EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0449

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/449 tat-18 ta' Marzu 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/715 li tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta' ċertu frott f'xi pajjiżi terzi biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa (notifikata bid-dokument C(2019) 2024)

C/2019/2024

OJ L 77, 20.3.2019, p. 76–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/449/oj

20.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/76


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/449

tat-18 ta' Marzu 2019

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/715 li tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta' ċertu frott f'xi pajjiżi terzi biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa

(notifikata bid-dokument C(2019) 2024)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari r-raba' sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/715 (2) tistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-frott ta' Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., u l-ibridi tagħhom għajr il-frott ta' Citrus aurantium L. u Citrus latifolia Tanaka (“il-frott speċifikat”), li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t'Isfel jew mill-Urugwaj, biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa (“l-organiżmu speċifikat”).

(2)

Iż-żieda fl-għadd ta' interċettazzjonijiet tal-importazzjoni fl-aħħar tliet snin turi li l-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/715 baqgħu neċessarji għall-protezzjoni tat-territorju tal-Unjoni mill-organiżmu speċifikat.

(3)

Barra minn hekk, għadd sinifikanti ta' interċettazzjonijiet tal-organiżmu speċifikat ġew innotifikati fl-2018 mill-Istati Membri, b'riżultat tal-ispezzjonijiet tal-importazzjoni tagħhom tal-frott speċifikat li joriġina mill-Brażil. Għalhekk jenħtieġ li jissaħħu r-rekwiżiti għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' dak il-frott li joriġina mill-Brażil.

(4)

Biex ikun żgurat li l-frott speċifikat li joriġina mill-Brażil huwa ħieles mill-organiżmu speċifikat, jenħtieġ li jkun soġġett għall-istess rekwiżiti tal-ispezzjoni tal-importazzjoni bħall-frott li joriġina mill-Arġentina, mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj.

(5)

Peress li l-frott speċifikat li joriġina mill-Brażil se jkollu jiġi soġġett għal trattamenti kontra l-organiżmu speċifikat, ir-rekwiżit għal informazzjoni dettaljata dwar it-trattamenti ta' qabel u ta' wara l-ħsad jenħtieġ li jsir applikabbli wkoll għal dak il-frott għal skopijiet ta' traċċabbiltà.

(6)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/715 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/715

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/715 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 jitħassar;

(2)

l-Artikolu 5a huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Introduzzjoni fl-Unjoni ta' frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina u mill-Brażil”;

(b)

il-frażi introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:

“Il-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina u mill-Brażil għandu jkun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt (ii) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, li taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’ jkun fih l-elementi li ġejjin:”

(3)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Rekwiżiti fl-Unjoni li jikkonċernaw l-ispezzjoni tal-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(1)   Il-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj għandu jiġi spezzjonat viżwalment fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjon 2004/103/KE (*1). Tali spezzjonijiet għandhom jitwettqu fuq kampjuni ta' mill-inqas 200 frotta ta' kull speċi tal-frott speċifikat għal kull lott ta' 30 tunnellata, jew ta'inqas minn 30 tunnellata, li jintgħażlu abbażi ta' kull sintomu possibbli tal-Phyllosticta citricarpa.

(*1)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE tas-7 ta' Ottubru 2004 dwar il-kontrolli tal-identità u s-saħħa tal-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra, elenkati f'Parti B tal-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, li jistgħu jiġu esegwiti f'post ieħor li mhuwiex il-punt tad-dħul fil-Komunità jew f'post ieħor fil-qrib u tispeċifika l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-kontrolli (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16).”;"

(4)

fl-Artikolu 7, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

informazzjoni dettaljata dwar it-trattamenti ta' qabel u ta' wara l-ħsad”;

(5)

L-Artikolu 22 huwa sostiwit b'dan li ġej:

“Artikolu 22

Data ta' skadenza

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Marzu 2022.”.

Artikolu 2

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/715 tal-11 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta' ċertu frott f'xi pajjiżi terzi biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa (ĠU L 125, 13.5.2016, p. 16).


Top