EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0217

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 217/2013 tal- 11 ta’ Marzu 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju f’rombli li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

OJ L 69, 13.3.2013, p. 11–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 130 P. 294 - 303

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/06/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/217/oj

13.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 217/2013

tal-11 ta’ Marzu 2013

li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju f’rombli li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri provviżorji

(1)

Il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 833/2012 (2) (“ir-Regolament provviżorju”), imponiet dazju provviżorju tal-antidumping (“il-miżuri provviżorji”) fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju f’rombli li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”).

(2)

Il-proċediment inbeda wara li tressaq rikors fid-9 ta’ Novembru 2011 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Metalli (Eurométaux) (“ir-rikorrent”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti folji tal-aluminju f’rombli. Ir-rikors fih evidenza prima facie ta’ dumping tal-prodott u ta’ ħsara materjali li rriżultat mid-dumping, li tqieset suffiċjenti biex tiġġustifika t-tnedija ta’ proċediment. Kif stipulat fil-premessa 17 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011 (“perjodu ta’ investigazzjoni” jew “IP”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu minn Jannar 2008 sat-tmiem tal-IP (“perjodu kkunsidrat”).

1.2.   Proċedura sussegwenti

(3)

Wara li ġew żvelati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom ġie deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji tal-antidumping (“divulgar provviżorju”), għadd ta’ partijiet interessati ressqu sottomissjonijiet bil-miktub li bihom taw il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw l-opportunità jagħmlu dan. B’mod partikolari, produttur esportatur wieħed talab u ngħata smigħ fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġeneral għall-Kummerċ.

(4)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha.

(5)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, tlieta mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw iddikjaraw li l-ismijiet tagħhom kienu miktubin ħażin fl-Artikolu 1(2) ta’r-Regolament provviżorju. Għaldaqstant, rettifika għar-Regolament provviżorju ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), li fiha ġew stabbiliti l-ismijiet korretti ta’ dawn il-kumpanniji.

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(6)

Il-prodott konċernat huwa folji tal-aluminju bi ħxuna ta’ 0,007 mm jew aktar iżda inqas minn 0,021 mm, mingħajr it-tieni folja, mhux maħdum aktar għajr rrumblat, iżda sew jekk imbuzzat u sew jekk le, f’rombli b’piż żgħir li ma jaqbiżx l-10 kg (“prodott konċernat” jew “folji tal-aluminju f’rombli” jew “AHF”). Il-prodott konċernat attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 7607 11 11 u ex 7607 19 10.

(7)

Il-prodott ikkonċernat ġeneralment jintuża bħala prodott tal-konsumatur għall-imballaġġ u applikazzjonijiet oħrajn tad-dar/tal-catering. Id-definizzjoni tal-prodott ma kinitx ikkontestata.

(8)

L-investigazzjoni wriet li l-folji tal-aluminju f’rombli manifatturati fi u esportati mir-RPĊ u l-folji tal-aluminju f’rombli manifatturati u mibjugħa fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni u l-folji tal-aluminju f’rombli manifatturati u mibjugħa fit-Turkija (il-pajjiż analogu) mill-produttur Tork li kkoopera għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi, kif ukoll l-istess użu bażiku u għaldaqstant jitqiesu simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

(9)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi 18 sa 20 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.   TEĦID TA’ KAMPJUNI

(10)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar it-teħid tal-kampjuni, il-premessi 21 sa 26 tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

4.   DUMPING

4.1.   Trattament ta’ ekonomija tas-suq (TES)

(11)

Wara id-divulgazzjoni provviżorja, waslu kummenti minn CeDo (Shanghai) Ltd. (“CeDo”) dwar is-sejbiet rigward il-kriterju stipulat fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku. Il-kumpannija fil-kummenti tagħha u matul seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta kkontestat is-sejba li d-deċiżjonijiet tagħha dwar il-ksib ta’ finanzjament minn barra kienu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Istat u għalhekk ħolqu distorsjoni fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. CeDo sostniet li r-“Regoli għall-Implimentazzjoni ta’ Reġistrazzjoni ta’ Djun Esterni” Ċiniżi ma kellhomx effett distorsiv fuq il-qagħda finanzjarja tagħha minħabba li s-self tagħha kkonċernat self intragrupp minn kumpannija marbuta magħha barra ċ-Ċina u kien ibbażat biss fuq kunsiderazzjonijiet finanzjarji fi ħdan l-istess grupp. Il-kumpannija sostniet ukoll li l-approvazzjoni għat-trasferimenti ta’ mgħax u kapital kienet mogħtija awtomatikament.

(12)

Wara li eżaminat mill-ġdid l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-kumpannija u l-argumenti mressqa wara d-divulgazzjoni provviżorja, kien ikkunsidrat li, minkejja l-eżistenza ta’ reġistrazzjoni u r-rekwiżiti għall-approvazzjoni ta’ ħlas lura tas-self, seta’ jiġi stabbilit f’dan il-każ partikolari ta’ self fi ħdan grupp li l-qagħda finanzjarja tal-kumpannija ma kinetx suġġetta għal distorsjonijiet sinifikanti minħabba li l-kumpannija instabet li kellha tħallas lura l-imgħax u s-somma kapitali f’konformità mat-termini tal-ftehim tas-self. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-kumpannija nstabet li tissodisfa l-kriterju stipulat fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

(13)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar l-MET, il-premessi minn 27 sa 53 tar-Regolament provviżorju, suġġetti għall-modifika ta’ hawn fuq, huma b’dan ikkonfermati.

4.2.   Trattament individwali (“TI”)

(14)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar TI, il-premessi 54 sa 56 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4.3.   Pajjiż analogu

(15)

L-ebda parti ma kkontestat l-għażla tat-Turkija bħala pajjiż analogu għad-determinazzjoni definittiva.

(16)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar l-għażla tal-pajjiż analogu, il-premessi minn 57 sa 64 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4.4.   Valur normali

(17)

Il-valur normali ġie kkalkulat fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-produttur uniku li kkoopera fil-pajjiż analogu (jiġifieri t-Turkija). Għalhekk, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku u l-valur normali maħdum ta’ produttur Tork wieħed tal-prodott simili.

(18)

Il-kumpannija Ningbo Favored Commodity Co., Ltd (“Ningbo Favored”) staqsiet kif id-data ta’ produttur Tork wieħed tista’ tkun rappreżentattiva biżżejjed biex jiġi stabbilit marġni tad-dumping tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kollha, u qieset li kien sorprendenti li l-prezzijiet domestiċi fit-Turkija kienu ogħla b’mod sinifikanti milli fl-Unjoni. Fir-rigward tas-suq Tork għall-fojl tal-aluminju, kif imsemmi fil-premessa 63 tar-Regolament provviżorju, it-Turkija kienet meqjusa pajjiż analogu adattat ibbażat fuq volumi u valuri ta’ produzzjoni domestika, importazzjoni u esportazzjoni. Fir-rigward tal-fatt li l-prezzijiet fis-suq Tork huma ogħla milli fl-Unjoni, dan mhux fattur deċiżiv fl-għażla ta’ suq ta’ pajjiż analogu adattat. F’kwalunkwe każ, id-differenza fil-prezz tista’ tiġi parzjalment spjegata mill-fatt li l-industrija tal-Unjoni kienet qrib li tilħaq bilanċ matul l-IP. Jekk l-industrija tal-Unjoni titqiegħed f’pożizzjoni fejn tista’ tikseb profitt raġonevoli (jiġifieri 5 % kif imsemmi fil-premessa 158 tar-Regolament provviżorju), id-diskrepanza fil-prezzijiet bejn il-prezzijiet Torok u l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni se jonqos.

(19)

Ningbo Favored qalet ukoll li l-istituzzjonijiet ma provdewx biżżejjed informazzjoni dwar il-valur normali maħdum.

(20)

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, kif spjegat fil-premessa 70, il-Kummissjoni pprovdiet lill-parti bl-informazzjoni rilevanti kollha dwar id-data użata għall-kalkolu tal-valur normali li setgħet tiġi rilaxxata mingħajr ma jinkisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, jiġifieri li fl-istess ħin jiġi żgurat li kull data kunfidenzjali mogħtija mill-produttur uniku tat-Turkija tiġi ttrattata bħala tali u ma tiġix ddivulgata lil partijiet oħra. L-informazzjoni mogħtija lill-produttur esportatur kienet sinifikanti u offrietlu l-possibbiltà li jifhem il-metodoloġija użata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, matul seduta li saret fuq talba ta’ Ningbo Favored, il-kumpannija kienet infurmata li għall-għan tal-kalkolu tad-dumping, intużaw in-numri ta’ kontroll tal-prodott (“PCNs”) sħaħ u li f’sitwazzjonijiet fejn il-produttur Tork ma biegħx eżatt l-istess tip ta’ prodott, il-valur normali kien stabbilit bl-aġġustament tal-eqreb PCN mibjugħ mill-produttur Tork. Fl-aħħar nett, Ningbo Favored u l-esportaturi Ċiniżi l-oħra fil-kampjun kienu pprovduti b’informazzjoni addizzjonali rigward l-istabbiliment tal-valur normali maħdum fiż-żmien tad-divulgazzjoni tas-sejbiet finali. Għalhekk it-talbiet ta’ hawn fuq kellhom jiġu miċħuda.

(21)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-premessi 65 sa 72 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4.5.   Prezz tal-esportazzjoni

(22)

Ningbo Favored talbet li l-valuri tal-bejgħ tal-esportazzjoni fil-lista tranżazzjoni b’ tranżazzjoni għandhom jiġu konvertiti minn dollari Amerikani fil-munita Ċiniża bl-użu tar-rata tal-kambju ta’ kull xahar mogħtija fil-kwestjonarju, minflok bir-rata tal-kambju attwali fil-mument tad-diversi tranżazzjonijiet. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 2(10)(j) dwar Kambju tal-munita tar-Regolament bażiku, meta l-paragun tal-prezz jeħtieġ kambju tal-munita, kambju bħal dan għandu jsir bl-użu tar-rata tal-kambju fid-data tal-bejgħ. Ta’ min jinnota wkoll li, l-istruzzjonijiet għall-kwestjonarju jipprevedu espliċitament li l-ammonti li għandhom jintużaw huma dawk fil-munita tal-kontabilità kif irreġistrati fir-rekords tal-kontabilità tal-rispondent. B’hekk il-kumpannija kienet ġiet infurmata dwar ir-rata tal-kambju li għandha tkun użata. Din it-talba għaldaqstant ma tistax tintlaqa’.

(23)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, saret żjara addizzjonali ta’ verifika fil-bini ta’ wieħed mill-importaturi mhux relatati li għalihom l-profitt imsemmi fil-premessa 75 tar-Regolament provviżorju kien stabbilit. Bħala riżultat, il-marġni ta’ profitt użat fit-tfassil tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku naqas.

(24)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-premessi 73 sa 75 tar-Regolament provviżorju, suġġetti għall-modifika ta’ hawn fuq, huma b’dan ikkonfermati.

4.6.   Paragun

(25)

L-ebda kumment rilevant ma ġie mressqa dwar il-paragun. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-premessi 76 sa 78 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4.7.   Marġnijiet ta’ dumping

(26)

Ma ngħatawx kummenti pertinenti fir-rigward tal-marġni tad-dumping. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-premessi 79 sa 81 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(27)

Bħala riżultat tar-reviżjoni tal-profitt tal-importaturi mhux relatati kif imsemmi fil-premessa 23, kif ukoll wara l-korrezzjoni ta’ xi żbalji klerikali, il-marġnijiet definittivi ta’ dumping, espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntieri tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Isem il-Kumpannija

Marġini tad-dumping

CeDo (Shanghai) Ltd.

37,4  %

Ningbo Favored Commodity Co., Ltd.

30,6  %

Ningbo Times Aluminium Foil Technology Co., Ltd.

32,9  %

Kumpanniji oħra li kkooperaw

34,9  %

Marġni ta’ dumping għall-pajjiż kollu

45,6  %

(28)

Fuq il-bażi tal-fatti mistqarra fil-premessa 81 tar-Regolament provviżorju, il-marġni tad-dumping definittiv għall-pajjiż kollu għar-RPĊ ġie stabbilit bl-użu tat-tranżazzjonijiet l-aktar soġġetti għad-dumping tal-esportaturi li kkooperaw. Fuq din il-bażi, il-marġni definittiv tad-dumping instab li kien 45,6 %.

5.   ĦSARA

5.1.   Produzzjoni tal-Unjoni u l-Industrija tal-Unjoni

(29)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-produzzjoni tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni, il-premessa 83 tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

5.2.   Konsum tal-Unjoni

(30)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-konsum tal-Unjoni, il-premessi 84 sa 86 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

5.3.   Importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ

5.3.1.   Volum u sehem fis-suq

(31)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-livell ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ u s-sehem tas-suq, il-premessi 87 sa 89 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

5.3.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet dumped u t-twaqqigħ tal-prezzijiet

(32)

Kif spjegat b’mod xieraq fil-premessa 47, wara analiżi tal-kummenti li waslu wara d-divulgazzjoni provviżorja, instab xieraq li ma jiġix applikat livell ta’ aġġustament kummerċjali għat-tqabbil bejn il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat u fojls tal-aluminju mill-industrija tal-Unjoni. Din il-bidla ta’ metodu affettwat kemxejn l-marġnijiet ta’ tnaqqis.

(33)

Barra minn hekk, il-marġni ta’ tnaqqis tal-grupp CeDo kien imnaqqas bir-reviżjoni tal-marġni tal-profitt tal-importaturi mhux relatati (ara l-premessa 23). Madankollu, il-marġni ta’ twaqqigħ b’medja peżata tal-produtturi esportaturi fil-kampjun jibqa’ ’l fuq minn 7 %.

(34)

Ħlief il-bidliet ta’ hawn fuq u fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra dwar il-prezzijiet tal-importazzjonijiet dumped u t-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-metodoloġija deskritta fil-premessa 90 sa 94 tar-Regolament provviżorju sabiex jiġi stabbilit it-twaqqigħ tal-prezzijiet hija b’dan ikkonfermata.

5.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni u tal-produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni

5.4.1.   Rimarki preliminari u data relatata mal-industrija tal-Unjoni

(35)

Fin-nuqqas ta’ kummenti f’dan ir-rigward, is-sejbiet provviżorji stipulati fil-premessi 95 sa 107 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

5.4.2.   Il-kobor tal-marġini reali ta’ dumping

(36)

Fin-nuqqas ta’ kummenti f’dan ir-rigward, il-premessa 108 tar-Regolament provviżorju hija b’dan kkonfermata.

5.5.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(37)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet provviżorji stipulati fil-premessi 109 sa 112 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

6.   KAWŻALITÀ

(38)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment dwar is-sejbiet provviżorji li jikkonċernaw ir-rabta kawżali bejn id-dumping u l-ħsara. Konsegwentament hija kkonfermat li l-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ ikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku u li ma hemmx fatturi oħra magħrufa li huma tali li jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ u l-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, qed jiġu kkonfermati l-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi 113 sa 136 tar-Regolament provviżorju.

7.   INTERESS TAL-UNJONI

7.1.   L-industrija tal-Unjoni

(39)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi 138 sa 142 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

7.2.   L-impurtaturi/bejjiegħa bl-ingrossa

(40)

Il-kooperazzjoni mis-settur tal-importazzjoni kienet baxxa ħafna u, kif diġà ssemma fil-premessa 146 tar-Regolament provviżorju, żewġ importaturi biss kienu ppreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju. Kif imsemmi fil-premessa 23 wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, l-akbar importatur (Robinson Young, UK) saritlu żjara biex tiġi verifikata t-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju. Il-verifika rriżultat f’korrezzjoni tal-profittabilità rrappurtata ta’ din il-kumpannija dwar l-attivitajiet rilevanti tagħha. Bħala konsegwenza, il-marġini tal-profitt medju peżat taż-żewġ importaturi li kkooperaw li ttieħdu bħala kampjun niżel. Madankollu, it-tnaqqis fil-profitt tal-importaturi li kkooperaw ma kienx meqjus sinifikanti f’termini tal-analiżi tal-interess tal-Unjoni għax iż-żewġ rati ta’ profitt (qabel u wara l-korrezzjoni) kien moderat.

(41)

Wieħed mill-importaturi fil-kampjun kkontesta l-konklużjoni preliminari miġbur fil-qosor fil-premessa 148 tar-Regolament provviżorju li l-impatt tal-miżuri fuq is-settur tal-importazzjoni fit-totalità tiegħu ma jkunx sproporzjonat peress li jista’ jkun mġiegħel joħroġ mis-suq jekk il-miżuri jkunu kkonfermati. Madankollu, fir-Regolament provviżorju kien fil-fatt konkluż li l-industrija tal-Unjoni tista’ tirbaħ lura xi kuntratti għad-detriment tas-settur tal-importazzjoni. Madankollu, ma hemm l-ebda dubju li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat se jkomplu jaqdu s-suq tal-Unjoni, għalkemm issa fuq il-bażi ta’ kompetizzjoni ġusta u, għalhekk, possibbilment fuq skala iżgħar. Fid-dawl ta’ dan, huwa kkonfermat li l-impatt kumplessiv fuq is-settur tal-importazzjoni mhuwiex sproporzjonat.

(42)

Ma waslux aktar kummenti jew informazzjoni dwar l-interessi tal-importaturi jew tal-bejjiegħa bl-ingrossa. Għalhekk, is-sejbiet provviżorji fil-premessi 143 sa 149 tar-Regolament provviżorju dwar l-interess ta’ dawk il-gruppi huma b’dan ikkonfermati.

7.3.   Bejjiegħa bl-imnut u l-Konsumaturi

(43)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-interess tal-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi, il-premessi 150 sa 153 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

7.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(44)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet provviżorji dwar l-interess tal-Unjoni huma kkonfermati, jiġifieri ma hemmx raġunijiet b’saħħithom kontra l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju f’rombli li joriġinaw fir-RPĊ.

8.   MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI

8.1.   Livell ta’ tneħħija tal-ħsara

(45)

Wara d-divulgazzjoni tas-sejbiet provviżorji, Ningbo Favored għamlet sottomissjoni dwar il-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-marġnijiet ta’ ħsara. Il-kumpannija sostniet li l-aġġustamenti li saru lill-istruttura PCN kienu ħolqu żbilanċ. B’mod partikolari, kien allegat li l-ispejjeż tal-imballaġġ probabbilment kienu responsabbli għad-distorzjoni tad-data. It-tieni punt kkonċerna l-metodu użat sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust f’termini ta’ livell ta’ kummerċ. Fl-istadju provviżorju d-data tal-Unjoni ġiet maqsuma bejn kanali ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, madankollu, Ningbo Favored argumentat li dan ħoloq żewġ prezzijiet ta’ mira għal kull tip ta’ prodott u qalet li dan huwa kontra l-liġi.

(46)

B’referenza għat-talba dwar l-aġġustament li sar fl-istruttura tal-PCN, simulazzjonijiet wrew li jista’ jkun hemm distorsjonijiet ‘jekk ma sar l-ebda aġġustament. Dawk il-bidliet fl-istruttura tal-PCN (li kienu verament konsolidazzjoni ta’ data biex jitjiebu t-taqbil tar-rati u r-rappreżentattività) neħħew id-distorsjonijiet u tejbu l-affidabbiltà tal-kalkoli. Għaldaqstant, din it-talba jkolha tiġi rrifjutata.

(47)

It-tieni kwistjoni mqajma minn Ningbo Favored, rigward il-metodu provviżorjament applikat sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust f’termini ta’ livell ta’ kummerċ, kien analizzat kif dovut ukoll. F’dan ir-rigward instab li għalkemm il-prezzijiet normalment kienu differenti bejn iż-żewġ kanali tal-bejgħ, l-ebda xejra identifikabbli jew konsistenti ma kienet preżenti fil-każ attwali. Tabilħaqq, f’ċerti każijiet, il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-produttur lill-bejjiegħa bl-imnut kienu jkunu aktar baxxi minn dawk lil bejjiegħa bl-ingrossa, filwaqt li f’każijiet oħra, l-oppost ikun il-każ. Għalhekk ġie deċiż li tiġi aċċettata din it-talba li ma għandux isir aġġustament fil-livell kummerċjali minħabba li l-kondizzjonijiet għal aġġustament bħal dawn ma ġewx issodisfati. Konsegwentement, il-kalkoli definittivi tal-livelli ta’ tneħħija ta’ ħsara ġew magħmula fuq il-bażi ta’ prezzijiet konsolidati kemm tal-produtturi esportaturi kif ukoll tal-industrija tal-Unjoni, mingħajr ma sar aġġustament għal-livell ta’ kummerċ. Din il-bidla fil-metodoloġija affettwat ftit il-marġnijiet ta’ ħsara.

(48)

Bħala rispons għad-divulgazzjoni definittiva, Ningbo Favored argumentat li l-metodu użat biex jiġi kkalkulat il-bejgħ bi prezz imwaqqa’ kien difettuż u mhux affidabbli minħabba li, fuq in-naħa tal-industrija tal-Unjoni, il-punt ta’ tluq kien il-prezz tal-bejgħ tal-Unjoni għal kull PCN minflok il-kost tal-produzzjoni għal kull PCN. Ningbo Favored ikkonkludiet li s-COP għal kull PCN ma kienx użat minħabba li l-uffiċjali tal-Kummissjoni “ma saħqux” mal-kumpannija biex tipprovdi d-data rilevanti u b’hekk il-proċediment għandu jitwaqqaf minħabba “nuqqas ta’ evidenza”.

(49)

Madankollu r-Regolament bażiku ma jippreskrivix kif għandu jiġi stabbilit il-prezz mira tal-industrija tal-Unjoni. Hija prattika komuni dan isir jew fuq il-bażi tal-kost tal-produzzjoni għal kull PCN flimien mal-profitt mira jew bl-użu tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-fabbrika għal kull PCN lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni u bl-aġġustament tagħhom bil-profitt/telf reali li jsir matul l-IP u biż-żieda tal-profitt mira stabbilit. Iż-żewġ metodi huma affidabbli u jistgħu jintużaw minflok xulxin (skont iċ-ċirkostanzi). Fl-investigazzjoni, it-tieni metodu (jiġifieri fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ reali tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati) intuża minħabba li mhux il-prodotturi kollha tal-Unjoni fil-kampjun setgħu jikkalkulaw COP affidabbli għal kull PCN.

(50)

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-allegazzjoni li l-metodu adottat mhuwiex affidabbli u t-talba li l-proċediment b’hekk għandu jitwaqqaf mhumiex aċċettati.

(51)

Il-grupp CeDO talab li l-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-marġnijiet ta’ ħsara provviżorji tiegħu ma kinitx korretta għaliex ma kinitx tikkunsidra kompletament l-istruttura tal-Grupp CeDo. Tabilħaqq l-importatur CeDo UK, relatat ma’ produttur esportatur li kkoopera li ntuża fil-kampjun (“CeDo (Shangai)”), jipprovdi lis-suq tal-Unjoni bil-fojl prodott kemm fir-RPĊ kif ukoll fl-Unjoni, kollu inkanalat permezz ta’ importatur/negozjant relatat. Il-kumpannija qalet li SGA ta’ dan l-importatur relatat u l-marġni ta’ profitt ma kellhomx jitnaqqsu mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tas-CeDO għax il-kompetizzjoni sseħħ fil-livell ta’ konsumaturi fl-Unjoni. Qalet li l-prezzijiet tal-bejgħ tas-CeDO fil-livell tal-konsumaturi ma jkunux ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

(52)

Id-dikjarazzjoni tas-CeDo fir-rigward tal-prezzijiet tal-bejgħ tagħha vis-à-vis dawk tal-industrija tal-Unjoni kienet ikkontestata minn bosta sottomissjonijiet minn produtturi tal-Unjoni li lmentaw. Madankollu, din il-kwistjoni ma setgħetx tiġi investigata aktar minħabba li l-informazzjoni mogħtija mill-partijiet ma setgħetx tiġi verifikata f’stadju daqstant avvanzat fl-investigazzjoni.

(53)

Dwar is-sustanza, ta’ min jinnota li l-iskop tal-kalkolu ta’ marġini ta’ ħsara huwa li jiddetermina jekk l-applikazzjoni lill-prezz CIF tal-importazzjonijiet dumped, ta’ rata ta’ dazju iktar baxxa minn dik ibbażata fuq il-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed sabiex titneħħa l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet dumped. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prezz CIF tal-importazzjoni inkwistjoni, li hu meqjus bħala livell komparabbli mal-prezz tal-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Fil-każ ta’ importazzjonijiet li jsiru permezz ta’ importaturi relatati, b’analoġija mal-approċċ segwit għal kalkuli tal-marġni tad-dumping, li l-kalkoli tal-marġni ta’ ħsara jistgħu jisostitwixxu għad-determinazzjoni tar-rata ta’ dazju skont ir-regola tad-dazju inferjuri, il-prezz CIF huwa ffissat fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel konsumatur indipendenti aġġustat kif xieraq skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. It-tieni u mingħajr preġudizzju għal dawn l-osservazzjonijiet tal-aħħar, ta’ min jinnota li l-metodoloġija rakkommandata minn CeDo twassal għall-użu inevitabbli ta’ prezzijiet relatati mal-produzzjoni fl-Unjoni mis-CeDo tal-fojl tal-aluminju minħabba li, kif issemma hawn fuq, l-importatur/negozjant relatat forna lis-suq tal-Unjoni b’fojl tal-aluminju prodott kemm fiċ-Ċina kif ukoll fl-Unjoni.

(54)

CeDo reġgħet lura għall-kwistjoni ta’ hawn fuq fl-istadju definittiv. Hija talbet ukoll biex tinstema mill-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġeneral għall-Kummerċ u ġie organizzata seduta biex tiġi diskussal-kwistjoni. CeDo saħqet l-argumenti preċedenti tagħha u kkontestat ukoll l-ispjegazzjoni ta’ hawn fuq li tikkonċerna l-Artikolu 2(9), fejn stqarret li l-Artikolu 2(9) jidher taħt id-dsipożizzjonijiet tad-dumping tar-Regolament bażiku u ma jistax jintuza b’analoġija għall-kalkolu tal-ħsara. L-istituzzjonijiet ġibdu l-attenzjoni li għalkemm l-Artikolu 2 jitratta kwistjonijiet ta’ dumping, l-Artikolu 2(9) tiegħu jaqa’ taħt il-subkapitolu “il-prezz tal-esportazzjoni” u jagħti gwida għal kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni fil-każ ta’ bejgħ tal-Unjoni permezz ta’ importatur relatat. L-ebda dispożizzjoni ieħor fir-Regolament bażiku ma tagħti iktar gwida speċifika f’dan ir-rigward.

(55)

CeDo qajmet il-kwistjoni tas-sentenza Kazchrome (4) tal-Qorti Ġenerali li hija allegat li tipprovdi gwida f’dan ir-rigward billi tgħid li l-aktar mod preċiż tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet ikun li jiġu mqabbla l-prezzijiet tal-importazzjoni mal-prezzijiet tal-prodotti tal-industrija tal-Komunità bl-inklużjoni tal-ispejjeż kollha mġarrba sal-postijiet tal-konsumaturi. Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-Qorti rrikonoxxiet ukoll li dan l-approċċ mhuwiex prattiku u s-sentenza tagħmilha ċara li l-prezzijiet CIF huma metodoloġija aċċettabbli għall-kalkolu tal-marġnijiet ta’ ħsara. Barra minn hekk, il-każ Kazchrome kien marbut ma’ sitwazzjoni speċjali li tinvolvi prodotti li l-ewwel daħlu fis-suq tal-UE mill-Litwanja (fi tranżitu) u mbagħad marru Rotterdam fejn ġew ikklerjati mid-dwana. F’dak il-każ, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tikkalkula t-twaqqigħ tal-prezzijiet u l-bejgħ bi prezz imwaqqa’ fuq il-bażi tal-prezz fil-punt ta’ tranżitu u mhux tal-prezz wara l-ikklerjar doganali. Dan mhuwiex il-każ fl-investigazzjoni attwali fejn mhux qed jiġi kkontestat li l-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ u l-kalkoli tat-twaqqigħ huma bbażati fuq il-prezz CIF tas-CeDo wara l-ikklerjar doganali. Barra minn hekk, fis-sentenza Kazchrome il-Qorti limitat b’mod ċar il-konklużjonijiet tagħha għal dak il-każ speċifiku.

(56)

CeDo qajmet ukoll il-kwistjoni ta’ paragun ġust u kkwotat żewġ Rapporti tal-Panel tad-WTO (5). L-istituzzjonijiet huma ssodisfati li l-prezzijiet tas-CeDo kif stabbiliti mis-servizzi tal-Kummissjoni u l-prezzijiet tal-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni (kemm għat-twaqqigħ tal-prezzijiet u l-bejgħ bi prezz imwaqqa’) jipprovdu bażi ta’ paragun ġust u raġonevoli. Għandu jitfakkar li tqabbil perfett jkun ifisser li biss offerti għall-istess kuntratt għandhom jiġu kkunsidrati għax huwa biss wara dan li l-kundizzjonijiet tal-bejgħ ikunu identiċi. Hekk kif paragun perfett mhux possibbli, hawn l-istituzzjonijiet huma ssodisfati li metodoloġija li tuża l-prezzijiet medji mħallsa għal prodotti simili tul il-perijodu ta’ sena IP hija ġusta. Dik il-metodoloġija ġiet komunikata b’mod ċar permezz ta’ divulgazzjoni.

(57)

Barra minn hekk, huwa kkunsidrat li l-metodu rrakkomandat minn CeDo jwassal għal trattament mhux ugwali fil-kalkolu tal-marġnijiet tagħha u ta’ dawk ta’ esportatur produtturi oħrajn fil-kampjun li jbigħu lil importaturi indipendenti. Il-metodoloġija użata għall-produtturi esportaturi l-oħra fil-kampjun kienet ibbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell CIF li ovvjament teskludi l-SGA tal-Unjoni u l-profitt għal bejgħ mill-ġdid fl-Unjoni wara l-ikklerjar doganali. Il-Kummissjoni tqis li l-istabbiliment tal-prezz tal-importazzjoni rilevanti għat-twaqqigħ tal-prezz u l-bejgħ bi prezz imwaqqa’ ma għandux ikun influwenzat minn jekk l-esportazzjonijiet humiex magħmula lil operaturi relatati jew indipendenti fl-Unjoni. Il-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni tiżgura li ż-żewġ ċirkostanzi jirċievu trattament ugwali. Fl-aħħar nett, kif diġà msemmi fil-premessa 53, l-approċċ mitlub mis-CeDo jkun, b’mod partikolari fiċ-ċirkostanzi ta’ din il-kumpannija, iħawwad u jċajpar iż-żewġ kwalitajiet distinti li fihom is-CeDo topera bħala fornitur ta’ folji tal-aluminju għas-suq tal-Unjoni. Tabilħaqq, CeDo tipprovdi lis-suq tal-Unjoni, l-ewwel, bħala produttur li jinsab fl-Unjoni u, it-tieni, bħala rivenditur ta’ folji tal-aluminju importati miċ-Ċina. L-għan tal-kalkoli tal-marġini ta’ ħsara mhuwiex li jkejjel sa liema punt il-bejgħ tas-CeDo UK, bħala produttur importatur tal-Unjoni, qed jikkawża ħsara għall-produtturi tal-Unjoni iżda pjuttost dwar jekk l-esportazzjonijiet minn CeDo Shanghai għandhomx dan l-effett billi jwaqqgħu l-prezzjiet u jinbiegħu taħt il-prezz tal-produtturi tal-Unjoni. Għal dak il-għan, il-prezz rilevanti li għandu jitqies huwa l-prezz li bih il-prodott ikkonċernat huwa mibjugħ lill-Unjoni, u mhux il-prezz li bih li l-materjali importati jerġgħu jinbiegħu mill-importaturi produtturi fl-Unjoni. Dan huwa konsistenti mal-approċċ meħud meta jiġi kkalkolat il-marġini ta’ ħsara attribwibbli għall-importazzjonijiet magħmula minn produtturi domestiċi fl-Unjoni.

(58)

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ddikjarat li l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni ġew aġġustati għal livell ta’ prezz tal-fabbrika bit-tnaqqas mhux biss ta’ noti ta’ kreditu, skontijiet u tnaqqis fil-prezzijiet iżda wkoll permezz ta’ kummissjonijiet (forma ta’ spiża tal-bejgħ) u l-ispejjeż relatati mat-trasport. Għalhekk it-tqabbil tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tal-importatur ma’ prezz tal-fabbrika tal-Unjoni ma jkunx paragun ġust.

(59)

Għar-raġunijiet mistqarra hawn fuq, instab li t-talba għar-reviżjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-marġni ta’ ħsara tas-CeDo ma setgħex tiġi aċċettata.

(60)

Madankollu, il-marġni ta’ profitt rivedut tal-importaturi mhux relatati (modifikat għar-raġunijiet spjegati fil-premessa 23) kellu impatt fuq il-marġni ta’ ħsara tas-CeDo, hekk kif dan huwa mnaqqas mill-prezz għall-bejgħ mill-ġdid. Fl-aħħar nett, kull marġini ta’ bejgħ bi prezz imwaqqa’ kien affettwat mill-korrezjoni ta’ żball klerikali żgħir fl-applikazzjoni tal-profitt mira fl-istadju provviżorju.

(61)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-marġnijiet ta’ ħsara definittivi huma kif ġejjin:

Isem il-Kumpannija

Il-bejgħ taħt il-prezz

CeDo (Shanghai) Ltd.

14,2  %

Ningbo Favored Commodity Co., Ltd.

14,6  %

Ningbo Times Aluminium Foil Technology Co., Ltd

15,6  %

Il-medja peżata għal ko-operaturi oħra

14,6  %

Residwu

35,6  %

8.2.   Miżuri definittivi

(62)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu rigward id-dumping, il-ħsara, il-kawżazzjoni u l-interess tal-Unjoni, u skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-folji tal-aluminju f’rombli li joriġinaw mir-RPĊ fil-livell tal-inqas marġnijiet tad-dumping u ta’ ħsara misjuba, skont ir-regola tad-dazju l-aktar baxx. F’dan il-każ, ir-rata tad-dazju għandha tiġi stabbilita kif xieraq fil-livell tal-marġnijiet ta’ ħsara li nstabu.

(63)

Fuq il-bażi ta’ hawn fuq, ir-rata li biha se jiġu imposti dawn id-dazji hija stabbilita kif ġej:

Isem il-Kumpannija

Marġini tad-dumping

Marġni tal-eliminazzjoni tal-ħsara

Rata tad-Dazju Antidumping

CeDo (Shanghai) Ltd.

37,4  %

14,2  %

14,2  %

Ningbo Favored Commodity Co., Ltd.

30,6  %

14,6  %

14,6  %

Ningbo Times Aluminium Foil Technology Co., Ltd.

32,9  %

15,6  %

15,6  %

Kumpanniji oħra li kkooperaw

34,9  %

14,6  %

14,6  %

Marġni ta’ dumping għall-pajjiż kollu

45,6  %

35,6  %

35,6  %

(64)

Ir-rati tad-dazju antidumping tal-kumpanniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (bil-maqlub tad-dazju komuni għall-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpanniji l-oħra kollha”) huma għalhekk esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mir-RPĊ u li jiġu prodotti mill-kumpanniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. L-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpannija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament b’isimha u bl-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma tistax tibbenefika minn dawn ir-rati u għandha tkun soġġetta għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpanniji l-oħrajn kollha”.

(65)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ evażjoni minħabba d-differenza għolja fir-rati tad-dazju, huwa kkunsidrat li huma meħtieġa miżuri speċjali f’dan il-każ biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tad-dazji antidumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu l-preżentazzjoni lill-awtoritajiet Doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet mhux akkumpanjati minn tali fattura se jkunu soġġetti għad-dazju antidumping residwali applikabbli għall-esportaturi l-oħra kollha.

(66)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpanniji li jibbenefikaw minn rati aktar baxxi tad-dazju individwali jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bћala li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fix-xejra tal-kummerċ dovuta għall-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Fit-tali ċirkostanzi u sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista’ tibda investigazzjoni kontra l-evażjoni. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ћtieġa għat-tneћћija tar-rati tad-dazju individwali u għall-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(67)

Kwalunkwe talba għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ dazju antidumping individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew il-bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (6) flimkien mal-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari kwalunkwe bidla fl-attivitajiet tal-kumpannija marbuta mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni, assoċjata ma’ pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew il-bejgħ. Jekk ikun xieraq, dan ir-Regolament jiġi mbagħad emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpanniji li jgawdu minn rati ta’ dazju antidumping individwali.

(68)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazju antidumping, il-livell ta’ dazju għall-pajjiż kollu għandu japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma jikkooperawx iżda wkoll għal dawk il-produtturi li ma jkollhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-IP.

(69)

Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejn kwalunkwe esportatur ġdid u l-kumpanniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, elenkati fit-tabella fl-Artikolu 1(2) bir-rata medja tad-dazju tal-kampjun ta’ 14,6 %, għandha ssir dispożizzjoni għad-dazju medju peżat impost fuq dawn il-kumpanniji tal-aħħar biex jiġu applikati lil kwalunkwe esportatur ġdid li li kieku jkun intitolat għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku peress li dak l-Artikolu ma japplikax fejn ikun intuża t-teħid ta’ kampjun.

(70)

Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju f’rombli li joriġinaw fir-RPĊ u l-ġbir definittiv tal-ammonti garantiti permezz tad-dazju provviżorju (divulgazzjoni finali). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar din id-divulgazzjoni finali.

(71)

Il-kummenti orali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu fejn kien xieraq.

9.   ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVVIŻORJU

(72)

Minħabba l-kobor tal-marġnijiet ta’ dumping misjuba u fid-dawl tal-livell ta’ ħsara kkważata lill-industrija tal-Unjoni, jitqies li hu meħtieġ li l-ammonti garantiti permezz tad-dazju antidumping provviżorju impost bir-Regolament provviżorju, għandhom jinġabru definittivament.

(73)

Fejn id-dazji definittivi huma ogħla mid-dazji provviżorji, l-ammonti garantiti fil-livell tad-dazji provviżorji biss għandhom jinġabru b’mod definittiv, waqt li l-ammonti garantiti lil hinn mir-rata definittiva tad-dazji antidumping għandhom jiġu rilaxxati.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv antidumping huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet tal-folji tal-aluminju bi ħxuna ta’ 0,007 mm jew aktar iżda anqas minn 0,021 mm, mingħajr it-tieni folja, mhux maħduma aktar milli rrumblat, iżda sew jekk imbuzzat u sew jekk le, b’rombli ta’ piż baxx ta’ mhux aktar minn 10 kg, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM ex 7607 11 11 u ex 7607 19 10 (kodiċijiet TARIC 7607111110 u 7607191010) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju definittiv antidumping applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpanniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpannija

Dazju

Kodiċi addizzjonali TARIC

CeDo (Shanghai) Ltd., Shanghai

14,2  %

B299

Ningbo Favored Commodity Co., Ltd., Yuyao City

14,6  %

B301

Ningbo Times Aluminium Foil Technology Co., Ltd., Ningbo

15,6  %

B300

Able Packaging Co., Ltd., Shanghai

14,6  %

B302

Guangzhou Chuanlong Aluminium Foil Product Co., Ltd., Guangzhou

14,6  %

B303

Ningbo Ashburn Aluminium Foil Products Co., Ltd., Yuyao City

14,6  %

B304

Shanghai Blue Diamond Aluminium Foil Manufacturing Co., Ltd., Shanghai

14,6  %

B305

Weifang Quanxin Aluminum Foil Co., Ltd., Linqu

14,6  %

B306

Zhengzhou Zhuoshi Tech Co., Ltd., Zhengzhou City

14,6  %

B307

Zhuozhou Haoyuan Foil Industry Co., Ltd., Zhouzhou City

14,6  %

B308

Zibo Hengzhou Aluminium Plastic Packing Material Co., Ltd., Zibo

14,6  %

B309

Yuyao Caelurn Aluminium Foil Products Co., Ltd., Yuyao

14,6  %

B310

Il-kumpanniji l-oħra kollha

35,6  %

B999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpanniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiddependi fuq il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti mniżżla fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Jekk din il-fattura ma tiġix ippreżentata japplika d-dazju applikabbli għall-“kumpanniji l-oħra kollha”.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti depożitati bħala titolu ekwivalenti għad-dazju ta’ antidumping provviżorju skont ir-Regolament (UE) Nru 833/2012 għandhom jinġabru definittivament. L-ammonti depożitati ogħla mill-ammont tad-dazji antidumping definittivi għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Fejn kwalunkwe produttur esportatur ġdid fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

huwa ma esportax lejn l-Unjoni l-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu tal-investigazzjoni (mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011),

huwa mhux relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament,

huwa effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li huwa jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni,

il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi fuq proposta mressqa mill-Kummissjoni li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv, jista’ jemenda l-Artikolu 1(2) billi jżid lill-produttur esportatur il-ġdid mal-kumpanniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u għalhekk soġġetti għar-rata tad-dazju medja ppeżata ta’ 14,6 %.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GILMORE


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 251, 18.9.2012, p. 29.

(3)  ĠU L 331, 1.12.2012, p. 56.

(4)  Kawża T-107/08 Transnational Company ‘Kazchrome’ AO and ENRC Marketing AG v. il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea [2011] (għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra).

(5)  Rapport tal-Panel tad-WTO, iċ-Ċina — CVD and AD Duties on Grain Oriented Flat-Rolled Electrical Steel from USA — WT/DS414/R and AD Measure on Farmed Atlantic Salmon from Norway — WT/DS337/R.

(6)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Office: NERV-105, 08/020, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.


ANNESS

Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li qed toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej, għandha tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3):

(1)

l-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li qed toħroġ il-fattura kummerċjali;

(2)

id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, hawn taћt iffirmat, niddikjara li (l-volum) ta’ folji tal-aluminju f’rombli mibjugħa gћall-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea u li huwa kopert b’din il-fattura, ġie manifatturat minn (l-isem u s-sede reġistrata tal-kumpannija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Jiena niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.

Data u firma”.


Top