EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0656

Kawża C-656/15 P: Appell ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-24 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-674/11, TV2/Danmark A/S vs Il-Kummissjoni Ewropea

OJ C 48, 8.2.2016, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/27


Appell ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-24 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-674/11, TV2/Danmark A/S vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-656/15 P)

(2016/C 048/32)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky, T. Maxian Rusche and L. Grønfeldt, bħala aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: TV2/Danmark A/S, Ir-Renju tad-Danimarka, Viasat Broadcasting UK Ltd

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fl-24 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-674/11, TV2/Danmark A/S vs Il-Kummissjoni Ewropea, sa fejn tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE, tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark (1), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonstata li d-dħul mir-reklamar fl-1995 u fl-1996 jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat;

tiċħad it-tielet talba sussidjarja tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fuq il-merti tagħha;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkluż il-kunċett ta’ “kontroll”, u billi naqset milli tipprovdi motivazzjoni adegwata.

Il-punti essenzjali tal-argumenti mressqa mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha huma s-segwenti:

Il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-punti 210 u 211 billi naqset milli tirrikonoxxi li r-riżorsi ta’ TV2 Reklame huma riżorsi tal-Istat minħabba li l-kumpannija TV2 Reklame hija proprjetà tal-Istat. Il-Qorti Ġenerali applikat interpretazzjoni eċċessivament dejqa tal-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat minn impriżi li huma proprjetà tal-Istat.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat interpretazzjoni eċċessivament dejqa tal-kunċett ta’ “kontroll” fl-evalwazzjoni tagħha tal-kontroll mill-Istat fuq ir-riżorsi ta’ TV2 Reklame. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-punt 215 billi interpretat ukoll b’mod dejjaq wisq il-kunċett ta’ “kontroll” fl-evalwazzjoni tagħha tal-kontroll mill-Istat fuq ir-riżorsi f’TV2 Fund.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tas-sentenza PreussenElektra, C-379/98, ECLI:EU:C:2001:160. Din l-interpretazzjoni żbaljata għandha rwol ċentrali fir-raġunament li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata.


(1)  ĠU L 340, p. 1.


Top