li tista' tirriżulta għar-reputazzjoni tal-prodotti Grundig minn servizz mhux adegwat ma jkunux, fiċ-ċirkustanzi, jidhru li huma ġġustifikati.

    Fil-fatt, UNEF, il-kompetitriċi ewlenija ta' Consten, għalkemm bdiet tbiegħ il-prodotti Grundig ġewwa Franza aktar tard minn Consten u waqt li kellha ssostni riskji kunsiderevoli, b'dana kollu tagħti garanzija b'xejn u servizzi ta' wara l-bejgħ fuq ħlas taħt kundizzjonijiet li, meħudha flimkien, ma jidhrux li ħolqu ħsara lir-reputazzjoni ta' l-isem ta' Grundig. Barra minn hekk, xejn ma jżomm lir-rikorrenti milli jinfurmaw lill-konsumaturi, permezz ta' pubbliċità adegwata, bin-natura tas-servizzi u xi vantaġġi oħra li jistgħu jiġu offruti min-netwerk ta' distribuzzjoni uffiċjali għal prodotti ta' Grundig. Għaldaqstant mhux korrett li l-pubbliċità mwettqa minn Consten għandha tkun ta' benefiċċju għal importaturi paralleli bl-istess mod.

    Konsegwentement, l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti huma infondati.

    Ir-rikorrenti lmentaw li l-Kummissjoni ma kkunsidratx jekk protezzjoni territorjali assoluta kienet għadha indispensabbli biex tippermetti li l-ispejjeż tar-riskju sostnuti minn Consten fl-introduzzjoni tal-prodotti Grundig fis-suq Franċiż għandhomx ikunu kkapitalizzati.

    Il-konvenuta toġġezzjona li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija qatt ma kienet saret konxja ta' xi spejjeż ta' introduzzjoni fuq is-suq li ma kinux ġew ikkapitalizzati.

    Din l-istqarrija mill-konvenuta ma ġietx ikkontestata. Il-Kummissjoni ma tistax tkun mistennija li bl-inizjattiva tagħha stess tagħmel inkjesti fuq dan il-punt. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti fis-sustanza jgħid li l-konċessjonarju ma kienx jaċċetta l-kundizzjonijiet mifthiema mingħajr protezzjoni territorja assoluta. Madankollu, dan il-fatt ma għandu l-ebda konnessjoni mat-titjib fid-distribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 85(3).

    Konsegwentement dan l-ilment ma jistax ikun milqugħ.

    Ir-rikorrenti Grundig issostni, barra minn hekk, li mingħajr protezzjoni territorjali assoluta, id-distributur uniku ma jkunx lest li jerfa' l-ispejjeż meħtieġa għas-sorveljanza tas-suq għax ir-riżultat ta' l-isforzi tiegħu jkunu jistgħu jkunu ta' benefiċċju għal importaturi paralleli.

    Il-konvenuta toġġezzjona li dawn l-osservazzjonijiet tas-suq, li jippermettu b'mod partikolari l-applikazzjoni, lill-prodotti intiżi għal esportazzjoni lejn Franza, ta' żviluppi tekniċi mixtieqa mill-konsumatur Franċiż, jistgħu jkunu ta' benefiċċju biss għal Consten.

    Fil-fatt, Consten, fil-kapaċità tagħha ta' konċessjonarju uniku li mhuwiex mhedded mid-deċiżjoni kkontestata, tkun l-unika waħda li tirċievi l-magni mgħammra bil-karatteristiċi adottati speċjalment għas-suq Franċiż.

    Konsegwentement dan l-ilment huwa infondat.

    L-ilmenti magħmula kontra dik il-parti tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-eżistenza fil-kawża preżenti tal-ħtiġijiet tas-subinċiż (a) ta' l-Artikolu 85(3), ikkunsidrat separatament u kollu kemm hu, ma jidhirx li huwa fondat. Peress li l-ħtiġijiet kollha meħtieġa għall-konċessjoni ta' l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 85(3) għandhom jiġu mwettqa, mhemm għaldaqstant l-ebda ħtieġa li jiġu eżaminati s-sottomissjonijiet li jirrigwardaw il-ħtiġijiet l-oħra għal eżenzjoni.

    Fuq l-ilment li jirrigwarda n-nuqqas li tingħata eżenzjoni kkundizzjonata

    Ir-rikorrenti Grundig, peress li jqis li ċ-ċaħda ta' l-eżenzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza tal-protezzjoni territorjali assoluta favur Consten, issostni li l-Kummissjoni kellha, skond l-Artikolu 7(1), tar-Regolament nru 17/62 tal-Kunsill, almenu tippermetti l-kuntratt ta' distribuzzjoni esklużiva bil-kundizzjoni li importazzjoni parallela ma tkunx mhedda u li, fin-nuqqas ta' tali eżenzjoni kkundizjonata bħal din, il-parti operattiva tad-deċiżjoni tmur lil hinn mill-istqarrija ta' raġunijiet mogħtija kif ukoll tas-suġġett tad-deċiżjoni; il-projbizzjoni ta' protezzjoni territorjali assoluta.

    L-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata jirrendi inutli aktar diskussjoni dwar l-ilment preżenti.

     Fuq l-ispejjeż

    Skond l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta kull parti tirbaħ fuq xi kapijiet u titlef fuq oħrajn, il-qorti tista' tordna li l-partijiet ibatu l-ispejjeż tagħhom kompletament jew parzjalment. Dan huwa l-każ fis-sitwazzjoni preżenti.

    L-ispejjeż għaldaqstant għandhom jiġu sostnuti, minn naħa, mir-rikorrenti u l-gvernijiet tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika Federali Ġermaniża li intervjenew, u, min-naħa l-oħra, mill-konvenuta u l-kumpanniji li intervjenew, Leissner u UNEF.

    Dispożittiv

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    1)      Tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunità Ekonomika Ewropea tat-23 ta' Settembru 1964, li tirrigwarda l-proċedura skond l-Artikolu 85 tat-Trattat (IV-a/00004-03344, 'Grundig-Consten'), ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-20 ta' Ottubru 1964 (p.2545/64), sa fejn fl-Artikolu 1 hija tiddikjara li l-kuntratt kollu ta' l-1 ta' April 1957 jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85, inklużi partijiet tal-kuntratt li ma jikkostitwixxux l-imsemmi ksur;

    2)      Tiċħad il-kumplament tar-rikorsi 56/64 u 58/64 bħala infondati;

    3)      Tordna lir-rikorrenti, il-konvenuti u l-partijiet li intervjenew ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Lecourt

    Donner

    Trabucchi

    Monaco

    Mertens de Wilmars      Pescatore

     

          Kutscher

     

    Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-30 ta' Marzu 1971.

    A. Van Houtte

     

          R. Lecourt

    Reġistratur

     

          President


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq