Il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 2009/147/KE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
- Din tfittex li tikkonserva l-għasafar selvaġġi kollha fl-UE billi tistabbilixxi regoli għall-protezzjoni, il-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll tagħhom.
- Din tkopri l-għasafar, il-bajd, il-bejtiet u l-ħabitats tagħhom.
- Din tikkodifika l-leġiżlazzjoni li oriġinarjament kienet ġiet adottata fl-1979 (Id-Direttiva 79/409/KEE).
- Id-Direttiva 2009/147/KE ġiet emendata fl-2019 bir-Regolament (UE) 2019/1010 li jallinja u jirrazzjonalizza l-obbligi ta’ rappurtar fil-qasam tal-liġi ambjentali.
PUNTI EWLENIN
Miżuri għall-ispeċijiet fil-periklu
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu azzjoni biex iżommu jew jirkupraw il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet tal-għasafar għal livell konformi mar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet ekonomiċi u rikreazzjonali.
Miżuri għall-ispeċijiet tal-għasafar kollha
Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-preservazzjoni, għaż-żamma jew għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ diversità u żona ta’ ħabitats* suffiċjenti għall-ispeċijiet kollha tal-għasafar.
Dawn il-miżuri prinċipalment jinvolvu:
- il-ħolqien ta’ żoni protetti,
- il-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-ħabitats ġewwa u barra ż-żoni protetti; u
- l-istabbiliment mill-ġdid ta’ bijotopi* meqruda, u l-ħolqien ta’ oħrajn ġodda.
Miżuri speċjali
- Ċerti speċijiet, elenkati fl-Anness I, kif ukoll speċijiet migratorji li jokkorru b’mod regolari u li mhumiex elenkati fl-Anness I, huma soġġetti għal miżuri speċjali li jikkonċernaw il-ħabitat tagħhom biex jiġu żgurati s-sopravivenza u r-riproduzzjoni fiż-żona ta’ distribuzzjoni tagħhom.
- Il-pajjiżi tal-UE għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji adattati fl-għadd u fid-daqs bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet f’żoni tal-baħar u tal-art fejn tapplika d-Direttiva. L-artijiet mistagħdra jingħataw attenzjoni partikolari. Iż-ŻPS jiffurmaw parti min-network ta’ siti protetti ta’Natura 2000, flimkien maż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni indikati taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats.
- Il-pajjiżi tal-UE huma mitluba jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu evitati:
- id-deterjorazzjoni tal-ħabitats tal-ispeċijiet; u
- id-disturb tal-ispeċijiet li għalihom ġew ikklassifikati ż-ŻPS, fejn tali disturb jista’ jaffettwa l-objettivi tad-Direttiva b’mod sinifikanti.
- Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa li jaqblu dwar pjanijiet jew proġetti biss wara li jkunu ċerti li mhux se jaffettwaw ħażin iż-ŻPS ikkonċernati, abbażi ta’ valutazzjoni xierqa ta’ kwalunkwe implikazzjoni għall-objettivi tal-konservazzjoni tas-siti.
Miżuri ta’ protezzjoni ġenerali
- Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll protezzjoni ġenerali għall-ispeċijiet kollha tal-għasafar selvaġġi fl-UE. B’mod partikolari huma pprojbiti:
- il-qerda intenzjonata jew il-qbid ta’ għasafar selvaġġi,
- il-ħsara intenzjonata lill-bejtiet u lill-bajd;
- it-teħid jew iż-żamma ta’ bajd;
- it-tfixkil intenzjonat li jpoġġi l-konservazzjoni f’riskju; u
- iż-żamma ta’ għasafar, li l-kaċċa tagħhom hija pprojbita;
- eċċezzjonijiet għar-regoli ta’ hawn fuq huma possibbli taħt ċerti kundizzjonijiet.
Il-kaċċa għall-għasafar
- Xi speċijiet, li l-popolazzjonijiet tagħhom jippermettu, u li huma elenkati fl-Anness II, jistgħu jiġu kkaċċjati, jekk jiġu osservati ċerti prinċipji:
- in-numru ta’ għasafar li jittieħdu ma għandux jhedded il-livelli soddisfaċenti tal-popolazzjoni u jiġi żgurat l-użu għaqli tagħhom;
- l-ispeċijiet ma għandhomx jiġu kkaċċjati matul il-perjodi ta’ tnissil jew trobbija;
- l-ispeċijiet migratorji ma għandhomx jiġu kkaċċjati matul ir-ritorn tagħhom lejn l-artijiet tat-tnissil; u
- metodi ta’ qtil fuq skala kbira jew mhux selettivi huma pprojbiti;
- eċċezzjonijiet għar-regoli ta’ hawn fuq huma possibbli taħt ċerti kundizzjonijiet.
Riċerka
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jippromwovu r-riċerka għall-finijiet tal-ġestjoni, il-protezzjoni u l-isfruttar għaqli (eż., għall-istabbiliment tal-listi nazzjonali ta’ speċijiet f’periklu ta’ estinzjoni) tal-għasafar selvaġġi fl-Ewropa
Rapportar
- Ir-Regolament (UE) 2019/1010, li ilu japplika mis-26 ta’ Ġunju 2019, jirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jissottomettu rapport lill-Kummissjoni Ewropea kull 6 snin dwar il-miżuri li jkunu ħadu biex jimplimentaw id-Direttiva 2009/147/KE, u l-impatti ewlenin tagħhom.
- Dak ir-rapport għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku u għandu jinkludi, b’mod partikolari:
- informazzjoni dwar l-istatus u x-xejriet tal-ispeċijiet tal-għasafar selvaġġi protetti b’din id-Direttiva;
- it-theddid u l-pressjonijiet fuqhom;
- il-miżuri ta’ konservazzjoni meħuda għalihom; u
- il-kontribut tan-network taż-ŻPS għall-objettivi tad-Direttiva.
- Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-format tar-rapport permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.
- Kull 6 snin, il-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, tħejji u tippubblika rapport kompost ibbażat fuq l-informazzjoni li tkun irċeviet mill-pajjiżi tal-UE.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Din ilha tapplika mill-15 ta’ Frar 2010. Id-Direttiva 2009/147/KE kkodifikat u ssostitwiet id-Direttiva 79/409/KEE u l-emendi sussegwenti tagħha.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Ħabitat: żona naturali jew tip ta’ ambjent fejn normalment jgħix tip partikolari ta’ annimal jew pjanta.
Bijotop: żona ta’ kundizzjonijiet ambjentali uniformi li tipprovdi spazju għall-għajxien ta’ taħlita speċifika ta’ annimali u pjanti.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (verżjoni kodifikata (ĠU L 20, 26.1.2010, pp. 7-25)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/147/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament (UE) 2019/1010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-leġislazzjoni relatata mal-ambjent u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005, u d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE (ĠU L 170, 25.6.2019, pp. 115-127)
l-aħħar aġġornament 28.05.2020