EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0134

2011/134/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 24 ta’ Marzu 2010 C 4/03 (ex NN 102/02) dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata mill-Italja favur WAM SpA (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1711 cor.) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 57, 2.3.2011, p. 29–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/134(1)/oj

2.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Marzu 2010

C 4/03 (ex NN 102/02) dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata mill-Italja favur WAM SpA

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1711 cor.)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/134/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE (1) dwar l-għajnuna C 4/03 (ex NN 102/02) (2),

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-artikoli msemmija hawn fuq u wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet mibgħuta,

Billi:

I.   PROĊEDURA

Proċedura quddiem il-Kummissjoni

(1)

B’ittra tas-26 ta’ Lulju 1999 il-Kummissjoni rċeviet ilment kontra WAM Engineering Ltd, fejn intqal li WAM Spa ngħatat kontribuzzjonijiet pubbliċi illeġittimi min-naħa tal-Italja.

(2)

Intbagħtu talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Taljani b’ittri tal-5 ta’ Awwissu 1999 u tal-10 ta’ Settembru 1999. Il-kwerelant ittrasmetta informazzjoni oħra b’ittra tat-2 ta’ Settembru 1999. B’ittra tat-13 ta’ Diċembru 1999 il-Kummissjoni kkomunikat lill-kwerelant it-tweġiba tal-awtoritajiet Taljani, li waslet b’ittra tal-11 ta’ Ottubru 1999, u ħabbret l-intenzjoni li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(3)

Fl-istess waqt, kien għaddej stħarriġ dwar ir-reġimi nazzjonali ta’ sostenn għall-investimenti barranin diretti ddestinati għal pajjiżi terzi, li kellu jintemm b’komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar dan.

(4)

B’ittra tat-18 ta’ Diċembru 2001 il-Kummissjoni talbet lill-Italja informazzjoni ulterjuri, wara l-azzjoni mġedda tal-kwerelant (intbagħtu żewġ talbiet lill-Kummissjoni b’ittri tal-31 ta’ Marzu 2000 u tal-11 ta’ Ottubru 2000), meta jitqies ukoll li l-Kummissjoni kienet ipposponiet l-istħarriġ dwar l-investimenti barranin diretti.

(5)

Fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija bl-ittri tal-20 ta’ Frar 2002 u tas-27 ta’ Marzu 2002, saru mistoqsijiet ulterjuri lill-awtoritajiet Taljani b’ittra tat-12 t’April 2002.

(6)

L-awtoritajiet Taljani wieġbu b’ittra tal-21 ta’ Mejju 2002. B’ittra tal-5 ta’ Ġunju 2002 il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Taljani li kienet qed tqis l-informazzjoni mogħtija bħala mhux kompleta u talbithom jipprovdu l-informazzjoni nieqsa u kjarifiki ulterjuri, fi żmien għoxrin jum ta’ xogħol minn meta jirċievu l-ittra.

(7)

Minħabba li ma waslet l-ebda tweġiba u minkejja li l-awtoritajiet Taljani, b’ittra tal-25 ta’ Ġunju 2002, kienu talbu li l-iskadenza prevista tiġi mtawla għall-31 ta’ Lulju, fis-26 ta’ Settembru 2002 il-Kummissjoni adottat, inġunzjoni biex tingħata informazzjoni, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (3) (minn hawn ‘il quddiem: ir-‘Regolament (KE) Nru 659/1999’). Sadanittant il-każ ġie ttrasferit fir-reġistru tal-għajnuniet mhux notifikati (NN) u ġie attribwit in-numru NN 102/2002.

(8)

B’ittri tas-26 ta’ Ġunju 2002 u tal-4 t’Ottubru 2002, il-kwerelant ġie mgħarraf bil-progress tal-proċedura. B’ittra tal-31 t’Ottubru 2002, huwa talab li jkun jaf bl-eżitu tal-imsemmija inġunzjoni.

(9)

L-awtoritajiet Taljani taw l-informazzjoni mitluba b’ittra tas-16 t’Ottubru 2002 u kkomunikaw aktar informazzjoni b’ittra tal-24 t’Ottubru 2002.

(10)

B’ittra tal-24 ta’ Jannar 2003 il-Kummissjoni infurmat lill-Italja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura kif stipulata fl-Artikolu 88(2), tat-trattat KE, li attwalment huwa l-Artikolu 108(2) tat-TFUE, fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni (4).

(11)

Il-kwerelant ġie infurmat b’ittra tad-29 ta’ Jannar 2003.

(12)

Minħabba li kien għadu ma rċeviex din l-ittra, il-kwerelant bagħat lill-Kummissjoni tfakkira b’ittra tal-10 ta’ Frar 2003.

(13)

Wara l-komunikazzjoni lill-awtoritajiet Taljani fuq il-bidu tal-proċedura, WAM SpA bagħtet immedjatament ittra lill-Kummissjoni (ittra tal-10 ta’ Frar 2003).

(14)

B’ittra tas-27 ta’ Frar 2003 l-Italja talbet estensjoni, sas-7 ta’ Marzu 2003, tal-perjodu ta’ 15-il jum li fih għandha tibgħat l-osservazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ riżervatezza, kif stabbilit mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(15)

B’ittra tal-10 ta’ Marzu 2003 l-Italja talbet lill-Kummissjoni biex ma tippubblikax id-deċiżjoni, minħabba x-xewqa tal-benefiċjarju li jirrimborża l-għajnuna, kif ġie ddikjarat mill-istess WAM SpA b’ittra tat-13 ta’ Marzu 2003, mibgħuta direttament lill-Kummissjoni.

(16)

B’ittra tat-18 ta’ Marzu 2003 il-Kummissjoni indikat li, sabiex tiġi evitata l-pubblikazzjoni, kienet meħtieġa deċiżjoni definittiva għall-għeluq tal-każ, bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata l-prova li ż-żewġ għajnuniet flimkien mal-imgħax, ikkalkulati skont modalità approvata mill-Kummissjoni, ġew tassew irkuprati.

(17)

Minħabba li ċ-ċifra proposta mill-gvern Taljan b’ittra tat-13 ta’ Mejju 2003 kienet konsiderevolment inferjuri għall-ewwel stima tal-għotja ekwivalenti għall-għajnuna kkalkulata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-elementi disponibbli fil-mument tal-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni infurmat lill-Italja b’ittra tat-22 ta’ Mejju 2003 li ċ-ċifra proposta għar-rimborż ma kinitx taqbel mal-kriterji tagħha, u li l-pubblikazzjoni suppost saret fi żmien qasir.

(18)

B’ittra tat-13 ta’ Ġunju 2003 il-kwerelant talab informazzjoni fuq il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni. Il-Kummissjoni wieġbet b’ittra tat-18 ta’ Ġunju 2003. Dakinhar stess lill-kwerelant intbagħtet komunikazzjoni oħra b’ittra elettronika fejn ġie infurmat immedjatament li l-pubblikazzjoni kienet għadha kif saret.

(19)

B’ittra tal-1 ta’ Lulju 2003, ippreċeduta minn feks (mibgħut dakinhar stess), WAM SpA bagħtet talba għall-aċċess tal-fajl kollu, talba li l-Kummissjoni ċaħdet b’ittra tal-14 ta’ Lulju 2003.

(20)

B’ittra tal-20 ta’ Ġunju 2003 WAM SpA wieġbet direttament il-komunikazzjoni li biha l-Kummissjoni kienet qed tinforma lill-Italja bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni. Il-Kummissjoni wieġbet b’ittra tal-11 ta’ Lulju 2003.

(21)

B’ittra tas-27 ta’ Ġunju 2003 il-kwerelant esprima l-intenzjoni li jitlob kumpens minn WAM SpA għat-telf li ġarrab f’każ li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni kienet negattiva, u talab li jkun infurmat bil-proċedura li kellha tiġi segwita.

(22)

B’ittra tal-4 ta’ Lulju 2003 Morton Machine Company Limited, il-kwerelant, ikkomunikat li kienet inbdiet azzjoni ġudizzjarja kontriha quddiem qorti Taljana minn WAM SpA, li min-naħa tagħha kienet qed titlob kumpens, u talbet lill-Kummissjoni jekk setgħetx tikseb l-irtirar ta’ din iċ-ċitazzjoni.

(23)

B’ittra tal-10 ta’ Lulju 2003 il-Kummissjoni wieġbet għaż-żewġ ittri ta’ Morton Machines Company.

(24)

B’ittra tas-16 ta’ Lulju 2003 il-partijiet terzi interessati kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom u talbu li dawn jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali.

(25)

Nhar it-23 ta’ Lulju 2003 saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani. Qabel il-laqgħa, l-awtoritajiet Taljani kienu taw xi informazzjoni b’ittra tat-22 ta’ Lulju 2003, irreġistrata fil-25 ta’ Lulju 2003, data ta’ meta ġiet irċevuta. Informazzjoni addizzjonali kienet intbagħtet lill-Kummissjoni, b’ittra tat-8 t’Awwissu 2003, direttament mill-uffiċċju tal-Presidente del Consiglio (Dipartimento per il coordinamento delle politiche comunitarie).

(26)

B’ittra tal-21 t’Awwissu 2003 Morton Machine Company Limited staqsiet jekk kinitx ġa ġiet adottata deċiżjoni finali u talbet li tkun aġġornata dwar l-andament tas-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni wieġbet b’ittra tat-28 t’Awwissu 2003.

(27)

B’ittra tad-19 ta’ Settembru 2003 l-Italja ppreżentat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni li tibda proċeduri ta’ stħarriġ formali.

(28)

B’ittra tat-3 ta’ Novembru 2003, l-Italja kkomunikat il-kummenti tagħha fuq l-osservazzjonijiet li ngħatat mill-partijiet terzi interessati.

(29)

Wara t-talba ta’ kumpens minn WAM SpA tat-30 ta’ Lulju 2003, is-Segretarjat ġenerali kkonferma ċ-ċaħda tal-aċċess għad-dokumenti b’ittra tas-16 ta’ Settembru 2003.

(30)

Il-fajls neqsin mit-tweġiba tad-19 ta’ Settembru 2003 ntbagħtu mill-Italja b’ittra tal-14 ta’ Jannar 2004.

(31)

Fid-19 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 7(3)(5) tar-Regolament KE Nru 659/1999 (5).

Proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-ġustizzja

(32)

Kemm WAM SpA u kemm l-Italja ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2004 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, għaqdet iż-żewġ kawżi u fis-6 ta’ Settembru 2006 tat sentenza li biha annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, minħabba li din tal-aħħar ma kinitx ipprovdiet xierqa hekk li turi li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-għajnuna setgħet tinfluwenza l-iskambji u l-kompetizzjoni fis-suq tal-UE (6).

(33)

Il-Kummissjoni appellat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fit-30 t’April 2009 il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni (7).

II.   DESKRIZZJONI TAL-GĦAJNUNA

(34)

WAM SpA hija kumpanija inkorporata taħt il-liġi Taljana bis-sede tagħha f’Cavezzo, l-Italja. Fil-perjodu eżaminat - mill-1995 sal-2000 - hija operat fis-settur tal-produzzjoni u tat-tqegħid fis-suq ta’ trasportatori elikojdali, elikojdi, filtri tat-trab u valvoli għal impjanti industrijali. Fi swieq bħal dawn, l-għadd ta’ produtturi tal-UE huwa għoli. B’mod speċjali fil-qasam tal-filtri tat-trab, WAM SpA riedet tikkompeti ma’ sensiela ta’ produtturi tal-UE kompetituri akbar, mogħnija b’teknoloġiji avvanzati u bi struttura kummerċjali żviluppata sew (8).

(35)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-preżenza ta’ WAM SpA fis-suq Taljan, is-sehem tas-suq li kellha l-kumpanija fil-qasam tat-trasportaturi elikojdali għas-siment kien ekwivalenti għal 60 % fl-1991, 50 % fl-2000 u 55 % fl-2003. F’dak li għandu x’jaqsam mal-filtri tat-trab, is-sehem tas-suq ta’ WAM SpA f’dan il-qasam kien ta’ 40 % fl-1991, biex imbagħad laħqet 50 % fl-2000 u 60 % fl-2003 (9).

(36)

Mill-1997, WAM SpA firxet il-bejgħ tagħha anke fi swieq ta’ Stati Membri oħra tal-UE, b’mod partikolari fil-Ġermanja tal-Punent u Franza: fl-2000 is-sehem tas-suq li kellha l-kumpanija fil-qasam tat-trasportaturi elikojdali għas-siment kien ta’ 70 % fi Franza u fil-Ġermanja u ta’ 60 % fir-Renju Unit, filwaqt li f’dak li għandu x’jaqsam mal-filtri tat-trab is-sehem tas-suq ta’ WAM SpA kien ekwivalenti għal 50 % fi Franza, 20 % fil-Ġermanja u 10 % fir-Renju Unit (10).

(37)

Fl-1994 twaqqfet kumpanija sussidjarja Ġappuniża, WAM Japan, speċjalizzata fit-tqegħid fis-suq ta’ żewġ prodotti manifatturati fl-Italja u li l-ispejjeż ta’ trasport tagħhom kienu relattivament baxxi, jiġifieri l-filtri tat-trab u l-valvoli. Fl-1995 twaqqfet kumpanija sussidjarja Ċiniża, immaniġġjata għall-ewwel bħala impriża bi sħab flimkien ma’ msieħeb lokali u mbagħad mill-1998, bħala sussidjarja b’100 % propjetà ta’ Wam SpA (11).

(38)

Fil-perjodu eżaminat, WAM SpA kellha wkoll 84 % tal-kapital azzjonarju ta’ “WAM Engineering Ltd”, kumpanija inkorporata taħt il-liġi Ingliża bis-sede tagħha f’Tewkesbury, fir-Renju Unit. Il-qasam tas-suq li fih kienet topera WAM Engineering Ltd kien id-disinn, il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ miksers industrijali li jintużaw primarjament fl-industrija alimentari, kimika, farmaċewtika u ambjentali.

(39)

Filwaqt li rrefera għall-politika tal-prezzijiet immaniġġjata minn WAM Engineering Ltd fir-Renju Unit, il-kwerelant sostna li l-kumpanija kienet kapaċi toffri l-istess prodotti (miksers industrijali) li anke hu kien jipproduċi u jqiegħed fis-suq, għal bejn wieħed u ieħor terz tal-prezzijiet tiegħu – ċifra li skont hu bilkemm kienet tlaħħaq mal-ispejjeż tal-materja prima meħtieġa biex jiġi prodott il-makkinarju nnifsu – u dan grazzi, skont l-opinjoni tiegħu, għal finanzjamenti tal-gvern Taljan, mogħtija skont il-liġi tad-29 ta’ Lulju 1981 n. 394 (minn hawn ‘il quddiem: il-liġi 394/81).

(40)

Skont il-kwerelant, fil-qafas tal-liġi 394/81, WAM Engineering Ltd ngħatat għajnuna finanzjarja għal programmi ta’ penetrazzjoni kummerċjali f’pajjiżi li mhumiex parti mill-Unjoni Ewropea. Il-liġi 394/81 għenet b’mod partikolari lill-impriżi Taljani li kellhom il-ħsieb li jwaqqfu kumpanija sussidjarja barra mill-pajjiż taħt sura ta’ uffiċċji ta’ rappreżentanza, aġenziji tal-bejgħ u mħażen.

(41)

L-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li fl-1995 taw lil WAM SpA għajnuna f’forma ta’ self b’rata ta’ imgħax baxxa ekwivalenti għal ITL 2 281 450 000 (bejn wieħed u ieħor EUR 1,18 miljun) għal proġetti fil-Ġappun, il-Korea t’Isfel u t-Tajwan. Skont l-awtoritajiet Taljani, il-benefiċjarju ngħata self b’rata ta’ imgħax baxxa ekwivalenti għal 1 358 505 421 ITL (bejn wieħed u ieħor EUR 0,7 miljun), minħabba li l-proġetti previsti fil-Korea u fit-Tajwan ma twettqux minħabba l-kriżi ekonomika li kienet għaddejja f’dawk il-pajjiżi.

(42)

Is-self b’imgħax baxx kien ikopri 85 % tal-ispejjeż eliġibbli. Id-daqs tal-għajnuna fuq ir-rati tal-imgħax seta’ jasal sa 60 % tar-rata ta’ referenza. Is-self kellu jitħallas lura fi żmien ħames snin, fuq bażi lineari u fi kwoti ugwali kull semestru, bl-imgħax jitħallas fuq id-dejn li jifdal. Kien previst ukoll perjodu ta’ grazzja ta’ sentejn.

(43)

L-imgħax baxx ta’ dan is-self speċifiku, ugwali għal 4,4 %, ġie kkalkulat b’riferiment għar-rata tas-suq ta’ 11 %. Fid-dawl ta’ dak li ssemma aktar qabel u fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-ftuħ tal-proċedura, l-intensità tal-għajnuna kienet tidher li kienet ta’ 16,38 % tal- Għotja Sħiħa Ekwivalenti, korrispondenti għal għajnuna ta’ ITL 222,523 miljun (bejn wieħed u ieħor EUR 115 000).

(44)

L-ispejjeż eliġibbli ta’ din l-għajnuna nqasmu f’żewġ kategoriji: spejjeż tal-impjanti permanenti barra mill-pajjiż u spejjeż għall-attivitajiet ta’ promozzjoni kummerċjali. L-ispejjeż meqjusa, espressi f’miljuni ta’ ITL, jidhru fit-tabella segwenti:

(f’miljuni ta’ ITL)

SPEJJEŻ ELIĠIBBLI

SELF MOGĦTI

STRUTTURA PERMANENTI

Kera, assigurazzjoni, faċilitajiet

122,56

Spejjeż operattivi (b’mod partikolari dawk marbuta ma’ persunal, għamara u tagħmir tal-istrutturi permanenti)

556,94

Mudelli għall-espożizzjoni

38,23

Servizzi ta’ konsulenza

29,43

Subtotal 1

747,18

PROMOZZJONI KUMMERĊJALI

Ħażna tal-merkanzija

456,28

Stħarriġ dwar is-suq

40,95

Fieri u wirjiet

12,19

Reklamar

94,39

Safar fuq xogħol

7,52

Subtotal 2

611,33

Total

1 358,51

(45)

Barra minn hekk, b’ittra tal-21 ta’ Mejju 2002, l-awtoritajiet Taljani, bi tweġiba għal talba min-naħa tal-Kummissjoni, iddikjaraw li fid-9 ta’ Novembru 2000 ngħata self ieħor b’imgħax baxx lil WAM SpA, taħt l-istess skema, għal total ta’ 1 940 579 808 ITL (ekwivalenti għal bejn wieħed u ieħor miljun EUR).

(46)

Il-Kummissjoni ma kellhiex, fil-ħin tal-ftuħ tal-proċedura, informazzjoni preċiża dwar din l-għajnuna supplementari.

III.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

Għajnuna mogħtija lil WAM SpA fl-1995

(47)

L-awtoritajiet Taljani saħqu, fl-ittra tagħhom tal-21 ta’ Mejju 2002, li l-għajnuna mogħtija lil WAM SpA fl-1995, skont il-liġi 394/81, kienet ferm inqas mil-limitu “de minimis” u li ma ngħatat ebda għajnuna oħra “de minimis” lill-istess benefiċjarju tul l-istess perjodu ta’ tliet snin. Barra minn hekk, huma enfasizzaw li l-għajnuna ma setgħet bl-ebda mod tiġi kkunsidrata bħala marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati.

(48)

Il-Kummissjoni osservat li l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż eliġibbli meqjusa għall-għajnuna speċifika mogħtija lil WAM SpA fl-1995 - jiġifieri l-ispejjeż marbuta ma’ kera, assigurazzjoni u faċilitajiet (b’mod partikolari għall-persunal, għamara u tagħmir) - fir-rigward ta’ sede kummerċjali permanenti barra mill-pajjiż, setgħu jiġu kkunsidrati bħala għajnuna għat-twaqqif u l-immaniġġjar ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni.

(49)

Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, l-ispejjeż marbuta ma’ konsulenza fir-rigward tal-istrutturi permanenti barra mill-pajjiż, reklamar u safar fuq xogħol kellhom jitqiesu bħala spejjeż kurrenti marbuta mal-attività ta’ esportazzjoni.

(50)

Fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni stipulat li, f’konformità mal-aħħar paragrafu tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mogħtija illeġittimament (12), meta, fiż-żmien tad-deċiżjoni, il-linji gwida ġew sostitwiti minn Regolament, il-Kummissjoni tqis li, jekk huma aktar favorevoli minn dawk tal-linji gwida, għandhom jiġu applikati r-regoli stabbiliti fir-Regolament. Għalhekk fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni osservat li, f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna “de minimis”, għandhom, fil-prinċipju, jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-trattat KE dwar għajnuna ta’ importanza minuri (“de minimis”) (13) (minn hawn ‘il quddiem: ir-‘Regolament (KE) Nru 69/2001’).

(51)

Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 69/2001 ma kienx jiġi applikat għall-għajnuna favur attività marbuta mal-esportazzjoni, jiġifieri għall-għajnuna mogħtija direttament għall-kwantitajiet esportati bħal fit-twaqqif u l-immaniġġjar ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew għal spejjeż kurrenti oħra marbuta mal-attività ta’ esportazzjoni, kif previst fl-Artikolu 1(a).

(52)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-konformità tal-għajnuna inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet “de minimis”, għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni stipulat li l-linji gwida komunitarji dwar għajnuna mill-Istat lill-SMEs tal-1992 (14) (minn hawn ‘il quddiem: il-linji gwida dwar l-SMEs tal-1992) ma kinux jeskludu espliċitament l-għajnuna għall-esportazzjoni, iżda kienu jiffissaw limitu inferjuri għall-għajnuna “de minimis”, ekwivalenti għal 50 000 ECU.

(53)

Fid-dawl ta’ dan kollu msemmi hawn fuq, fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk l-għajnuna mogħtija lil WAM SpA fl-1995 skont il-liġi 394/81 setgħetx titqies konformi ma’ kwalunkwe regola “de minimis” rilevanti.

(54)

Barra dan, fuq il-bażi ta’ eżami preliminari, il-Kummissjoni kellha dubji serji dwar jekk, skont kwalunkwe dispożizzjoni, l-għajnuna mogħtija lil WAM SpA setgħetx titqies kompatibbli mat-Trattat KE, illum it-Trattat TFUE.

Għajnuna mogħtija lil WAM SpA fl-2000

(55)

Fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni dwar xi aspett speċifiku - bħall-kobor tal-għajnuna u l-ispejjeż eliġibbli - tal-għajnuna lill-“gruppo WAM” (kif fissruh l-awtoritajiet Taljani) mogħtija fl-2000, dejjem taħt forma ta’ self b’imgħax baxx, skont il-liġi 394/81, minħabba li l-awtoritajiet Taljani ma kinux taw l-informazzjoni dwar dan.

(56)

Għalhekk, f’dik il-fażi tal-proċedura, il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta bi preċiżjoni l-għajnuna speċifika. Madankollu, hija esprimiet dubji dwar jekk din - billi għandha l-istess ambitu u billi ngħatat fuq l-istess bażi ġuridika tal-għajnuna mogħtija fl-1995 - setgħetx tiġi kkunsidrata konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, illum TFUE, skont kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti.

(57)

L-awtoritajiet Taljani enfasizzaw ukoll fl-ittra tagħhom tal-24 t’Ottubru 2002 li l-ebda għajnuna ma ngħatat direttament lil “WAM Engineering” u li ma kienet teżisti l-ebda impriża b’dak l-isem fir-reġistru Taljan tal-kumpaniji. Il-Kummissjoni madankollu osservat li, l-ewwel nett, “WAM SpA” kellha 84 % tal-ishma ta’ “WAM Engineering Ltd”. It-tieni nett, hija kienet osservat li l-awtoritajiet Taljani kienu ħabbru, sa mill-ittra tagħhom tal-11 t’Ottubru 1999, li “WAM SpA” kienet ibbenefikat minn self b’imgħax baxx skont il-liġi 394/81, u żiedu, b’ittra tal-21 ta’ Mejju 2002, li l-“gruppo WAM” ngħata self ieħor b’imgħax baxx, skont l-istess liġi, fid-9 ta’ Novembru 2000.

IV.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(58)

Dwar id-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ stħarriġ formali waslu osservazzjonijiet minn parti terza interessata dwar il-każ inkwistjoni li talbet li l-identità tagħha tibqa’ mistura.

(59)

Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-parti terza interessata tapprezza l-isforzi tal-Kummissjoni biex terġa’ ġġib mill-ġdid kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni fis-settur inkwistjoni u tilmenta t-telf ta’ kompetenzi tekniċi u ta’ postijiet tax-xogħol minħabba l-pożizzjoni ta’ WAM SpA fis-suq.

(60)

B’ittra tat-3 ta’ Novembru 2003, l-Italja, infurmata bl-osservazzjonijiet tal-parti terza interessata b’ittra tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2003, indikat, li fl-opinjoni tagħha, dawn l-osservazzjonijiet ma kienu qed ifornu l-ebda kontribut ġdid, minħabba li kienu qed jikkonfermaw biss xi affarijiet li diġà kienu ntqalu dwar dan l-istess każ, saħansitra mill-kwerelant innifsu. B’mod partikolari, l-Italja tqis li ntwera biżżejjed li ma kien hemm l-ebda konnessjoni bejn il-fatti esposti fl-osservazzjonijiet imsemmija hawn fuq u l-finanzjament ta’ WAM SpA skont il-liġi 394/81.

V.   OSSERVAZZJONIJIETN TAL-ITALJA

(61)

Għal dak li għandu x’jaqsam mas-self tal-1995, l-awtoritajiet Taljani pprovdew elementi li jippruvaw li, fil-mument tal-għoti tal-ewwel għajnuna u tal-preżentazzjoni tat-talba korrispondenti, WAM SpA kienet tikkorrispondi, fuq il-bażi tal-bilanċ tagħha għall-1994, għad-definizzjoni ta’ impriża ta’ daqs medju skont il-punt 2.2 tar-regoli dwar l-SMEs tal-1992, minħabba li kienet timpjega 163 ruħ, kellha dħul mill-bejgħ annwali ta’ EUR 16,8 miljun u assi netti totali ta’ EUR 20,1 miljun u, fl-aħħar nett, kienet tirriżulta bħala propjetà ta’ żewġ impriżi li t-tnejn li huma kienu wkoll SMEs. L-istess awtoritajiet Taljani iżda qablu fuq il-fatt li mill-1998, WAM SpA ma kinitx iktar SME u li għalhekk ma kinitx SME lanqas meta ngħatat it-tieni għajnuna (fl-2000).

(62)

Mal-informazzjoni li diġà kellha l-Kummissjoni fil-ħin tal-ftuħ tal-proċedura ma żdied l-ebda element sostanzjali dwar l-ewwel finanzjament, ħlief il-fatt li s-self ingħata lill-benefiċjarju f’aktar minn rata waħda meta mqabbel mar-rati li għalihom il-perjodu ta’ tolleranza seta’ jvarja minn sentejn sa xejn. Fil-kuntratt tal-bidu ma kienet prevista l-ebda dispożizzjoni fir-rigward tar-rata tal-imgħax. Ir-rimborż integrali ta’ dan is-self kien previst għal April 2004.

(63)

Għal dak li għandu x’jaqsam mas-self tal-2000, l-awtoritajiet Taljani ċċaraw, wara l-ftuħ tal-proċedura, b’ittra tal-25 ta’ Lulju 2003, li ċ-ċifra effettiva komplessiva kienet ta’ 3 603 574 689 ITL (ekwivalenti għal EUR 1 861 091,01) u mhux ta’ 1 940 579 808 ITL (ekwivalenti għal bejn wieħed u ieħor miljun EUR), kif huma kienu ddikjaraw qabel b’ittra tal-21 ta’ Mejju 2002 u kif kien indikat fid-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minħabba li din l-aħħar ċifra kienet tirreferi biss għal parti mis-self li kien ingħata ġa, indipendentement miċ-ċifra globali tal-għajnuna mogħtija.

(64)

Fir-realtà, imbagħad tħallsu żewġ rati oħra tal-għajnuna. B’mod partikolari, l-aħħar rata, ekwivalenti għal EUR 248 091,01, tħallset fit-22 ta’ Jannar 2003. Il-kundizzjonijiet tal-għoti tas-self huma l-istess bħal dawk tas-self tal-1995, minħabba li t-tnejn li huma ngħataw skont il-liġi 394/81. L-għoti taċ-ċifra totali tas-self tal-2000 ġie deċiż fid-9 ta’ Novembru 2000 u l-kuntratt ġie ffirmat fl-20 ta’ Diċembru 2000.

(65)

Ġabra tal-ispejjeż eliġibbli meqjusa għall-għajnuna inkwistjoni, mibgħuta mill-gvern Taljan u mehmuża mal-ittra tat-22 ta’ Lulju 2003, qed tidher fit-tabella segwenti:

(f’eluf ta’ EUR)

SPEJJEŻ ELIĠIBBLI

SELF MOGĦTI

STRUTTURA PERMANENTI

Kera u għamara, vetturi

331,27

Spejjeż operattivi (immaniġġjar, tagħmir u persunal)

973,50

Mudelli għall-espożizzjoni

0,87

Formazzjoni

25,24

Konsulenzi

30,29

Subtotal 1

1 361,17

PROMOZZJONI KUMMERĊJALI

Ħażna tal-merkanzija

353,39

Fieri u wirjiet

6,37

Reklamar

42,74

Safar fuq xogħol

94,84

Vjaġġi ta’ klijenti fl-Italja

2,59

Subtotal 2

499,92

Total

1 861,09

(66)

Mid-dokumenti mehmuża mal-ittra tal-14 ta’ Jannar 2004 jidher ċar ukoll li l-programm inkwistjoni kellu jitwettaq fiċ-Ċina bi sħab bejn WAM SpA u “WAM Bulk Handling Machinery Shangai Co Ltd”, impriża lokali b’100 % propjetà ta’ WAM SpA.

(67)

Ġew ikkunsidrati bħala spejjeż eliġibbli l-kera tal-postijiet għall-uffiċċji, l-imħażen, ix-showrooms u l-assistenza teknika (għal erja totali ta’ 7 500 m2), ix-xiri, il-kiri jew il-leasing ta’ 3 vetturi kif ukoll l-ispejjeż tal-persunal tal-kumpanija omm u barra mill-pajjiż (b’mod partikolari direttur tal-bejgħ u sitt tekniki).

(68)

Ir-rata tal-imgħax applikata għas-self speċifiku kienet ta’ 2,32 %, valur ekwivalenti għal 40 % tar-rata ta’ riferiment ta’ 5,8 % fis-seħħ fil-mument tal-għoti tal-għajnuna. Għal darba oħra, ma jirriżultax li l-kuntratt kien jipprevedi modifika fir-rata tal-imgħax matul il-perjodu tas-self. Is-self ingħata lill-benefiċjarju f’aktar minn rata waħda u b’hekk il-perjodu ta’ grazzja jvarja minn sentejn sa xejn.

(69)

Għal dak li għandu x’jaqsam mar-rimborż, mill-informazzjoni mogħtija mill-Italja, jirriżulta li fl-20 ta’ Frar 2003 ntemm il-perjodu ta’ tolleranza ta’ sentejn, li matulu tħallsu biss l-interessi fuq ir-rati tas-self li kienu ġa ngħataw lill-benefiċjarju. Fl-20 t’Awwissu 2003 beda l-perjodu tar-rimborż ta’ 5 snin. Ir-rimborż previst kien lineari, permezz ta’ kwoti ugwali kull semestru u bil-ħlas tal-imgħax fuq il-bilanċ pendenti. Skont il-kalendarju, ir-rimborż kellu b’hekk jitħallas kollu sal-20 ta’ Frar 2008.

(70)

Barra minn hekk, għal dak li għandu x’jaqsam mal-modifika tar-rata tal-imgħax matul il-perjodu tar-rimborż, l-awtoritajiet Taljani sostnew li fl-ambitu tal-kwadru ġuridiku Taljan kienu jeżistu effettivament dispożizzjonijiet ġenerali li kienu jippermettu tali tnaqqis.

(71)

Barra minn hekk, għal dak li għandu x’jaqsam maż-żewġ selfiet, l-awtoritajiet Taljani sostnew li l-ispiża tal-garanzija bankarja obbligatorja mitluba qabel l-għoti tas-self kellha titnaqqas miċ-ċifra tal-għajnuna.

(72)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-esportazzjonijiet ta’ WAM SpA fi u barra mill-UE, ingħataw dawn id-dettalji segwenti:

SENA

ESPORTAZZJONI FL-UE

ESPORTAZZJONI BARRA L-UE

TOTAL TAL- ESPORTAZZJONI

1995

10 237 196

4 477 951

14 715 147

1996

9 338 640

5 592 122

14 930 762

1997

9 974 814

5 813 442

15 788 256

1998

10 780 161

5 346 514

16 126 675

1999

11 885 473

5 276 525

17 161 998

(73)

L-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni li ċ-ċifri relattivi għat-total tal-esportazzjonijiet murija fit-tabella preċedenti jirrappreżentaw bejn 52 % u 57,5 % tal-bilanċ annwali totali ta’ WAM SpA rreġistrat fl-1995 u fl-1999 rispettivament.

(74)

L-awtoritajiet Taljani jirrikonoxxu fl-aħħar nett li l-ebda waħda miż-żewġ selfiet eżaminati ma taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 69/2001 u lanqas taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 (15); huma jsostnu però li l-inċentivi lill-impriżi tal-UE ddestinati għall-finanzjament ta’ programmi li jitwettqu barra mill-UE ma jidħlux fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dak li kien l-Artikolu 87(3) tat-Trattat KE, illum l-Artikolu 107(3) tat-TFUE.

VI.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

Sussistenza ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat TFUE

(75)

Skont l-Artikolu 107(1), tat-TFUE “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, li tfixkel jew li thedded jew tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ‘l ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti għandha, safejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, titqies bħala għajnuna li mhix kompatibbli mas-suq komuni”.

(76)

Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(1), tat-TFUE joħroġ li, biex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, miżura għandha twieġeb għal erba’ kundizzjonijiet speċifiċi: l-ewwel nett, għandu jkun intervent tal-Istat permezz ta’ riżorsi statali; it-tieni nett, dan l-intervent irid jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tal-miżura; it-tielet nett, il-miżura għandha tkun adattata biex ikollha effett fuq l-iskambji bejn Stati Membri u, ir-raba’ nett u fl-aħħar, għandha tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni.

Riżorsi statali u imputabbiltà lill-Istat

(77)

Huwa kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat kull vantaġġ dirett jew indirett, iffinanzjat b’riżorsi pubbliċi u mogħti direttament mill-Istat jew minn organiżmi intermedji li jeżerċitaw il-kompetenzi mogħtija lilhom mill-Istat. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet b’mod ċar ħafna li m’hemmx differenza bejn għajnuna maħruġa direttament mill-Istat u għajnuna maħruġa direttament minn korpi pubbliċi jew privati mwaqqfa mill-Istat għal dan il-għan (16).

(78)

Il-miżuri tal-għajnuna inkwistjoni approvati mill-kumitat skont l-Artikolu 2 tal-liġi 394/81 (17) għal dak li għandu x’jaqsam mas-self tal-1995, u mill-“Comitato agevolazioni” (18) għal dak li għandu x’jaqsam mas-self tal-2000.

(79)

Il-Mediocredito Centrale SpA (19) stipula ma’ WAM SpA l-kuntratt ta’ finanzjament tal-1995 biex tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-kumitat skont l-Artikolu 2 tal-liġi 394/81. SIMESIT SpA (20) stipulat il-kuntratt ta’ finanzjament tal-2000 ma’ WAM SpA biex tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-“Comitato Agevolazioni”.

(80)

F’dan il-każ, l-għajnuna ngħatat permezz ta’ riżorsi statali minn korpi li aġixxew f’isem l-Istat Taljan bl-iskop li jiġu promossi l-attivitajiet ekonomiċi fuq il-bażi ta’ orjentazzjonijiet fformulati mill-Istat u għalhekk - f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja - imputabbli lill-Istat (21).

Vantaġġ selettiv mogħti lil impriża

(81)

Is-self b’imgħax baxx itejjeb s-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju tal-għajnuna, billi jnaqqas spejjeż li kieku jkollu jagħmel għat-twettiq ta’ programmi ta’ penetrazzjoni kummerċjali mingħajr għajnuna finanzjarja min-naħa tal-Istat. Għalhekk, il-miżuri ta’ għajnuna taħt eżami jagħtu vantaġġ selettiv lil WAM SpA fir-rigward tal-kompetituri tagħha fl-UE.

(82)

Minħabba li topera fis-suq tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ trasportaturi elikojdali, elikojdi, filtri tat-trab u valvi għal impjanti industrijali, m’hemm ebda dubju li WAM SpA twettaq attività ekonomika f’dan is-suq u li għalhekk taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ impriża skont il-liġi tal-UE (22).

(83)

Għalhekk, l-għajnuna mogħtija lil WAM SpA tista’ titqies li tat vantaġġ selettiv lil impriża.

Effetti fuq l-iskambji bejn Stati Membri u tgħawwiġ tal-kompetizzjoni

(84)

Fis-sentenza tat-30 t’April 2009, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza (23) li “anki jekk skont iċ-ċirkostanzi li fihom ingħatat l-għajnuna jirriżulta li dan kien fatt li seta’ jaffettwa l-iskambji bejn Stati Membri u jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija marbuta biex għall-inqas tindika dawk iċ-ċirkostanzi fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha”. Madankollu, dejjem skont il-Qorti, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li turi li l-għajnuna kellha effett reali fuq l-iskambji bejn Stati Membri iżda biss li “teżamina jekk l-għajnuna msemmija hijiex kapaċi tħalli effett fuq tali skambji jew tfixkel il-kompetizzjoni” (24). Il-Qorti stabbiliiet ukoll li “l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tagħmel analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni attwali tas-suq inkwistjoni, jew tal-iskambji inkwistjoni bejn Stati Membri, u lanqas li teżamina l-effetti konkreti tad-diversi għajnuniet” sabiex jintwera li l-kundizzjonijiet marbuta mal-effetti fuq l-iskambji u l-kompetizzjoni kienu sodisfatti.

(85)

WAM SpA topera fl-UE u fis-swieq internazzjonali, għandha sussidjarji f’ħafna Stati Membri u tbigħ l-prodotti tagħha fl-Unjoni Ewropea kollha u anke lil hinn minnha. Bejn l-1995 u l-1999, żewġ terzi tal-bejgħ globali tagħha ta’ EUR 10 miljun, kien rappreżentat mill-bejgħ fl-UE u terz mill-bejgħ barra mill-UE. F’dawn is-swieq, WAM SpA topera jew tista’ topera f’kompetizzjoni ma’ kumpaniji oħra fl-UE, li wkoll huma preżenti fis-suq internazzjonali. Kif diġà indikat (ara premessa 34), kien hemm mill-inqas tliet produtturi importanti oħra ta’ filtri tat-trab f’bosta Stati Membri tal-UE li kienu preżenti fis-suq internazzjonali u li minimament setgħu kienu kompetituri potenzjali ta’ WAM SpA fir-rigward tal-esportazzjoni ta’ filtri tat-trab lejn il-Ġappun u ċ-Ċina (25). Dawn l-ażjendi kienu jew setgħu potenzjalment ikunu kompetituri ta’ WAM SpA, minħabba li kieku ddeċidew li jesportaw huma wkoll il-prodotti tagħhom fil-Ġappun jew fiċ-Ċina kienu jsibu ruħhom f’pożizzjoni inizjali ta’ żvantaġġ fir-rigward ta’ WAM SpA, li – biex tkun tista’ tippenetra f’dan is-suq – kienet ibbenefikat mill-għajnuna.

(86)

Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessi 34 u 35, fil-perjodu inkwistjoni WAM SpA kellha sehem kbir tas-suq nazzjonali u Ewropew. Kif indikat fil-premessa 38, hija kienet ukoll preżenti kummerċjalment, permezz ta’ kumpanija sussidjarja, fi Stat Membru ieħor.

(87)

Grazzi għall-għajnuniet mogħtija, WAM SpA saħħet jew setgħet issaħħaħ il-pożizzjoni komplessiva tagħha fis-suq meta mqabbla mal-impriżi ta’ Stati Membri oħra, li huma kompetituri tagħha mhux biss fil-fatt iżda wkoll potenzjali. Skont ġurisprudenza kostanti, fil-fatt, “l-għajnuniet diretti biex itaffu l-ispejjeż ta’ impriżi li din kellha normalment tagħmel tajjeb għalihom fl-ambitu tal-immaniġġjar kurrenti tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha jfixklu fil-prinċipju l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.” (26)

(88)

F’dan il-każ, tliet argumentazzjonijiet oħra jsostnu din il-konklużjoni.

(89)

L-ewwel nett, wieħed seta’ jipprevedi li s-self għall-esportazzjoni mogħtija lil WAM SpA kien se jaltera s-sitwazzjoni normali tal-kompetizzjoni normali fis-suq billi jaġevola lil WAM SpA fl-esportazzjoni effettiva tal-prodotti tagħha lejn is-swieq barranin meta mqabbla mal-kompetituri UE effettivi jew potenzjali tagħha, minħabba li dawn tal-aħħar kien se jkollhom jiffinanzjaw b’fondi tagħhom stess il-programmi tagħhom ta’ penetrazzjoni fis-swieq barranin.

(90)

It-tieni nett, WAM SpA rċeviet għajnuna għat-twettiq ta’ programm ta’ penetrazzjoni, għajnuna li ppermettiet, għalhekk, li hija tiffranka r-riżorsi. Minħabba li WAM SpA investiet fil-penetrazzjoni tas-swieq barranin bil-ħsieb li tesporta lejhom il-prodotti tagħha, dan l-iffrankar ta’ flus seta’ jippermettilha li tesporta barra mill-UE prodotti manifatturati fl-UE u bi prezz inqas jew bil-possibbiltà li tagħmel marġni akbar.

(91)

It-tielet nett, peress li l-flus huma skambjabbli liberament, il-qligħ minn din l-attività seta’ jerġa’ jiġi investit fl-UE. Bħala alternattiva, l-għajnuna finanzjarja rċevuta setgħet teħles lil WAM SpA mit-toqol ta’ spejjeż marbuta mal-penetrazzjoni fis-swieq barranin billi tippermettilha li tuża r-riżorsi b’hekk iffrankati biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-UE għal għanijiet oħra (27). Barra minn hekk, ladarba seħħet l-esportazzjoni lejn dawn is-swieq, il-qligħ minn din l-attività seta’ jiġi investit mill-ġdid fl-UE.

(92)

F’dan il-każ, l-għajnuna rċevuta mill-kumpanija seta’ għalhekk ikollha impatt fuq is-suq tal-UE u effett ta’ tagħwiġ fir-rigward tal-kompetituri ta’ WAM SpA fl-UE.

(93)

Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza kostanti, “minħabba li għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra kompetituri fl-iskambji ġewwa l-UE, dawn għandhom jitqiesu bħala influwenzati mill-għajnuna” (28). Minħabba li - kif diġà ġie spjegat – l-għajnuna mogħtija mill-Italja lil WAM SpA saħħet il-pożizzjoni ta’ tali impriża meta mqabbla mal-kompetituri tagħha kemm effettivi u kemm potenzjali tal-UE, din l-imsemmija għajnuna kellha wkoll impatt fuq l-iskambji ġewwa l-UE.

(94)

Rigward l-ammont tal-għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja stipulat, fil-kawżi Philip Morris vs il-Kummissjoni (29) u Franza vs il-Kummissjoni (30) li l-entità relattivament żgħira ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament modest tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux a priori l-eventwalità li jiġu influwenzati l-iskambji bejn Stati Membri. Fuq il-bażi tal-istess raġunament, fil-kawża Het Vlaamse Gewest vs il-Kummissjoni (31) il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbiliet li “anki għajnuna ta’ entità relattivament żgħira tista’ tħalli impatt fuq l-iskambji bejn Stati Membri jekk […] is-settur li fih topera l-impriża li tgawdi minnha jkun kompetittiv ħafna”. Barra minn hekk, fil-kawża Heiser (32) il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li ma jeżistix limitu jew persentaġġ li taħtu wieħed jista’ jqis li l-iskambji bejn Stati Membri ma ġewx preġudikati.

(95)

Fil-każ eżaminat, għalhekk, iċ-ċifra relattivament modesta tal-għajnuniet ma tikkontradixxix il-konklużjoni li dawn setgħu kellhom impatt fuq l-iskambji ġewwa l-UE u fuq il-kompetizzjoni. Minkejja li ċ-ċifra tal-għajnuna hija pjuttost modesta, meta wieħed iqis il-kompetizzjoni intensa, kemm reali u kemm potenzjali, preżenti fis-settur li fih topera WAM SpA, huwa għall-inqas probabbli li setgħet twassal għal periklu ta’ tagħwiġ u ta’ alterazzjoni tal-iskambji fi ħdan l-UE.

(96)

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet li saru aktar ‘il fuq, wieħed jista’ jikkonkludi li jista’ jkun li l-għajnuna mogħtija lil WAM SpA mill-Italja għandha impatt fuq l-iskambji u tikkawża tagħwiġ fil-kompetizzjoni fis-suq intern.

(97)

Il-konklużjoni hi li l-għajnuna pubblika lil WAM SpA tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Regoli applikabbli

(98)

F’konformità mal-prinċipju tempus regit actum, ħlief f’każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja espliċita, jeħtieġ li għall-għajnuniet mhux notifikati jiġu applikati r-regoli proċedurali fis-seħħ fil-mument li fih għandha tiġi adottata d-deċiżjoni (33).

(99)

Minħabba li r-regoli ta’ eżenzjoni (inklużi r-regoli “de minimis”) jeżentaw ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-obbligu ta’ notifika u jissostitwixxu wkoll is-sistema ċentralizzat ta’ kontroll tal-għajnuniet tal-Istat bis-sistema ta’ kontroll deċentralizzat, dawn ir-regoli huma meqjusa min-natura tagħhom stess bħala proċedurali.

(100)

F’dan il-każ, għalkemm fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Kummissjoni esprimiet dubji rigward il-fatt li l-għajnuna setgħet ibbenefikat minn deroga skont ir-Regolament (KE) Nru 69/2001 u (KE) Nru 70/2001 tal-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġu applikati r-regoli korrispondenti fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 1998/2006 (34). Bl-istess mod, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (35) (minn hawn ‘il quddiem: ir-Regolament dwar Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-2008) japplika għall-għajnuniet individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, jekk l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati mir-Regolament innifsu, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9.

Leġittimità tal-għajnuna

(101)

L-awtoritajiet Taljani ddikjaraw, fl-ittra tagħhom tal-11 ta’ Ottubru 1999, li l-bażi ġuridika tal-għajnuniet mogħtija lil WAM SpA, pprovduta bil-Liġi tad-29 ta’ Lulju 1981, Nru 394, kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim dwar Sussidji u Miżuri ta’ Kumpens (WTO-GATT 1994) (36).

(102)

Il-Kummissjoni tosserva li b’dan, l-awtoritajiet Taljani għandhom il-ħsieb li jiddefinixxu bħala notifika l-komunikazzjoni ta’ xi informazzjoni sintetika għall-aħħar dwar ir-regolament f’tabella mibgħuta lill-Kummissjoni jew għat-trażmissjoni lill-Kumitat tas-Sussidji tad-WTO (WTO Subsidies Committee) jew fil-qafas tar-rapport annwali dwar l-għajnuniet statali fl-Unjoni Ewropea, għall-inqas mis-sitt rapport (1996). Il-Kummissjoni ġie infurmata wkoll bl-eżistenza tar-reġim regolatorju fl-ambitu tal-investigazzjoni tagħha fuq ir-reġimi nazzjonali ta’ għajnuna għall-investimenti barranin diretti barra mill-Unjoni Ewropea fis-seħħ fl-Istati Membri.

(103)

Dawn it-tipi ta’ komunikazzjoni, madankollu, ma jistgħux jitqiesu konformi ma’ dak li hu previst f’dak li kien l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, illum l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, li jistipula li “il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata, fil-ħin sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett sabiex tiġi mogħtija jew sabiex tiġi modifikata għajnuna”.

(104)

Minħabba li ma ġiex notifikat minn qabel lill-Kummissjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal-kompatibbiltà tiegħu mar-regoli dwar għajnuna mill-Istat, ir-reġim ta’ għajnuna msemmi aktar ‘il fuq daħal fis-seħħ bi ksur ta’ dak li kien l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, illum l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, u b’hekk huwa illeġittimu. Minħabba li l-għajnuna lil WAM SpA ngħatat fil-qafas ta’ dan ir-reġim, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna eventwalment eżentata fuq il-bażi dwar Eżenzjoni ta’ Kategorija, anke din għandha titqies bħala illeġittima.

Għajnuniet eżentati skont ir-regoli “de minimis” u kompatibbiltà tal-għajnuna mal-Artikolu 107 tat-TFUE

(105)

Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk hemmx għajnuniet mogħtija lil WAM SpA li jistgħu jiġu eżentati skont ir-regoli “de minimis”.

(106)

Bl-istess mod, minħabba li ġie konkluż li l-miżuri taħt eżami jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, għandha tiġi vvalutata l-kompatibbiltà ta’ tali għajnuniet fid-dawl tar-regoli fis-seħħ dwar għajnuna mill-Istat.

L-ewwel self mogħti lil WAM SpA

(107)

Il-gvern Taljan ipprovda elementi ta’ prova li skont dawn, fil-mument tal-għoti tal-ewwel self (1995), WAM SpA kienet tissodisfa r-rekwiżiti biex tkun meqjusa SME skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE, tat-3 t’April 1996, rigward id-definizzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (37). B’mod partikolari, WAM SpA kienet intrapriża ta’ daqs medju, għaliex kienet timpjega 163 persuna, kellha dħul minn bejgħ annwali ta’ EUR 16,8 miljun u assi netti ta’ EUR 20,1 miljun. Kienet kontrollata minn żewġ soċjetajiet finanzjarji, huma wkoll SMEs skont ir-rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq.

(108)

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tibbaża l-analiżi tagħha fuq l-ispejjeż attwali kkunsidrati għall-għoti tas-self (ara t-tabella fil-premessa 44).

(109)

Jekk wieħed iqis li l-għan tal-kuntratt tal-finanzjament permezz tas-self kien appuntu s-sussidju ta’ programm ta’ penetrazzjoni kummerċjali, u b’mod partikolari s-sussidju ta’ intrapriża esportatriċi f’ambitu ta’ penetrazzjoni kummerċjali barra mill-Unjoni Ewropea, l-għajnuniet eżaminati għandhom jiġu kklassifikati bħala għajnuniet għall-esportazzjoni, fis-sens li huma direttament marbuta mat-twaqqif u t-tħaddim ta’ netwerk tad-distribuzzjoni jew ma’ spejjeż kurrenti oħra marbuta mal-attività ta’ esportazzjoni. Bl-istess mod, l-għan aħħari tal-programm ta’ penetrazzjoni fis-suq kien il-bejgħ tal-prodotti ta’ Wam SpA fis-suq Ġappuniż. Għalhekk, din hija wkoll ir-raġuni għaliex tali għajnuniet ma jistgħux jitqiesu marbuta ma’ investimenti barranin diretti.

(110)

Ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 jeskludi mill-kamp tal-applikazzjoni tiegħu l-għajnuniet għall-esportazzjonijiet. L-Artikolu 1(d) tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, jistabbilixxi fil-fatt li r-Regolament innifsu ma japplikax għal “għajnuna lill-attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, jiġifieri għajnuna marbuta direttament ma’ kwantitajiet esportati, it-twaqqif u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività tal-esportazzjoni”.

(111)

F’kull każ, l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006 jistabbilixxi li l-għajnuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1 tal-istess Regolament għandha tiġi eżaminata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-regolazzjoni, l-orjentazzjonijiet, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti.

(112)

Minħabba li l-għajnuna ngħatat fl-1995, meta kienu fis-seħħ ir-regoli dwar l-SMEs tal-1992, għandhom jiġu applikati tali regoli (38). L-għajnuna għall-esportazzjoni mhijiex espliċitament eskluża mill-kamp tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-SMEs tal-1992. Madankollu, minħabba li f’dan il-każ parti mill-għajnuna taqbeż il-limitu “de minimis” aċċettat (EUR 50 000), l-għajnuna kollha għandha titqies li ma tidħolx fl-eżenzjoni “de minimis” u għal din ir-raġuni meqjusa bħala għajnuna mill-Istat (39).

(113)

Minħabba li ġie stabbilit li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, jeħtieġ li wieħed iqis jekk din tistax tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern skont ir-regoli applikabbli fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat.

(114)

L-Artikolu 44(2), tar-Regolament dwar Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-2008 jistipula li kwalunkwe għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament, li ma tissodisfax la l-kundizzjonijiet tar-regolament u lanqas il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 68/2001 (40), (KE) Nru 70/2001, (KE) Nru 2204/2002 (41) u (KE) Nru 1628/2006 (42) tiġi vvalutata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-regoli, tal-orjentazzjonijiet u tal-komunikazzjonijiet fis-seħħ fid-data ta’ meta ngħatat.

(115)

F’dan il-każ, ir-Regolament dwar Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-2008 ma japplikax, minħabba li jintroduċi element ġdid - il-verifika tal-effett tal-inċentivazzjoni ta’ proġett jew ta’ attività qabel ma jingħata bidu għalih – li l-Italja ma wettqitx. Għalhekk, skont l-Artikolu 8(6) tar-Regolament dwar Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-2008, il-miżura kollha tal-għajnuna mhijiex eżentata fit-tifsir tar-Regolament. Barra minn hekk, l-ispejjeż imsemmija fit-tabella tal-premessa 44 u elenkati fil-premessa 118 ma jistgħux jidħlu fl-eżenzjonijiet ta’ kategorija fuq il-bażi tar-Regolamenti (KE) Nru 68/2001, Nru 70/2001, Nru 2204/2002 jew Nru 1628/2006, minħabba li l-kundizzjonijiet previsti f’dawn ir-regolamenti ma ġewx sodisfatti.

(116)

Minħabba li ebda wieħed minn tali strumenti ma’ jiġġustifika l-kompatibbiltà tal-għajnuna, din għandha tiġi vvalutata fid-dawl tar-regoli dwar l-SMEs tal-1992, li kienu jinkludu r-regoli sostanzjali fis-seħħ fid-data li fiha ngħatat l-għajnuna fl-1995 (43).

(117)

Skont tali regoli, partijiet individwali tal-għajnuna jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq intern. B’mod partikolari, l-għajnuna għas-servizzi ta’ konsulenza (29,43 miljun ITL) u għar-riċerka tas-suq (40,95 miljun ITL) jistgħu jitqiesu kompatibbli minħabba li jirriżultaw konformi mal-punt 4.3 tar-regoli (“Għajnuna għall-konsulenza ażjendali, għall-formazzjoni u t-tixrid tal-għarfien”). L-għajnuna għall-parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet (12,19 miljun ITL) tista’ titqies kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-regoli dwar l-SMEs tal-1992, b’mod partikolari f’konformità mal-punt 4.5 (“Għajnuna b’għanijiet oħra”), minħabba li tista’ titqies bħala għajnuna favur metodi oħra ta’ promozzjoni tal-SMEs, pereżempju miżuri ta’ inkoraġġament għall-kooperazzjoni. Il-bqija tal-għajnuna (ara tabella fil-premessa 44) ma tistax titqies kompatibbli minħabba li ma kinitx diretta biex issostni investimenti produttivi jew xi għan ieħor ammissibbli stipulat bir-regoli dwar l-SMEs tal-1992; ma kinitx fil-fatt għajnuna għall-investimenti inġenerali barra mill-oqsma megħjuna li huma oġġett ta’ programmi nazzjonali ta’ żvilupp jew fi ħdanhom, għajnuna għall-investimenti għall-ħarsien tal-ambjent jew għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp.

(118)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż eliġibbli marbuta mat-twaqqif ta’ strutturi permanenti barra mill-pajjiż, meqjusa mill-gvern Taljan sabiex ingħata l-ewwel self b’imgħax baxx lil WAM fl-1995, ma jistgħu bl-ebda mod jitqiesu bħala maħsuba biex isostnu investimenti produttivi; għall-kuntrarju, hija tal-parir li l-għajnuna li tissussidja tali spejjeż għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-operat. Tali spejjeż eliġibbli – jiġifieri: il-kera tal-postijiet, assigurazzjoni u faċilitajiet oħra (122,56 miljun ITL), spejjeż operattivi bħal dawk għall-persunal, l-għamara u t-tagħmir tal-postijiet (556,94 miljun ITL) – huma spejjeż li l-impriża kellha ġġorr waħedha; l-istess jgħodd għall-mudelli għall-espożizzjoni u għall-partijiet ta’ rikambju għall-assistenza lill-klijenti wara l-bejgħ (38,23 miljun ITL). Bl-istess mod, għal dak li għandu x’jaqsam mal-ispejjeż eliġibbli għas-sostenn tal-promozzjoni kummerċjali, l-ispiża għall-ħażna tal-merkanzija (456,28 miljun ITL) mhijiex konformi, skont il-Kummissjoni, mar-regoli dwar l-SMEs, għaliex mhux meqjus bħala investiment inizjali, l-istess kif ma jirriżultawx konformi l-ispejjeż għar-reklamar (94,39 miljun ITL) u s-safar fuq xogħol (7,52 miljun ITL).

(119)

Fuq il-bażi ta’ tali valutazzjoni, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li:

(a)

il-parti tal-għajnuna marbuta mal-għajnuna għas-servizzi ta’ konsulenza (29,43 miljun ITL) u għall-istudji tas-suq (40,95 miljun ITL), kif ukoll l-għajnuna għall-parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet (12,19 miljun ITL) tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont ir-regoli dwar l-SMEs tal-1992; il-parti tal-għajnuna mhux imsemmija fil-punt a)

(b)

(ara l-premessa 118) tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

It-tieni self mogħti lil WAM SpA

(120)

Fil-mument tal-għoti tat-tieni għajnuna, fl-2000, WAM SpA kienet, kif ammettew l-istess awtoritajiet Taljani, impriża ta’ daqs kbir. Barra minn hekk, hija kienet tinsab f’reġjun mhux megħjun.

(121)

Anki s-self mogħti fl-2000 jista’ jitqies ukoll bħala għajnuna għall-esportazzjoni lil WAM SpA, minħabba li kellu l-istess għan tas-self tal-1995 u li barra minn hekk sar biex jiġu ppenetrati s-swieq barranin u biex issir esportazzjoni f’tali swieq (b’mod aktar preċiż fis-suq Ċiniż). Huwa evidenti li l-għajnuna għall-assistenza teknika, għall-postijiet u għall-persunal barra mill-pajjiż (direttur tal-bejgħ, direttur ġenerali, erba’ ħaddiema u sitt tekniċi) diffiċilment tista’ titqies bħala destinata għal attivitajiet differenti mill-attivitajiet kummerċjali. Għalhekk, għas-self tal-2000 jista’ jiġi applikat l-istess raġunament dwar is-self tal-1995.

(122)

Barra minn hekk, fit-tfassil tal-kuntratt tal-għoti tal-għajnuna fl-2000, intużat l-istess formulazzjoni li tiġġustifika s-self lil WAM SpA bħala inċentiv għall-programmi ta’ penetrazzjoni kummerċjali. Wieħed jinnota wkoll li l-programm speċifiku kellu jitwettaq b’mod konġunt minn WAM SpA u mill-impriża lokali WAM Bulk Handling Machinery Shangai Co Ltd, kumpanija sussidjarja 100 % propjetà ta’ WAM SpA, fatt li jixhed il-preżenza konsolidata tal-istess WAM SpA f’dak is-suq partikolari.

(123)

Minħabba li għajnuna inkwistjoni hija għajnuna għall-esportazzjoni, kif diġà sostnut, ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 ma japplikax.

(124)

Huwa meħtieġ għalhekk li ssir valutazzjoni tal-għajnuna fir-rigward tas-suq intern. Il-Kummissjoni tqis li r-regoli proċedurali fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni, dawk tar-Regolament dwar Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-2008, ma jistgħux japplikaw lanqas f’dan il-każ speċifiku. Dan ir-Regolament fil-fatt jintroduċi element ġdid - il-verifika tal-effett ta’ inċentivazzjoni ta’ proġett jew attività qabel ma din tibda – li l-Italja ma wettqitx. Għalhekk, skont l-Artikolu 8(6), ta’ dan ir-Regolament, il-miżura kollha tal-għajnuna mhijiex eżentata fit-tifsir tar-Regolament dwar Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-2008. B’hekk, skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament dwar Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-2008, għandha tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-għajnuna mar-Regolamenti (KE) Nru 68/2001, (KE) Nru 70/2001, (KE) Nru 2204/2002 u (KE) Nru 1628/2006.

(125)

Il-Kummissjoni tqis li l-ispejjeż tal-formazzjoni mniżżla b’mod dettaljat fl-ittra tat-22 ta’ Lulju 2003 (EUR 25 240, meta mqabbla maċ-ċifra komplessiva tas-self ta’ EUR 1,8 miljun) (ara t-tabella fil-premessa (65)) jistgħu jiġu eżentati skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 68/2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna ddestinata għall-formazzjoni (minn issa ’l quddiem, ir-Regolament (KE) Nru 68/2001) u li għalhekk jirriżultaw kompatibbli mas-suq intern skont dak li kien l-Artikolu 87(3) tat-Trattat tal-KE, illum l-Artikolu 107(3) tat-TFUE, indipendentement mill-fatt li l-valutazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(2) (formazzjoni speċifika) jew fuq l-Artikolu 4(3) (formazzjoni ġenerali).

(126)

Madankollu, il-bqija tal-għajnuna inkwistjoni ma tistax titqies kompatibbli skont ir-Regolamenti (KE) Nru 70/2001, (KE) Nru 2204/2002 u Nru 1628/2006 jew skont bażi ġuridiċi oħra, minħabba li ma tippromwovix ebda għan orizzontali ieħor tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat tat-TFUE, bħar-riċerka u l-iżvilupp, ix-xogħol, l-ambjent jew il-ħarsien u r-ristrutturazzjoni fit-tifsir tad-dixxiplini, l-orjentazzjonijiet u r-regolamenti rilevanti.

(127)

Għalhekk jista’ jiġi konkluż li - minħabba li l-attivitajiet marbuta mal-esportazzjoni ma jidħlux fil-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006 u li ebda bażi ġuridika m’għandha l-fakultà li tistabbilixxi l-kompatibbiltà tagħhom skont l-Artikolu 107(3)(c), tat-TFUE – l-għajnuna mogħtija permezz tat-tieni self mhijiex kompatibbli mas-suq intern ħlief il-parti msemmija, li hi kompatibbli mal-għajnuna għall-formazzjoni.

Osservazzjonijiet ta’ natura ġenerali

(128)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-modifika tar-rata tal-imgħax matul il-perjodu ta’ rimborż tas-self, l-awtoritajiet Taljani jsostnu li fl-ambitu tal-qafas ġuridiku Taljan kienu jeżistu effettivament regoli ġenerali li kienu jippermettu tali tnaqqis. Madankollu, id-Digriet Ministerjali tal-31 ta’ Marzu 2000, li huwa l-uniku bażi ġuridika msemmija f’dan ir-rigward, japplika biss għall-inizjattivi finanzjati skont il-Liġijiet 394/81 u 304/1990, u għalhekk jirriżulta restrittiv ħafna. Barra minn hekk, wieħed għandu jqis li ma ngħatawx provi ulterjuri tal-fatt li r-rata tal-imgħax kienet ġiet modifikata fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni (44).

(129)

Għal dak li għandu x’jaqsam maż-żewġ istanzi ta’ self, l-awtoritajiet Taljani jsostnu wkoll li l-ispiża tal-garanzija bankarja obbligatorja mitluba qabel l-għoti tas-self għandha titnaqqas mill-ammont tal-għajnuna. Il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li tali garanzija, jew l-ekwivalenti tagħha, normalment kienet tintalab anke minn istitut ta’ kreditu privat li jsellef flus skont il-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq. It-tieni nett hija tosserva li mid-dokumenti mehmuża mal-kuntratt jidher li mhijiex permessa s-sovrappożizzjoni ta’ għajnuna dwar l-istess programm, ħlief għall-għajnuna marbuta mal-garanzija, li b’hekk titqies min-naħa tagħha bħala ammissibbli għall-għajnuna.

VII.   OSSERVAZZJONIJIET KONKLUŻIVI

(130)

Il-Kummissjoni tosserva li d-derogi skont l-Artikolu 107(2)(a) sa (c) (45), tat-TFUE ma japplikawx għas-self inkwistjoni, minħabba li dawn ma jsegwu ebda għan minn dawk elenkati fl-imsemmi Artikolu, u lanqas il-Gvern Taljan ma sostna li kien hekk.

(131)

Is-self ma kienx dirett biex jiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni jew biex jippromwovi t-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew jew biex jipprovdi rimedju għal taqlib gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru, u lanqas biex jippromwovi l-kultura jew il-ħarsien tal-patrimonju. Il-Kummissjoni tqis għalhekk li għas-self taħt eżami mhumiex applikabbli la l-Artikolu 107(3)(a) (46), la l-Artikolu 107(3)(b) (47) tat-TFUE, la l-Artikolu 107(3)(d) (48), tat-TFUE.

VIII.   KONKLUŻJONIJIET

(132)

Iż-żewġ selfiet ingħataw lil WAM SpA mingħajr ma ġew notifikati minn qabel lill-Kummissjoni. Is-self tal-1995 ngħata fl-24 ta’ Novembru 1995 u s-self tal-2000 ngħata fid-9 ta’ Novembru 2000. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li, ħlief għall-parti tal-għajnuna li tidħol fl-eżenzjoni ta’ kategorija, minħabba li l-imsemmija selfiet twettqu bi ksur ta’ dak li kien l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, illum l-Artikolu 108(3), tat-TFUE, dawn ingħataw lill-benefiċjarju b’mod illeġittimu.

L-ewwel self mogħti lil WAM SpA

(133)

L-għajnuna li l-Italja tat lil WAM SpA fl-24 ta’ Novembru 1995 taħt forma ta’ miżura ta’ għajnuna fuq ir-rati tal-imgħax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-parti korrispondenti mal-ispejjeż eliġibbli marbuta ma’ servizzi ta’ konsulenza, parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet u studji tas-suq tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern.

(134)

Għal dak li għandu x’jaqsam mas-sussidju komplessiv ekwivalenti tal-għajnuna speċifika, ġie meqjus li s-self ingħata lill-benefiċjarju fi tliet rati (mogħtija fl-24 ta’ April 1996, fit-23 ta’ Lulju 1997 u fl-24 t’April 1998) u li l-perjodu ta’ tolleranza kien jirriżulta għalhekk varjabbli minn sentejn sa xejn. Ġiet meqjusa wkoll ir-rata tal-imgħax stabbilita fil-kuntratt tas-self (4,4 %) meta mqabbel mar-rata ta’ riferiment iffissata perjodikament mill-Kummissjoni (49) fis-seħħ fil-mument tal-għoti tas-self (11,35 %). L-element ta’ għajnuna huwa b’hekk ikkalkulat bħala d-differenza bejn ir-rata tal-imgħax stabbilita fil-kuntratt u r-rata ta’ riferiment fis-seħħ fid-data li fiha ngħata s-self. Fuq il-bażi ta’ dan il-kalkolu, is-sussidju ekwivalenti, attwalizzat fl-24 t’April 1996 (data li fiha tħallset l-ewwel rata tas-self lil WAM SpA), jirriżulta ekwivalenti għal EUR 108 165,10.

(135)

Madankollu, dan l-ammont ta’ għajnuna jrid jiġi rettifikat fuq il-bażi tal-parti kompatibbli mal-għajnuna mill-Istat.

(136)

Minħabba li parti mis-self inkwistjoni tqieset kompatibbli, din għandha titnaqqas mill-komponenti tal-għajnuna mill-Istat relattiva għas-self tal-1995, li kien ekwivalenti għal EUR 108 165,10. Minħabba li hu impossibbli li tiġi stabbilita rabta diretta bejn rata tas-self determinata u spejjeż speċifiċi determinati, ġie applikat għal tali sussidju komplessiv ekwivalenti l-istess perċentwali rappreżentat mill-elementi kompatibbli meta mqabbel mas-self komplessiv (82,57 miljun ITL fuq 1 358,51 miljun ITL, jiġifieri 6 %). Minħabba li 6 % ta’ EUR 108 165,10 huma ekwivalenti għal EUR 6 489,906, wieħed iqis li din l-aħħar ċifra tikkostitwixxi l-parti kompatibbli tal-għajnuna.

(137)

Għalhekk, is-sussidju ekwivalenti tal-parti tal-għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern hija kwantifikabbli f’EUR 101 675,194.

It-tieni self mogħti lil WAM SpA

(138)

L-għajnuna mogħtija lil WAM SpA fl-2000, ħlief għall-parti kompatibbli għas-sostenn tal-attivitajiet ta’ formazzjoni, ekwivalenti għal EUR 25 240 ta’ spejjeż eliġibbli, hija inkompatibbli mas-suq intern.

(139)

F’dan il-każ, is-self ingħata lil WAM SpA f’ħames rati (mogħtija fit-12 ta’ Frar 2001, fit-28 ta’ Settembru 2001, fis-26 t’April 2002, fis-27 ta’ Settembru 2002 u fit-22 ta’ Jannar 2003); b’hekk, bħal fil-każ tal-ewwel għajnuna, il-perjodu ta’ tolleranza jvarja minn sentejn sa xejn. Bl-istess mod, għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti, il-Kummissjoni qieset ir-rata tal-imgħax stabbilita fil-kuntratt tas-self (2,32 %) meta mqabbla mar-rata ta’ riferiment, iffissata mill-Kummissjoni perjodikament, fis-seħħ fil-mument tal-għoti tas-self inkwistjoni (5,70 %). Ir-rimborż komplessiv, li jinkludi l-kapital u l-imgħax, kellu jintemm fl-20 ta’ Frar 2008. Għalhekk, is-sussidju ekwivalenti tal-komponenti tal-għajnuna tas-self sħiħ attwalizzat fit-12 ta’ Frar 2001 (data li fiha tħallset l-ewwel rata lil WAM SpA) huwa ta’ EUR 176 329, fl-ipoteżi li r-rimborżi twettqu f’konformità mal-kalendarju tar-rimborż.

(140)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-parti kompatibbli tas-self, f’dan il-każ għandu jitnaqqas mis-sussidju ekwivalenti tal-għajnuna l-perċentwali tal-parti tas-self kompatibbli meta mqabbla mas-self totali, li tirriżulta ekwivalenti għal 1,35 %. Jekk ir-rimborżi twettqu skont il-kalendarju tar-rimborż, is-sussidju ekwivalenti tat-tieni self jirriżulta għalhekk ekwivalenti għal EUR 173 948,56 (EUR 176 329 – EUR 2 380,44).

(141)

Hija prassi konsolidata tal-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 107 tat-TFUE, li titlob lill-benefiċjarju l-irkupru tal-għajnuna li, f’konformità mal-istess Artikolu, kien ingħata b’mod illeġittimu u jirriżulta inkompatibbli mas-suq intern, bil-kundizzjoni li għajnuna ma tidħolx fil-kamp tal-applikazzjoni tar-regoli “de minimis”. Din il-prassi ġiet ikkonfermata mill-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(142)

Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, mal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata skont deċiżjoni ta’ rkupru għandu jiżdied l-imgħax ikkalkulat fuq il-bażi ta’ rata adegwata stabbilita mill-Kummissjoni. L-imgħax jibda mid-data li fiha l-għajnuna illeġittima tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru, għall-perjodu li fih l-għajnuna kienet għad-dispożizzjoni tal-impriża.

(143)

Il-metodi ta’ applikazzjoni tar-rata tal-imgħax huma spjegati fil-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-Kummissjoni, tal-21 t’April 2004, permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ twettiq tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 dwar il-metodi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (50) (minn hawn ‘il quddiem: ir-Regolament (KE) Nru 794/2004) u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008, tat-30 ta’ Jannar 2008, li jimmodifika r-Regolament (KE) Nru 794/2004 dwar dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 dwar metodi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (51) (minn hawn ‘il quddiem: ir-‘Regolament (KE) Nru 271/2008’).

(144)

Il-Kummissjoni tippreċiża li din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax il-kompatibbiltà tal-qafas nazzjonali rappreżentat mil-liġi 394/81, li hija l-bażi ġuridika tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil WAM SpA, u li għaliha l-Kummissjoni, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (52), ma qisitx meħtieġ, f’dan il-każ, li tibda proċedura. Hija ma teskludix madankollu l-possibbiltà li tibda proċedura f’fażi suċċessiva.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuniet mogħtija lil WAM SpA skont il-liġi 394/81 jidħlu fil-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Tali għajnuniet ma ġewx notifikati minn qabel lill-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, illum l-Artikolu 108(3) tat-TFUE u jikkostitwixxu għalhekk għajnuniet illeġittimi, b’eċċezzjoni tal-parti tal-għajnuna eżentata fuq il-bażi ta’ eżenzjoni għall-kategorija.

Artikolu 2

1.   Iċ-ċifra tal-għajnuna ekwivalenti għal EUR 108 165,10 li l-Italja tat lil WAM SpA fl- 24 ta’ Novembru 1995 taħt forma ta’ għajnuna fuq ir-rati tal-imgħax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-parti ta’ tali għajnuna korrispondenti għall-ispejjeż eliġibbli marbuta ma’ servizzi ta’ konsulenza, parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet u studji tas-suq, ekwivalenti għal EUR 6 489,906 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern.

L-Italja adottat id-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tirkupra mill-benefiċjarju, WAM SpA, iċ-ċifra tal-għajnuna inkompatibbli, ekwivalenti għal EUR 101 675,194.

2.   L-għajnuna li tammonta għall-ekwivalenti ta’ EUR 176 329 li l-Italja tat lil WAM SpA fid-9 ta’ Novembru 2000 taħt forma ta’ miżura ta’ għajnuna fuq l-imgħax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-parti ta’ tali għajnuna korrispondenti għall-ispejjeż eliġibbli rigward il-miżuri ta’ formazzjoni, ekwivalenti għal EUR 2 380,44, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern.

L-Italja tadotta d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tirkupra mill-benefiċjarju, WAM SpA, iċ-ċifra tal-għajnuna inkompatibbli, ekwivalenti għal EUR 173 948,56.

3.   L-imgħax fuq iċ-ċifri li jridu jiġu rkuprati fuq il-bażi ta’ din id-Deċiżjoni huma kkalkulati mid-data li fiha l-għajnuna mill-Istat inkompatibbli tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, WAM SpA, sal-irkupru effettiv.

4.   L-imgħax huwa kkalkulat skont ir-regola tal-imgħax kompost, f’konformità mal-Kap V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 u mar-Regolament (KE) Nru 271/2008 li jemenda r-regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna skont l-Artikolu 2 huwa immedjat u effettiv.

2.   L-Italja tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni preżenti fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha lill-awtoritajiet Taljani.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika tad-Deċiżjoni preżenti, l-Italja tagħti lill-Kummissjoni l-informazzjoni segwenti:

(a)

iċ-ċifra komplessiva (kapital u imgħax) li għandha tiġi rkuprata mill-benefiċjarju, WAM SpA;

(b)

id-deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ġew adottati jew li huma previsti sabiex ikun hemm konformità mad-Deċiżjoni preżenti;

(ċ)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju, WAM SpA, ngħata inġunzjoni biex jirrimborża l-għajnuna.

2.   L-Italja tinforma lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali adottati għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni preżenti sal-irkupru sħiħ tal-għajnuna skont l-Artikolu 2. Hija tittrażmetti immedjatament, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni marbuta mal-miżuri li diġà ġew adottati jew li huma previsti sabiex ikun hemm konformità mad-Deċiżjoni preżenti. Hija tagħti wkoll informazzjoni dettaljata dwar iċ-ċifra tal-għajnuna u tal-imgħax li ġa ġew irkuprati mill-benefiċjarju.

Artikolu 5

Ir-Repubblika Taljana hija destinatarja ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  Mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea; essenzjalment, iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi. Għall-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni, kwalunkwe referenza għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandha tinftiehem bħala referenza għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE, fejn dan ikun xieraq, u r-referenza għall-Qorti tal-Prim’Istanza bħala referenza għall-Qorti.

(2)  C(2003)35 finali (ĠU C 142, 18.6.2003, p. 2).

(3)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 2.

(5)  ĠU L 63, 4.3.2006, p. 11.

(6)  Kawżi magħquda T-304/04 u T-316/04, Repubblika Taljana u Wam SpA vs Kummissjoni, Racc. (2006) p. II-64.

(7)  7. Sentenza tal-Qorti tat-30 t’April 2009, kawża C-494/06 P, Kummissjoni vs Repubblika Taljana u Wam SpA, li għad mhijiex ippubblikata.

(8)  Pereżempju Dce u R-Master (RU), Infa-Stauband Ats (Ġermanja) u Fda (Franza); cfr. The Rise of A District Lead Firm: The Case of Wam (1968-2003), Frar 2009, Recent, Centre for Economic Research (Dipartimento di Economia politica dell’Università di Modena e Reggio Emilia).

(9)  The Rise of A District Lead Firm: The Case of Wam (1968-2003), Frar 2009, Recent, Centre for Economic Research (Dipartimento di Economia politica dell’Università di Modena e Reggio Emilia).

(10)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 9.

(11)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 9.

(12)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.

(13)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30.

(14)  ĠU C 213, 19.8.1992, p. 2.

(15)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 13.

(16)  Ara l-kawża 78/76, Steinike & Weinlig vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Ġabra 1977, paġ, 595, punt 21; kawża 290/83 il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Franċiża, Ġabra 1985, p. 439, punt 14; kawżi magħquda 67/85, 68/85 u 70/85, Kwekerij Gebroeders Van der Kooy BV u oħrajn vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Ġabra 1988, p. 219, punt 35 u kawżi C-305/89, ir-Repubblika Taljana vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Ġabra 1991, p. I-1603, punt 13.

(17)  F’konformità tal-Artikolu 2 tal-liġi 394/81, inħoloq fond fil-Mediocredito Centrale għall-għoti ta’ finanzjamenti b’rata tal-imgħax baxx lill-impriżi esportatriċi għal programmi ta’ penetrazzjoni kummerċjali barra mill-pajjiż. Il-fond huwa amministrat minn kumitat li jiddeċiedi l-għoti tal-finanzjamenti f’konformità mal-liġi. Il-kumitat huwa nnominat b’digriet tal-Ministru tal-kummerċ ma’ barra bi qbil mal-Ministru tat-teżor u l-Ministru tal-industrija, tal-kummerċ u tal-artiġjanat. Il-kumitat, imwaqqaf fil-Ministeru tal-kummerċ ma’ barra, huwa magħmul: a) mill-Ministru tal-kummerċ ma’ barra jew, fuq delega tiegħu, mis-Sottosegretarju tal-Istat, li jippresjedih; b) minn uffiċjal għal kull wieħed mill-Ministeri tat-teżor, tal-industrija, tal-kummerċ u l-artiġjanat, tal-kummerċ ma’ barra u minn tantieħor supplenti tal-istess kwalifika maħtura mill-Ministri rispettivi; (ċ) mid-direttur ġenerali ta’ Mediocredito centrale jew, fil-każ ta’ assenza jew impediment tiegħu, minn delegat tiegħu; (d) mid-direttur ġenerali tal-Istitut nazzjonali għall-kummerċ esteru (ICE), jew, fil-każ ta’ assenza jew impediment tiegħu, minn delegat tiegħu.

(18)  L-Artikolu 1 tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Jannar 1999 jistipula li l-kumitat previst mid-digriet leġiżlattiv tal-31 ta’ Marzu 1998, Nru 143, b’mod partikolari l-Artikolu 25(1), ikun magħmul minn żewġ uffiċjali tal-Ministeru tal-Kummerċ ma’ barra, minn uffiċjal tal-Ministeru tat-Teżor, tal-Bilanċ u tal-Programmazzjoni ekonomika, minn uffiċjal tal-Ministeru tal-Affarijiet esteri, minn uffiċjal tal-Ministeru tal-Industrija, tal-Kummerċ u tal-Artiġjanat minn rappreżentat maħtur mill-Konferenza tal-Presidenti tar-Reġjuni u tal-Provinċji Awtonomi u minn rappreżentant maħtur mill-Associazione Bancaria Italiana.

(19)  Fiż-żmien, ġie mwaqqaf fil-Mediocredito Centrale fond b’riżorsi statali, amministrat mill-kumitat skont l-Artikolu 2 tal-liġi 394/81. B’ittra tas-27 ta’ Diċembru 1995, il-Ministeru tal-Affarijiet barranin talab lil Mediocredito centrale sabiex jistipula (fi żmien tliet xhur) kuntratt ma’ WAM SpA sabiex tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-kumitat skont l-Artikolu 2 tal-liġi 394/81 adottata fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 1995.

(20)  Skont id-digriet leġiżlattiv tal-31 ta’ Marzu 1998 Nru 143 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 25(1), mill-1 ta’ Jannar 1999 l-immaniġġjar tal-interventi ta’ għajnuna finanzjarja għall-internazzjonalizzazzjoni tas-sistema ta’ produzzjoni skont il-liġi 394/81 huwa attribwit lil SIMESIT SpA. SIMESIT SpA huwa korp pubbliku istitwit fl-1990 (liġi Nru 100 tal-24 t’April 1990) mill-gvern Taljan biex jassisti lill-impriżi Taljani f’pajjiżi terzi. L-ażjenda hija kkontrollata mill-gvern Taljan, li għandu 76 % tal-ishma u li jiffissal-orjentazzjonijiet biex jingħażlu l-investimenti li ssostni SIMESIT SpA. Il-kunsill amministrattiv ta’ SIMESIT huwa magħmul minn disa’ membri li ħamsa minnhom huma nominati mill-gvern Taljan.

(21)  Ara l-kawża C-482/99, ir-Repubblika Franċiża vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (Stardust), Ġabra 2002, p. I-4397, punti 55 u 56.

(22)  Ara l-kawża C-41/90, Höfner u Elser, Ġabra 1991, p. I-01979, punt 21.

(23)  Ara l-kawża C-494/06 P, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana u Wam SpA, għad mhux ippubblikata, punti 49 u wara.

(24)  Ara anke l-kawżi C-372/97, l-Italja vs il-Kummissjoni, Ġabra 2004, p. I-3679, punt 52, u C-66/2002, l-Italja vs il-Kummissjoni, Ġabra 2005, p. I-10901.

(25)  The Rise of A District Lead Firm: The Case of Wam (1968-2003), Frar 2009, Recent, Centre for Economic Research (Dipartimento di Economia politica dell’Università di Modena e Reggio Emilia).

(26)  Ara l-kawżi T-459/93, Siemens vs il-Kummissjoni, Ġabra 1995, p. II-1675, punti 48 u 77, T-214/95, Het Vlaamse Gewest vs il-Kummissjoni, Ġabra 1998, p. II-717, punt 43, u T- 217/02, Ter Lembeek vs il-Kummissjoni, Ġabra 2006, p. II-4483, punt 177.

(27)  Fil-kawża T-369/06, Holland Malt vs il-Kummissjoni, li għad mhix ippubblikata, il-Qorti tal-Prim’Istanza stipulat fil-punt 55 dan li ġej: “Mill-ġuriprudenza b’hekk joħroġ b’mod ċar li mhux biss it-tħaffif, permezz ta’ riżorsi statali, tal-ispejjeż marbuta mal-immaniġġjar kurrenti jew l-attivitajiet normali ta’ impriża qiegħed ipso facto biex ifixkel il-kompetizzjoni, iżda wkoll is-sovvenzjoni li teħles, parzjalment jew kompletament, lill-benefiċjarju minn spejjeż ta’ investiment”.

(28)  Ara l-kawżi 730/79, Philip Morris Holland vs il-Kummissjoni, Ġabra 1980, p. 2671, punt 11, C-53/00, Ferring, Ġabra 2001, p. I-9067, punt 21 u C-372/97, Italja vs il-Kummissjoni, Ġabra 2004, p. I-3679, punt 52.

(29)  Ara l-kawża 730/79, Philip Morris vs il-Kummissjoni, Ġabra 1980, p. 2671.

(30)  Ara l-kawża 259/85, Francia vs il-Kummissjoni, Ġabra 1978, p. 4393.

(31)  Ara l-kawża T-214/95, Het Vlaamse Gewest vs il-Kummissjoni, Ġabra 1998, p. II-717, punt 49.

(32)  Ara l-kawża C-172/03, Heiser vs Finanzamt Innsbruck, Ġabra 1998, p. I-1627, punt 32.

(33)  Ara l-kawżi magħquda minn 212/80 sa 217/80, Meridionale Industria Salumi et al., Ġabra 1981, p. 2735; il-kawżi magħquda, CT Control Rotterdam e JCT Benelux vs il-Kummissjoni, Ġabra 1981, p. I-3873, u l-kawża C-61/98, De Haan Beheer, Ġabra 2000, p. I-5003.

(34)  ĠU L 379, 28.12.2006, p. 11.

(35)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(36)  Negozjati multilaterali tal-Uruguay Round (1986-94) - Hemża 1 - Hemża 1 A – Ftehim fuq is-sussidji u l-miżuri ta’ kumpens (WTO-GATT 1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 156).

(37)  ĠU L 107, 30.4.1996, p. 4.

(38)  Ara n-nota f' qiegħ il-paġna nru 12.

(39)  F’konformità mal-prattika konsolidata tal-Kummissjoni. Wieħed jista’ jieħu bħala eżempju d-Deċiżjoni 2003/643/KE tat-13 Mejju 2003 dwar l-għajnuna mill-Istat li għalija r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat eżekuzzjoni favur l-impriżi Kahla Porzellan GmbH u Kahla/Thüringen Porzellan GmbH, (ĠU L 227, 11.9.2003, p. 12).

(40)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20.

(41)  ĠU L 337, 13.12.2002, p. 3.

(42)  ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29.

(43)  Ara n-nota f' qiegħ il-paġna nru 12.

(44)  Tali modifika, fi kwalunkwe każ, setgħet ġiet applikata biss għall-ewwel self b’imgħax baxx mogħti lil WAM SpA, minħabba li kienet tapplika għall-finanzjamenti eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha, filwaqt li t-tieni self ma kienx għandu ngħata lil WAM SpA.

(45)  L-Artikolu 107(2) jistipula li huma kompatibbli mas-suq intern: a) it-tipi ta’ għajnuna ta’ natura soċjali mogħtija lill-konsumaturi individwali, basta dik l-għajnuna tiġi mogħtija mingħajr diskriminazzjoni bażata fuq l-oriġini tal-prodotti konċernati; b) kull għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji; c) l-għajnuna mogħtija lill-ekonomiji ta’ ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja[…].

(46)  “Għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg, kif ukoll tar-reġjuni msemmija fl-Artikolu 349, b’kont meħud tas-sitwazzjoni strutturali, ekonomika u soċjali tagħhom”.

(47)  “Għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew, jew sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”.

(48)  “Għajnuna sabiex tiġi promossal-kultura u l-preservazzjoni tal-patrimonju meta din l-għajnuna ma tolqotx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.

(49)  Ippubblikat regolarment fil-Ġurnal Uffiċjali.

(50)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(51)  ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1.

(52)  Ara l-kawżi T-92/00 u T-103/00, Diputación Foral de Álava vs il-Kummissjoni (Ramondín), Ġabra 2002, p. II-1385.


Top