EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0427

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/427 tat-8 ta' Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE dwar il-miżuri ta' emerġenza għall-prevenzjoni tat-tixrid fl-Unjoni tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu tal-injam tal-arżnu) (notifikata bid-dokument C(2017) 1482)

C/2017/1482

OJ L 64, 10.3.2017, p. 109–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/427/oj

10.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/109


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/427

tat-8 ta' Marzu 2017

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE dwar il-miżuri ta' emerġenza għall-prevenzjoni tat-tixrid fl-Unjoni tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu tal-injam tal-arżnu)

(notifikata bid-dokument C(2017) 1482)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari r-raba' sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni kritika tan-nematodu tal-injam tal-arżnu (pine wood nematode — PWN) fil-Portugall u xi sejbiet fi Spanja, f'Settembru 2014 ġiet stabbilita Task Force magħmula minn għadd ta' esperti tal-Istati Membri bil-ħsieb li jingħata appoġġ lill-Portugall fil-konteniment u lill-Spanja fl-eradikazzjoni tal-PWN fit-territorji rispettivi tagħhom, filwaqt li jiġi evitat it-tixrid tiegħu fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni.

(2)

Fit-22 ta' Ġunju 2016, it-Task Force dwar il-PWN ippubblikat rapport li fih għadd ta' rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, ġie akkwistat għarfien xjentifiku ulterjuri bħala parti mill-proġett REPHRAME (2).

(3)

Huwa neċessarju li tiddaħħal definizzjoni ta' “pjanta affettwata minn nirien jew tempesti” biex jiġu identifikati pjanti suxxettibbli li għalihom għandhom jiġu applikati l-miżuri rispettivi.

(4)

L-Organizzazzjoni Ewropea tal-Protezzjoni tal-Pjanti żviluppat standards internazzjonali dwar il-pjanijiet ta' kontinġenza. Sabiex tkun żgurata l-konsistenza ma' dawk l-Istandards Internazzjonali (3) u biex tittejjeb iċ-ċarezza u l-effikaċja tal-pjanijiet ta' kontinġenza, ir-regoli dwar il-pjanijiet ta' kontinġenza għandhom jistabbilixxu f'aktar dettall il-kompiti tal-korpi uffiċjali responsabbli, il-laboratorji u l-operaturi.

(5)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, u b'kont meħud tat-titjib tas-sitwazzjoni kif indikat mir-riżultat tal-verifiki li saru mill-Portugall u minn Spanja sa issa, ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa skont l-Artikolu 11(3) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/535/UE (4) għandhom ikunu ppreżentati fuq bażi annwali u mhux aktar fuq bażi ta' kull xahar. Ir-riżultati tal-miżuri meħuda skont l-Artikoli 6 u 7 ta' dik id-Deċiżjoni, meta applikabbli, għandhom jiġi kkomunikati sat-30 ta' April ta' kull sena biex tiġi żgurata l-preżentazzjoni f'waqtha ta' informazzjoni rilevanti li tikkonċerna l-perjodu ta' qabel il-bidu tal-istaġun ta' migrazzjoni tal-vettur.

(6)

L-esperjenza fil-Portugall u fi Spanja, kif ukoll studji tekniċi u xjentifiċi, jindikaw li d-detezzjoni tal-PWN fuq l-arżnu li jkun jidher b'saħħtu hija estremament improbabbli, filwaqt li t-teħid ta' kampjuni ta' zkuk maqtugħin, il-fdalijiet tat-tqattigħ u l-fdalijiet li jseħħu b'mod naturali li juru sinjali ta' attività ta' insetti vetturi jista' jkun importanti ħafna biex tinstab il-preżenza tal-PWN f'żoni fejn is-sintomi ta' dbiel tal-arżnu ma jkunux mistennija li jseħħu. L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(7)

Evidenza rrappurtata mit-Task Force kkonfermat li nirien fil-foresti li jokkorru waqt l-istaġun ta' migrazzjoni tal-vettur jattiraw b'mod immedjat vetturi minn distanzi twal, u wkoll għal xi żmien wara li jkun sar il-ħruq. It-tneħħija u r-rimi immedjat ta' pjanti f'żoni li jkunu ġew affettwati min-nar ma jnaqqsux l-attrazzjoni u, fil-fatt, jistgħu jwasslu għal riskju ta' aktar tixrid ta' vetturi. L-Istati Membri għandhom għalhekk jitħallew jipproċedu bil-qtugħ u t-tneħħija tal-pjanti suxxettibbli li jinsabu f'dawk iż-żoni affettwati bin-nar qabel il-bidu tal-perjodu li jmiss waqt l-istaġun ta' migrazzjoni tal-vettur.

(8)

L-esperjenza wriet li sabiex ikun żgurat l-aqwa użu tar-riżorsi disponibbli, l-istħarriġiet fiż-żoni infestati msemmija fil-punt 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE għandhom ikunu ffokati fuq il-partijiet taż-żona infestata li jkunu maġenb żoni ta' lqugħ, b'mod li jistgħu jittieħdu miżuri xierqa biex irażżnu l-PWN għal dawk il-partijiet ta' żoni infestati fejn huwa magħruf li jeżisti u biex jiġi evitat it-tixrid fiż-żoni ta' lqugħ.

(9)

L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu r-raġġ tat-tqaċċit totali tas-siġar minn 500 m sa 100 m jekk, abbażi ta' attivitajiet ta' stħarriġ imwettqa skont l-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 4 (5), u b'kont meħud tal-kapaċità ta' tixrid tal-vetturi, ma jkun hemm l-ebda evidenza ta' preżenza ta' vetturi f'dik il-parti tat-territorju.

(10)

L-esperjenza kkonfermat li t-trattament tal-injam identifikat fiż-żona demarkata waqt l-istaġun ta' migrazzjoni tal-vettur, kif meħtieġ skont il-punt 8 tal-Anness I u l-punt 3(c) tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE jista' ma jkunx dejjem addattat biex jipprevjeni aktar tixrid ta' PWN f'każ ta' zkuk li jkunu kkolonizzati minn vetturi matul is-sena ta' qabel l-attivitajiet tal-istħarriġ. L-Istat Membru jista' jiddeċiedi, għalhekk, biex b'mod immedjat jeqred it-tali injam fuq il-post.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE tiġi emendata skont dan,

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, jiżdied il-punt (h) li ġej:

“(h)

“il-pjanta affettwata minn nirien jew tempesti” tfisser kull pjanta suxxettibbli li tkun saritilha l-ħsara minn nirien jew tempesti b'tali mod li tippermetti ovipożizzjoni mill-vettur.”

(2)

L-Artikolu 4(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-pjan ta' kontinġenza għandu jistabbilixxi dan li ġej:

(a)

taqsima speċifika li tipprovdi informazzjoni fil-qosor dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta' PWN għall-Istat Membru kkonċernat, inkluż informazzjoni ta' sfond dwar il-bijoloġija tal-PWN, is-sintomi mistennija u l-ospitanti affettwati, kif ukoll metodi ta' detezzjoni, il-mogħdijiet ewlenin għad-dħul u għat-tixrid ulterjuri, inkluż rakkomandazzjonijiet ta' kif jista' jitnaqqas ir-riskju tad-dħul, tal-istabbiliment u tat-tixrid tiegħu;

(b)

ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti fl-eżekuzzjoni tal-pjan, f'każ ta' preżenza kkonfermata jew issuspettata uffiċjalment tal-PWN, kif ukoll il-katina ta' kmand u l-proċeduri għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu minn korpi uffiċjali responsabbli, awtoritajiet pubbliċi oħra, entitajiet delegati jew persuni fiżiċi involuti, laboratorji u operaturi;

(c)

il-kundizzjonijiet ta' aċċess tal-korpi uffiċjali responsabbli għall-post tal-operaturi u persuni oħra;

(d)

il-kundizzjonijiet tal-aċċess tal-korpi uffiċjali responsabbli, fejn meħtieġ, għal-laboratorji, it-tagħmir, il-persunal, l-għarfien espert estern u r-riżorsi meħtieġa għall-qerda rapida u effettiva jew, meta xieraq, it-trażżin tal-PWN;

(e)

il-miżuri li għandhom jittieħdu dwar il-forniment ta' informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra, l-operaturi kkonċernati u l-pubbliku fir-rigward tal-preżenza tal-PWN u l-miżuri meħuda kontra l-PWN f'każ li l-preżenza tagħha tkun ikkonfermata jew issuspettata uffiċjalment;

(f)

l-arranġamenti għar-reġistrazzjoni tas-sejbiet tal-preżenza tal-PWN;

(g)

il-protokolli li jiddeskrivu l-metodi ta' eżamijiet viżivi, it-teħid ta' kampjuni u t-testijiet tal-laboratorju;

(h)

il-proċeduri, u l-persuni responsabbli, għall-qafas ta' koordinazzjoni mal-Istati Membri ġirien u, meta jkun applikabbli, mal-pajjiżi terzi ġirien.

Il-kontenut tal-pjan ta' kontinġenza għandu jqis ir-riskju li l-organiżmu speċifikat jirrappreżenta lill-Istat Membru kkonċernat.”

(3)

L-Artikolu 9(3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn sat-30 ta' April ta' kull sena, rapport bir-riżultati tal-miżuri meħudin skont l-Artikoli 6 u 7 bejn l-1 ta' April tas-sena ta' qabel u l-31 ta' Marzu tas-sena ta' komunikazzjoni.

Dan ir-rapport għandu jinkludi l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

l-għadd ta' sejbiet u l-postijiet fejn instabet il-preżenza tal-PWN, inklużi mapep, identifikati rispettivament għaż-żona infestata u kull żona ta' lqugħ;

(b)

l-għadd ta' pjanti mejtin, ta' pjanti morda jew ta' pjanti affettwati minn nirien jew tempesti li ġew identifikati, bi speċifikazzjoni tal-għadd ta' pjanti li jkunu jinqerdu kompletament permezz ta' nirien tal-foresti jew permezz ta' maltempata;

(c)

l-għadd ta' pjanti mejtin, ta' pjanti morda jew ta' pjanti affettwati minn nirien jew tempesti li jkunu ttieħdu bħala kampjun;

(d)

l-għadd ta' kampjuni meħuda minn pjanti mejtin, pjanti morda jew pjanti affettwati minn nirien jew tempesti u ttestjati għall-preżenza tal-PWN;

(e)

l-għadd ta' kampjuni li jkunu rriżultaw pożittivi fit-test għal PWN;

(f)

l-għadd ta' pjanti mejtin u ta' pjanti morda jew ta' pjanti li ġew affettwati minn nirien jew tempesti li ġew eliminati, bi speċifikazzjoni tal-għadd ta' pjanti li kienu identifikati qabel il-bidu tal-perjodu rilevanti;

(g)

l-għadd u l-post ta' nases u l-perjodu ta' monitoraġġ, kif ukoll l-għadd ta' vetturi maqbuda, l-ispeċi kkonċernati, l-għadd ta' vetturi analizzati għall-preżenza tal-PWN, l-għadd ta' kampjuni analizzati għall-preżenza tal-PWN fiż-żoni ta' lqugħ u fiż-żoni infestati rispettivament, inkluż l-għadd ta' kampjuni li jkunu ttestjaw pożittivi għall-PWN, jekk ikun hemm.

L-Istati Membri għandhom jiġbru l-informazzjoni msemmija fil-punti (b) u (f) waqt il-perjodi li ġejjin: Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu, mill-1 ta' April sal-31 ta' Ottubru u mill-1 ta' Novembru sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel u mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu tas-sena tal-komunikazzjoni.

Meta ssir il-komunikazzjoni ta' din l-informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu referenza għall-perjodu tal-ġbir ikkonċernat.”

(4)

Fl-Artikolu 11(3), l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom, sat-30 ta' April ta' kull sena, jikkomunikaw mal-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni l-ħin u r-riżultati tal-kontrolli msemmija fil-paragrafi 1 u 2 mwettqa matul is-sena preċedenti.”

(5)

L-Annessi I u II huma emendati kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Development of improved methods for detection, control and eradication of pine wood nematode in support of EU Plant Health Policy (REPHRAME) — Proġett ta' Riċerka tal-UE Nru 265483.

(3)  2009 OEPP/EPPO, Bulletin OEPP/EPPO Bulletin 39, 471–474 “Generic elements for contingency plans”.

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/535/UE tas-26 ta' Settembru 2012 dwar il-miżuri ta' emerġenza għall-prevenzjoni tat-tixrid fl-Unjoni tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu tal-injam tal-arżnu) (ĠU L 266, 2.10.2012, p. 42).

(5)  Secretariat of the International Plant Protection Convention (1995), International Standard for Phytosanitary Measures 4: Requirements for the establishment of pest free areas.


ANNESS

L-Annessi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (2), it-tielet subparagrafu, jinbidel b'dan li ġej:

“Il-pjanti mejtin jew il-pjanti morda kollha u għadd ta' pjanti li jkunu jidhru b'saħħithom magħżula skont ir-riskju tat-tixrid tal-PWN fil-każ partikolari għandu jittiħdilhom kampjun wara t-tqaċċit totali tal-pjanti. It-teħid tal-kampjuni għandu jsir f'diversi partijiet ta' kull pjanta inkluża l-quċċata, u b'mod partikolari f'dawk il-partijiet fejn is-sinjali ta' attività tal-insetti vetturi huma viżibbli. Il-kampjuni għandhom jittieħdu wkoll minn zkuk maqtugħin, minn fdalijiet tat-tqattigħ u minn fdalijiet li jseħħu b'mod naturali, li juru sinjali ta' attività ta' insetti vetturi, u li jinsabu f'partijiet taż-żoni demarkati fejn sintomi ta' dbiel tal-pjanti suxxettibbli ma jkunux mistennija li jseħħu jew ikunu mistennija li jseħħu fi stadju aktar tard. Dawk il-kampjuni għandhom jiġu ttestjati għall-preżenza tal-PWN.”

(b)

il-punt 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.

Meta japplika l-punt 3, kull pjanta suxxettibbli eżentata mit-tqaċċit totali u li tinsab bejn 100 m u 500 m mill-pjanti suxxettibbli li fihom ikun instab il-PWN, għandha tkun spezzjonata qabel, matul u wara l-istaġun migratorju tal-vetturi, għal sinjali jew sintomi tal-preżenza tal-PWN.

F'każ li dawn is-sinjali jew is-sintomi huma preżenti, il-pjanta għandha tittieħed għall-kampjun u ssirilha test għall-preżenza tal-PWN. It-teħid ta' kampjun ta' dawk il-pjanti suxxettibbli għandu jsir f'diversi partijiet ta' kull pjanta inkluża fil-quċċata. L-Istat Membru kkonċernat għandu, fi ħdan l-istaġun migratorju, iwettaq stħarriġ intensiv ta' vetturi permezz tat-teħid ta' kampjuni u tal-ittestjar ta' dawk il-vetturi għall-preżenza tal-PWN.

Dawk il-miżuri għandhom japplikaw sat-tlestija ta' eradikazzjoni kif previst fl-Artikolu 6(1) jew sakemm il-miżuri ta' trażżin kif previsti fl-Artikolu 7(1) ikunu ġew approvati.”

(c)

il-punt 5 jinbidel b'dan li ġej:

“5.

Meta Stat Membru jkollu evidenza li l-vettur ma kienx preżenti fiż-żona kkonċernata għal dawn l-aħħar tliet snin, abbażi ta' stħarriġ għall-preżenza tal-vettur skont l-Istandard Internazzjonali FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 4 (*1) u b'kont meħud tal-kapaċità ta' tixrid tal-vetturi, ir-raġġ minimu ta' żona demarkata b'mod ċar għandu jkun 100 m madwar kull pjanta suxxettibbli fejn tkun instabet il-preżenza tal-PWN.

L-evidenza għandha tiġi inkluża fil-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 9(1).

(*1)  Secretariat of the International Plant Protection Convention (1995), International Standard for Phytosanitary Measures 4: Requirements for the establishment of pest free areas.”"

(d)

il-punt 6 jinbidel b'dan li ġej:

“6.

L-Istati Membri għandhom iwettqu, waqt u barra l-istaġun migratorju tal-vettur, stħarriġ tal-pjanti suxxettibbli fiż-żoni demarkati billi jispezzjonaw, jieħdu kampjuni u jwettqu testijiet fuq dawk il-pjanti u l-vettur għall-preżenza tal-PWN. Huma għandhom iwettqu wkoll stħarriġ tal-vettur tal-PWN matul l-istaġun migratorju. Dak l-istħarriġ għandu jkun partikolarment iffukat fuq il-pjanti suxxettibbli li jkunu mejtin, morda jew li jkunu f'żoni milqutin minn nirien jew tempesti. It-teħid ta' kampjuni ta' dawk il-pjanti suxxettibbli għandu jsir f'diversi partijiet ta' kull pjanta inkluża fil-quċċata. Dan l-istħarriġ għandu jsir ukoll fuq zkuk maqtugħin, fuq residwi tal-qtugħ, fuq residwi li jseħħu b'mod naturali li juru sinjali ta' attività ta' insetti vetturi u li jinsabu f'partijiet taż-żoni demarkati fejn sintomi ta' dbiel tal-pjanti suxxettibbli ma jkunux mistennija li jseħħu jew ikunu mistennija li se jseħħu aktar tard. L-intensità tal-istħarriġ fi ħdan 3 000 m madwar kull pjanta suxxettibbli li fiha jkun instab il-PWN, għandha tkun tal-anqas erba' darbiet ogħla milli minn 3 000 m sal-periferija ta' barra taż-żona ta' lqugħ.”

(e)

Fil-punt 7, l-ewwel paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“7.

L-Istati Membri għandhom, fiż-żona demarkata kollha, jidentifikaw u jqaċċtu għalkollox il-pjanti suxxettibbli kollha fejn ikun instab il-PWN, u dawk li jkunu mejtin, morda jew jinsabu f'żoni milqutin minn nirien jew tempesti. Huma għandhom ineħħu u jarmu l-pjanti li jkunu tqaċċtu għalkollox u l-fdalijiet taz-zkuk isserrati, filwaqt li jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji kollha biex iwaqqfu t-tixrid tal-PWN u l-vettur sa ma jintemm it-tqaċċit totali tal-pjanti. Huma għandhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet li ġejjin.”

(f)

fil-punt 8, it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Meta Stat Membru jikkonkludi li t-tqaxxir tal-qoxra tas-siġar, it-trattament b'insettiċida li tkun magħrufa li hija effettiva kontra l-vettur u l-kopertura b'xibka tal-insetti għasra ġo tali insettiċida mhumiex adattati, l-injam, li ma tkunx tneħħietlu l-qoxra, għandu jinqered minnufih fuq il-post.

L-iskart prodott mill-injam fil-waqt li jitqaċċtu għalkollox il-pjanti suxxettibbli u li jitħalla fil-post u injam mhux imqaxxar mill-qoxra taz-zokk li jinqered fil-post għandu jitqatta' f'laqx li jkun inqas minn 3 cm oħxon u inqas minn 3 cm wiesa'.”

(g)

jiddaħħal il-punt 8a li ġej:

“8a.

B'deroga mill-punt 7(b), meta Stat Membru jikkonkludi li t-tqaċċit totali u t-tneħħija ta' pjanti suxxettibbli milquta minn nirien jew tempesti, waqt l-istaġun migratorju tal-vettur, ma jkunx adattat, l-Istat Membru kkonċernat jista' jiddeċiedi li jipproċedi bit-tqaċċit totali u t-tneħħija ta' dawn il-pjanti qabel il-bidu tal-istaġun migratorju li jmiss.

Mingħajr preġudizzju għall-punt 6, l-Istat Membru kkonċernat għandu, fi żmien l-istaġun migratorju, iwettaq stħarriġ intensiv fiż-żona milquta minn nirien jew tempesti bit-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar ta' dawk il-vetturi għall-preżenza ta' PWN u, jekk jiġi kkonfermat, iwettaq stħarriġ tal-pjanti suxxettibbli li jinsabu fiż-żona tal-inħawi, billi jispezzjona, jieħu kampjuni u jwettaq testijiet ta' dawk il-pjanti li juru sinjali jew sintomi tal-preżenza tal-PWN jew tal-vetturi tiegħu.”

(2)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.

L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ annwali dwar il-pjanti suxxettibbli u l-vettur fiż-żoni infestati billi jispezzjonaw, jieħdu kampjuni u jwettqu testijiet fuq dawk il-pjanti u l-vettur għall-preżenza tal-PWN. Dak l-istħarriġ għandu jkun partikolarment iffukat fuq il-pjanti suxxettibbli li jkunu mejtin, morda jew li jkunu f'żoni milqutin minn nirien jew tempesti. Dawn għandhom ikunu ffukati fuq partijiet taż-żona infestata li jkunu maġenb iż-żoni ta' lqugħ, bl-għan li jippreservaw dawn iż-żoni. L-Istati Membri għandhom iqaċċtu għalkollox il-pjanti suxxettibbli kollha fejn ikun instab il-PWN u jneħħu u jarmu dawk il-pjanti u l-fdalijiet taz-zkuk isserrati, filwaqt li jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji kollha biex il-PWN u l-vettur tiegħu ma jixterdux.”

(b)

il-punt 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri li ġejjin fiż-żoni ta' lqugħ:

(a)

L-Istati Membri għandhom iwettqu barra u waqt l-istaġun migratorju tal-vettur, stħarriġ dwar il-pjanti suxxettibbli fiż-żoni ta' lqugħ billi jispezzjonaw, jieħdu kampjuni u jwettqu testijiet fuq dawk il-pjanti u l-vettur għall-preżenza tal-PWN. Huma għandhom iwettqu wkoll stħarriġ tal-vettur tal-PWN matul l-istaġun migratorju. Dak l-istħarriġ għandu jkun partikolarment iffukat fuq il-pjanti suxxettibbli li jkunu mejtin, morda jew milquta minn nirien jew tempesti, u fuq vetturi li jinsabu f'żoni fejn huwa probabbli li l-PWN ikun preżenti jew fejn huwa mistenni li s-sintomi jimmanifestaw irwieħhom iktar tard. It-teħid ta' kampjuni ta' pjanti suxxettibbli għandu jsir f'diversi partijiet ta' kull pjanta inkluża fil-quċċata. Dan l-istħarriġ għandu jsir ukoll fuq zkuk maqtugħin, fuq ir-residwi tal-qtugħ, fuq ir-residwi li jseħħu b'mod naturali li juru sinjali ta' attività ta' insetti vetturi u li jinsabu f'partijiet taż-żoni demarkati fejn mhumiex mistennija li jseħħu s-sintomi ta' dbiel fil-pjanti suxxettibbli.

(b)

L-Istati Membri għandhom, fiż-żoni ta' lqugħ ikkonċernati kollha, jidentifikaw u jqaċċtu għalkollox il-pjanti suxxettibbli li jkunu mejtin, morda jew li jkunu f'żoni milqutin minn nirien jew tempesti. Huma għandhom ineħħu u jarmu l-pjanti li jkunu tqaċċtu għalkollox u l-fdalijiet taz-zkuk isserrati, filwaqt li jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji kollha biex iwaqqfu t-tixrid tal-PWN u l-vettur tiegħu, sa ma jintemm it-tqaċċit totali u waqtu u bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

Il-pjanti suxxettibbli identifikati barra mill-istaġun migratorju tal-vettur għandhom, qabel l-istaġun ta' migrazzjoni li jkun imiss, jitqaċċtu għalkollox u jinqerdu fuq il-post, jinġarru taħt kontroll uffiċjali lejn iż-żona infestata jew jitneħħew. Fl-aħħar każ, l-injam u l-qoxra ta' dawk il-pjanti għandhom jiġu trattati, kif inhu stabbilit fil-punt 2(a) tat-Taqsima 1 tal-Anness III jew ipproċessati, kif inhu stabbilit fil-punt 2(b) tat-Taqsima 2 tal-Anness III.

(ii)

Il-pjanti suxxettibbli identifikati waqt l-istaġun migratorju tal-vettur għandhom minnufih jitqaċċtu għakollox u jinqerdu fuq il-post, jinġarru taħt kontroll uffiċjali lejn iż-żona infestata jew jitneħħew. Fl-aħħar każ, l-injam u l-qoxra ta' dawk il-pjanti għandhom jiġu trattati, kif inhu stabbilit fil-punt 2(a) tat-Taqsima 1 tal-Anness III jew ipproċessati, kif inhu stabbilit fil-punt 2(b) tat-Taqsima 2 tal-Anness III.

Il-pjanti suxxettibbli li jitqaċċtu għalkollox, barra l-pjanti li jinqerdu kompletament bin-nirien tal-foresti, għandu jitteħdilhom kampjun u jsirulhom testijiet għall-preżenza tal-PWN, skont skema ta' teħid ta' kampjuni li tista' tikkonferma b'affidabbiltà ta' 99 % li l-livell tal-preżenza tal-PWN f'dawk il-pjanti suxxettibbli huwa aktar baxx minn 0,02 %.

B'deroga mill-punt (ii), meta l-Istat Membru jikkonkludi li t-tqaċċit totali u t-tneħħija ta' pjanti suxxettibbli identifikati waqt l-istaġun migratorju u li ġew milquta minn nirien jew tempesti mhumiex adattati, l-Istat Membru kkonċernat jista' jiddeċiedi li jipproċedi bit-tqaċċit totali u t-tneħħija ta' dawn il-pjanti qabel il-bidu tal-istaġun migratorju li jmiss. Waqt li jsir dan it-tqaċċit totali u jitneħħew il-pjanti mill-post, il-pjanti suxxettibbli kkonċernati għandhom jinqerdu fuq il-post jew inkella jitneħħew u l-injam u l-qoxra tagħhom jiġu trattati, kif inhu stabbilit fil-punt 2(a) tat-Taqsima 1 tal-Anness III, jew ipproċessati, skont il-punt 2(b) tat-Taqsima 2 tal-Anness III. Meta tapplika din id-deroga, u mingħajr preġudizzju għall-punt (a), l-Istat Membru kkonċernat għandu, fl-istaġun migratorju, iwettaq stħarriġ intensiv fiż-żona milquta minn nirien jew minn tempesti permezz tat-teħid ta' kampjuni u tal-ittestjar ta' dawk il-vetturi għall-preżenza ta' PWN u, jekk jiġi kkonfermat, iwettaq stħarriġ tal-pjanti suxxettibbli li jinsabu fiż-żona tal-inħawi, billi jispezzjona, jieħu kampjuni u jwettaq testijiet ta' dawk il-pjanti li juru sinjali jew sintomi tal-preżenza tal-PWN.

(c)

Fir-rigward tal-injam suxxettibbli identifikat fiż-żona ta' lqugħ waqt l-istaġun migratorju tal-vettur, kif inhu msemmi fil-punt (b), l-Istati Membri għandhom ineħħu l-qoxra taz-zkuk tal-pjanti suxxettibbli li jkunu tqaċċtu għalkollox, jew jittrattaw dawk iz-zkuk b'insettiċida li tkun magħrufa li hija effettiva kontra l-vettur jew jgħattu dawk iz-zkuk b'xibka tal-insetti mgħaddsa ġo tali insettiċida eżatt wara t-tqaċċit totali tal-pjanti.

Wara t-tqaxxir, it-trattament jew il-kopertura, l-injam suxxettibbli għandu, b'superviżjoni uffiċjali, jittieħed minnufih f'post ta' ħażna jew f'faċilità awtorizzata għat-trattament. L-injam, li ma tkunx tneħħietlu l-qoxra għandu, fil-post tal-ħażna tiegħu jew fil-faċilità awtorizzata għat-trattament, jiġi trattat minnufih għal darba oħra b'insettiċida li jkun magħruf li hija effettiva kontra l-vettur jew jitgħatta b'xibka tal-insetti mgħaddsa ġo tali insettiċida.

L-iskart prodott mill-injam meta jitqaċċtu għalkollox il-pjanti suxxettibbli u li jitħalla fil-post għandu jitqatta' f'laqx ta' ħxuna u wisa' ta' anqas minn 3 cm.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, meta l-Istat Membru jikkonkludi li t-tqaxxir tal-qoxra, it-trattament b'insettiċida li tkun magħrufa li hija effettiva kontra l-vettur u l-kopertura b'xibka tal-insetti għasra ġo tali insettiċida mhumiex adattati, l-injam, li ma tkunx tneħħietlu l-qoxra, għandu jinqered minnufih fuq il-post. Meta tapplika din id-deroga, l-iskart prodott mill-injam meta jitqaċċtu għalkollox il-pjanti suxxettibbli li jitħalla fil-post u l-injam li ma tkunx tneħħietlu l-qoxra tiegħu li jkun inqered fil-post, għandu jitqatta' f'laqx li jkun inqas minn 3 cm oħxon u inqas minn 3 cm wiesa'.”



Top